Language of document : ECLI:EU:C:2012:454

Kawża C-176/11

HIT hoteli, igralnice, turizem dd Nova Gorica
u
HIT LARIX, prirejanje posebnih iger na srečo in turizem dd

vs

Bundesminister für Finanzen

(talba għal deċiżjoni preliminari
mressqa
mill-Verwaltungsgerichtshof (l‑Awstrija))

“Artikolu 56 TFUE — Restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi r-reklamar għal casinos li jinsabu fi Stati oħra jekk il-livell ta’ protezzjoni legali tal-ġugaturi f’dawn l-Istati ma jkunx ekwivalenti għal dak iggarantit fuq livell nazzjonali —Ġustifikazzjoni — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Proporzjonalità”

Sommarju tas-sentenza

Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta r-reklamar għal casinos li jinsabu fi Stati Membri oħrajn għall-garanzija ta’ livell ta’ protezzjoni legali tal-ġugaturi f’dan l-Istat ekwivalenti għal dak fuq livell nazzjonali — Ammissibbiltà

(Artikolu 56 TFUE)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha r-reklamar f’dan l-Istat li jippromwovi l-istabbilimenti ta’ casino li jinsabu fi Stat Membru ieħor jiġi awtorizzat biss jekk id-dispożizzjonijiet legali adottati f’dan l-Istat Membru fil-qasam tal-protezzjoni tal-ġugaturi jagħtu garanziji li sostanzjalment ikunu ekwivalenti għal dawk tad-dispożizzjonijiet legali korrispondenti fis-seħħ fl-ewwel Stat Membru.

Tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif iggarantita mill-Artikolu 56 TFUE, iżda tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni tal-frodi u tal-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob. Madankollu, ir-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom jissodisfaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-qasam, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu l-għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għaliex hija sempliċement teżiġi, sabiex tingħata l-awtorizzazzjoni li jsir ir-reklamar, protezzjoni mill-perikli tal-logħob li sostanzjalment tkun ta’ livell ekwivalenti għal dak li tiggarantixxi hija stess.

Tkun differenti, u allura din il-leġiżlazzjoni jkollha titqies li hija sproporzjonata, jekk hija teżiġi, fl-Istat Membru l-ieħor, li r-regoli jkunu identiċi, jew jekk hija timponi regoli mingħajr ebda relazzjoni diretta mal-protezzjoni mill-perikli tal-logħob.

(ara l-punti 19-22, 24, 31, 32, 36 u d-dispożittiv)