Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka) fit-30 ta’ Diċembru 2016 – BEI ApS vs Skatteministeriet

(Kawża C-682/16)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Vestre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: BEI ApS

Konvenut: Skatteministeriet

Domandi preliminari

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/49/KE  moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li kumpannija residenti fi Stat Membru li tkun koperta mill-Artikolu 3 tad-Direttiva u, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każ preżenti, tirċievi interessi minn sussidjarja fi Stat Membru ieħor, hija s-“sid benefiċjarju” ta’ dawn l-interessi fis-sens tad-Direttiva?

1.1    Il-kunċett ta’ “sid benefiċjarju” fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/49/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 1(4) tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat skont il-kunċett korrispondenti fl-Artikolu 11 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD tal-1977?

1.2    Jekk id-domanda 1.1 tingħata risposta fl-affermattiv, il-kunċett għandu f’dak il-każ jiġi interpretat biss fid-dawl tal-kummentarju dwar l-Artikolu 11 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD tal-1977 (paragrafu 8), jew jistgħu jiġu inkorporati kummentarji sussegwenti fl-interpretazzjoni, inklużi ż-żidiet magħmula fl-2003 rigward “kumpanniji conduit” (paragrafu 8.1, issa paragrafu 10.1) u ż-żidiet magħmula fl-2014 dwar “obbligi kuntrattwali jew legali” (paragrafu 10.2)?

1.3    Jekk il-kummentarji tal-2003 jistgħu jiġu inkorporati fl-interpretazzjoni, hija f’dak il-każ kundizzjoni sabiex kumpannija titqies li ma hijiex “sid benefiċjarju” fis-sens tad-Direttiva 2003/49/KE li fil-fatt kien hemm allokazzjoni ta’ fondi lil dawk il-persuni li huma meqjusa mill-Istat li fih il-persuna li tħallas l-interessi hija residenti bħala “is-sidien benefiċjarji” tal-interessi inkwistjoni, u – jekk dan huwa l-każ – hija f’dak il-każ kundizzjoni oħra li l-mogħdija effettiva sseħħ f’punt qrib fiż-żmien għall-ħlas tal-interessi u/jew isseħħ bħala ħlas ta’ interessi?

1.3.1    X’importanza għandu f’dan ir-rigward jekk kapital proprju jintuża għas-self, jekk l-interessi inkwistjoni jiddaħħlu fil-kapital (“inkorporati”), jekk ir-riċevitur tal-interessi sussegwentement ikun għamel trasferiment fi ħdan il-grupp lill-kumpannija omm tiegħu li hija residenti fl-istess Stat bl-għan li jiġi aġġustat id-dħul għal skopijiet ta’ taxxa taħt ir-regoli prevalenti fl-Istat inkwistjoni, jekk l-interessi inkwistjoni sussegwentement jiġu kkonvertiti f’kapital fil-kumpannija li tissellef, jekk ir-riċevitur tal-interessi kellu obbligu kuntrattwali jew legali li jgħaddi l-interessi lil persuna oħra?

1.4    X’importanza għandu għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk ir-riċevitur tal-interessi għandux jitqies bħala “sid benefiċjarju” għall-finijiet tad-Direttiva jekk il-qorti tar-rinviju, wara evalwazzjoni tal-fatti tal-każ, tikkonkludi li r-riċevitur – mingħajr ma kien obbligat kuntrattwalment jew legalment li jgħaddi l-interessi rċevuti lil persuna oħra – ma kellux id-dritt “sħiħ” ta’ “użufrutt” fuq l-interessi kif imsemmi fil-Kummentarji tal-2014 fuq il-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-1977?

2.    L-invokazzjoni minn Stat Membru tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva fuq l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali għall-prevenzjoni tal-frodi u l-abbuż, jew tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, tippreżupponi li l-Istat Membru inkwistjoni jkun adotta dispożizzjoni nazzjonali speċifika li timplementa l-Artikolu 5 tad-Direttiva, jew li d-dritt nazzjonali jinkludi dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali dwar il-frodi, l-abbuż u l-evażjoni fiskali li jistgħu jiġu interpretati skont l-Artikolu 5?

2.1    Jekk id-domanda 2 tingħata risposta fl-affermattiv, jista’ l-paragrafu 2(2)(d) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, li jipprovdi li r-responabbiltà limitata għat-taxxa fuq id-dħul mill-interessi ma tinkludix “interessi li huma eżenti mit-taxxa taħt id-Direttiva 2003/49/KE dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties bejn kumpanniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti”, għalhekk jitqies bħala dispożizzjoni nazzjonali speċifika kif imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva?

3.    Dispożizzjoni fi ftehim dwar it-taxxa doppja bejn żewġ Stati Membri u abbozzata skont il-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, skont liema t-tassazzjoni fuq l-interessi tiddependi fuq jekk ir-riċevitur tal-interessi jitqiesx li huwa s-sid benefiċjarju tal-interessi, hija dispożizzjoni konvenzjonali kontra l-abbuż koperta mill-Artikolu 5 tad-Direttiva?

4.    Stat Membru li ma jixtieqx jirrikonoxxi li kumpannija fi Stat Membru ieħor hija s-sid benefiċjarju tal-interessi u jallega li l-kumpannija fl-Istat Membru l-ieħor hija hekk imsejħa kumpannija conduit artifiċjali, huwa obbligat taħt id-Direttiva 2003/49/KE jew taħt l-Artikolu 10 KE li jiddikjara liema dak l-Istat Membru f’dak il-każ iqis li huwa s-sid benefiċjarju?

____________