Language of document : ECLI:EU:C:2010:743

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fis-7 ta’ Diċembru 2010 (1)

Kawża C‑375/09

Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów

vs

Tele2 Polska sp. z o.o., now Netia SA w Warszawie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja)]

“Kompetizzjoni – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Konstatazzjoni ta’ inapplikabbiltà – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Jekk l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhomx is-setgħa li jieħdu deċiżjoni li tiddikjara li l-Artikolu 102 TFUE ma huwiex applikabbli għall-prattiki ta’ impriża”





1.        F’din il-kawża, is-Sąd Najwyższy (Qorti Suprema Pollakka) qed titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (2). Il-kawża tirrigwarda l-limiti fuq l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri fil-kuntest tas-sistema għall-infurzar tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni [issa d-dritt tal-Unjoni Ewropea (EU) dwar il-kompetizzjoni] taħt ir-Regolament Nru 1/2003, ir-Regolament li biddel radikalment is-sistema preċedenti taħt ir-Regolament tal-Kunsill Nru 17 (3). Il-kwistjoni tirrigwarda l-mod kif awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni (ANK) tista’ ttemm proċedura amministrattiva meta, waqt li tkun qiegħda tapplika d-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni b’mod parallel mad-dritt nazzjonali, hija tikkonstata li l-prattika ta’ impriża partikolari ma tmurx kontra l-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti taħt l-Artikolu 102 TFUE.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-UE

2.        Taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, l-ANK tal-Istati Membri għandu jkollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE f’każijiet individwali. L-Artikolu 5 tar-regolament jipprovdi skont kif ġej:

“Għal dan il-għan, [waqt li] jaggixxu fuq l-inizjattiva proprja [tagħhom] jew fuq xi ilment, [l-ANK] jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet li ġejjin:

–        jirrikjedu li xi ksur jiġi mitmum,

–        jordnaw miżuri [interim],

–        jaċċettaw rbit,

–        jimponu multi, perjodu ta’ pagamenti penali jew xi pieni oħra previsti mil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Fejn fuq bażi ta’ l-informazzjoni li għandhom fil-pussess tagħhom il-kondizzjonijiet għal projbizzjoni m’humiex milħuqa huma għandhom jiddeċiedu li ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil-parti tagħhom” (enfasi miżjuda).

3.        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li, meta l-interess pubbliku tal-UE relatat mal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE hekk ikun jeħtieġ, il-Kummissjoni Ewropea, waqt li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess, tista’ tikkonstata permezz ta’ deċiżjoni li l-Artikolu 101 TFUE ma huwiex applikabbli għal ftehim, deċiżjoni minn assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma, jew minħabba li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE ma jkunux sodisfatti, jew inkella minħabba li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) TFUE jkunu sodisfatti. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tista’ tagħmel tali konstatazzjoni b’riferiment għall-Artikolu 102 TFUE.

4.        Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni (4) tgħid li “[i]l-Kummissjoni tinsab f’pożizzjoni partikolarment tajba jekk wieħed jew diversi akkordji jew prattiki … ikollhom effetti fuq il-kompetizzjoni f’aktar minn tliet Stati Membri” (paragrafu 14) u li “[b]arra minn hekk, il-Kummissjoni tinsab f’pożizzjoni partikolarment tajba biex tittratta każ jekk ikun marbut mill-qrib ma’ dispożizzjonijiet oħrajn tal-[UE] li jistgħu jiġu applikati esklużivament jew b’mod aktar effettiv mill-Kummissjoni, jekk l-interess tal-[UE] ikun jeħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tiġi żviluppata politika tal-kompetizzjoni tal-[UE] meta tqum kwistjoni ġdida ta’ kompetizzjoni jew biex jiġi żgurat infurzar effettiv” (paragrafu 15) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B –    Id-dritt nazzjonali

5.        L-Artikolu 11 tal-Liġi Pollakka dwar il-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-konsumatur (5), fil-verżjoni li kienet fis-seħħ fiż-żmien rilevanti, jipprovdi:

“(1)      [L-ANK Pollakka] għandha tagħti deċiżjoni li tiddikjara li prattika ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni jekk ma tistabbilixxix li kien hemm ksur tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5 u 8.

(2)      [L-ANK Pollakka] għandha tagħti deċiżjoni taħt il-paragrafu (1) anki jekk ftehim ikun jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1) iżda ma jkunx kopert minn regolament tal-Kunsill tal-Ministri taħt l-Artikolu 7.

(3)      L-oneru li jiġu pprovati ċ-ċirkustanzi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu (2) huwa fuq il-kummerċjant jew l-assoċjazzjoni tal-kummerċ”.

II – Il-fatti u d-domandi rrinvjati

6.        Telekomunikacja Polska S. A. kienet issuspettata li kisret l-Artikolu 8 tal-Liġi Pollakka dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur, kif ukoll l-Artikolu 102 TFUE (6). Fit-tmiem tal-proċedura, l-ANK Pollakka kkonstatat li l-aġir ma kienx jikkostitwixxi abbuż u adottat deċiżjoni taħt id-dritt nazzjonali fejn ikkonstatat li l-impriża ma kinitx aġixxiet b’mod li fixklet il-kompetizzjoni, waqt li, taħt l-Artikolu 102 TFUE, l-ANK Pollakka stabbilixxiet li ma kien hemm ebda bażi għal azzjoni min-naħa tagħha. Parti terza – Tele2 Polska sp. zoo, li issa jisimha Netia SA w Warszawie – ressqet proċeduri ġudizzjarji kontra dik id-deċiżjoni. Is-Sąd Okręgowy – Sąd Ochrony Konkurencji i Konsumentów (Qorti Distrettwali – Qorti għall-Kompetizzjoni u l-Ħarsien tal-Konsumatur), b’sentenza li ġiet ikkonfermata sussegwentement mill-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, annullat id-deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi li l-ANK Pollakka kien imissha adottat deċiżjoni ta’ natura dikjaratorja fis-sens li ma kien hemm ebda prattika restrittiva taħt l-Artikolu 102 TFUE, peress li adottat deċiżjoni f’dak is-sens taħt id-dritt nazzjonali.

7.        L-ANK Pollakka ressqet appell fuq punt ta’ liġi, fejn argumentat li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa dispożizzjoni li tirregola l-ġurisdizzjoni tal-ANK, tillimita l-abiltajiet tagħhom li jieħdu deċiżjonijiet u tistabbilixxi li ma għandhom ebda setgħa li jadottaw tali deċiżjoni. Minflok, l-ANK Pollakka kienet adottat deċiżjoni li kkonkludiet il-kwistjoni b’mod differenti, mingħajr ma tat deċiżjoni dwar il-mertu. L-Artikolu 5 tar-regolament jelenka erba’ tipi ta’ deċiżjonijiet sostantivi u mbagħad, fit-tmiem, jipprovdi għal deċiżjoni ta’ natura proċedurali: l-ANK “jistgħu bl-istess mod jiddeċiedu li ma hemmx każ li tittieħed azzjoni min-naħa tagħhom”. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta deċiżjoni li tiddikjara li l-Artikolu 102 TFUE ma japplikax għal ċerta prattika – iżda mhux l-ANK.

8.        Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, fl-ewwel lok, li din il-kawża tikkonċerna l-limiti li hemm fuq l-awtonomija proċedurali tal-ANK u li l-ANK ma għandhomx jitħallew jadottaw deċiżjoni li tiddikjara li ma kien hemm ebda prattika restrittiva, għaliex deċiżjoni ta’ dik in-natura ma hijiex fost it-tipi ta’ deċiżjoni elenkati fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, moqrija flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 u dispożizzjonijiet oħrajn ta’ dak ir-regolament, tista’ madankollu tiġi interpretata b’tali mod li l-ANK tkun tista’ tadotta deċiżjoni fuq il-bażi tad-deċiżjoni inkwistjoni. F’dak l-isfond, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tirrinvja dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      L-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 1/2003] għandu jiġi interpretat fis-sens li [l-ANK] ma tistax tadotta deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ prattika restrittiva tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu [102 TFEU], meta hija tqis, wara proċedura, li l-impriża ma kisritx il-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni tat-Trattat?

(2)      F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni jippermettu lill-[ANK] sabiex tagħlaq proċedura dwar repressjoni tal-prattiki antikompetittivi - jekk jiġi kkonstatat li l-aġir tal-impriża ma jiksirx il-projbizzjoni li tirrizulta mill-Artikolu [102 TFUE] - biss billi tadotta deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ prattika restrittiva tal-kompetizzjoni, [l-aħħar] sentenza tal-Artikolu 5 tar-[Regolament Nru 1/2003] ... għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi l-bażi ġuridika diretta ta’ deċiżjoni [tal-ANK] li tikkonstata li ‘ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil[l]-parti [tagħha]’?”

9.        Il-Gvernijiet tal-Polonja (7) u tar-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tal-21 ta’ Settembru 2010, dawk il-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ċek, ittrattaw oralment.

III – Evalwazzjoni

A –    Argumenti prinċipali tal-partijiet

10.      Il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jissottomettu essenzjalment li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 ma jippermettix lill-ANK li tadotta deċiżjoni ta’ natura dikjaratorja fis-sens li l-Artikoli 101 u 102 TFUE huma inapplikabbli. Il-Kummissjoni biss għandha dik is-setgħa. Inter alia, jekk ANK titħalla tiddikjara li l-Artikoli 101 u 102 TFUE huma inapplikabbli – sal-grad li jista’ jiġi ggarantit li l-aġir ta’ impriża huwa leċitu – dan, apparti li jkun jeħtieġ riżorsi amministrattivi kunsiderevoli, aktarx li jiskoraġġixxi lill-vittmi ta’ aġir li huma jissuspettaw li huwa illeċitu milli jressqu azzjonijiet individwali kontra l-awtur u b’hekk milli jikkontribwixxu għall-infurzar privat tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE (waqt li r-Regolament Nru 1/2003 huwa intiż li japprova infurzar privat). Rigward it-tieni domanda, il-Kummissjoni targumenta li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa applikabbli direttament. L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tirribatti li f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, meta jkun ikkunsidrat li l-kundizzjonijiet għal deċiżjoni ta’ projbizzjoni ma humiex sodisfatti, l-Artikoli 3(1) u 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jobbligaw lil ANK li tapplika l-Artikolu 102 TFUE billi tikkonkludi proċedura amministrattiva b’konstatazzjoni li ma hemmx każ li tittieħed azzjoni min-naħa tagħha.

11.      Il-Gvern Pollakk jissottometti li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jelenka b’mod eżawrenti s-setgħat tal-ANK. L-aħħar sentenza tal-Artikolu 5 ma hijiex bażi għal deċiżjoni dikjaratorja li ma kien hemm ebda prattika restrittiva. B’risposta għat-tieni domanda, il-Gvern Pollakk jissottometti li l-miżura li permezz tagħha ANK tikkonkludi proċedura dwar suspett ta’ ksur tal-kompetizzjoni – ladarba tkun stabbilixxiet li mhemmx każ li tittieħed azzjoni min-naħa tagħha – għandha tieħu l-forma ta’ deċiżjoni proċedurali biex jingħalaq il-każ mingħajr mhu neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu.

12.      B’mod kuntrarju għall-partijiet l-oħrajn, il-Gvern Ċek jargumenta li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-fatt jippermetti lil ANK li tadotta deċiżjoni li tikkonstata li ma kien hemm ebda prattika restrittiva. Ir-Regolament Nru 1/2003 ma jistabbilixxi ebda ġerarkija bejn il-Kummissjoni u l-ANK – huwa bbażat fuq relazzjoni ta’ kooperazzjoni orizzontali. Ikun kontra l-iskop tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 kieku ANK jkollha kompetenza li tadotta deċiżjoni li tikkonstata li kien hemm ksur tal-Artikolu 102 TFUE, iżda ma jkollhiex kompetenza li tiddikjara li ma kien hemm ebda ksur. Il-Gvern Ċek isostni li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Pollakk dwar il-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-konsumatur ma jipperikolaw ebda wieħed mill-objettivi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE.

B –    Evalwazzjoni


 Rimarki preliminari dwar is-sistema ta’ infurzar ġdida ta’ “eċċezzjoni legali”

13.      Ir-Regolament Nru 1/2003 (8), li jissejjaħ ukoll ir-“Regolament tal-Immodernizzar”, introduċa bidliet kbar fil-mod kif jiġi infurzat id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE. Fost l-innovazzjonijiet li ddaħħlu, in-notifika lill-Kummissjoni ta’ akkordji għal eżenzjoni taħt dak li issa huwa l-Artikolu 101(3) TFUE tneħħiet (9) – u ġiet issostitwita bis-sistema tal-eċċezzjoni legali (10) – u issa l-ANK kif ukoll il-qrati nazzjonali huma assoċjati ħafna aktar mill-qrib mal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE (11).

14.      Id-deċentralizzazzjoni tal-infurzar tad-dritt tal-kompetizjoni tal-UE tmur oltre milli sempliċement teħtieġ lill-ANK u l-qrati nazzjonali li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Biex jippermetti li d-deċentralizzazzjoni tiġi implementata kif suppost, ir-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi għal ta’ mill-inqas tliet mekkaniżmi distinti: (i) l-għoti ta’ setgħa lill-ANK u l-qrati nazzjonali, bi tnaqqis riżultanti fl-attività ta’ infurzar dirett tal-Kummissjoni (12); (ii) ir-rekwiżit għall-ANK u l-qrati nazzjonali li japplikaw l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE fi ħdan sistema li tirregola r-relazzjoni bejn id-dritt nazzjonali u tal-UE; u, l-aħħar iżda mhux l-inqas, (iii) arranġamenti biex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni u l-ħidma tal-ANK u l-qrati nazzjonali sabiex jissalvagwardjaw applikazzjoni uniformi u koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE (13). Kif ser naraw iktar ’l isfel, konsegwenza tar-rwol importanti li l-ANK (u l-qrati nazzjonali) għandhom fl-iffunzjonar tas-sistema l-ġdida hija li, taħt ir-Regolament Nru 1/2003, huma suġġetti għal regoli stretti fir-rigward kemm tas-setgħat mogħtija lilhom kif ukoll tal-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat (14).

 L-ewwel domanda

15.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprekludix lil ANK milli tieħu deċiżjoni negattiva dwar il-mertu meta tapplika l-Artikolu 102 TFUE.

16.      Kif issuġġeriet ġustament l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, fil-prinċipju, id-domandi rrinvjati biss fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE għandhom japplikaw ugwalment għall-kompetenza tal-ANK biex jadottaw deċiżjonijiet negattivi dwar il-mertu skont l-Artikolu 101 TFUE. Fil-fehma tiegħi, għalhekk, ir-risposti għad-domandi rrinvjati għandhom ikopru kemm l-Artikoli 101 u 102 TFUE.

17.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li ma jista’ jkun hemm ebda dubju li deċiżjoni taħt id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni (15) li tikkonstata li prattika partikolari ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni ma taqax taħt il-kategorija ta’ deċiżjonijiet elenkati fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003.

18.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-ANK Pollakka tistax tieħu tali deċiżjoni taħt l-Artikolu 102 TFUE, peress li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 tagħti lill-ANK is-setgħa li tiddeċiedi li ma hemmx każ li tittieħed azzjoni min-naħa tagħhom meta l-kundizzjonijiet għal projbizzjoni ma jkunux sodisfatti.

19.      Fl-ewwel lok, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1/2003. Taħt l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament (16), l-ANK huma obbligati japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE meta l-prattiki ta’ impriża ssuspettata li kisret projbizzjonijiet taħt id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni jkunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Ir-Regolament Nru 1/2003 jippresupponi li l-ANK tapplika l-Artikoli 101 u 102 TFUE b’mod konformi mar-regoli proċedurali tal-Istat Membru tagħhom; u dan tal-aħħar għandu, jekk ikun meħtieġ, jikkompleta l-leġiżlazzjoni interna tiegħu biex jadattaha għas-sistema l-ġdida (17).

20.      Tabilħaqq, rigward dan il-prinċipju ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża Otto (18) li “l-applikazzjoni tal-Artikoli [101 u 102 TFUE] mill-awtoritajiet nazzjonali hija, fil-prinċipju, irregolata minn regoli proċedurali nazzjonali. Suġġett għall-osservanza tad-dritt tal-[UE], u b’mod partikolari tal-prinċipji fundamentali tiegħu, b’hekk hija fil-kompetenza tad-dritt nazzjonali li jiddefinixxi r-regoli proċedurali xierqa sabiex jiġu ggarantiti r-regoli tad-difiża tal-persuni kkonċernati. Dawk il-garanziji jistgħu jkunu differenti minn dawk li japplikaw fi proċeduri tal-[UE].” [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

21.      Sussegwentement, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jiddikjara li l-ANK għandu jkollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE f’każijiet individwali u, għal dan l-iskop, waqt li jaġixxu fuq l-inizjattiva tagħhom stess jew fuq ilment, huma “jistgħu jieħdu” id-deċiżjonijiet li ġejjin: (i)  jeżiġu t-tmiem ta’ ksur; (ii) jordnaw miżuri temporanji; (iii) jaċċettaw impenji; u (iv) jimponu multi, ħlasijiet perjodiċi ta’ penali jew kwalunkwe penali oħra pprovduta fid-dritt nazzjonali tagħhom. Dan l-artikolu jikkonkludi li fejn, fuq il-bażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħhom, il-kundizzjonijiet għall-projbizzjoni ma jkunux sodisfatti, l-ANK jistgħu bl-istess mod jiddeċiedu li ma hemmx każ li tittieħed azzjoni min-naħa tagħhom.

22.      B’hekk tqum il-kwistjoni jekk il-lista ta’ deċiżjonijiet li l-ANK jistgħu jieħdu (stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003) hijiex eżawrenti. Il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni jikkunsidraw li hija tabilħaqq eżawrenti, opinjoni li tidher li hija appoġġata mil-letteratura legali (19).

23.      Fi kwalunkwe każ, biżżejjed jingħad li, strictu sensu, l-Artikolu 5 ma huwiex eżawrjenti ta’ mill-inqas peress li ma huwiex l-unika dispożizzjoni stabbilita fir-Regolament Nru 1/2003 li taħtha jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet mill-ANK: hemm ukoll l-Artikolu 29(2) (“Irtirar f’każijiet individwali”), li taħtu l-ANK għandhom is-setgħa li jirtiraw il-benefiċċju ta’ Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija (REK) taħt ċerti kundizzjonijiet (20).

24.      Fil-fatt, kif tosserva ġustament il-qorti tar-rinviju, meta – wara li tkun tmexxiet proċedura fejn ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u d-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni jiġu applikati b’mod parallel – l-ANK tikkonkludi li l-prattika tal-impriża li tkun qed tiġi investigata ma tmurx kontra l-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, l-ANK għandha, permezz tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, tagħti deċiżjoni korrispondenti kif ipprovdut taħt id-dritt nazzjonali. Taħt is-sistema legali Pollakka, dik id-deċiżjoni korrispondenti tkun id-deċiżjoni pprovduta taħt l-Artikolu 11 tal-Liġi dwar il-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-konsumatur li jipprovdi li prattika ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni.

25.      Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-fatt jibqa’ li limiti jistgħu jiġu imposti fuq il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, b’mod partikolari peress li wieħed mill-objettivi tar-Regolament Nru 1/2003 jrid jinkiseb – jiġifieri, applikazzjoni uniformi tal-Artikoli 101 u 102 TFUE fl-Istati Membri kollha (premessa 1 fil-preambolu tar-Regolament Nru 1/2003). Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jikkostitwixxi tali limitazzjoni, li tispeċifika t-tipi ta’ deċiżjonijiet li l-ANK tista’ tieħu.

26.      Waqt li huwa evidenti li r-Regolament Nru 1/2003 ma jarmonizzax liġijiet proċedurali nazzjonali (21), il-fatt jibqa’ li għadd ta’ kwistjonijiet importanti ġew irregolati fil-livell tal-UE – tabilħaqq b’mod speċjali l-kontenut tad-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu adottati mill-ANK.

27.      Fil-fehma tiegħi, kieku l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju kienet li l-ANK ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni li prattika ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni (kif ipprovdut taħt il-Liġi Pollakka dwar il-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-konsumatur), huwa kien jinkludi b’mod ċar u speċifiku dak it-tip ta’ deċiżjoni fil-lista stipulata fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 [jew, ta’ mill-inqas, f’parti oħra tar-regolament, kif huwa l-każ bid-deċiżjoni tal-Artikolu 29(2)]. Dak l-argument huwa wisq iktar rilevanti peress li l-leġiżlatur tal-UE kien konxju minn din il-kwistjoni speċifika u, fil-fatt, il-kwistjoni kienet ukoll is-suġġett ta’ kontestazzjoni matul il-proċess leġiżlattiv li wassal għar-Regolament Nru 1/2003 (ara l-punti 39 sa 41 iktar ’l isfel).

28.      Il-fatt li l-ANK ma humiex intiżi li jkollhom is-setgħa li jadottaw tali deċiżjoni huwa ċar ukoll mill-Memorandum ta’ Spjegazzjoni li jakkumpanja l-Proposta tal-Kummissjoni. F’dan id-dokument, il-Kummissjoni enfasizzat li l-“proposta hija bbażata fuq il-premessa li l-[ANK] ser japplikaw l-Artikoli [101 u 102 TFUE] b’mod konformi mar-regoli proċedurali nazzjonali rispettivi tagħhom. Mhuwiex neċessarju għall-implimentazzjoni tar-riforma li ssir armonizzazzjoni fuq skala sħiħa tal-liġijiet proċedurali nazzjonali. [(22)] Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li jiġu rregolati fuq livell tal-[UE] għadd limitat ta’ kwistjonijiet li għandhom impatt dirett fuq il-funzjonament tajjeb tas-sistema proposta.” Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li “huwa meħtieġ li jiġi stipulat biss il-kontenut tad-deċiżjonijiet li l-[ANK] jistgħu jadottaw fl-applikazzjoni tal-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ara l-Artikolu 5 tar-regolament propost), sabiex tiġi żgurata implementazzjoni sħiħa u effettiva tas-sistema ta’ eċċezzjoni applikabbli direttament. Ebda awtorità tal-kompetizzjoni li tifforma parti min-[NEK] ma tista’ tkun intitolata tadotta deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni kostituttivi meta japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-[UE].”

29.      Kif ġie rrimarkat ġustament mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, filwaqt li r-Regolament Nru 1/2003 jagħti s-setgħa lill-ANK li jadottaw deċiżjonijiet “pożittivi” dwar il-merti (23), huwa ċar li dan ma jikkontemplax, b’mod parallel, ma’ tali kompetenza biex jintemm ksur billi jiġi applikat (ukoll) l-Artikolu 102 TFUE, il-kompetenza tal-ANK li jadottaw deċiżjonijiet “negattivi” dwar il-merti. Ma hemm xejn fl-Artikolu 5, jew fi kwalunkwe dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 1/2003, li jagħti speċifikament lill-ANK il-kompetenza li jiddikjaraw formalment li ma kien hemm ebda ksur tal-Artikolu 102 TFUE f’każ individwali. Għall-kuntrarju, huwa ċar li ANK tista’ tiddeċiedi biss “li mhemm ebda bażi għal azzjoni” min-naħa tagħha (ara l-aħħar sentenza tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003).

30.      Nikkunsidra (kif jagħmlu l-Gvern Pollakk, il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA) li kwalunkwe interpretazzjoni oħra tagħti lok għar-riskju li jinħolqu sitwazzjonijiet fejn, abbażi tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, deċiżjoni negattiva minn ANK waħda tista’ twaqqaf lill-Kummissjoni, jew lil ANK oħrajn, milli sussegwentement jistabbilixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE (24).

31.      Wieħed jista’ jirrimarka li tali limiti għall-kompetenza tal-ANK fir-rigward ta’ deċiżjonijiet negattivi jidhru wkoll li huma konformi mal-prattika ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Kummissjoni. F’każijiet individwali ta’ kompetizzjoni illeċita fejn l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ma tkunx ipproduċiet evidenza suffiċjenti biex jiġi pprovat sal-grad legali meħtieġ li kien hemm ksur tad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni, il-każ jingħalaq mingħajr ma l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni negattiva dwar il-merti, jew mingħajr ma toħroġ deċiżjoni mmotivata indirizzata lill-partijiet involuti fl-allegat ksur (25).

32.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ġustament tirreferi għal interpretazzjoni sistematika tar-Regolament Nru 1/2003. L-Artikolu 5 jinsab fil-Kapitolu II ta’ dak ir-regolament, li għandu t-titolu “Poteri”. L-Artikolu 4 ta’ dak il-kapitolu jirrigwarda l-poteri tal-Kummissjoni, l-Artikolu 5 l-poteri tal-ANK u l-Artikolu 6 l-poteri tal-qrati nazzjonali. Waqt li l-Artikoli 4 u 6 sempliċement jikkonfermaw f’termini ġenerali l-poteri tal-Kummissjoni u tal-qrati nazzjonali taħt l-Artikoli 101 u 102 TFUE, l-Artikolu 5 jirrestrinġi l-ġurisdizzjoni tal-ANK għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u jistabbilixxi espressament il-mod kif l-ANK għandhom japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE f’każijiet individwali (jiġifieri, liema tipi ta’ deċiżjoni jistgħu jiġu adottati) (26).

33.      Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 proposta fil-punti preċedenti hija mhux biss pjuttost sempliċi, iżda hija appoġġjata wkoll minn dispożizzjonijiet oħrajn ta’ dak ir-regolament. Tabilħaqq, b’mod importanti, it-test tal-Artikolu 5 għandu jiġi mqabbel ma’ dak tal-Artikolu 10.

34.      Taħt l-Artikolu 10, bit-titolu “Sejba ta’ inapplikabilità”, meta l-interess pubbliku tal-UE relatat mal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE hekk ikun jeħtieġ, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess, tista’ permezz ta’ deċiżjoni tikkonstata li l-Artikolu 101 TFUE ma huwiex applikabbli għal ftehim, deċiżjoni minn assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma, jew għaliex il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE ma humiex sodisfatti, jew inkella għaliex il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) TFUE huma sodisfatti. Il-Kummissjoni tista’ bl-istess mod tagħmel tali konstatazzjoni b’riferiment għall-Artikolu 102 TFUE (27). Id-deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 10 huma strumentali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti tad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni minħabba l-effett li għandhom fuq il-korpi tal-infurzar l-oħrajn (28).

35.      Minn dan isegwi li, fir-Regolament Nru 1/2003, il-leġiżlatur tal-UE ta lill-Kummissjoni kompetenza esklużiva biex tadotta deċiżjonijiet negattivi dwar il-mertu (deċiżjonijiet ta’ inapplikabbiltà).

36.      Dik l-interpretazzjoni hija appoġġjata mill-premessa 14 fil-preambolu tar-Regolament Nru 1/2003, li tiddikjara li f’każijiet eċċezzjonali meta l-interess pubbliku tal-Unjoni Ewropea hekk ikun jeħtieġ, jista’ jkun propizju wkoll għall-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni ta’ natura dikjaratorja li tikkonstata li l-projbizzjoni fl-Artikolu 101 jew fl-Artikolu 102 TFUE ma tapplikax, bil-għan li tiġi kkjarifikata l-liġi u tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tagħha fl-Unjoni Ewropea kollha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tipi ġodda ta’ akkordji jew prattiċi li ma ġewx deċiżi fil-ġurispudenza u l-prattika amministrattiva eżistenti. Rigward ir-rekwiżit li tintuża biss f’każijiet eċċezzjonali, huwa dibattibbli jekk dan jirriflettix wieħed mill-objettivi tar-Regolament Nru 1/2003, li huwa li titwitta t-triq għal awto-evalwazzjoni (29).

37.      Barra minn hekk, taħt ir-Regolament Nru 1/2003 il-Kummissjoni kellha tħejji Rapport dwar il-funzjonament tar-Regolament Nru 1/2003 sal-1 ta’ Mejju 2009, jiġifieri, ħames snin wara d-dħul tiegħu fis-seħħ. F’dokument ta’ ħidma anness ma’ dak ir-rapport (30), il-Kummissjoni tiddikjara li kienet għadha ma adottat ebda deċiżjoni taħt l-Artikolu 10, punt li hija kkonfermat ukoll matul is-seduta f’Settembru 2010. Barra minn hekk, l-użu tat-terminu “interess pubbliku [tal-UE]” f’dik id-dispożizzjoni jelimina l-possibbiltà li tali deċiżjonijiet jistgħu jiġu adottati b’mod leġittimu fl-interessi ta’ kumpaniji individwali, bil-għan li jiġi evitat li dak l-istrument jintuża bħala sostitut għad-deċiżjoni ta’ eżenzjoni taħt is-sistema l-qadima. L-Artikolu 10 huwa ristrett għal każijiet eċċezzjonali, u huwa ddisinnjat biex jikkjarifika l-liġi u jiżgura l-applikazzjoni konsistenti tagħha fl-Unjoni Ewropea kollha (31), u speċifikament: (i) biex “jikkoreġi” l-approċċ ta’ ANK; jew (ii) biex jibgħat sinjal lin-NEK dwar kif għandha tittratta każ partikolari. B’mod interessanti, il-Kummissjoni tispjega fir-rapport li fil-prattika, madankollu, mezz ex ante ta’ dan it-tip biex tiġi żgurata l-konsistenza ġie ssuperat sa grad għoli mill-isforzi estensivi tan-NEK fil-promozzjoni tal-applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Il-grad safejn in-NEK uriet li hija forum ta’ suċċess għad-diskussjoni ta’ kwistjonijiet ta’ politika ġenerali apparentement ma kienx antiċipat fiż-żmien meta ġie adottat ir-Regolament Nru 1/2003. B’hekk il-Kummissjoni ma kellha ebda raġuni biex tipproċedi taħt l-Artikolu 10, peress li l-użu tiegħu s’issa ma kienx meħtieġ.

38.      Tabilħaqq, fil-fehma tiegħi, il-leġiżlatur tal-UE pprovda intenzjonalment u espressament li deċiżjonijiet li jiddikjaraw prattika bħala leċita għandhom jiġu adottati: (i) biss mill-Kummissjoni; (ii) meta l-interess pubbliku tal-UE jkun jeħtieġ dan u biss meta jkun relatat mal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE; (iii) meta l-Kummissjoni tkun qed taġixxi ex officio; u (iv) biss f’każijiet eċċezzjonali (32).

39.      F’dan ir-rigward, jista’ jkun interessanti li wieħed jikkunsidra hawnhekk il-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Immodernizzar tar-Regoli li Jimplimentaw l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] tat-28 ta’ April 1999, li kienet il-prekursur għall-immodernizzar ipprovdut taħt ir-Regolament Nru 1/2003 (33). Il-“konstatazzjonijiet ta’ inapplikabbiltà” ġew proposti għall-ewwel darba fil-White Paper, li kienet ir-riżultat ta’ diskussjoni fi ħdan il-Kummissjoni li bdiet fl-1997 bi grupp ta’ ħidma żgħir li eżamina l-problemi ppreżentati mis-sistema ta’ notifika taħt ir-Regolament Nru 17 (34). Il-Kummissjoni rċeviet ħafna osservazzjonijiet dwar il-White Paper u fis-sena 2000 eventwalment ippreżentat il-proposta tagħha.

40.      Il-White Paper issuġġeriet li l-Kummissjoni ma għandhiex tkun tista’ tkompli tadotta deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE, u pproponiet li l-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadotta “deċiżjonijiet individwali li mhumiex deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni”, waqt li ddikjarat li “[m]eta tranżazzjoni tagħti lok għal kwistjoni li hija ġdida, jista’ jkun meħtieġ li tingħata gwida lis-suq rigward l-approċċ tal-Kummissjoni għal ċerti restrizzjonijiet fih. Deċiżjonijiet pożittivi ta’ din ix-xorta b’hekk għandhom jittieħdu f’każijiet eċċezzjonali, għal raġunijiet ta’ interess ġenerali … ikunu ta’ natura dikjaratorja, u jkollhom l-istess effett ġuridiku bħal m’għandhom deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni negattiva fil-preżent”. Grupp ta’ Stati Membri esprima tħassib li kien hemm riskju li tali deċiżjonijiet pożittivi jistgħu jwittu t-triq għal introduzzjoni mill-ġdid tas-sistema ta’ notifika, peress li huwa diffiċli li jiġu rrikonċiljati ma’ sistema ta’ eċċezzjoni legali. Grupp ieħor ta’ Stati Membri ssuġġerixxa li l-ANK għandu jkollhom is-setgħa li jieħdu tali deċiżjonijiet pożittivi (35).

41.      B’risposta għal dawk il-kwistjonijiet, il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni anness mal-proposta ġġustifika d-deċiżjonijiet ta’ inapplikabbiltà fuq il-bażi li fis-“sistema ta’ eċċezzjoni direttament applikabbli l-funzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni ser ikunu li tieħu azzjoni kontra każijiet ta’ ksur u li tiżviluppa l-politika tal-kompetizzjoni waqt li tippromwovi applikazzjoni konsistenti tar-regoli permezz ta’ miżuri ġenerali bħal regolamenti u linji gwida ta’ eżenzjoni ta’ kategorija”. Hija ddikjarat li deċiżjonijiet ta’ inapplikabbiltà “jistgħu jiġu adottati biss fuq l-inizjattiva proprja tal-Kummissjoni u fl-interess pubbliku [tal-UE]. Dawn il-kundizzjonijiet jiżguraw li deċiżjonijiet li jagħmlu konstatazzjoni ta’ inapplikabbiltà ma jistgħux jinkisbu fuq talba minn kumpanniji. Tali possibbiltà tippreġudika b’mod serju l-għan ewlieni tar-riforma [(36),] li huwa li jiġu ffukati l-attivitajiet tal-awtoritajiet kollha tal-kompetizzjoni dwar dak li huwa pprojbit. Fis-sistema diċentralizzata, il-Kummissjoni, bħala l-għassiesa tat-Trattat u l-awtorità ppożizzjonata ċentralment, kellha rwol speċjali fl-istabbiliment tal-politika tal-kompetizzjoni u biex tiżgura li l-Artikoli [101 u 102 TFUE] jiġu applikati b’mod konsistenti fis-suq waħdieni kollu. Għal dak il-għan huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet pożittivi jekk l-interess pubbliku [tal-UE] hekk ikun jeħtieġ. Din is-setgħa tippermetti lill-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni li tagħmel konstatazzjoni ta’ inapplikabbiltà, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tipi ġodda ta’ akkordji jew prattiki jew kwistjonijiet li ma ġewx deċiżi fil-ġurisprudenza u l-prattika amministrattiva eżistenti.”

42.      L-interpretazzjoni tiegħi tad-dispożizzjonijiet rilevanti hija appoġġjata wkoll mill-kunsiderazzjonijiet li ġew espressi f’Konklużjonijiet reċenti ta’ Avukati Ġenerali u fil-ġurisprudenza tal-UE.

43.      Fl-ewwel lok, fil-kawża T-Mobile Netherlands et (37), l-Avukat Ġenerali Kokott saħqet dwar l-importanza tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1/2003: “mill-1 ta’ Mejju 2004 [(38)] ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Artikoli [101 u 102 TFUE] joperaw f’sistema deċentralizzata li tiddependi primarjament fuq il-kooperazzjoni ta’ [ANK] u qrati nazzjonali [(39)]. F’dawk iċ-ċirkustanzi, huwa ta’ importanza fundamentali li tinżamm applikazzjoni uniformi ta’ regoli ta’ kompetizzjoni [fl-Unjoni Ewropea]. Mhux biss l-għan fundamentali ta’ kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni għal impriżi fis-suq wieħed imma wkoll il-garanzija għall-protezzjoni uniformi tal-interessi tal-konsumatur [fl-Unjoni Ewropea] kollha jiġu mminati jekk fl-infurzar tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Artikoli [101 u 102 TFUE] jkun hemm differenzi kbar iżżejjed bejn l-[ANK] u l-qrati tal-Istati Membri. Għal dik ir-raġuni, l-għan ta’ applikazzjoni uniformi tal-Artikoli [101 u 102 TFUE] hija tema ċentrali li tirfed ir-Regolament Nru 1/2003 kollu kemm hu.”

44.      Fit-tieni lok, l-Avukat Ġenerali Mengozzi rrimarka fil-kawża X (40) li “il-kunċett ta’ koerenza, jew, iktar preċiżament, l-espressjoni ‘applikazzjoni koerenti’ tidher li hija flessibbli biżżejjed biex tkun tista’ tiġi inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu previst fit-tielet sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sitwazzjonijiet fejn qorti nazzjonali tikkomprometti jew tista’ tikkomprometti l-applikazzjoni uniformi, jew saħansitra effettiva, [tal-Artikolu 101 jew Artikolu 102 TFUE]. Tali approċċ jidher li huwa wisq iktar u iktar adatt peress li l-għanijiet tar-Regolament Nru 1/2003 huma li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi u effikaċi tal-Artikoli [101 u 102 TFUE] li fil-kuntest tagħhom il-Kummissjoni, fid-dawl tal-missjoni tagħha ta’ sorveljanza mogħtija lilha mid-dritt [tal-UE], [(41)] twettaq funzjoni predominanti [(42)]. [I]t-tranżizzjoni minn applikazzjoni partikolarment ċentralizzata tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, kif kienet teżisti taħt ir-[Regolament Nru 17] għal sistema ta’ implementazzjoni deċentralizzata tar-regoli tal-[UE] tal-kompetizzjoni, kif stabbilita bir-Regolament Nru 1/2003, teħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi adattati biex tiġi żgurata applikazzjoni ‘effettiva’, ‘effikaċi’, ‘uniformi’ u/jew ‘koerenti’ tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli [101 u 102 TFUE], skont id-diversi espressjonijiet użati mir-Regolament Nru 1/2003. Huwa wkoll minnu li, fost dawn il-mekkaniżmi, hemm dawk dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri, minn naħa waħda, u l-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, previsti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1/2003.”

45.      Fit-tielet lok, punti simili diġà ġew enfasizzati fil-ġurisprudenza tal-UE (43).

46.      Għandu jingħad li n-natura speċjali attribwita lill-Artikolu 10 mir-Regolament Nru 1/2003 tirriżulta wkoll mill-fatt li, għall-kuntrarju tal-Artikolu 5 ta’ dak ir-regolament, l-Artikolu 10 ma huwiex intiż li jkopri l-għeluq ta’ proċedura f’każ speċifiku. Għall-kuntrarju, huwa intiż li jippermetti lill-Kummissjoni tindirizza kwistjonijiet ġodda taħt id-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni, li fil-prinċipju ma jkunux parti minn xi investigazzjoni speċifika partikolari.

47.      Tabilħaqq, huwa ċar minn qari tar-Regolament Nru 1/2003 li – waqt li l-idea sottostanti hija li l-Kummissjoni u l-ANK għandhom kompetenzi paralleli (44) u li għandhom jiffurmaw flimkien netwerk li tapplika d-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib – jibqa’ l-fatt li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija distinta minn dik tal-ANK permezz tas-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet ta’ inapplikabbiltà taħt l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003 (45), u r-regola stabbilita fl-Artikolu 11(6) ta’ dan l-istss regolament, li tistipula li meta l-Kummissjoni tiftaħ proċeduri, hija b’hekk tillibera lill-ANK mill-kompetenza tagħhom li jittrattaw l-istess każ, kif ukoll ir-regola stabbilita fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament, li tistipula li l-ANK ma jistgħux jieħdu deċiżjoni li tmur kontra deċiżjoni preċedenti mill-Kummissjoni dwar l-istess akkordju jew prattika. Dawn it-tliet differenzi huma lkoll relatati mar-rwol speċifiku tal-Kummissjoni li tikkjarifika l-liġi u li tiżgura l-applikazzjoni konsistenti tagħha fl-UE kollha, kif ipprovdut fl-Artikolu 105(1) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 85(1) KE) (46).

48.      Nikkunsidra (kif jagħmlu l-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni) li l-argument li l-ANK ma humiex intitolati jieħdu deċiżjonijiet ta’ inapplikabbiltà huwa konsistenti mal-objettiv li tinkiseb applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni u huwa appoġġjat mill-fatt li konstatazzjoni ta’ inapplikabbiltà ma hijiex waħda mit-tipi ta’ deċiżjonijiet elenkati fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprovdi li, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, l-ANK għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni [b’mod ċar b’riferiment biss għat-tipi ta’ deċiżjoni elenkati fl-Artikolu 11(4) li jista’ jkollhom effett fuq l-uniformità tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni] (47). Kieku kien mod ieħor, il-Kummissjoni ma kien ikollha ebda possibbiltà li tiżgura l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni u/jew il-ftuħ ta’ proċeduri taħt l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 (48), f’każ fejn kien hemm riskju ta’ applikazzjoni mhux uniformi tad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

49.      Fil-fehma tiegħi, isegwi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jirrifletti kompromess maħluq mil-leġiżlatura tal-UE wara proċedura leġiżlattiva fit-tul.

50.      Huwa ċar mill-analiżi tiegħi li l-ANK ma għandhomx is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet ta’ inapplikabbiltà fil-kuntest tal-Artikoli 101 u 102 TFUE (49). Tabilħaqq, ma huwiex wisq rilevanti li d-dritt proċedurali nazzjonali jippermetti tali deċiżjoni negattiva fir-rigward tal-projbizzjonijiet taħt id-dritt nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ma jilleġittimizzax estensjoni tas-setgħat tal-ANK rigward id-deċiżjonijiet li jistgħu jadottaw taħt ir-Regolament Nru 1/2003.

51.      Tabilħaqq, naqbel mal-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “jiddeċiedu li ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil-parti tagħhom” b’mod ċar ifisser l-għoti ta’ deċiżjoni li ma hijiex deċiżjoni li tgħid li ma hemm ebda ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Kif rajna, il-leġiżlatur tal-UE intenzjonalment ma pprovdiex għall-possibbiltà li l-ANK jagħtu deċiżjonijiet li jgħidu li ma hemm ebda ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Għamilha wkoll ċara fil-memorandum ta’ spjegazzjoni anness mal-proposta għar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn is-setgħat tal-ANK huma kkonċernati, li f’każijiet bħal dan preżenti – fejn l-ANK tistabbilixxi li l-prattika ta’ impriża ma marritx kontra l-Artikolu 102 TFUE – hija tista’ “tagħlaq il-proċeduri” jew “tiċħad l-ilment” b’deċiżjoni li tikkonstata li ma hemmx każ li tittieħed azzjoni (p. 16 tal-proposta) u li “ebda [ANK] li tifforma parti min-network ma jista’ jkollha s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni kostituttivi meta tapplika r-regoli tal-kompetizzjoni tal-[UE]” (p. 12).

52.      Isegwi minn dak kollu li ntqal hawn fuq li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru ma tistax tieħu deċiżjoni li tikkonstata li prattika ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 102 TFUE f’każ fejn tkun ikkonstatat, wara li tkun mexxiet proċeduri, li l-impriża ma kisritx il-projbizzjoni ta' abbuż ta’ pożizzjoni dominanti taħt dik id-dispożizzjoni tat-Trattat.

 It-tieni domanda

53.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-aħħar sentenza tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 tistax tipprovdi bażi legali diretta għal ANK biex tagħlaq il-proċeduri billi tiddeċiedi li ma hemmx każ li tittieħed azzjoni min-naħa tagħha f’sitwazzjoni bħal fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn l-adozzjoni ta’ deċiżjoni negattiva dwar il-mertu tkun ipprovduta biss taħt id-dritt nazzjonali.

54.      Semmejt iktar ’il fuq li, kemm fil-kawża Otto (50) u f’GT-Link (51), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] mill-awtoritajiet nazzjonali hija, fil-prinċipju, irregolata minn regoli proċedurali nazzjonali”. Kien fil-kawża Otto, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li “suġġett għall-osservanza tad-dritt tal-[UE], u b’mod partikolari tal-prinċipji fundamentali tagħha, hija għalhekk kwistjoni għad-dritt nazzjonali biex tiddefinixxi r-regoli proċedurali xierqa sabiex tiggarantixxi d-drittijiet ... tad-difiża tal-persuni kkonċernati. Tali garanziji jistgħu jvarjaw minn dawk li japplikaw fi proċeduri tal-[UE] (52)”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

55.      B’hekk, il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA huma korretti meta jargumentaw li, f’sitwazzjoni bħal dik li qed tiġi kkunsidrata mill-qorti tar-rinviju, meta l-kundizzjonijiet għal deċiżjoni ta’ projbizzjoni ma jkunux sodisfatti, l-Artikoli 3(1) u 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jobbligaw lil ANK biex tapplika l-Artikolu 102 TFUE billi ttemm il-proċeduri amministrattivi tagħha b’konstatazzjoni li ma hemm ebda bażi għal azzjoni min-naħa tagħha. Tabilħaqq, isegwi mill-kunsiderazzjonijiet relatati mal-ewwel domanda li, minħabba l-importanza li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE fl-Unjoni kollha, il-fatt li d-dritt tal-kompetizzjoni ta' Stat Membru (ikun għadu) ma jippermettix espressament lil ANK li tadotta tali deċiżjoni ma jbiddilx l-obbligi li għandhom l-Istati Membri taħt l-Artikoli 3(1) u 5 tar-Regolament Nru 1/2003 (53).

56.      Fl-ewwel lok, ir-Regolament Nru 1/2003 – bħar-regolamenti kollha – huwa direttament applikabbli fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri. (54) Fit-tieni lok, il-prinċipju tas-supremazija (55) jeħtieġ li l-qorti tar-rinviju ma tapplikax id-dritt nazzjonali li jmur kontra d-dritt tal-UE iżda li tapplika d-dritt tal-UE minflok. Tabilħaqq, il-ġurisprudenza tgħid li qorti nazzjonali li hija meħtieġa, fi ħdan il-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħha, li tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE għandha dmir li tagħti effett sħiħ lil dawk id-dispożizzjonijiet, jekk meħtieġ billi tirrifjuta fuq l-inizjattiva tagħha stess li tapplika kwalunkwe dispożizzjoni konfliġġenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk tkun adottata sussegwentement. Ma huwiex neċessarju għall-qorti li titlob jew tistenna li dik id-dispożizzjoni titneħħa b’mezzi leġiżlattivi jew b’mezzi kostituzzjonali oħrajn (56). Kif irrimarkat ġustament l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, l-istess obbligu japplika mutatis mutandis għall-ANK, li huma obbligati wkoll jiskartaw regoli nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-UE.

57.      Sussegwentement, huwa loġiku li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jkun direttament applikabbli – dan jippermetti lill-ANK rilevanti kollha li jkollhom, sa mill-1 ta’ Mejju 2004, setgħa konsistenti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, mingħajr il-ħtieġa li jistennew l-implementazzjoni tal-Artikolu 5 fid-dritt nazzjonali (57).

58.      Finalment, biex wieħed jagħti ftit eżempji konkreti, jista’ jiġi osservat li l-ANK fil-Ġermanja, l-Italja u l-Belġju diġà applikaw direttament ir-Regolament Nru 1/2003. Fl-ewwel lok, il-Bundeskartellamt ibbaża fuq l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 diġà qabel ma daħlet fis-seħħ is-7 Emenda għad-Dritt Ġermaniż dwar il-kompetizzjoni (58). Fit-tieni lok, l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato applikat direttament l-Artikolu 5 tar-regolament u ħadet deċiżjoni li tordna miżuri interim li dak iż-żmien ma kinux ipprovduti taħt id-dritt Taljan (59). Dik id-deċiżjoni ġiet approvata mit-TAR del Lazio fis-6 ta’ Diċembru 2005. Finalment, il-Conseil de la concurrence kien tal-fehma li għandu jkun jista’ jeżerċita setgħa ta’ infurzar anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtuh dawk is-setgħat, u minkejja dispożizzjoni nazzjonali għall-kuntrarju. Dik kienet il-pożizzjoni fir-rigward tas-setgħa biex jiġu aċċettati impenji, wieħed mit-tipi ta’ deċiżjonijiet elenkati fl-Artikolu 5, iżda mhux ipprovduti taħt id-dritt Belġjan. Il-Conseil de la concurrence inferixxa setgħa tat-“tip tal-Artikolu 9” għalih innifsu mill-effett dirett tar-Regolament Nru 1/2003 (60).

59.      Isegwi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa direttament applikabbli u li l-ANK tista’ tagħlaq il-proċeduri tagħha b’deċiżjoni proċedurali li tikkonstata li ma hemmx każ li tittieħed azzjoni min-naħa tagħha.

IV – Konklużjoni

60.      Jiena għalhekk tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposti li ġejjin għad-domandi rrinvjati mis-Sąd Najwyższy:

(1)      “L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, dwar l-implementazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 81 u 82 [KE] (issa l-Artikoli 101 u 102 TFUE) għandhom jiġu interpretati fis-sens li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru ma hijiex intitolata li tieħu deċiżjoni li tiddikjara li prattika ma tirrestrinġix il-kompetizzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 102 TFUE f’każ fejn tkun sabet, wara li mexxiet il-proċeduri, li l-impriża ma kisritx il-projbizzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti taħt dik id-dispożizzjoni tat-Trattat.

(2)      Meta, fuq il-bażi tal-informazzjoni fil-pussess ta’ awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, il-kundizzjonijiet għal deċiżjoni ta’ projbizzjoni fi ħdan it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 ma humiex sodisfatti, dik l-awtorità tal-kompetizzjoni tista’ ġġib il-proċeduri amministrattivi tagħha fit-tmiem billi tiddeċiedi li ma hemmx każ li tittieħed azzjoni min-naħa tagħha”.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Id-domandi huma rrinvjati fil-kuntest ta’ appell ippreżentat mill-President tal-Awtorità Nazzjonali tal-Kompetizzjoni Pollakka (Prezes Urzędu Ochrony Konkurencji i Konsumentów; iktar ’il quddiem l-“ANK Pollakka”) kontra sentenza tas-Sąd Apelacyjny w Warszawie (Qorti tal-Appell ta’ Varsavja). Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 [KE] (issa l-Artikoli 101 u 102 TFUE) (ĠU 2003 L 1, p. 1).


3 – Regolament tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 1959‑1962, p. 87).


4 – ĠU 2004 C 101, p. 43.


5 – Ustawa z dnia 15 grudnia 2000 r. o ochronie konkurencji i konsumentów (verżjoni kkonsolidata f’Dziennik Ustaw 2005, Nru 244, partita 2080).


6 – Id-digriet tar-rinviju sempliċement jiddikjara li l-kawża kienet tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ klawżola ta’ esklużività għall-użu tas-servizzi tat-telefon aċċessibbli għall-pubbliku ta’ Telekomunikacja Polska fis-suq nazzjonali għal aċċess għal servizzi ta’ konnessjoni tat-telefonija mhux ċellulari pprovduti b’mod konformi mal-prinċipji ta’ aċċessibbiltà u għażla minn qabel tat-trasportatur.


7 – L-osservazzjonijiet tal-Gvern Pollakk apparentement jirriflettu l-pożizzjoni tal-ANK Pollakka.


8 – Rigward l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003, ara l-Kawża C‑429/07X [2009], Ġabra I‑4833, u dawn il-kawżi pendenti: VEBIC, C-439/08 (Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi mogħtija fil-25 ta’ Marzu 2010, bil-kawża ddifferita għas-sentenza fis-7 ta’ Diċembru 2010), u Pfleiderer vs Bundeskartellamt, C-360/09 (il-Konklużjonijiet tiegħi ser jingħataw fis-16 ta’ Diċembru 2010). Inkwantu l-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, ara s-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni (T-339/04, Ġabra p. II‑521, u s-sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni (T‑340/04, Ġabra p. II‑573 (ikkonfermata fl-appell fis-sentenza tat-2 ta’ April 2009, C‑202/07 P, Ġabra p. I‑2369).


9 – Huwa nnotat li, jekk iż-żewġ objettivi ewlenin tad-deċentralizzazzjoni tal-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE – it-tnaqqis tal-volum ta’ xogħol tal-Kummissjoni u l-involviment tal-ANK u l-qrati nazzjonali f’dak l-infurzar – jibqgħu l-istess, il-komponenti ta’ dik il-politika, kif stipulati fir-Regolament Nru 1/2003, ivarjaw minn dawk li kienu jinsabu fil-Proposta tal-Kummissjoni għall-2000 – li kienet tipprovdi illi “l-Artikolu [3 tal-Proposta tar-Regolament] jistipula illi meta ftehim jew prattika tista’ taffetwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, huwa applikabbli biss id-dritt tal-kompetizzjoni [Ewropew]” (enfasi miżjuda) (Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-implementazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stipulati fl-Artikoli 81 u 82 [KE] u li jemendaw ir-Regolamenti (KEE) Nru 1017/68, (KEE) Nru 2988/74, (KEE) Nru 4056/86 u (KEE) Nru 3975/87; COM(2000) 582 finali, p. 12). Ara Tosato, G.L., u Bellodi, L. (Edituri), EU Competition Law, Volume I, Procedure, Claeys & Casteels, 2006, p. 218.


10 – Fis-sistema preċedenti, l-Artikolu 81 KE kien ikkaratterizzat bil-formulazzjoni ta’ regola ta’ projbizzjoni [l-Artikolu 81(1)] u l-effetti tiegħu [nullità – Artikolu 81(2)], kienu aġġustati bl-eżerċizzju tas-setgħa tal-Kummissjoni li tagħti eżenzjonijiet mir-regola [Artikolu 81(3)]. Taħt ir-Regolament Nru 1/2003, l-eżenzjoni individwali ta’ ftehim mill-projbizzjoni fl-Artikolu 101(1) TFUE ma għadhiex tiddependi fuq in-notifika tagħha lill-Kummissjoni. Issa l-akkordji li jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) TFUE li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) ma għandhomx jiġu pprojbiti, peress li ebda deċiżjoni preliminari f’dak is-sens ma hi meħtieġa – l-Artikolu 101(3) huwa ttrattat bħala eċċezzjoni legali applikabbli direttament. Ara Kerse, C.S., u Khan, N., EC Antitrust Procedure, il-Ħames Edizzjoni, Sweet & Maxwell, Londra, 2005, p. 15.


11 – Ara, inter alia, il-premessi 6, 7 u 15 fil-preambolu għar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikoli 5 u 6 ta’ dak ir-regolament. Taħt ir-Regolament Nru 17, l-ANK f’każijiet rari biss ħadu passi għal ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, b’mod partikolari peress li d-dritt nazzjonali kien jippermetti lill-ANK li japplikaw l-Artikoli 81(1) KE u 82 KE biss f’madwar nofs l-Istati Membri u, anki meta kellhom is-setgħa li jagħmlu dan, is-setgħa tal-Kummissjoni li tagħti eżenzjonijiet kienet tiskoraġġixxi lill-ANK milli jipproċedu fuq każijiet tal-Artikolu 81(1) KE. Jekk ANK tkun bdiet tieħu passi għal ksur tal-Artikolu 81(1) KE, l-impriżi setgħu jiddeċiedu li jinnotifikaw il-ftehim jew prattika tagħhom lill-Kummissjoni, li, minħabba l-obbligu legali tagħha li taġixxi fuq notifika, kienet b’hekk tkun imġiegħla tiftaħ proċedura, u b’hekk tieħu l-kompetenza mingħand l-ANK. Ara Wils, W. P. J., ‘Community report’, f’Cahill, D. u Cooke, J. D., The Modernisation of EU Competition Law Enforcement in the EU, Cambridge, FIDE 2004, p. 679 et seq. Ara wkoll Gippini Fournier, E., ‘Community report’, f’Koeck, H. F., u Karollus, M. M., (Edituri), The Modernisation of European Competition Law, Nomos, FIDE 2008.


12 – B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni setgħet tiffoka iktar fuq prijoritajiet ewlenin bħall-akkordji u inkjesti settorjali (fejn il-Kummissjoni tipprova tidentifika setturi fejn ir-regoli tal-kompetizzjoni jistgħu ma jkunux qed jaħdmu sew).


13 – L-importanza vitali ta’ dak l-objettiv hija enfasizzata mill-fatt li l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE żdied sew sa minn meta daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 1/2003: sat-tmiem ta’ Marzu 2009, ġew segwiti sa 1000 każ, f’varjetà wiesgħa ta’ setturi, mill-membri tan-Netwerk Ewropea tal-Kompetizzjoni (NEK) fuq il-bażi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill – Rapport dwar il-funzjonament tar-Regolament Nru 1/2003, COM(2009) 206 finali, 29 ta’ April 2009, p. 7.


14 – Ara Tosato, G. L., u Bellodi, L., iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 219.


15 – Jiġifieri taħt l-Artikolu 11 tal-Liġi Pollakka dwar il-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-konsumatur.


16 – Ara, pereżempju, C. Lucey, Unforeseen consequences of Article 3 of EU Regulation 1/2003, ECLR, 2006, 27(10), p. 558‑563.


17 – Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1/2003. Tosato, G. L., u Bellodi, L., iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, jirrapportaw f’p. 32 (nota ta’ qiegħ il-paġna 101) li fl-Italja, l-Artikolu 54(5) tal-Liġi 52 tas-6 ta’ Frar 1996, kien diġà ta s-setgħa lill-ANK Taljana li tapplika l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 82 KE. Barra minn hekk, huwa interessanti li wieħed jinnota li fir-Renju Unit, l-ANK ma kellhomx ġurisdizzjoni, qabel ir-riforma, li japplikaw id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE.


18 – Sentenza tal-10 ta’ Novembru 1993 (C‑60/92, Ġabra p. I‑5683, punt 14). Ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, GT-Link (C‑242/95, Ġabra p. I‑4449, punti 23 sa 26.


19 – Ara, inter alia, J. Faull, u A. Nikpay, The EC law of competition, Oxford University Press, 2007, p. 113: l-Artikolu 5 jistabbilixxi lista eżawrjenti peress li, meta japplikaw l-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 TFUE, l-ANK ma jistgħu jieħdu ebda deċiżjoni għajr dawk elenkati fih; b’mod partikolari, l-ANK ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet ta’ inapplikabbiltà; il-Kummissjoni biss tista’. Ara wkoll E. Langen, u H.‑J. Bunte,  (Edituri), Kommentar zum deutschen und europäischen Kartellrecht – Band 2, il-11-il Edizzjoni, Luchterhand, 2010, p. 752 et seq; U. Loewenheim, K.N. Meessen, u A. Riesenkampff, Kartellrecht – Band 1 Europäisches Recht – Kommentar, C. H. Beck Verlag, Munich, 2005, p. 740; G. Hirsch, F. Montag, u F.J. Säcker, Competition Law: European Community Practice and Procedure, Sweet & Maxwell, Londra, 2008, p. 1579 et seq; u C. S. Kerse, , u N. Khan, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, p. 261: ma huwiex ċar (i) jekk il-lista hijiex intiża li tkun eżawrjenti u (ii) x’inhu l-effett tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 5; din tal-aħħar, ġie ssuġġerit, tfisser li l-ANK ma għandhomx is-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet ta’ inapplikabbiltà; l-intenzjoni donnha hi li l-ANK jitwaqqfu milli jieħdu tali deċiżjonijiet, b’mod partikolari deċiżjonijiet li jikkonstataw li l-Artikolu 101(1) TFUE huwa inapplikabbli.


20 – Essenzjalment, l-ANK tista’, meta akkordji, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew prattiki miftiehma li għalihom japplika regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija jkollhom effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) TFUE fit-territorju ta’ Stat Membru li għandu l-karatteristiċi kollha ta’ suq ġeografiku distint, tirtira l-benefiċċju tar-regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija inkwistjoni f’dak it-territorju.


21 – C. Esteva Mosso, Regulation 1/2003 – Five years on, 16th St. Gallen International Competition Law Forum 2009 (2010), p. 247: Ir-Regolament Nru 1/2003 jakkomoda sew id-diversità ta’ ambjenti istituzzjonali u proċedurali fl-UE. Madankollu, rajna xi konverġenza spontanja lejn il-mudell tar-regolament. Għadd kbir ta’ Stati Membri neħħew is-sistemi ta’ notifika, xi wħud adottaw poteri ta’ infurzar simili, jew tipi ta’ deċiżjonijiet simili. Iżda għad hemm diverġenzi importanti: dwar multi, penali kriminali, ir-responsabbiltà ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, sitwazzjonijiet fejn l-azzjoni tkun preskritta, il-livell ta’ prova applikabbli u l-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ impenji. Ch. Lemaire, , Premier bilan de l’application du règlement no 1/2003, Petites affiches, 17 ta’ Diċembru 2009, Nru 251, p. 38 et seq jissottometti li lil hinn mir-regoli sostantivi, fejn il-konverġenza tirriżulta l-aktar mill-obbligu li jiġi applikat id-dritt tal-UE u mir-regola tal-konverġenza, huwa ċertament fil-qasam tar-regoli proċedurali u l-penali li l-iżviluppi kienu l-iktar importanti u interessanti. Dawk l-iżviluppi ma kinux previsti matul in-negozjati relatati mar-Regolament Nru 1/2003, peress li l-Istati Membri ċaħdu l-introduzzjoni ta’ kwistjonijiet bħall-klemenza jew regoli proċedurali oħrajn. Il-prinċipju ta’ awtonomija istituzzjonali u proċedurali kien intiż li jiżvolġi rwol sħiħ. Iżda, apparentement, qed isseħħ konverġenza reali. Ara A. Jones, u B. Sufrin, EC Competition Law, Oxford, 2004, p. 1161: rigward l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, jista’ jkun li l-esperjenza bis-sistema deċentralizzata ser turi li xi grad ta’ armonizzazzjoni huwa neċessarju sabiex in-NEK ikun jista’ jaħdem sew (il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk tħalliet flessibbli apposta u jista’ jagħti l-każ li trid tiġi rriveduta). H. Brokelmann,  Enforcement of Articles 81 and82 EC under Regulation 1/2003: The case of Spain and Portugal, World Competition, 29(4): 535-554, 2006, p. 553, jissottometti li s-sistema l-ġdida tal-infurzar, b’mod speċjali l-Artikoli 3(2) u 16(2) tar-Regolament Nru 1/2003, teżerċita influwenza b’saħħitha ta’ armonizzazzjoni fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni.


22 – Huwa dibattibbli li l-Kummissjoni ma pprovatx tikseb armonizzazzjoni fuq skala sħiħa tal-liġijiet proċedurali nazzjonali, u waħda mir-raġunijiet għalfejn ma għamlitx dan kienet għaliex ma xtaqitx tippreġudika r-riforma ta’ modernizzar per se, u llimitatha għall-unifikazzjoni tad-dritt sostantiv minflok. Ara l-premessa 35 fil-preambolu tar-Regolament Nru 1/2003: “[d]an ir-Regolament jagħraf il-varjazzjoni vasta li teżisti fis-sistemi ta’ infurzar [pubbliku] tal-Istati Membri” u d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-iffunzjonar tan-netwerk tal-awtoritajiet tal-Kompetizzjoni (dok. 15435/02 ADD 1 tal-10 ta’ Diċembru 2002), punti 6 sa 8: “L-Istati Membri jaċċettaw li s-sistemi tal-infurzar tagħhom ivarjaw iżda madankollu jirrikonoxxu reċiprokament l-istandards tas-sistemi ta’ xulxin bħala bażi għal kooperazzjoni”.


23 – B’mod partikolari, ordnijiet ta’ waqfien u inibizzjoni, l-aċċettazzjoni ta’ impenji u l-iffissar ta’ multi kif ipprovdut fid-dritt nazzjonali.


24 – Rigward dan il-prinċipju fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, ara, inter alia, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375); is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123); is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑308/04 P Ġabra p. I‑5977) u s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑328/05 P Ġabra p. I‑3921). Rigward il-Qorti Ġenerali, ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2003, Kyowa Hakko Kogyo u Kyowa Hakko Europe vs Il-Kummissjoni (T‑223/00, Ġabra p. II‑2553). Rigward il-kunċett ta’ “l-istess atti” fil-kuntest ta’ dak il-prinċipju, ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck (C‑436/04, Ġabra p. I‑2333. Rigward dak il-prinċipju u r-Regolament Nru 1/2003, b’mod partikolari, ara l-kawża pendenti Toshiba Corporation et, C‑17/10.


25 – Minkejja deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ lmenti skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU 2004 L 123, p. 18).


26 – Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 huma importanti peress li, f’ċertu mod, dawn jarmonizzaw is-setgħat tal-ANK li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE. B’dan il-mod, jekk il-Kummissjoni tagħlaq il-fajl dwar ilment jew ma tiftaħx proċeduri fir-rigward ta’ każ partikolari, hija tista’ tkun ċerta li l-ANK għandhom setgħat suffiċjenti biex japplikaw id-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni b’mod effettiv. Ara Tosato, G. L., u Bellodi, L., iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 220. L-awturi jargumentaw li r-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-ANK ċerta flessibbiltà fir-rigward tar-rekwiżit biex tittieħed azzjoni. Madankollu, l-Artikolu 5 jimplika li l-ANK huma meħtieġa jiftħu investigazzjoni fejn, biex tiġi rriformulata dik id-dispożizzjoni, “fuq il-bażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħhom il-kundizzjonijiet għal projbizzjoni jiġu sodisfatti”. Dik ir-regola hija neċessarja, minħabba l-flessibbiltà mogħtija lill-Kummissjoni u l-ANK biex jiddeċiedu jekk jiftħux proċedura formali u jekk għandhomx jieħdu deċiżjoni dwar każ speċifiku. Dan jista’ jillimita l-protezzjoni tad-drittijiet tal-individwi mogħtija mill-Artikoli 101(1) u 102 TFUE, b’mod speċjali f’każijiet fejn, għalkemm il-ksur tad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni jkun ovvju, il-każ ma jkunx importanti biżżejjed minn perspettiva ekonomika biex jiġġustifika li l-individwu jmur il-qorti. Sabiex jitnaqqas dak ir-riskju, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 5 teħtieġ li l-ANK jieħdu azzjoni jekk ċerti kundizzjonijiet ikunu sodisfatti.


27 – Kerse, C. S., u Khan, N., iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, p. 108 u 109, irrimarkaw li waqt li l-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dettaljata dwar Gwida Informali, ma hemm ebda struzzjoni simili dwar l-inapplikabbiltà, minkejja l-fatt li din l-aħħar proċedura twassal għal deċiżjoni formali [Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar gwida informali relatata ma’ kwistjonijiet ġodda li jirrigwardaw l-Artikoli 81 u 82 (KE) li jqumu f’każijiet individwali (ittri ta’ gwida) (ĠU 2004 C 101, p. 78)]. Barra minn hekk, deċiżjoni taħt l-Artikolu 10 tkopri s-sistema l-qadima ta’ “approvazzjoni negattiva” u “eżenzjoni”, għalkemm dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 10 tidher li hija xi ħaġa iktar minn din tal-ewwel iżda inqas minn tal-aħħar. Id-dikjarazzjoni tal-inapplikabbiltà tista’ tinkludi dikjarazzjoni dwar jekk l-Artikolu 101(3) TFUE huwiex sodisfatt (b’differenza minn “deċiżjonijiet negattivi”) iżda tapplika biss għal perijodu ta’ żmien fiss (b’differenza minn eżenzjonijiet). Schwarze, J., u Weitbrecht, A., Grundzüge des europäischen Kartellverfahrensrechts – Die Verordnung (EG) Nru 1/2003, Nomos, 2004, p. 133, jargumentaw li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa “relikwa” tas-sistema l-qadima u li b’hekk is-sistema ta’ eċċezzjoni legali ma ġietx implementata għal kollox. Langen, E., u Bunte, H.‑J., iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p. 799, jargumentaw li deċiżjonijiet pożittivi huma diffiċli biex jinftiehmu u barra minn lokhom (ein schwer fassbarer Fremdkörper) f’sistema ta’ eċċezzjoni legali. Ara wkoll Klees, A., EuropäischesKartellverfahrensrecht, Carl Heymanns Verlag, 2005, p. 184.


28 – C. Gauer, D. Dalheimer, L. Kjolbye, u E. De Smijter, “Regulation No 1/2003: a modernised application of EC competition rules”, Competition Policy Newsletter, Numru 1 – Rebbiegħa 2003, p. 3 et seq. Madankollu, deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 10 ma humiex intiżi li jissostitwixxu d-deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni tas-sistema l-qadima jew li jaħdmu bħala strument biex “jitbierku” akkordji individwali fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kwistjoni ta’ applikazzjoni jew politika koerenti. L. Ortiz Blanco, (Ed.), European Community Competition Procedure, it-Tieni Edizzjoni, Oxford, 2006, jargumenta li n-natura ġuridika ta’ deċiżjonijiet ta’ inapplikabbiltà hija dibattibbli. Ma huwiex faċli li jiġu distinti minn deċiżjoni biex jiġi miċħud ilment u huma kemm dikjaratorji kif ukoll vinkolanti (fuq l-ANK u l-qrati nazzjonali) min-natura tagħhom. Huma dikjaratorji għaliex ma “joħolqux” drittijiet, b’differenza mid-deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni preċedenti taħt l-Artikolu 81(3) KE. Ara wkoll F. Montag, u A. Rosenfeld,  “A solution to the problems? Regulation 1/2003 and the Modernisation of Competition Procedure”, ZWeR, 2/2003, p. 115 et seq.


29 – G. Hirsch, F. Montag, F. u F.J. Säcker, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p. 1614, jargumentaw li peress li tali sistema neċessarjament toħloq grad ogħla ta’ inċertezza ġuridika, il-Kummissjoni għandha tinterpreta l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet pożittivi b’mod iktar ġeneruż.


30 – Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja r-Rapport dwar l-iffunzjonar tar-Regolament Nru 1/2003 (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13). Ir-rapport kien eżerċizzju ta’ rendikont, li l-għan tiegħu kien li jiġi evalwat kif ir-riforma tal-immodernizzar ħadmet matul dan il-perijodu, u involviet konsultazzjoni pubblika wiesgħa.


31 – Tabilħaqq, waħda mill-biżgħat ewlenin li ġew espressi matul l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1/2003 kienet li jekk l-ANK u l-qrati nazzjonali jingħataw is-setgħa li japplikaw id-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni b’mod sħiħ, dan seta’ jippreġudika l-applikazzjoni konsistenti ta’ dawk ir-regoli.


32 – Jista’ jiġi argumentat b’mod korrett li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni taħt l-Artikolu 10 biss f’sitwazzjonijiet fejn tkun tixtieq tagħmel dikjarazzjoni kważi leġiżlattiva dwar l-applikabbiltà tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Il-Kummissjoni tidher li hija iktar disposta li toħroġ ittri ta’ gwida, għalkemm f’dan ir-rigward il-Komunikazzjoni dwar Gwida Informali tagħmilha ċara li tali ittri għandhom ikunu l-eċċezzjoni u mhux ir-regola. Ara C.S. Kerse, u N. Khan, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, p. 109.


33 – F’The Modernisation of EC Antitrust Policy: a Legal and Cultural Revolution, CMLR, 37: 537‑590, 2000 C. D. Ehlermann, iddeskrivieha bħala “l-iktar dokument ta’ politika importanti li l-Kummissjoni qatt ħarġet f’iktar minn 40 sena tal-politika tal-kompetizzjoni tal-KE”.


34 – Fiż-żmien meta ġie adottat ir-Regolament Nru 17, il-projbizzjoni ta’ akkordji restrittivi kienet revoluzzjonarja fl-Ewropa. Is-sistema ċentralizzata ta’ notifika u awtorizzazzjoni kienet tiggarantixxi li d-dispożizzjoni l-ġdida kienet ser tiġi interpretata u applikata mill-Kummissjoni, li kienet iddedikata speċifikament għar-“reliġjon il-ġdida”. Is-sistema ta’ notifika kellha wkoll funzjoni edukattiva, hekk kif il-kumpanniji u l-avukati tagħhom irċevew edukazzjoni mill-Kummissjoni permess tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni. Ara D. Geradin, (Ed.), Modernisation and enlargement: Two major challenges for EC competition law, Intersentia, 2004, p. 14 u 15.


35 – Ara L. Ortiz Blanco, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, p. 211.


36 – B’mod ċar, il-Kummissjoni kienet insistenti li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003 ma kellux jitħalla jintuża bħala l-bieb ta’ wara biex isiru notifiki li jistgħu jippreġudikaw l-għan ewlieni ta’ dak ir-regolament.


37 – Konklużjonijiet tad-19 ta’ Frar 2009, T-Mobile Netherlands et (C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punti 85 u 86).


38 – Din id-data timmarka l-bidla għal-liġi mmodernizzata dwar il-proċedura kontra kompetizzjoni illeċita stabbilita fir-Regolament Nru 1/2003 (ara t-tieni punt tal-Artikolu 45).


39 – Dwar dak il-punt, ara, b’mod partikolari, il-premessi 4, 6, 7, 8, 21 u 22 fil-preambolu għar-Regolament Nru 1/2003. Anki għall-perjodu qabel l-1 ta’ Mejju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà enfasizzat l-obbligu ta’ kooperazzjoni in bona fide, li għandhom il-qrati nazzjonali fil-qasam tad-dritt dwar il-kompetizzjoni. Ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods vs HB (C‑344/98, Ġabra p. ‑11369, punt 49).[Huwa ċar ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dmir tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 5 KE li jieħdu l-miżuri xierqa kollha, kemm jekk ġenerali jew partikolari, biex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-UE u li jastjenu minn kwalunkwe miżura li tista’ tippreġudika l-kisba tal-objettivi tat-Trattat huwa vinkolanti għall-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri inklużi, għal kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, il-qrati (ara, f’dak is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, IP vs Borsana, C‑2/97, Ġabra p. I‑8597, punt 26)].


40 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 34 u 41.


41 – Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 105), u s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑76/06 P, Ġabra p. I‑4405, punt 22).


42 – Tabilħaqq, is-sistema taħt ir-Regolament Nru 1/2003 tagħmel lill-ANK responsabbli għall-infurzar tad-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni, mingħajr ma tnaqqas b’ebda mod is-setgħa jew it-tmexxija strateġika u r-rwol ta’ sorveljanza tal-Kummissjoni. Ara Rizzuto, F., Parallel Competence and the Power of the EC Commission under Regulation No 1/2003 according to the Court of First Instance, ECLR, 2008, 29(5), p. 286‑297. Is-sistema hija deskritta l-aħjar bħala asimetrika iktar milli ċentralizzazzjoni moħbija (il-Kummissjoni ma għandhiex setgħa formali li tidderieġi ANK), jew deċentralizzata (l-għoti ta’ setgħa lill-ANK ma saritx għad-detriment tas-setgħa tal-Kummissjoni). Hija asimetrika u kontinġenti biss għaliex il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tbiddel il-post tal-investigazzjoni u d-deċiżjoni meta hija tikkunsidra li huwa pertinenti li jsir dan.


43 – Ara s-sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 79 u 84. (Fir-rigward tas-separazzjoni tal-poteri bejn il-Kummissjoni u l-ANK, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 1/2003 jġib fit-tmiem is-sistema ċċentralizzata preċedenti u, b’mod konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jistabbilixxi assoċjazzjoni usa’ tal-ANK, billi jawtorizzahom biex jimplimentaw id-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni. Madankollu, l-iskema tar-regolament tiddependi fuq il-kooperazzjoni mill-qrib li għandha tinbena bejn il-Kummissjoni u l-ANK organizzati bħala netwerk, bil-Kummissjoni mogħtija r-responsabbiltà biex tiddetermina r-regoli ddettaljati għal tali kooperazzjoni. Ir-regolament ma jpoġġix f’dubju s-setgħa ġenerali li l-Kummissjoni hija rikonoxxuta li għandha mill-ġurisprudenza. Il-Kummissjoni fil-fatt għandha setgħat investigattivi wisgħin ħafna taħt ir-Regolament Nru 1/2003 u għad għandha rwol ewlieni fl-investigazzjoni ta’ każijiet ta’ ksur.) Ara wkoll is-sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 128, 129 u 132 (ikkonfermata fl-appell France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑202/07 P, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8).


44 – Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni u d-dritt nazzjonali dwar il-kompetizzjoni japplikaw b’mod parallel, peress li jikkunsidraw prattiki restrittivi minn perspettivi differenti. Waqt li l-Artikoli 101 u 102 TFUE jikkunsidrawhom fid-dawl tal-ostakoli li jistgħu jirriżultaw għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, id-dritt nazzjonali jipproċedi fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet partikolari għalih u jikkunsidra prattiki restrittivi biss f’dak il-kuntest (ara, inter alia, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, Ġabra p. 1, punt 3); is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1980, Giry u Guerlain et (253/78 u 1/79 sa 3/79, Ġabra p. 2327, punt 15); is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union (C‑137/00, Ġabra p. I‑7975, punt 61) u s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punt 38). Jista’ jiġi rrimarkat li l-ġurisprudenza tikkonċerna s-sitwazzjoni ġuridika kif kienet qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003.


45 – Huwa dibattibbli li din is-setgħa hija b’xi mod simili għas-setgħa mogħtija mill-Artikoli 2 u 6 tar-Regolament Nru 17 biex jiġu adottati approvazzjonijiet negattivi u eżenzjonijiet individwali. Madankollu, tvarja f’aspetti importanti. Taħt ir-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess u fl-interess pubbliku tal-UE, u b’hekk ma hijiex marbuta li taġixxi fuq talba. Barra minn hekk, tali konstatazzjonijiet huma min-natura tagħhom stess dikjaratorji u ma joħolqux drittijiet, kif kien il-każ bl-eżenzjonijiet individwali. Finalment, l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 1(3) ta’ dak ir-regolament, jeħtieġ li l-ANK u l-qrati nazzjonali ma jiħdux deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 10. Dak ma kienx il-każ għall-approvazzjonijiet negattivi. Billi kienu jiddikjaraw biss li d-dritt Komunitarju (issa tal-UE) ma huwiex applikabbli għall-każ inkwistjoni, id-dikjarazzjonijiet negattivi kienu jħallu lill-ANK u lill-qrati liberi li japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom dwar il-kompetizzjoni (Giry u Guerlain et, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44). Ara G. L. Tosato, , u L. Bellodi, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 40. Min-naħa l-oħra, U. Loewenheim, K.M. Meessen, u A. Riesenkampff, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p. 740, kienu tal-fehma li l-Artikolu 5 ma għandu ebda kontroparti fir-Regolament Nru 17. Huma jissottomettu wkoll li r-Regolament Nru 1/2003 ma jistabbilixxix katalgu obbligatorju ta’ deċiżjonijiet (Entscheidungskatalog) għall-ANK, iżda jħalli dak fil-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali.


46 – Ara W. P. J. Wils, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, p. 682.


47 – Il-fatt li ANK b’mod partikolari kkonstatat li ma hemm ebda bażi għal azzjoni min-naħa tagħha ma jwaqqafx lil ANK jew qrati nazzjonali oħrajn milli jikkonstataw il-kuntrarju u milli jipprojbixxu l-akkordju jew il-prattika. Il-fatt li l-Artikolu 11(4) jkopri biss deċiżjonijiet negattivi b’hekk ma huwiex indikazzjoni li l-infurzar żejjed jitqies bħala problema ikbar min-nuqqas ta’ infurzar. Huwa sempliċement rikonoxximent tal-fatt li, fis-sistema maħluqa mir-Regolament Nru 1/2003, id-deċiżjonijiet negattivi dejjem jirbħu (kien ikun mod ieħor kieku l-ANK kellhom is-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni kostituttivi). L-uniċi eċċezzjonijiet huma d-deċiżjonijiet tal-Artikolu 10 adottati mill-Kummissjoni, sabiex b’hekk dak kollu li huwa meħtieġ hi sistema li tipprevjeni l-adozzjoni mill-ANK ta’ deċiżjonijiet negattivi mhux ġustifikati. Ladarba jiġu adottati u implementati, huwa diffiċli biex jitreġġgħu lura d-deċiżjonijiet negattivi. Ara J. Faull, u A. Nikpay iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p. 158.


48 – Il-ftuħ ta’ proċeduri mill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni taħt il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003 (“deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”) għandu jillibera lill-ANK mill-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikoli 101 u 102 TFUE. Jekk ANK tkun diġà qed taġixxi fuq każ, il-Kummissjoni ma għandhiex tiftaħ proċeduri qabel ma tkun ikkonsultat lill-ANK.


49 – Għall-istess interpretazzjoni, ara inter alia, P. Oliver, Le règlement 1/2003 et les principes d’efficacité et d’équivalence, Cahiers de droit européen, Vol. 41, Nri 3‑4, 2005, p. 366, U. Loewenheim, K.M. Meessen, u A. Riesenkampff, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p. 738. Għal interpretazzjoni differenti, ara C. S. Kerse, , u N. Khan, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, p. 261.


50 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 14.


51Idem, punt 23.


52Idem (enfasi miżjuda).


53 – Kull awtorità li tapplika d-dritt nazzjonali dwar il-kompetizzjoni f’każ individwali għandha dmir li tapplika l-Artikoli 101 u 102 TFUE fiċ-ċirkustanzi stipulati fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1/2003. Kull interpretazzjoni raġonevoli tad-dmir li tiġi applikata fl-Artikoli 101 u 102 TFUE tirreferi għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ infurzar ipprovduti fl-Artikolu 5. Kemm jekk ikollha denominazzjoni formali jew le, awtorità li hija kompetenti li tapplika d-dritt tal-kompetizzjoni nazzjonali f’każijiet individwali hija suġġetta għall-Artikolu 3(1) u, bħala konsegwenza, trid tkun kapaċi teżerċita setgħa ta’ infurzar, anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li espliċitament jagħtuha dawk is-setgħat, u anki fil-preżenza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali għall-kuntrarju. Ara l-każ tal-ANK Belġjana, imsemmija iktar ’l isfel. Ara Gippini Fournier, E., iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, p. 103.


54 – Sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (26/62, Ġabra p. 1).


55 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa vs ENEL (6/64, Ġabra p. 585).


56 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77 Ġabra p. 629). Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C‑341/08, Ġabra p. I‑0000, punt 80).


57 – Favur din l-interpretazzjoni ara, inter alia, E. Langen, u H.‑J. Bunte, , iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p. 753; A. Klees, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, paragrafu 7, punt 37; de G.‑K. Bronett, , Kommentar zum europäischen Kartellverfahrensrecht: VO 1/2003, Luchterhand, 2005, paragrafu 5, punt 1; J. Schwarze, u A. Weitbrecht, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, paragrafu 8, punti 11 et seq.


58 – BkartA, B 9 – 55/03, p. 22 – “Deutsche Post AG”. Ara E. Langen, u H.‑J. Bunte, , iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, p. 753.


59 – Autorità Garante Provvedimento nru. 14 078 “Merck” tat-23 ta’ Frar  2005. Ara U. Immenga, u E.‑J. Mestmäcker, , Wettbewerbsrecht – Band 1. EG / Teil 2, Beck, 2007, p. 938.


60 – Ara C. Cook, Commitment Decisions: The Law and Practice under Article 9, 29(2) World Competition 209 (2006), nota ta’ qiegħ il-paġna 14. Ara Gippini Fournier, E., iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, p. 104.