Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (ir-Renju Unit) fis-6 ta’ Jannar 2017 – Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs vs DPAS Limited

(Kawża C-5/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

Konvenuta: DPAS Limited

Domandi preliminari

Fid-dawl tal-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”) u tal-interpretazzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha AXA, Bookit II u NEC, l-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

Provvista ta’ servizzi bħal dik imwettqa mill-persuna taxxabbli f’din il-kawża, li tikkonsisti f’istruzzjoni, abbażi ta’ awtorizzazzjoni ta’ debitu dirett, għat-teħid ta’ flus permezz ta’ debitu dirett mill-kont bankarju ta’ pazjent u għat-trasferiment tagħhom mill-persuna taxxabbli, wara t-tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-persuna taxxabbli, lid-dentist tal-pazjent u lill-assiguratur, tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi ta’ trasferiment jew ta’ ħlas eżenti fis-sens tal-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT?

B’mod partikolari, is-sentenzi Bookit II u NEC iwasslu għall-konklużjoni li l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 135(1)(d) ma hijiex applikabbli għal servizz, bħal dak ipprovdut mill-persuna taxxabbli f’din il-kawża, li ma jinvolvix li l-persuna taxxabbli tiddebita jew tikkredita hija stess il-kontijiet li fuqhom hija għandha kontroll iżda li, meta jsir trasferiment ta’ fondi, ikun essenzjali għal dan it-trasferiment? Jew inkella s-sentenza AXA twassal għall-konklużjoni opposta?

2)    Liema huma l-prinċipji rilevanti li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat jekk provvista ta’ servizzi bħal dik imwettqa mill-persuna taxxabbli f’din il-kawża taqax jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ “kollezzjoni tad-debitu [irkupru ta’ djun]” fis-sens tal-Artikolu 135(1)(d)? B’mod partikolari, jekk (kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza AXA fir-rigward ta’ servizz identiku jew simili ħafna) tali servizz jikkostitwixxi rkupru ta’ djun fil-każ li dan jiġi pprovdut lill-persuna li lilha huwa dovut il-ħlas (jiġifieri f’dan il-każ id-dentisti, bħal fil-kawża AXA), dan is-servizz jikkostitwixxi wkoll irkupru ta’ djun jekk tali servizz jiġi pprovdut lill-persuna li hija obbligata tħallas (f’dan il-każ il-pazjenti)?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).