Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

(Kawża C-669/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Norris-Usher, C. Hermes, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li, billi naqas li jindika s-siti għall-protezzjoni tal-ispeċi phocoena phocoena (denfil iswed) ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1), l-Anness II u l-Anness III tad-Direttiva 92/43/KEE 1 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa;

tiddikjara li bin-nuqqas korrispondenti li jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ network Natura 2000 proporzjonalment għar-rappreżentazzjoni fit-territorju tal-habitats tal-ispeċijiet ta’ denfil iswed (phocoena phocoena) ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas li jwettaq l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 3(2) tal-istess direttiva;

tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Id-denfil iswed (phocoena phocoena) huwa speċi ta’ ċetaċeju akwatiku elenkata fl-Anness II tad-Direttiva Habitats bħala speċi ta’ interess Komunitarju li jeħtieġu n-nomina ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni. Popolazzjoni sinjifikattiva tal-ispeċijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea tinsab fl-ibħra fejn ir-Renju Unit jeżerċita drittijiet sovrani.

Skont l-Artikoli 3(2) u 4(1) kif ukoll skont l-Annessi II u III tad-Direttiva Habitats, l-Istati Membri li jospitaw id-denfil iswed fl-ibħra tagħhom għandhom jipproponu siti għall-protezzjoni tagħhom u, billi jagmlu hekk, jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ network Natura 2000. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-lista ta’ siti proposta għandha tkun eżawrjenti.

Ir-Renju Unit ma pproponiex siti biżżejjed għad-denfil iswed.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.