Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Ġunju 2008 - Verhuizingen Coppens vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-210/08)

Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Verhuizingen Coppens (Bierbeek, Il-Belġju) (rappreżentanti: J. Stuyck u I. Buelens, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Annullament ta' l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni mogħtija mill-Kummissjoni fil-11 ta' Marzu 2008 fil-każ COMP/38.543 fil-parti speċifika għar-rikorrenti;

annullament ta' l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni mogħtija mill-Kummissjoni fil-11 ta'' Marzu 2008 fil-każ COMP/38.543 fil-parti speċifika għar-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqis sostanzjali tal-multa li għandha tiġi stabbilita għal ammont massimu ta' 10 % tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti fis-suq ikkonċernat ta' servizzi ta' ġarr internazzjonali;

f'kull każ tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-ewwel żewġ motivi tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali tal-11 ta' Marzu 2008 dwar proċedura skond l-Artikolu 81 KE (każ COMP/38.543 - servizzi ta' ġarr internazzjonali)

Ir-rikorrenti tinvoka l-ewwel nett ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE. Ir-rikorrenti ġiet ikkundannata talli kienet ipparteċipat f'akkordju kumpless meta, skond l-inkartament tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti kienet tiddistingwi ruħha mill-parteċipanti l-oħrajn minħabba li l-parteċipazzjoni ġiet stabbilita biss fir-rigward ta' parti żgħira mill-allegat akkordju. Barra minn hekk, l-allegata parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur tad-dritt ta' l-akkordji kienet iqsar milli l-Kummissjoni kienet iddeterminat u l-Kummissjoni kienet naqset milli tevalwa l-piż relattiv tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur tad-dritt ta' l-akkordji.

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinvoka ksur ta' l-Artikolu 23(2) u (3), tar-Regolament Nru 1/20031 f'dak illi l-Kummissjoni stabilixxiet b''mod żbaljat kemm id-dewmien kif ukoll il-kontinwazzjoni tal-ksur.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob eżenzjoni mill-multa imposta jew ta' l-inqas it-tnaqqis radikali tagħha minħabba l-fatt illi l-ammont bażiku tal-multa ġie stabbilit u kalkulat b'mod żbaljat u li l-Kummissjoni kisret b'mod ċar il-prinċipju ta' proporzjonalità fil-kalkolu tal-multa.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta'' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, p. 1).