Language of document : ECLI:EU:C:2011:172

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

24 ta’ Marzu 2011 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Libertà ta’ stabbiliment − Artikolu 43 KE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-istabbiliment ta’ żoni għall-bejgħ bl‑imnut f’Cataluña – Restrizzjonijiet – Ġustifikazzjonijiet – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑400/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l‑Artikolu 226 KE, imressaq fis-16 ta’ Settembru 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Traversa u R. Vidal Puig, bħala aġenti, assistiti minn C. Fernández Vicién u A. Pereda Miquel, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Bering Liisberg u R. Holdgaard, bħala aġenti,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas (Relatur), U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Ottubru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill‑Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bl-impożizzjoni ta’ ċerti restrizzjonijiet fuq l‑istabbiliment ta’ żoni għall-bejgħ bl-imnut f’Cataluña, li tirriżulta mil-Liġi Nru 7/1996, li tirregola l-kummerċ bl-imnut (Ley 7/1996, de ordenación del comercio minorista), tal-15 ta’ Jannar 1996 (BOE Nru 15, tas-17 ta’ Jannar 1996, p. 1243, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 7/1996”) u tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità awtonoma ta’ Cataluña applikabbli fil-qasam, jiġifieri l-Liġi Nru 18/2005, dwar il‑faċilitajiet għall-bejgħ bl-imnut (Ley 18/2005 de equipamientos comerciales), tas-27 ta’ Diċembru 2005 (DOGC Nru 4543, tat-3 ta’ Jannar 2006, p. 72, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 18/2005”), id-Digriet Nru 378/2006, li jimplementa l-Liġi Nru 18/2005 (Decreto 378/2006 por el que se desarolla la Ley 18/2005), tal-10 ta’ Ottubru 2006 (DOGC Nru 4740, tas-16 ta’ Ottubru 2006, p. 42591, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 378/2006”) u d-Digriet Nru 379/2006, li japprova l-pjan territorjali settorjali ġdid għall-faċilitajiet għall-bejgħ bl-imnut (Decreto 379/2006 por el que se aprueba el Plan territorial sectorial de equipamientos comerciales), tal-10 ta’ Ottubru 2006 (DOGC Nru 4740, tas-16 ta’ Ottubru 2006, p. 42600, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 379/2006”), ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 43 KE.

I –  Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

A –  Il-Liġi Nru 7/1996

2        L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 7/1996 jipprovdi:

“Stabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut

1.       Huma kkunsidrati bħala stabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut dawk il-postijiet u bini jew faċilitajiet permanenti li huma intiżi għall-attivitajiet regolari ta’ bejgħ bl-imnut, kemm jekk tkun b’mod kontinwu jew għall-jiem jew perijodi partikolari.

2.       Huma inklużi fid-definizzjoni msemmija hawn fuq il-kjoskijiet u, b’mod ġenerali, l-installazzjonijiet ta’ kull tip li jintużaw għall-użu previst fl-imsemmija definizzjoni, sakemm għandhom il-kwalità ta’ immobbli fis-sens tal-Artikolu 334 tal-Kodiċi Ċivili.

3.       Il-komunitajiet awtonomi jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti tal‑klassifikazzjoni ta’ stabbiliment kbir. Huma fi kwalunkwe każ ikkunsidrati bħala tali, għall-finijiet tal-awtorizzazzjonijiet u tad-dispożizzjonijiet tal‑leġiżlazzjoni kummerċjali, l-istabbilimenti kummerċjali ddedikati għall‑kummerċ bl-imnut ta’ kull tip ta’ oġġetti li għandhom spazju għall-wiri pubbliku u bejgħ li jaqbeż l-2 500 metru kwadru.”

3        L-Artikolu 6 ta’ din l-imsemmija liġi jipprovdi:

“Twaqqif ta’ stabbilimenti kbar

1.      Il-ftuħ ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut huwa suġġett għal liċenzja speċifika, mogħtija mill-amministrazzjoni tal-komunità awtonoma, li tista’ tissuġġetta wkoll għal awtorizzazzjoni amministrattiva każijiet oħra fir-rigward tal-attivitajiet kummerċjali.

2.      L-għoti jew ir-rifjut tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti huwa deċiż b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari għall-eżistenza jew le ta’ faċilitajiet kummerċjali adegwati fiż-żona kkonċernata mit-twaqqif ta’ stabbiliment ġdid u tal-effetti li dawn jista’ jkollhom fuq l-istruttura kummerċjali tal‑imsemmija żona.

Fi kwalunkwe każ, ir-rapport tal-qorti tal-kompetizzjoni huwa indispensabbli u għandu natura mhux vinkolanti.

3.      Żona hija kkunsidrata li għandha faċilitajiet kummerċjali meta din tiżgura lill‑popolazzjoni eżistenti u, jekk ikun il-każ, lill-popolazzjoni prevista fiż-żmien mhux ’il bogħod, livell ta’ provvista li, f’termini ta’ kwalità, varjetà, servizz, prezz u ħinijiet tal-ftuħ, tissodisfa l-ħtiġijiet tas-sitwazzjoni preżenti u t-tendenzi li jkunu qegħdin jiżviluppaw fis-suq modern tal-bejgħ bl-imnut.

4.      L-effett fuq l-istruttura kummerċjali eżistenti hija evalwata fid-dawl tat-titjib li jsarraf għall-kompetizzjoni ħielsa, il-ftuħ ta’ stabbiliment kbir fiż-żona kif ukoll l-effetti negattivi li jista’ jkollu fuq ħwienet żgħar li jkunu diġà eżistenti.

5.      Il-komunitajiet awtonomi kompetenti fil-qasam jistgħu jwaqqfu kumitati territorjali ta’ faċilitajiet kummerċjali sabiex jirraportaw dwar it-twaqqif ta’ stabbilimenti kbar, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni awtonoma korrispondenti, skont il-każ.”

4        Id-dispożizzjoni finali tal-Liġi Nru 7/1996 tispeċifika l-istatus kostituzzjonali tad‑diversi artikoli tagħha. Fid-dawl ta’ dan, il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 6 ġew adottati b’mod konformi mal-kompetenzi esklużivi tal-Istat skont il-punt 13 tal‑Artikolu 149(1) tal-Kostituzzjoni. Il-paragrafi 3 sa 5 tal-imsemmi artikolu jaqgħu fil-katergorija li jifdal ta’ dispożizzjonijiet li “tista’ tapplika fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika ppromulgata mill-komunitajiet awtonomi”.

B –  Il-Liġi Nru 18/2005

5        Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 18/2005 jiddefinixxi, għall-Komunità awtonoma ta’ Cataluña, l-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut u l‑istabbilimenti medji għall-bejgħ bl-imnut skont id-daqs tal-popolazzjoni tal‑muniċipalità li fihom jinsabu. Hekk kif l-Avukat Ġenerali indikat fil-punt 11 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn id-definizzjonijiet jistgħu jiġu sunti hekk kif ġej:

Popolazzjoni tal‑muniċipalità

Stabbilimenti kbar: żona minima ta’ bejgħ

Stabbilimenti ta’ daqs medju: żona minima ta’ bejgħ

Iktar minn 240 000 abitant

2 500 m2

1 000 m2

Minn 25 001 sa 240 000 abitant

2 000 m2

800 m2

Minn 10 001 sa 25 000 abitant

1 300 m2

600 m2

Sa 10 000 abitant

800 m2

500 m2

6        L-Artikolu 3(3) ta’ din il-liġi jispeċifika li l-limitazzjonijiet fuq iż-żoni ta’ bejgħ li jirriżultaw mill-pjan territorjali settorjali għall-faċilitajiet għall-bejgħ bl-imnut (iktar ’il quddiem “PTSEC”) għandhom japplikaw għal stabbilimenti fis-settur tal‑ikel ta’ daqs medju kif ukoll għal kull stabbiliment fis-setturi tal-oġġetti tal‑elettriku jew elettroniċi għad-dar, tagħmir tal-isports jew personali kif ukoll oġġetti għall-passatempi jew kulturali b’żona ta’ bejgħ ta’ 1 000 m2 jew iktar, u dan indipendentement mill-kategorija li jaqgħu fiha skont il-kriterji stabbiliti fil‑paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi artikolu.

7        Skont l-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 18/2005, l-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl‑imnut jistgħu jinfetħu biss f’żoni urbani kkonsolidati ta’ muniċipalitajiet li jew huma ċ-ċentru amministrattiv jew għandhom popolazzjoni ta’ iktar minn 25 000 abitant jew persuni oħra għal raġunijiet turistiċi.

8        Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jimponi l-istess restrizzjoni, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, għal dak li jirrigwarda l-istabbilimenti li jkunu ddedikati essenzjalment għall-bejgħ ta’ oġġetti tal-elettriku jew elettroniċi tad-dar, oġġetti u aċċessorji tal-isports, tagħmir personali, u l-istabbilimenti li jkunu ddedikati għall‑bejgħ ta’ oġġetti għall-passatempi jew kulturali, peress li għandhom żona ta’ bejgħ ta’ iktar minn 1 000 m2.

9        Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu, il-kunċett ta’ “żona urbana kkonsolidata” jieħu inkunsiderazzjoni ż-żoni fejn, skont il-pjan ta’ urbaniżmu fis-seħħ, tgħix il‑parti l-kbira tal-popolazzjoni, taż-żoni kontinwi ta’ residenza f’appartamenti kif ukoll żoni kummerċjali integrati fiż-żoni residenzjali.

10      Il-paragrafu 8 tal-imsemmi artikolu jelenka d-derogi għall-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti 7 u 8 tas-sentenza preżenti. Dawn jirrigwardaw b’mod partikolari:

–        il-ħwienet tal-karozzi u ta’ vetturi oħra, ta’ magni, ta’ materjali għall-bini u ta’ oġġetti ta’ DIY kif ukoll iċ-ċentri fejn jinbiegħu l-għodod tal-biedja;

–        ż-żoni ta’ bejgħ fl-istazzjonijiet tal-AVE (ferroviji ta’ veloċità qawwija), ċerti ajruporti u portijiet għat-traffiku tal-passiġġieri;

–        il-ħwienet f’ċerti muniċipalitajiet ma’ naħa u ma’ oħra tal-fruntiera, u

–        il-ħwienet tal-fabbrika.

11      L-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 18/2005 jipprovdi li liċenzja muniċipali hija neċessarja fil-każijiet segwenti:

“a)      għall-ftuħ ta’ stabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut ta’ daqs medju;

b)      għat-tkabbir ta’ stabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut li ż-żona ta’ bejgħ tagħhom tikkorrispondi, qabel jew wara t-tkabbir, għal dak li huwa previst għall‑istabbilimenti ta’ daqs medju;

c)      għat-tibdil ta’ attività tal-istabbilimenti medji għall-bejgħ bl-imnut;

d)      għat-trasferiment ta’ stabbilimenti kummerċjali li ż-żona ta’ bejgħ tagħhom tikkorrispondi, qabel jew wara t-trasferiment, għal dak li huwa previst għall‑istabbilimenti ta’ daqs medju. F’dan il-każ, il-kunsiderazzjoni tal‑awtorizzazzjoni hija suġġetta għall-għeluq effettiv tal-istabbiliment oriġinali qabel il-ftuħ mill-ġdid.”

12      Skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, nuqqas ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni fl-iskadenza tat-terminu previst għall-għoti tal-liċenzja muniċipali huma ekwivalenti għal rifjut ta’ awtorizzazzjoni.

13      Skont l-Artikolu 7(1) tal-Liġi Nru 18/2005, awtorizzazzjoni mogħtija mill‑Generalitat ta’ Cataluña (il-gvern ta’ Cataluña, iktar ’il quddiem il-“Generalitat”) hija meħtieġa fil‑każijiet segwenti:

“a)      għall-ftuħ ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut;

b)      għat-tkabbir tal-istabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut li ż-żoni tagħhom ta’ bejgħ jaqbeż, qabel jew wara t-tkabbir, il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u (4);

c)      għat-tibdiliet ta’ attività ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut;

d)      għat-trasferiment tal-istabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut li ż-żoni tagħhom ta’ bejgħ jaqbżu, qabel jew wara t-trasferiment, il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u (4). F’dan il-każ, il-kunsiderazzjoni tal-awtorizzazzjoni hija suġġetta għall‑għeluq effettiv tal-istabbiliment oriġinali qabel il-ftuħ mill-ġdid;

e)      għat-trasferiment ta’ stabbilimenti kbar, ħlief jekk il-kundizzjonijiet previsti fil‑paragrafu 3 tal-artikolu preżenti jkunu sodisfatti.”

14      L-imsemmi Artikolu 7 jippreċiża fil-paragrafu 8 tiegħu:

“Fil-proċedura ta’ għoti tal-liċenzja mill-Generalitat, l-applikant għandu jforni rapport redatt mill-kunsill lokali tal-muniċipalità li fit-territorju tagħha jixtieq jiftaħ, ikabbar jew jittrasferixxi stabbiliment kbir jew ibiddel l-attività. Ir-rapport għandu jiġi approvat kollu kemm hu mill-kunsill muniċipali u għandu jiġi mmotivat, hekk kif jirriżulta mill-kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 10; jekk huwa kontra, dan ir-rapport għandu karattru li jillimita. Jekk, tliet xhur wara it-tressiq tat-talba għar-rapport lill-kunsill lokali, dan tal-aħħar ma jkunx irrediġa rapport, dan huwa kkunsidrat sfavorevoli.”

15      Skont il-paragrafu 10 tal-imsemmi artikolu, in-nuqqas ta’ deċiżjoni fl-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst għall-għoti ta’ liċenzja mill-Generalitat huwa ekwivalenti għal rifjut ta’ awtorizzazzjoni.

16      Skont l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 18/2005:

“1.      Għall-komunikazzonijiet ta’ ftuħ ta’ stabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut f’Cataluña u l-proċedura ta’ għoti ta’ liċenzja għall-istabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut medji u kbar irregolati mil-liġi preżenti, rapport dwar is-sehem mis-suq fir-rigward tas-suq inkwistjoni, ippreparat mid-dipartiment kompetenti fil-qasam tal-kummerċ huwa indispensabbli.

2.      Huma eżentati mill-kisba ta’ rapport fuq is-sehem mis-suq l-impriżi żgħar u medji, b’mod konformi mal-kriterji msemmija fl-ewwel dispożizzoni addizzjonali.

3.      Għall-finijiet tal-liġi preżenti, b’sehem mis-suq huwa mifhum l-importanza f’dak li jirrigwarda s-sehem mis-suq ta’ impriża jew grupp ta’ impriżi mis-suq rilevanti tagħha.

4.      Jekk huwa fin-negattiv, ir-rapport fuq is-sehem mis-suq għandu karattru vinkolanti għar-rifjut tal-awtorizzazzjoni mitluba kif ukoll fil-każijiet ta’ komunikazzjoni ta’ ftuħ ta’ stabbilimenti, previsti fil-paragrafu 1.

5.      Sabiex jiġi kkalkolat is-sehem mis-suq, id-dipartiment kompetenti fil-qasam tal-kummerċ, bi ftehim mad-dipartiment u l-korpi tal-Generalitat kompetenti fil‑qasam tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni, għandu jiddefinixxi l-kunċetti tas-suq rilevanti, tas-sehem mis-suq u taż-żona ta’ influwenza, li għandhom jiġu inkluzi fid-dispożizzjonijiet regolatorji ta’ implementazzjoni tal-liġi preżenti. Għad‑definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti, għandom jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, il-prodotti u ta’ servizzi kompetituri fl-istess suq, id-dħul mill-bejgħ tas-setturi u ż-żona tal-istabbilimenti eżistenti.

6.      Għandhom jiġu stabbiliti b’mod regolatorju l-kriterji, il-proċedura li għandha tiġi segwita u l-qorti kompetenti sabiex toħroġ rapport fuq is-sehem mis‑suq. Għall-istabbiliment ta’ dawn il-kriterji, għandhom jiġu evalwati, b’mod partikolari, l-indikaturi kontenuti fil-ktieb abjad imsemmi fl-Artikolu 9. Ir‑regolament għandu wkoll jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom id-dipartiment kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni jippubblika d-deċiżjonijiet ta’ għoti jew rifjut ta’ awtorizzazzjonijiet jew ir-rapporti ppreżentati, permezz tar-reġistru pubbliku.”

17      L-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 18/2005 jelenka l-elementi li l-Generalitat jew l‑awtoritajiet muniċipali għandhom jeżaminaw sabiex jieħdu deċiżjoni fuq l‑applikazzjonijiet ta’ liċenzja. Dawn huma l-konformità mal‑PTSEC kif ukoll l‑osservanza tar-regoli ta’ ppjanar, il-kundizzjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà tal‑proġett u l-integrazzjoni tal-istabbiliment fl-ambjent urban, il-mobbiltà ġġenerata mill-proġett, b’mod partikolari l-effetti tiegħu fuq in-netwerk tat-toroq u fl-użu tat-trasport pubbliku u privat, in-numru ta’ postijiet ta’ parkeġġ disponibbli, ikkalkolati skont proporzjonijiet stabbiliti b’regolamenti f’kull każ, il-post tal‑istabbiliment fiż-żona urbana kkonsolidata u l-konformità tagħha mad‑dispożizzjonijiet tal-pjan muniċipali għas-servizzi tal-bejgħ bl-imnut, jekk jeżisti, tad-“dritt tal-konsumaturi li jkollhom provvista wiesgħa u varjata f’termini ta’ kwalità, kwantità, prezz u karatteristiċi tal-prodott” kif ukoll tas-sehem mis-suq tal-impriża applikanta fis-suq rilevanti.

18      L-Artikolu 11 ta’ din il-liġi jwaqqaf kumitat konsultattiv tat-tip imsemmi fl‑Artikolu 6(5) tal-Liġi Nru 7/1996, il-Comisión de Equipamientos Comerciales (iktar ’il quddiem il-“Kumitat tal-Faċilitajiet għall-Bejgħ bl-Imnut”), sabiex jirrapporta, b’mod partikolari, dwar il-problemi marbuta mad-deċiżjoni li għandha tieħu l-Generalitat fir-rigward ta’ talba għall-awtorizzazzjoni kif ukoll il‑kwistjonijiet ta’ ppjanar fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ żoni li fihom jistgħu jiftħu l-istabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut, inkluż it-tfassil ta’ proposti biex jiġi emendat il-PTSEC.

19      L-Artikolu 12 ta’ din l-istess liġi jipprovdi l-ħlas tal-miżati li għandhom jinġabru għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal-liċenzji u għall-ipproċessar tat-talba għar-rapport dwar is-sehem mis-suq. Dan jawtorizza wkoll il-muniċipalitajiet sabiex jitolbu miżata għall‑ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal-liċenzja mill-muniċipju u sabiex jinħarġu r-rapporti muniċipali lill-Generalitat dwar l-applikazzjonijiet għal‑liċenzja li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-istess Generalitat.

C –  Id-Digriet Nru 378/2006

20      L-Artikolu 3 tad-Digriet Nru 378/2006 jiddefinixxi l-ipermarkits bħala ħwienet fejn il-klijenti jservu lilhom infushom b’żona ta’ bejgħ ta’ mill-inqas 2 500 m2 li jbiegħu varjetà wiesgħa ta’ oġġetti li huma ta’ użu ta’ kuljum u anki li ma humiex ta’ użu ta’ kuljum, u bi spazju kbir għall-parkeġġ.

21      L-Artikolu 14 ta’ dan id-digriet jistabbilixxi l-proċedura tat-talba għal-liċenzja lill‑Generalitat. Dan l-artikolu jelenka ċertu numru ta’ dokumenti li għandhom jiġu fornuti, fosthom, previsti fil-paragrafu 1(b) tiegħu, riżultati ta’ stħarriġ tas-suq li janalizza l-vijabbiltà tal-proġett fid-dawl tal-provvista eżistenti u d-domanda potenzjali fiż-żona milquta, is-sehem jiġi attirat mis-suq u l-impatt fuq il-provvista preżenti.

22      L-Artikolu 26(1) tal-imsemmi digriet jirregola l-kompożizzjoni tal-kumitat tal‑faċilitajiet kummerċjali stabbilit mill-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 18/2005, jiġifieri seba’ membri li jirrapreżentaw is-servizzi tal-Generalitat, sitt membri li jirrapreżentaw il-muniċipalitajiet, seba’ membri li jirrapreżentaw is-settur kummerċjali, żewġ esperti magħżula mid-dipartiment tal-kummerċ tal-Generalitat u segretarju maħtur mill-president tal-imsemmi kumitat.

23      Skont l-Artikolu 27 ta’ dan id-digriet, l-imsemmi kumitat huwa kkonsultat fuq il-kwistjonijiet previsti fl-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 18/2005 kif ukoll fuq id‑delimitazzjoni taż-żoni urbani kkonsolidati tal-muniċipalitajiet.

24      L-Artikolu 28(2) tad-Digriet Nru 378/2006 jipprovdi li, fil-każ tal-impriżi kbar tad-distribuzzjoni, ir-rapport fuq is-sehem mis-suq previst fl-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 18/2005 għandu jkopri l-istabbilimenti kollha li jużaw isimhom, kemm jekk ikkontrollati direttament jew indirettament minn dawn l-impriżi.

25      Skont l-Artikolu 31(4) ta’ dan id-digriet, sehem massimu tas-suq huwa ffissat kull sena għal kull settur kummerċjali kemm għall-Cataluña kollha kif ukoll għaż‑żoni li jiffurmawha. Il-Kummissjoni ssostni, mingħajr ma ġiet ikkontradita fuq dan il-punt mir-Renju ta’ Spanja, li din id-dispożizzjoni għadha ma ġietx applikata, b’tali mod li s-sehem massimu tas-suq tal-grupp li jappartjeni għalih distributur huwa dak li ġie stabbilit mil-leġiżlazzjoni preċedenti, jiġifieri 25 % taż‑żona ta’ bejgħ f’Cataluña fejn 35 % taż-żona ta’ bejgħ fi ħdan iż-żona milquta tal-istabbiliment propost.

26      Skont l-Artikolu 33(2) tal-imsemmi digriet, ir-rapport fuq is-sehem mis-suq għandu jkun negattiv jekk dan is-sehem massimu tas-suq ikun inqabeż. Il‑paragrafu 5 tal-istess artikolu jipprovdi perijodu massimu ta’ sitt xhur li fih dan ir-rapport għandu jinħareġ. Fin-nuqqas, huwa jitqies li huwa favorevoli. Il‑paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-imsemmi rapport huwa validu għal terminu ta’ sitt xhur.

D –  Id-Digriet Nru 379/2006

27      L-Artikolu 7 tad-Digriet Nru 379/2006 jipprovdi li l-istabbilimenti kbar għall‑bejgħ bl-imnut kif ukoll l-istabbilimenti medji għall-bejgħ bl-imnut fis-settur alimentari u l-istabbilimenti kollha li għandhom żona ta’ bejgħ ta’ 1 000 m2 jew iktar li jbigħu prinċipalment oġġetti tal-elettriku jew elettroniċi għad-dar, oġġetti u aċċessorji għall-isport, tagħmir personali jew oġġetti għall-passatempi jew kulturali għandhom ikunu suġġetti għal-limitazzjonijiet taż-żona ta’ bejgħ previsti, għal kull distrett u kull muniċipalità, fil-PTSEC.

28      L-Artikolu 10(2) ta’ dan id-digriet jipprovdi:

“Fid-distretti fejn l-offerta hija kkunsidrata eċċessiva għas-sena 2009, ma huwiex previst b’mod ġenerali ebda tkabbir fil-forma ta’ ipermarkits.

Fid-distretti l-oħra, huwa previst li t-tkabbir jieħu l-forma ta’ ipermarkits, sa fejn dawn it-tip ta’ ħwienet ma jassorbux iktar minn 9 % tal-ispejjeż kummerċjalizzabbli kkalkolati tad-distrett għas-sena 2009 f’prodotti ta’ użu ta’ kuljum u ta’ 7 % ta’ dawn l‑ispejjeż f’prodotti li ma humiex ta’ użu ta’ kuljum.”

29      Il-PTSEC jidher fl-Anness 1 tad-Digriet Nru 379/2006. Huwa jiddefinixxi b’mod partikolari żoni massimi li għalihom setgħat tingħata liċenzja fil-perijodu mill‑2006 sal-2009 għall-supermarkits, l-ipermarkits, l-istabbilimenti speċjalizzati kif ukoll iċ-ċentri kummerċjali u d-department stores f’kull diviżjoni territorjali.

II –  Il-proċedura prekontenzjuża

30      Wara l-eżami ta’ ilment minn impriżi tas-settur tal-impriżi kbar tal-bejgħ bl‑imnut, il-Kummissjoni kkontestat il-kompatibbiltà mal-Artikolu 43 KE tal‑leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-ftuħ ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut fit-territorju tal-Komunità awtonoma ta’ Cataluña. Fid-9 ta’ Lulju 2004, hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni dwar dan is-suġġett lir-Renju ta’ Spanja.

31      Fir-risposta tagħha tat-13 ta’ Ottubru 2004, dan l-Istat Membru kkunsidra li l‑kritiki tal-Kummissjoni ma kinux ġustifikati.

32      Fis-27 ta’ Diċembru 2005, ġiet adottata l-Liġi Nru 18/2005. Skont il‑Kummissjoni, mhux biss din il-liġi ma eliminatx l-inkompatibbiltajiet kollha mal-Artikolu 43 KE, iżda, barra minn hekk, hija introduċiet restrizzjonijiet ġodda għal-libertà ta’ stabbiliment fil-qasam tal-attività kkonċernata. Fl-4 ta’ Lulju 2006, hija bagħtet lir-Renju ta’ Spanja ittra supplimentari ta’ intimazzjoni. Fir-risposta tiegħu tas-6 ta’ Ottubru 2006, l-imsemmi Stat Membru kkontesta l-karattru restrittiv, inġustifikat u sproporzjonat tal-leġiżlazzjoni kkonċernata.

33      Peress li ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni bagħtet, fit-23 ta’ Ottubru 2007, opinjoni motivata lir-Renju ta’ Spanja li permezz tagħha hija talbitu jadatta l-imsemmija leġiżlazzjoni sabiex jintemm l-allegat ksur f’terminu ta’ xahrejn sa minn meta tiġi riċevuta din l-opinjoni motivata. Fir-risposta tiegħu tat‑3 ta’ Jannar 2008, ir-Renju ta’ Spanja indika li huwa kellu l-intenzjoni jemenda l-leġiżlazzjoni inkwistjoni, iżda li dawn l-emendi ser isiru fil-kuntest tat‑traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36). Peress li l-ebda miżura ma ġiet adottata fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti.

34      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 2009, ir-Renju tad‑Danimarka ġie ammess sabiex jintervjeni fil-kawża preżenti insostenn tat‑talbiet tar-Renju ta’ Spanja.

III –  Fuq ir-rikors

A –  Fuq l-ammissibbiltà

35      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 226 KE għall-preżentata ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġewx sodisfatti (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑487/08, Ġabra p. I‑4843, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li mill-Artikolu 38(1)(ċ) tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza relatata miegħu jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi, u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill‑konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Huwa għalhekk neċessarju li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat rikors għandhom jiġu indikati b’mod koerenti u li jistgħu jiftiehmu fir-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew tonqos milli tiddeċiedi fuq ilment (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑211/08, Ġabra p. I‑5267, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddkjara li r-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu skont l‑Artikolu 43 KE billi impona restrizzjonijiet fuq it-twaqqif ta’ stabbilimenti għall‑bejgħ bl-imnut li jirriżultaw minn erba’ liġijiet u digrieti li t-test tagħhom, hekk kif ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, jinkludu iktar minn 200 paġna u li l‑imsemmi rikors ma huwiex nieqes minn affarijiet mhux preċiżi.

38      Fil-punt 46 tar-replika tagħha, il-Kummissjoni madankollu pprovdiet lista ta’ restrizzjonijiet speċifiċi li, magħquda ma’ riferimenti għar-rikors, jiffaċilitaw l‑identifikazzjoni tar-restrizzjonijiet konkreti kkunsidrati minn din l-istituzzjoni bħala li tirriżulta mill-parti tal-leġiżlazzjoni kkontestata li ġiet adottata mill‑Komunità awtonoma ta’ Cataluña, jiġifieri l-Liġi Nru 18/2005 u d-Digrieti Nru 378/2006 u 379/2006.

39      Din il-lista tipprevedi:

1)      il-projbizzjoni fuq it-twaqqif ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut barra miż-żoni urbani kkonsolidati f’numru limitat ta’ muniċipalitajiet (Artikolu 4(1) tal‑Liġi Nru 18/2005);

2)      il-limitazzjonijiet fuq iż-żoni ta’ bejgħ għal kull distrett u muniċipalità (Artikolu 7 tad-Digriet Nru 379/2006 flimkien mal-PTSEC fl-Anness 1 tiegħu); b’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni ssostni li:

a)      il-limitazzjoni hija partikolarment iebsa għall-ipermarkits – f’37 minn 41 distrett ma jista’ jiġi awtorizzat ebda ipermarkit ġdid (PTSEC, Anness 1.2 tad-Digriet Nru 379/2006);

b)       fl-erba’ distretti li fadal, jistgħu jiġu awtorizzati biss ipermarkits li jikkostitwixxu mhux iktar minn 9 % ta’ prodotti ta’ użu ta’ kuljum u 7 % ta’ prodotti li ma humiex ta’ użu ta’ kuljum (Artikolu 10(2) tad‑Digriet 379/2006);

ċ)      f’dawn l-erba’ distretti, hemm biss 23 667 m² li huma disponibbli f’sitt muniċipalitajiet (PTSEC, Anness 1.2 tad‑Digriet Nru 379/2006);

3)      il-ħtieġa ta’ rapport dwar is-sehem mis-suq li jkun vinkolanti jekk ikun negattiv u li għandu jkun negattiv jekk is-sehem mis-suq jaqbeż ċertu valur (Artikolu 8 tal-Liġi Nru 18/2005 u Artikoli 31(4) u 33(2) tad-Digriet Nru 378/2006);

4)      in-nuqqas ta’ definizzjoni ċara tal-kriterji applikati (Artikolu 10 tal-Liġi Nru 18/2005);

5)      ċerti aspetti proċedurali tal-eżami tat-talbiet għall-awtorizzazzjoni, jiġifieri:

a)      is-sistema magħrufa bħala tas-“silenzju negattiv” (Artikoli 6 u 7 tal‑Liġi Nru 18/2005);

b)      l-obbligu tal-ħtieġa li tinkiseb l-opinjoni ta’ kumitat konsultattiv li jinkludi kompetituri tal-applikanti għall-awtorizzazzjoni (Artikolu 11 tal-Liġi Nru 18/2005 u Artikolu 26 tad-Digriet Nru 378/2006);

c)      il-ġbir ta’ miżati li ma humiex relatati mal-ispiża tal-imsemmija proċedura (Artikolu 12 tal-Liġi Nru 18/2005); u

d)      id-dewmien eċċessiv ta’ din (Artikolu 33 tad-Digriet Nru 378/2006 dwar it-termini għall-ħruġ u l-validità tar-rapport dwar is-sehem mis-suq).

40      Fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni kkonfermat li d‑dispożizzjonijiet imsemmija fl-imsemmija lista jammontaw għall-aspetti kollha tal-leġiżlazzjoni adottata mill-Komunità awtonoma ta’ Cataluña li ġew ikkontestati.

41      Minbarra minn dawn id-dispożizzjonijiet, jirriżulta wkoll mir-rikors li l‑Kummissjoni tikkontesta l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 6 tal‑Liġi Nru 7/1996.

42      Dan l-artikolu jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 sa 4 tiegħu, ir-rekwiżit ta’ liċenzja għall-ftuħ ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut kif ukoll il-kriterji applikabbli għal dak li jirrigwarda l-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni. B’mod iktar partikolari, il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jistabbilixxi l-kriterji essenzjali f’dan ir-rigward u jimponi l-konsultazzjoni tal-qorti tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, il-paragrafu 5 tal-istess artikolu jipprovdi li l-komunitajiet awtonomi jistgħu joħolqu kumitati li għandhom bħala għan li jistabbilixxu rapport fuq it‑twaqqif ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut.

43      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li mid-dispożizzjoni finali tal-imsemmija liġi jirriżulta li l-Artikolu 6(3) sa (5) tiegħu, huwa applikabbli biss fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika adottata mill-komunitajiet awtonomi. Issa, il-Komunità awtonoma ta’ Cataluña allegatament adottat tali leġiżlazzjoni speċifika. Konsegwentement, fil‑mument tal-preżentata tar-rikors preżenti, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jkunux applikabbli f’din il-komunità u b’hekk ma għandhomx ikunu s-suġġett ta’ rikors.

44      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikors tagħha għandu jkun dirett kontra l-imsemmija paragrafi 3 sa 5 peress li huma jiddefinixxu l-kriterji essenzjali għall-għoti tal‑awtorizzazzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, li jifforma parti mil-leġiżlazzjoni bażika vinkolanti fit-territorju kollu Spanjol. Il-paragrafi 3 sa 5 ta’ dan l-artikolu japplikaw b’mod addizzjonali fil-Komunità awtonoma ta’ Cataluña sabiex jagħtu effett lill-imsemmi paragrafu 2. U anki jekk l-imsemmija paragrafi 3 sa 5 ma jkunux attwalment applikabbli f’din il-komunità, il‑Kummissjoni tikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet madankollu jiksru d-dritt tal-Unjoni sa fejn huma jistgħu jsiru applikabbli f’każ ta’ tħassir jew emenda tal‑leġiżlazzjoni attwalment fis-seħħ.

45      F’dan ir-rigward, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 36 tas-sentenza preżenti, hija responsabbiltà tal-Kummissjoni li tindika fit-test tar-rikors il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat ir-rikors.

46      Issa, għandu jiġi kkonstatat li għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 6(3) sa (5) tal-Liġi Nru 7/1996, ir-rikors preżenti huwa nieqes mill-preċiżjoni meħtieġa. Fil-fatt, ma jirriżultax b’preċiżjoni suffiċjenti mir-rikors, u lanqas mir-replika, b’liema mod dawn id-dispożizzjonijiet jammontaw għan-nuqqas allegat mill-Kummissjoni.

47      Konsegwentement, ir-rikors huwa inammissibbli sa fejn jirrigwarda l‑Artikolu 6(3) sa (5) tal-Liġi Nru 7/1996.

48      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 6(1) u (2) tal-Liġi Nru 7/1996 kif ukoll id-dispożizzjonijiet kontenzjużi li ġew adottati mill-Komunità awtonoma ta’ Cataluña, previsti fil-punt 39 tas-sentenza preżenti, minkejja l-affarijiet mhux preċiżi fir-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hija għandha provi suffiċjenti sabiex tintwera l-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwita lir-Renju ta’ Spanja u b’hekk sabiex tivverifika l-eżistenza tal-allegat nuqqas mill-Kummissjoni.

49      Barra minn hekk, jidher manifestament mill-eżami tar-risposta tar-Renju ta’ Spanja li dan effettivament fehem li l-Kummissjoni akkużatu li kien qed jirrestrinġi l-libertà ta’ stabbiliment permezz tal-leġiżlazzjoni kkontestata u li din l-istituzzjoni tikkritika dan peress li dan jaffettwa l-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut u mhux l-istabbilimenti medji għall-bejgħ bl-imnut, li fil-fatt kien ta’ żvantaġġ għall-operaturi ekonomiċi tal-Istati Membri l-oħra, u għaliex din ma kinitx ġustifikata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju ta’ Spanja kien f’pożizzjoni li jsostni b’mod effettiv il-motivi tad-difiża tiegħu.

50      Konsegwentement, ir-rikors preżenti huwa ammissibbli peress li jirrigwarda l‑Artikolu 6(1) u (2) tal-Liġi Nru 7/1996 kif ukoll id-dispożizzjonijiet previsti fil‑punt 39 tas-sentenza preżenti tal-Liġi Nru 18/2005 u tad-Digrieti Nri 378/2006 u 379/2006, dawn l-aħħar imsemmija tliet testijiet jirriżultaw mill-Komunità awtonoma ta’ Cataluña (iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni kkontestata”).

B –  Fuq il-mertu

51      Ir-rikors tal-Kummissjoni jinkludi, essenzjalment, tliet ilment ibbażati fuq l‑inkompatibbiltà mal-Artikolu 43 KE, rispettivament, fir-rigward tal-ewwel, tal‑limitazzjonijiet fir-rigward tal-lok u d-daqs tal-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut, fir-rigward tat-tieni, tal-kundizzjonijiet ta’ kisba ta’ liċenzja speċifika li hija meħtieġa għat-twaqqif ta’ stabbilimenti bħal dawn u, fir-rigward tat-tielet, ta’ ċerti aspetti tal-proċedura tal-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni.

52      L-ewwel ilment, li jirrigwarda l-limitazzjonijiet fir-rigward tal-lok u d-daqs tal‑istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut, jipprovdi għall-projbizzjoni ta’ twaqqif ta’ stabbilimenti bħal dawn barra miż-żoni urbani kkonsolidati ta’ numru limitat ta’ muniċipalitajiet li jirriżultaw mill-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 18/2005 kif ukoll tal-limitazzjonijiet ta’ żoni għall-bejgħ għal kull distrett u muniċipalità li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tad-Digriet Nru 379/2006 flimkien mal-PTSEC li jidher fl-Anness 1 tiegħu. Fir-rigward tal-limitazzjonijiet taż-żoni għall-bejgħ għal kull distrett u muniċipalità, il-Kummissjoni ssostni li l-limitazzjoni hija partikolarment severa fil-każ tal-ipermarkits. Fil-fatt, mill-PTSEC jirriżulta li t-twaqqif ta’ ipermarkits ġodda huwa pprojbit f’37 mill-41 distrett. Fl-erba’ distretti li jibqgħu, it-twaqqif ta’ ipermarkits huwa awtorizzat biss sa kemm din il-forma ta’ ħanut ma tassorbix iktar minn 9 % tal-ispejjeż f’prodotti ta’ użu ta’ kuljum jew ta’ 7 % ta’ spejjeż f’prodotti li ma humiex ta’ użu ta’ kuljum, skont l-Artikolu 10(2) tad‑Digriet Nru 379/2006. Fl-aħħar nett, mill-PTSEC jirriżulta li, f’dawn l-aħħar erba’ distretti, iż-żona massima għall-ipermarkits tkun biss ta’ 23 667 m2 maqsuma bejn sitt muniċipalitajiet.

53      It-tieni lment, li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ kisba ta’ liċenzja speċifika, tinkludi sitt partijiet. L-ewwel waħda tirrigwarda n-neċessità li tinkiseb liċenzja speċifika qabel il-ftuħ tal-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut, imposta mill‑Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 7/1996, it-tieni tirrigwarda l-kunsiderazzjoni, għall-kisba ta’ tali liċenzja, tal-eżistenza ta’ tagħmir kummerċjali fiż-żona kkonċernata kif ukoll tal-effetti ta’ twaqqif ġdid fuq l-istruttura kummerċjali ta’ din iż‑żona, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Liġi Nru 7/1996, it-tielet tirrigwarda r-rekwiżit, għall-kisba ta’ din l-awtorizzazzjoni, ta’ rapport fuq is‑sehem mis-suq li jkun vinkolanti jekk jirriżulta negattiv, u li għandu jkun negattiv jekk is-sehem mis-suq jaqbeż ċertu valur, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 8 tal‑Liġi Nru 18/2005 u l-Artikoli 31(4) u 33(2) tad-Digriet Nru 378/2006, ir-raba’ tirrigwarda r-rekwiżit ta’ konsultazzjoni tal-qorti tal-kompetizzjoni impost mit‑tieni subparagrafu tal-Artikoli 6(2) tal-Liġi Nru 7/1996, il-ħames tirrigwarda l-obbligu li tinkiseb l-opinjoni tal-Kumitat tal-Faċilitajiet għall-Bejgħ bl-Imnut li l-membri tiegħu huma kompetituri potenzjali tal-applikant tal-liċenzja, skont l‑Artikolu 11 tal-Liġi Nru 18/2005 u 26 tad-Digriet Nru 378/2006, u s-sitt waħda tirrigwarda n-nuqqas ta’ definizzjoni ċara tal-kriterji applikabbli skont l‑Artikolu 10 tal-Liġi Nru 18/2005.

54      Fl-aħħar nett, it-tielet ilment, li jirrigwarda ċerti aspetti tal-proċedura tal-ħruġ ta’ liċenzja, huwa maqsum fi tliet partijiet, l-ewwel waħda tittratta s-sistema tas-silenzju negattiv ipprovduta fl-Artikoli 6 u 7 tal-Liġi 18/2005, it-tieni tirrigwarda l-ġbir tal‑miżati kkunsidrati bħala mingħajr rabta mal-ispiża ta’ din il-proċedura skont l‑Artikolu 12 tal-imsemmija liġi u t-tielet tirrigwarda t-tul eċċessiv tal-imsemmija proċedura li tirriżulta mill-Artikolu 33(5) u (7) tad-Digriet 378/2006, dwar it-tul ta’ żmien għall-għoti u tal-validità tar-rapport fuq is-sehem mis-suq.

1.     L-argumenti tal-partijiet

55      Il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni kkontestata tammonta għal restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta mill-Artikolu 43 KE, sa fejn din taffettwa l-possibbiltajiet ta’ twaqqif tal-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut fit‑territorju tal-Komunità awtonoma ta’ Cataluña. L-imsemmija leġiżlazzjoni tipproduċi effett diskriminatorju indirett billi tiffavorixxi t-twaqqif ta’ stabbilimenti medji għall-bejgħ bl-imnut pjuttost milli stabbilimenti kbar għall‑bejgħ bl-imnut. Fil-fatt, l-operaturi ekonomiċi li jixtiequ jwaqqfu stabbilimenti medji għall-bejgħ bl-imnut huma fil-parti l-kbira tagħhom ta’ nazzjonalità Spanjola filwaqt li dawk li jixtiequ jwaqqfu l-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut l-iktar spiss joriġinaw minn Stati Membri oħra. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni kkontestata ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata minn waħda mir‑raġunijiet ipprovduti fl-Artikolu 46(1) KE. Il-Kummissjoni ssostni sussidjarjament li l-ġustifikazzjonijiet invokati mir-Renju ta’ Spanja fi kwalunkwe każ ma jistgħux jiġu ammessi.

56      Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-allegat nuqqas. Dan l-Istat Membru jirrikonoxxi li l-leġiżlazzjoni kkontestata tinkludi ċerti restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, iżda jsostni li dan ma jammontax għal diskriminazzjoni, lanqas indiretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità. L-imsemmija leġiżlazzjoni tkun ġustifikata minn raġunijiet ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari l-protezzjoni tal‑konsumaturi, il-protezzjoni tal-ambjent u l-ippjanar tajjeb tat-territorju. Hija tkun adattata kemm sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet imħaddna u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu.

57      Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni, jekk hija ma hijiex diskriminatorja, ma għandhiex tkun ikkunsidrata li tammonta għal restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ipprojbita mid-dritt tal-Unjoni, peress li hija ma taffettwax direttament l-aċċess tal-operaturi barranin għas-suq. Ir-Renju ta’ Spanja jappoġġa din it-teżi.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a)     Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment

58      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, hija l-Kummissjoni li hija responsabbli li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ nuqqas allegat. Hija l-Kummissjoni li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-punti ta’ fatt neċessarji għall‑verifika minnha, tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, 290/87, Ġabra p. 3083, punti 11 u 12, kif ukoll tal-4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑241/08, Ġabra p. I‑1697, punt 22).

59      Il-validità tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li skont din il-leġiżlazzjoni kkontestata tipproduċi effetti indirettament diskriminatorji għall-operaturi li joriġinaw minn Stati Membri minbarra dak tar-Renju ta’ Spanja tippresupponi li l‑Kummissjoni wriet li hemm differenza fit-trattament bejn l-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut u l-istabbilimenti l-oħra għall-bejgħ bl-imnut, u li din id‑differenza tammonta għal żvantaġġ għall-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl‑imnut. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għadha turi li l-imsemmija differenza fit-trattament tivvantaġġa lill-operaturi Spanjoli minħabba l-fatt li dawn l‑operaturi jipprivileġġaw lill-istabbilimenti żgħar u ta’ daqs medju filwaqt li l‑operaturi ta’ Stati Membri oħra jippreferixxu l-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut.

60      Sabiex jiġu stabbiliti dawn il-punti, il-Kummissjoni ppreżentat serje ta’ ċifri. Issa, hekk kif ikkonstatat l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn iċ-ċifri, minkejja li jippreżentaw ċerta koerenza mal-affermazzjoni li l‑operaturi Spanjoli għandhom preferenza għall-istabbilimenti medji għall-bejgħ bl-imnut u l-operaturi li joriġinaw minn Stati Membri oħra jippreferixxu l‑istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut, ma humiex kompluti. Fil-fatt, l‑informazzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix li jiġi stabbilit b’ċertezza la n-numru ta’ stabbilimenti kkonċernati u lanqas t-tqassim skont il‑kontroll Spanjol jew mhux Spanjol ta’ parti sinjifikattiva tal-istabbilimenti li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ stabbilimenti kbar skont l-Artikolu 3(1) tal‑Liġi 18/2005. Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma ġiet informata bit-tqassim skont l-ishma tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati għall-kategoriji differenti ta’ stabbilimenti.

61      Fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni sostniet li rabta kawżali li, skont din, hija l-bażi tal-korrelazzjoni ta’ statistika hija bbażata fuq il-fatt li l‑operaturi barranin jippreferu jiftħu stabbilimenti ikbar sabiex jiksbu l-ekonomiji fil-kobor neċessarji sabiex itejbu bl-aħjar mod il-possibbiltajiet tagħhom li jippenetraw territorju ġdid. Madankollu, hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil‑punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha, din l-ispjegazzjoni tikkonċerna dħul f’suq ġdid ’il bogħod mis-suq ta’ oriġini pjuttost milli n-nazzjonalità tal-operatur.

62      Huwa għalhekk essenzjali li wieħed jinnota li l-Kummissjoni ma ressqitx provi konklużivi, li jistgħu jistabbilixxu li ċ-ċifri li hija ppreżentat insostenn tat-teżi tagħha jikkonfermaw effettivament ir-realtà tagħha. Il-Kummissjoni lanqas ma ressqet provi li juru li l-leġiżlazzjoni kkontestata tipproduċi effetti indirettament diskriminatorji għall-operaturi li joriġinaw minn Stati Membri oħra meta mqabbla mal-operaturi Spanjoli.

63      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 43 KE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mit-Trattat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑299/02, Ġabra p. I‑9761, punt 15, u tal-21 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑140/03, Ġabra p. I‑3177, punt 27).

64      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “restrizzjoni” fis-sens tal‑Artikolu 43 KE jkopri l-miżuri meħuda minn Stat Membru li, minkejja applikabbli mingħajr distinzjoni, jaffettwaw l-aċċess għas-suq għall-impriżi ta’ Stati Membri oħra u b’hekk jostakolaw il-kummerċ intra-Komunitarju (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C‑442/02, Ġabra p. I‑8961, punt 11, u tat-28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑518/06, Ġabra p. I‑3491, punt 64, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑110/05, Ġabra p. I‑519, punt 37).

65      Taħt din il-kategorija taqa’ b’mod partikolari, leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-twaqqif ta’ impriża ta’ Stat Membru ieħor għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, peress li din tista’ tostakola, għal din l-impriża, l‑eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment billi ċċaħadha milli teżerċita liberament l‑attivitajiet tagħha permezz ta’ stabbiliment stabbli (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 54).

66      Fil-każ preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni kkontestata, ikkunsidrata fl-intier tagħha, tistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li tapplika għal kull ftuħ ta’ stabbiliment kbir għall-bejgħ bl-imnut fit-territorju tal-Komunità awtonoma ta’ Cataluña.

67      Issa, l-ewwel nett, din il-leġiżlazzjoni tillimita ż-żoni ta’ twaqqif disponibbli għall-istabbilimenti ġodda u timponi limiti għaż-żoni għall-bejgħ li jistgħu jiġu awtorizzati għal dawn.

68      It-tieni nett, l-imsemmija leġiżlazzjoni tawtorizza lill-istabbilimenti ġodda biss sa fejn ma jkunx hemm effett fuq il-ħwienet żgħar li kienu diġà joperaw.

69      It-tielet nett, hija tistabbilixxi numru ta’ regoli proċedurali dwar l-għoti tal‑imsemmija liċenzja li jista’ jkollhom effett negattiv reali fuq in-numru ta’ applikazzjonijiet għal-liċenzji ppreżentati u/jew fuq in-numru ta’ liċenzji mogħtija.

70      Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni kkontestata, meħuda fl-intier tagħha, għandha bħala effett li tostakola u tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju, mill-operaturi ekonomiċi ta’ Stati Membri oħra, tal-attivitajiet tagħhom fit-territorju tal‑Komunità awtonoma ta’ Cataluña permezz ta’ stabbiliment stabbilit u b’hekk taffettwa t-twaqqif tagħhom fis-suq Spanjol.

71      Ir-Renju ta’ Spanja jammetti li din il-leġiżlazzjoni tinkludi ċerti restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment.

72      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni kkontestata, meħuda fl‑intier tagħha, tammonta għal restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal‑Artikolu 43 KE.

b)     Fuq il-ġustifikazzjonijiet tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

73      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, li huma applikabbli mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, jistgħu jiġu ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil‑kundizzjoni li jkunu adattati sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, Ġabra p. I‑1721, punt 44; tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et, C‑171/07 u C‑172/07, Ġabra p. I‑4171, punt 25, kif ukoll Blanco Pérez u Chao Gómez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

74      Fost raġunijiet imperattivi bħal dawn rikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja jidhru fost l-oħrajn il-protezzjoni tal-ambjent (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C‑384/08, Ġabra p. I‑2055, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-ippjanar tajjeb tat-territorju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius, C‑567/07, Ġabra p. I‑9021, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll il‑protezzjoni tal-konsumatur (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑260/04, Ġabra p. I‑7083, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, għanijiet ta’ natura purament ekonomikiċi ma jistgħux jammontaw għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, CIBA, C‑96/08, Ġabra p. I‑2911, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, jekk hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jinvoka raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà tal-moviment li turi li l-leġiżlazzjoni tagħha hija adattata u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex, dan l-oneru tal-prova ma jistax ikun tali li jirrikjedi li dan l-Istat Membru juri, b’mod pożittiv, li ebda miżura oħra immaġinabbli ma tippermetti li jintlaħaq l-imsemmi għan taħt l-istess kundizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

76      Konsegwentement għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni kkontestata, mhux ikkunsidrata fl-intier tagħha, iżda għal dak li jirrigwarda kull waħda mir‑restrizzjonijiet speċifiċi allegati mill-Kummissjoni, hijiex iġġustifikata mir‑raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħal dawk imressqa mir-Renju ta’ Spanja u pprovduti fil-punt 56 tas-sentenza preżenti.

i)     Fuq l-ewwel ilment, dwar il-limitazzjonijiet fir-rigward tal-lok u d-daqs tal‑istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut

77      Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni titratta l-limitazzjonijiet fir‑rigward tal-lok u d-daqs tal-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut li jirriżultaw mill-projbizzjoni li jiġu mwaqqfa stabbilimenti bħal dawn barra miż‑żoni urbani kkonsolidati ta’ numru limitat ta’ muniċipalitajiet, skont l‑Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 18/2005, kif ukoll tal-limitazzjoni taż-żoni għall-bejgħ għal kull distrett u muniċipalità b’mod konformi mal-Artikoli 7 u 10(2) u l-Anness 1.2 tad-Digriet Nru 379/2006.

78      Ir-Renju ta’ Spanja jallega li d-dispożizzjonijiet imsemmija huma adegwati sabiex jiżguraw it-twettiq tal-għanijiet tal-ippjanar tajjeb tat-territorju u tal‑protezzjoni tal-ambjent li huma jfittxu. Fil-fatt, billi jillimitaw it-twaqqif tal‑istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut għal postijiet fejn il-popolazzjoni hija kkonċentrata, fejn id-domanda hija l-iktar qawwija, u billi tillimita d-daqs tal‑istabbilimenti fiż-żoni inqas popolati, il-leġiżlazzjoni kkontestata għandha l‑għan li tevita l-vjaġġi f’vetturi li jniġġsu, sabiex jiġi miġġieled it-tħassir urban, sabiex jiġi ppreżervat mudell urban li jirrispetta l-ambjent, sabiex tiġi evitata l‑kostruzzjoni tar-rotot ġodda u sabiex jiġi żgurat aċċess għal dawn l‑istabbilimenti mit-trasport pubbliku.

79      Il-Kummissjoni tikkunsidra, għall-kuntrarju, li l-limitazzjonijiet inkwistjoni ma humiex xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għanijiet imfittxija.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l‑Kummissjoni, restrizzjonijiet rigward il-lok u d-daqs tal-istabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut jidhru li huma mezzi xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ ippjanar tajjeb tat-territorju u tal-protezzjoni tal-ambjent invokati mir-Renju ta’ Spanja.

81      Madankollu, mill-Artikolu 10(2) tad-Digriet Nru 379/2006 jirriżulta li l-ebda żieda tal-offerta kummerċjali fil-forma ta’ ipermarkits ma kienet prevista fid‑distretti fejn din l-offerta kienet ikkunsidrata eċċessiva għas-sena 2009. Barra minn hekk, mill-Anness 1.2 tal-imsemmi digriet jirriżulta li l-imsemmija offerta kienet ikkunsidrata eċċessiva għal din is-sena f’37 mill-41 distretti tal-Komunità awtonoma ta’ Cataluña. Fl-erba’ distretti rimanenti, b’mod konformi mal‑imsemmi Artikolu 10(2) żieda fl-offerta kummerċjali setgħet isseħħ fil-forma ta’ ipermarkits biss jekk din il-forma ta’ ħwienet ma tassorbix iktar minn 9 % tal‑ispejjeż kummerċjalizzabbli stmati tad-distrett għas-sena 2009 fi prodotti ta’ użu ta’ kuljum u iktar minn 7 % ta’ dawn l-ispejjeż f’prodotti li ma humiex ta’ użu ta’ kuljum. Fl-aħħar nett, mill-Anness 1.2 jirriżulta li, f’dawn l-erba’ distretti, iż‑żona massima għall-ipermarkits kienet limitata għal 23 667 m2 maqsuma bejn sitt muniċipalitajiet.

82      Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-limitazzjonijiet speċifiċi imposti mil‑leġiżlazzjoni kkontestata, ikkunsidrati flimkien, jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-possibbiltajiet li jinfetħu stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut fit-territorju tal-Komunità awtonoma ta’ Cataluña.

83      F’ċirkustanzi bħal dawn, r-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati minn Stat Membru sabiex jiġġustifika deroga għall-prinċipju tal-libertà ta’ stabbiliment għandhom ikunu akkumpanjati minn analiżi tal-opportunità u tal-proporzjonalità tal-miżura restrittiva adottata minn dan l-Istat Membru, kif ukoll elementi preċiżi li jippermettu li jsostnu l-argument tiegħu (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑161/07, Ġabra p. I‑10671, punt 36 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

84      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja ma ressaqx provi suffiċjenti li jispjegaw ir-raġunijiet li għalihom ir-restrizzjonijiet inkwistjoni jkunu neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija.

85      Fir-rigward ta’ dan in-nuqqas ta’ spjegazzjoni u għall-effett sinjifikattiv tal‑limitazzjonijiet ikkonċernati fuq il-possibbiltajiet ta’ ftuħ ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut fit-territorju tal-Komunità awtonoma ta’ Cataluña, għandu jiġi kkunsidrat li r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment imposti f’dan ir‑rigward ma humiex ġustifikati.

86      B’hekk jirriżulta li l-ewwel element għandu jintlaqa’.

ii)  Fuq it-tieni lment, li jirrigwarda r-rekwiżit u l-kundizzjonijiet ta’ kisba ta’ liċenzja speċifika għall-ftuħ ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut

–       Fuq l-ewwel tliet partijiet

87      Permezz tal-ewwel tliet partijiet tat-tieni lment, il-Kummissjoni tikkontesta l‑legalità, rispettivament, tal-Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 7/1996, li jimponi l-kisba ta’ liċenzja speċifika qabel il-ftuħ ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut, tal‑ewwel subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 6(2), li jimponi li tiġi kkunsidrata, għall‑ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni, l-eżistenza ta’ tagħmir kummerċjali fiż-żona kkonċernata kif ukoll tal-effetti ta’ twaqqif ġdid fl-istruttura kummerċjali ta’ din iż-żona, u tal-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 18/2005 kif ukoll tal-Artikoli 31(4) u 33(2) tad-Digriet Nru 378/2006, li jimponu r-redazzjoni ta’ rapport fuq is-sehem mis-suq li huwa vinkolanti jekk huwa negattiv u li għandu jkun negattiv jekk is-sehem mis-suq jeċċedi ċertu valur.

88      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-dispożizzjonijiet b’hekk ikkontestati għandhom, b’mod ġenerali, għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent, l-ippjanar tajjeb tat-territorju u tal-protezzjoni tal-konsumaturi, billi għandhom l-għan, fir-rigward ta’ dan l‑aħħar għan imsemmi, li jiżguraw kompetizzjoni iktar effettiva f’dak li jirrigwarda prezz, kwalità u għażla.

89      Il-Kummissjoni għal kuntrarju tikkunsidra li l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom għanijiet purament ekonomiċi peress li huma jipproteġu l-ħwienet lokali ż-żgħar.

90      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel nett, l-ewwel parti, dwar ir-rekwiżit ta’ kisba ta’ liċenza qabel il-ftuħ ta’ stabbiliment kbir għall-bejgħ bl-imnut, li jirriżulta mill‑Artikolu 6(1) tal-Liġi Nru 7/1996, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma esponietx, la fir-rikors tagħha, la fir-replika tagħha, u lanqas fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali, b’liema mod l-imsemmi rekwiżit, fih innifsu, ifittex għanijiet purament ekonomiċi.

91      Ir-Renju ta’ Spanja, minn naħa tiegħu, sostna li, għal dak li jirrigwarda t-twaqqif ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut, it-twettiq ta’ dawn l-għanijiet tal‑ippjanar tajjeb tat-territorju u tal-protezzjoni tal-ambjent, hekk kif espost fil‑punt 78 tas-sentenza preżenti, jiddependi fuq proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. Skont dan l-Istat Membru, id-danni li jseħħu f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-għanijiet ma jistax isir tajjeb għalihom ex post, jiġifieri la darba jsir it-twaqqif.

92      F’dan ir-rigward, hekk kif ikkonstatat l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal‑konklużjonijiet tagħha, l-introduzzjoni ta’ miżuri preventattivi, u konsegwentement prerekwiżiti, għandha, fil-kuntest preżenti, tkun ikkunsidrata adegwata sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent. Fil-fatt, l‑adozzjoni tal-miżuri a posteriori, jekk jirriżulta li t-twaqqif ta’ stabbiliment kummerċjali diġà mibni jkollu impatt negattiv fuq il-protezzjoni tal-ambjent, jidher bħala alternattiva inqas effettiva u li tinvolvi iktar spejjeż meta mqabbla mas‑sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel. L-istess raġunament japplika għal dak li jirrigwarda l-għan tal-ippjanar tajjeb tat-territorju.

93      Il-Kummissjoni lanqas ma tindika b’liema mod ir-rekwiżit ta’ kisba ta’ liċenzja qabel il-ftuħ ta’ stabbiliment għall-bejgħ bl-imnut, fih innifsu, imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-imsemmija għanijiet.

94      Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni lment għandha tiġi miċħuda.

95      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu, li jirrizulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Liġi Nru 7/1996, li tiġi kkunsidrata, għall-ħruġ ta’ liċenżja bħal din, l-eżistenza ta’ tagħmir kummerċjali fiż-żona kkonċernata kif ukoll l-effetti ta’ twaqqif ġdid fl-istruttura kummerċjali ta’ din iż-żona, previst mit-tieni parti tal-ilment preżenti, jirrigwarda l-effett fuq in-negożju li kien diġà jeżisti u l-istruttura tas-suq u mhux il-protezzjoni tal-konsumaturi.

96      L-istess japplika għall-obbligu, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ħruġ ta’ din il‑liċenzja, li jiġi redatt rapport fuq is-sehem mis-suq, li huwa vinkolanti jekk huwa negattiv u li għandu jkun negattiv jekk is-sehem mis-suq jeċċedi ċertu valur, obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 18/2005 u tal-Artikoli 31(4) u 33(2) tad-Digriet Nru 378/2006, li huwa previst mit-tielet parti tal-ilment preżenti.

97      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġu l‑applikazzjoni ta’ limiti għal dak li jirrigwarda s-sehem mis-suq u l-effett fuq il‑kummerċ bl-imnut diġà eżistenti li ’l fuq minnhom huwa impossibbli li jinfetħu stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut u/jew stabbilimenti ġodda medji għall‑bejgħ bl-imnut.

98      Issa, peress li kunsiderazzjonijiet bħal dawn huma ta’ natura purament ekonomika, dawn ma jistgħux, b’mod konformi mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 74 tas‑sentenza preżenti, jammontaw għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

99      Konsegwentement, għandhom jintlaqgħu t-tieni u t-tielet partijiet tat-tieni lment.

–       Fuq ir-raba’ parti

100    Fil-kuntest ta’ din il-parti, il-Kummissjoni tikkontesta l-kompatibbiltà mal‑Artikolu 43 KE tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Liġi Nru 7/1996, li jimponi l-konsultazzjoni tal-qorti tal-kompetizzjoni.

101    B’mod ġenerali, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-dispożizzjonijiet dwar il-kisba ta’ liċenzja speċifika, fosthom dik li tipprovdi l-obbligu ta’ konsultazzjoni tal-qorti tal‑kompetizzjoni, huma mmotivati mill-għanijiet tal-ippjanar tajjeb tat-territorju, tal-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll tal-protezzjoni tal-konsumaturi, li huma adegwati sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu.

102    Il-Kummissjoni ma indikatx ir-raġunijiet għaliex hija tikkunsidra li l‑ġustifikazzjonijiet hekk invokati mir-Renju ta’ Spanja ma jistgħux jiġu ammessi.

103    Fin-nuqqas ta’ preċiżazzjonijiet konkreti fir-rigward tal-parti preżenti, u peress li, hekk kif ikkonstatat l-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tagħha, obbligu li tikkonsulta korp responsabbli minn kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, li joħroġ rapport mhux vinkolanti, jidher xieraq sabiex jiżgura t‑twettiq tal-għanijiet invokati mir-Renju ta’ Spanja mingħajr ma jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu, għandha tiġi miċħuda r‑raba’ parti tat-tieni lment.

–       Fuq il-ħames parti

104    Il-ħames parti tat-tieni lment tirrigwarda r-rekwiżit ta’ konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Faċilitajiet għall-Bejgħ bl-Imnut li jirriżulta mill-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 18/2005 u mill-Artikolu 26 tad-Digriet Nru 378/2006.

105    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tidhirx li qiegħda tikkritika l-eżistenza tal‑imsemmi kumitat jew l-obbligu fih innifsu li jiġi kkonsultat, iżda pjuttost il-fatt li huwa kompost minn kompetituri potenzjali tal-operatur ekonomiku li jixtieq iwaqqaf stabbiliment kbir ġdid fil-Cataluña.

106    Bħal fil-każ tal-partijiet l-oħra tal-ilment preżenti, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li dawn id-dispożizzjonijiet huma motivati mill-għanijiet tal-ippjanar tajjeb tat‑territorju, tal-protezzjoni tal-ambjent u tal-protezzjoni tal-konsumaturi, li huma adegwati sabiex jiżguraw it-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu.

107    L-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 18/2005 jipprovdi li l-Kumitat tal-Faċilitajiet għall‑Bejgħ bl-Imnut jistabbilixxi rapport mhux biss fuq il-kwistjonijiet marbuta mal-ħruġ ta’ liċenzji mill-Generalitat, iżda wkoll fuq kwistjonijiet ta’ ppjanar marbuta mal-għażla taż-żoni li fihom stabbilimenti għall-bejgħ bl-imnut jistgħu jinfetħu, inkluż fosthom il-preżentazzjoni tal-proposti ta’ emenda għall-PTSEC u tad-delimitazzjoni taż-“żona urbana kkonsolidata tal-muniċipalitajiet”.

108    It-twaqqif ta’ kumitat bħal dan, bil-għan li jistabbilixxi rapport qabel ma tittieħed deċiżjoni li tinħareġ jew tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni, li jikkunsidra b’mod partikolari l-ippjanar tajjeb tat-territorju u l-protezzjoni tal-ambjent, huwa adattat sabiex jiżgura t-twettiq tal-għanijiet imfittxija f’dan ir-rigward minn din id‑dispożizzjoni.

109    Barra minn hekk, hekk kif ikkonstatat l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal‑konklużjonijiet tagħha, l-eżistenza ta’ dan il-kumitat kif ukoll il-kompiti tiegħu ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet tal-ippjanar tajjeb tat-territorju u tal-protezzjoni tal-ambjent.

110    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 26(1) tad-Digriet Nru 378/2006, li jipprovdi li l‑imsemmi kumitat huwa kompost minn seba’ membri li jirrapreżentaw is‑servizzi tal-Generalitat, sitt membri li jirrapreżentaw il-muniċipalitajiet, seba’ membri li jirrapreżentaw is-settur kummerċjali kif ukoll żewġ esperti maħtura mid-dipartiment tal-kummerċ tal-Generalitat u segretarju, ma jidhirx adattat sabiex jiżgura t-twettiq tal-għanijiet imfittxija.

111    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-uniku interess settorjali rrapreżentat f’dan il‑kumitat huwa dak tal-kummerċ lokali diġà eżistenti. Issa, korp kompost b’dan il-mod, li fih l-interessi marbuta kemm mal-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll ma’ dik tal-konsumaturi ma humiex irrappreżentati, filwaqt li l-kompetituri potenzjali tal-applikant tal-liċenzja huma rrappreżentati, ma jistax jikkostitwixxi strument adattat sabiex jikseb l‑għanijiet tal-ippjanar tajjeb tat-territorju, tal-protezzjoni tal-ambjent u tal‑protezzjoni tal-konsumaturi.

112    B’hekk, l-eżistenza tal-Kumitat tal-Faċilitajiet għall-Bejgħ bl-Imnut imwaqqaf mill-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 18/2005 u l-funzjonijiet tiegħu hekk kif esposti f’dan l-artikolu jistgħu jiġu ġustifikati. Min-naħa l-oħra, il-kompożizzjoni tiegħu hekk kif prevista fl-Artikolu 26 tad-Digriet Nru 378/2006 ma hijiex adattata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet imfittxija permezz tat-twaqqif tal-kumitat.

113    B’hekk jirriżulta li l-ħames parti tat-tieni lment għandha tintlaqa’ għal dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tal-imsemmi kumitat hekk kif previst fl-Artikolu 26 tad-Digriet Nru 378/2006.

–       Fuq is-sitt parti

114    Permezz tas-sitt parti tat-tieni lment, il-Kummissjoni tikkontesta l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 18/2005.

115    F’dan ir-rigward, hija ssostni li ċerti kriterji li skonthom il-Generalitat jew l‑awtoritajiet muniċipali għandhom jippronunzjaw ruħhom fuq l-applikazzjonijiet għal liċenzja huma nieqsa minn preċiżjoni. Hija tirreferi l-iktar għall‑“kundizzjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà tal-proġett u l-integrazzjoni tal‑istabbiliment fl-ambjent urban”, il-“mobbiltà ġġenerata mill-proġett” u d‑“dritt tal-konsumaturi li jkollhom provvista wiesgħa u varjata f’termini ta’ kwalità, kwantità, prezz u karatteristiċi tal-prodott”. Skont il-Kummissjoni, kriterji bħal dawn iwaqqfu lill-applikanti milli jevalwaw b’mod preċiż il-possibbiltajiet tagħhom li jiksbu liċenzja u jagħtu setgħa diskrezzjonali kbira wisq lill‑awtoritajiet li joħorġu l-liċenzji.

116    Ir-Renju ta’ Spanja jammetti li l-kriterju tad-“dritt tal-konsumaturi li jkollhom provvista wiesgħa u varjata f’termini ta’ kwalità, kwantità, prezz u karatteristiċi tal-prodott” jista’ jkun ikkunsidrat bħala mhux preċiż biżżejjed, iżda jsostni li dan ma huwiex il-każ ta’ żewġ kriterji oħra kkontestati. Fi kwalunkwe każ, dan l-Istat Membru jsostni li s-sempliċi nuqqas ta’ definizzjoni preċiża ma jrendix il-kriterji mhux adattati għat-twettiq tal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tal‑konsumaturi. Il-leġiżlatur tal-Unjoni barra minn hekk juża l-istess teknika, li tindika kriterji li għandhom jiġu applikati mingħajr ma tispeċifika valuri li permezz tagħhom ikun possibbli li jiġi stabbilit bil-quddiem, b’mod preċiż, jekk applikazzjoni tkunx ser tintlaqa’ b’mod favorevoli jew le.

117    F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-Kummissjoni tikkontesta mhux in-natura tal‑kriterji kkonċernati, iżda biss in-nuqqas ta’ preċiżjoni tagħhom. Issa, jekk ikun ammess li l-integrazzjoni fl-ambjent urban, l-effett fuq l-użu tar-rotot u tat-trasport pubbliku, u l-varjetà tal-għażla disponibbli għall-konsumaturi jammontaw għall‑kriterji leġittimi meta jkun hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni fuq jekk għandhux jiġi awtorizzat il-ftuħ ta’ stabbiliment kummerċjali, għandu jiġi kkonstatat, bħal ma sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 116 tal-konklużjonijiet tagħha, li huwa diffiċli li jiġu speċifikati bil-quddiem limiti jew limiti massimi preċiżi mingħajr ma jkun hemm livell ta’ riġidità li tista’ tillimita iktar il-libertà ta’ stabbiliment.

118    Peress li l-kriterji msemmija fl-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 18/2005 ma humiex nieqsa minn preċiżjoni tant li jsiru mhux adattati għat-twettiq tal-għanijiet tal‑ippjanar tajjeb tat-territorju, ta’ protezzjoni tal-ambjent u tal-protezzjoni tal‑konsumaturi invokati mir-Renju ta’ Spanja jew sproporzjonati fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet, is-sitt parti tat-tieni lment għandha tiġi miċħuda.

iii)  Fuq it-tielet ilment, dwar ċerti aspetti tal-proċedura ta’ ħruġ ta’ liċenzja

–       Fuq l-ewwel parti

119    Permezz tal-ewwel parti tat-tielet ilment, il-Kummissjoni tikkritika s-sistema magħrufa bħala “silenzju negattiv” ipprovdut fl-Artikoli 6 u 7 tal-Liġi Nru 18/2005.

120    Ir-Renju ta’ Spanja jallega li din is-sistema tammonta għal garanzija favur il-partijiet kollha kkonċernati li jkunu ppreżentaw lill-awtorità kompetenti applikazzjoni għal-liċenzja, neċessarja għall-ftuħ, it-tkabbir jew it-trasferiment tal-mezzi u ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut skont l-imsemmija dispożizzjonijiet. Fil‑fatt, dan il-mekkaniżmu jippermettilu jaġixxi fir-rigward ta’ nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni tal-amministrazzjoni quddiem il-qrati fl-iskadenza tat-terminu massimu previst sabiex tiddeċiedi fuq l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni meta l-ebda deċiżjoni ma tittieħed.

121    Il-Kummissjoni ssostni li l-imsemmi mekkaniżmu huwa sproporzjonat u li l-istess għan jista’ jintlaħaq permezz tas-sistema tas-“silenzju pożittiv”.

122    Huwa minnu li f’każ fejn sistema li timplika li applikazzjoni għal liċenzja hija kkunsidrata bħala maħruġa, u mhux bħala rifjutata, jekk l-ebda deċiżjoni li tirrifjuta dan ma tittieħed fit-terminu speċifiku, dan jista’ jidher bħala inqas restrittiv. Hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 120 tal‑konklużjonijiet tagħha, sistema bħal din hija madankollu prevista fl-Artikolu 33(5) tad-Digriet Nru 378/2006 li jirrigwarda l-ħruġ tar-rapport dwar is-sehem mis-suq.

123    Madankollu, hekk kif tfakkar fil-punt 75 tas-sentenza preżenti, jekk huwa minnu li huwa l-Istat Membru li jinvoka raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali sabiex jiġġustifika restrizzjoni għal-libertà tal-moviment li għandu juri li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija adattata u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex, dan l‑oneru tal-prova ma jasalx sal-punt li jeħtieġ li dan l-Istat Membru juri, b’mod pożittiv, li l-ebda miżura oħra immaġinabbli ma tippermetti li tilħaq l-imsemmi għan taħt l-istess kundizzjonijiet.

124    F’dan ir-rigward, ma tkunx miċħuda lill-Istati Membri l-possibbiltà li jitwettqu l‑għanijiet bħall-protezzjoni tal-ambjent, l-ippjanar tajjeb tat-territorju u l‑protezzjoni tal-konsumaturi permezz tal-introduzzjoni tar-regoli immaniġġjati u kkontrollati mill-awtoritajiet kompetenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Josemans, C‑137/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 82).

125    Is-sistema tas-silenzju negattiv, prevista fil-kuntest ta’ proċedura tal-applikazzjoni għal-liċenzja li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ambjent, l-ippjanar tajjeb tat‑territorju u l-protezzjoni tal-konsumaturi, li l-funzjoni tagħha hija li tiżgura ċ‑ċertezza legali fis-sitwazzjoni fejn l-awtorità responsabbli li tippronunzja ruħha fuq din l-applikazzjoni ma tiħux deċiżjoni espliċità fit-terminu previst, billi tiddisponi li dan in-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni jammonta għal deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda biex b’hekk tippermetti lill-parti kkonċernata li tkun ppreżentat l-imsemmija applikazzjoni li tadixxi lill-qrati, tidher bħala li tista’ tiġi faċilment immaniġġjata u mistħarrġa mill-awtoritajiet kompetenti. Ir-Renju ta’ Spanja barra minn hekk spjega li fin-nuqqas ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-imsemmija sistema, l‑amministrazzjoni tibqa’ marbuta li tadotta att motivat li jtemm il-proċedura.

126    B’hekk jirriżulta li l-ewwel parti tat-tielet ilment għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti

127    Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet ilment, il-Kummissjoni ssostni li l-miżati previsti mill-Artikolu 12 tal-Liġi Nru 18/2005 għat-trattament ta’ applikazzjoni għal‑liċenzja u għar-rapport fuq is-sehem mis-suq jirrapreżentaw, għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati, spejjeż li għandhom effett disważiv fuq l-istabbiliment fit‑territorju Cataluña. Dawn il-miżati, peress li ma għandhomx rabta mal-ispiża tal‑proċedura tal-ħruġ ta’ liċenzja, huma sproporzjonati.

128    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li dawn il-miżati huma ffissati b’ċertu ammont għal kull metru kwadru taż-żona ta’ bejgħ li huwa ppjanat li jiġi mwaqqaf. Dan l-ammont ġie kkalkolat fil-bidunett billi ġew diviżi l-ispejjeż li jirrigwardaw il-proċeduri li seħħew fl-1994 u fl-1995 bin-numru ta’ metri kwadri previsti fl-applikazzjonijiet ikkonċernati u kien ġie adattat minn dak iż-żmien skont l-inflazzjoni. Dan jippermetti lill-operaturi jikkalkolaw bil-quddiem l-ammont tal-miżati b’ċertezza. Dan l-Istat Membru jżid li l-ħlas tal-imsemmija miżati jsir b’mod frazzjonat, b’mod li applikant li jirtira l-applikazzjoni ma jkollux iħallas it-totalità tal-miżati u li dawn jitilgħu, bħala medja, għal madwar 0.1 % tal-ispiża totali tal-proġett.

129    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dan il-metodu ta’ stabbiliment tal‑ammont tal-miżati dovuti jirrefletti t-totalità tal-imsemmija spejjeż b’mod raġonevoli mingħajr ma jwarrab b’mod kunsiderevoli l-ispejjeż reali f’kull każ individwali. Barra minn hekk, il-metodu tal-iffissar tiegħu, li jikkorrispondi għal ammont stabbilit għal kull metru kwadru, joffri l-vantaġġ li jippermetti li tiġi kkalkolata bil-quddiem l-ispiża tal-proċedura b’mod trasparenti.

130    It-tieni parti tat-tielet ilment għalhekk għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti

131    Peress li, b’mod konformi mal-punt 99 tas-sentenza preżenti, it-tielet parti tat-tieni lment għandha tintlaqa’, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-rekwiżit ta’ redazzjoni ta’ rapport fuq is-sehem mis-suq kif previst fl-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 18/2005 kif ukoll fl-Artikoli 31(4) u 33(2) tad-Digriet Nru 378/2006 ma jistgħux jiġu ġġustifikati, ma hemmx lok li tippronunzja ruħha fuq il-karattru raġonevoli jew le tat-termini ta’ kisba u tal-validità ta’ rapport bħal dan, li l‑Kummissjoni tikkontesta permezz tat-tielet parti tat-tielet ilment.

 Fuq l-ispejjeż

132    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal‑Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l‑ispejjeż tagħha, b’mod partikolari meta l-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. Fil-kawża preżenti, peress li l-partijiet tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

133    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) ta’ dawn l-istess regoli, ir-Renju tad-Danimarka, intervenjent f’din il-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 43 KE billi adotta u/jew żamm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet segwenti:

–        l-Artikolu 4(1) tal-Liġi 18/2005, dwar il-faċilitajiet għall-bejgħ bl-imnut (Ley 18/2005 de equipamientos comerciales), tas-27 ta’ Diċembru 2005, sa fejn huwa jipprekludi t-twaqqif ta’ stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl‑imnut barra miż-żoni urbani kkonsolidati ta’ numru limitat ta’ muniċipalitajiet;

–        l-Artikoli 7 u 10(2) kif ukoll l-Anness 1 tad-Digriet 379/2006, li japprova l-pjan territorjali settorjali ġdid għall-faċilitajiet għall-bejgħ bl-imnut (Decreto 379/2006 por el que se aprueba el Plan territorial sectorial de equipamientos comerciales), tal-10 ta’ Ottubru 2006, sa fejn dawn id‑dispożizzjonijiet li jillimitaw it-twaqqif ta’ ipermarkits ġodda f’numru mnaqqas ta’ distretti u jimponu li ipermarkits ġodda bħal dawn ma jassorbux iktar minn 9 % tal-ispejjeż f’prodotti ta’ użu ta’ kuljum u ta’ 7 % tal-ispejjeż f’prodotti li ma humiex ta’ użu ta’ kuljum;

–        l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tal-Liġi 7/1996, li tirregola l‑kummerċ bl-imnut (Ley 7/1996, de ordenación del comercio minorista), tal-15 ta’ Jannar 1996, l-Artikolu 8 tal-Liġi 18/2005, dwar il‑faċilitajiet għall-bejgħ bl-imnut, tas-27 ta’ Diċembru 2005, u l‑Artikoli 31(4), u 33(2) tad-Digriet 378/2006, li jimplementa l-Liġi Nru 18/2005 (Decreto 378/2006 por el que se desarolla la Ley 18/2005), tal-10 ta’ Ottubru 2006, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġu l‑applikazzjoni ta’ limiti għal dak li jirrigwarda s-sehem mis-suq u l‑effett fuq il-kummerċ bl-imnut diġà eżistenti li ’l fuq minnhom huwa impossibbli li jinfetħu stabbilimenti kbar għall-bejgħ bl-imnut u/jew stabbilimenti ġodda medji għall-bejgħ bl-imnut, u

–        l-Artikolu 26 tad-Digriet tal-Komunità awtonoma ta’ Cataluña Nru 378/2006, li jimplementa l-Liġi Nru 18/2005 (Decreto 378/2006 por el que se desarolla la Ley 18/2005), sa fejn jirregola l-kompożizzjoni tal‑Comisión de Equipamientos Comerciales (Kumitat tal-Faċilitajiet għall-Bejgħ bl-Imnut) billi jiżgura r-rappreżentanza tal-interessi tal‑kummerċ bl-imnut diġà eżistenti u billi ma jipprovdix għar‑rappreżentanza tal-assoċjazzjonijiet attivi fil-qasam tal‑protezzjoni tal-ambjent u tal-gruppi ta’ interess li jaħdmu għall‑protezzjoni tal-konsumaturi.

2)      Ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq ir-rikors sa fejn dan jirrigwarda l-kompatibbiltà mal-Artikolu 43 KE tal-Artikolu 33(5) u (7) tad‑Digriet 378/2006 li jimplementa l-Liġi Nru 18/2005 tal-10 ta’ Ottubru 2006.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju ta’ Spanja u r-Renju tad‑Danimarka għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.