Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2017 mir-Repubblika Ċeka mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-20 ta’ Ottubru 2016 fil-Kawża T-141/15, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-4/17 P)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Ċeka (rappreżentanti: M. Smolek, J. Vláčil u J. Pavliš, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

Appell mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Ottubru 2016 fil-Kawża T-141/15, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni (is-“sentenza appellata”) li fiha r-Repubblika Ċeka talbet l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/103 1 , tas-16 ta’ Jannar 2015, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (innotifikata bid-dokument C(2015) 53) (id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn teskludi l-infiq sostnut mir-Repubblika Ċeka għall-perijodu 2010 sa 2012 u li jammonta għal somma totali ta’ EUR 2 123 199.04.

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn teskludi nfiq li jammonta għal total ta’ EUR 2 123 199.04 sostnut mir-Repubblika Ċeka, u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċedura.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 2 , tad-29 ta’ April 2008, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 479/2008”) sa fejn il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regoalment ma kienx ikopri miżuri għall-protezzjoni tad-dwieli kontra l-ħsara kkawżata mill-annimali u/jew mill-għasafar.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 479/2008 u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tiddikjara ċerti miżuri kompletament ineliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni Ewropea u fuq din il-bażi teskludi mill-finanzjament l-infiq kollu sostnut b’rabta ma’ dawn il-miżuri, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea stess eżaminat l-eliġibbiltà ta’ dawn il-miżuri billi evalwat l-abbozz tal-programm ta’ sostenn u ma qajmet ebda oġġezzjoni.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 3 , tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, jew mal-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 4 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, u mal-Artikoli 11 u 16 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006 5 , tal-21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR. Il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi fis-sentenza appellata meta kkonstatat li l-Kummissjoni Ewropea setgħet teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea nfiq marbut ma’ perijodu li matul tiegħu r-Repubblika Ċeka kienet prekluża milli tippreżenta l-fehma tagħha skont il-proċedura stabbilita għall-korrezzjonijiet finanzjarji fil-qasam agrikolu.

____________

1 ĠU 2015 L 16, p. 33

2 ĠU 2008 L 148, p. 1

3 ĠU 2005 L 209, p. 1.

4 ĠU 2013 L 347, p. 549

5 ĠU L 322M , 2.12.2008, p. 162