Language of document : ECLI:EU:C:2012:781

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Majna)

11 ta’ Diċembru 2012 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Għajnuna mill-Istat — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata ksur — Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà — Artikoli 228(2) KE u 260(2) TFUE — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Sanzjonijiet pekunjarji”

Fil-Kawża C‑610/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Stromsky u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, D. Hadroušek u J. Očková, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, M. Ilešič, T. von Danwitz u J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó. Caoimh, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), C. Toader u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tikkonstata li, billi ma adottax il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑499/99, Ġabra p. I-6031), li tirrigwarda l-irkupru tal-għajnuna li, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/1/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1989, dwar l-għajnuna mogħtija fi Spanja mill-Gvern ċentrali u minn diversi Gvernijiet awtonomi lil MAGEFESA, produttriċi ta’ oġġetti tal-kċina magħmula mill-azzar li ma jissaddadx u ta’ strumenti elettriċi żgħar għad-dar (ĠU 1991, L 5, p. 18), tqieset bħala illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-deċiżjoni u l-Artikolu 260(1) TFUE;

–        tordna lir-Renju ta’ Spanja jħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 131 136 għal kull jum, għad-dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, minn meta tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti sal-eżekuzzjoni tal-imsemmija kawża Il-Kummissjoni vs Spanja;

–        tordna lir-Renju ta’ Spanja jħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li l-ammont tagħha jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ ammont ta’ EUR 14 343 għal kull jum bin-numru ta’ ġranet li fihom il-ksur ippersista, inkluż bejn l-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, u dak tas-sentenza mogħtija fil-kawża preżenti jew id-data li fiha dan l-Istat Membru temm il-ksur, u

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

I –  Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fl-20 ta’ Diċembru 1989, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 91/1, li permezz tagħha hija ddikjarat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, l-għajnuna mogħtija mill-Gvern Ċentrali Spanjol u minn diversi Gvernijiet reġjonali awtonomi lill-impriżi tal-grupp Magefesa, fil-forma ta’ garanziji ta’ self, ta’ self b’kundizzjonijiet li ma humiex dawk tas-suq, ta’ għajnuna mhux rimborsabbli kif ukoll ta’ sussidju għar-rati tal-interessi.

3        Għal dak li jikkonċerna din il-kawża, il-grupp Magefesa huwa kkostitwit minn erba’ impriżi industrijali li jimmanifatturaw oġġetti tad-dar, jiġifieri Industrias Domésticas SA (iktar ’il quddiem “Indosa”), Cubertera del Norte SA (iktar ’il quddiem “Cunosa”), Manufacturas Gur SA (iktar ’il quddiem “GURSA”) u Manufacturas Inoxidables Gibraltar SA (iktar ’il quddiem “MIGSA”).

4        L-għajnuna li, skont id-Deċiżjoni 91/1, tqieset illegali u inkompatibbli mas-suq komuni tinqasam, għal dak li jikkonċerna l-għajnuna mogħtija mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, kif ġej:

–        garanzija ta’ self ta’ ESP 300 miljun, mogħtija direttament lil Indosa;

–        garanzija ta’ self ta’ ESP 672 miljun mogħtija lil Fiducias de la cocina y derivados SA, kumpannija ta’ ġestjoni maħluqa fil-Pajjiż Bask bl-għan li l-impriżi tal-grupp Magefesa jingħataw l-imsemmija għajnuna, u

–        sussidju għar-rati tal-interessi ta’ ESP 9 miljun.

5        Permezz tal-istess deċiżjoni, l-awtoritajiet Spanjoli ġew mistiedna, b’mod partikolari, jirtiraw il-garanziji ta’ self, jittrasformaw is-self b’rata baxxa f’dejn normali u jirkupraw l-għajnuna mhux rimborsabbli.

II –  Is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja

6        Fit-22 ta’ Diċembru 1999, il-Kummissjoni ppreżentat, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(2) KE, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Renju ta’ Spanja li kien intiż sabiex jiġi kkonstatat li dan tal-aħħar ma kienx adotta, fit-termini previsti, il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu, b’mod partikolari, mad-Deċiżjoni 91/1.

7        Fis-sentenza tagħha, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li r-Renju ta’ Spanja kien naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn din kienet iddikjarat bħala illegali u inkompatibbli mas-suq komuni l-għajnuna mogħtija lill-impriżi Indosa, GURSA, MIGSA u Cunosa.

III –  Il-proċedura prekontenzjuża

8        Wara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja skambjaw ħafna korrispondenza rigward l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza.

9        Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minkejja li Indosa kienet ġiet iddikjarata falluta fid-19 ta’ April 1994, din tal-aħħar kompliet l-attivitajiet tagħha.

10      B’risposta għat-talbiet għal informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Marzu u tas-27 ta’ Lulju 2004 kif ukoll tal-31 ta’ Jannar 2005, l-awtoritajiet Spanjoli b’mod partikolari indikaw, permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Marzu 2005, li l-ftehim ta’ stralċ ta’ Indosa kien ġie approvat fid-29 ta’ Settembru 2004, li din l-approvazzjoni kienet ġiet ikkontestata mingħajr ma dan ikkawża effett sospensiv u li, għaldaqstant, il-proċedura ta’ stralċ tal-attiv ta’ Indosa setgħet tinbeda.

11      Permezz ta’ ittri tal-5 ta’ Lulju u tas-16 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni rrilevat li, kważi tiet snin wara l-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, Indosa kienet għada għaddejja bl-attivitajiet tagħha, il-proċedura ta’ stralċ tal-attiv tagħha ma kinitx għada nbdiet u l-għajnuna illegali kienet għada ma ġietx irkuprata. Barra minn hekk, din l-istituzzjoni talbet li l-attivitajiet ta’ Indosa jintemmu u li l-likwidazzjoni tal-attiv tagħha titwettaq sa mhux iktar tard mill-25 ta’ Jannar 2006.

12      Matul din l-istess sena 2006, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-Deċiżjoni 91/1 kienet ġiet eżegwita għal dak li jikkonċerna GURSA, MIGSA u Cunosa, peress li dawn kienu temmew l-attivitajiet tagħhom u l-attiv tagħhom kien inbiegħ bil-prezz tas-suq.

13      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2006, ir-Renju ta’ Spanja ddikjara li l-ftehim ta’ stralċ ta’ Indosa kien sar definittiv fit-2 ta’ Mejju 2006.

14      Madankollu l-Kummissjoni sostniet, f’serje ta’ ittri bid-data, fost oħrajn, tat-18 ta’ Ottubru 2006, tas-27 ta’ Jannar 2007 u tas-26 ta’ Settembru 2008, li l-attivitajiet ta’ Indosa ma kinux verament intemmu u li l-attiv tagħha ma kienx ġie llikwidat. Fil-fatt, l-informazzjoni pprovduta mir-Renju ta’ Spanja kienet uriet li l-attivitajiet ta’ Indosa kienu għadhom għaddejjin permezz tas-sussidajarja 100 % tagħha, jiġifieri l-Compañía de Menaje Doméstico SL (iktar ’il quddiem “CMD”), li kienet inħolqot mill-amministratur tal-proċedura ta’ falliment ta’ Indosa sabiex tiġi kkummerċjalizzata l-produzzjoni tal-impriża u li lilha ġie ttrasferit l-attiv kollu ta’ din tal-aħħar kif ukoll il-persunal tagħha. Billi qieset li l-attiv ta’ Indosa ma ġiex ittrasferit permezz ta’ proċedura miftuħa u trasparenti, il-Kummissjoni kkonkludiet li CMD kienet għadha għaddejja bl-attivitajiet imsemmija iktar ’il fuq u li, konsegwentement, l-eżekuzzjoni effettiva tad-Deċiżjoni 91/1 kienet teħtieġ l-irkupru tal-għajnuna inkompatibbli mingħand CMD.

15      Ir-Renju ta’ Spanja rrisponda permezz ta’ serje ta’ ittri fosthom dawk tat-8 ta’ Ottubru u tat-13 ta’ Novembru 2008 kif ukoll tal-24 ta’ Lulju u tal-25 ta’ Awwissu 2009, li minnhom jirriżulta li CMD kienet iddikjarat il-falliment tagħha fit-30 ta’Ġunju 2008 u li l-amministraturi maħtura mill-qorti kienu ppreżentaw talba għal rexissjoni kollettiva tal-kuntratti ta’ xogħol tal-persunal kollu, liema talba kienet ġiet aċċettata mill-qorti nazzjonali kompetenti.

16      Permezz ta’ ittri tat-18 ta’ Awwissu, tas-7 u tal-21 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni talbet li jiġi kkomunikat lilha pjan iddettaljat li jindika d-data eżatta tat-tmiem l-attivitajiet ta’ CMD, kif ukoll iktar informazzjoni dwar il-proċedura tat-trasferiment tal-attiv tagħha, inkluż il-prova li dan it-trasferiment kien twettaq skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Din l-istituzzjoni talbet ukoll lir-Renju ta’ Spanja jipproduċi provi tali li jistabbilixxu li l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli kienet irreġistrata fil-passiv ta’ CMD bħala dejn kollettiv.

17      Permezz ta’ ittri tal-21 ta’ Settembru, tat-13 u tal-21 ta’ Ottubru 2009, ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment wieġeb li CMD kienet temmet l-attivitajiet tagħha fit-30 ta’ Lulju 2009, mingħajr madankollu ma pprovda lill-Kummissjoni l-pjan dettaljat li hija kienet talbet.

18      Fit-3 ta’ Settembru 2009, l-ex impjegati ta’ CMD ħolqu kumpannija b’responsabbiltà limitata fejn il-ħaddiema għandhom sehem fiha, imsejħa Euskomenaje 1870 SLL (iktar ’il quddiem “Euskomenaje”) li l-attività tagħha hija l-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġetti tal-kċina u ta’ strumenti elettriċi żgħar.

19      Wara l-ħolqien tal-imsemmija kumpannija, l-amministraturi tal-proċedura tal-falliment ta’ CMD awtorizzaw it-trasferiment provviżorju tal-attiv ta’ din tal-aħħar lil Euskomenaje sa tmiem il-proċedura ta’ stralċ ta’ CMD.

20      Fit-23 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju ta’ Spanja skont l-Artikolu 228(2) KE. F’din l-ittra l-Kummissjoni indikat li, wara li tkun qrat l-osservazzjonijiet ta’ dan l-Istat Membru jew fil-każ li dawn ma jintbagħtulhiex, hija tirriżerva d-dritt li toħroġ, jekk ikun il-każ, opinjoni motivata skont din id-dispożizzjoni.

21      Fis-26 ta’ Jannar 2010, ir-Renju ta’ Spanja rrisponda għall-ittra ta’ intimazzjoni billi indika li Indosa u CMD kienu fil-proċess ta’ stralċ u li kienu temmew l-attivitajiet tagħhom.

22      Fit-22 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lir-Renju ta’ Spanja, li fiha stiednitu, skont l‑Artikolu 260(2) TFUE, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-ittra. F’din l-ittra l-Kummissjoni ppreċiżat li wara li tkun qrat l-osservazzjonijiet ta’ dan l-Istat Membru jew fil-każ li dawn ma jintbagħtulhiex, hija tirriżerva d-dritt li tidher quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-istess dispożizzjoni.

23      Permezz ta’ ittri tat-2 u tad-9 ta’ Ġunju 2010, ir-Renju ta’ Spanja indika l-passi li saru sabiex tiġi eżegwita s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq. Huwa indika, b’mod partikolari, li l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask ma kinitx tinsab fl-iskeda tal-passiv ta’ CMD għall-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni mid-Deċiżjoni 91/1, iżda li kienet ser issir parti fil-proċedura ta’ falliment ta’ din il-kumpannija filwaqt li titlob li d-dejn relattiv għall-imsemmija għajnuna jiġi rreġistrat fl-iskeda tal-passiv. Fl-10 ta’ Ġunju 2010 ġie ddikjarat dejn ta’ EUR 16 828.34 minn din il-Komunità Awtonoma. Sussegwentement, din tal-aħħar ikkoreġiet diversi drabi din id-dikjarazzjoni billi għolliet l-ammont tad-dejn inkwistjoni, liema dejn jammonta, skont l-aħħar dikjarazzjoni tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2011, għal EUR 22 683 745.

24      Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2010, ir-Renju ta’ Spanja kkomunika lill-Kummissjoni l-pjan ta’ stralċ ta’ CMD u d-digriet tal-qorti nazzjonali kompetenti tat-22 ta’ Ġunju 2010 li approva dan il-pjan. Minn dan jirriżulta li l-għajnuna illegali inkwistjoni ma tinsabx fost id-dejn irrikonoxxut. Barra minn hekk, dan il-pjan jipprevedi li l-attiv kollu ta’ CMD għandu jinbiegħ lill-kredituri tagħha, jiġifieri essenzjalment lill-impjegati ta’ CMD, permezz ta’ kumpens parzjali tad-dejn li kellha magħhom sakemm ma tiġix ippreżentata offerta aħjar f’terminu ta’ 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan il-pjan.

25      Peress li ma kinitx konvinta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors preżenti.

26      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Mejju 2011, ir-Repubblika Ċeka ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju ta’ Spanja.

IV –  Żviluppi wara li ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja

27      Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Jannar 2011, il-Juzgado de lo Mercantil n° 2 de Bilbao (Spanja) ordnat li l-attivitajiet ta’ CMD jintemmu u li l-istabbilimenti tagħha jingħalqu.

28      Fit-3 ta’ Marzu 2011, il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask ressqet talba quddiem l-imsemmija qorti intiża għall-waqfien tal-attività ta’ Euskomenaje li kienet qed titwettaq fil-faċilitajiet ta’ CMD.

29      Fl-10 ta’ Marzu 2011, l-imsemmija Komunità ppreżentat appell mid-digriet tat-22 ta’ Ġunju 2010 li approva l-pjan ta’ stralċ ta’ CMD.

30      Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Jannar 2012, l-Audiencia Provincial de Bizkaia (Spanja) annullat l-imsemmi digriet u ordnat il-likwidazzjoni tal-attiv ta’ CMD skont il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, trasparenti u miftuħa għal terzi.

31      Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ April 2012 tal-Juzgado de lo Mercantil n° 2 de Bilbao, dejn li jammonta għal EUR 22 683 745 favur il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask ġie rreġistrat fil-passiv ta’ CMD.

V –  Fuq l-ammissibbiltà

A –  L-argumenti tal-partijiet

32      Sostnut mir-Repubblika Ċeka, ir-Renju ta’ Spanja kkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors preżenti minħabba li l-Kummissjoni naqset milli tindirizza opinjoni motivata lil dan tal-aħħar skont l-Artikolu 228(2) KE, li hija d-dispożizzjoni applikabbli f’dan il-każ, peress li l-proċedura nbdiet fl-20 ta’ Novembru 2009, jiġifieri qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona. Issa, din id-dispożizzjoni tipprevedi kemm l-intimazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll in-notifika ta’ opinjoni motivata lilu.

33      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, sa fejn l-Artikolu 260(2) TFUE jista’ jiġi interpretat bħala li jelimina l-istadju relatat mal-ħruġ ta’ opinjoni motivata, applikazzjoni retroattiva ta’ din id-dispożizzjoni għal proċedura li nbdiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ regoli li jipprevedu sanzjonijiet inqas favorevoli u ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege.

34      Barra minn hekk, mill-punt 42 tas-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑387/97, Ġabra p. I-5047) jirriżulta li r-regoli stabbiliti f’dispożizzjoni ġdida ta’ trattat ma jistgħux japplikaw ħlief jekk il-fażijiet kollha tal-proċedura prekontenzjuża jkunu twettqu wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat.

35      Barra minn hekk, il-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, anness mat-Trattat FUE ma jinkludix dispożizzjonijiet li jippermettu l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(2) TFUE għal proċedura mibdija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat.

36      Sussidjarjament, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 260(2) TFUE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-istadju relatat mal-ħruġ ta’ opinjoni motivata ġie eliminat mill-fażi prekontenzjuża tal-proċedura. L-interpretazzjoni li tmur kontra din tnaqqas il-garanziji proċedurali u d-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru kkonċernat.

37      B’mod iktar sussidjarju, l-imsemmi Stat Membru jqis li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, li jipprovdi li sabiex jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jadottaw regolamenti, direttivi, deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet, jimponi l-ħruġ ta’ opinjoni motivata fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE.

38      Il-Kummissjoni titlob li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja tiġi miċħuda.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-proċedura għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stat Membru taħt id-dritt tal-Unjoni kienet irregolata mill-Artikolu 228(2) KE.

40      Skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-Qorti tal-Ġustizzja kienet tikkonstata li Stat Membru naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattat KE u meta, sussegwentement, il-Kummissjoni kienet tqis li dan l-Istat Membru ma kienx adotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni kienet toħroġ opinjoni motivata, wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat il-possibbiltà li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, li tippreċiża l-punti li fuqhom dan l-Istat Membru ma kienx konformi ma’ din is-sentenza.

41      Il-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 228(2) KE kienet tinkludi, għaldaqstant, żewġ stadji suċċessivi, jiġifieri l-intimazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u l-ħruġ ta’ opinjoni motivata indirizzata lilu.

42      Minn meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 260(2) TFUE jipprovdi li, jekk il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru kkonċernat ma adottax il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija tista’ tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tagħti lil dak l-Istat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.

43      Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 260(2) TFUE, din id-dispożizzjoni emendat l-iżvolġiment tal-proċedura prekontenzjuża billi eliminat l-istadju relatat mal-ħruġ ta’ opinjoni motivata. Issa, din il-proċedura tinkludi biss stadju wieħed, jiġifieri dak tal-intimazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

44      Fir-rikors preżenti, titqajjem il-kwistjoni dwar jekk proċedura prekontenzjuża li nbdiet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jiġifieri fl-1 ta’ Diċembru 2009, iżda li baqgħet pendenti wara din id-data, hijiex irregolata mill-Artikolu 228(2) KE jew mill-Artikolu 260(2) TFUE.

45      Għandu jiftakkar f’dan ir-rigward li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli fil‑mument meta jidħlu fis-seħħ (sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑334/08, Ġabra p. I‑6869, punt 60, tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C‑201/09 P u C‑216/09 P, Ġabra p. I‑2239, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata; ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C‑352/09 P, Ġabra p. I‑2359, punt 88, kif ukoll tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, punt 47).

46      Issa, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-iżvolġiment tal-proċedura prekontenzjuża u li jippreċiżaw, b’mod partikolari, l-istadji li din tinkludi, jaqgħu taħt regoli proċedurali applikabbli f’dan il-qasam. Fil-fatt, l-intimazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u l-opinjoni motivata indirizzata lil dan tal-aħħar huma biss mezzi proċedurali intiżi sabiex jiġi osservat l-obbligu tal-Istat li jadotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tkun ikkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għaldaqstant, l-istadji li tinkludi din il-proċedura ma jikkonċernawx, bħala tali, l-obbligi li għandhom l-Istati Membri taħt it-trattati u s-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuqhom f’każ li dawn l-obbligi jinkisru.

47      Konsegwentement, ir-regoli li jirregolaw l-iżvolġiment tal-proċedura prekontenzjuża, previsti fl-Artikolu 260(2) TFUE, huma regoli proċedurali applikabbli, bħala tali, mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni. Minn dan isegwi li dawn ir-regoli japplikaw għar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kollha ppreżentati wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom, u dan minkejja l-fatt li l-proċedura prekontenzjuża tkun inbdiet qabel din id-data.

48      Il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ sanzjonijiet iktar severi u ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, invokati mir-Renju ta’ Spanja, ma jimminawx il-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

49      Għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jitfakkar li dan jeżiġi li liġi tal-Unjoni tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikollhom il-possibbiltà jieħdu konjizzjoni tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u li jaġixxu fid-dawl tagħhom (sentenza ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Istati Membri kellhom għarfien sħiħ kemm tal-obbligi tagħhom li jadottaw il-miżuri neċessari għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Istat kif ukoll tal-konsegwenti li l-ksur ta’ dan l-obbligu jista’ jwassal għalihom, peress li kienu stabbiliti fid-dritt primarju tal-Unjoni ħafna qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw il-prinċipju ta’ ċertezza legali sabiex jopponu l-applikazzjoni immedjata ta’ regoli proċedurali ġodda inklużi fl-Artikolu 260(2) TFUE.

51      Bl-istess mod, għal dak li jikkonċerna l-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ dispożizzjonijiet iktar severi u ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-Trattat FUE ma ġab l-ebda bidla rigward, minn naħa, l-obbligu tal-Istati Membri li jadottaw il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u, min-naħa l-oħra, is-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq l-Istati Membri f’każ li jiksru dan l-obbligu.

52      Ir-Renju ta’ Spanja lanqas ma għandu bażi sabiex jinvoka preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża tiegħu, peress li, f’dan il-każ, huwa kellu l-possibbiltà jippreżenta osservazzjonijiet bħala risposta kemm għall-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll għall-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru kien informat, minn din l-ittra tal-aħħar, bil-fatt li l-Kummissjoni kienet ressqet il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260(2) TFUE.

53      Għal dak li jirrigwarda l-konkluzjoni li r-Renju ta’ Spanja jasal għaliha mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, li tipprovdi li r-regoli stabbiliti f’dispożizzjoni ġdida ta’ trattat ma japplikawx ħlief jekk il-fażijiet kollha tal-proċedura prekontenzjuża jkunu twettqu wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat, għandu jiġi kkonstatat li hija bbażata fuq qari żbaljat ta’ din is-sentenza.

54      Fil-fatt, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, kienet ibbażata fuq il-premessa li l-proċedura prekontenzjuża kienet bdiet qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat UE fil-verżjoni li tippreċedi t-Trattat ta’ Lisbona. Sabiex tiċħad din l-eċċezzjoni, kien biżżejjed li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, bil-kontra ta’ dak li kien qed jiddikjara l-Istat Membru kkonċernat, il-fażijiet kollha ta’ din il-proċedura kienu seħħew wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat. Madankollu, minn din l-istess sentenza ma jistax jiġi dedott li, kieku waħda mill-imsemmija fażijiet kienet seħħet qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi trattat, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tasal għall-konklużjoni opposta.

55      L-argumenti invokati mir-Renju ta’ Spanja b’mod sussidjarju lanqas ma jistgħu jintlaqgħu. Fir-rigward tal-allegazzjoni li tipprovdi li l-Artikolu 260(2) TFUE ma eliminax l-istadju relatat mal-ħruġ ta’ opinjoni motivata matul il-proċedura prekontenzjuża, għandu jsir riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punt 42 tas-sentenza preżenti. Għal dak li jikkonċerna l-argument ibbażat fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma għandha l-ebda relazzjoni mal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja għandha tiġi miċħuda.

VI –  Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

A –  L-argumenti tal-partijiet

57      Il-Kummissjoni takkuża lir-Renju ta’ Spanja li ma adottax il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, għal dak li jikkonċerna l-għajnuna illegali mogħtija lil Indosa (iktar ’il quddiem l-“għajnuna illegali inkwistjoni”). Fil-fatt, minkejja li din tal-aħħar ġiet iddikjarata falluta sa mis-sena 1994, din l-għajnuna la ġiet irkuprata u lanqas irreġistrata bħala dejn kollettiv tal-falliment ta’ din l-impriża.

58      Barra minn hekk, minkejja d-dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ din il-kumpannija, l-attivitajiet ta’ Indosa komplew għaddejjin, fl-ewwel waqt minn Indosa nnifisha, imbagħad, fit-tieni waqt, mis-sussidjarja 100 % tagħha, jiġifieri CMD. Apparti dan, it-trasferiment tal-attiv ta’ Indosa lil CMD twettaq b’mod mhux trasparenti u mingħajr ebda sejħa għal offerti.

59      Fir-rigward ta’ CMD, kumpannija li sussegwentement ġiet ukoll iddikjarata falluta, il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet Spanjoli ma wrewx li d-dejn relattiv għall-ħlas lura tal-għajnuna illegali inkwistjoni ġie irreġistrat fl-iskeda tal-passiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ din il-kumpannija qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali. Fil-fatt, l-iskeda definittiva tal-passiv li ntbagħtet lill-Kummissjoni fl-1 ta’ Diċembru 2009 ma tirripproduċix id-dejn relattiv għall-ħlas lura tal-imsemmija għajnuna, u dan kien espressament ikkonfermat mill-awtoritajiet Spanjoli fl-ittri tagħhom tat‑2 u tad‑9 ta’ Ġunju 2010.

60      Min-naħa l-oħra, ir-Renju ta’ Spanja jqis li adotta l-miżuri kollha possibbli għall-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 91/1 u tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.

61      Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, ir-reġistrazzjoni tad-dejn relattiv għall-ħlas lura tal-għajnuna illegali inkwistjoni fl-iskeda tal-passiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD, dan l-Istat Membru jsostni li l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask għamlet diversi passi, deskritti fil-punt 23 tas-sentenza preżenti, għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ dan id-dejn.

62      Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, it-trasferiment tal-attività msemmija iktar ’il fuq, ir-Renju ta’ Spanja jammetti li din baqgħet għaddejja fil-binijiet ta’ CMD permezz ta’ Euskomenaje. Madankollu, dan l-Istat Membru jqis li ħa l-passi neċessarji sabiex itemm din l-attività.

63      Għal dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, il-bejgħ tal-attiv ta’ CMD, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, billi jirreferi għas-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, Ġabra p. I‑11483) li għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, huwa biżżejjed li jiġi rreġistrat fl-iskeda tal-passiv id-dejn relattiv għall-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni, filwaqt li l-bejgħ bi prezz tas-suq tal-attiv tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna ma huwiex għalhekk iktar meħtieġ.

64      Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-kredituri pubbliċi ma setgħux iħaffu l-istralċ ta’ CMD, peress li din kienet qed isseħħ taħt is-sorveljanza ta’ qorti u skont il-proċedura prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65      Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-Renju ta’ Spanja adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi verifikat jekk l-ammonti tal-għajnuna illegali inkwistjoni kinux tħallsu lura mill-impriżi benefiċjarji tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha tirrigwarda biss l-għajnuna mogħtija lil Indosa.

66      Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 228(2) KE, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont din id-dispożizzjoni hija dik ta’ meta jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa skont din id-dispożizzjoni (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑304/02, Ġabra p. I‑6263, punt 30; u tas-7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑369/07, Ġabra p. I‑5703, punt 43).

67      Peress li t-Trattat FUE elimina mill-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, l-istadju relatat mal-ħruġ ta’ opinjoni motivata, kif ġie rrilevat fil-punt 42 tas-sentenza preżenti, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha titqies bħala dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni maħruġa skont din id-dispożizzjoni.

68      F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lir-Renju ta’ Spanja, id-data ta’ riferiment imsemmija fil-punt preċedenti hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit f’din l-ittra, jiġifieri fit-22 ta’ Mejju 2010.

69      Issa, huwa paċifiku li, f’din id-data, l-għajnuna illegali inkwistjoni mogħtija lil Indosa ma kinitx ġiet irkuprata mingħand din tal-aħħar.

70      Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-imsemmija għajnuna għandha tiġi rkuprata mingħand CMD, kumpannija li kienet ġiet iddikjarata falluta fit-30 ta’ Ġunju 2008 wara li saret is-suċċessur ta’ Indosa, li min-naħa tagħha kienet iddikjarata falluta fid-19 ta’ April 1994.

71      Meta l-għajnuna mogħtija illegalment għandha tiġi rkuprata minn impriża fi stat ta’ falliment jew suġġetta għall-proċedura ta’ falliment fejn l-għan tagħha huwa li ssir il-likwidazzjoni tal-attiv u l-clearance tal-passiv, hija ġurisprudenza stabbilita li l-fatt li din l-impriża tkun f’diffikultà jew f’falliment ma jaffettwax l-obbligu ta’ rkupru (ara, b’mod partikolari, s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑280/05, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l‑istabbiliment mill-ġdid tas‑sitwazzjoni ta’ qabel u l‑eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill‑għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi d-dejn relatat mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata jiġi rreġistrat fl-iskeda tal-passiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 1986, IL‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, 52/84, Ġabra p. 89, punt 14; tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, msejħa “Tubemeuse”, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punti 60 sa 62; tad-29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/00, Ġabra p. I‑3925, punt 85, u tal-14 ta’ April 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑331/09, Ġabra p. I‑2933, punt 60).

73      F’dan il-każ, huwa paċifiku li kien biss fl-10 ta’ Ġunju 2010 li l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask ressqet talba sabiex id-dejn relattiv għall-ħlas lura tal-għajnuna illegali inkwistjoni jiġi rreġistrat fl-iskeda tal-passiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD, filwaqt li huwa ċċarat li din it-talba kienet tikkonċerna biss parti minima tal-għajnuna li l-ħlas lura tagħha kien ġie ordnat mid-Deċiżjoni 91/1. Sussegwentement, din it-talba kienet ġiet ikkoreġuta diversi drabi, fosthom l-aħħar waħda li ġiet ippreżentata fis-7 ta’ Diċembru 2011. Issa, dawn il-passi kollha ttieħdu wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali.

74      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li fit-22 ta’ Mejju 2010, li hija d-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, id-dejn relattiv għall-ħlas lura tal-għajnuna illegali inkwistjoni ma kienx ġie rreġistrat fl-iskeda tal-passiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax jallega li adotta, fit-terminu mogħti, il-miżuri kollha neċessarji għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.

76      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottax, fid-data li fiha skada t-terminu mogħti fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali mibgħuta mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 260(2) TFUE, il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, dwar b’mod partikolari, l-irkupru mingħand Indosa tal-għajnuna li skont id-Deċiżjoni  91/1 tqieset illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

VII –  Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

A –  Fuq il-pagamenti ta’ penalità

1.     L-argumenti tal-partijiet

77      Il-Kummissjoni tqis li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji f’dan il-każ huwa neċessarju, fid-dawl tal-fatt li l-attività li bbenefikat mill-għajnuna illegali inkwistjoni baqgħet għaddejja għal iktar minn 22 sena wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/1 permezz, l-ewwel nett, ta’ CMD u, it-tieni nett, ta’ Euskomenaje.

78      Għal dak li jirrigwarda l-iżviluppi li seħħew wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimiazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni tqis li dawn ma temmewx in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kif ikkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.

79      Filwaqt li tammetti li d-dejn relattiv għall-ħlas lura tal-għajnuna illegali inkwistjoni kien finalment ġie rreġistrat fl-iskeda tal-passiv wara d-digriet tal-4 ta’ April 2012 tal-Juzgado de lo Mercantil n° 2 de Bilbao, il-Kummissjoni tqis li l-attività msemmija iktar ’il fuq baqgħet għaddejja fil-binjiet ta’ CMD permezz ta’ Euskomenaje.

80      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-pjan ta’ stralċ ta’ CMD kien jipprevedi l-bejgħ tal-attiv tagħha lill-ex impjegati ta’ din tal-aħħar, li fil-frattemp ħolqu Euskomenaje sabiex ikomplu bl-attività ssusidjata. Għalkemm huwa minnu li l-approvazzjoni ta’ dan il-pjan ġiet annullata permezz ta’ digriet tal-Audiencia Provincial de Bizkaia tas-16 ta’ Jannar 2012, dan l-annullament ma jipproduċi l-ebda effett fuq l-użu attwali minn Euskomenaje tal-attiv ta’ CMD. Fil-fatt, l-amministraturi tal-proċedura ta’ falliment ta’ din il-kumpannija tal-aħħar awtorizzaw lil Euskomenaje sabiex tuża l-attiv tagħha b’mod provviżorju u gratwit.

81      Fir-rigward tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-Komunikazzjoni SEC(2005) 1658, tat-13 ta’ Diċembru 2005, dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 228 KE (ĠU 2007, C 126, p. 15), aġġornata fl-20 ta’ Lulju 2010 [SEC(2010) 923], il-Kummissjoni tipproponi li jiġi kkalkolat billi tiġi mmultiplikata somma bażika b’rata fissa b’koeffiċjent ta’ gravità ta’ 5 u b’koeffiċjent ta’ tul. Imbagħad, ir-riżultat miksub għandu jiġi mmultiplikat b’fattur li jieħu inkunsiderazzjoni kemm il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, kif ukoll in-numru ta’ voti li dan tal-aħħar għandu fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

82      F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 131 136 għal kull jum huma adatti għaċ-ċirkustanzi u huma pproporzjonat man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni kif ukoll għall-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat. Dan l-ammont huwa miksub bil-multiplikazzjoni ta’ somma bażika b’rata fissa ta’ EUR 640 għal kull jum, b’koeffiċjent ta’ gravità ta’ 5 fuq skala ta’ 1 sa 20 u b’koeffiċjent ta’ tul ta’ 3 fuq skala ta’ 1 sa 3 u, fl-aħħar nett, b’fattur fiss, imsejjaħ “fattur n” li jirrifletti l-kapaċità ta’ ħlas tar-Renju ta’ Spanja, jiġifieri 13.66.

83      Qabel kollox, fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandhom natura fundamentali. Barra minn hekk, l-irkupru tal-għajnuna illegali inkwistjoni ma kellux jiffaċċja problema maġġuri peress li dan l-irkupru kellu jsir biss mingħand kumpannija waħda biss. Imbagħad, għal dak li jikkonċerna t-tul tal-ksur, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppersista matul perijodu ta’ iktar minn 22 sena, jiġifieri min-notifika tad-Deċiżjoni 91/1. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-frekwenza tal-pagamenti ta’ penalità, il-Kummissjoni tqis li dan għandu jkun għal kull jum.

84      Ir-Renju ta’ Spanja jqis li ma hemmx lok li jiġu imposti sanzjonijiet pekunjarji f’dan il-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-iżviluppi intiżi sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 91/1 u tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, li seħħew wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali.

85      Fl-ewwel lok, il-passi meħuda mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tad-dejn relattiv għall-ħlas lura tal-għajnuna illegali inkwistjoni, kif deskritti fil-punt 23 tas-sentenza preżenti wasslu, b’mod partikolari, għad-digriet tal-4 ta’ April 2012, li permezz tiegħu il-Juzgado de lo Mercantil n° 2 de Bilbao aċċetta r-reġistrazzjoni favur din il-Komunità ta’ dejn li jammonta għal EUR 22 683 745 relattiv għall-ħlas lura tal-imsemmija għajnuna. Barra minn hekk, l-ammont tal-għajnuna kkonċernata huwa ta’ EUR 22 469 459 u mhux ta’ EUR 22 683 745 bil-kontra tal-istimi tal-Kummissjoni.

86      Fit-tieni lok, b’digriet tat-12 ta’ Jannar 2011, il-Juzgado de lo Mercantil n° 2 de Bilbao ordnat it-tmiem tal-attivitajiet ta’ CMD u l-għeluq tal-istabbilimenti kummerċjali tagħha. Il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask talbet ukoll lil din l-istess qorti, fit-3 ta’ Marzu 2011, tordna l-waqfien effettiv tal-attività eżerċitata minn Euskomenaje fil-binjiet ta’ CMD.

87      Fir-rigward tal-użu min-naħa ta’ Euskomenaje tad-drittijiet ta’ proprjetà industrijali ta’ Magefesa, li fosthom tinsab it-trade mark Magefesa, ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li l-pjan ta’ stralċ ta’ din il-kumpannija tal-aħħar jipprevedi l-għoti dirett ta’ dawn id-drittijiet lil Euskomenaje. Madankollu, il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask kienet opponiet dan il-pjan u kienet talbet l-iffriżar tal-użu ta’ dawn id-drittijiet. Din il-Komunità pproponiet ukoll li t-trasferiment tal-imsemmija drittijiet isiru skont proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u wara reklamar imxandar fil-livell tal-Unjoni. Madankollu, dawn il-proposti ma kellhom l-ebda riżultat.

88      Fit-tielet lok, filwaqt li jsostni li l-pjan oriġinali ta’ stralċ ta’ CMD, approvat mid-digriet tal-qorti nazzjonali kompetenti tat-22 ta’ Ġunju 2010, kien jipprevedi proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, bla kundizzjoni u trasparenti, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask appellat minn dan id-digriet. Issa, fis-16 ta’ Jannar 2012, dan ġie annullat mill-Audiencia Provincial de Bizkaia, li ordnat li l-likwidazzjoni tal-attiv ta’ CMD issir skont il-kundizzjonijiet ta’ sejħa għal offerti ħielsa u trasparenti.

89      Fi kwalunkwe każ, ir-Renju ta’ Spanja jqis, filwaqt li jirreferi għas-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, li sabiex juri li d-Deċiżjoni 91/1 u s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, ġew eżegwiti, huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li l-awtoritajiet nazzjonali wrew diliġenza sabiex id-dejn relattiv għall-għajnuna illegali inkwistjoni jiġi rreġistrat fl-iskeda tal-passiv.

90      Fir-rigward tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità propost mill-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li kien sproporzjonat. Dan l-Istat Membru jsostni, f’dan ir-rigward, li l-proċedura preżenti tirrigwarda biss waħda mill-kumpanniji tal-grupp Magefesa li bbenefikaw mill-imsemmija għajnuna. Għal din ir-raġuni, is-somma bażika b’rata fissa kellha tikkorrispondi għal kwart mis-somma f’daqqa fissa proposta mill-Kummissjoni, jiġifieri EUR 160 għal kull jum.

91      Barra minn hekk, peress li l-għajnuna illegali inkwistjoni kienet ingħatat minn Komunità awtonoma li kienet tirrappreżenta 6.24 % tal-prodott gross domestiku Spanjol (iktar ’il quddiem il-“PGD”) u peress li d-dritt nazzjonali jobbliga lill-Gvern Spanjol jgħaddi s-sanzjonijiet eventwalment imposti fis-sentenza preżenti lill-entitajiet infrastatali responsabbli minn nuqqas ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni, is-somma bażika b’rata fissa għandha tkun iffissata, skont l-Istat Membru, għal EUR 9.98 għal kull jum, li tikkorrispondi għall-multiplikazzjoni tas-somma ta’ EUR 160 għal 6.24 %.

92      Għal dak li jikkonċerna l-koeffiċjent tal-gravità tal-ksur, l-imsemmi Stat Membru jipproponi li jkun iffissat għal 1, peress li l-awtoritajiet nazzjonali għamlu dak kollu li huwa possibbli sabiex jeżegwixxu s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq. Barra minn hekk, l-ammont tal-bejgħ imwettaq minn Indosa, CMD u Euskomenaje bejn is-sena 1986 u s-sena 2010 naqas, f’termini reali, b’77.7 %, filwaqt li l-persunal li baqa’ kien bil-kemm jirrappreżenta 3.3 % ta’ dak li kien hemm fis-sena 1986. Il-parti tas-suq rilevanti li kellha Indosa fl-2002 kienet ħafna iktar b’saħħitha minn dak li kellha Euskomenaje fl-2010, billi dik il-parti naqset minn 8.4 % għal 4.1 %. Din id-data kienet turi t-tnaqqis sinjifikanti tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni dovuta għall-fatt li l-attività inkwistjoni tkompliet minn Euskomenaje.

93      Għal dak li jirrigwarda l-koeffiċjent relattiv għat-tul tal-ksur, dan għandu jiġi ffissat għal 1 peress li f’dan il-każ dan għandu jiġi evalwat, skont ir-Renju ta’ Spanja, fid-dawl tat-tul medju tal-proċeduri ta’ fallimenti f’dan il-pajjiż, jiġifieri 1 114-il jum.

94      Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja jipproponi ammont ta’ EUR 136.33 għall-kull jum bħala l-pagamenti ta’ penalità.

95      Għal dak li jirrigwada l-frekwenza tal-pagamenti ta’ penalità, l-imsemmi Stat Membru jsostni li din ma għandhiex tkun somma għal kull jum, iżda somma kull tliet xhur peress li skont id-dritt nazzjonali, l-amministraturi maħtura mill-qorti jippreżentaw ir-rapporti tagħhom kull tliet xhur.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a)     Osservazzjonijiet preliminari

96      Peress li kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja ma kkonformax ruħu, fit-terminu mogħti fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi fuq dan l-Istat Membru l-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità sa fejn dan il-ksur jippersisti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Għaldaqstant huwa importanti li jiġi vverifikat jekk dan huwiex il-każ.

b)     Fuq il-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

98      Sabiex jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa akkużat bih ir-Renju ta’ Spanja baqax għaddej sal-eżami tal-fatti tal-każ mill-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu evalwati l-miżuri li, skont dan l-Istat Membru, ġew adottati sussegwentement għat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali.

99      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, hekk kif sar fil-punt 72 tas-sentenza preżenti, li fil-każ li l-impriża benefiċjarja tal-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni tkun ġiet iddikjarata falluta, l‑istabbiliment mill-ġdid tas‑sitwazzjoni ta’ qabel u l‑eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill‑għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi d-dejn relatat mal-ħlas lura ta’ tali għajnuna jiġi rreġistrat fl-iskeda tal-passiv.

100    F’dan il-każ, fl-10 ta’ Ġunju 2010, il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask talbet ir-reġistrazzjoni ta’ dejn ta’ EUR 16 828.34 relattiv għall-ħlas lura tal-għajnuna illegali inkwistjoni. Peress li dan l-ammont kien manifestament inferjuri għat-totalità tal-għajnuna kkonċernata, din il-Komunità kkoreġietu diversi drabi, fejn fl-aħħar dikjarazzjoni tas-7 ta’ Diċembru 2011, dan l-ammont ammonta għal EUR 22 683 745, somma li tikkorrispondi għall-istimi tad-dejn inkwistjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal-Juzgado de lo Mercantil n° 2 de Bilbao tal-4 ta’ April 2012, dan id-dejn ġie rreġistrat fil-passiv ta’ CMD bl-ammont ta’ din is-somma ta’ aħħar.

101    Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi tal-aħħar, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-allegazzjoni tar-Renju ta’ Spanja li l-ammont tal-għajnuna kkonċernata huwa ta’ EUR 22 469 459 u mhux ta’ EUR 22 683 745.

102    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li d-dejn relattiv għall-ħlas lura tal-għajnuna illegali inkwistjoni ġie rreġistrat fl-iskeda tal-passiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment li tikkonċerna lil CMD.

103    Madankollu,, u bil-kontra għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, dan il-fatt fih innisfu ma huwiex biżżejjed sabiex jissodisfa l-obbligu ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.

104    Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet repetutament, ir-reġistrazzjoni tad-dejn relattiv għall-għajnuna kkonċernata fl-iskeda tal-passiv ma tissodisfax l-obbligu ta’ rkupru ħlief jekk, fil-każ li l-awtoritajiet tal-Istat ma jkunux jistgħu jirkupraw l-ammont kollu tal-għajnuna, il-proċedura ta’ falliment twassal għall-istralċ tal-impriża benefiċjarja tal-għajnuna illegali, jiġifieri għall-waqfien definittiv tal-attività tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punti 14 u 15; Il-Kummissjoni vs Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 63 sa 65, kif ukoll tat-13 ta’ Ottubru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑454/09, punt 36).

105    F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li l-irkupru tal-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni għandu l-għan li jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv li l-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna bbenefika minnu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, u b’hekk jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni ta’ qabel il‑ħlas tal-imsemmija għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ April 1995, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑348/93, Ġabra. p. I‑673, punt 27, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

106    Issa, meta l-impriża benefiċjarja tal-għajnuna illegali tkun falluta, u kumpannija nħolqot sabiex tkompli parti mill-attivitajiet ta’ din l-impriża falluta, it-tkomplija ta’ din l-attività, mingħajr ma l-għajnuna kkonċernata tkun ġiet irkuprata kollha kemm hi, tista’ tkompli ttawwal id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv li din il-kumpannija tkun ibbenefikat minnu fis-suq meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Għaldaqstant, tali kumpannija maħluqa b’dan il-għan tista’, jekk dan il-vantaġġ jippersisti favuriha, tkun obbligata tirrimborsa l-għajnuna inkwistjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta jiġi stabbilit li din il-kumpannija għadha effettivament tgawdi minn dan il-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju ta’ din l-għajnuna, b’mod partikolari, meta din tipproċedi għall-akkwist tal-attiv tal-kumpannija fi stralċ mingħajr ma tħallas, inkambju, prezz skont il-kundizzjonijiet tas-suq jew meta jiġi stabbilit li l-ħolqien ta’ tali kumpannija kellu l-effett li jiġi evitat l-obbligu li titħallas lura tal-imsemmija għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86). Dan jgħodd, b’mod partikolari, meta l-ħlas ta’ prezz konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq ma jkunx biżżejjed sabiex jinnewtralizza l-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuna illegali.

107    F’tali każ, ir-reġistrazzjoni tad-dejn relattiv għall-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni fl-iskeda tal-passiv ma hijiex biżżejjed, weħedha, sabiex telimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa b’dan il-mod.

108    Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma humiex kontradetti mis-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, minn din is-sentenza ma jirriżultax li, sakemm id-dejn relattiv għall-għajnuna inkwistjoni kien irreġistrat fl-iskeda tal-passiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna, dan tal-aħħar seta’ jkompli bl-attività tiegħu, minkejja li din l-għajnuna ma kinitx irkuprata kollha kemm hi.

109    Fil-punt 68 tas-sentenza preżenti ġie kkonstatat li, f’dan il-każ, l-għajnuna illegali inkwistjoni ma kinitx ġiet effettivament irkuprata. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-data tal-eżami tal-fatti tal-każ mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju ta’ din l-għajnuna ppersista.

110    F’dan ir-rigward, diversi dokumenti fil-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja juru li Euskomenaje għadha effettivament tgawdi minn dan il-vantaġġ. Fil-fatt, l-iżviluppi li seħħew sussegwentement fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD jissuġġerixxu li dawn kellhom l-għan li jiżguraw is-sostennibbiltà tal-attività ssussidjata, u dan minkejja li l-għajnuna illegali inkwistjoni ma kinitx ġiet irkuprata kollha kemm hi.

111    B’mod partikolari, mill-proċess jirriżulta li:

–        il-pjan ta’ stralċ ta’ CMD, approvat minn digriet tat-22 ta’ Ġunju 2010 tal-Juzgado de lo Mercantil n° 2 de Bilbao, kien essenzjalment jipprovdi li l-attiv kollu ta’ din il-kumpannija kien ser jinbiegħ f’daqqa lill-kredituri tagħha, liema kredituri kienu, fil-parti l-kbira tagħhom, l-ex impjegati tagħha, permezz ta’ kumpens parzjali tad-dejn fil-konfront tagħhom, għalkemm id-dejn relattiv għall-għajnuna illegali inkwistjoni dak iż-żmien ma kienx jidher fost id-dejn kollu rrikonoxxut;

–        ftit qabel l-approvazzjoni ta’ dan il-pjan Euskomenaje, li l-attività tagħha hija essenzjalment identika għal dik eżerċitata sa dak iż-żmien minn CMD, kienet preċiżament għadha kif inħolqot minn ex impjegati ta’ din tal-aħħar;

–        il-pjan ta’ stralċ ta’ CMD kellu “ċarament l-għan li l-attività titkompla permezz ta’ ħolqien ta’ kumpannija ġdida li ma kinitx ser tassumi r-responsabbiltà tad-dejn ta’ CMD”, kif jirriżulta minn ittra mibgħuta fis-17 ta’ Frar 2011 mill-Gvern Bask lill-President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Euskomenaje;

–        Euskomenaje tuża l-proprjetà industrijali ta’ Magefesa, fosthom it-trade mark Magefesa tagħha, li kienet ingħatatilha b’mod dirett, jiġifieri mingħajr sejħa għal offerti u migħajr ebda korrispettiv, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ittri tas-17 ta’ Frar 2010 u tal-10 ta’ Marzu 2011 indirizzata mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask lill-Juzgado de Primera Instancia n° 10 de Bilbao;

–        l-oppożizzjoni tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask għall-għoti msemmi iktar ’il fuq, ma ntlaqgħatx;

–        minkejja li, fuq appell ippreżentat mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask wara li ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja, il-pjan ta’ stralċ ta’ CMD ġie annullat b’digriet tas-16 ta’ Jannar 2012 tal-Audiencia Provincial de Bizkaia, l-amministraturi tal-proċedura ta’ falliment ta’ din il-kumpannija kienu fil-frattemp awtorizzaw it-trasferiment provviżorju tal-attiv tagħha lil Euskomenaje sa ma tintemm il-proċedura ta’ stralċ ta’ CMD u dan mingħajr ebda korrispettiv, mingħajr reklamar, mingħajr trasferiment tat-titoli ta’ proprjetà u “bil-kontra tal-prinċipji elementari ta’ ġestjoni ta’ proċedura ta’ falliment”, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ittra msemmija fit-tielet inċiż ta’ dan il-punt;

–        minkejja d-digriet tat-12 ta’ Jannar 2011 li ddeċieda li l-attività ta’ CMD kellha ttemm u li l-istabbilimenti tagħha kellhom jagħlqu, Euskomenaje kompliet timmanifattura prodotti tad-dar fil-faċilitajiet ta’ CMD, filwaqt li tuża l-proprjetà immobbli tagħha, il-makkinarju tagħha u l-proprjetà industrijali, kif jirriżulta mit-talba mressqa fit-3 ta’ Marzu 2011 mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask quddiem il-Juzgado de lo mercantil n° 2 de Bilbao, intiża preċiżament sabiex tintemm l-attività ta’ Euskomenaje li baqgħet għaddejja fil-faċilitajiet ta’ CMD.

112    Fid-dawl ta’ dawn id-dokumenti fil-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi konkluż li l-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-għajnuna illegali għadu jippersisti, b’tali mod li r-reġistrazzjoni li saret fil-frattemp tad-dejn relattivi għall-irkupru tal-għajnuna illegali inkwistjoni fl-iskeda tal-passiv, ma hijiex biżżejjed sabiex ir-Renju ta’ Spanja jikkonforma ruħu mad-Deċiżjoni 91/1 u mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.

113    Fid-dawl kollu ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li akkużat bih ir-Renju ta’ Spanja baqa’ għaddej sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l‑kundanna tar-Renju ta’ Spanja għall-pagamenti ta’ penalità tikkostitwixxi mezz finanzjarju adegwat sabiex dan jiġi mħeġġeġ jadotta l‑miżuri neċessarji sabiex itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni kompluta tad‑Deċiżjoni 91/1 kif ukoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.

c)     Fuq l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità

i)     Osservazzjonijiet preliminari

115    Għandu jitfakkar li huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li f’kull kawża tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, is-sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu imposti (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86, u tal-14 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑177/04, Ġabra p. I‑2461, punt 58).

116    Għalhekk, il-proposti tal-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss bażi ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, il-linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mibdija minn din l-istituzzjoni (ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑70/06, Ġabra p. I‑1, punt 34, u tas-7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112).

117    Fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali sanzjoni għandha tiġi stabbilita skont il-grad ta’ persważjoni meħtieġ sabiex l-Istat Membru kkonċernat jeżegwixxi s-sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u jbiddel l-aġir tiegħu b’tali mod li jtemm il-ksur li jkun instab ħati tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91).

118    Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha fil-qasam, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq tat-12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 103, u tal-14 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 61).

119    B’hekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura repressiva tal-pagamenti ta’ penalità fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, it-tul tal-ksur, il-grad ta’ gravità tiegħu, u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi pubbliċi u privati kif ukoll l-urġenza sabiex l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 104; tal-14 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 62, u Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 39).

ii)  Fuq it-tul tal-ksur

120    It-tul tal-ksur għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux dak meta l-Kummissjoni tressaq il-każ quddiemha (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-14 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 71, u Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 45).

121    F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li r-Renju ta’ Spanja ma setax juri li n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tiegħu li jeżegwixxi għal kollox is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, effettivament intemm, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan in-nuqqas ilu għaddej għal iktar minn għaxar snin, u dan jikkostitwixxi tul ta’ żmien eċċezzjonalment twil.

122    Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi kkunsidrat li, mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/1 sad-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-fatt, għaddew iktar minn 22 sena.

123    Tali tul huwa iktar ikkritikat f’dan il-każ minħabba l-fatt li n-numru ta’ benefiċjarji tal-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni mid-Deċiżjoni 91/1 kien żgħir, li dawn kienu identifikati b’isimhom f’din id-deċiżjoni kif ukoll fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, u li s-somom eżatti li kellhom jiġu rkuprati kienu kkjarifikati f’din id-deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja ma kellhiex tiltaqa’ ma diffikultajiet maġġuri.

124    It-tul medju tal-proċedura ta’ falliment, invokat mir-Renju ta’ Spanja sabiex jispjega d-dewmien tiegħu għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, lanqas ma jista’ jiġġustifika tali dewmien fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li dan l-Istat Membru ħa passi serji sabiex itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni biss ftit żmien qabel id-data li l-Kummissjoni ressqet il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u anki, fil-parti l-kbira tagħhom, wara din id-data, kif jirriżulta mill-punti 23 sa 30 tas-sentenza preżenti.

iii)  Fuq il-gravità tal-ksur

125    Għal dak li jirrigwarda l-gravità tal-ksur, għandha titfakkar in-natura fundamentali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 118).

126    Fil-fatt, ir-regoli li fuqhom hija bbażata kemm id-Deċiżjoni 91/1 kif ukoll is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, huma l‑espressjoni ta’ waħda mill-missjonijiet ewlenin mogħtija lill-Unjoni mill-Artikolu 3(3) TUE, jiġifieri l-istabbiliment ta’ suq intern kif ukoll mill‑Protokoll Nru 27 dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni li skont l‑Artikolu 51 TUE, jagħmel parti integrali tat-Trattati u li jipprovdi li s-suq intern jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta (ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

127    L-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni miksura f’każ bħal dan il-każ ineżami tirrifletti b’mod partikolari fil-fatt li, permezz tar-rimbors tal-għajnuna ddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv miksub minnha u li, b’dan il-ħlas lura, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li bbenefika minnu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq tal-4 ta’ April 1995, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, punt 22, u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 75).

128    Għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, ġiet eżegwita sa fejn tikkonċerna tliet kwarti mill-benefiċjarji tal-għajnuna illegali msemmija mid-Deċiżjoni 91/1. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-għajnuna mogħtija lil Indosa kienet tikkostitwixxi biss madwar wieħed minn ħamsa tat-totalità tal-għajnuna li kienet is-suġġett ta’ din id-deċiżjoni u tas-sentenza, Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq.

129    Madankollu, ma huwiex ikkontestat li ebda parti mill-għajnuna mogħtija lil Indosa ma għadha ġiet irkuprata sad-data preżenti.

130    Barra minn hekk, minkejja li reċentement ħafna r-Renju ta’ Spanja ħa passi li juru rieda serja li jtemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, huwa paċifiku li dawn il-passi saru biss ftit żmien qabel id-data li fiha ġiet adita l-Qorti tal-Ġustizzja u anki, għall-parti l-kbira tagħhom, wara din id-data. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru ma wriex id-diliġenza meħtieġa matul in-numru kbir tas-snin.

iv)  Fuq il-kapaċità ta’ ħlas tar-Renju ta’ Spanja

131    Għal dak li jikkonċerna l-kapaċità ta’ ħlas tar-Renju ta’ Spanja, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-inflazzjoni u tal-PGD ta’ dan l-Istat Membru kif kienet fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

132    F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi aċċettat l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jipprovdi li l-kapaċità ta’ ħlas għandha, f’dan il-każ, tirrifletti dik tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask u mhux dik tal-Istat Membru bħala tali. Huwa biżżejjed li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-fatt li Stat Membru ħalla f’idejn ir-reġjuni tiegħu sabiex jimplementaw l-irkupru ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq komuni ma jista’ jkollu ebda effett fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 260 TFUE. Fil-fatt, għalkemm kull Stat Membru huwa liberu li jqassam, kif jixtieq huwa, l-kompetenzi tas-setgħa ċentrali u reġjonali fil-livell nazzjonali, xorta jibqa’ l-fatt li, skont dan l-istess artikolu, huwa jibqa’ l-uniku wieħed responsabbli, fil-konfront tal-Unjoni, għall-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, fir-rigward tal-Artikolu 226 KE, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2004, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑87/02, Ġabra p. I-5975, punt 38).

v)     Fuq il-frekwenza tal-pagamenti ta’ penalità

133    Fir-rigward tal-frekwenza tal-pagamenti ta’ penalità, l-Istat Membru konvenut għandu jiġi impost pagamenti ta’ penalità għal kull jum.

134    F’dan ir-rigward, it-talba tar-Renju ta’ Spanja sabiex il-pagamenti ta’ penalità jiġu imposti fuq bażi ta’ tliet xhur ma tistax tintlaqa’, fid-dawl minn naħa, tat-tul estremament twil tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u, min-naħa l-oħra, tal-ħtieġa urġenti li dan jintemm immedjatament.

vi)  Konklużjoni

135    Fid-dawl ta’ dan li ntqal, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità għall-ammont ta’ EUR 50 000 għal kull jum hija xierqa.

136    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-Renju ta’ Spanja għandu jiġi kkundannat iħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni”, pagamenti ta’ penalità għal ammont ta’ EUR 50 000 għal kull jum ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, mid-data li fiha tingħata s-sentenza preżenti u sad-data tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja.

B –  Fuq is-somma f’daqqa

1.     L-argumenti tal-partijiet

137    Għall-kalkoku tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi applikat il-metodu li jikkonsisti f’li jiġi identifikat ammont bażiku ffissat għal EUR 210 għal kull jum, immultipplikat, l-ewwel nett, b’koeffiċjent ta’ gravità u “fattur n”, li l-valuri tagħhom huma identiċi għal dawk proposti għall-kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità (5 u 13.66 rispettivament), u t-tieni nett, bin-numru ta’ ġranet li matulhom in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu baqa’ għaddej. Għaldaqstant, l-ammont tas-somma f’daqqa għandu jkun ugwali għar-riżultat tal-multiplikazzjoni ta’ EUR 14 343 bin-numru ta’ ġranet li għaddew bejn id-data tal-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq u dik tal-eżekuzzjoni, mill-Istat Membru, tal-obbligi tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ din, dik ta’ meta tingħata s-sentenza preżenti.

138    Billi jibbaża ruħu fuq l-istess argumenti bħal dawk invokati fir-rigward tal-pagamenti ta’ penalità, ir-Renju ta’ Spanja jipproponi li l-ammont bażiku tas-somma f’daqqa jiġi diviż b’erbgħa sabiex jirrifletti l-fatt li l-eżekuzzjoni tas-sentenza twettqet għal dak li jikkonċerna tliet kwarti mill-benefiċjarji tal-għajnuna illegali inkwistjoni u, imbagħad, immultiplikat b’6.24 % sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan in-numru jikkorrispondi għall-parti tal-Pajjiż Bask fil-PGD Spanjol. L-ammont bażiku jkun għalhekk ta’ EUR 3.28. Sussegwentement għandu jiġi applikat l-istess koeffiċjent ta’ gravità u l-istess fattur “n” li dan jipproponi għall-pagamenti ta’ penalità. Għaldaqstant, l-ammont tal-imsemmija somma f’daqqa għandu jkun ugwali għar-riżultat tal-multiplikazzjoni ta’ EUR 44.80 bin-numru ta’ ġranet li matulhom baqa’ għaddej in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

139    Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-perijodu bejn id-data li fiha tressqet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li huwa qajjem f’din il-kawża u d-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar din l-eċċezzjoni jitnaqqas, għall-finijiet tal-kalkolu tas-somma f’daqqa, min-numru ta’ ġranet li matulhom baqa’ għaddej in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

140    Għandu jitfakkar, preliminarjament, li fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha fil-qasam ikkunsidrat il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi, b’mod kumulattiv, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 143).

141    L-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa għandha, f’kull każ, tibqa’ ssir skont l-elementi rilevanti kollha li jkollhom x’jaqsmu kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċeduri mibdija abbażi tal-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li timponi tali sanzjoni jew le (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 144).

142    Fil-kawża preżenti, l-elementi legali u fattwali kollha li wasslu għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-ripetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħal dik tal-impożizzjoni tas-somma f’daqqa.

143    F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li tiffissa l-ammont tas-somma f’daqqa b’tali mod li hija tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll għall-kapaċità ta’ ħlas tal-Ista Membru kkonċernat (sentenza tas- 7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 146).

144    Fost il-fatturi kollha rilevanti f’dan ir-rigward, jinsabu elementi bħall-perijodu li matulu n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jkun akkużat bih l-Istat Membru jkun ippersista mis-sentenza li kkonstatatu u l-gravità tal-ksur (ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94).

145    Il-fatti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jirriżultaw b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijet li jinsabu fil-punti 120 sa 130 tas-sentenza preżenti, relattivi għat-tul u għall-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Ġie għalhekk ikkonstatat, minn naħa, li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ilu għaddej għal iktar minn għaxar snin sa mid-data tal-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll għal iktar minn 22 sena fid-dawl tad-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 91/1 u, min-naħa l-oħra, li l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza ma kellhiex tiltaqa’ ma diffikultajiet maġġuri, peress li n-numru ta’ benefiċjarji tal-għajnuna illegali inkwistjoni kien żgħir, li huma kienu identifikati b’isimhom u li s-somom li kellhom jiġu rkuprati kienu kkjarifikati f’din id-deċiżjoni.

146    Għal dak li jirrigwarda t-talba tar-Renju ta’ Spanja msemmija fil-punt 139 tas-sentenza preżenti, din ma tistax tintlaqa’ peress li l-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn dan l-Istat Membru fil-kawża preżenti ma għandha l-ebda relazzjoni mat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li r-renju ta’ Spanja huwa akkużat bih.

147    Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-każ billi tistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa li r-Renju ta’ Spanja għandu jħallas għal EUR 20 miljun.

148    Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja għandu jiġi kkundannat iħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 20 miljun.

VIII –  Fuq l-ispejjeż

149    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Ir-Renju ta' Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regoli, li jipprovdi li Stati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, għandu jiġi deċiż li r-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi ma adottatx, fid-data li fiha skada t-terminu mogħti fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali maħruġa fit-18 ta’ Marzu 2010 mill-Kummissjoni Ewropea skont l‑Artikolu 260(2) TFUE, il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑499/99) dwar, b’mod partikolari, l-irkupru mingħand Industrias Domésticas SA tal-għajnuna li, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/1/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1989, dwar l-għajnuna mogħtija fi Spanja mill-Gvern ċentrali u minn diversi Gvernijiet awtonomi lil MAGEFESA, produttriċi ta’ oġġetti tal-kċina magħmula mill-azzar li ma jissaddadx u ta’ strumenti elettriċi żgħar għad-dar, tqieset illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat iħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fuq il-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, pagamenti ta’ penalità għal ammont ta’ EUR 50 000 għal kull jum ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mal-imsemmija sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja, mid-data li fiha tingħata s-sentenza preżenti u sad-data tal-eżekuzzjoni tal-istess sentenza Il‑Kummissjoni vs Spanja.

3)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat iħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fuq il-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 20 miljun.

4)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

5)      Ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.