Language of document : ECLI:EU:C:2010:725

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

2 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Moviment liberu tal‑merkanzija – Saħħa pubblika – Kummerċjalizzazzjoni tal-lentijiet tal-kuntatt permezz tal-internet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza l-bejgħ tal-lentijiet tal-kuntatt mill-ħwienet ta’ apparat mediku biss – Direttiva 2000/31/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Kummerċ elettroniku”

Fil‑Kawża C‑108/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill‑Baranya megyei bíróság (l‑Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2009, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fit‑23 ta’ Marzu 2009, fil‑proċedura

Ker‑Optika bt

vs

ÀNTSZ Dél‑dunántúli Regionális Intézete,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑15 ta’ April 2010,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall‑Gvern Ungeriż, minn R. Somssich, K. Szíjjártó u K. Veres kif ukoll minn M. Fehér, bħala aġenti,

–        għall‑Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall‑Gvern Elleniku, minn E. Skandalou, bħala aġent,

–        għall‑Gvern Spanjol, minn J. M. Rodríguez Cárcamo, bħala aġent,

–        għall‑Gvern Olandiż, minn C. Wissels, M. de Grave u Y. de Vries, bħala aġenti,

–        għall‑Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer u A. Sipos, bħala aġenti,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑15 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tad‑Direttiva 2000/31/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas‑servizzi minn soċjetà tal‑informazzjoni, partikolarment il‑kummerċ elettroniku, fis‑suq intern (“Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 25 p. 399), u tal‑Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.

2        Din it‑talba tressqet fil‑kuntest ta’ kawża bejn Ker‑Optika bt (iktar ’il quddiem “Ker‑Optika”) u l‑ÀNTSZ Dél‑dunántúli Regionális Intézete (fergħa reġjonali għat‑Transdanubia tan‑nofsinhar għas‑servizzi tal‑Istat tas‑saħħa pubblika u tal‑affarijiet sanitarji, iktar ’il quddiem l‑“ÀNTSZ”) dwar deċiżjoni amministrattiva li permezz tagħha din l‑awtorità ma ħallietx lil Ker‑Optika tikkummerċjalizza l‑lentijiet tal‑kuntatt bl‑internet.

 Il‑kuntest ġuridiku

 Il‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni

3        Skont l‑Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 98/34/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall‑għoti ta’ informazzjoni fil‑qasam tal‑istandards u tar‑Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid‑Direttiva 98/48/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal‑20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8, iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 98/34”), huwa:

“‘servizz’: kull servizz tas‑soċjetà ta’ l‑Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill‑bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it‑talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall għanijiet ta’ din id definizzjoni:

–        ‘mill‑bogħod’; tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l‑partijiet ikunu preżenti simultanjament,

–        ‘b’mezzi elettroniċi’; tfisser illi fil‑bidu s‑servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid‑destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall‑ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l‑ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’ wajers, bir‑radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro‑manjetiċi,

–        ‘fuq it‑talba individwali ta’ riċevitur tas‑servizzi’; tfisser illi s‑servizz jiġi pprovdut permezz tat‑trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali.

[...]”

4        Il‑premessi tmintax, wieħed u għoxrin u erbgħa u tletin tad‑Direttiva 2000/31 jipprovdu:

“(18) Servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni jifirxu fuq medda aktar kbira ta’ attivitajiet ekonomiċi li jseħħu on‑line; dawn l‑attivitajiet jistgħu, partikolarment, jikkonsistu fil‑bejgħ ta’ oġġetti online; attivitajiet bħal ma huma il‑kunsinna ta’ merkanzija jew il‑provvediment ta’ servizzi offline ma humiex koperti. [...] Attivitajiet li min‑natura propja tagħhom ma jistgħux jiġu mwettqa mill‑bogħod b’mezzi elettroniċi, bħal ma huwa l‑awditjar statutorju tal‑kontijiet ta’ kumpanija jew parir mediku li jinħtieġ eżami fiżiku ta’ pazjent mhumiex servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni.

[...]

(21)      [...] il‑qasam kordinat ikopri biss ħtiġijiet li jirrigwardjaw attivitajiet online bħal ma hija informazzjoni minn, reklamar online, xiri online, kuntratti online u ma tikkonċernax il‑ħtiġijiet legali ta’ Stati Membri li jirrigwardaw oġġetti bħal ma huma normi ta’ sigurtà, obbligu ta’ tikkettjar, jew responsabbilità għal oġġetti, jew il‑ħtiġijiet ta’ Stati Membri li jirrigwardaw il‑kunsinna jew it‑trasport ta’ oġġetti, inkluża d‑distribuzzjoni ta’ prodotti mediċi. [...]

[...]

(34)      Kull Stat Membru għandu jemenda l‑leġislazzjoni tiegħu li jkun fiha l‑ħtiġijiet, u partikolarment il‑ħtiġijiet dwar l‑għamla, li x’aktarx inaqqsu l‑użu ta’ kuntratti b’mezzi elettroniċi; l‑eżami bir‑reqqa tal‑leġislazzjoni li tinħtieġ dan l‑aġġustament għandu jkun sistematiku u għandu jkopri l‑istadji kollha meħtieġa u l‑atti tal‑proċess kontrattwali, inkluża l‑preżentazzjoni tal‑kuntratt; ir‑riżultat ta’ din l‑emenda għandu jkun biex jirrendi kuntratti konkluzi elettronikament jkunu effettivi fil‑prattika. [...]”

5        L‑Artikolu 1(1) sa (3) u (5) tad‑Direttiva 2000/31 jipprovdi:

“1.      Din id‑Direttiva tfittex li tikkontribwixxi għal funzjonament sewwa tas‑suq intern billi tassigura l‑moviment liberu bejn l‑Istati Membri ta’ servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni.

2.      Din id‑Direttiva tressaq, sal‑limiti meħtieġa għall‑akkwist tal‑għanijiet stipulati fil‑paragrafu 1, ċerti disposizzjonijiet nazzjonali dwar servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni li jirrigwardaw is‑suq intern, l‑istabbiliment ta’ dawk li jipprovdu servizzi, komunikazzjonijiet kummerċjali, kuntratti elettroniċi, ir‑responsabbilità ta’ intermedjarji, kodiċi ta’ kondotta, ftehim fuq kwistjonijiet barra mill‑qorti, azzjonijiet ġudizzjarji u koperazzjoni bejn Stati Membri.

3.      Din id‑Direttiva tikkumplementa l‑liġi tal‑Komunità applikabbli għal servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni mingħajr preġudizzju għall‑livell ta’ protezzjoni ta’, partikolarment, interessi tas‑saħħa pubblika u tal‑konsumatur, kif stabbiliti b’atti tal‑Komunità u leġislazzjoni nazzjonali li timplimentahom sal‑limiti li ma jirrestrinġix il‑libertà li jkunu provduti servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni.

[…]

5.      Din id‑Direttiva m’għandhiex tapplika fil‑:

a)      qasam tat‑tassazzjoni;

b)      kwistjonijiet li jirrigwardaw servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni koperti bid‑Direttivi 95/46/KE u 97/66/KE;

c)      kwistjonijiet li jirrigwardaw ftehim jew prattiċi regolati b’liġi dwar kartell;

d)      dawn l‑attivitajiet li ġejjin ta’ servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni:

–        l‑attivitajiet ta’ nutara jew professjonijiet ekwivalenti sal‑limiti li dawn jinvolvu konnessjoni diretta u speċifika fl‑eżerċizzju ta’ awtorità pubblika,

–        ir‑rappreżentanza ta’ klijenti u d‑difiża ta’ l‑interessi tagħhom quddiem il‑qrati,

–        attivitajiet ta’ logħob li jinvolvu mħatri b’valur monetarju f’logħob tax‑xorti, inklużi lotteriji u transazzjonijiet ta’ logħob ta’ l‑ażżard.”

6        L‑Artikolu 2 tad‑Direttiva 2000/31 jipprovdi dan li ġej:

“Għall‑għanijiet ta’ din id‑Direttiva, dawn it‑termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it‑tifsiriet:

a)      ‘servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni’: servizzi fil‑qofol ta’ dak li jfisser l‑Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 98/34 [...];

[...]

h)      ‘qasam ikkordinat’: ħtiġijiet stipulati fis‑sistemi legali ta’ Stati Membri applikabbli għal min jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni jew għas‑servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni, independentement minn jekk dawn ikunux ta’ natura ġenerali jew iddisinjati speċifikament għalihom.

i)      Il‑qasam ikkordinat jikkonċerna ħtiġijiet li magħhom dak li jipprovdi s‑servizz għandu jkun konformi fir‑rigward ta’:

–        il‑bidu ta’ l‑attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni, bħal ma huma l‑ħtiġijiet li jikkonċernaw kwalifiki, awtorizzazzjoni jew notifikazzjoni,

–        il‑prattika ta’ l‑attività ta’ servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni, bħal ma huma ħtiġijiet li jikkonċernaw l‑imġieba ta’ dak li jipprovdi servizzi, ħtiġijiet li jirrigwardaw il‑kwalità jew kontenut tas‑servizz inklużi dawk applikabbli għal reklamar u kuntratti, jew ħtiġijiet li jikkonċernaw ir‑responsabbilità ta’ min jipprovdi s‑servizz.

ii)      Il‑qasam ikkordinat ma jkoprix ħtiġijiet bħal ma huma:

–        ħtiġijiet applikabbli għal merkanzija bħala tali,

–        ħtiġijiet applikabbli għal kunsinna ta’ merkanzija,

–        ħtiġijiet applikabbli għal servizzi li ma humiex ipprovduti b’mezzi elettroniċi.”

7        Skont l‑Artikolu 3 tad‑Direttiva 2000/31:

“1.      Kull Stat Membru għandu jassigura li s‑servizzi minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni provduti minn dak li jipprovdi servizz li jkun stabbilit fit‑territorju tiegħu ikun konformi mad‑disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl‑Istat Membru f’dak il‑każ li huwa fil‑qasam ikkordinat.

2.      L‑Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li jidħlu fil‑qasam ikkordinat, jillimitaw il‑libertà li jkunu provduti servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni minn Stat Membru ieħor.

[…]

4.      L‑Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jidderogaw mill‑paragrafu 2 fir‑rigward ta’ servizz partikolari għas‑soċjetà ta’ l‑informazzjoni jekk dawn il‑kundizzjonijiet ikunu mwettqa:

a)      il‑miżuri għandhom ikunu:

i)      meħtieġa għal waħda minn dawn ir‑raġunijiet:

–        strateġija pubblika, partikolarment għal prevenzjoni, investigazzjoni, tkixxif u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inklużi il‑protezzjoni ta’ minuri u tal‑ġlieda kontra t‑tixwix għall‑mibegħda fuq il‑bażi ta’ razza, sess, reliġjon jew nazzjonalità, u vjolazzjonijiet tad‑dinjità umana li jikkonċernaw persuni individwali,

–        il‑protezzjoni tas‑saħħa pubblika,

–        is‑sigurtà pubblika, inkluż is‑salvagward tas‑sigurtà nazzjonali u difiża,

–        il‑protezzjoni ta’ konsumaturi, inklużi investituri;

ii)      meħuda kontra servizz partikolari għas‑soċjetà ta’ l‑informazzjoni mingħajr preġudizzju għall‑għanijiet li hemm referenza għalihom f’punt (1) jew li jippreżentaw riskju serju u gravi għal dawk l‑għanijiet;

iii)      proporzjonat għal dawk l‑għanijiet;

b)      qabel ma jittieħdu l‑miżuri f’dak il‑każ u mingħajr preġudizzju għal proċess fil‑qrati, inklużi proċedimenti prelimenari u atti mwettqa fil‑qafas ta’ investigazzjoni kriminali, l‑Istat Membru jkun:

–        talab lill‑Istat Membru li hemm referenza għalih fil‑paragrafu 1 biex jieħu l‑miżuri u dan ta’ l‑aħħar ma jkunx ħa dawk il‑miżuri, jew li dawn kienu inadegwati,

–        innotifika lill‑Kummissjoni u lill‑Istat Membru li hemm referenza għalih fil‑paragrafu 1 bl‑intenzjoni tiegħu li jieħu dawk il‑miżuri.

5.      L‑Istati Membri jistgħu, f’każ ta’ urġenza, jidderogaw mill‑kundizzjonijiet stipulati fil‑paragrafu 4(b). Meta dan ikun il‑każ, il‑miżuri għandhom ikunu innotifikati fl‑iqsar żmien possibbli lill‑Kummissjoni u lill‑Istat Membru li hemm referenza għalih fil‑paragrafu 1, b’indikazzjonijiet tar‑raġunijiet il‑għala l‑Istat Membru jikkunsidra li hemm urġenza.

[…]”

8        L‑Artikolu 4(1) tal‑imsemmija direttiva jipprovdi:

“L‑Istati Membri għandhom jassiguraw li l‑bidu u l‑prattika ta’ l‑attività ta’ dak li jipprovdi servizz minn soċjetà ta’ l‑informazzjoni ma jkunux jistgħu jsiru suġġetti għal awtorizzazzjoni bil‑quddiem jew ta’ ħtiġijiet oħra li jkollhom effett ekwivalenti.”

9        Skont l‑Artikolu 9(1) tad‑Direttiva 2000/31:

“L‑Istati Membri għandhom jassiguraw li s‑sistema legali tagħhom tippermetti li kuntratti ikunu konklużi b’mezzi elettroniċi. L‑Istati Membri għandhom partikolarment jassiguraw li l‑ħtiġijiet legali applikabbli għall‑proċess kontrattwali la joħolqu ostakoli għall‑użu ta’ kuntratti elettroniċi u l‑anqas ma jirriżultaw f’li kuntratti bħal dawn ikunu mċaħħda mill‑effettività u l‑validità legali minħabba li jkunu saru b’mezzi elettroniċi.”

 Il‑leġiżlazzjoni nazzjonali

10      Skont l‑Artikolu 3(1) tal‑Liġi CVIII. tal‑2001 dwar is‑servizzi ta’ kummerċ elettroniku u s‑servizzi marbuta mas‑soċjetà tal‑informazzjoni (A elektronikus kereskedelmi szolgáltatások, valamint az információs társadalommal összefùggő szolgáltatásokról szóló 2001. évi CVIII. Törvény, iktar ’il quddiem il‑“liġi dwar il‑kummerċ elettroniku”:

“[l]‑ebda awtorizzazzjoni minn qabel u lanqas ebda deċiżjoni amministrattiva li għandha effett simili ma hija neċessarja għat‑tnedija jew għat‑twettiq ta’ attività ta’ provvista ta’ servizzi tas‑soċjetà tal‑informazzjoni.”

11      Skont l‑Artikolu 3(1) tar‑Regolament 7/2004 (XI.23.) tal‑Ministeru tas‑saħħa pubblika 7/2004 (XI. 23.) dwar ir‑rekwiżiti professjonali fil‑qasam tal‑kummerċjalizzazzjoni, tat‑tiswija u tas‑self ta’ apparat mediku (a gyógyászati segédeszközök forgalmazásának, javításának, kölcsönzésének szakmai követelményeiről szóló 7/2004 (XI. 23.) Egészségügyi Minisztériumi rendelet):

“il‑kummerċjalizzazzjoni, it‑tiswija u l‑kiri ta’ apparat mediku jistgħu jsiru […] f’ħanut speċjalizzat, sakemm tinkiseb l‑awtorizzazzjoni għall‑operazzjoni skont il‑leġiżlazzjoni speċjali u sakemm ikunu sodisfatti r‑rekwiżiti previżti fil‑punti I.1 u I.2 tal‑Anness 2 ta’ dan ir‑regolament.”

12      Skont l‑Anness 1 ta’ dan ir‑regolament:

“l‑apparat mediku li ġej ma jaqax fil‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir‑regolament:

[...]

–        l‑oġġetti ottiċi standard, b’eċċezzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt;

[...]”.

13      Mill‑punt I.1(d) tal‑Anness 2 tal‑imsemmi regolament jirriżulta illi, għall‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt u ta’ nuċċalijiet li jiġu adattati skont il‑ħtiġijiet individwali, jeħtieġ ħanut ta’ superfiċje minima ta’ 18m2 jew ħanut separat mill‑workshop. Fost ir‑rekwiżiti relatati mal‑persunal, il‑punt I.2(c) ta’ dan l‑anness jinkludi r‑rekwiżit illi jeżiġi li sabiex persuna tkun tista’ tinnegozja fil‑lentijiet tal‑kuntatt, hija għandha teżerċità l‑professjoni ta’ ottometrist jew ta’ tabib oftalmologu kwalifikat fil‑qasam tal‑lentijiet tal‑kuntatt.

 Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14      Ker‑Optika tikkummerċjalizza lentijiet tal‑kuntatt permezz tas‑sit internet tagħha. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Awwissu 2008, l‑ÀNTSZ Pécsi, Sellyei, Siklósi Kistérségi Intézete (fergħa lokali tal‑ÀNTSZ għad‑distretti ta’ Pécs, Sellye u Siklós), ipprojbitilha din l‑attività.

15      Wara lment magħmul minn Ker‑Optika kontra din id‑deċiżjoni, l‑ÀNTSZ, permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Novembru 2008, ikkonfermat din il‑projbizzjoni.

16      L‑ÀNTSZ ibbażat ruħha b’mod partikolari fuq id‑dispożizzjonijiet tar‑Regolament tal‑Ministeru tas‑Saħħa 7/2004 (XI. 23) li l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal-­kuntatt ma tistax issir ħlief f’ħanut speċjalizzat fil‑bejgħ ta’ mediċini jew permezz ta’ kunsinna d‑dar għal finijiet ta’ konsum finali. Dan l‑aħħar kunċett, la minn kif inhu deskritt u lanqas mill‑għan tiegħu, ma jinkludi l‑kummerċjalizzazzjoni bl‑internet.

17      Ker‑Optika appellat mill‑imsemmija deċiżjoni u sostniet, b’mod partikolari, illi l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal‑kuntatt bl‑internet ma tifformax parti mir‑restrizzjonijiet fid‑dawl tal‑Artikolu 3(1) tal‑liġi dwar il‑kummerċ elettroniku, li jiggarantixxi eżerċizzju liberu tal‑attività ta’ fornitur ta’ servizz tas‑soċjetà tal‑informazzjoni.

18      F’dan ir‑rigward, l‑ÀNTSZ invokat it‑tmintax‑il premessa tad‑Direttiva 2000/31 li minnha jirriżulta illi l‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑liġi dwar il‑kummerċ elettoniku ma jistax jinkludi l‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt permezz tal‑internet. Fil‑fatt, skont din il‑premessa, attivitajiet illi, min‑natura tagħhom, ma jistgħux jiġu eżerċitati mill‑bogħod jew elettronikament, bħal konsultazzjoni medika li teħtieġ eżami fiżiku ta’ pazjent, ma humiex servizzi tas‑soċjetà tal‑informazzjoni. Il‑kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal‑kuntatt tirrikjedi tali eżami.

19      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, il‑Baranya megyei bíróság iddeċidiet illi tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja s‑segwenti domandi preliminari:

“1)      Il‑kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal‑kuntatt tikkostitwixxi parir mediku li jeħtieġ eżami fiżiku tal‑pazjent, b’mod li ma taqax taħt il‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva [2000/31]?

2)      Jekk il‑kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal‑kuntatt ma tikkostitwixxix parir mediku li jeħtieġ eżami fiżiku tal‑pazjent, l‑Artikolu 30 tat‑Trattat KE għandu jiġi interpretat fis‑sens li d‑dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru li jipprevedu li l‑lentijiet tal‑kuntatt jistgħu jinbiegħu fi ħwienet speċjalizzati fl‑apparat mediku biss, imorru kontrih?

3)      Il‑leġiżlazzjoni Ungeriża li tawtorizza l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal‑kuntatt fi ħwienet speċjalizzati fl‑apparat mediku biss, tmur kontra l‑prinċipju ta’ moviment liberu tal‑merkanzija previst fl‑Artikolu 28 tat‑Trattat KE?”

 Fuq id‑domandi preliminari

20      Permezz tad‑domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li tawtorizza biss il‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt fi ħwienet speċjalizzati fil‑bejgħ ta’ apparat mediku u li konsegwentement tipprojbixxi l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn tal‑aħħar permezz tal‑internet.

21      Sabiex tingħata risposta għal dawn id‑domandi magħmula, għandhom jiġu identifikati d‑dispożizzjonijiet tad‑dritt tal‑Unjoni Ewropea applikabbli għall‑kummerċjalizzazzjoni tal‑lentijiet tal‑kuntatt permezz tal‑internet, u sussegwentement jekk dawn id‑dispożizzjonijiet jipprekludux regoli nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali.

22      L‑ewwel nett, fil‑kuntest ta’ kummerċjalizzazzjoni permezz tal‑internet, jistgħu jiġu identifikati l‑elementi li ġejjin. Tali kummerċjalizzazzjoni tinkludi, fl‑ewwel lok, l-hekk imsejjaħ att ta’ bejgħ li huwa kkaratterizzat mill‑offerta ta’ kuntratt online kif ukoll mill‑konklużjoni ta’ kuntratt elettronikament. Fit‑tieni lok, l‑imsemmija kummerċjalizzazzjoni tinvolvi wkoll il‑kunsinna tal‑prodott mibjugħ, li ġeneralment issir fid‑domiċilju tal‑klijent. Barra minn hekk, qabel il‑bejgħ jew il‑kunsinna, f’ċerti każijiet partikolari, ikun hemm il‑konsultazzjoni tal‑klijent ma’ tabib.

 Fuq id‑Direttiva 2000/31

23      F’dak li jirrigwarda, l‑ewwel nett, l‑att ta’ bejgħ, għandu jitfakkar, immedjatament, illi skont l‑Artikoli 1(2) u 2(a) tad‑Direttiva 2000/31, din tal‑aħħar tarmonizza ċerti disposizzjonijiet nazzjonali applikabbli għal servizzi minn soċjetà tal‑informazzjoni, jiġifieri għal servizzi normalment ipprovduti bi ħlas, mill‑bogħod b’mezzi elettroniċi u fuq it‑talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

24      Kif jirriżulta mit‑tmintax‑il premessa tad‑Direttiva 2000/31, tali servizzi tas‑soċjetà tal‑informazzjoni jinkludu b’mod partikolari l‑bejgħ ta’ oġġetti online.

25      Din l‑indikazzjoni hija kkorroborata permezz tal‑ispjegazzjoni tal‑proposta ta’ direttiva ppreżentata mill‑Kummissjoni fit‑18 ta’ Novembru 1998 [COM(1998) 586 finali] li tispeċifika illi s‑servizzi tas‑soċjetà tal‑informazzjoni jinkludu s‑servizzi ta’ bejgħ ta’ oġġetti u s‑servizzi li jippermettu li jsiru tranżazzjonijiet elettroniċi online sabiex jinxtraw oġġetti bħall‑bejgħ bit‑televiżjoni u ċ‑ċentri kummerċjali elettroniċi.

26      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat illi, skont l‑erbgħa u tletin premessa u l‑Artikolu 9(1) tad‑Direttiva 2000/31, kull Stat Membru għandu jemenda b’mod sistematiku l‑leġiżlazzjoni tiegħu li jkun fiha rekwiżiti li jistgħu jwasslu għall‑użu ta’ kuntratti b’mezzi elettroniċi u li tirrigwarda l‑istadji u l‑atti kollha meħtieġa għall‑proċess kuntrattwali relatat mal‑bejgħ ta’ oġġetti online, bħall‑offerta għal kuntratt, in‑negozjar u l‑konklużjoni tal‑kuntratt b’mezzi elettroniċi.

27      Finalment, għandu jiġi enfasizzat illi l‑attivitajiet ta’ bejgħ ta’ apparat mediku bħal‑lentijiet tal‑kuntatt ma jaqgħux fost l‑attivitajiet li għalihom, skont l‑Artikolu 1(5) tad‑Direttiva 2000/31, din ma hijiex applikabbli.

28      Konsegwentement, il‑qasam ikkoordinat tad‑Direttiva 2000/31 ikopri d‑dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu l‑atti relatati mal‑bejgħ ta’ lentijiet tal‑kuntatt, jiġifieri, b’mod partikolari, l‑offerta online u l‑konklużjoni tal‑kuntratt b’mezzi elettroniċi.

29      Fit‑tieni lok, f’dak li jirrigwarda l‑operazzjoni ta’ kunsinna, għandu jiġi rrilevat illi, skont it‑termini stess tal‑Artikolu 2(h)(ii) tad‑Direttiva 2000/31, il‑qasam ikkoordinat ma jkoprix ir‑rekwiżiti applikabbli għall‑kunsinna ta’ oġġetti fir‑rigward ta’ liema ġie konkluż kuntratt b’mezzi elettroniċi.

30      Konsegwentement, ir‑regoli nazzjonali li jirrigwardaw l‑kundizzjonijiet li fihom merkanzija mibjugħa bl‑internet tista’ tiġi kkonsenjata fit‑territorju ta’ Stat Membru ma jaqgħux fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmija direttiva.

31      Minn dan jirriżulta illi l‑kundizzjonijiet tal‑kunsinna tal‑lentijiet tal‑kuntatt ma jaqgħux fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/31.

32      Fit‑tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk il‑konstatazzjonijiet hawn fuq imsemmija humiex affettwati mill‑fatt illi l‑bejgħ u l‑kunsinna ta’ lentijiet tal‑kuntatt jistgħu jkunu suġġetti għal konsultazzjoni preċedenti tal‑klijent ma’ tabib.

33      F’dan ir‑rigward, kif tirrileva t‑tmintax‑il premessa tad‑Direttiva 2000/31, l‑attivitajiet illi, min‑natura tagħhom, ma jistgħux jiġu eżegwiti mill‑bogħod jew b’mezzi elettroniċi, bħall‑konsultazzjoni medika li tirrikjedi eżami fiżiku tal‑pazjent, ma humiex servizzi tas‑soċjetà tal‑informazzjoni u, għaldaqstant, ma jaqgħux taħt din id‑direttiva.

34      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, fil‑każ fejn il‑konsultazzjoni medika tirrikjedi eżami fiżiku tal‑klijent tkun tifforma parti integrali mill‑bejgħ tal‑lentijiet tal‑kuntatt, ir‑rekwiżit ta’ tali konsultazzjoni jista’ jkollu l‑konsegwenza illi dan il‑bejgħ, ma jaqax, b’mod definittiv, fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑imsemmija direttiva.

35      Fuq dan il‑punt, għandu jiġi rrilevat illi dawn il‑lentijiet għandhom kuntatt dirett mal‑għajnejn u huma apparat mediku li l‑applikazzjoni tagħhom tista’, f’każijiet partikolari, tipprovoka infjammazzjonijiet tal‑għajn, jiġifieri nuqqasijiet ta’ viżjoni fit‑tul, peress illi dawn id‑diffikultajiet jistgħu sempliċement jiġi kkawżati meta jintlibsu l‑lentijiet. Ir‑rekwiżit ta’ konsultazzjoni medika preċedenti tista’ għalhekk tkun iġġustifikata.

36      F’dan ir‑rigward, il‑persuna li tixtieq tilbes lentijiet tal‑kuntatt tista’ tintalab tagħmel eżami oftalmoloġiku bħala miżura ta’ prevenzjoni, li matulu, l‑ewwel nett, jiġi vverifikat illi ma hemmx raġunijiet mediċi li jipprekludu li hija tilbes lentijiet, u, it‑tieni nett, jiġu stabbiliti, il‑valuri eżatti, f’unità ta’ qawwa rifrattiva f’lenti, tal‑korrezzjoni meħtieġa.

37      Madankollu, dan l‑eżami ma huwiex parti integrali mill‑bejgħ tal‑lentijiet tal‑kuntatt. Fil‑fatt, dan jista’ jsir indipendentement mill‑att ta’ bejgħ, peress li l‑bejgħ jista’ jsir, anki mill‑bogħod, abbażi ta’ preskrizzjoni li tkun saret mit‑tabib oftalmologu li jkun eżamina lill‑klijent minn qabel.

38      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat illi l‑konsultazzjoni medika li tirrikjedi eżami fiżiku tal‑pazjent, li għaliha jista’ jiġi suġġett il‑bejgħ ta’ lentijiet tal‑kuntatt, tista’ tiġi separata minn dan tal‑aħħar.

39      Barra minn hekk, għalkemm huwa veru illi kunsiderazzjonijiet sanitarji jistgħu jirrikjedu illi l‑klijent xorta jissuġġetta ruħu għal konsultazzjonijiet mediċi sabiex isiru verifiki fiżiċi dwar l‑użu tal‑lentijiet kif ukoll kontrolli oftalmoloġiċi, b’mod regolari, sabiex jiġi stabbilit l‑effett tal‑lentijiet, dawn il‑verifiki u kontrolli jsiru matul l‑użu tal‑lentijiet, jiġifieri wara l‑kunsinna ta’ dawn tal‑aħħar. Għalhekk dawn il‑konsultazzjoni mediċi ma humiex marbuta mal‑att tal‑bejgħ tal‑lentijiet.

40      Minn dan jirriżulta illi dispożizzjoni nazzjonali illi tipprojbixxi l‑bejgħ ta’ tali lentijiet permezz tal‑internet taqa’, bħala regola, fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/31.

 Fuq id‑dritt primarju

41      Peress illi r‑regoli dwar il‑kundizzjonijiet tal‑kunsinna tal‑lentijiet tal‑kuntatt ma jaqgħux fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/31, dawn għandhom jiġu evalwati fid‑dawl tad‑dritt primarju, jiġifieri t‑Trattat FUE.

42      Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat jekk l‑imsemmija regoli għandhomx jiġu evalwati mill‑perspettiva tal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif isostni l‑Gvern Ungeriż, jew mill‑perspettiva tal‑moviment liberu tal‑merkanzija, kif tissuġġerixxi l‑qorti tar‑rinviju.

43      F’dan ir‑rigward, mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta illi, l‑ewwel nett, meta miżura nazzjonali tirrigwarda kemm il‑moviment liberu tal‑merkanzija u xi libertà fundamentali oħra, il‑Qorti tal‑Ġustizzja teżaminaha, bħala regola, fid‑dawl ta’ waħda biss minn dawn iż‑żewġ libertajiet fundamentali, jekk jirriżulta li waħda minn dawn hija kompletament sekondarja meta mqabbla mal‑oħra u li tista’ tiġi assoċjata magħha (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1994, Schindler, C‑275/92, Ġabra p. I‑1039, punt 22, u tas‑26 ta’ Mejju 2005, Burmanjer et, C‑20/03, Ġabra p. I‑4133, punt 35).

44      Min‑naħa l‑oħra, mis‑sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, Ġabra p. I‑14887, punti 65, 76 u 124) jirriżulta illi miżura nazzjonali li tirrigwarda modalità dwar il‑bejgħ ta’ merkanzija bl‑internet u l‑kunsinna ta’ din tal‑aħħar fid‑domiċilju tal‑konsumatur għandha tiġi eżaminata biss fid‑dawl tar‑regoli dwar il‑moviment liberu tal‑merkanzija u, għalhekk, fid‑dawl tal‑Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.

45      F’dan il‑każ, il‑leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal‑kuntatt permezz tal‑internet tirrigwarda modalità ta’ bejgħ ikkaratterizzata mill‑kunsinna ta’ tali lentijiet fid‑domiċilju tal‑konsumatur.

46      Konsegwentement, din il‑leġiżlazzjoni għandha tiġi eżaminata fid‑dawl tal‑Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE.

 Fuq l‑eżistenza ta’ ostakolu għall‑moviment liberu tal‑merkanzija

47      Skont ġurisdizzjoni stabbilita, kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal‑Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il‑kummerċ fl‑Unjoni Ewropea għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi fis‑sens tal‑Artikolu 34 TFUE (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5, u tal‑10 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑110/05, Ġabra p. I‑519, punt 33).

48      Minn ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita jirriżulta li l‑Artikolu 34 TFUE jirrifletti l‑obbligu li jiġu osservati l‑prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ rikonoxximent reċiproku tal‑prodotti mmanifatturati u kkummerċjalizzati legalment fi Stati Membri oħra kif ukoll l‑obbligu li jiġi żgurat aċċess liberu għas‑swieq nazzjonali għall‑prodotti tal‑Unjoni Ewropea (ara s‑sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

49      Għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati bħala miżuri li għandhom effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, il‑miżuri meħuda minn Stat Membru li l‑għan jew l‑effett tagħhom huwa li jittrattaw b’mod inqas favorevoli l‑prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra, kif ukoll regoli dwar il‑kundizzjonijiet li din il‑merkanzija għandha tissodisfa, anki jekk dawn ir‑regoli japplikaw mingħajr diskriminazzjoni għall‑prodotti kollha (ara s‑sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35 u 37).

50      Taqa’ wkoll taħt dan il‑kunċett kull miżura li tostakola l‑aċċess għas‑suq ta’ Stat Membru għall‑prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

51      Għal din ir‑raġuni, tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il‑kummerċ bejn l‑Istati Membri, fis‑sens tal‑ġurisprudenza li segwiet is‑sentenza Dassonville, iċċitata iktar ’il fuq, l‑applikazzjoni għall‑prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu ċerti modalitajiet ta’ bejgħ, sakemm dawn id‑dispożizzjonijiet japplikaw għall‑operaturi kkonċernati kollha li jeżerċitaw l‑attività tagħhom fit‑territorju nazzjonali, u sakemm jolqtu bl‑istess mod, fid‑dritt u fil‑fatt, il‑kummerċjalizzazzjoni tal‑prodotti nazzjonali u dik tal‑prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Fil‑fatt, sakemm dawn il‑kundizzjonijiet ikunu sodisfatti, l‑applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan it‑tip għall‑bejgħ tal‑prodotti li joriġinaw minn Stat Membru ieħor u li jissodisfaw ir‑regoli stabbiliti minn dan l‑Istat hija ta’ natura li tostakola l‑aċċess tagħhom għas‑suq jew li tagħmel dan l‑aċċess iktar diffiċli milli tagħmlu diffiċli għall‑prodotti nazzjonali (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard, C‑267/91 u C‑268/91, Ġabra p. I‑6097, punti 16 u 17, u Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

52      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il‑leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tissodisfax iż‑żewġ kundizzjonijiet msemmija fil‑punt preċedenti ta’ din is‑sentenza, jiġifieri jekk tapplikax għall‑operaturi kkonċernati kollha li jeżerċitaw l‑attività tagħhom fit‑territorju nazzjonali, u jekk tolqotx bl‑istess mod, fid‑dritt u fil‑fatt, il‑kummerċjalizzazzjoni tal‑prodotti nazzjonali u dik tal‑prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra.

53      F’dak li jirrigwarda l‑ewwel kundizzjoni, għandu jiġi rrilevat illi l‑imsemmija leġiżlazzjoni tapplika għall‑operaturi kkonċernati mill‑bejgħ ta’ lentijiet tal‑kuntatt, b’tali mod li din il‑kundizzjoni hija sodisfatta.

54      Fir‑rigward tat‑tieni kundizzjoni, ma huwiex ikkontestat illi l‑projbizzjoni tal‑bejgħ tal‑lentijiet tal‑kuntatt permezz tal‑internet tapplika għal‑lentijiet tal‑kuntatt li joriġinaw minn Stati Membri oħra, li huma s‑suġġett ta’ bejgħ permezz ta’ korrispondenza u ta’ kunsinna fid‑domiċilju ta’ konsumaturi li jgħixu fl‑Ungerija. Għandu jiġi kkonstatat illi l‑projbizzjoni tal‑bejgħ ta’ lentijiet tal‑kuntatt permezz ta’ korrispondenza ċċaħħad lill‑operaturi li ġejjin minn Stati Membri oħra minn modalità partikolarment effiċjenti ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il‑prodotti u għalhekk tostakola b’mod kunsiderevoli l‑aċċess ta’ dawn tal‑aħħar għas‑suq tal‑Istat Membru kkonċernat (ara, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda l‑mediċini, is‑sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

55      F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l‑imsemmija leġiżlazzjoni ma taffettwax bl‑istess mod il‑kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal‑kuntatt minn operaturi Ungeriżi u dik magħmula minn operaturi ta’ Stati Membri oħra.

56      Minn dan isegwi illi l‑imsemmija leġiżlazzjoni tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi pprojbita mill‑Artikolu 34 TFUE, sakemm din ma tkunx tista’ tiġi oġġettivament iġġustifikata.

 Fuq il‑ġustifikazzjoni tal‑ostakolu tal‑moviment liberu tal‑merkanzija

57      Skont ġurisprudenza stabbilita, ostakolu għall‑moviment liberu tal‑merkanzija jista’ jiġi ġġustifikat minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali msemmija fl‑Artikolu 36 TFUE jew minn rekwiżiti imperattivi. Fiż‑żewġ każijiet, il‑miżura nazzjonali għandha tkun adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l‑għan mixtieq u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan ir‑rigward, jekk l‑imsemmija miżura taqa’ fis‑settur tas‑saħħa pubblika, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l‑fatt li s‑saħħa u l‑ħajja tal‑persuni jokkupaw l‑ewwel post fost l‑assi u l‑interessi protetti mit‑Trattat u li huma l‑Istati Membri li jiddeċiedu fuq il‑livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jagħtu lis‑saħħa pubblika kif ukoll il‑mod li bih dan il‑livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il‑livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandu jiġi rrikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni lill‑Istati Membri (ara s‑sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, Ġabra p. I-4629, punt 44 u l‑ġurisprudenza ċċitata)

59      F’din il‑kawża, il‑ġustifikazzjoni invokata mill‑Gvern Ungeriż tirrigwarda n‑neċessità li tiġi żgurata l‑protezzjoni tas‑saħħa tal‑utenti tal‑lentijiet tal‑kuntatt. Din il‑ġustifikazzjoni tissodisfa, għalhekk, it‑tħassib tas‑saħħa pubblika msemmi fl‑Artikolu 36 TFUE, li jista’ jiġġustifika ostakolu għall‑moviment ħieles tal‑merkanzija.

60      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi l‑għan hekk segwit.

61      F’dan ir‑rigward, il‑Gvern Ungeriż u dak Spanjol isostnu illi huwa meħtieġ illi l‑klijenti jintalbu jiġbru l‑lentijiet tal‑kuntatt minn ħwienet speċjalizzati, għaliex għandu jkollhom aċċess għal persuna kwalifikata biex teżamina l‑għajnejn li tagħmel l‑eżamijiet fiżiċi meħtieġa, tagħmel verifiki u tagħti struzzjonijiet lill‑klijenti dwar l‑użu tal‑imsemmija lentijiet.

62      Dwar dan il‑punt, għandu jitfakkar, kif ġie rrilevat fil‑punt 35 ta’ din is‑sentenza, illi s‑sempliċi użu tal‑lentijiet tal‑kuntatt jista’, f’każijiet partikolari, jipprovoka problemi fl‑għajn, jiġifieri nuqqasijiet ta’ viżjoni fit‑tul.

63      Fir‑rigward tar‑riskji hekk ippreżentati għas‑saħħa pubblika, Stat Membru jista’ jitlob illi l‑lentijiet tal‑kuntatt jiġu kkonsenjati minn persunal ikkwalifikat li jiġbed l‑attenzjoni tal‑klijent dwar dawn ir‑riskji, jeżamina lill‑klijent u jirrakkomanda jew le lil dan tal‑aħħar dwar l‑użu tal‑lentijiet, filwaqt li jistieden lill‑persuna kkonċernata, jekk ikun il‑każ, sabiex tikkonsulta oftalmologu. Minħabba dawn ir‑riskji, Stat Membru xorta jista’ jirrikjedi illi, fil‑każ fejn ma jingħatax parir negattiv dwar l‑użu tal‑lentijiet, persunal ikkwalifikat jistabbilixxi t‑tip ta’ lentijiet l‑iktar adattati, jivverifika l‑pożizzjonament tal‑lentijiet fuq l‑għajnejn tal‑klijent u jagħti lil dan tal‑aħħar informazzjoni dwar l‑użu korrett u l‑kura ta’ dawn il‑lentijiet (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tal‑25 ta’ Mejju 1993, LPO, C‑271/92, Ġabra p. I‑2899, punt 11).

64      Fil‑fatt, mingħajr l‑eliminazzjoni totali tar‑riskji li jista’ jkollhom l‑utenti tal‑lentijiet, il‑fatt li tiġi kkonsultata persuna kwalifikata biex teżamina l‑għajnejn u s‑servizzi pprovduti minn din, jista’ jnaqqas l‑imsemmija riskji. Għalhekk, billi tirriżerva l‑ġbir tal‑lentijiet tal‑kuntatt mill‑ħwienet tal‑ottika li joffru s‑servizzi ta’ tali persuna kwalifikata sabiex teżamina l‑għajnejn, il‑leġiżlazzjoni fil‑kawża prinċipali hija xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l‑għan sabiex tiġi żgurata l‑protezzjoni tas‑saħħa tal‑imsemmija utenti.

65      Madankollu, huwa xorta meħtieġ illi din il‑leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il‑għan, jiġifieri li ma hemmx miżura ta’ inqas preġudizzju għall‑moviment liberu tal‑merkanzija li tista’ tiġi applikata.

66      Fl‑ewwel lok, fir‑rigward tar‑rekwiżit illi għandu jkun hemm il‑preżenza fiżika tal‑klijent sabiex għajnejh jiġu eżaminati minn persuna kwalifikata biex teżamina l‑għajnejn fil‑ħanut tal‑bejgħ, għandu jiġi rrilevat, l‑ewwel nett, illi eżamijiet għal finijiet ta’ prevenzjoni, magħmula bħala linja ta’ gwida, jistgħu jsiru barra mill‑ħwienet tal‑ottika, mill‑oftalmologi.

67      It‑tieni nett, fil‑proċess ippreżentat fil‑Qorti tal‑Ġustizzja ma hemm xejn li juri illi l‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali timponi lill‑persuna kwalifikata li teżamina l‑għajnejn li kull darba li jinġabru l‑lentijiet tagħmel eżami għal finijiet ta’ prevenzjoni jew konsultazzjoni minn qabel ma’ tabib jew li tirrikjedi li jiġu sodisfatti dawn ir‑rekwiżiti, b’mod partikolari meta jkun hemm kunsinni suċċessivi ta’ lentijiet lill‑istess klijent.

68      Għaldaqstant, tali eżamijiet u konsultazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala fakultattivi, b’tali mod illi kull utent ta’ lentijiet tal‑kuntatt jiddeċiedi hu jekk jagħmilhomx, filwaqt illi r‑rwol tal‑persuna kwalifikata li teżamina l‑għajnejn huwa, f’dan ir‑rigward, li tagħti pariri lill‑utenti.

69      Il‑klijenti jistgħu jingħataw parir, bl‑istess mod, qabel il‑kunsinna tal‑lentijiet tal‑kuntatt, fil‑kuntest tal‑kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn tal‑aħħar permezz tal‑internet, u dan permezz ta’ elementi interattivi li jeżistu fuq is‑sit internet ikkonċernat illi għandhom obbligatorjament jintużaw mill‑klijent qabel ma jkun jista’ jipproċedi għall‑bejgħ tal‑imsemmija lentijiet (ara f’dan is‑sens, għal dak li jirrigwarda l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ mediċini permezz tal‑internet, is‑sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq, punt 114).

70      It‑tieni nett, l‑Istat Membru ċertament jista’ jitlob – kif ġie kkonstatat fil‑punt 63 ta’ din is‑sentenza – li t‑tip ta’ lentijiet tal‑kuntatt l‑iktar adattati jiġi stabbilit minn persuna kwalifikata li teżamina l‑għajnejn, liema persuna hija mistennija, f’dan il‑każ, tivverifika l‑pożizzjonament tal‑lentijiet fuq l‑għajnejn tal‑klijent u li tagħti lil dan tal‑aħħar pariri dwar l‑użu u l‑kura korretta tagħhom.

71      Madankollu, għandu jiġi rrilevat illi dawn is‑servizzi, bħala regola, ma jingħatawx ħlief matul l‑ewwel kunsinna tal‑lentijiet tal‑kuntatt. Fil‑fatt, matul kunsinni ulterjuri, bħala regola ġenerali, ma huwiex meħtieġ li jingħataw tali servizzi lill‑klijent. Huwa biżżejjed illi l‑klijent juri lill‑bejjiegħ it‑tip ta’ lentijiet li ngħata fl‑ewwel kunsinna, peress illi l‑karatteristiċi ta’ dawn il‑lentijiet ikunu ġew aġġustati, jekk ikun il‑każ, minn oftalmologu li jkun għamel preskrizzjoni ġdida li tieħu inkunsiderazzjoni l‑bidla fil‑viżta tal‑klijent.

72      Fit‑tielet lok, jekk l‑użu fit‑tul ta’ lentijiet tal‑kuntatt għandu jiġi akkumpanjat minn informazzjoni u pariri supplimentari, dawn jistgħu jingħataw lill‑klijent permezz ta’ elementi interattivi li jinsabu fuq is‑sit internet tal‑fornitur.

73      Barra minn hekk, l‑Istat Membru jista’ jimponi fuq l‑operaturi ekonomiċi kkonċernati obbligu illi jipprovdu għad‑dispożizzjoni tal‑klijent persuna kwalifikata biex teżamina l‑għajnejn li tkun tista’ tagħti lill‑klijent, mill‑bogħod, informazzjoni u pariri individwalizzati dwar l‑użu u l‑kura tal‑lentijiet tal‑kuntatt. L‑għoti ta’ tali informazzjoni u pariri mill‑bogħod jista’, barra minn hekk, jippreżenta vantaġġi peress illi jippermetti lill‑utent tal‑lentijiet li jagħmel il‑mistoqsijiet tiegħu bi ħsieb, bil‑miktub u mingħajr ma jkollu bżonn jiċċaqlaq (ara, f’dan is‑sens, għal dak li jirrigwarda l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ mediċini permezz tal‑internet, is‑sentenza Deutscher Apothekerverband, iċċitata iktar ’il fuq, punt 113).

74      Mill‑kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta illi l‑għan sabiex tiġi żgurata l‑protezzjoni tas‑saħħa tal‑utenti tal‑lentijiet tal‑kuntatt jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas ristrittivi minn dawk li jirriżultaw fil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li jikkonsistu fil‑fatt illi ċerti restrizzjonijiet japplikaw biss għall‑ewwel kunsinna ta’ lentijiet u li jiġi impost fuq l‑operaturi ekonomiċi kkonċernati li jpoġġu għad‑dispożizzjoni tal‑klijent persuna kwalifikata biex teżamina l‑għajnejn.

75      Konsegwentement, meta Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, huwa jaqbeż il‑limiti tal‑marġni ta’ diskrezzjoni msemmija fil‑punt 58 ta’ din is‑sentenza, u din il‑leġiżlazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l‑għan mixtieq.

76      Għall‑istess raġunijiet, l‑imsemmija leġiżlazzjoni, inkwantu tipprojbixxi l‑bejgħ ta’ lentijiet tal‑kuntatt permezz tal‑internet, ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala proporzjonali fir‑rigward tal‑għan ta’ protezzjoni tas‑saħħa pubblika, fis‑sens tal‑Artikolu 3(4) tad‑Direttiva 2000/31.

77      Fid‑dawl tal‑kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir‑risposti għad‑domandi magħmula mill‑qorti tar‑rinviju għandhom ikunu illi regoli nazzjonali dwar il‑kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal‑kuntatt jaqgħu fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/31 inkwantu jikkonċernaw l‑att ta’ bejgħ ta’ tali lentijiet permezz tal‑internet. Min‑naħa l‑oħra, regoli nazzjonali relatati mal‑kunsinna tal‑imsemmija lentijiet ma jaqgħux fil‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑direttiva.

78      L‑Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE kif ukoll id‑Direttiva 2000/31 għandhom jiġu interpretati fis‑sens illi jipprekludu leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal‑kuntatt ħlief mill‑ħwienet speċjalizzati f’apparat mediku.

 Fuq l‑ispejjeż

79      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Regoli nazzjonali dwar il‑kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal‑kuntatt jaqgħu fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/31/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas‑servizzi minn soċjetà tal‑informazzjoni, partikolarment il‑kummerċ elettroniku, fis‑suq intern (“Direttiva dwar il‑kummerċ elettroniku”), inkwantu jikkonċernaw l‑att ta’ bejgħ ta’ tali lentijiet permezz tal‑internet. Min‑naħa l‑oħra, regoli nazzjonali dwar il‑kunsinna tal‑imsemmija lentijiet ma jaqgħux fil‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑direttiva.

L‑Artikoli 34 TFUE u 36 TFUE kif ukoll id‑Direttiva 2000/31 għandhom jiġu interpretati fis‑sens illi jipprekludu leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l‑kummerċjalizzazzjoni ta’ lentijiet tal‑kuntatt ħlief mill‑ħwienet speċjalizzati f’apparat mediku.

Firem


* Lingwa tal‑kawża: l‑Ungeriż.