Language of document : ECLI:EU:C:2012:140

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ Marzu 2012 (*)

“Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Applikabbiltà diretta fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, tal-Ftehim TRIPs u tad-WPPT — Direttiva 92/100/KE — Artikolu 8(2) — Direttiva 2001/29/KE — Kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ — Komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ fonogrammi mxandra permezz tar-radju fi klinika ta’ dentist”

Fil-Kawża C‑135/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte d’appello di Torino (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Frar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura

Società Consortile Fonografici (SCF)

vs

Marco Del Corso,

fil-preżenza ta’:

Procuratore generale della Repubblica,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), E. Juhász, G. Arestis u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ April 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Società Consortile Fonografici (SCF), minn L. Ubertazzi, F. Pocar u B. Ubertazzi, avukati,

–        għal Marco Del Corso, minn R. Longhin, A. Tigani Sava, L. Bontempi u V. Vaccaro, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn E. Fitzsimons u J. Jeffers, barristers,

–        għall-Gvern Grieg, minn G. Papadaki, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn J. Gstalter, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u S. La Pergola, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120), kif ukoll tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Società Consortile Fonografici (iktar ’il quddiem “SCF”) u M. Del Corso, dentist, li tikkonċerna x-xandir, fil-klinika privata ta’ dan tal-aħħar, ta’ fonogramma li hija suġġetta għal protezzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistitwixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80, 81), għandu Parti II, intitolat “Standards dwar id-disponibbiltà, l-għan u l-użu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”. F’din il-parti, jinsab l-Artikolu 14(1)(2) u (6) tal-imsemmi ftehim li jipprovdi:

“1.      Dwar l-iffissar tal-wirja tagħhom fuq fonogrammi, performers għandhom ikollhom il-possibbilità li ma jħallux l-atti li ġejjin meta jsiru mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom: l-iffissar tal-wirja mhux fissa tagħhom u r-riproduzzjonijiet ta’ dan l-iffissar. Performers għandu jkollhom il-possibbiltà li jipprevenu l-atti li ġejjin meta jsiru mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom: ix-xandir b’mezzi bla fili u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-wirja f’ħin dirett.

2.      Produtturi ta’ fonogrammi għandhom igawdu d-dritt għal awtorizzazzjoni jew projbizzjoni tar-riproduzzjonijiet diretti jew indiretti tal-fonogrammi tagħhom.

[…]

6.      Kwalunkwe Membru jista’, dwar id-drittijiet mogħtija taħt il-paragrafi 1, 2 u 3, jipprovdi kondizzjonijiet, limitazzjonijiet, eċċezzjonijiet u riservi sal-limiti permessi taħt il-Konvenzjoni [internazzjonali għall-protezzjoni ta’ artisti, produtturi ta’ fonogrammi u organizzazzjonijiet tax-xandir, iffirmata f’Ruma fis-26 ta’ Ottubru 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Ruma”)]. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Berne (1971) għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-drittijiet ta’ performers u l-produtturi tal-fonogrammi fil-fonogrammi.”

4        L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tad-WIPO dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi (iktar ’il quddiem id-“WPPT”) kif ukoll it-Trattat fuq id-dritt tal-awtur (iktar ’il quddiem id-“WCT”). Dawn iż-żewġ trattati ġew approvati f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/CE, tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

5        L-Artikolu 1 tad-WPPT huwa fformulat kif ġej:

“1.      Xejn f’dan it-Trattat ma jnaqqas minn obbligi eżistenti li l-Partijiet Kontraenti għandhom lejn xulxin taħt il-[Konvenzjoni ta’ Ruma].

2.      Il-protezzjoni mogħtija taħt dan it-trattat tħalli l-protezzjoni tad-dritt ta’ l-awtur f’xogħlijiet litterarji u artistiċi bla mittiefes u bl-ebda mod ma tolqotha. Għalhekk, l-ebda disposizzjoni ta’ dan it-Trattat ma tista’ tkun interpretata li qed tippreġudika tali protezzjoni.

3.      Dan it-Trattat mhux se jkollu x’jaqsam ma’ trattati oħrajn, u lanqas se jippreġudika drittijiet u obbligi taħt trattati oħrajn.”

6        Skont l-Artikolu 2(b) tad-WPPT, għall-finijiet tiegħu, “fonogramma” tfisser “l-iffissar ta’ ħsejjes ta’ prestazzjoni jew ta’ ħsejjes oħra, jew ta’ rappreżentazzjoni ta’ ħsejjes, li mhix il-forma ta’ fissazzjoni inkorporata f’xogħol ċinematografiku jew xogħol ieħor awdjoviżiv”.

7        L-Artikolu 2(d) tad-WPPT jipprovdi li “Produttur ta’ fonogramma” għandha tfisser “il-persuna, jew entita legali, li tieħu l-inizjattiva u li għandha r-responsabbilta għall-ewwel darba li jsir l-iffissar tal-ħsejjes ta’ prestazzjoni jew ħsejjes oħra, jew ir-rappreżentazzjoni ta’ ħsejjes”

8        L-Artikolu 2(g) tad-WPPT jistabbilixxi li, “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ interpretazzjoni jew ta’ fonogramma tfisser “trasmissjoni b’kull mezz, minbarra xandir, ta’ ħsejjes ta’ prestazzjoni fissi ġo fonogramma. Għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 15, ‛komunikazzjoni lill-pubbliku’ tinkludi li l-ħsejjes jew rappreżentazzjonijiet tal-ħsejjes fissi ġo fonogramma jkunu jistgħu jinstemgħu mill-pubbliku”.

9        Taħt it-titolu “Dritt li jsiru disponibbli dehriet fissi” l-Artikolu 10 tad-WPPT jipprovdi:

“Il-Prestaturi jkollhom id-dritt esklussiv li jawtorizzaw li prestazzjonijiet fissi ġo fonogrammi jsiru disponibbli għall-pubbliku, b’mezzi ta’ fili jew mingħajr, b’tali mod li membri tal-pubbliku jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul minnhom.”

10      L-Artikolu 14 tad-WPPT, intitolat “Dritt li jsiru disponibbli l-fonogrammi”, jipprovdi:

“Il-Produtturi tal-fonogrammi jkollhom id-dritt esklussiv li jawtorizzaw li l-fonogrammi tagħhom isiru disponibbli għall-pubbliku, b’mezzi ta’ fili jew mingħajr, b’tali mod li membri tal-pubbliku ikollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul minnhom.”

11      L-Artikolu 15 tad-WPPT, intitolat “Id-Dritt ta’ ħlas għal xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi għandhom id-dritt ta’ ħlas xieraq ta’ darba għall-użu dirett jew indirett ta’ fonogrammi ippubblikati għal skopijiet kummerċjali ta’ xandir jew kull komunikazzjoni lill-pubbliku.

2.      Partijiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom li l-ħlas xieraq ta’ darba se jintalab lill-utent mill-prestatur jew mill-produttur ta’ fonogramma jew mit-tnejn. Partijiet kontraenti jistgħu jgħaddu leġislazzjoni naturali li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn il-prestatur u l-produttur ta’ fonogramma, tqiegħed termini dwar kif prestaturi u produtturi ta’ fonogrammi jaqsmu l-ħlas xieraq ta’ darba.

3.      Kull Parti Kontraenti tista’, b’notifika mogħtija lid-Direttur Ġenerali ta’ l-WIPO, tiddikjara li se tibda tapplika d-disposizzjonijiet fil-Paragrafu 1 fir-rigward ta’ xi utenti biss, jew li b’xi mod se tillimita l-applikazzjoni tagħhom, jew li m’hi se tapplika xejn minn dawn id-disposizzjonijiet.

4.      Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu fonogrammi li jkunu disponibbli għall-pubbliku b’mezzi ta’ fili jew mingħajr, b’tali mod li membri tal-pubbliku ikollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul minnhom, se jkunu meqjusin li kienu ppublikati għal għanijiet kummerċjali.”

12      Skont l-Artikolu 23(1) tad-WPPT:

“Partijiet kontraenti jiħduha fuqhom li jadottaw, skond is-sistemi legali tagħhom, il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat.”

13      L-Artikolu 8 tad-WCT, intitolat “Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku”, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11(1)(ii), 11a(1)(i) u (ii), 11b(1)(ii), 14(1)(ii) u 14a(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berne, awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv għall-awtorizzazzjoni ta’ kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jista’ jkollhom aċċess għalihom minn post u ħin li huma jagħżlu individwalment.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      L-Unjoni Ewropea ma hiijiex parti għall-Konvenzjoni ta’ Ruma, kuntrarjament għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni bl-eċċezzjoni tar-Repubblika ta’ Malta.

15      Skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, dwar l-użi sekondarji ta’ fonogrammi:

“Meta fonogramma ppubblikata għal finijiet ta’ kummerċ, jew kopja ta’ dik il-fonogramma, hija utilizzata direttament għax-xandir jew għal kwalunkwe komunikazzjoni lill-pubbliku, remunerazzjoni ġusta u unika għandha titħallas mill-utent lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu, u lill-produtturi ta’ fonogrammi jew lilhom it-tnejn. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

16      L-aħħar premessa tad-Deċiżjoni 94/800 hija fformulata kif ġej:

“Billi, bin-natura tiegħu, il-Ftehim li jistabilixxi [d-WTO], kif ukoll l-Anness ta dan, mhux suxxettiblu biex ikun invokat direttament fil-Komunità jew il-qrati ta’ l-Istati Membri”.

17      Id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (verżjoni kodifikata) (ĠU L 376, p. 28), li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Jannar 2007, ikkodifikat u abrogat id-Direttiva 92/100.

18      Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, din tal-aħħar tibqa’ rregolata bid-Direttiva 92/100.

19      Is-seba’ premessa tad-Direttiva 92/100 hija fformulata kif ġej:

“Billi x-xogħol kreattiv u artistiku ta’ awturi u artisti jeħtieġ dħul adegwat bħala bażi għal aktar xogħol kreattiv u artistiku, u l-investimenti meħtieġa b’mod partikulari għall-produzzjoni ta’ fonogrammi u films huma għoljin u riskjużi; billi l-possibbiltà biex tassigura dak id-dħul u tirkupra dak l-investiment tista’ tkun biss permezz ta’ protezzjoni legali adekwata tad-detenturi tad-drittijiet relatati.”

20      L-għaxar premessa ta’ din id-direttiva tipprovdi:

“Billi l-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri għandha ssir approssimattiva b’tali mod li ma tkunx konflinġenti mal-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati ħafna mid-drittijiet ta’ l-awtur u l-liġijiet tad-drittijiet relatati.”

21      L-Artikolu 8(2) u (3) tad-Direttiva 92/100 jipprovdi:

“(2)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li ħlas uniku ekwu jitħallas mill-utent, jekk fonogramm jixxandar għal finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, tintuża għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm[i] [kkonċernati] relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fl-assenza ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm, jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom.

(3)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jassiguraw li ħlas uniku ekwu jitħallas mill-utent, jekk fonogramm jixxandar għall-finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, tintuża għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku, u biex jassiguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fl-assenza ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm, jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom.”

22      L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2006/115 jistabbilixxi:

L-Istati Membri għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li jitħallas ħlas uniku ekwu mill-utent, jekk jintuża fonogramm ippubblikat għall-finijiet kummerċjali, jew tintuża riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill pubbliku, u biex jiżguraw li dan il-ħlas jitqassam bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm relevanti. L-Istati Membri jistgħu, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-artisti u l-produtturi tal-fonogramm, jistipulaw il-kondizzjonijiet għat-tqassim ta’ dan il-ħlas bejniethom.”

23      Il‑premessa 15 u l-premessa 25 tad-Direttiva 2001/29 huma fformulati kif ġej:

“(15) Il-Konferenza Diplomatika mlaqqa’ taħt l-awspiċi ta’ [d-WTO] f’Diċembru 1996 wasslet għall-adozzjoni ta’ żewġ Trattati ġodda, [id-WCT] u [d-WPPT] […]. Din id-Direttiva sservi wkoll biex timplimenta għadd ta’ obbligi internazzjonali ġodda.

[…]

(25)      L-inċertezza legali dwar in-natura u l-livell ta’ protezzjoni ta’ l-atti ta’ trasmissjoni fuq talba ta’ xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u materjal protett bid-drittijiet relatati ma’ networks għandha tiġi superata bil-provvediment ta’ protezzjoni armonizzata f’livell tal-Komunità. Għandu jkun ċar li d-detenturi tad-drittijiet kollha rikonoxxuti minn din id-Direttiva għandu jkollhom dritt esklussiv biex jagħmlu disponibbli lill-pubbliku xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur jew kull suġġett ieħor permezz ta’ trasmissjonijiet interattivi fuq talba. Dawn it-trasmissjonijiet interattivi fuq talba huma karatterizzati mill-fatt li l-membri tal-pubbliku jistgħu jidħlu għalihom minn post u f’ħin individwalment magħżul minnhom.”

24      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi:

“(1)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

(2)      L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

a)      għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

b)      għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(ċ)      għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar tal-films, ta’ l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(d)      għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.

(3)      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

 Id-dritt nazzjonali

25      L-Artikolu 72 tal-Liġi Nru 633, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati (legge n 633 recante protezione del diritto d’autore e di altri diritti connessi al suo esercizio), tat-22 ta’ April 1941 (Gazzetta Ufficiale Nru 166, tas-16 ta’ Lulju 1941), kif issotitwit bl-Artikolu 11 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 68, li jittrasponi d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (decreto legislativo N 68, attuazione della direttiva 2001/29/CE sull’armonizzazione di taluni aspetti del diritto d’autore e dei diritti connessi nella società dell’informazione), tad-9 ta’ April 2003 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 87, tal-14 ta’ April 2003, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1941 emendata”) fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1941”), jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-awtur skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu I, il-produttur ta’ fonogrammi jgawdi, għaż-żmien u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-artikoli li ġejjin, id-dritt esklużiv:

a)      li jawtorizza r-riproduzzjoni diretta jew indiretta, għal kwalunkwe raġuni u fi kwalunkwe forma li jkunu, kollha kemm hi jew parzjalment, u bi kwalunkwe proċess ta’ duplikazzjoni li jkun;

b)      li jawtorizza d-distribuzzjoni ta’ kampjuni tal-fonogrammi tiegħu. Id-dritt esklużiv ta’ distribuzzjoni jiġi eżawrit fuq it-territorju tal-Komunità biss fil-każ tal-ewwel bejgħ, imwettaq jew awtorizzat mill-produttur fi Stat Membru, ta’ midjum li jinkludi l-fonogramma;

c)      li jawtorizza l-kiri jew is-self ta’ kopji tal-fonogrammi tiegħu. Dan id-dritt ma jiġix eżawrit bil-bejgħ jew distribuzzjoni ta’ kopji fi kwalunkwe forma li tkun;

d)      li jawtorizza t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tal-fonogrammi tiegħu, b’mod li kull persuna jkollha aċċess għalihom f’dak il-post u fil-ħin li tagħżel hija. Dan id-dritt ma jiġix eżawrit b’att ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.”

26      L-Artikolu 73(1) tal-Liġi tal-1941, kif issostitwit bl-Artikolu 12 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 68 iċċitat iktar ’il fuq, jispeċifika:

“1. Il-produttur ta’ fonogrammi, bl-istess mod bħall-artisti li jinterpretaw u l-artisti li jeżegwixxu li jkunu wettqu l-interpretazzjoni jew l-eżekuzzjoni ffissata jew riprodotta fil-fonogrami, indipendentement mid-drittijiet ta’ distribuzzjoni, ta’ kera u ta’ self li jappartjenu lilhom, għandhom id-dritt għal remunerazzjoni għall-użu, għal finijiet ta’ profitt, ta’ fonogrammi permezz taċ-ċinematografija, tax-xandir radjofoniku u televiżivi, inkluż il-komunikazzjoni lill-pubbliku bis-satellita, fil-festi pubbliċi, fil-postijiet pubbliċi u fi kwalunkwe okkażjoni oħra ta’ użu pubbliku tal-fonogrammi. L-eżerċizzju tad-dritt huwa f’idejn il-produttur, li għandu jaqsam ir-remunerazzjoni mal-artisti interessati li jinterpretaw jew li jeżegwixxu”.

27      L-Artikolu 73a tal-Liġi tal-1941 kif introdotta bl-Artikolu 9 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 685 (decreto legislativo n°685, attuazione della direttiva 92/100/CEE concernente il diritto di noleggio, il diritto di prestito e taluni diritti connessi al diritto d'autore in materia di proprieta intellettuale), tas-16 ta’ Novembru 1994 (GURI Nru 293, tas-16 ta’ Diċembru 1994), jipprovdi:

“1.      L-artisti li jinterpretaw u li jeżegwixxu kif ukoll il-produttur ta’ fonogramma użata għandhom ukoll id-dritt għal remunerazzjoni ekwa meta l-użu msemmi fl-Artikolu 73 isir minghajr skop ta’ lukru […]”

2.      Sakemm mhux miftiehem mod ieħor bejn il-partijiet, dan il-kumpens huwa stabbilit, likwidat u mqassam skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [ta’ implementazzjoni tal-Liġi tal-1941].”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28      SCF twettaq, fl-Italja u barra mit-territorju Taljan, attivitajiet ta’ “collecting”, bħala mandatarja għall-ġestjoni, id-dħul u t-tqassim tad-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi assoċjati.

29      Fl-eżerċizzju tal-attività tagħha ta’ mandatarja, SCF daħlet f’negozjati mal-Assoċjazzjoni tad-Dentisti Taljani (Associazione Dentisti Italiani) bil-għan li tikkonkludi ftehim kollettiv li jistabbilixxi remunerazzjoni ekwa, fis-sens tal-Artikoli 73 jew 73a tal-Liġi tal-1941, għal kull “komunikazzjoni lill-pubbliku” ta’ fonogrammi, inkluż dik li ssir fil-kliniċi ta’ professjonijiet liberi.

30      Peress li dawn in-negozjati ma kellhomx eżitu pożittiv, SCF, fis-16 ta’ Ġunju 2006, ħarrket quddiem it-Tribunale di Torino lil M. Del Corso sabiex jiġi kkonstatat li huwa xandar bħala mużika fl-isfond, fil-klinika tiegħu privata ta’ dentist stabbilita f’Torino, fonogrammi li kienu suġġetti għal protezzjoni u li din l-attività, sa fejn hija kienet tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Liġi tal-1941, tad-dritt internazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni, kienet suġġetta għall-ħlas ta’ remunerazzjoni ekwa.

31      Għad-difiża tiegħu, M. Del Corso sostna b’mod partikolari li, fil-klinika tiegħu, il-mużika kienet imxandra u li SFS ma tistax tinvoka d-drittijiet tal-awtur fil-każ ta’ użu tal-midjum li fuqu kienet tinsab il-fonogramma filwaqt li r-remunerazzjoni għas-smigħ tax-xandir kienet dovuta mhux mis-semmiegħ, iżda mix-xandar tar-radju jew tat-televiżjoni. Fil-fatt, il-Liġi tal-1941 tiddistingwi espressament ir-remunerazzjoni dovuta għal diska minn dik dovuta għall-użu ta’ apparat radjofoniku.

32      Fi kwalunkwe każ, M. Del Corso jinvoka l-inapplikabbiltà, f’din il-kawża, tal-Artikoli 73 u 73a tal-Liġi tal-1941. Fil-fatt, dawn l-artikoli jikkonċernaw, fil-fehma tiegħu, il-komunikazzjonijiet lill-pubbliku li jsiru fil-postijiet pubbliċi u matul kull użu pubbliku ieħor ta’ fonogrammi. Issa, klinika privata ta’ dentist ma tistax tiġi kkwalifikata bħala post pubbliku, kuntrarjament għall-postijiet fejn jingħataw servizzi ta’ saħħa pubblika.

33      Permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Marzu 2008, kif emendata permezz ta’ digriet tas‑16 ta’ Mejju sussegwenti, it-Tribunale di Torino ċaħad it-talba ta’ SCF, peress li kkunsidra li, f’din il-kawża, komunikazzjoni li għandha skop ta’ lukru kienet eskluża, it-tip ta’ mużika mxandra fil-klinika ta’ dentist ma kellu ebda effett fuq l-għażla tad-dentist magħmula mill-pazjent u li s-sitwazzjoni ma taqax taħt dik prevista fl-Artikolu 73a tal-Liġi tal-1941, peress li l-klinika ta’ dentist ma kinitx privata u, għaldaqstant, ma kinitx paragunabbli ma’ post pubbliku jew miftuħ għall-pubbliku, sa fejn il-pazjenti ma kinux jikkostitwixxu pubbliku minghajr ebda differenza bejniethom, iżda kienu individwalizzati u setgħu normalment jaċċedu għal din il-klinika b’appuntament minn qabel jew, fi kwalunkwe każ, bi ftehim mad-dentist.

34      SCF appellat minn din is-sentenza quddiem il-Corte d’appello di Torino.

35      Peress li kien hemm dubji dwar jekk ix-xandir ta’ fonogrammi fil-kliniċi ta’ professjonisti liberi, bħalma huma kliniċi ta’ dentisti, kienx inkluż fil-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-leġiżlazzjoni internazzjonali u tal-Unjoni, il-Corte d’appello ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1.      Il-Konvenzjoni ta’ Ruma […], il-Ftehim TRIPs […] u t-Trattat [WPPT] huma direttament applikabbli fis-sistema legali Komunitarja?

2.      Is-sorsi msemmija iktar ’il fuq tad-dritt internazzjonali huma wkoll direttament applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi?

3.      Il-kunċetti rispettivi ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” li jinsabu fit-testi li jirriżultaw mid-dritt tat-trattati msemmija iktar ’il fuq huma konformi ma’ dawk Komunitarji li jinsabu fid-Direttivi [92/100] u [2001/29/KE], u fil-każ li ma jkunux, liema sors għandu jkollu preċedenza?

4.      Ix-xandir b’xejn ta’ fonogrammi li jsir ġewwa l-kliniċi dentali privati li jeżerċitaw attività ekonomika bħala attività professjonali, favur il-klijentela tagħhom li jibbenefikaw minn dan ix-xandir indipendentement mir-rieda tagħhom, jikkostitwixxi ‛komunikazzjoni lill-pubbliku’, jew ‛jagħmlu disponibbli lill-pubbliku’ skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva [2001/29/KE]?

5.      Din l-attività ta’ xandir tagħti dritt għall-ġbir ta’ remunerazzjoni favur il-produtturi fonografiċi?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

36      Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, qabel kollox, jekk il-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-Ftehim TRIPs u d-WPPT humiex applikabbli immedjatament fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jekk l-individwi jistgħux jinvokawhom direttament. Hija tixtieq tkun taf, sussegwentement, jekk il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” li jinsab f’dawn il-konvenzjonijiet internazzjonali jikkoinċidix ma’ dak il-kunċett li jinsab fid-Direttivi 92/100 u 2001/29 u, fl-aħħar nett, jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fin-negattiv, liema sors ta’ dritt għandu jipprevali.

37      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-domanda dwar jekk il-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-Ftehim TRIPs u d-WPPT humiex immedjatament applikabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandu jitfakkar qabelkollox li, skont l-Artikolu 216(2) TFUE, “[f]tehim konkluż mal-Unjoni jorbot lill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni u lill-Istati Membri”.

38      Il-Ftehim TRIPs u d-WPPT ġew iffirmati mill-Unjoni u approvati rispettivament permezz tad-Deċiżjonijiet 94/800 u 2000/278. Konsegwentement, dan il-ftehim u dan it-trattat jivvinkolaw lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri.

39      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet ta’ konvenzjonijiet konklużi mal-Unjoni jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku ta’ din tal-aħħar (sentenza tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, Ġabra p. 449, punt 5; tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel, 12/86, Ġabra p. 3719, punt 7, u tat-22 ta’ Ottubru 2009, Bogiatzi, C‑301/08, Ġabra p. I‑10185, punt 23) u huma għaldaqstant applikabbli għaliha.

40      Dan huwa l-każ tal-Ftehim TRIPs u tad-WPPT.

41      Rigward il-Konvenzjoni ta’ Ruma, għandu jiġi rilevat, minn naħa, li l-Unjoni ma hijiex parti kontraenti għaliha u, min-naħa l-oħra, li din tal-aħħar ma tistax titqies li ssostitwixxiet lill-Istati Membri fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, biss peress li dawn tal-aħħar ma humiex kollha partijiet fl-imsemmija konvenzjoni (ara, b’analoġija is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C‑188/07, Ġabra p. I‑4501, punt 85).

42      Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ma humiex parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

43      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda d-domanda dwar il-possibbiltà għall-individwi li jibbażaw rwieħhom direttament fuq id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs u tad-WPPT, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex suffiċjenti li huma jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Huwa neċessarju wkoll li huma jidhru, taħt l-aspett tal-kontenut tagħhom, assoluti u preċiżi biżżejjed. U li la n-natura u lanqas l-istruttura tagħhom ma jipprekludu tali invokabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Demirel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14; tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C‑162/96, Ġabra p. I‑3655, punt 31, kif ukoll tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 39).

44      L-ewwel kundizzjoni hija sodisfatta meta d-dispożizzjonijiet invokati jinkludu obbligi ċari u speċifiċi li ma humiex suġġetti, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ ebda att ulterjuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Pêcheurs de l’étang de Berre, C‑213/03, Ġabra p. I‑7357, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, Ġabra p. I‑1255, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dak li jirrigwarda l-Ftehim TRIPs, għandu jitfakkar li, skont l-aħħar premessa tad-Deċiżjoni 94/800, il-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO, kif ukoll l-annessi tiegħu, ma jistgħux jiġu invokati direttament fil-qrati tal-Unjoni jew dawk tal-Istati Membri.

46      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs ma għandhomx effett dirett u lanqas ma huma ta’ natura tali li joħolqu drittijiet għall-individwi li dawn ikunu jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qorti bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il‑Kunsill, C‑149/96, Ġabra p. I‑8395, punti 42 sa 48; tal-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et, C‑300/98 u C‑392/98, Ġabra p. I‑11307, punt 44, kif ukoll tas-16 ta’ Novembru 2004, Anheuser‑Busch, C‑245/02, Ġabra p. I‑10989, punt 54).

47      Rigward id-WPPT, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 23(1) tiegħu, dan jipprovdi li l-partijiet kontraenti għandhom jimpenjaw rwieħhom li jadottaw, skont l-ordinamenti ġuridiċi tagħhom, il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tiegħu.

48      Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tad-WPPT huma suġġetti, fl-eżekuzzjoni tagħhom jew fl-effetti tagħhom, għall-intervent ta’ atti sussegwenti. Għaldaqstant, tali dispożizzjonijiet ma għandhom l-ebda effett dirett fid-dritt tal-Unjoni u ma humiex tali li joħolqu drittijiet għall-individwi li huma jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qorti skont l-imsemmi dritt.

49      Rigward il-Konvenzjoni ta’ Ruma, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tad-WPPT, ebda dispożizzjoni tagħha ma tfisser deroga mill-obbligi eżistenti li għandhom il-partijiet kontraenti lejn xulxin skont il-Konvenzjoni ta’ Ruma.

50      Minn dan isegwi li, għalkemm l-Unjoni ma hijiex parti kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Ruma, hija madankollu marbuta, skont l-Artikolu 1(1) tad-WPPT, li ma tfixkilx l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni. Għaldaqstant, din l-aħħar konvenzjoni tipproduċi effetti indiretti fi ħdan l-Unjoni.

51      Fit-tielet lok, fir-rigward tad-domanda dwar ir-relazzjonijiet bejn il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” li jinsab, minn naħa, fil-Ftehim TRIPs, id-WPPT u l-Konvenzjoni ta’ Ruma, kif ukoll, min-naħa l-oħra, fid-Direttivi 92/100 u 2001/29, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, it-testi ta’ dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta tali testi huma intiżi preċiżament sabiex jimplementaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati, C‑341/95, Ġabra p. I‑4355, punt 20, u tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, Ġabra p. I‑11519, punt 35).

52      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessa 15 tad-Direttiva 2001/29, huwa paċifiku li wieħed mill-għanijiet ta’ din tal-aħħar huwa sabiex timplementa l-obbligi li l-Unjoni għandha skont id-WCT u d-WPPT, li huma kkunsidrati, skont l-istess premessa, bħala aġġornament importanti tal-protezzjoni internazzjoni tad-dritt tal-awtur u tad-drittijiet relatati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett li jinsabu f’din id-direttiva għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Peek & Cloppenburg, C‑456/06, Ġabra p. I‑2731, punt 31).

53      Barra minn hekk mill-premessa 10 tad-Direttiva 92/100 jirriżulta li l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri għandhom jiġu approssimati fl-osservanza tal-konvenzjonijiet internazzjonali li fuqhom huma bbażati d-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati ta’ diversi Stati Membri.

54      Peress li l-imsemmija direttiva hija intiża li tarmonizza ċerti aspetti fil-qasam tal-proprjetà intellettwali fl-osservanza tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti dwar id-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati, bħalma huma, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-Ftehim TRIPs u d-WPPT, hija b’hekk intiża li tistabblixxi numru ta’ regoli kompatibbli ma’ dawk li jinsabu f’dawn il-konvenzjonijiet.

55      Minn dan dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-kunċetti li jinsabu fid-Direttivi 92/100 u 2001/29, bħalma huwa dak ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kunċetti ekwivalenti li jinsabu fl-imsemmija konvenzjonijiet internazzjonali u b’tali mod li huma jibqgħu kompatibbli ma’ dawn tal-aħħar, billi jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest li fih tali kunċetti jinsabu u l-għan segwit mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-konvenzjonijiet dwar il-proprjetà intellettwali.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda tkun fis-sens li:

–        id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPs u tad-WPPT huma applikabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni;

–        peress li l-Konvenzjoni ta’ Ruma ma hijiex parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, hija ma hijiex applikabbli fiha; iżda madankollu hija tipproduċi fiha effetti indiretti;

–        l-individwi ma jistgħux jibbażaw rwieħhom direttament la fuq l-imsemmija konvenzjoni, la fuq il-Ftehim TRIPs u lanqas fuq id-WPPT;

–        il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kunċetti ekwivalenti li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Ruma, fil-Ftehim TRIPs kif ukoll fid-WPPT u b’tali mod li huma jibqgħu kompatibbli mal-imsemmija konvenzjonijiet, billi jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest li fih tali kunċetti jinsabu u l-għan segwit mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-konvenzjonijiet dwar il-proprjetà intellettwali.

 Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi

 Osservazzjonijiet preliminari

57      Permezz tar-raba’ u l-ħames domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ix-xandir b’xejn ta’ fonogrammi li jsir ġewwa klinika privata ta’ dentist, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ professjoni libera, favur il-klijentela li tibbenefika minn dan ix-xandir indipendentement mir-rieda tagħha, jikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku”, jew “jagħmlu disponibbli lill-pubbliku” skont l-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, u jekk tali xandir jagħtix dritt għall-ġbir ta’ remunerazzjoni għall-produtturi ta’ fonogrammi.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabel kollox, li l-qorti tar-rinviju tirreferi, fl-ifformular tal-imsemmija domandi, għall-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, dwar id-dritt esklużiv tal-produtturi ta’ fonogrammi li jawtorizzaw jew jipprojbixxu t-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku tal-fonogrammi tagħhom, bil-fili jew b’mezzi mingħajr fili, inklużi b’tali mod li kulħadd jista’ jkollha aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment.

59      Kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tad-Direttiva 2001/29 [COM (97) 628], ikkorroborata mill-premessa 25 tad-Direttiva, it-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni huwa intiż għal “trasmissjonijiet interattivi fuq talba”, ikkaratterizzati mill-fatt li kulħadd jista’ jkollu aċċess għalihom minn post u f’ħin imagħżul individwalment.

60      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda biss ix-xandir ta’ mużika fi klinika ta’ dentist għall-benefiċċju tal-klijenti li jinsabu hemmhekk u mhux it-trażmissjoni interattiva fuq talba.

61      Madankollu, mill-ġurisprduenza jirriżulta li, għall-finijiet ta’ għoti ta’ risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu, jekk ikun il-każ, li tifformula mill-ġdid id-domandi li ġew sottomessi lilha (sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2006, Haug, C‑286/05, Ġabra, p. I‑4121, punt 17, u tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager, C‑420/06, Ġabra p. I‑1315, punt 46).

62      Barra minn hekk, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti nazzjonali li tippermettilha li tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li ma sarx riferiment għalihom fid-domandi preliminari tagħha (sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2008, Wiedemann u Funk, C‑329/06 u C‑343/06, Ġabra p. I‑4635, punt 45, kif ukoll tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis, C‑145/09, Ġabra p. I‑11979, punt 36).

63      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 huwa intiż sabiex jiżgura li remunerazzjoni ekwa jitħallas mill-utent lill-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu u lill-prodotturi ta’ fonogrammi, meta fonogramm jixxandar għall-finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, tintuża għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ u l-ħames domandi għandhom jinftiehmu bħala li jistaqsu, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 għandux jiġi interpretat fis-sens li tkopri x-xandir b’xejn ta’ fonogrammi fi klinika ta’ dentist, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ professjoni libera, favur il-klijentela tiegħu li tibbenefika minn dan ix-xandir indipendentement mir-rieda tagħhom, u jekk tali xandir jagħtix dritt għall-ġbir ta’ remunerazzjoni favur il-produtturi ta’ fonogrammi.

 Fuq l-ammissibbiltà

65      M. del Corso jqis li r-raba’ u l-ħames domandi huma inammissibbli, peress li qatt ma kien rikonoxxut li, permezz tat-tagħmir tiegħu ta’ xandir, huwa xandar, fil-klinika tiegħu ta’ dentist, fonogrammi protetti lill-pazjenti tiegħu, u dan iktar u iktar meta tali xandir bl-ebda mod ma twettaq bil-ħlas ta’ biljett ta’ dħul minn dawn il-pazjenti.

66      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li jkunu taw lok għall-kawża prinċipali u li tiddeduċi konklużjonijiet minnhom għall‑finijiet tad-deċiżjoni li hija mitluba tagħti (ara s‑sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C‑435/97, Ġabra p. I‑5613, punt 32, kif ukoll tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, Ġabra p. I‑11405, punt 33).

67      Fil-fatt, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali hija bħala prinċipju l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet fattwali li jinvolvu l-applikazzjoni ta’ regola Komunitarja huma miġbura flimkien fil-kawża pendenti quddiemha, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar rinviju preliminari, hija tista’, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Haim, C‑424/97, Ġabra p. I‑5123, punt 58) kif ukoll tal-4 ta’ Ġunju 2009, Vatsouras u Koupatantze, C‑22/08 u C‑23/08, Ġabra p. I‑4585, punt 23).

68      F’din il-kawża, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-raba’ u l-ħames domandi huma bbażati fuq il-premessa fattwali li M. Del Corso kien xandar fonogrammi protetti lill-pazjenti tiegħu.

69      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li dawn id-domandi huma ammissibbli u għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest fattwali kif iddefinit mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq il-mertu

70      Rigward il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li dan ma jinsabx biss fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100, dispożizzjoni li hija rilevanti għall-kawża prinċipali, iżda wkoll fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u b’mod partikolari fl-Artikoli 12 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, 15 tad-WPPT u 14(1) tal-Ftehim TRIPs.

71      Kif jirriżulta mill-punt 55 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kunċetti ekwivalenti li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Ruma, fil-Ftehim TRIPs u fid-WPPT u b’tali mod li huma jibqgħu kompatibbli ma’ dawn il-konvenzjonijiet, billi jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest li fih tali kunċetti jinsabu u l-għan segwit mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija konvenzjonijiet.

72      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħlijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom. Din id-dispożizzjoni hija ispirata mill-Artikolu 8 tad-WCT, li hija riprodotta kważi testwalment.

73      L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 jobbliga lill-Istati Membri li għandhom jipprovdu dritt biex jiżguraw li remunerazzjoni unika ekwa titħallas mill-utent, meta fonogramma tixxandar għall-finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ din il-fonogramma, tintuża għax-xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku, u biex jiżguraw li din ir-remunerazzjoni titqassam bejn l-artisti li jinterpretaw jew li jeżegwixxu l-fonogramma rilevanti. Din id-dispożizzjoni hija ispirata mill-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma li hija wkoll riproduzzjoni kważi litterali ta’ dan l-artikolu (ara s-sentenza tas-6 ta’ Frar 2003, SENA, C‑245/00, Ġabra 2003 p. I‑1251, punt 35).

74      Minn tqabbil tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u 8(2) tad-Direttiva 92/100 jirriżulta li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” li jinsab f’dawn id-dispożizzjonijiet huwa użata f’kuntesti li ma humiex identiċi u huma intiż għal skopijiet, ċertament simili, iżda madankollu parzjalment diverġenti.

75      Fil-fatt, l-awturi għandhom, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, dritt ta’ natura preventiva li jippermettilhom li jindaħlu bejn l-utenti potenzjali tax-xogħol tagħhom u l-komunikazzjoni lill-pubbliku li dawn l-utenti jistgħu jikkunsidraw li jwettqu, u dan sabiex jipprojbixxu li dan isir. Għall-kuntrarju, l-artisti li jinterpretaw u li jeżegwixxu u l-produtturi ta’ fonogrammi jgawdu, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100, dritt ta’ natura kumpensatorja, li ma jistax jiġi eżerċitat qabel ma fonogramma ppubblikata għal finijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ dan il-fonogramm, hija jew kienet użata għal komunikazzjoni lill-pubbliku minn utent.

76      Minn dan isegwi, fir-rigward b’mod iktar partikolari għall-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100, minn naħa, li din id-dispożizzjoni timplika evalwazzjoni individwalizzata tal-kunċett ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Dan japplika bl-istess mod fir-rigward tal-identità tal-utent u tal-kwistjoni tal-użu tal-fonogramma inkwistjoni.

77      Min-naħa l-oħra, peress li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 japplika fil-każ ta’ użu tax-xogħol, għaldaqstant, id-dritt intiż f’dan l-artikolu huwa dritt essenzjalment ta’ natura ekonomika.

78      B’hekk, sabiex jiġi evalwat jekk utent iwettaqx att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100, għandha, skont l-approċċ individwalizzat, kif ikkonstatat fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ utent speċifiku kif ukoll tal-persuni kollha li lilhom huwa jikkomunika l-fonogrammi protetti.

79      Għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi kriterji komplimentari, ta’ natura mhux awtonoma u interdipendenti ma’ xulxin. Konsegwentement, huma għandhom jiġu applikati kemm individwalment kif ukoll fl-interazzjoni tagħhom ma’ xulxin, peress li dawn jistgħu, f’sitwazzjonijiet konkreti differenti, ikunu preżenti b’intensità varjabbli ħafna.

80      B’hekk hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni speċifika.

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà identifikat xi kriterji fil-kuntest kemxejn differenti tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

82      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat ir-rwol indispensabbli tal-utent. B’hekk, hija ddeċidiet, fir-rigward ta’ operatur ta’ lukanda u ta’ kafeterija/ristorant, li huwa jwettaq att ta’ komunikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, meta jintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, sabiex jagħti aċċess lill-klijenti tiegħu, għal xandira radjofonika li fiha hemm xogħol protett. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali intervent, il-klijenti tiegħu, meta jinsabu fiż-żona tal-kopertura tal-imsemmija xandira, bħala prinċipju, ma jistgħux igawdu x-xogħol imxandar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, Ġabra p. I‑9083, punt 195).

83      Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat ċerti elementi inerenti għall-kunċett ta’ pubbliku.

84      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ikopri numru indeterminat ta’ telespettaturi potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 2005, Mediakabel, C‑89/04, Ġabra p. I‑4891, punt 30; tal-14 ta’ Lulju 2005, Lagardère Active Broadcast, C‑192/04, Ġabra p. I‑7199, punt 31, u SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38).

85      Qabel kollox, fir-rigward tan-natura “indeterminata” tal-pubbliku, għandu jiġi rrilevat li, skont id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “trasmissjoni pubblika (komunikazzjoni pubblika)” mogħtija mill-Glossarju tad-WIPO li, mingħajr ma għandu setgħa vinkolanti fil-liġi madankollu jikkontribwixxi għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ pubbliku, dan il-kunċett huwa intiż li “jrendi perċettibbli xogħol [...] fi kwalunkwe mod xieraq, lil persuni b’mod ġenerali, għall-kuntrarju ta’ persuni speċifiċi li jappartjenu lil grupp privat”.

86      Sussegwentement, fir-rigward tal-kriterju dwar “numru pjuttost kbir ta’ persuni”, dan irid jindika li l-kunċett ta’ pubbliku għandu ċerti limitu de minimis, u dan jeskludi minn dan il-kunċett numru żgħir ħafna, jew insinjifikattiv ta’ persuni kkonċernati.

87      Sabiex jiġi ddeterminat dan in-numru, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi li jirriżultaw mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xogħlijiet lil destinatarji potenzjali (ara s-sentenza SGAE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti biss li jsir magħruf kemm persuni għandhom aċċess għall-istess xogħol b’mod parallel, iżda wkoll kemm minnhom kellhom suċċessivament aċċess għalih.

88      Fit-tielet lok, fil-punt 204 tas-sentenza Football Association Premier League et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura lukrativa ta’ “komunikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma hijiex irrilevanti.

89      Minn dan isegwi li a fortiori dan huwa l-każ meta hemm dritt għal rimunerazzjoni ekwa, kif previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100, fid-dawl tan-natura essenzjalment ekonomika ta’ dan id-dritt.

90      B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-intervent li sar mill-operatur tal-lukanda li jagħti aċċess għax-xogħol imxandar lill-klijenti tiegħu, għandu jiġi meqjus bħala servizz addizzjonali mwettaq bil-għan li jittieħed benefiċċju sa fejn l-offerta ta’ dan is-servizz tinfluwenza l-pożizzjoni tal-lukanda tiegħu u, għaldaqstant, il-prezz tal-kmamar. B’mod simili, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trażmissjoni ta’ xogħlijiet imxandra mill-operatur fil-kafeterija-ristorant tiegħu issir bil-għan ta’, u jista’ jkollha, effett fuq il-klijentela ta’ dan l-istabbiliment u, fuq kollox, fuq ir-riżultati ekonomiċi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, SGAE, punt 44 u Football Association Premier League et, punt 205).

91      Huwa għalhekk mifhum li l-pubbliku li huwa s-suġġett tal-komunikazzjoni huwa, minn naħa, dak li jimmira lilu l-utent u, min-naħa l-oħra, riċettiv, b’mod jew ieħor għall-komunikazzjoni tiegħu, u mhux “maqbud” b’kumbinazzjoni.

92      Huwa fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ dawn il-kriterji li għandu jiġi evalwat jekk, f’kawża bħal dik inkwistjoni, dentist li jxandar fonogrammi fil-preżenza tal-pazjenti tiegħu, bħala mużika fl-isfond, iwettaqx att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100.

93      Għalkemm huma l-qrati nazzjonali li għandhom, bħala prinċipju, kif ġie indikat fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, jiddeterminaw jekk dan huwiex il-każ f’kawża partikolari u li jagħmlu l-evalwazzjonijiet definittivi kollha ta’ fatt f’dak ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tevalwa jekk hemmx tali atti ta’ komunikazzjoni pubblika.

94      Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, bħall-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, SGAE kif ukoll Football Association Premier League et, il-pazjenti ta’ dentist, għalkemm jinsabu ġewwa ż-żona ta’ kopertura tas-sinjal tal-fonogrammi, jistgħu jgawdu minnhom biss permezz tal-intervent intenzjonat tad-dentist. Għaldaqstant, tali dentist għandu jiġi kkunsidrat li jintervjeni intenzjonalment fix-xandir ta’ dawn il-fonogrammi.

95      Sussegwentement, fir-rigward tal-klijenti ta’ dentist, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li dawn normalment jiffurmaw grupp ta’ persuni li l-kompożizzjoni tiegħu huwa ħafna minnu stabbli u huma jiffurmaw għaldaqstant grupp ta’ destinatarji potenzjali speċifiku, peress li l-persuni l-oħra ma għandhomx, bħala prinċipju, aċċess għat-trattament ta’ dan tal-aħħar. Għaldaqstant, ma jirrigwardax “persuni b’mod ġenerali”, kuntrarjament għad-definizzjoni mogħtija fil-punt 85 ta’ din is-sentenza.

96      Barra minn hekk, skont il-punt 84 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tan-numru kbir ta’ persuni li għalihom l-istess fonogramma tixxandar mid-dentist b’mod li tkun tista’ tinstema’, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ klijenti ta’ dentist, din il-pluralità ta’ persuni hija żgħira, anki insinjifikattiva, peress li ċ-ċirku ta’ nies preżenti fl-istess ħin fil-klinika tiegħu huwa, b’mod ġenerali, limitat ħafna. Barra minn hekk, għalkemm il-klijenti jinbidlu, xorta jibqa’ l-fatt li, preżenti abbażi ta’ rotazzjoni, dawn il-klijenti, bħala regola ġenerali, ma humiex destinatarji tal-istess fonogrammi, b’mod partikolari ta’ dawk imxandra bir-radju.

97      Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi kkontestat li f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, dentist li jxandar fonogrammi fil-preżenza tal-pazjenti tiegħu, bħala mużika fl-isfond, ma jistax raġonevolment jistenna żieda, minħabba dan ix-xandir biss, tal-klijentela tal-klinika tiegħu u lanqas li jżid il-prezz tat-trattament li huwa jipprovdi. Għaldaqstant, tali xandir ma jistax, fih innifsu, ikollu effett fuq id-dħul ta’ dan id-dentist.

98      Fil-fatt, il-klijenti ta’ dentist imorru fi klinika ta’ dentist bil-għan biss li jkollhom trattament, peress li xandira ta’ fonogrammi ma hijiex inerenti għall-prattika ta’ trattament dentali. Huwa b’mod inċidentali u b’mod indipendenti mix-xewqat tagħhom li huma jibbenefikaw minn aċċess għal ċerti fonogrammi, skont il-ħin tal-wasla tagħhom fil-klinika u t-tul tal-istennija tagħhom kif ukoll tan-natura tat-trattament li huwa pprovdut lilhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi preżunt li l-klijentela normali ta’ dentist tkun riċettiva lejn ix-xandira inkwistjoni.

99      Konsegwentement, tali xandir ma għandux skop ta’ lukru, kuntrarjament għall-kriterju stabbilit fil-punt 90 ta’ din is-sentenza.

100    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li dentist, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jxandar b’xejn fonogrammi fil-klinika tiegħu għall-benefiċċju tal-klijenti tiegħu li jgawdu dan indipendentement mir-rieda tagħhom, ma jwettaqx “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100.

101    Minn dan isegwi li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100 sabiex remunerazzjoni ekwa titħallas mill-utent, jiġifieri li dan tal-aħħar iwettaq “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex sodisfatt f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali.

102    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata risposta għar-raba’ u għall-ħames domandi li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix ix-xandir b’xejn ta’ fonogrammi fi klinika ta’ dentist, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ professjoni libera, għall-benefiċċju tal-klijentela li tgawdi minnu indipedentement mir-rieda tagħha. Għaldaqstant, tali xandir ma jagħtix dritt għall-ġbir ta’ remunerazzjoni favur produtturi ta’ fonogrami.

 Fuq l-ispejjeż

103    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistitwixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994), u tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) dwar il-Prestazzjonijiet u l-Fonogrammi, tal-20 ta’ Diċembru 1996, huma applikabbli fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Peress li l-Konvenzjoni internazzjonali għall-protezzjoni ta’ artisti, produtturi ta’ fonogrammi u organizzazzjonijiet tax-xandir, iffirmata f’Ruma fis-26 ta’ Ottubru 1961 ma hijiex parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, hija ma hijiex applikabbli fl-Unjoni; iżda madankollu hija tipproduċi fiha effetti indiretti.

L--individwi ma jistgħux jibbażaw rwieħhom direttament la fuq l-imsemmija konvenzjoni, la fuq l-imsemmi ftehim u lanqas fuq it-trattat imsemmi iktar ’il fuq.

Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” li jinsab fid-Direttivi tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, u 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kunċetti ekwivalenti li jinsabu fl-imsemmija konvenzjoni, fl-imsemmi ftehim kif ukoll fit-trattat imsemmi iktar ’il fuq, u b’tali mod li huwa jibqa’ kompatibbli ma’ dawn tal-aħħar, billi jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest li fih tali kunċetti jinsabu u l-għan segwit mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-konvenzjonijiet dwar il-proprjetà intellettwali.

2)      Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix ix-xandir b’xejn ta’ fonogrammi fi klinika ta’ dentist, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ professjoni libera, għall-benefiċċju tal-klijentela li tgawdi minnu indipedentement mir-rieda tagħha. Għaldaqstant, tali xandir ma jagħtix dritt għall-ġbir ta’ remunerazzjoni favur produtturi ta’ fonogrami.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.