Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fit-30 ta’ Diċembru 2016 – A

(Kawża C-679/16)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: A

Konvenuta: Espoon kaupungin sosiaali- ja terveyslautakunnan yksilöasioiden jaosto

Domandi preliminari

Benefiċċju bħall-għajnuna individwali prevista fil-liġi dwar is-servizzi għall-persuni b’diżabbiltà għandu jitqies bħala benefiċċju tal-mard fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 1 ?

Jekk l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta negattiva, hemm restrizzjoni għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, kif stabbiliti fl-Artikoli 20 u 21 TFUE, meta l-għoti lill-barrani ta’ benefiċċju bħall-għajnuna individwali skont il-liġi dwar il-persuni b’diżabbiltà ma huwiex suġġett għal leġiżlazzjoni partikolari u l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju huma interpretati fis-sens li l-għajnuna individwali ma tingħatax fi Stat Membru ieħor li fih persuna tistudja għal perijodu ta’ tliet snin fl-edukazzjoni għolja bil-ħsieb li tikseb lawrja?

–    Huwa rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni li benefiċċju bħall-għajnuna individwali tista’ tingħata fil-Finlandja għal komun differenti mill-komun fejn tirrisjedi l-persuna inkwistjoni, pereżempju meta din tal-aħħar tkun qed tistudja f’komun ieħor?

–    Id-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 19 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà huma rilevanti għall-eżami tal-kawża fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni?

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-risposta li tagħti għat-tieni domanda preliminari, tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ġiet interpretata fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment, tali restrizzjoni tista’ madankollu tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali relatati mal-obbligu tal-komun li jissorvelja l-organizzazzjoni tal-għajnuna individwali, mal-possibbiltajiet tal-komun li jagħżel modalitajiet ta’ għajnuna xierqa kif ukoll maż-żamma tal-koerenza u tal-effikaċja tas-sistema ta’ għajnuna individwali prevista fil-liġi dwar is-servizzi għall-persuni b’diżabbiltà?

____________

1 Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).