Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Ġermanja

(Kawża C-668/16)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Hermes, A. C. Becker, D. Kukovec, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2006/40/KE 1 (Direttiva sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja) u taħt id-Direttiva 2007/46/KE 2 (Direttiva Qafas)

billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tistabbilixxi mill-ġdid l-konformità tal-vetturi tat-tip 246, 176 u 117 mat-tipi approvati (Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas)

billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sanzjonijiet (Artikolu 46 flimkien mal-Artikoli 5 u 18 tad-Direttiva Qafas); u

billi laqgħet, fis-17 ta’ Mejju 2013, talba mressqa minn Daimler AG, għall-estensjoni tat-tip ta’ vettura eżistenti 245G għal vetturi li għalihom approvazzjoni tat-tip oħra kienet diġà ngħatat u għal liema japplikaw il-kundizzjonijiet ġodda previsti mid-Direttiva sistemi ta’ kondizzjonament, u b’hekk evitat l-imsemmija direttiva.

Il-Kummissjoni titlob ukoll li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 12 u l-Anness X tad-Direttiva Qafas, l-Istati Membri huma marbuta, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità rigward il-produzzjoni, li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiggarantixxu li l-vetturi prodotti jkunu konformi mat-tip approvat. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva Qafas, fil-każ ta’ diverġenzi tal-vetturi l-ġodda meta mqabbla mat-tipi approvati, għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-istabbiliment mill-ġdid tal-konformità. Il-produzzjoni u l-vetturi l-ġodda ta’ ċerti tipi ta’ Daimler AG ikkompletati huma differenti mit-tipi approvati f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ ċertu refriġerant. L-awtoritajiet Ġermaniżi ma ħadux il-miżuri neċessarji sabiex jistabbilixxu mill-ġdid il-konformità, bi ksur tal-Artikoli 12 u 30 tad-Direttiva Qafas.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi kisru l-Artikolu 46 tad-Direttiva Qafas billi ma adottaw l-ebda sanzjoni kontra l-ksur minn Daimler AG tal-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 18 tad-Direttiva Qafas.

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Ġermaniżi evitaw b’mod illeċitu d-Direttiva sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja billi estendew tip qadim ta’ vetturi għat-tipi ta’ vetturi msemmija hawn fuq.

____________

1 Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 2006, dwar emissjonijiet minn sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja f’vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (ĠU L 161, p. 12).

2 Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Settembru 2007, li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU L 263, p. 1).