Language of document : ECLI:EU:C:2014:2046

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-3 ta’ Lulju 2014 (1)

Kawża C‑302/13

AS flyLAL-Lithuanian Airlines, fi stralċ

vs

VAS “Starptautiskā lidosta Rīga”

u

AS “Air Baltic Corporation”

[Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts (il-Latvja)]

“Regolament (KE) Nru 44/2001 — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ materji ċivili u kummerċjali — Kumpens għad-danni minħabba ksur tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni — Rikonoxximent ta’ miżuri provviżorji u kawtelatorji — Ordni pubbliku”





I –    Introduzzjoni

1.        Il-kawża preżenti toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li, fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2), tikkonkretizza żewġ kunċetti legali fundamentali: dawn huma l-kunċett legali tal-materji ċivili u kummerċjali u dak tal-ordni pubbliku (ordre public).

2.        F’dan il-kuntest, minn naħa tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” jinkludix invokazzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kontra kumpanniji li fihom l-awtoritajiet pubbliċi huma l-azzjonisti maġġoritarji. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ċċarat jekk jistax jiġi miċħud, fid-dawl tal-ordni pubbliku, l-eżekuzzjoni ta’ miżuri protettivi u jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Dritt tal-Unjoni

3.        Il-kuntest ġuridiku primarju ta’ din il-kawża huwa essenzjalment iddeterminat permezz tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (li saru l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE) (3), filwaqt li dak sekondarju huwa ddeterminat permezz tal-Artikoli 1, 22, 34 u 35 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

4.        L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae bil-mod kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.”

5.        It-Taqsima 6 tal-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tipprovdi għal ċerti ġurisdizzjonijiet esklużivi. Skont l-Artikolu 22 tagħha:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

[…]

2.      fi proċedimenti li jkollhom bħala l-obbjettiv tagħhom il-validità tal-kostituzzjoni, in-nullità jew id-dissoluzjoni ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi oħra jew għaqdiet ta’ persuni naturali jew ġuridiċi, jew il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ l-organi tagħhom, il-qrati ta‘ l-Istat Membru li fih il-kumpannija, persuna ġuridika jew għaqda jkollha s-sede tagħhom. […].”

6.        L-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 jirregola r-rikonoxximent ta’ sentenzi ta’ Stati Membri oħra u jipprovdi, f’estratti, li:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta

1.      jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

[…]”

7.        L-Artikolu 35(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, rilevanti wkoll b’rabta mar-rikonoxximent, jipprovdi:

“Aktar minn hekk, sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta [jekk] tmur kontra s-Sezzjonijiet 3, 4 jew 6 ta’ Kapitolu II […]”

B –    Id-dritt Latvjan

8.        Għall-kawża preżenti huma partikolarment rilevanti l-Likums “Par aviāciju” (Liġi dwar l-Avjazzjoni) u d-dispożizzjonijiet tagħha għall-implementazzjoni.

9.        Skont il-Liġi dwar l-Avjazzjoni Latvjana, l-operaturi ta’ inġenji tal-ajru għandhom iħallsu tariffi, fost l-oħrajn, għall-użu tal-ajruporti.

10.      Diversi digrieti bbażati fuq din il-liġi kienu jipprevedu, fil-perijodu kontenzjuż, li t-trasportaturi li jinżlu fl-ajruport ta’ Riga jew li jitilqu minnu jistgħu jibbenefikaw minn tariffi mnaqqsa. L-ammont ta’ dawn it-tariffi kien jiddependi min-numru ta’ passiġġieri li jitilqu minn Riga, ittrasportati mill-impriża matul is-sena.

III – Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11.      Il-kumpannija AS flyLAL-Lithuanian Airlines (iktar ’il quddiem, “flyLAL”) hija trasportatur tal-ajru Litwan, li fil-frattemp tinsab fi stralċ, u li ħassitha żvantaġġata fis-suq tal-provvista ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru fil-konfront ta’ kompetitur, it-trasportatur tal-ajru Latvjan AS Air Baltic Corporation (iktar ’il quddiem, “Air Baltic”). FlyLAL sostniet li ġarrbet telf ekonomiku minħabba s-sitwazzjoni kompetittiva illegali fil-Latvja u l-Litwanja.

12.      Għalhekk, fl-2008 flyLAL fittxet lil Air Baltic u lil VAS Starptautiskā lidosta Rīga (iktar ’il quddiem, “Lidosta Rīga”), kumpannija pubblika li tamministra l-ajruport ta’ Riga, quddiem il-Vilniaus Apygardos Teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius), inter alia, għall-ħlas ta’ danni li jammontaw għal LTL 199 830 000 (4). Ir-rikorrenti bbażat ir-rikors tagħha fuq ksur tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni. Hija sostniet, essenzjalment, li Air Baltic kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fil-kuntest tal-politika ta’ tnaqqis tat-tariffi tal-ajruport Latvjana. It-tnaqqis tat-tariffi mogħti fil-Latvja qiegħed lil Air Baltic, fost l-oħrajn, fil-pożizzjoni li topera fl-Ajruport ta’ Vilnius (ir-Repubblika tal-Litwanja) bi prezzijiet ta’ dumping. Barra minn hekk, l-għoti sistematiku ta’ tnaqqis fuq it-tariffi tal-ajruport kellu jitqies li kien ftehim ipprojbit bejn il-konvenuti.

13.      Qabel l-għoti ta’ sentenza finali fil-kawża prinċipali, b’sentenza tal-31 ta’ Diċembru 2008, il-Lietuvos Apeliacinis Teismas (il-Qorti tal-Appell Litwana) ordnat it-tqegħid taħt sekwestru provviżorju tal-beni ta’ Air Baltic u ta’ Lidosta Rīga bl-ammont tas-somma mitluba (iktar ’il quddiem, “miżuri provviżorji u kawtelatorji”).

14.      FlyLAL imbagħad talbet li r-Rīgas pilsētas priekšpilsētas tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Vidzeme tal-belt ta’ Riga) tirrikonoxxi s-sentenza tal-31 ta’ Diċembru 2008 u l-eżekuzzjoni tagħha fil-Latvja. Din it-talba essenzjalment intlaqgħet fl-ewwel istanza bid-deċiżjoni tad-19 Jannar 2012, u b’hekk is-sentenza tal-31 ta’ Diċembru 2008 ġiet rikonoxxuta u ddikjarata infurzabbli fir-Repubblika tal-Latvja.

15.      Hija issa l-qorti tar-rinviju, l-Augstākās tiesas Senāts (il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Latvja) li għandha tiddeċiedi fuq l-appell ta’ Air Baltic u Lidosta Rīga dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fil-Latvja tas-sentenza tal-31 ta’ Diċembru 2008.

16.      L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, il-kawża għad-danni Litwana, u speċifikament is-sentenza tal-31 ta’ Diċembru 2008, hijiex kawża fil-materja ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001. Jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, it-tieni nett għandu jiġi ċċarat jekk fil-kuntest tal-kawża għad-danni kellhiex tkun diġà affermata ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati Latvjani, kif previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001. F’din l-ipoteżi, it-tielet nett, tqum il-kwistjoni dwar jekk, kif previst fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, l-Augstākās tiesas Senāts kellhiex tiċħad ir-rikonoxximent tas-sentenza tal-31 ta’ Diċembru 2008 minħabba ksur tal-Artikolu 22 tar-regolament iċċitat. Ir-raba’ nett, l-Augstākās tiesas Senāts fl-aħħar nett tistaqsi jekk ir-rikonoxximent tas-sentenza inkwistjoni huwiex konformi mal-ordni pubbliku tar-Repubblika tal-Latvja, fis-sens tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001. Is-sentenza tal-31 ta’ Diċembru 2008, minn naħa, tinkludi biss spjegazzjonijiet sommarji għall-kalkolu tas-somma mitluba, li hija kunsiderevoli. Peress li fil-frattemp inbdew proċeduri ta’ stralċ fir-rigward tal-assi tar-rikorrenti Litwana, min-naħa l-oħra, f’każ ta’ ċaħda sussegwenti tar-rikors, il-konvenuti ma jkollhomx il-possibbiltà realistika ta’ kumpens għad-danni kkawżati lilhom bl-adozzjoni tal-miżura provviżorja u kawtelatorja. B’hekk, ir-Repubblika tal-Latvja, li għandha 100 % u 52.6 % tal-ishma rispettivi tal-konvenuti, tista’ ġġarrab danni kunsiderevoli li jaffettwaw l-interessi ekonomiċi tal-Istat u jheddu s-sigurtà tiegħu.

17.      Huwa f’dan il-kuntest li l-Augstākās tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Kawża li fiha rikorrent jitlob il-kumpens għad-danni u r-rikonoxximent tan-natura illegali tal-aġir tal-konvenuti, f’konnessjoni ma’ ftehim ipprojbit u ma’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u bbażat fuq l-applikazzjoni ta’ atti regolatorji ta’ portata ġenerali ta’ Stat Membru ieħor, għandha titqies fid-dawl tal-fatt li l-ftehim ipprojbit kien null u ineżistenti fil-mument li ġie konkluż, iżda wkoll tal-fatt li l-adozzjoni ta’ atti regolatorji hija attività eżerċitata mill-Istat fil-qasam tad-dritt pubbliku (acta iure imperii), li għaliha tapplika l-immunità ġudizzjarja tal-Istat fir-rigward tal-qrati ta’ Stat ieħor?

2)      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1 (il-kawża hija ċivili jew kummerċjali fis-sens tar-Regolament [Nru 44/2001]), l-azzjoni ‘għad-danni’ għandha titqies bħala proċedura li għandha bħala għan il-validità tad-deċiżjonijet ta’ organi ta’ kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 22(2) tal-imsemmi regolament, fatt li jippermetti li deċiżjoni ma tiġix rikonoxxuta skont l-Artikolu 35(1) tiegħu?

3)      Jekk l-għan tar-rikors għad-danni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(2) (ġurisdizzjoni esklużiva) tar-Regolament, il-qorti tal-Istat li fih qed jintalab ir-rikonoxximent hija obbligata tivverifika l-eżistenza taċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament, fil-każ tar-rikonoxximent ta’ sentenza li tadotta miżuri kawtelatorji?

4)      Il-klawżola ta’ ordni pubbliku li tinsab fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament tista’ tinftiehem fis-sens li r-rikonoxximent ta’ sentenza li tadotta miżuri kawtelatorji tmur kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru, jekk, l-ewwel nett, l-argument prinċipali insostenn tal-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji huwa l-ammont kunsiderevoli tas-somma indikata fir-rikors, li ma kinitx suġġetta għal kalkolu motivat u sostnut minn argumenti u, it-tieni nett, jekk ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ din id-deċiżjoni jista’ jfisser, għall-konvenuti, telf li dawn ma jkollhomx il-possibbiltà, fil-każ ta’ ċaħda tal-azzjoni ‘għad-danni’, li jirkupraw mingħand ir-rikorrenti, kumpannija kummerċjali fi stralċ, fatt li finalment iwassal għal preġudizzju fir-rigward tal-interessi ekonomiċi u għaldaqstant jhedded is-sigurtà tal-Istat li fih qed jintalab ir-rikonoxximent, fid-dawl tal-fatt li r-Repubblika tal-Latvja għandha 100 % tal-azzjonijiet ta’ Lidosta ‘Rīga’ u 52.6 % ta’ dawk ta’ AS ‘Air Baltic Corporation?’”

IV – L-analiżi ġuridika

A –    L-ewwel domanda preliminari

18.      Bl-ewwel domanda preliminari tagħha l-Augstākās tiesas Senāts tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-azzjoni għad-danni Litwana u speċifikament fis-sentenza tal-31 ta’ Diċembru 2008, hijiex kawża f’materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

19.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel għandu jiġi ċċarat l-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” fis-sens tar-Regolament Nru 44/2001. F’dan il-kuntest, għandha tiġi eżaminata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-klassifikazzjoni (fil-parti 1) u l-għarfien miksub għandu jiġu ttraspost għall-kawża prinċipali (fil-parti 2).

1.      Il-kriterji dedotti mill-ġurisprudenza

20.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (5), il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali” għandu jitqies bħala kunċett awtonomu fid-dritt tal-Unjoni, u fir-rigward tiegħu għandhom jiġu kkunsidrati l-għanijiet u s-sistema tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, kif ukoll il-prinċipji legali ġenerali li jirriżultaw mit-totalità tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali (6).

21.      Sa fejn fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni ta’ Brussell (7) ġiet issostitwita bir-Regolament (KE) Nru 44/2001 (8), tibqa’ tapplika l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-imsemmi regolament (9). Dan huwa l-każ fir-rigward tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, li jieħu l-post u jaqdi l-istess funzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (10).

22.      Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq jirriżulta li sentenzi ġudizzjarji jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 abbażi tan-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi eżistenti bejn il-partijiet fit-tilwima jew minħabba s-suġġett tal-imsemmija tilwima (11).

23.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-materja hijiex ċivili u kummerċjali, għandhom għalhekk jiġu eżaminati primarjament il-fatturi karatteristiċi tar-relazzjonijiet ġuridiċi eżistenti bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali (fil-parti 2a) u mbagħad — sabiex jiġi stabbilit is-suġġett tal-kawża prinċipali (fil-parti 2b) — il-fatti li abbażi tagħhom saret it-talba rispettiva kif ukoll il-bażi tar-rikors ippreżentat u l-modalitajiet għall-preżentata tiegħu (12).

2.      Applikazzjoni tal-kriterji żviluppati mill-ġurisprudenza għall-fatti fil-kawża prinċipali

24.      L-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati r-relazzjonijiet ġuridiċi bejn ir-rikorrenti u l-konvenuti fil-proċedura prinċipali, li fl-isfond tagħhom seħħ l-allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni Ewropea, li abbażi tiegħu qed jintalab kumpens għad-danni.

a)      In-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi eżistenti bejn il-partijiet

25.      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, Lidosta Rīga u Air Baltic huma żewġ kumpanniji, ikkonċernati fit-tilwima li tat lok għall-kawża prinċipali, li fihom ir-Repubblika tal-Latvja għandha rispettivament 100 % u 52.6 % tal-azzjonijiet.

26.      Madankollu, dan il-fatt ma jipprekludix l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001. Pjuttost huwa rilevanti jekk ir-relazzjoni ġuridika inkwistjoni hijiex relatata mal-eżerċizzju ta’ kompetenzi ta’ awtorità pubblika (13). Jekk dan ma jkunx il-każ, huwa possibbli li s-sitwazzjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

27.      Din il-kwistjoni dwar ir-relazzjonijiet ġuridiċi eżistenti bejn il-partijiet fil-proċedura prinċipali ser tiġi eżaminata iktar ’il quddiem.

i)      Ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn flyLAL u Air Baltic

28.      Fir-rigward tar-rabta ġuridika bejn flyLAL u Air Baltic, il-kwistjoni ma teħtieġx kunsiderazzjonijiet iktar estensivi fid-dawl tan-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi tagħhom.

29.      Iż-żewġ kumpanniji huma fornituri fis-suq għas-servizzi tat-trasport bl-ajru u jitolbu s-servizzi tas-suq tal-provvisti ta’ servizzi ta’ ajruporti. F’dawn l-attivitajiet, l-ebda waħda mill-partijiet fil-kawża ma teżerċita prerogattivi ta’ awtorità pubblika fil-konfront tal-oħra, li jmorru lil hinn minn dak li l-individwi huma intitolati għalih (14).

ii)    Ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn flyLAL u Lidosta Rīga

30.      Madankollu lanqas ir-relazzjoni ġuridika bejn flyLAL u Lidosta Rīga ma hija kkaratterizzata mill-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika.

31.      L-użu tal-ajruport ta’ Riga minn flyLAL bi ħlas ta’ tariffi tal-ajruport huwa l-qofol ta’ din ir-relazzjoni ġuridika. Tali servizzi tal-ajruport jikkonsistu essenzjalment fl-immaniġġar tal-flussi ta’ inġenji tal-ajru, ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija. Fir-rigward tal-utenti tal-ajruport, bis-sehem ta’ 100 % fis-sussidjarja tagħha Lidosta Rīga u permezz tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tal-ajruport fl-ajruport ta’ Riga, ir-Repubblika tal-Latvja għalhekk taġixxi fil-livell tad-dritt privat (15). Kull operatur ekonomiku privat ieħor, bħal operatur ta’ ajruport privat, jista’ jipprovdi dawn is-servizzi bl-istess mod (16).

32.      Din il-konklużjoni ma hija bl-ebda mod mibdula bil-fatt li fir-rigward tas-sistema tal-ħlas u b’mod partikolari l-għoti u n-nuqqas ta’ għoti ta’ tnaqqis, Lidosta Rīga hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet legali ta’ applikazzjoni ġenerali tar-Repubblika tal-Latvja. Dan l-obbligu jikkonċerna fil-fatt ir-rabta bejn ir-Repubblika tal-Latvja bħala azzjonista u Lidosta Rīga bħala s-sussidjarja tagħha b’100 % u ma jaffettwax ir-rabta bejn Lidosta Rīga u flyLAL bħala utenti tas-servizzi tal-ajruport.

33.      Lanqas ma huwa rilevanti jekk Lidosta Rīga hijiex libera li tuża d-dħul mit-tariffi miġbura kif jidhrilha hi, jew jekk f’dan ir-rigward hijiex suġġetta għal regoli legali. Fil-fatt, dawn il-kunsiderazzjonijiet lanqas ma jaffettwaw in-natura tar-relazzjoni ġuridika tagħha ma’ utenti tal-ajruport bħal flyLAL, iżda jaffettwaw ir-relazzjonijiet ġuridiċi, distinti, bejn Lidosta Rīga u l-azzjonista tagħha, ir-Repubblika tal-Latvja.

34.      Is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hija għalhekk differenti mill-fatti fis-sentenza LTU (17). Huwa minnu li dak il-każ kien jittratta tariffi għal servizzi li kienu pprovduti fir-rigward tat-trasport bl-ajru, iżda konkretament ma kien hemm ebda ħlas għall-użu ekonomiku tal-ajruport. Minflok, dawk kienu tariffi għal navigazzjoni ta’ rotot li kienu jitħallsu għall-provvista ta’ servizzi ta’ sigurtà fl-ajru minn organizzazzjoni internazzjonali ta’ monitoraġġ tal-ajru, jiġifieri għal interessi li jaqgħu min-natura tagħhom taħt l-awtorità pubblika, bħall-kontrolli u s-sorveljanza tal-ispazju tal-ajru (18).

35.      Bis-sempliċi referenza għal dawk it-tariffi għal navigazzjoni ta’ rotot, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat l-eżistenza ta’ “rabta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika” (19) fil-Kawża LTU. B’mod differenti mill-każ preżenti, fis-sentenza LTU kienu jeżistu elementi karatteristiċi ta’ relazzjoni ta’ subordinazzjoni, li kienu jindikaw l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika.

36.      Din id-distinzjoni, li saret bl-għan li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “materji ċivili u kummerċjali”, bejn il-provvista ta’ servizzi ta’ sigurtà fl-ajru assoċjati mal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, minn naħa, u l-ftuħ ta’ suq għall-provvista ta’ servizzi ta’ ajruport, min-naħa l-oħra, hija wkoll konformi ma’ kunsiderazzjonijiet simili tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni.

37.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha tittratta l-klassifikazzjoni ta’ attivitajiet ta’ korp ta’ tmexxija ta’ ajruport f’ċerti deċiżjonijiet. Hija kienet waslet għall-konklużjoni konsistenti li l-offerta ta’ “servizzi ta’ ajruport bi ħlas miksub [...], b’mod partikolari, mit-tariffi tal-ajruport” hija attività ekonomika u għalhekk fil-prinċipju għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni (20). F’dan ir-rigward la huwa rilevanti jekk l-istituzzjoni inkwistjoni għandhiex status privat jew pubbliku, u lanqas il-kapaċità tal-attività li tirrendi qligħ (21).

38.      Bejn id-delimitazzjoni, rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, bejn relazzjoni ġuridika kkaratterizzata mid-dritt privat u relazzjoni kkaratterizata mill-awtorità pubblika, minn naħa, u d-delimitazzjoni bejn attività ekonomika u attività ta’ awtorità pubblika fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, mhux biss hemm xebh terminoloġiku, iżda wkoll, b’mod intrinsiku, relazzjoni reċiproka li tiġġustifika l-użu ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni konkordanti. Hija din il-premessa li tiggwida manifestament lill-Qorti tal-Ġustizzja meta hija tirreferi fis-sentenza tagħha SAT Fluggesellschaft, dwar id-dritt tal-kompetizzjoni, għas-sentenza LTU (22). Minn dan jista’ jiġi konkluż li l-istabbiliment tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 jiġi evalwat bl-istess standards li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat għall-kriterju tal-attività ekonomika fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni. Inkella, jekk tiġi miċħuda n-natura ta’ materja ċivili u kummerċjali ta’ attività oriġinarjament ekonomika, jirriżultaw evalwazzjonijiet kontradittorji li jkun diffiċli li jiġu spjegati.

39.      Għalhekk, anki n-natura tar-relazzjoni ġuridika ta’ Lidosta Rīga mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma hijiex affettwata mill-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, iżda, peress li hija essenzjalment tikkonċerna l-provvista ta’ servizzi ta’ ajruport bi ħlas, għandha n-natura ta’ dritt privat ekonomiku.

b)      Is-suġġett tat-tilwima

40.      Il-punti li ġejjin huma ddedikati għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk is-suġġett tat-tilwima jikkonfermax huwa wkoll ir-riżultati miksuba f’dak li jirrigwarda n-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet.

41.      L-ewwel nett għandu jiġi nnotat li, kif jenfasizzaw il-Gvern tar-Repubblika tal-Latvja u Lidosta Rīga, fid-dawl tal-informazzjoni ppreżentata mill-qorti tar-rinviju, huwa leċitu li jkun hemm dubji dwar l-eżistenza ta’ ftehim antikompetittiv għad-detriment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u li lanqas ma jidher li hija stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti minn Lidosta Rīga minħabba li hija suġġetta għar-regoli legali imposti mill-Istat Litwan (23). F’din il-kawża, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, iżda pjuttost is-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali li huwa fil-qalba tat-talba għal kumpens għad-danni minħabba ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, sabiex jiġi stabbilit jekk jikkonċernax materja ċivili u kummerċjali (24).

42.      Il-fatti li abbażi tagħhom saret it-talba inkwistjoni huma għaldaqstant deċiżivi għall-evalwazzjoni tas-suġġett tat-tilwima. Jekk it-talba magħmula oriġinat mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, din ma hijiex materja ċivili u kummerċjali (25). Madankollu, mhux kull rabta mal-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika hija suffiċjenti. Minflok, dak li huwa deċiżiv huwa l-fatt li dak l-aġir konkret li jwassal għat-talba jkun jikkostitwixxi eżerċizzju tal-awtorità pubblika (26).

43.      In-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet diġà eżaminati, u li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors għal kumpens għad-danni, diġà turi li l-każ preżenti ma jikkonċernax eżerċizzju ta’ awtorità pubblika. Din il-konstatazzjoni la tista’ tiġi kkontestata mill-fatt li r-rikorsi għal kumpens għad-danni minħabba ksur tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni jaqgħu purament taħt id-dritt tal-Unjoni (fil-punt i), u lanqas permezz taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ preżenti, u b’mod partikolari l-involviment ta’ strutturi Statali (fil-punt ii).

i)      Applikabbiltà tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 għal rikorsi għal kumpens għad-danni bbażati fuq id-dritt tal-kompetizzjoni?

44.      Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin huma ddedikati l-ewwel nett b’mod ġenerali għas-sitwazzjoni ġuridika u għall-kuntest normattiv ta’ rikorsi għal kumpens għad-danni bbażati fuq id-dritt tal-kompetizzjoni. Sussegwentement, is-suġġett tal-kawża prinċipali ser jiġi evalwat fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

–       Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-membri ta’ akkordju bħala prinċipju ġenwin tad-dritt tal-Unjoni

45.      Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-membri ta’ akkordju u/jew ta’ impriżi f’pożizzjoni dominanti fis-suq li jabbużaw mis-setgħa tagħhom fis-suq tikkostitwixxi prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta direttament mid-dritt primarju (27).

46.      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi li l-Artikolu 81 KE kien jipproduċi effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u kien joħloq direttament drittijiet għall-partijiet fil-kawża (28), u li l-effettività tal-projbizzjoni stabbilita f’dawn id-dispożizzjonijiet tkun kompromessa jekk mhux kulħadd ikun jista’ jitlob kumpens għad-danni kkawżati lilu minn kuntratt jew minn aġir li jista’ jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (29).

47.      Anki jekk, sal-ġurnata tal-lum, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-opportunità li tiddeċiedi dwar dan, ma jistax ikun hemm dubju serju li dan japplika wkoll għad-dispożizzjoni ċentrali l-oħra tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni, jiġifieri l-Artikolu 82 KE.

–       L-azzjonijiet għall-kumpens korrispondenti huma bħala prinċipju kawżi fil-materji ċivili u kummerċjali

48.      Bħala prinċipju, mil-lat tad-dritt Ewropew tal-proċedura ċivili, l-azzjonijiet għal kumpens kontra impriżi li jkunu kisru l-Artikoli 81 KE u/jew 82 KE huma kawżi fil-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 (30). Il-Kummissjoni Ewropea reġgħet enfasizzat dan, reċentement, fil-proposta tagħha għal direttiva ta’ applikazzjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni (31).

ii)    L-ebda evalwazzjoni differenti minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża

49.      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, jiġifieri s-sjieda pubblika tal-kumpanniji konvenuti għall-kumpens għad-danni kif ukoll, b’mod partikolari, il-fatt li l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni allegatament irriżulta minn dispożizzjonijiet legali tal-Istat tal-Latvja, għandu madankollu jiġi eżaminat jekk tistax tinżamm ukoll din il-klassifikazzjoni tad-dritt privat f’dan il-każ.

50.      Jiena tal-fehma li din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Dan minħabba dawn iż-żewġ kunsiderazzjonijiet:

–       L-unità tad-dritt tal-Unjoni

51.      Kif diġà ġie spjegat fil-punt 38, għandhom jintużaw l-istess kriterji għad-delimitazzjoni bejn ir-relazzjoni ġuridika kkaratterizzata mid-dritt privat u relazzjoni kkaratterizzata mill-awtorità pubblika, f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 bħal dawk li jintużaw fid-delimitazzjoni bejn attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet ta’ awtorità pubblika tal-impriżi fis-sens tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

52.      Fil-każ preżenti, dan huwa marbut ukoll mal-kwistjoni tas-suġġett tat-tilwima, li fl-aħħar mill-aħħar huwa jekk l-att li wassal għat-talba kienx jikkostitwixxi eżerċizzju tal-awtorità pubblika (32), biex tiġi miċħuda influwenza karatteristika tal-awtorità pubblika. L-ewwel nett, fil-fatt, l-aġir ikkostitwit mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u li wassal għat-talba, f’dan il-każ il-ġbir ta’ tariffi tal-ajruport minn Lidosta Rīga, huwa relatat direttament mal-attività ekonomika tal-impriża inkwistjoni, jiġifieri l-operat ta’ ajruport. It-tieni nett, l-Artikoli 81 KE u 82 KE, invokati insostenn tat-talba, jistgħu jkunu rilevanti biss jekk l-impriża responsabbli għall-kumpens għad-danni ma tkunx topera fil-kwalità ta’ awtorità pubblika, iżda bħala operatur ekonomiku.

53.      Minn dan diġà jirriżulta li r-rikors għad-danni pendenti (u l-miżuri provviżorji) għandu jkun jikkonċerna materja ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

54.      Anki l-fatt li mill-perspettiva tal-konvenut, iċ-ċirkustanza li tiġġustifika t-talba ma hijiex relatata biss mal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, iżda hija wkoll inkorporata fil-kuntest tal-Att dwar l-Avjazzjoni nazzjonali, ma twassal għall-ebda riżultat differenti. Dan ir-rikors għad-danni huwa dirett lejn dak li ser jiġi konklużivament eżaminat iktar ’il quddiem, jiġifieri, mhux kontra l-leġiżlazzjoni Latvjana, u għalhekk mhux kontra l-hekk imsejħa acta iure imperii.

–       Ir-rikors għad-danni ma huwiex dirett kontra acta iure imperii

55.      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-qorti tar-rinviju hija manifestament tal-fehma li bir-rikors tagħha għad-danni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkontesta, fl-aħħar mill-aħħar, il-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Latvja.

56.      F’dan il-kuntest, għandu l-ewwel nett jiġi nnotat li r-responsabbiltà ta’ Stat għal acta iure imperii fil-fatt ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001. Il-verżjoni l-ġdida ta’ dan ir-regolament, applikabbli mill-10 ta’ Jannar 2015, issa tikkjarifika dan l-att legali f’dan ir-rigward (33).

57.      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li minħabba l-prinċipju ġeneralment rikonoxxut tal-immunità sovrana, par in parem non habet imperium, Stat ma jistax ikun suġġett għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat ieħor għal acta iure imperii (34).

58.      Madankollu, id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju, fil-fehma tiegħi, ma humiex konvinċenti.

59.      L-ewwel nett, ir-rikors pendenti fil-proċedura fil-kawża prinċipali Litwana ma huwiex intiż għal stħarriġ ġudizzjarju, iżda biss għall-ksib ta’ kumpens għal telf subit minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Għalkemm it-tendenza dejjem tikber li jsiru rikorsi għad-danni taħt id-dritt applikabbli għall-akkordji, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat diversi drabi, tikkontribwixxi bis-sħiħ għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (35), u għaldaqstant, tkun ukoll fl-interess tal-kollettività, rikors għad-danni kontra impriża jew diversi impriżi kummerċjali privati taħt sjieda pubblika ma jikkostitwixxix proċedura għal stħarriġ tal-atti ġuridiċi tal-Istat. Dan japplika wkoll meta l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni inkwistjoni kien affettwat, indirettament f’kull każ, minn atti ġuridiċi tal-Istat, bħal fil-każ preżenti, fil-forma ta’ leġiżlazzjoni Latvjana dwar it-tariffi tal-ajruport.

60.      It-tieni nett, id-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-Artikolu 81(2) KE mill-qorti tar-rinviju lanqas ma twassal għal evalwazzjoni differenti.

61.      Il-fatt li ksur tal-projbizzjoni tal-akkordji kif previst fl-Artikolu 81(2) KE jwassal ukoll għan-nullità tal-ftehim antikompetittiv, jikkonċerna biss il-ftehim speċifiku nnifsu, jiġifieri l-ftehim li jirregola r-relazzjoni ekonomika bejn Lidosta Rīga u Air Baltic, iżda bl-ebda mod ma jikkonċerna l-leġiżlazzjoni Latvjana li allegatament influwenzat indirettament il-ftehim. Jekk din il-leġiżlazzjoni tirriżulta li hija effettivament inkompatibbli mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni tista’, fil-fatt, tipprekludi l-applikabbiltà tagħha. Madankollu, din is-sitwazzjoni ma hijiex il-konsegwenza diretta tar-rikors għad-danni.

62.      Il-konsegwenza awtomatika tan-nullità fis-sens tal-Artikolu 81(2) KE, ma tirrendix, f’kull każ, rikors għad-danni suġġettiv proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju oġġettiv tal-leġiżlazzjoni tal-Istat.

3.      Konklużjoni intermedja

63.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li tilwima dwar miżuri provviżorji bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha trasportatur tal-ajru privat iressaq talba, fost l-oħrajn, għal kumpens għad-danni minħabba allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, fil-konfront ta’ impriża miżmuma minn awtorità pubblika, li tippermettilu juża l-ajruport bi ħlas ta’ tariffi tal-ajruport, hija kawża fil-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, anki jekk it-tariffi tal-ajruport u kwalunkwe tnaqqis applikat fuq dawn it-tariffi jkunu rregolati minn dispożizzjonijiet nazzjonali.

B –    Fuq it-tieni u t-tielet domandi preliminari

64.      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi preliminari tagħha, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk azzjoni għad-danni bbażata fuq id-dritt applikabbli għall-akkordji, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax titqies bħala proċedura li għandha bħala suġġett il-validità ta’ deċiżjonijiet ta’ korpi ta’ kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001. Jekk dan huwa l-każ, hija tixtieq tkun taf ukoll jekk, meta l-proċedura prinċipali titressaq quddiem qorti oħra li ma tkunx dik li hija kompetenti taħt l-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, l-Artikolu 35(1) flimkien mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 jipprekludux ukoll ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni ta’ din il-qorti l-oħra mogħtija dwar miżuri provviżorji u kawtelatorji.

65.      Ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fin-negattiv u għalhekk ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.

66.      Dan minħabba li s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali u tal-proċedura għal miżuri provviżorji, inkwistjoni fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, huwa essenzjalment talba għad-danni tar-rikorrenti, u mhux “il-validità tal-kostituzzjoni, in-nullità jew id-dissoluzjoni ta’ kumpanniji […] jew il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ l-organi tagħhom” fis-sens tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

67.      Bit-talba tagħha ta’ kumpens għad-danni, ir-rikorrenti qed tikkontesta indirettament ukoll il-politika tariffarja ta’ Lidosta Rīga, li, għalkemm hija predeterminata permezz ta’ dispożizzjonijiet legali, fl-aħħar mill-aħħar setgħet tkun espressa wkoll fid-deċiżjonijiet tal-azzjonisti ta’ Lidosta Rīga jew tal-bord tad-diretturi tagħha.

68.      L-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 għandu madankollu n-natura ta’ dispożizzjoni derogatorja u, għalhekk, għandu jiġi interpretat b’mod strett. L-għan tiegħu huwa li jikkonċentra l-ġurisdizzjoni fis-sede tal-kumpannija biss għar-rikorsi li jikkonċernaw direttament it-tilwimiet elenkati b’mod eżawrjenti f’din id-dispożizzjoni. Peress li, madankollu, il-każ preżenti ma jittrattax rikorsi għal kontestazzjoni jew għal annullament diretti kontra deċiżjoni, għaliex l-ebda deċiżjoni konkreta ma tidher li ġiet lanqas indikata jew ikkontestata fil-proċedura prinċipali, l-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 ma tantx huwa rilevanti f’dan il-każ, l-istess bħall-Artikolu 35 tal-istess regolament, sa fejn dan jagħmel referenza għall-Artikolu 22.

69.      Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li azzjoni għad-danni bħal dik fil-kawża prinċipali ma hijiex proċedura li għandha bħala suġġett il-validità tad-deċiżjonijet ta’ korpi ta’ kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

C –    Fuq ir-raba’ domanda preliminari

70.      Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, l-Augstākās tiesas Senāts essenzjalment tistaqsi jekk ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar miżuri provviżorji u kawtelatorji jmurx kontra l-ordni pubbliku ta’ Stat Membru meta, l-ewwel nett, l-ammont sostanzjali ggarantit permezz tas-sekwestru provviżorju ma jkunx immotivat, u t-tieni nett, ikun jeżisti periklu ta’ danni irreparabbli, li jaffettwa l-interessi ekonomiċi tal-Istat li fih jintalab ir-rikonoxximent, u konsegwentement jikkomprometti serjament is-sigurtà ta’ dan l-Istat.

1.      Il-klawżola tal-ordni pubbliku fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

71.      L-ewwel nett għandu jiġu nnotat li l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, skont ġurisprudenza stabbilita (36), għandu jiġi interpretat b’mod strett, peress li jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan ir-regolament (37). Għalhekk, il-klawżola ta’ ordni pubbliku inkluża f’din id-dispożizzjoni tista’ tkun rilevanti biss f’każijiet eċċezzjonali (38).

72.      Għalkemm f’dan il-kuntest, bis-saħħa tar-riżerva prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, l-Istati Membri, bħala prinċipju, huma liberi li jiddeterminaw huma stess, skont il-kunċetti nazzjonali tagħhom, l-eżiġenzi tal-ordni pubbliku tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu taħt l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament (39). Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru, iżda hija għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru tista’ tuża dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix deċiżjoni maħruġa mogħtija minn Stat Membru ieħor (40). Ġeneralment, il-qorti tal-Istat Membru mitlub ma tistax tistħarreġ l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ liġi jew ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini (41).

73.      Għalhekk, għandu jsir użu mill-klawżola tal-ordni pubbliku prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, fil-każ biss li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor jippreġudika prinċipju fundamentali u, għaldaqstant, jikser b’mod inaċċettabli l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru li fih tintalab l-eżekuzzjoni. Il-preġudizzju għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali meqjusa bħala essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku (42).

74.      Fi kwalunkwe każ, qorti nazzjonali ma taqbiżx għaldaqstant il-limiti li japplikaw għaliha għar-rikonoxximent ta’ ksur tal-ordni pubbliku, jekk ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni jipprekludi ksur manifest ta’ drittijiet fundamentali stabbiliti fil-KEDB jew fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (43).

75.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ssemmi żewġ aspetti u tistaqsi dwar ir-rilevanza tagħhom sabiex jiġi stabbilit ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat Membru tagħha: l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ motivazzjoni ddettaljata tal-ammont issekwestrat fid-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ talba għal rikonoxximent (fil-parti 2) u, it-tieni nett, il-konsegwenzi finanzjarji tal-eżekuzzjoni tagħha li, allegatament, jheddu s-“sigurtà tal-Istat” (fil-parti 3).

2.      Nuqqas ta’ motivazzjoni ddettaljata tal-kwantifikazzjoni tas-somma mitluba

76.      L-ewwel kriterju msemmi mill-qorti tar-rinviju sabiex tiġi ammessa l-eżistenza ta’ ksur tal-ordni pubbliku huwa n-nuqqas ta’ motivazzjoni ddettaljata tal-ammont li huwa s-suġġett tas-sekwestru provviżorju ordnat permezz tad-deċiżjoni għal miżuri provviżorji, peress li, skont il-qorti tar-rinviju, il-Qorti Litwana bbażat ruħha fuq “perizja” li ma kinitx iktar iddettaljata u lanqas ma ġiet mehmuża mal-proċess.

77.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel tqum il-kwistjoni ta’ portata prinċipali dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ smigħ xieraq li huwa stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 47(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (44), u t-tieni, il-kwistjoni dwar l-effetti eventwali ta’ nuqqas, fi kwalunkwe każ parzjali, ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija f’materji ċivili u kummerċjali mill-aspett tal-interessi tal-ordni pubbliku.

a)      Il-prinċipju ta’ smigħ xieraq u l-obbligu ta’ motivazzjoni

78.      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tqis f’ġurisprudenza stabbilita li d-dritt għal smigħ xieraq skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem essenzjalment jinkludi, fil-prinċipju, l-obbligu tal-qrati li wkoll jagħtu motivazzjoni għad-deċiżjonijiet tagħhom (45). Fl-istess ħin, hija osservat ukoll bosta drabi li r-rekwiżiti marbuta mal-obbligu ta’ motivazzjoni ma għandhomx ikunu eċċessivi u jistgħu jvarjaw skont in-natura tad-deċiżjoni u ċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża (46). F’dan ir-rigward, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tad-deċiżjoni u d-differenzi eżistenti bejn l-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri.

79.      F’dan il-kuntest, jiġi rikonoxxut li l-obbligu li jiġu mmotivati d-deċiżjonijiet għandu għan doppju: minn naħa, għandu jiġi żgurat li jiġi rrispettat id-dritt għal smigħ u, għaldaqstant, li l-qorti tevalwa b’mod suffiċjenti l-argumenti tal-partijiet (47). Min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jqiegħed lill-parti li titlef fil-pożizzjoni li tkun tista’ tifhem ir-raġunijiet li minħabba fihom tkun ġiet ikkundannata, u, possibbilment, li teżerċita rimedji ġudizzjarji. Barra minn hekk, mingħajr motivazzjoni suffiċjenti, lanqas il-portata tal-awtorità sostantiva ta’ res judicata tad-deċiżjoni ma tkun tista’ tiġi stabbilita u l-applikant ikun jista’, pereżempju, jikseb sentenza oħra bbażata fuq l-istess talba (48).

b)      Nuqqas ta’ motivazzjoni u possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta deċiżjoni dwar miżuri provviżorji u kawtelatorji mill-aspett tal-ordni pubbliku

80.      Jekk jiġu applikati dawn il-prinċipji għal dan il-każ, għandu jingħad li, minn naħa, kwantifikazzjoni tal-ammont issekwestrat kompletament infondata, u li bl-ebda mod ma tista’ tiġi vverifikata mill-parti konvenuta, ma għandhiex tkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ smigħ xieraq u, konsegwentement, mal-ordni pubbliku. Min-naħa l-oħra, dan ma kienx manifestament il-każ fil-kawża prinċipali, li kienet ibbażata fuq osservazzjonijiet minn esperti u, barra minn hekk, ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni ġeneralment ma jistgħux ikunu wisq estiżi. Jekk f’ċerti sistemi ġuridiċi jkun hemm metodi għall-evalwazzjoni tad-danni li jkunu ġeneralment aċċettati, iżda li ma tantx ikunu espliċiti, ibbażati fuq iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ individwali, ma jkunx jista’ jinftiehem għalfejn l-użu ta’ dawn il-metodi, bħala parti minn deċiżjoni, li f’aspetti oħra tkun immotivata suffiċjentement u li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors, tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB u/jew tal-Artikolu 47(2) tal-Karta, u hija problematika mill-aspett tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru (49).

81.      Jekk din il-kwistjoni tiġi trasposta għall-eżistenza ta’ ksur tal-ordni pubbliku, dan fl-aħħar mill-aħħar ikun ifisser li kwantifikazzjoni tas-somma ssekwestrata, li ma tantx tkun iddettaljata, ma għandhiex titqies b’mod iżolat. Li huwa importanti huwa pjuttost id-deċiżjoni inkwistjoni meħuda fl-intier tagħha, inklużi l-annessi tagħha u b’mod partikolari wkoll jekk id-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni kellux il-possibbiltà reali, fl-Istat fejn ingħatat id-deċiżjoni, li jibda rikors kontriha u, pereżempju, isostni l-allegat ksur (50).

82.      Fil-każ preżenti, għalhekk, jeżistu raġunijiet validi biex jitqies li l-motivazzjoni ftit li xejn żviluppata għall-kwantifikazzjoni ma hijiex suffiċjenti biex jiġi rikonoxxut ksur tal-ordni pubbliku, iktar u iktar peress li s-somma ġiet stabbilita minn esperti, u kienet is-suġġett ta’ rikors fil-Litwanja. Għaldaqstant jidher li l-prinċipji fundamentali ta’ smigħ xieraq ġew osservati, anki jekk jista’ jitqies li għad-deċiżjoni nfisha motivazzjoni iktar iddettaljata kienet tkun aħjar.

83.      Ladarba l-ilment dwar nuqqas ta’ motivazzjoni ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit ksur tal-ordni pubbliku, għadha trid tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar sa liema punt jistgħu jkunu rilevanti l-impatti ekonomiċi ta’ eżekuzzjoni mill-aspett tal-ordni pubbliku.

3.      L-istralċ jostakola l-possibbiltà ta’ rimedju fil-każ ta’ ċaħda tar-rikors fil-proċedura prinċipali

84.      Qabel kollox għandu jitfakkar li l-kunċett tal-ordni pubbliku għandu l-għan li jipprekludi l-ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali meqjusa li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru fejn tintalab l-eżekuzzjoni, jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali fl-istess ordinament ġuridiku (51). B’hekk jiġu protetti l-interessi legali jew, f’kull każ, interessi oħra espressi f’dispożizzjoni legali, li jaffettwaw is-sistema politika, ekonomika, soċjali u kulturali tal-Istat Membru.

85.      Min-naħa l-oħra, interessi purament ekonomiċi, bħar-riskju ta’ danni finanzjarji, ma humiex biżżejjed, anki jekk ikunu kbar ħafna. Dan japplika wkoll, bħala prinċipju, meta l-interessi jkunu ta’ detentur ta’ awtorità pubblika bħal, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Latvja (52), li topera bħala operatur fis-suq permezz ta’ impriżi rregolati mid-dritt pubbliku u, f’dan il-kuntest, għandha mnejn iġġarrab danni.

86.      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, l-interessi ekonomiċi għandhom jikkonsolidaw f’interess b’rilevanza ġuridika sabiex ikunu jistgħu jittieħdu eventwalment inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 34(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, meta t-theddida ta’ telf ekonomiku jkollha mnejn tqiegħed f’riskju, b’mod suffiċjentement konkret, l-ordinament ġuridiku u s-“sigurtà tal-Istat”. Il-qorti tar-rinviju, madankollu, ma spjegatx fid-dettall kif dan għandu jseħħ fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. B’mod partikolari, hija ma tallegax li l-miżuri inkwistjoni, kif sostniet Lidosta Rīga, setgħu jaffettwaw b’mod kunsiderevoli r-rwol militari strateġiku tal-ajruport ta’ Riga. Għaldaqstant dan l-aspett ma għandux jitqies fir-risposta għad-domanda preliminari, li l-kuntest ġuridiku u fattwali tagħha huwa kopert mit-talba għal deċiżjoni preliminari tal-qorti tar-rinviju (53), li ssemmi biss il-“ksur tal-interessi ekonomiċi tal-Istat”.

87.      Hemm dubji serji, mill-aspett kunċettwali u mill-aspett sistematiku, dwar jekk jistax jiġi stabbilit tali ksur tal-ordni pubbliku abbażi ta’ riskju ta’ tfaqqir tal-Istat, peress li l-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi ma jitqisux, fil-prinċipju, f’kunsiderazzjonijiet tal-ordni pubbliku.

88.      Il-mistoqsija tista’, madankollu, titqies bħala ipotetika u tibqa’ miftuħa f’dan il-każ, peress li, kuntrarjament għad-domanda preliminari, ifformulata b’mod deċiżiv u li timplika l-eżistenza ta’ riskju serju għas-sigurtà tal-Istat, teħid inkunsiderazzjoni komprensiv tal-fatti deskritti mill-qorti tar-rinviju donnu jeskludi, anki fil-każ ta’ riskju ekonomiku ta’ telf ta’ madwar EUR 58 miljun, li din hija sitwazzjoni eċċezzjonali. Għalkemm l-ammont huwa għoli, huwa probabbli ħafna li dan ma huwiex biżżejjed sabiex jaffettwa l-pedamenti tal-istruttura tal-Istat. Dan japplika iktar u iktar, meta l-miżuri ta’ eżekuzzjoni, essenzjalment, jittrattaw miżuri ta’ sekwestru li ma jaffettwawx l-integrità tal-assi u l-allokazzjoni tal-beni.

89.      Dwar il-kwistjoni tal-mitigazzjoni tar-riskji ekonomiċi, f’kuntest ieħor il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li f’miżuri provviżorji dejjem għandu jiġi żgurat ukoll il-ħlas lura lill-konvenut tas-somma allokata fil-każ li r-rikorrent jitlef il-kawża prinċipali (54). Madankollu, din il-ġurisprudenza kienet tirreferi għal ordnijiet li jeżiġu li d-destinatarju jagħmel ħlas provviżorju lill-applikant, permezz ta’ miżuri provviżorji. Min-naħa l-oħra din ma tistax tiġi estiża għal ordnijiet ta’ sigurtà bħal dik tas-sekwestru provviżorju inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

90.      Lanqas ma huwa possibbli, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, li jiġu dedotti motivi serji li jippermettu li jiġu stabbilit ksur tal-ordni pubbliku abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ekonomiċi.

4.      Konklużjoni intermedja

91.      Ir-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li, la minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li qed jintalab l-eżekuzzjoni tagħha, u lanqas minħabba l-konsegwenzi ekonomiċi serji ta’ din l-eżekuzzjoni, ma jistgħu jiġu stabbiliti raġunijiet serji sabiex jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku.

V –    Konklużjoni

92.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:

1.      Tilwima dwar miżuri provviżorji bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha trasportatur tal-ajru privat iressaq talba għal kumpens għad-danni minħabba allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, fost l-oħrajn, fil-konfront ta’ impriża rregolata mid-dritt pubbliku, li tippermettilu juża l-ajruport bi ħlas ta’ tariffi tal-ajruport, hija kawża fil-materji ċivili u kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001, anki jekk it-tariffi tal-ajruport u kwalunkwe tnaqqis applikat fuq dawn it-tariffi jkunu rregolati minn dispożizzjonijiet nazzjonali.

2.      Azzjoni għad-danni bħal dik fil-kawża prinċipali ma hijiex proċedura li għandha bħala suġġett il-validità tad-deċiżjonijiet ta’ korpi ta’ kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

3.      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, la minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni li qed jintalab l-eżekuzzjoni tagħha, u lanqas minħabba l-konsegwenzi ekonomiċi serji ta’ din l-eżekuzzjoni, ma jistgħu jiġu stabbiliti raġunijiet serji sabiex jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, il-verżjoni rilevanti fil-każ inkwistjoni, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1103/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 (ĠU L 304, p. 80).


3 – L-aġir allegatament antikompetittiv inkwistjoni seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Għalhekk, biex tingħata tweġiba għat-talba għal deċiżjoni preliminari huma rilevanti biss l-Artikoli 81 KE u 82 KE. L-osservazzjonijiet li ġejjin, madankollu, jiġu trasposti mingħajr l-ebda formalità oħra għall-Artikolu 101 TFUE u 102 TFUE, li l-kontenut tagħhom huwa essenzjalment identiku.


4 – Dan jikkorrispondi għal madwar 58 miljun euro.


5 – F’dan ir-rigward ara l-analiżi tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Sapir et (C‑645/11, EU:C:2012:757, punti 47 sa 69).


6 – Ara fost l-oħrajn, is-sentenzi LTU vs Eurocontrol (29/76, EU:C:1976:137, punt 3), Rüffer (814/79, EU:C:1980:291, punt 7), Sonntag (C‑172/91, EU:C:1993:144, punt 18), Baten (C‑271/00, EU:C:2002:656, punt 28), Préservatrice Foncière TIARD (C‑266/01, EU:C:2003:282, punt 20), Blijdenstein (C‑433/01, EU:C:2004:21, punt 24), Lechouritou et (C‑292/05, EU:C:2007:102, punt 29) u Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 41).


7 – Il-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32).


8 – Ara l-Artikolu 68(1) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.


9 – Sentenzi Draka NK Cables et (C‑167/08, EU:C:2009:263, punt 20), SCT Industri (C‑111/08, EU:C:2009:419, punt 22), German Graphics Graphische Maschinen (C‑292/08, EU:C:2009:544, punt 27); Realchemie Nederland (C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 38), Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 31) u Sunico et (C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 32).


10 – Ara f’dan ir-rigward l-Artikolu 1(2)(b) tas-sentenza SCT Industri (C‑111/08, EU:C:2009:419, punt 23).


11 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi LTU vs Eurocontrol (29/76, EU:C:1976:137, punt 4), Baten (C‑271/00, EU:C:2002:656, punt 29), Préservatrice Foncière TIARD (C‑266/01, EU:C:2003:282, punt 21), Lechouritou et (C‑292/05, EU:C:2007:102, punt 30), Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 42), Realchemie Nederland (C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 39), Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 32), Sunico et (C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 33) u Schneider (C‑386/12, EU:C:2013:633, punt 18).


12 – Sentenzi Baten (C‑271/00, EU:C:2002:656, punt 31), Préservatrice Foncière TIARD (C‑266/01, EU:C:2003:282, punt 23), Frahuil (C‑265/02, EU:C:2004:77, punt 20), Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 34) u Sunico et (C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 35).


13 – Sentenzi LTU vs Eurocontrol (29/76, EU:C:1976:137, punt 4), Rüffer (814/79, EU:C:1980:291, punt 8), Baten (C‑271/00, EU:C:2002:656, punt 30), Préservatrice Foncière TIARD (C‑266/01, EU:C:2003:282, punt 22), Lechouritou et (C‑292/05, EU:C:2007:102, punt 31), Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 43), Mahamdia (C‑154/11, EU:C:2012:491, punt 56), Sapir et (C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 33) u Sunico et (C‑49/12, EU:C:2013:545, punt 34).


14 – Dwar dan il-kriterju ara s-sentenzi LTU vs (29/76, EU:C:1976:137, punt 4), Sonntag (C‑172/91, EU:C:1993:144, punt 22), Préservatrice Foncière TIARD (C 266/01, EU:C:2003:282, punt 30), Lechouritou et (C‑292/05, EU:C:2007:102, punt 34) u Apostolides (C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 44).


15 – F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn ir-rwol tal-Istat bħala azzjonist f’kumpannija, minn naħa, u r-rwol tiegħu bħala awtorità pubblika min-naħa l-oħra; f’dan ir-rigward ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, p. 80).


16 – Anki d-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 496), b’mod partikolari l-Artikolu 2(d) u (g) tagħha, tikkonferma li tali servizzi ma jaqgħux taħt l-awtorità pubblika, iżda huma servizzi li jiġu pprovduti fil-kuntest ta’ relazzjoni paritetika.


17 – Sentenza LTU vs Eurocontrol (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6).


18 – Dwar in-natura ta’ dritt pubbliku tal-attivitajiet imwettqa minn Eurocontrol, ara wkoll is-sentenza SAT Fluggesellschaft (C‑364/92, EU:C:1994:7, punti 27 sa 29).


19 – Sentenza LTU vs Eurocontrol (29/76, EU:C:1976:137, punt 4).


20 – Ara s-sentenzi Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (C‑82/01 P, EU:C:2002:617, punt 78) u Mitteldeutsche Flughafen et (C‑288/11 P, EU:C:2012:821, punt 40).


21 – Ara s-sentenzi Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 75), MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376, punti 21 u 22), Selex Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni (C‑113/07 P, EU:C:2009:191, punt 69) u Mitteldeutsche Flughafen et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 50).


22 – Sentenza SAT Fluggesellschaft (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 28).


23 – L-Artikoli 81 KE u 82 KE japplikaw biss, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak l-aġir li l-kumpanniji jwettqu fuq inizjattiva tagħhom stess. Min-naħa l-oħra, dawn l-artikoli ma japplikawx jekk il-kumpanniji jiġu ordnati jwettqu aġir antikompetittiv permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jew jekk din toħloq qafas legali li jelimina, huwa stess, kull possibbiltà ta’ aġir kompetittiv min-naħa tagħhom; ara s-sentenza Il-Kummissjoni u Franza vs Ladbroke Racing (C‑359/95 P u C‑379/95 P, EU: C:1997:531, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk). Jekk, min-naħa l-oħra, dan l-obbligu jipprekludi lil impriża (rregolata mid-dritt pubbliku) milli jkollha aġir awtonomu, l-Istat Membru jista’ jikkunsidra miżura antikompetittiva li tista’ telimina l-effett prattiku tar-regoli ta’ kompetizzjoni li japplikaw għall-impriżi u li tkun ukoll koperta permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81 KE u/jew 82 KE flimkien mal-Artikolu 10 KE [li issa huwa l-Artikolu 4(3) TUE], li jistabbilixxi dmir ta’ kooperazzjoni leali. Kwalunkwe rikors għad-danni jkollu għaldaqstant jiġi ppreżentat kontra l-Istat Membru nnifsu u mhux kontra l-impriża (obbligata), li l-aġir tagħha fil-konfront ta’ operaturi ekonomiċi oħra jkun għalhekk “iġġustifikat”; ara s-sentenza CIF (C‑198/01, EU:C:2003:430, punt 54).


24 – F’dan is-sens, l-ewwel domanda preliminari tispeċifika li: “[…] Kawża li fiha rikorrent jitlob il-kumpens għad-danni u r-rikonoxximent tan-natura illegali tal-aġir tal-konvenuti, f’konnessjoni ma’ ftehim ipprojbit u ma’ abbuż minn pożizzjoni dominanti […]”


25 – Sentenzi Rüffer (814/79, EU:C:1980:291, punt 15) u Lechouritou et (C‑292/05, EU:C:2007:102, punt 41).


26 – Ara s-sentenzi LTU vs Eurocontrol (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 4), Rüffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 15) u Lechouritou et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 41).


27 –      Ara, fil-kuntest tal-Artikolu 81 KE, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża KONE et (C‑557/12, EU:C:2014:45, punti 25 sa 30).


28 – Sentenza Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 39).


29 – Sentenza Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punt 26).


30 – Dwar dan, ara l-kawża pendenti CDC vs Evonik Degussa et (C‑352/13, ĠU 2013, C 298, p. 2).


31 – Ara l-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (COM (2013) 404 finali), li tagħmel riferiment, fil-paġna 6, għar-Regolament (KE) Nru 44/2001. Ara wkoll l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU C 101, p 54, punt 3 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).


32 – Ara s-sentenzi LTU vs Eurocontrol (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 4), Rüffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 15) u Lechouritou et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 41).


33 – Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni) (ĠU L 351, p 1).


34 – Ara s-sentenza Mahamdia (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 54).


35 – Ara f’dan ir-rigward is-sentenzi Courage u Crehan (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 26 u 27), Manfredi et (C iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 91), Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389, punt 28) u Donau Chemie et (C‑536/11, EU:C:2013:366, punt 23).


36 – Għalkemm il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il quddiem kienet tirrigwarda l-konvenzjoni li ppreċediet ir-Regolament (KE) Nru 44/2001, hija tista’ tiġi trasposta għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 34(1) ta’ dan ir-regolament. Dwar dan ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Trade Agency (C‑619/10, EU:C:2012:247, punt 71).


37 – F’dan is-sens ara s-sentenzi Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 20), Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 21), Renault (C‑38/98, EU:C:2000:225, punt 26), Apostolides (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 55), Prism Investments (C‑139/10, EU:C:2011:653, punt 33), Trade Agency (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 48) u Salzgitter Mannesmann Handel (C‑157/12, EU:C:2013:597, punt 28).


38 – F’dan ir-rigward ara s-sentenzi Hoffmann (145/86, EU:C:1988:61, punt 21), Hendrikman u Feyen (C‑78/95, EU:C:1996:380, punt 23), Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 21), Renault (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 26), Apostolides (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 55) u Trade Agency (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 48).


39 – Ara s-sentenzi Krombach (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 22), Renault (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 27), Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 26), Apostolides (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 56) u Trade Agency (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 49).


40 – Ara s-sentenzi Krombach (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 23), Renault (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 28), Apostolides (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 57) u Trade Agency (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 49).


41 – Ara s-sentenzi Krombach (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 36), Renault (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 29), Apostolides (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 58) u Trade Agency (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 50).


42 – Ara s-sentenzi Krombach (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 36), Renault (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 29), Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 27), Apostolides (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 59) u Trade Agency (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 51).


43 – Dwar dan, ara s-sentenzi Krombach (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punti 38 u 39) u Gambazzi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 28).


44 – Dwar ir-rekwiżit ta’ koerenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, ara fost l-oħrajn is-sentenzi Varec (C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 48) u McB (C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 53).


45 – QEDB, sentenzi tad-19 ta’ April 1994, Van de Hurk vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (rikors Nru 16034/90, punt 61); tad-9 ta’ Diċembru 1994, Ruiz Torija vs Spanja (rikors Nru 18390/91, punt 29); tad-19 ta’ Frar 1998, Higgins vs Franza (rikors Nru 20124/92, Recueil des arrêts et décisions 1998-I, punt 42) u tas-27 ta’ Settembru 2001, Hirvisaari vs Il-Finlandja (Rikors Nru 49684/99, punt 30). Ara wkoll is-sentenza Schröder et vs Il-Kummissjoni (C‑221/97 P, EU:C:1998:597, punt 24).


46 – QEDB, sentenzi Ruiz Torija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 29) u Van de Hurk vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 61).


47 – QEDB, sentenzi tal-21 ta’ Mejju 2002, Jokela vs Il-Finlandja (rikors Nru 28856/95, punti 72 sa 73) u tas-27 ta’ Lulju 2006, Nedzela vs Franza (rikors Nru 73695/01, punt 55).


48 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Trade Agency (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 85).


49 – B’dan il-mod, il-Bundesgerichtshof iddikjarat, pereżempju, il-kalkolu b’rata fissa għad-danni fid-dritt Franċiż bħala kompatibbli mal-ordni pubbliku nazzjonali (sentenza tas-26 ta’ Settembru 1979, Az. VIII ZB 10/79, BGHZ 75, 167).


50 – Dan japplika wkoll, u b’mod partikolari, f’każ li jkun seħħ allegat ksur tal-prinċipju ta’ smigħ xieraq minħabba li d-deċiżjoni kellha tittieħed b’urġenza. F’dan ir-rigward ara s-sentenza Eurofood (C‑341/04, EU:C:2006:281, punt 66).


51 – Ara s-sentenzi Krombach (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 36), Renault (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 29), Gambazzi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 27), Apostolides (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 59) u Trade Agency (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 51) kif ukoll id-definizzjoni tal-ordni pubbliku fl-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU L 160, punt 1), leġiżlazzjoni parallela tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 fil-qasam tal-insolvenza.


52 – Dwar sitwazzjoni simili, ara l-QEBD, sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, De Luca vs L-Italja (Kawża Nru 43870/04, punti 54 u 55).


53 – Ara l-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.


54 – Ara s-sentenzi Van Uden (C‑391/95, EU:C:1998:543, punt 47, dwar il-“ħlas b’mod provviżorju ta’ korrispettiv kuntrattwali”) u Mietz (C‑99/96, EU:C:1999:202, punt 42), li ġew deċiżi wkoll fir-rigward tal-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.