Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Settembru 2016 – Digital Rights Ireland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-670/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Digital Rights Ireland Ltd (Bennettsbridge, l-Irlanda) (rappreżentanti: E. McGarr, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara li r-rikors huwa ammissibbli;

tiddikjara li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1250, tat-12 ta’ Lulju 2016, skont id-Direttiva Nru 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S., hija żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni safein tikkonstata livell adegwat ta’ protezzjoni fl-Istati Uniti, għad-data personali, konformement mad-Direttiva 95/46/KE 1 ;

tiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nullità u tordna l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mit-Tarka tal-Privatezza tal-UE u tal-Istati Uniti (EU-US Privacy Shield)

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex konformi mal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex konformi mal-Artikolu 25 (6) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-362/14, Schrems.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-“prinċipji ta’ privatezza” u/jew id-“dikjarazzjonijiet u l-impenji” uffiċjali li jinsabu fl-Annessi I, III sa VII tad-deċiżjoni kkontestata ma jikkostitwixxux “impenji internazzjonali” fis-sens tal-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-dispożizzjonijiet tal-Foreign Intelligence Surveillance Act of 1978 Amendments Act of 2008 (Liġi tal-1978 dwar is-sorveljanza tas-servizzi tal-informazzjoni barranin kif emendat bil-Liġi tal-2008, iktar ’il quddiem il-“FISA Amendments Act of 2008”) jikkostitwixxu leġiżlazzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom aċċess fuq bażi ġenerali għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u li għaldaqstant ma humiex konformi mal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-dispożizzjonijiet tal-FISA Amendments Act of 2008 jikkostitwixxu leġiżlazzjoni li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom aċċess sigriet fuq bażi ġenerali għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u li għaldaqstant ma humiex konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li billi naqset milli tittrasponi b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva 95/46 (speċifikament l-Artikolu 28(3)), id-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-kontenut tagħha, naqset milli tiżgura b’mod adegwat u b’mod sħiħ id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea taħt id-dritt tal-Unjoni fejn id-data tagħhom qed tiġi ttrasferita lejn l-Istati Uniti tal-Amerika.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija inkompatibbli mal-Artikoli 7 u 8 u mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tmien motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tippermetti, jew sussidjarjament tonqos u naqset milli tissalvagwardja minn aċċess indiskriminat għall-komunikazzjonijiet elettroniċi mill-awtoritajiet barranin tal-infurzar tal-liġi, din hija invalida peress li tikser id-dritt għal privatezza, il-protezzjoni tad-data, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni, kif ipprovdut taħt il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tippermetti, jew sussidjarjament tonqos u naqset milli tissalvagwardja minn aċċess indiskriminat għall-komunikazzjonijiet elettroniċi mill-awtoritajiet barranin tal-infurzar tal-liġi, u tonqos milli tipprovdi rimedju xieraq liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li d-data personali tagħhom hija aċċessata, hija tiċħad id-dritt tal-individwu għal rimedju effettiv u d-dritt għal amministrazzjoni tajba, bi ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

L-għaxar motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li billi naqset milli tittrasponi b’mod sħiħ id-drittijiet li jinsabu fid-Direttiva 95/46 (speċifikament l-Artikoli 14 u 15), id-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-kontenut tagħha, naqset milli tiżgura b’mod adegwat u b’mod sħiħ id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea taħt id-dritt tal-Unjoni fejn id-data tagħhom qed tiġi ttrasferita lejn l-Istati Uniti tal-Amerika.

____________

1 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).