Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fid-19 ta’ Jannar 2017 – Tietosuojavaltuutettu

(Kawża C-25/17)

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Tietosuojavaltuutettu

Konvenuta: Jehovan todistajat -uskonnollinen yhdyskunta

Domandi preliminari

L-eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva dwar id-data personali 1 previsti fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali li jwettqu l-membri ta’ komunità reliġjuża fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb ma jaqgħux taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni? Għall-finijiet tal-eżami tal-applikabbiltà tad-Direttiva, x’importanza għandha tingħata, minn naħa, lill-fatt li huma l-komunità reliġjuża u l-parroċċi tagħha li jorganizzaw l-attività ta’ ppridkar li fil-kuntest tagħha d-data hija miġbura u, min-naħa l-oħra, lill-fatt li din fl-istess ħin hija huwa wkoll prattika reliġjuża individwali tal-membri tal-komunità reliġjuża?

Id-definizzjoni ta’ “sistema ta’ ħażna” msemmija fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva dwar id-data personali, ikkunsidrata fid-dawl tal-premessi 26 u 27 ta’ din id-direttiva, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-data personali kollha (li tinkludi l-ismijiet u l-indirizzi kif ukoll data u kwalunkwe karatteristika oħra dwar persuna) miġbura b’mod mhux awtomatiku fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb deskritt preċedentement

ma tikkostistwixxix sistema ta’ ħażna, peress li ma tirrigwardax sistemi ta’ ħażna jew listi speċifiċi jew sistema oħra ta’ riċerka komparabbli fis-sens tad-definizzjoni mogħtija mil-liġi Finlandiża dwar id-data personali; jew

tikkostitwixxi sistema ta’ ħażna, peress li d-data neċessarja għal użu ulterjuri, fid-dawl tal-għan tagħhom, tista’ tkun is-suġġett ta’ tfittxija faċli fil-prattika u mingħajr spejjeż eċċessivi fis-sens tal-liġi Finlandiża dwar id-data personali?

L-espressjoni “[…] li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali [...]” li tinsab fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar id-data personali għandha tiġi interpretata fis-sens li komunità reliġjuża li torganizza attività li fil-kuntest tagħha hija miġbura data personali (b’mod partikolari billi jitqassam ir-raġġ ta’ azzjoni fost il-predikaturi differenti, billi jkun hemm segwitu tal-attività ta’ dawn il-predikaturi u biż-żamma ta’ reġistru ta’ persuni li ma jixtiqux li dawn jiġu f’darhom) tista’ tiġi kkunsidrata responsabbli mill-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-membri tagħha, anki jekk, skont din il-komunità reliġjuza, huma biss il-predikaturi li għandhom aċċess għad-data rilevanti?

Dan l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar id-data personali għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex il-komunità reliġjuża tiġi kkunsidrata responsabbli mill-ipproċessar, għandu jkun hemm atti speċifiċi oħra adottati minnha, bħal ordnijiet jew istruzzjonijiet bil-miktub, li permezz tagħhom tmexxi l-ġbir tad-data, jew huwa biżżejjed li jista’ jiġi kkunsidrat li hija effettivament f’pożizzjoni li tmexxi l-attività tal-membri tagħha?

It-tielet u r-raba’ domanda jeħtieġu risposta fil-każ biss fejn, fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, id-Direttiva hija applikabbli. Ir-raba’ domanda teħtieġ risposta fil-każ biss fejn, fid-dawl tat-tielet domanda, il-possibbiltà li jiġi applikat l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva lill-komunità reliġjuża ma jistax jiġi kkunsidrat bħala eskluż.

____________

1 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).