Language of document : ECLI:EU:C:2012:600

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-2 ta’ Ottubru 2012 (1)

Kawża C‑399/11

Proċeduri kriminali

kontra

Stefano Melloni

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Constitucional (Spanja)]

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment – Eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija in absentia – Possibbiltà ta’ reviżjoni tas-sentenza – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 53”





1.        Dan ir-rinviju preliminari jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta u, jekk ikun il-każ, tevalwa l-validità tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (3), [li ssaħħaħ] id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża. Dan jitlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċċara, għall-ewwel darba, il-portata tal-Artikolu 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2.        Din il-kawża hija eżempju tajjeb tal-mod li bih għandha titfassal il-koeżistenza tad-diversi strumenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Hija toriġina minn ġurisprudenza tat-Tribunal Constitucional (Spanja) li tistabbilixxi li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jinħareġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza in absentia għandha dejjem tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tingħata l-opportunità tgawdi minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti. Madankollu, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi, b’mod partikolari, li, meta tali persuna kienet taf bil-kawża skedata u hija tkun tat mandat lil konsulent legali sabiex jirrapreżentaha u jiddefendiha f’dik il-kawża, il-konsenja ma tistax tkun suġġetta għal kundizzjoni ta’ dan it-tip.

3.        Bit-tliet domandi li huwa ddeċieda li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tribunal Constitucional jitlobha sabiex tevalwa l-modi differenti li jistgħu jippermettulu li jżomm il-ġurisprudenza tiegħu, inkluż fl-ambitu tal-implementazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. Għandhom għalhekk jiġu esplorati diversi toroq.

4.        Għalhekk, tista’ l-applikazzjoni ġenerali tal-kundizzjoni li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza in absentia tirrikjedi li l-persuna kkonċernata tingħata l-opportunità tgawdi minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti tirriżulta minn interpretazzjoni tal-kliem, tal-istruttura u tal-għanijiet tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas?

5.        Jekk dan ma huwiex il-każ, dan l-artikolu huwa kompatibbli mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta, li jiggarantixxu lill-akkużat, rispettivament, id-dritt għal smigħ xieraq u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża? Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni għandu jagħti lil dawn id-drittijiet fundamentali protezzjoni iktar wiesgħa meta mqabbla mal-livell ta’ protezzjoni li huwa ggarantit lilhom mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”)?

6.        Fil-każ li l-eżami tal-ewwel żewġ domandi juri li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas, meta kkonfrontat mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta, jipprekludi li t-Tribunal Constitucional iżomm il-ġurisprudenza fil-qasam tal-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Artikolu 53 tal-Karta jagħtih tali possibbiltà?

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt primarju tal-Unjoni

7.        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li:

“Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna ghandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.”

8.        Skont l-Artikolu 48(2) tal-Karta:

“Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”

9.        Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta:

“Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

10.      L-Artikolu 53 tal-Karta jipprovdi kif ġej:

“Xejn f’din il-Karta m’għandu jiġi interpretat bħala li jillimita jew li jolqot b’mod negattiv id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom, mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġi internazzjonali u mill-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha huma parti, b’mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u mill-kostituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri.”

B –    Id-dritt sussidjarju tal-Unjoni

11.      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdi:

“[...]

2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-priċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Qafas].

3.      Din id-Deċiżjoni [Qafas] m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu ta’ rispett lejn id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif affermati fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

12.      Skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584:

“L-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni tista’, mil-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

1)      fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew inħareġ għall-finijiet ta’ l-eżekuzzjoni ta’ piena jew ordni ta’ detenzjoni imposta minn deċiżjoni mogħtija in absentia u jekk il-persuna kkonċernata ma ġietx imħarrka personalment jew infurmata b’mod ieħor bid-data u l-post tas-smigħ li wasslet għad-deċiżjoni mogħtija in absentia, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kondizzjoni li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tagħti assigurazzjoni kkunsidrata adatta biex tiggarantixxi li l-persuna soġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew ikollha opportunità biex tapplika għal kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti u li tkun preżenti għas-sentenza;

[...]”

13.      Skont l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299:

“L-Artikolu 5(1) [tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584] huwa mħassar.”

14.      Minflok din id-dispożizzjoni mħassra, l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 jintroduċi l-Artikolu 4a fid-Deċiżjoni [Qafas] 2002/584.

15.      Kif jindika l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, din għandha l-għan “li jissaħħu d-drittijiet proċedurali ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, li tiffaċilita l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u, b’mod partikolari, li ttejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri ”.

16.      L-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 jipprovdi, barra minn hekk, li “[d]in id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif proklamati fl-Artikolu 6 tat-Trattat, inkluż id-dritt ta’ difiża ta’ persuni soġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward m’għandux jiġi milqut”.

17.      L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas huwa redatt kif ġej:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:

a)      fi żmien debitu,

i)      jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

ii)      kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;

jew

b)      konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża;

jew

ċ)      wara li kienet innotifikata bid-deċiżjoni u kienet infurmata espressament dwar id-dritt għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;

i)      iddikjarat espressament li hija ma kkontestatx id-deċiżjoni;

jew

ii)      ma talbitx kawża mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli;

jew

d)      ma kinitx notifikata personalment bid-deċiżjoni iżda:

i)      ser tkun innotifikata personalment biha mingħajr dewmien wara ċ-ċediment u ser tkun infurmata espressament dwar id-dritt tiegħu jew tagħha għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;

u

ii)      ser tkun infurmata bil-perijodu taż-żmien li fih hija għandha titlob din il-kawża mill-ġdid jew l-appell, kif imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew rilevanti.

[...]”

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18.      B’digriet tal-1 ta’ Ottubru 1996, l-ewwel sezzjoni tas-Sala de lo Penal de la Audiencia Nacional (Awla Kriminali tal-Qorti Nazzjonali) (Spanja) iddikjarat li kienet iġġustifikata l-estradizzjoni lejn l-Italja ta’ S. Melloni (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), sabiex huwa jkun iġġudikat fuq il-fatti elenkati fil-Mandati ta’ Arrest Nri 554/1993 u 444/1993, maħruġa rispettivament fit-13 ta’ Mejju u l-15 ta’ Ġunju 1993 mit-Tribunale di Ferrara (l-Italja). Wara li ngħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest kontra garanzija ta’ ESP 5 000 000, li huwa ħallas l-għada, ir-rikorrent ħarab, u għalhekk huwa ma setax jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet Taljani.

19.      B’deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 1997, it-Tribunale di Ferrara kkonstata li r-rikorrent kien naqas milli jidher quddiemu u ddeċieda li minn dakinhar in-notifiki kellhom jintbagħtu lill-avukati li kienu ġew inkarigati u li kienu diġà indikati minnu. B’sentenza tat-Tribunale di Ferrara tal-21 ta’ Ġunju 2000, ikkonfermata, iktar tard, b’sentenza tal-Corte d’appello ta’ Bologna (l-Italja) tal-14 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrent kien ġie kkundannat in absentia għal piena ta’ għaxar snin priġunerija għal falliment frawdolenti. B’deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2004, il-Ħames Awla Kriminali tal-Corte suprema di cassazione (l-Italja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-avukati tar-rikorrent. Fit-8 ta’ Ġunju 2004, il-Prokuratur Ġenerali tar-Repubblika fil-Corte d’appello di Bologna ħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew Nru 271/2004 għall-eżekuzzjoni tal-kundanna ppronunzjata mit-Tribunale di Ferrara.

20.      Wara l-arrest tar-rikorrent mill-pulizija Spanjola, il-Juzgado Central de Instrucción Nru 6 (Spanja) iddeċieda, b’digriet tat-2 ta’ Awwissu 2008, li jressaq quddiem l-Ewwel Sezzjoni tas-Sala de lo Penal de la Audiencia Nacional il-mandat ta’ arrest Ewropew Nru 271/2004.

21.      Ir-rikorrent oppona l-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Taljani, billi argumenta, fl-ewwel lok, li, waqt l-istadju ta’ appell, huwa ħatar avukat ieħor u ħassar il-ħatra tat-tnejn l-oħra preċedenti, u minkejja dan in-notifiki baqgħu jintbagħtu lil dawn it-tnejn. Fit-tieni lok, huwa ddikjara li d-dritt proċedurali Taljan ma jipprovdix għall-possibbiltà li tiġi ppreżentata azzjoni kontra l-kundanni mogħtija in absentia u li l-mandat ta’ arrest Ewropew kellu għalhekk, jekk ikun il-każ, jiġi ssuġġettat għall-kundizzjoni li r-Repubblika Taljana tiggarantixxi l-possibbiltà li tittressaq azzjoni kontra s-sentenza.

22.      B’digriet tat-12 ta’ Settembru 2008, l-Ewwel Sezzjoni tas-Sala de lo Penal de la Audiencia Nacional iddeċidiet li tikkonsenja lir-rikorrent lill-awtoritajiet Taljani għall-eżekuzzjoni tal-kundanna li kienet ġiet imposta fuqu mit-Tribunale di Ferrara minħabba li huwa kien ħati ta’ falliment frawdolenti, billi qieset li ma kienx ġie ppruvat li l-avukati indikati mir-rikorrent ma kinux baqgħu jirrapreżentawh wara l-2001 u kkunsidrat li d-drittijiet tad-difiża tiegħu kienu ġew irrispettati, peress li huwa kien jaf minn qabel bil-kawża u peress li huwa naqas volontarjament milli jidher quddiem il-qorti u ħatar avukati sabiex jirrapreżentawh u jiddefenduh, u dawn intervjenew f’din il-kwalità fl-ewwel istanza, fl-appell u fil-kassazzjoni, u b’hekk eżawrixxew ir-rimedji.

23.      Ir-rikorrent ippreżenta, quddiem it-Tribunal Constitucional, “recurso de amparo” (4) kontra d-digriet tal-Ewwel Sezzjoni tas-Sala de lo Penal de la Audiencia Nacional tat-12 ta’ Settembru 2008. Insostenn ta’ dak ir-rikors, huwa allega ksur tar-rekwiżiti assoluti li jitnisslu mid-dritt għal smigħ xieraq iddikjarat fl-Artikolu 24(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola. Fil-fatt, kien hemm ksur tal-kontenut essenzjali ta’ smigħ xieraq b’mod li saret ħsara lid-dinjità umana, bħala riżultat tal-aċċettazzjoni tal-konsenja lil Stati li, f’każ ta’ reat gravi ħafna, jawtorizzaw validament il-kundanni in absentia, mingħajr ma jissuġġettaw il-konsenja tal-persuna kkonċernata għall-kundizzjoni li din tkun tista’ tikkontesta l-kundanni sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tad-difiża tagħha. Ir-rikorrent argumenta wkoll li r-rikors tiegħu kien ta’ importanza partikolari mill-perspettiva kostituzzjonali għaliex id-digriet tat-12 ta’ Settembru 2008 injora l-ġurisprudenza stabbilita tat-Tribunal Constitucional fis-sens li, f’każ ta’ kundanni għal reati gravi mogħtija in absentia kontra l-akkużat, il-konsenja tal-ikkundannat għandha tkun suġġetta għall-possibbiltà ta’ reviżjoni tas-sentenza (5).

24.      B’digriet tat-18 ta’ Settembru 2008, l-Ewwel Awla tat-Tribunal Constitucional aċċettat l-ammissibbilità tar-“recurso de amparo” u ddeċidiet li tissospendi l-eżekuzzjoni tad-digriet tat-12 ta’ Settembru 2008. B’digriet tal-1 ta’ Marzu 2011, l-Assemblea Plenari tat-Tribunal Constitucional iddeċidiet, fuq suġġeriment tal-Ewwel Awla tiegħu, li teżamina hija stess ir-“recurso de amparo”.

25.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li għarfet, fis-sentenza tagħha 91/2000, tat-30 ta’ Marzu 2000, iċċitata iktar ’il fuq, li l-kontenut obbligatorju tad-drittijiet fundamentali huwa iktar ridott meta huma maħsuba ad extra, jiġifieri f’kuntest transnazzjonali, billi huma r-rekwiżiti l-iktar bażiċi u l-iktar elementari li jistgħu jkunu marbuta mal-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni Spanjola u jagħtu lok għall-identifikazzjoni ta’ antikostituzzjonalità “indiretta”. Minkejja dan, tikkostitwixxi ksur “indirett” tar-rekwiżiti tad-dritt għal smigħ xieraq, billi twassal għal ksur tal-kontenut essenzjali ta’ tali smigħ b’mod li tiċħad id-dinjità umana, id-deċiżjoni tal-qrati Spanjoli li jaċċettaw l-estradizzjoni lejn Stati li, f’każ ta’ reat gravi ħafna, jawtorizzaw validament il-kundanni in absentia mingħajr ma jissuġġettaw il-konsenja tal-persuna kkonċernata għall-kundizzjoni li din tkun tista’ tikkontesta dawn il-kundanni sabiex jiġu ssalvagwardati d-drittijiet tad-difiża tagħha.

26.      Il-qorti tar-rinviju tfakkar ukoll li din il-ġurisprudenza hija applikabbli wkoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsenja introdotta bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għal żewġ raġunijiet, jiġifieri li l-kundizzjoni imposta fuq il-konsenja ta’ persuna kkonċernata hija inerenti għall-kontenut essenzjali tad-dritt kostituzzjonali għal smigħ xieraq u li l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kien jipprovdi għall-possibbiltà li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kundanna mogħtija in absentia tkun suġġetta “mil-liġi tal-Istat Membru li jeżegwixxi”, inter alia, għall-kundizzjoni li “l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat tagħti assigurazzjoni kkunsidrata suffiċjenti biex tiggarantixxi lil persuna suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew li tingħata l-possibbiltà li titlob kawża mill-ġdid li tiggarantixxi d-drittijiet ta’ difiża tagħha fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat u li tkun iġġudikata fil-preżenza tagħha” (sentenza tat-Tribunal Constitucional 177/2006, iċċitata iktar ’il fuq).

27.      Il-qorti tar-rinviju tfakkar, fl-aħħar nett, li, fis-sentenza tagħha 199/2009, tat-28 ta’ Settembru 2009, hija kienet laqgħet ir-“recurso de amparo” dirett kontra digriet li bih l-Audiencia Nacional kienet qablet mal-konsenja tal-persuna kkonċernata lejn ir-Rumanija, bħala eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-iskopijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kundanna għal erba’ snin ħabs mogħtija in absentia, mingħajr ma jissemma r-rekwiżit li l-kundanna inkwistjoni tkun tista’ tiġi riveduta. Għal dan l-għan, it-Tribunal Constitucional kien ċaħad l-argumenti tal-Audiencia Nacional fis-sens li l-kundanna ma kinitx verament ingħatat in absentia, ladarba l-persuna kkonċernata kienet tat mandat lil avukat li kien deher fil-proċedura bħala d-difensur speċjali tiegħu.

28.      Skont it-Tribunal Constitucional, id-diffikultà ġejja mill-fatt li d-Deċiżjoni Qafas 2009/299 ħassret il-punt 1 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u introduċiet Artikolu 4a ġdid. Imma, l-imsemmi Artikolu 4a jipprekludi li “l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni [tiġi miċħuda] jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” meta l-persuna kkonċernata, “konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża”. Kif il-qorti tar-rinviju tinnota, fil-kawża li wasslet għal din il-proċedura ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità jirriżulta li r-rikorrent kien ta mandat lil żewġ avukati li kellu fiduċja fihom, li lilhom it-Tribunale di Ferrara kien innotifika ż-żamma futura tal-kawża, b’mod li huwa kien jaf biha. Ġara wkoll li r-rikorrent kien effettivament difiż minn dawn iż-żewġ avukati kemm fil-kawża mismugħa fil-prim’istanza kif ukoll fl-azzjonijiet sussegwenti mismugħa fl-appell u fil-kassazzjoni.

29.      Għall-qorti tar-rinviju, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk id-Deċiżjoni Qafas tipprojbixxix lill-qrati Spanjoli milli jissuġġettaw il-konsenja tar-rikorrent għall-possibbiltà li l-kundanna inkwistjoni tkun tista’ tiġi riveduta.

30.      F’dan il-punt, it-Tribunal Constitucional jiċħad l-argument tal-Ministerio Fiscal li ma huwiex neċessarju li huwa jipproċedi għal rinviju preliminari għaliex id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 hija inapplikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, is-suġġett tal-kawża prinċipali ma huwiex dak li jiġi ddeterminat jekk id-digriet tat-12 ta’ Settembru 2008 kienx injora d-Deċiżjoni Qafas 2009/299, imma jekk dan kisirx indirettament id-dritt għal smigħ xieraq protett mill-Artikolu 24(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola. Issa, id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ dan id-dritt li jipproduċi effetti ad extra, għaliex din tikkostitwixxi d-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-mument tal-istħarriġ tal-kostituzzjonalità. It-teħid tagħha inkunsiderazzjoni huwa għalhekk impost mill-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali mad-Deċiżjonijiet Qafas (6).

31.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunal Constitucional iddeċieda, fid-9 ta’ Ġunju 2011, li jissospendi s-smigħ tar-“recurso de amparo” u li jirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ li tirriżulta mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, fl-ipoteżi indikati fl-imsemmija dispożizzjoni, milli jissuġġettaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-kundanna inkwistjoni tkun tista’ tiġi mistħarrġa sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet ta’ difiża tal-persuna kkonċernata?

2)      Fil-każ fejn ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/1/ĠAI huwa kumpatibbli mal-eżiġenzi li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 48(2) tal-imsemmija Karta?

3)      Fil-każ fejn ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 53 tal-Karta, interpretat b’mod sistematiku flimkien mad-drittijiet rikonoxxuti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, jippermetti li Stat Membru jissuġġetta l-konsenja ta’ persuna kkundannata in absentia għall-kundizzjoni li l-kundanna tkun tista’ tiġi mistħarrġa fl-Istat li jagħmel id-domanda, u b’hekk jagħti lil dawn id-drittijiet livell ta’ protezzjoni iktar għoli minn dak li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, sabiex tiġi evitata interpretazzjoni limitanti jew li timmina dritt fundamentali rrikonoxxut mill-Kostituzzjoni ta’ dan l-Istat Membru?”

32.      Il-Ministerio Fiscal, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Belġjan, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Taljan, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Awstrijakk, il-Gvern Pollakk, il-Gvern Portugiż, u l-Gvern tar-Renju Unit, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

33.      Ir-rikorrent, il-Ministerio Fiscal, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Olandiż, il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni ssottomettew l-osservazzjonijiet verbali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fit-3 ta’ Lulju 2012.

III – Analiżi tiegħi

34.      Qabel ma neżamina dawn it-tliet domandi, irrid nirrispondi għall-argumenti mqajma mill-Ministerio Fiscal, mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Ġermaniż u mill-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kunsill li sostnew li din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija inammissibbli.

A –    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

35.      Żewġ argumenti prinċipali ġew invokati insostenn tal-inammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju preliminari.

36.      Fl-ewwel lok, id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 hija inapplikabbli ratione temporis għall-proċedura ta’ konsenja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni, fil-kuntest ta’ din il-kawża, biex tinterpretaha u tevalwa l-validità tagħha. Fil-fatt, kemm id-data li fiha l-mandat ta’ arrest Ewropew Nru 271/2004 inħareġ (it-8 ta’ Ġunju 2004) kif ukoll dik li fiha l-Audiencia Nacional iddeċidiet li tikkonsenja lir-rikorrent lill-awtoritajiet Taljani (it-12 ta’ Settembru 2008) jippreċedu d-data li fiha d-Deċiżjoni Qafas 2009/299 ġiet adottata.

37.      Fit-tieni lok, il-fatt li r-Repubblika Taljana użat l-għażla mogħtija bl-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 li tipposponi sal-1 ta’ Jannar 2014 l-applikazzjoni tagħha għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna kkonċernata waqt il-kawża mill-awtoritajiet kompetenti Taljani (7) jimmilita favur in-natura ipotetika tad-domandi li saru, peress li risposta għalihom tkun mingħajr ebda utilità għar-riżoluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

38.      Infakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi eskluża biss f’każijiet eċċezzjonali, meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kkunsidrati f’dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula. Ħlief f’dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tiddeċiedi fuq id-domandi preliminari li jsirulha (8).

39.      Hawnhekk ma ninsabu kkonfrontati b’ebda wieħed mill-każijiet li jistgħu, eċċezzjonalment, jiġġustifikaw l-inammissibbiltà ta’ rinviju preliminari.

40.      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitwarrab l-ewwel argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà ratione temporis tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 għall-proċedura ta’ konsenja inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41.      Jirriżulta, fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 li din “għandha tapplika mit-[28 ta’ Marzu 2011] għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata waqt il-kawża”. Din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li, b’effett mit-28 ta’ Marzu 2011, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija fin-nuqqas tal-persuna kkonċernata waqt il-kawża, kemm jekk dawn id-deċiżjonijiet jippreċedu din id-data kif ukoll jew jingħataw wara din id-data, hija għandha tapplika d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299.

42.      Tali soluzzjoni hija koerenti mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li r-regoli tal-proċedura huma ġeneralment meqjusa applikabbli għall-kawżi kollha pendenti fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (9).

43.      Ladarba l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas jillimita ruħu sabiex jiffissa l-kundizzjonijiet li taħthom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment ma għandhomx jiġu rrifjutati, hemm lok li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 4a jiġu kkunsidrati bħala regoli ta’ proċedura (10).

44.      L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas huwa għalhekk invokat tajjeb sabiex japplika għall-proċedura ta’ konsenja inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għadha pendenti.

45.      Rigward id-dikjarazzjoni li biha r-Repubblika Taljana pprevalixxiet ruħha mill-possibbiltà offruta mill-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 li tipposponi, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2014, l-applikazzjoni tiegħu għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna kkonċernata waqt il-kawża mill-awtoritajiet kompetenti Taljani, ma naħsibx li din hija ta’ natura li twassal għall-inammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju preliminari għar-raġuni li minnha nnifisha din tirrendi inutli risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirriżolvi l-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

46.      Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas huwa applikabbli, mill-perspettiva fattwali, sabiex jirregola t-tip ta’ sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, id-data tal-1 ta’ Jannar 2014 tikkostitwixxi t-terminu massimu u xejn ma jżomm lir-Repubblika Taljana milli tagħżel data iktar viċina, jew anki tirtira d-dikjarazzjoni tagħha.

47.      Huwa ċert għalhekk li risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi li saru mit-Tribunal Constitucional ser tippreżenta, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2014, utilità sabiex tippermetti mhux biss lit-Tribunal Constitucional li jiddeċiedi fuq ir-“recurso de amparo” li hemm quddiemu, imma wkoll lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tiddeċiedi fuq il-proċedura ta’ konsenja.

48.      In-natura partikolari tar-“recurso de amparo” li hemm quddiem it-Tribunal Constitucional timmilita wkoll favur l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju. Fil-fatt, b’dan ir-rikors, dik il-qorti għandha tidħol fi stħarriġ tal-kostituzzjonalità fejn għandha neċessarjament tieħu kont tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-Karta, kif jimponi l-Artikolu 10(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola. Kif it-Tribunal Constitucional jippreċiża fid-deċiżjoni tiegħu ta’ rinviju, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt tal-Unjoni huwa indispensabbli sabiex jiddetermina l-kontenut protett kostituzzjonalment tad-dritt għal smigħ xieraq (11).

49.      L-istħarriġ li għandu jwettaq it-Tribunal Constitucional huwa paragunabbli ma’ dak li fih qorti kostituzzjonali tista’ tagħmel fil-kuntest ta’ stħarriġ a priori tal-kostituzzjonalità ta’ liġi ta’ traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299. Imma, jekk, sabiex twettaq tali stħarriġ sewwa, dik il-qorti tiġi biex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ din id-deċiżjoni qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja probabbilment taċċetta li tirrispondi anki jekk it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-deċiżjoni qafas ikun għadu ma skadiex (12).

50.      Peress li dan ir-rinviju preliminari għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli, sejjer neżamina suċċessivament it-tliet domandi li saru mit-Tribunal Constitucional.

B –    Fuq l-ewwel domanda

51.      Bl-ewwel domanda tiegħu, it-Tribunal Constitucional jixtieq ikun jaf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4a(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprojbixxi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli tissuġġetta, fil-każijiet li jissemmew f’din id-dispożizzjoni, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-persuna li tkun is-suġġett tiegħu tingħata l-opportunità tgawdi minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti.

52.      It-Tribunal Constitucional jesponi bil-mod li ġej id-dubji li huwa għandu dwar ir-risposta li għandha tingħata lil din id-domanda. Fl-ewwel lok, skont huwa, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas jista’ jiġi interpretat b’mod litterali bħala li jipprojbixxi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, imma mhux neċessarjament milli tissuġġettah għal kundizzjonijiet, bħalma hija l-possibbiltà ta’ kawża mill-ġdid. Fit-tieni lok, anki jekk tali interpretazzjoni litterali għandha tiġi miċħuda, l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas jista’ jwassal għal tali riżultat.

53.      Ma naqbilx mad-dubji espressi mit-Tribunal Constitucional dwar it-tifsira li għandha tingħata lill-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas. Fil-fatt, l-eżami tal-kliem, tal-istruttura u tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni juri li, fil-każijiet imsemmija hemmhekk, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tissuġġetta b’mod ġenerali l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-persuna li hija s-suġġett tiegħu tingħata l-opportunità tgawdi minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti.

54.      Jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas li dan jipprevedi raġuni fakultattiva ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ garanzija li tiċħad il-libertà, jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment għall-proċedura li wasslet għal din id-deċiżjoni. Din l-għażla hija suġġetta għal erba’ eċċezzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija mċaħħda mill-possibbiltà li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni.

55.      Kif tindika l-premessa Nru 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq “[jistabbilixxi] kondizzjonijiet li taħthom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx pesonalment, m’għandhomx jiġu miċħuda. Dawn huma kondizzjonijiet alternattivi; meta tiġi sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet, l-awtorità emittenti, billi timla t-taqsima korrispondenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew [...] tagħti l-assigurazzjoni li l-ħtiġiet kienu jew ser jiġu sodisfatti, li għandu jkun biżżejjed għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku”.

56.      Il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas jistgħu jiġu kklassifikati f’żewġ kategoriji.

57.      L-ewwel kategorija tinkludi l-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni. Jirriżulta minnha li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew kemm meta l-persuna kkonċernata kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant informata bid-data u l-post skedati għas-smigħ tal-kawża tagħha u kienet informata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża, kif ukoll meta l-persuna kkonċernata, konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna kkonċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża.

58.      Fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-fatti tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali li tirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju, is-sitwazzjoni tar-rikorrent tikkorrispondi b’mod speċifiku għall-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas. Infakkar, fil-fatt, li r-rikorrent kien ta mandat lil żewġ avukati li kellu fiduċja fihom, li lilhom it-Tribunale di Ferrara kien innotifika ż-żamma futura tal-kawża, b’mod li huwa kien jaf biha. Huwa stabbilit ukoll li r-rikorrent kien ġie effettivament difiż minn dawn iż-żewġ avukati kemm fil-kawża mismugħa fil-prim’istanza kif ukoll fl-azzjonijiet sussegwenti mismugħa fl-appell u fil-kassazzjoni.

59.      Mill-qari tal-Artikolu 4a(1)(a) u (b), tad-Deċiżjoni Qafas, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li l-kliem ta’ dawn iż-żewġ punti ma jsemmi mkien r-rekwiżit li l-persuna kkonċernata tingħata l-opportunità, f’dan il-każ, li titlob kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti.

60.      Eżami tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas juri li l-każ imsemmi fil-punti (ċ) u (d) ta’ din id-dispożizzjoni, li jikkostitwixxu t-tieni kategorija, huma, fil-verità, l-uniċi li fihom il-persuna kkonċernata tista’ tgawdi d-dritt għal kawża mill-ġdid.

61.      Il-mod li bih il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jifhem dawn il-każijiet huwa differenti ħafna mil-loġika li hemm wara l-punt 1 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Infakkar li din id-dispożizzjoni tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tissuġġetta l-konsenja għall-kundizzjoni li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tagħti assigurazzjonijiet li jitqiesu suffiċjenti sabiex jiggarantixxu li l-persuna suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew ikollha l-possibbiltà li titlob kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti u li tiġi ġġudikata fil-preżenza tagħha. Hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tevalwa jekk dawn l-assigurazzjonijiet humiex suffiċjenti.

62.      Għall-kuntrarju, l-Artikolu 4a(1)(ċ) u (d) tad-Deċiżjoni Qafas ineħħi l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li għandha tistrieħ fuq l-informazzjoni li tinsab fil-mandat ta’ arrest Ewropew. L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija għalhekk marbuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew meta dan jindika, essenzjalment, li l-persuna kkonċernata, wara li tkun ġiet innotifikata bid-deċiżjoni u wara li tkun ġiet espressament informata bid-dritt tagħha għal kawża mill-ġdid, indikat espressament li hija ma tikkontestax id-deċiżjoni jew ma talbitx kawża mill-ġdid fit-terminu mogħti, jew li l-persuna kkonċernata ma kinitx innotifikata personalment bid-deċiżjoni, imma tkun ser tiġi nnotifikata mingħajr dewmien wara l-konsenja u tkun ser tiġi espressament informata bid-dritt tagħha għal kawża mill-ġdid kif ukoll bit-terminu li fih hija għandha titlob tali kawża.

63.      L-istruttura tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas juri għalhekk li l-punti (ċ) u (d) ta’ din id-dispożizzjoni huma l-uniċi li jittrattaw l-ipoteżi li fiha l-persuna kkonċernata tista’ titlob kawża mill-ġdid u li, għall-kuntrarju, il-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni jelenkaw il-każijiet li fihom il-persuna kkonċernata ma tistax titlob tali dritt. Jeħtieġ jiġi nnotat li, fejn jikkonċerna dawn l-aħħar żewġ punti, il-pożizzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija iktar preċiża, imma ma hijiex fundamentalment differenti minn dik prevalenti fil-kuntest tal-punt 1 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Fil-fatt, qari a contrario ta’ din id-dispożizzjoni juri li hija kienet diġà teskludi l-possibbiltà li l-konsenja tiġi assuġġettata għall-eżistenza ta’ kawża ġdida fil-każ fejn il-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkonvokata personalment jew mod ieħor informata bid-data u l-post tas-smigħ li wasslu għad-deċiżjoni mogħtija in absentia.

64.      Fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas, il-leġiżlatur tal-Unjoni kien, essenzjalment, ikkonferma li, meta l-persuna kkonċernata kienet taf bil-kawża skedata u li hija kienet ġiet informata li deċiżjoni setgħet tingħata jekk hija tonqos milli tidher jew fejn, konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali biex jiddefendiha fil-kawża, din il-persuna għandha tiġi kkunsidrata li kienet irrinunzjat li tidher fil-kawża tagħha, b’mod li hija ma tistax tipprevalixxi ruħha mid-dritt għal kawża mill-ġdid.

65.      Il-fatt li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni titħalla b’mod ġenerali tissuġġetta, f’dan il-każ, il-konsenja tal-persuna kkonċernata għall-possibbiltà ta’ kawża mill-ġdid iwassal sabiex tiżdied raġuni oħra li tista’ twassal għal rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Dan imur kontra l-volontà espressa b’mod ċar mil-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprovdi b’mod eżawrjenti, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-każijiet li fihom għandu jiġi kkunsidrat li d-drittijiet proċedurali ta’ persuna li ma tkunx dehret personalment għall-kawża tagħha ma jkunux ġew miksura u li l-mandat ta’ arrest Ewropew għandu għalhekk jiġi eżegwit.

66.      L-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni, meta huwa adotta l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas, jikkonfermaw li huwa ma riedx iħalli lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni l-possibbiltà li jissuġġettaw l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-persuna suġġetta għalih tingħata l-opportunità li tibbenefika minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti.

67.      Billi adotta d-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirrimedja għan-nuqqasijiet tal-iskema stabbilita bil-punt 1 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u jipperfezzjonaha, b’mod li jwassal għal bilanċ aħjar bejn l-għan li jiġu rrinforzati d-drittijiet proċedurali tal-persuni suġġetti għal proċedura kriminali u l-għan li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, b’mod partikolari billi jittejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri (13).

68.      Kif tindika l-premessa Nru 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-leġiżlatur tal-Unjoni telaq mill-kostatazzjoni li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fil-verżjoni preċedenti tagħha, kienet tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, “lill-awtorità tal-eżekuzzjoni li titlob lill-awtorità emittenti sabiex tagħti assigurazzjoni meqjusa xierqa sabiex tiggarantixxi lill-persuna suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew li hi ser ikollha opportunità sabiex tapplika għal kawża mill-ġdid tal-każ fl-Istat Membru emittent u li tkun preżenti meta tingħata s-sentenza”. Il-leġiżlatur tal-Unjoni josserva li, fil-kuntest ta’ din l-iskema, “[h]ija l-awtorità tal-eżekuzzjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-kwisjoni kemm tali assigurazzjoni hi adegwata u għalhekk hu diffiċli li wieħed ikun jaf bl-eżatt meta l-eżekuzzjoni tistà tiġi miċħuda”.

69.      Rinfaċċat b’dawn l-inċertezzi li kienu kapaċi li jirriduċu l-effikaċja tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija in absentia, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien neċessarju “li jingħataw raġunijiet ċari u komuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment” (14). Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 taħseb, għalhekk, “li tirraffina d-definizzjoni ta’ tali raġunijiet komuni li jippermettu lill-awtorità tal-eżekuzzjoni tesegwixxi d-deċiżjoni minkejja l-assenza tal-persuna fil-kawża, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt ta’ difiża tal-persuna” (15).

70.      Dawn l-indikazzjonijiet juru li, meta neħħa l-possibbiltà ta’ konsenja kundizzjonali msemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried itejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija in absentia filwaqt li jirrinforza d-drittijiet proċedurali tal-persuni. Is-soluzzjoni li huwa għażel, konsistenti fil-fatt li jipprovdi b’mod eżawrjenti l-każijiet li fihom l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija in absentia għandha tiġi kkunsidrata li ma tiksirx id-drittijiet tad-difiża, hija inkompatibbli maż-żamma ta’ possibbiltà għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tissuġġetta din l-eżekuzzjoni għall-kundizzjoni li l-kundanna inkwistjoni tkun tista’ tiġi riveduta bl-għan li tiggarantixxi d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata.

71.      Fid-deċiżjoni tiegħu ta’ rinviju, it-Tribunal Constitucional isemmi l-idea li l-Artikoli 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 jistgħu jippermettu li tinżamm tali possibbiltà.

72.      Infakkar li jirriżulta minn dawn iż-żewġ artikoli, b’kontenut sostanzjalment identiku, li dawn id-deċiżjonijiet qafas ma għandhomx l-effett li jimmodifikaw l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji ġuridiċi fundamentali kif ikkonfermati bl-Artikolu 6 TUE, li minnhom jifforma parti d-dritt tad-difiża tal-persuni suġġetti għal proċedura kriminali. It-teżi tal-qorti tar-rinviju twassal sabiex jiġi kkunsidrat li l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali jista’ jippermetti lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni li jirrifjutaw milli jeżegwixxu l-mandat ta’ arrest Ewropew, u dan ukoll fl-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas, meta l-persuna kkonċernata ma għandhiex l-opportunità ta’ kawża mill-ġdid. Din it-teżi twassal, fil-verità, għal dubju fir-rigward tal-validità ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tad-drittijiet fundamentali protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għaliex din id-dispożizzjoni toffri protezzjoni insuffiċjenti lid-dritt għal smigħ xieraq u lid-drittijiet tad-difiża, li huma s-suġġett tat-tieni domanda.

C –    Fuq it-tieni domanda

73.      Bit-tieni domanda tiegħu, it-Tribunal Constitucional jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas huwiex kompatibbli mar-rekwiżiti li jitnisslu mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u l-Artikolu 48(2) tal-Karta.

74.      Skont l-ispjegazzjonijiet marbuta ma’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet (16) tal-aħħar, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB u l-Artikolu 48(2) tal-Karta jikkorrispondi b’mod iktar partikolari għall-Artikolu 6(3) tal-KEDB. Bis-saħħa tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn din tinkludi drittijiet korrispondenti għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-ambitu tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti minn din il-konvenzjoni, filwaqt li dik id-dispożizzjoni ma żżommx lid-dritt tal-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni iktar estensiva. Sejjer neżamina għalhekk il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-garanziji li għandhom jakkumpanjaw is-sentenzi mogħtija in absentia, qabel ma nivverifika jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jew le jagħti lil dan il-qasam protezzjoni iktar estensiva.

75.      Il-prinċipji ġenerali fil-qasam ta’ sentenzi mogħtija in absentia kienu ġew sintetizzati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tagħha Sejdovic vs L-Italja tal-1 ta’ Marzu 2006 (17) u reċentement ikkonfermati fis-sentenzi Haralampiev vs Il-Bulgarija tal-24 ta’ April 2012 u Idalov vs Ir-Russja tat-22 ta’ Mejju 2012.

76.      Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, “il-fakultà tal-akkużat li jieħu parti fis-seduta titnissel mis-suġġett u mill-għan tat-totalità tal-Artikolu [6 tal-KEDB]” (18). Hija tqis li, “[j]ekk proċedura li titmexxa fl-assenza tal-akkużat ma hijiex fiha nnifisha inkompatibbli mal-Artikolu 6 tal-[KEDB], xorta jibqa’ l-fatt li sseħħ ċaħda tal-ġustizzja meta individwu kkundannat in abstentia ma jkunx jista’ jitlob sussegwentement li qorti tiddeċiedi mill-ġdid, wara li jkun instema’, fuq il-mertu tal-akkuża kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, meta ma jkunx stabbilit li huwa rrinunzja għad-dritt tiegħu li jidher u jiddefendi ruħu […] jew meta jkun hemm l-intenzjoni li jaħrab mill-ġustizzja” (19).

77.      Barra minn hekk, dik il-Qorti tikkunsidra li “l-obbligu li jiġi ggarantit lill-akkużat id-dritt li jkun preżenti fl-awla tas-smigħ – kemm waqt l-ewwel proċess kontra tiegħu, kif ukoll fil-kors ta’ proċess ġdid – huwa wieħed mill-elementi essenzjali tal-Artikolu 6 [tal-KEDB] […]. Għaldaqstant, ir-rifjut li tinfetaħ mill-ġdid proċedura li tkun tmexxiet fil-kontumaċja fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni li l-akkużat kien irrinunzja għad-dritt tiegħu li jidher għandu jiġi kkunsidrat bħala ‘ċaħda flagranti tal-ġustizzja’, li tikkorrispondi għall-kunċett ta’ proċedura ‘manifestament kuntrarja għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 [tal-KEDB] jew għall-prinċipji li huma hemm ikkonfermati’” (20).

78.      Jirriżulta, barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li “[l]a l-ittra u lanqas l-ispirtu tal-Artikolu 6 tal-[KEDB] ma jipprojbixxu milli persuna tirrinunzja minn jeddha għall-garanziji ta’ smigħ xieraq b’mod espress jew taċitu […]. Madankollu, sabiex tidħol inkunsiderazzjoni mill-perspettiva tal-[KEDB], ir-rinunzja għad-dritt ta’ parteċipazzjoni fis-seduta għandha tirriżulta stabbilita b’mod mhux ekwivoku u akkumpanjata b’minimu ta’ garanziji korrispondenti mal-gravità tagħha […]. Barra minn hekk, hija ma għandhiex tmur kontra xi interess pubbliku importanti” (21). Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet ukoll li “akkużat jista’ jitqies li rrinunzja impliċitament, bl-imġiba tiegħu, għal dritt importanti bbażat fuq l-Artikolu 6 tal-[KEDB] biss jekk jintwera li huwa seta’ raġonevolment jipprevedi l-konsegwenzi tal-imġiba tiegħu f’dan ir-rigward” (22).

79.      Meta hija tistħarreġ jekk il-proċedura nazzjonali inkwistjoni tirrispondix għar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħti importanza kbira għall-kwistjoni ta’ jekk l-assenza tal-akkużat għall-kawża tiegħu tkunx issanzjonata permezz ta’ deroga mid-dritt għall-assistenza ta’ konsulent legali (23). Fil-fatt, “[g]ħalkemm mhux assolut, id-dritt ta’ kull akkużat li jkun effettivament irrapreżentat minn avukat, jekk hemm bżonn ex officio, jidher fost l-elementi fundamentali ta’ smigħ xieraq. Akkużat ma jitlifx il-benefiċċju minħabba biss l-assenza tiegħu waqt is-seduti” (24). Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, “[h]uwa […] ta’ importanza kruċjali għall-ekwità tas-sistema kriminali li l-akkużat ikun adegwatament irrapreżentat kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell” (25). Konsegwentement, “[a]nki jekk il-leġiżlatur għandu jipprova jiskoraġġixxi l-assenzi mhux iġġustifikati, huwa ma jistax jissanzjonahom billi jidderoga mid-dritt għall-assistenza ta’ konsulent legali” (26), u “[h]uma l-qrati li għandhom jiżguraw l-imparzjalità ta’ proċess u għalhekk li jaċċertaw li avukat li, naturalment, jattendi biex jassisti lill-klijent tiegħu fl-assenza tiegħu, jingħata l-opportunità li jagħmel dan” (27).

80.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, jiena nqis li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas josserva mhux biss ir-rekwiżiti hekk elenkati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, imma jipproċedi wkoll għall-kodifikazzjoni tagħhom bl-għan li jiggarantixxi l-applikazzjoni tagħhom f’każ ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment.

81.      Għalhekk, il-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni jiffissaw il-kundizzjonijiet li taħthom il-persuna kkonċernata għandha titqies li rrinunzjat volontarjament u b’mod mhux ekwivoku milli tkun preżenti għall-kawża tagħha, b’mod li ma tkunx tista’ iktar titlob il-benefiċju ta’ kawża mill-ġdid. L-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas jikkostitwixxi varjazzjoni tal-Artikolu 4a(1)(a) tagħha billi jsemmi l-każ fejn il-persuna kkonċernata, konxja mill-kawża skedata, għażlet deliberatament li tkun irrapreżentata minn konsulent legali minflok ma tidher personalment fil-kawża (28), li huwa ta’ natura tali li juri li dik il-persuna rrinunzjat li tipparteċipa personalment fil-kawża tagħha, filwaqt li ggarantixxiet id-dritt tagħha li tiddefendi ruħha. Fl-aħħar nett, il-punti (ċ) u (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas huma maħsuba sabiex ikopru l-każ fejn il-persuna kkonċernata, li ma taqax taħt il-punti (a) jew (b) ta’ dik id-dispożizzjoni, għandha dritt għal kawża mill-ġdid jew għal proċedura ta’ appell.

82.      B’mod konformi mal-għanijiet stabbiliti bl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas jippermetti, għalhekk, li jissaħħu d-drittijiet proċedurali tal-persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, billi jipproċedi għal allinjament tad-dritt tal-Unjoni fuq l-istandard ta’ protezzjoni ddefinit mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-ġurisprudenza tagħha, filwaqt li jiffaċilita l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, b’mod partikolari billi jtejjeb ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri.

83.      Inqis li l-istandard ta’ protezzjoni adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa suffiċjenti u adegwat sabiex jilħaq l-għanijiet imsemmija hawn fuq u li l-osservanza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta ma teżiġix li huwa jadotta protezzjoni iktar wiesgħa tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-drittijiet tad-difiża, pereżempju billi jagħmel mid-dritt għal kawża mill-ġdid rekwiżit assolut indipendenti mill-imġiba adottata mill-persuna kkonċernata.

84.      Filwaqt li ma nsibx raġunijiet għal xiex għandna mmorru lil hinn mill-pożizzjoni bbilanċjata adottata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tistrieħ fuq it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri sabiex tapplika livell ta’ protezzjoni iktar estensiv. Fil-fatt, il-fatt li d-Deċiżjoni Qafas 2009/299 tirriżulta minn inizjattiva ta’ seba’ Stati Membri u li hija ġiet adottata mill-Istati Membri kollha jippermetti li jiġi preżunt, b’ċertezza suffiċjenti, li l-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri ma taqbilx mal-pożizzjoni adottata mit-Tribunal Constitucional fil-ġurisprudenza tiegħu (29).

85.      Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas għalhekk ma jinkorri l-ebda kritika fir-rigward tal-istħarriġ tal-validità tiegħu fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u tal-Artikolu 48(2) tal-Karta.

86.      Nirreleva, barra minn hekk, li, sa fejn l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas jirregola b’mod eżawrjenti, u b’mod suffiċjenti mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-kwistjoni tad-dritt għal kawża mill-ġdid fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment, l-Artikoli 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 ma għandhomx jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni li jiskartaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas favur kunċett iktar strett tad-dritt għal smigħ xieraq, billi jeżiġu b’mod sistematiku l-possibbiltà ta’ kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti, meta l-mandat ta’ arrest Ewropew jindika li l-persuna kkonċernata tkun taqa’ taħt wieħed mill-każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni.

87.      Jeħtieġ, issa, jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 53 tal-Karta joffrix lit-Tribunal Constitucional il-possibbiltà li jżomm, fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, l-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 24(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola, fis-sens li l-konsenja ta’ persuna kkundannata in absentia għandha tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-kundanna tkun tista’ tiġi riveduta fl-Istat Membru emittenti.

D –    Fuq it-tielet domanda

88.      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi jekk l-Artikolu 53 tal-Karta jippermettix lil awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tissuġġetta, b’applikazzjoni tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-persuna suġġetta għalih tkun tista’ tibbenefika minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti, meta l-applikazzjoni ta’ tali kundizzjoni ma hijiex awtorizzata bl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

89.      B’dan il-mod, din id-domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara liema kontenut u liema portata ġuridika jeħtieġ li jingħataw lill-Artikolu 53 tal-Karta.

90.      Fid-deċiżjoni tiegħu ta’ rinviju, it-Tribunal Constitucional jinvoka tliet interpretazzjonijiet possibbli ta’ dan l-artikolu.

91.      L-ewwel interpretazzjoni tikkonsisti fl-assimilazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta għal klawżola li tipprevedi norma minima ta’ protezzjoni, karatteristika tal-istrumenti internazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 53 tal-KEDB (30). Il-Karta timponi għalhekk standard minimu, billi tippermetti lill-Istati Membri li japplikaw l-istandard ta’ protezzjoni iktar għoli li jirriżulta mill-Kostituzzjoni tagħhom, u b’hekk jiġi evitat tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

92.      F’din l-ipoteżi, l-Artikolu 53 tal-Karta jippermetti lil Stat Membru li jissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija in absentia għal kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jevitaw interpretazzjoni li tillimita jew tikser id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Kostituzzjoni tiegħu, u dan mingħajr ma dan il-livell iktar għoli ta’ protezzjoni fis-seħħ f’dan l-Istat Membru jkun neċessarjament estiż għall-Istati Membri l-oħra bl-intervent tal-Qorti tal-Ġustizzja li tieħdu inkunsiderazzjoni. Din il-pożizzjoni tasal sabiex tikkunsidra li, f’sitwazzjoni fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma huwiex neċessarju li d-dritt tal-Unjoni jagħti protezzjoni iktar elevata lil dritt fundamentali mill-istandard li jirriżulta mill-KEDB, l-Artikolu 53 tal-Karta għandu jippermetti lil Stat Membru li jiżgura tali livell iktar elevat ta’ protezzjoni lil dak id-dritt fundamentali b’applikazzjoni tal-Kostituzzjoni tiegħu (31).

93.      It-tieni interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta tikkonsiti fil-kunsiderazzjoni li l-iskop tiegħu huwa dak li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni rispettiva tal-Karta u, b’mod partikolari, tal-Kostituzzjonijiet tal-Istati Membri, billi jitfakkar, bħall-Artikolu 51 tagħha, li, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li għandu jiġi applikat huwa dak li jirriżulta mill-Karta. Min-naħa l-oħra, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Karta ma tipprojbixxix l-implementazzjoni ta’ standard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li huwa stabbilit mill-Kostituzzjoni ta’ Stat Membru. Skont it-Tribunal Constitucional, dan il-qari tal-Artikolu 53 tal-Karta, li huwa spjegat mir-rekwiżit ta’ uniformità ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu l-inkonvenjent, minn naħa, li jċaħħad lil dan l-artikolu mill-kontenut ġuridiku tiegħu, b’mod li huwa jirriżulta superfluwu fil-konfront tal-Artikolu 51 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, li jirrikonoxxi li l-Karta tista’ twassal, fl-Istati Membri, għal tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jitnisslu mir-regoli kostituzzjonali tagħhom.

94.      L-imsemmi qari tal-Artikolu 53 tal-Karta jimplika li t-Tribunal Constitucional għandu jadatta l-ġurisprudenza tiegħu dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni Spanjola fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas. Min-naħa l-oħra, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas, huwa liberu li japplika livell iktar għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

95.      It-tielet interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta proposta mit-Tribunal Constitucional tikkonsiti fl-adozzjoni ta’ waħda jew oħra mill-ewwel żewġ interpretazzjonijiet skont il-karatteristiċi tal-problema konkreta ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni u l-kuntest li fih isseħħ l-evalwazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni li għandu jipprevali (32).

96.      Jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li tiġi miċħuda b’saħħa l-ewwel interpretazzjoni proposta mit-Tribunal Constitucional.

97.      Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni inkwantu twassal, f’kull każ, sabiex tagħti supremazija lir-regola ġuridika li tagħti l-ogħla livell ta’ protezzjoni lid-dritt fundamentali inkwistjoni. B’dan il-mod, f’ċerti każijiet, tiġi rrikonoxxuta l-preminenza tal-Kostituzzjonijiet nazzjonali fuq id-dritt tal-Unjoni.

98.      Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-użu ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, anki jekk ikunu ta’ natura kostituzzjonali, bil-għan li tiġi limitata l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandu l-konsegwenza li jippreġudika l-unità u l-effikaċja ta’ dan id-dritt u għalhekk ma għandux ikun permess (33).

99.      Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 53 tal-Karta ma għandux jinftiehem bħala klawżola li għandha l-għan li tirregola kunflitt bejn, minn naħa, regola ta’ dritt sussidjarju li, interpretata fid-dawl tal-Karta, tistabbilixxi standard partikolari ta’ protezzjoni ta’ dritt fundamentali u, min-naħa l-oħra, regola bbażata fuq Kostituzzjoni nazzjonali li tipprovdi livell ta’ protezzjoni iktar elevat tal-istess dritt fundamentali. F’każ bħal dan, dan l-artikolu ma għandux la l-għan u lanqas l-effett li jagħti l-prijorità lir-regola iktar protettiva li tirriżulta minn Kostituzzjoni nazzjonali. L-aċċettazzjoni tal-kuntrarju tammonta għal twarrib tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

100. Nirrileva, f’dan ir-rigward, li xejn ma jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 53 tal-Karta li dan għandu jinftiehem bħala li jintroduċi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, jista’ jiġi argumentat li l-kliem “fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom” intgħażlu mir-redatturi tal-Karta sabiex ma jiksrux dan il-prinċipju (34). Barra minn hekk, l-imsemmi prinċipju kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jinsab ikkonfermat fid-dikjarazzjonijiet annessi mal-att finali tal-konferenza intergovernattiva li adottat it-Trattat ta’ Lisbona ffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007 (35).

101. L-ewwel interpretazzjoni mressqa mit-Tribunal Constitucional tippreġudika wkoll applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri.

102. Fir-rigward ta’ din il-kawża, hija għandha, b’mod partikolari, l-effett li tpoġġi f’dubju serju l-uniformità tal-istandard ta’ protezzjoni ddefinit fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas u tista’ tostakola l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija in absentia.

103. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni għandha l-konsegwenza li tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv sabiex jirrifjutaw il-konsenja f’każ ta’ sentenzi mogħtija in absentia. Fl-isfond tal-istandard ta’ protezzjoni tad-dritt għal smigħ xieraq f’każ ta’ sentenza mogħtija in absentia li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-adozzjoni nnifisha tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-maġġoranza tal-Istati Membri probabbilment ma jagħtux lil persuna kkundannata in absentia d-dritt li tibbenefika minn kawża mill-ġdid meta din il-persuna rrinunzjat mingħajr ekwivoku li tidher fil-kawża. L-interpretazzjoni proposta twassal għalhekk għal paralisi tal-eżekuzzjoni mill-awtoritajiet ġudizzjarji Spanjoli tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija in absentia, ħlief jekk l-Istati Membri emittenti jkunu jistgħu jiggarantixxu lill-persuni kkonċernati kawża mill-ġdid. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ sistema b’ġeometrija varjabbli ta’ dan it-tip jinkoraġġixxi lid-delinkwenti li jieħdu kenn fl-Istati Membri li tagħhom ir-regoli kostituzzjonali joffru protezzjoni aħjar mill-oħrajn, u b’hekk jippreġudika l-effikaċja tad-Deċiżjoni Qafas (36).

104. Din l-ewwel interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta tpoġġi fid-dubju wkoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali, ladarba dispożizzjoni ta’ dritt sussidjarju, għalkemm konformi mad-drittijiet fundamentali protetti bil-Karta, tista’ tiġi skartata minn Stat Membru minħabba ksur ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tiegħu.

105. B’mod iktar ġenerali, l-ewwel interpretazzjoni proposta mit-Tribunal Constitucional tmur kontra t-teknika tradizzjonali ta’ evalwazzjoni tal-grad ta’ protezzjoni li għandu jingħata lid-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni.

106. Fil-fatt, minkejja li l-interpretazzjoni tad-drittijiet protetti bil-Karta għandha xxaqleb lejn livell għoli ta’ protezzjoni, bħal ma jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 52(3) tal-Karta kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet tal-Artikolu 52(4) tagħha, jeħtieġ, madankollu, jiġi ċċarat li dan għandu jinvolvi livell ta’ protezzjoni adattat għad-dritt tal-Unjoni, kif jiċċaraw ukoll l-istess spjegazzjonijiet.

107. Dan ifakkarna f’prinċipju li, minn żmien twil, idderiġa l-interpretazzjoni tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni, jiġifieri li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni għandha tkun żgurata fil-kuntest tal-istruttura u l-għanijiet tagħha (37). Ma huwiex irrilevanti, f’dan ir-rigward, li l-preambolu tal-Karta jsemmi l-għanijiet prinċipali tal-Unjoni, u fosthom jissemmew il-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja.

108. Għaldaqstant ma huwiex possibbli li jsir raġunament esklużivament f’termini ta’ livell iktar jew inqas elevat ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti marbuta mal-azzjoni tal-Unjoni u n-natura speċifika tad-dritt tal-Unjoni.

109. Id-drittijiet fundamentali li għandhom jiġu protetti u l-livell ta’ protezzjoni li għandu jingħatalhom jirriflettu l-għażliet ta’ soċjetà partikolari rigward il-bilanċ ġust li għandu jintlaħaq bejn l-interessi tal-individwi u dawk tal-kollettività li minnha huma jifformaw parti. Din id-determinazzjoni hija intimament marbuta ma’ evalwazzjonijiet li huma partikolari għall-ordinament ġuridiku kkonċernat, b’mod partikolari b’rabta mal-kuntest soċjali, kulturali u storiku tiegħu, u għalhekk ma humiex trasponibbli awtomatikament għal kuntesti oħrajn (38).

110. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta f’sens li jippermetti lill-Istati Membri li japplikaw, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ir-regoli kostituzzjonali tagħhom li jiggarantixxu livell ta’ protezzjoni iktar elevat tad-dritt fundamentali inkwistjoni twassal, għalhekk, sabiex jiġi injorat li l-eżerċizzju konsistenti fid-determinazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li għandu jintlaħaq jiddependi strettament fuq il-kuntest li fih jitwettaq.

111. Għalhekk, anki jekk l-għan huwa dak li jitfittex livell elevat ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, in-natura speċifika tad-dritt tal-Unjoni jimplika li l-livell ta’ protezzjoni li jitnissel mill-interpretazzjoni ta’ Kostituzzjoni nazzjonali ma huwiex awtomatikament trasponibbli għal-livell tal-Unjoni u lanqas opponibbli fl-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

112. Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li għandu jiġi ggarantit fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi speċifiċi li janimaw l-azzjoni tal-Unjoni. Dan japplika wkoll, b’mod partikolari, għall-uniformità neċessarja fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għar-rekwiżiti marbuta mal-kostruzzjoni ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja. Dawn l-interessi speċifiċi jwasslu sabiex jirregolaw il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali b’rabta mal-interessi differenti involuti.

113. Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 turi b’mod ċar li l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ma għandux jiġi stabbilit in abstracto, imma b’manjiera adattata għar-rekwiżiti marbuta mal-kostruzzjoni ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja.

114. Teżisti, f’dan ir-rigward, rabta evidenti bejn l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-materja tad-drittijiet tal-persuni fil-proċeduri kriminali u t-tisħiħ tal-kunfidenza reċiproka bejn dawn l-Istati.

115. Kif il-premessa Nru 10 tad-Deċiżjoni Qafas tindika, “[i]l mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri”. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiċċara li d-Deċiżjoni Qafas tfittex li tiffaċilita u taċċelera l-kooperazzjoni ġudizzjarja u li għalhekk hija intiża sabiex tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-iskop assenjat lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ kunfidenza li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (39).

116. Minn din il-perspettiva, id-definizzjoni fil-livell tal-Unjoni ta’ standard komuni u għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża hija ta’ natura li ssaħħaħ il-kunfidenza li għandha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fil-kwalità tal-proċedura fis-seħħ fl-Istat Membru emittenti.

117. Kif jindika korrettament il-Gvern Spanjol, id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 taħseb sabiex issolvi l-problema li tqum mill-eżistenza ta’ livelli differenti ta’ protezzjoni fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew f’każ ta’ kundanna in absentia. Din id-Deċiżjoni Qafas tifforma parti mill-miżuri li għandhom l-għan li joħolqu ordinament proċedurali Ewropew, indispensabbli sabiex il-mekkaniżmi ta’ koperazzjoni ġudizzjarja fi ħdan l-Unjoni jsiru iktar effikaċi. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-garanziji proċedurali, ikun diffiċli li l-Unjoni tkun tista’ timxi ’l quddiem fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u fil-kostruzzjoni ta’ spazju veru ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja. Din hija, għalhekk, ir-raġuni għal xiex l-Artikolu 82(2) TFUE, jipprovdi li, “[f]ejn ikun meħtieġ sabiex jiġi faċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali ta’ natura transkonfinali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, [...], jistgħu jistabbilixxu regoli minimi”, dawn jistgħu, b’mod partikolari, jinċidu fuq id-drittijiet tal-persuni fil-proċeduri kriminali.

118. Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 taqa’ taħt din il-loġika billi ma taħsibx biss sabiex tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej fil-kuntest ta’ kundanni in absentia, imma wkoll sabiex id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, bħalma huwa d-dritt għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża, ikunu suffiċjentement protetti.

119. Sabiex jirrikonċilja dawn l-għanijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni b’mod li ma jikkompromettix l-effikaċja tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

120. Jiena naqbel, f’dan ir-rigward, mal-fehma tal-Gvern Spanjol li jargumenta li, jekk huwa neċessarju li tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati adottati mill-Istati Membri, u dan fir-rispett sħiħ u intier tad-drittijiet fundamentali tal-imputati fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, madankollu ma huwiex neċessarju li l-garanziji proċedurali li dawn igawdu minnhom jintużaw bl-iskop uniku li jevadu l-azzjoni tal-ġustizzja. Ċertament, għandhom jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali, iżda fl-istess ħin irid jiġi żgurat li, fil-kuntest tad-dimensjoni transkonfinali li hija dik tal-ispazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, il-garanziji proċedurali ma jkunux użati sabiex jostakolaw l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet tal-ġustizzja.

121. L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas jirrispondi preċiżament għal dan il-ħsieb li tiġi żgurata eżekuzzjoni aħjar tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija in absentia filwaqt li jissaħħu, b’mod adattat għal dan l-għan, id-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati.

122. Interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta li tippermetti lil awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, b’applikazzjoni ta’ regola kostituzzjonali nazzjonali, li tissuġġetta b’mod ġenerali l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija in absentia għall-kundizzjoni li l-persuna suġġetta għalih tkun tista’ tibbenefika minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti tikser il-bilanċ hekk milħuq bl-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas u ma hijiex, għaldaqstant, ammissibbli.

123. Niċċara wkoll li l-premessa Nru 12 tad-Deċiżjoni Qafas ma għandhiex tinftiehem bħala konferma tal-ewwel interpretazzjoni proposta mit-Tribunal Constitucional. Skont din il-premessa, din id-Deċiżjoni Qafas “ma twaqqafx lil Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu relatati mar-rispett tad-dritt għal smigħ ġust”. L-imsemmija premessa għandha, fil-fehma tiegħi, tinqara flimkien mal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas imsemmija. Issa, diġà rajna qabel li din id-dispożizzjoni hija mċaħħda mill-parti l-kbira tal-effettività tagħha peress li, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ bl-għan li tiġi eżegwita sentenza mogħtija in absentia, l-istandard ta’ protezzjoni tad-dritt għal smigħ xieraq kien sar is-suġġett ta’ definizzjoni komuni fi ħdan l-Unjoni mal-adozzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

124. Lil hinn mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta, it-tielet domanda li saret mit-Tribunal Constitucional twassal, fil-verità, għal mistoqsija fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li minnha jgawdu l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li huma jixtiequ jiggarantixxu fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Jeħtieġ, f’dan ir-rigward, issir distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet li fihom teżisti definizzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-grad ta’ protezzjoni li għandha tiġi ggarantita lil dritt fundamentali fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ azzjoni tal-Unjoni u dawk fejn dan il-livell ta’ protezzjoni ma huwiex is-suġġett ta’ definizzjoni komuni.

125. Fl-ewwel każ, l-istabbiliment tal-livell ta’ protezzjoni huwa, kif diġà rajna, strettament marbut mal-għanijiet tal-azzjoni kkonċernata tal-Unjoni. Din tirrifletti l-bilanċ bejn il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u dik li jiġu suffiċjentement protetti d-drittijiet fundamentali. F’din is-sitwazzjoni, huwa ċar li l-invokazzjoni a posteriori minn Stat Membru taż-żamma tal-livell tiegħu ta’ protezzjoni iktar elevat għandha l-konsegwenza li tikser il-bilanċ milħuq mil-leġiżlatur tal-Unjoni u għaldaqstant li tapplika ħażin id-dritt tal-Unjoni.

126. Fil-kuntest tad-Deċiżjoni Qafas, l-Artikolu 4a(1) tagħha huwa l-espressjoni ta’ ftehim bejn l-Istati Membri kollha sabiex jistabbilixxu meta persuna kkundannata in absentia għandha tiġi kkonsenjata mingħajr ma dan jikser id-dritt tagħha għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża tagħha. Dan il-konsensus bejn l-Istati Membri ma jħallix post għall-applikazzjoni ta’ standards nazzjonali ta’ protezzjoni diverġenti.

127. Għall-kuntrarju, fit-tieni każ, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni iktar wiesa’ sabiex japplikaw, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li huma jixtiequ jiggarantixxu fi ħdan l-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom, u dan sakemm tali livell ta’ protezzjoni huwa rikonċiljabbli mal-implementazzjoni tajba tad-dritt tal-Unjoni u ma jwassalx għal ksur ta’ drittijiet fundamentali oħra protetti bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (40).

128. Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, jeħtieġ issa li tiġi identifikata l-funzjoni li jwettaq l-Artikolu 53 tal-Karta fi ħdanha.

129. F’dan l-eżerċizzju, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li ma jiġix sottovalutat il-valur politiku u simboliku ta’ dan l-artikolu (41). Barra minn hekk, l-artikolu msemmi għandu, fil-fehma tiegħi, jinqara f’rabta stretta mal-Artikoli 51 u 52 tal-Karta li tagħhom huwa kontinwazzjoni.

130. Fit-termini tal-ispjegazzjonijiet rigward l-Artikolu 53 tal-Karta, “[d]ik id-dispożizzjoni taħseb sabiex tippreżerva l-livell ta’ protezzjoni attwalment offrut, fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom, mid-dritt tal-Unjoni, mid-dritt tal-Istati Membri u mid-dritt internazzjonali. Minħabba l-importanza tagħha, għandha tissemma l-KEDB”.

131. Ir-redatturi tal-Karta ma setgħux jinjoraw l-eżistenza ta’ pluralità ta’ sorsi ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li jorbtu lill-Istati Membri u kellhom għalhekk jipprovdu l-mod li bih il-Karta kellha teżisti flimkien magħhom. Dan huwa l-għan prinċipali tat-Titolu VII tal-Karta li jinkludi d-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 53 tal-Karta jikkompleta l-prinċipji stipulati fl-Artikoli 51 u 52 tagħha, billi jfakkar, minn naħa, li, f’sistema fejn jiddomina l-pluraliżmu tas-sorsi ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-Karta ma hijiex maħsuba sabiex issir l-istrument esklużiv ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, li hija ma tistax ikollha l-effett, minnha nnifisha, li tikser jew tirriduċi l-livell ta’ protezzjoni li jirriżulta minn dawn id-diversi sorsi fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom.

132. Il-Karta ma tikkostitwixxix strument iżolat u mhux marbut mas-sorsi l-oħra ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Hija stess tipprovdi li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha għandha ssir billi jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni sorsi ġuridiċi oħra, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Huwa b’dan il-mod li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jagħmel mill-KEDB standard minimu li taħtu d-dritt tal-Unjoni ma jistax jinżel u li l-Artikolu 52(4) tal-Karta jipprovdi li, sa fejn din tirrikonoxxi li d-drittijiet fundamentali kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, dawn id-drittijiet għandhom jiġu interpretati b’mod armonjuż ma’ dawn it-tradizzjonijiet (42).

133. Filwaqt li jikkompleta dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 53 tal-Karta jippreċiża li, fil-kuntest tal-koeżistenza tad-diversi sorsi ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-Karta ma għandhiex twassal, fiha nnifisha, għal riduzzjoni tal-livell ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet fid-diversi ordinamenti ġuridiċi. Dan l-artikolu jaħseb sabiex jikkonferma li l-Karta timponi livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

134. Għalhekk il-Karta ma jistax ikollha l-effett li ġġiegħel lill-Istati Membri jbaxxu l-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti bil-Kostituzzjoni nazzjonali tagħhom f’każijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 53 tal-Karta jesprimi wkoll l-idea li l-adozzjoni tagħha ma tistax isservi ta’ skuża lil Stat Membru sabiex inaqqas il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.

135. F’dan ir-rigward, il-kliem “fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom” huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiżguraw lill-Istati Membri l-fatt li l-Karta ma hijiex maħsuba sabiex tissostitwixxi l-Kostituzzjoni nazzjonali tagħhom f’dak li jikkonċerna l-livell ta’ protezzjoni li hija tiggarantixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali (43). Fl-istess ħin, l-inklużjoni ta’ dawn il-kliem tfisser li l-Artikolu 53 tal-Karta ma jistax jaffettwa s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni peress li l-evalwazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li għandu jintlaħaq issir fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

136. Fid-dawl tal-qari li għamilt tal-Artikolu 53 tal-Karta, nissuġġerixxi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jippermettix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tissuġġetta, b’applikazzjoni tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-persuna suġġetta għalih tkun tista’ tibbenefika minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti, meta l-applikazzjoni ta’ tali kundizzjoni ma hijiex awtorizzata bl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas.

137. Niċċara li l-pożizzjoni li jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tadotta f’din il-kawża ma twassalx għaċ-ċaħda tan-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, li minnha l-identità kostituzzjonali ċertament tifforma parti (44).

138. Naf li l-Unjoni hija marbuta, kif jipprovdi l-Artikolu 4(2) TUE, li tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, “inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom” (45). Ninnota wkoll li l-preambolu tal-Karta jfakkar li, fl-azzjoni tagħha, l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri.

139. Stat Membru li jikkunsidra li dispożizzjoni tad-dritt sussidjarju tippreġudika l-identità nazzjonali jista’ b’dan il-mod jikkontestaha billi jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 4(2) TUE (46).

140. Madankollu, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma ninsabux ikkonfrontati b’tali sitwazzjoni. F’dan ir-rigward, id-dibattiti li seħħew kemm fit-Tribunal Constitucional kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jikkonvinċuni li d-determinazzjoni tal-portata tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-drittijiet tad-difiża f’każ ta’ sentenzi mogħtija in absentia ma humiex ta’ natura tali li jaffettwaw l-identità nazzjonali tar-Renju ta’ Spanja.

141. Fil-fatt, minbarra li d-determinazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi l-“kontenut assolut” tad-dritt tad-difiża tibqa’ kontroversjali anki fi ħdan it-Tribunal Constitucional, ir-Renju ta’ Spanja nnifsu iddikjara, waqt is-seduta, filwaqt li bbaża ruħu b’mod partikolari fuq l-eċċezzjonijiet li jeżistu fid-dritt Spanjol għaż-żamma ta’ kawża mill-ġdid wara sentenza mogħtija in absentia, li l-parteċipazzjoni tal-akkużat fil-kawża tiegħu ma taqax taħt l-identità kostituzzjonali tar-Renju ta’ Spanja.

142. Minbarra dan, ma għandux, fil-fehma tiegħi, ikun hemm konfużjoni bejn il-kunċett li jeżiġi l-protezzjon ta’ dritt fundamentali ma’ preġudizzju għall-identità nazzjonali jew, iktar speċifikament, għall-identità kostituzzjonali ta’ Stat Membru. Ovvjament, f’dan il-każ hemm dritt fundamentali protett mill-Kostituzzjoni Spanjola li l-importanza tiegħu ma għandhiex tkun sottovalutata, imma dan ma jfissirx li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(2) għandha tiġi kkunsidrata hawnhekk.

143. Jeħtieġ, barra minn hekk, jiġi ppreċiżat li l-kunsiderazzjoni ta’ elementi distintivi li jikkaratterizzaw l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tifforma parti mill-prinċipji li għandhom jiggwidaw il-kostruzzjoni ta’ spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja.

144. L-Artikolu 67(1) TFUE jipprovdi, fil-fatt, li “[l]-Unjoni għandha tikkonsisti fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja b’rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti ta’ l-Istati Membri”. Barra minn hekk, l-Artikolu 82(2) TFUE jipprovdi li r-regoli minimi li jistgħu jiġu adottati mill-Parlament u mill-Kunsill, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-drittijiet tal-persuni fil-proċedura kriminali, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-“differenzi bejn it-tradizzjoni u s-sistemi legali tal-Istati Membri”. Nirrileva wkoll li l-Artikolu 82(3) TFUE jipprovdi li, “[f]ejn membru tal-Kunsill jikkunsidra li abbozz ta’ direttiva kif previst fil-paragrafu 2 jkun ta’ ħsara għal aspetti fundamentali tas-sistema tal-ġustizzja kriminali tiegħu, jista’ jitlob li l-abbozz tad-direttiva jitressaq quddiem il-Kunsill Ewropew”, filwaqt li l-proċedura leġiżlattiva tiġi sospiża bil-possibbiltà, f’każ li jibqa’ jippersisti nuqqas ta’ ftehim, li jingħata bidu għal kooperazzjoni msaħħa.

145. L-adozzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas turi li l-Istati Membri xtaqu jadottaw approċċ komuni għall-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija in absentia u li dan l-approċċ komuni kien kompatibbli mad-diversità tat-tradizzjonijiet u tas-sistemi legali tal-Istati Membri.

IV – Konklużjoni

146. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi kif ġej lit-Tribunal Constitucional:

1)      L-Artikolu 4a(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li, fil-każijiet indikati fl-imsemmija dispożizzjoni, tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-persuna suġġetta għalih tkun tista’ tibbenefika minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti.

2)      L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, huwa kompatibbli mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u mal-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-Artikolu 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma jippermettix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li, b’applikazzjoni tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali tagħha, tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-persuna suġġetta għalih tkun tista’ tibbenefika minn kawża mill-ġdid fl-Istat Membru emittenti, għaliex l-applikazzjoni ta’ tali kundizzjoni ma hijiex awtorizzata bl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34.


3 – ĠU L 87, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”.


4 – Dawn huma rikorsi li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet fundamentali. Huma protetti b’mod partikolari, permezz ta’ dawn ir-rikorsi, id-drittijiet ddefiniti fis-Sezzjonijiet I u II tal-Kapitolu II tat-Titolu I tal-Kostituzzjoni Spanjola, bħad-dritt għall-ugwaljanza (Artikolu 14), id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet pubbliċi previsti fl-Artikoli 15 sa 29 tagħha, u d-dritt għall-oġġezzjoni ta’ kuxjenza [Artikolu 30(2)], kontra l-ksur imwettaq mill-poteri pubbliċi [Artikolu 53(2)].


5 – Ir-rikorrent jiċċita, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-Tribunal Constitucional 91/2000, tat-30 ta’ Marzu 2000, u 177/2006, tal-5 ta’ Ġunju 2006.


6 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, Ġabra p. I‑5285, punt 43).


7 – Ara d-dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 (GU 2009, L 97, p. 26).


8 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto (C‑467/05, Ġabra p. I‑5557, punt 40), u, f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola ta’ dritt tal-Unjoni, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Afton Chemical (C‑343/09, Ġabra p. I‑7027, punti 13 u 14).


9 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Awwissu 2008, Santesteban Goicoechea (C‑296/08 PPU, Ġabra p. I‑6307, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10 – Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2004, Tsapalos u Diamantakis (C‑361/02 u C‑362/02, Ġabra p. I‑6405, punt 20). Sabiex nadotta l-kliem użat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-proċedura ta’ mandat ta’ arrest Ewropew “ma tirrigwardax il-mertu ta’ akkuża f’materja kriminali” u “l-konsenja tar-rikorrent lill-awtoritajiet [kompetenti] [ma huwiex] piena inflitta fuq il-persuna kkonċernata għaliex wettqet reat, imma proċedura maħsuba sabiex tippermetti l-eżekuzzjoni ta’ sentenza” (Ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, deċiżjoni Monedero Angora vs Spanja tas-7 ta’ Ottubru 2008). Fi kliem ieħor, il-proċedura tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma tinfluwenzax ir-responsabbiltà kriminali individwali, imma taħseb sabiex tiffaċilita l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni meħuda fil-konfront tal-persuna kkundannata.


11 – Ara, fuq dan is-suġġett, E. Guillén López, “The impact of the European Convention of Human Rights and the Charter of Fundamental Rights of the European Union on Spanish Constitutional law: make a virtue of necessity”, Human rights protection in the European legal order: the interaction between the European and the national courts, Intersentia, 2011, p. 309, li jippreċiża, b’mod partikolari, li, “with the authorisation for the ratification of the Lisbon Treaty, organic law 1/2008 […] states in Artikolu 2 that: ‘Under the provisions of paragraph 2 of Artikolu 10 of the Spanish constitution and paragraph 8 of Artikolu 1 of the Treaty of Lisbon, the rules relating to fundamental rights and freedoms recognized by the constitution shall be interpreted in accordance with the provisions of the Charter of Fundamental Rights’” (p. 334).


12 – Ara, b’analoġija fir-rigward ta’ azzjoni ta’ stħarriġ ta’ legalità mressqa quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), intiża sabiex tikkontesta t-traspożizzjoni ta’ direttiva anki jekk, fid-data ta’ introduzzjoni ta’ din l-azzjoni, it-terminu previst għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva ma kienx għadu skada u ebda miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni ma kienet ġiet adottata, is-sentenzi tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, Ġabra p. I‑4057, punti 33 sa 35), kif ukoll Afton Chemical, iċċitata iktar ’il fuq (punti 15 sa 17).


13 – Ara l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299.


14 – Ara l-premessa Nru 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299.


15 – Idem.


16 – Ara l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17).


17 – Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2006-II.


18 – Ara QEDB, sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sejdovic vs L-Italja (§ 81) u Haralampiev vs Il-Bulgarija (§ 30).


19 – Ara QEDB, is-sentenza Sejdovic vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (§ 82).


20 – Ara QEDB, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sejdovic vs L-Italja (§ 84) u Haralampiev vs Il-Bulgarija (§ 31).


21 – Ara QEDB, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sejdovic vs L-Italja (§ 86) u Haralampiev vs Il-Bulgarija (§ 32). Ara, ukoll, QEDB, is-sentenza Idalov vs ir-Russja, iċċitata iktar ’il fuq (§ 172).


22 – Ara QEDB, is-sentenza Idalov vs Russja, iċċitata iktar ’il fuq (§ 173). Ara wkoll, f’dan l-istess sens, QEDB, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Sejdovic vs L-Italja (§ 87) u Haralampiev vs Il-Bulgarija (§ 33).


23 – Ara, b’mod partikolari, QEDB, is-sentenza Medenica vs L-Isvizzera tal-14 ta’ Ġunju 2001, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2001-VI, li fiha dik il-Qorti tinnota, fir-rigward tal-persuna kkonċernata, li hija kienet ġiet informata fi żmien utli bil-proċeduri miftuħa kontra tagħha u bid-data tal-kawża tagħha, li, “waqt is-seduti, id-difiża [tagħha] kienet żgurata miż-żewġ avukati tal-għażla tagħha” (§ 56).


24 – Ara, b’mod partikolari, QEDB, is-sentenza Krombach vs Franza tat-13 ta’ Frar 2001, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2001-II, § 89. Ara, ukoll, QEDB, sentenza Sejdovic vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (§ 91).


25 – Ara, b’mod partikolari, QEDB, is-sentenza Sejdovic vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (§ 91).


26 – Ara, b’mod partikolari, QEDB, is-sentenzi Van Geyseghem vs Il-Belġju tal-21 ta’ Jannar 1999, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1999-I, § 34 u Krombach vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (§ 89), kif ukoll, fl-istess sens, QEDB, is-sentenza Sejdovic vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq (§ 92).


27 – Ara, b’mod partikolari, QEDB, sentenza Sejdovic vs Italja, iċċitata iktar ’il fuq (§ 93).


28 – Ara l-premessa Nru 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299.


29 – Fi kliem ieħor, sabiex nuża l-kliem użat mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 74 tas-sentenza tagħha tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, Ġabra p. I‑8301), it-trattazzjonijiet li saru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja waqt din il-proċedura ma rrelevaw “l-ebda tendenza preponderanti” fl-ordinamenti ġuridiċi tas-27 Stat Membru favur l-interpretazzjoni adottata mit-Tribunal Constitucional.


30 – Bis-saħħa tal-Artikolu 53 tal-KEDB, “[l]-ebda dispożizzjoni ta’ din il-Konvenzjoni ma għandha tiġi interpretata li tillimita jew tikser id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li jistgħu jkunu rikonoxxuti skond il-liġijiet ta’ kull Parti Kontraenti jew skond kull Konvenzjoni li għaliha dik il-Parti Kontraenti hija parti”.


31 – It-Tribunal Constitucional jirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C‑112/00, Ġabra p. I‑5659, punt 74); tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (C‑438/05, Ġabra p. I‑10779, punt 45), kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C‑341/05, Ġabra p. I‑11767, punt 93). Jirriżulta mill-punti msemmija f’dawn is-sentenzi li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tikkostitwixxi interess leġittimu tali li jiġġustifika, fil-prinċipju, restrizzjoni fuq l-obbligi imposti mid-dritt tal-Unjoni, anki bis-saħħa ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, bħal ma huma l-moviment liberu tal-oġġetti jew il-prestazzjoni libera tas-servizzi.


32 – It-Tribunal Constitucional jiċċita, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, Ġabra p. I‑9609, punti 37 u 38), kif ukoll Pupino, iċċitata iktar ’il fuq (punt 60).


33 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, Ġabra p. 1125, punt 3); tat-2 ta’ Lulju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑473/93, Ġabra p. I‑3207, punt 38), u tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, Ġabra p. I‑8015, punt 61).


34 – Ara, f’dan is-sens, C. Ladenburger, “European Union Institutional Report”, The Protection of Fundamental Rights Post-Lisbon: The Interaction between the Charter of Fundamental Rights of the European Union, the European Convention on Human Rights and National Constitutions, Tartu University Press, Rapporti tal-Kungress XXV tal-FIDE, Tallinn, 2012, Vol. 1, p. 141, speċjalment p. 175 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 124.


35 – Ara d-Dikjarazzjoni 17 dwar is-supremazija.


36 – Ara A. Tinsley, “Note on the reference in case C‑399/11 Melloni”, New Journal of European Criminal Law, Vol. 3, Ed. 1, 2012, p. 19, speċjalment p. 28. L-awtur jirreferi għall-artikolu ta’ M. Arroyo Jiménez, intitolat “Sobre la primera cuestión prejudicial planteada por el Tribunal Constitucional – Bases, contenido y consecuencias”, Revista Para el Análisis del Derecho, Barcelone, Ottubru 2011.


37 – Sentenza Internationale Handelsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq (punt 4).


38 – Ara A.-M. Widmann, “Artikolu 53: undermining the impact of the Charter of Fundamental Rights”, Columbia journal of European law, Vol. 8, 2002, Nru 2, p. 342, speċjalment p. 353, kif ukoll C. Van De Heyning, “No place like home – Discretionary space for the domestic protection of fundamental rights”, Human rights protection in the European legal order: the interaction between the European and the national courts,op. cit., p. 65, speċjalment p. 81.


39 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Campina (C-45/12, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40 – Għal eżempji ta’ drittijiet fundamentali li jgawdu minn livell ta’ protezzjoni iktar elevat f’ċerti Stati Membri fil-konfront tal-livell ta’ protezzjoni li jitnissel mill-KEDB u mid-dritt tal-Unjoni, ara L. F. M. Besselink, “General Report”, The Protection of Fundamental Rights Post-Lisbon: The Interaction between the Charter of Fundamental Rights of the European Union, the European Convention on Human Rights and National Constitutions,op. cit., p. 63, speċjalment p. 70. Ara wkoll, fl-istess xogħol, C. Ladenburger, op. cit., li jikkunsidra li, “where Union law leaves several ways of implementation without its effectiveness being undermined, then it is hard to see why the national authority should not be authorised to select only such modes of implementation that respect its own constitution” (p. 173).


41 – Ara J. Bering Liisberg, “Does the EU Kartar of Fundamental Rights Threaten the Supremacy of Community Law? – Article 53 of the Charter: a fountain of law or just an inkblot?”, Jean Monnet Working Paper Nru 4/01, p. 18 u 50.


42 – Il-messaġġ imwassal bl-Artikolu 52(4) tal-Karta huwa riassunt hekk minn C. Ladenburger, op. cit., p. 179:


      “[T]he step of incorporating a written catalogue into primary law should not lead to construing Union fundamental rights in complete abstraction from the Member States’ constitutional traditions and laws.”


      L-Artikolu 52(6) tal-Karta, li jipprovdi li “[i]l-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali għandhom pjenament jittieħdu inkunsiderazzjoni kif stabbilit f’din il-Karta”, jikkondividi din l-istess loġika.


43 – Ara J. Bering Liisberg, op. cit., p. 16 u 35. Fi ħdan l-Istati Membri, il-qrati nazzjonali huma f’qagħda li jiddistingwu dan il-livell ta’ protezzjoni li għandu jiġi applikat skont il-każijiet miġjuba quddiemhom u d-dritt applikabbli. Ara, f’dan ir-rigward, L. F. M. Besselink, op. cit., li jinnota li, “in federal states courts are acquainted with the distinction between areas of competence and the differentiated standards which accompany each. At the same time there is little doubt that the various ‘layers’ overlap” (p. 77).


44 – Ara, b’mod partikolari, fuq dan is-suġġett, D. Simon, “L’identitè constitutionnelle dans la jurisprudence de l’Union européenne”, L’identitè constitutionnelle saisie par les juges en Europe, Edizzjoni A. Pedone, Paris, 2011, p. 27; V. Constantinesco, “La confrontation entre identitè constitutionnelle européenne et identitès constitutionnelles nationales, convergence ou contradiction? Contrepunt ou hiérarchie?”, L’Union européenne: Union de droit, Union des droits – Mélanges en l’honneur de Philippe Manin, Éditions A. Pedone, Paris, 2010, p. 79, u, f’dan l-istess xogħol, J.-D. Mouton, “Réflexions sur la prise en considération de l’identità constitutionnelle des États membres tal-Unjoni européenne”, p. 145.


45 – Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal din id-dispożizzjoni fis-sentenzi tagħha tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, Ġabra p. I‑13693, punt 92); tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, Ġabra p. I‑3787, punt 86), kif ukoll tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑51/08, Ġabra p. I‑4231, punt 124). Ara, ukoll, punt 59 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-Kawża Las (C‑202/11, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-punti 60 et seq tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑253/12, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


46 – Ara L. F. M. Besselink, op. cit., li jindika li “divergent fundamental rights standards may not be resolved explicitly via provisions like Article 53 of the Charter and of the ECHR, but by reference to Article 4(2) EU. Reliance on divergent fundamental rights standards is then made dependent on whether it forms part of the constitutional identity of a Member State” (p. 136).