Language of document : ECLI:EU:C:2015:11

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

15 ta’ Jannar 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 1008/2008 — Servizzi bl-ajru — It-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) — Trasparenza tal-prezzijiet — Sistema ta’ riżervazzjoni elettronika — Tariffi tal-passiġġieri — Indikazzjoni tal-prezz definittiv f’kull ħin”

Fil-Kawża C‑573/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Novembru 2013, fil-proċedura

Air Berlin plc & Co. Luftverkehrs KG

vs

Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e. V.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President ta’ Awla, C. Vajda (Relatur), A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Air Berlin plc & Co. Luftverkehrs KG, minn M. Knospe u A. Walz, avukati,

–        għall-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e. V., minn P. Wassermann, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u T. Materne, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU 2008 L 293, p. 3).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Air Berlin plc & Co. Luftverkehrs KG (iktar ʼil quddiem “Air Berlin”), trasportatur bl-ajru, u l-Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e. V., (unjoni federali ta’ ċentri u assoċjazzjonijiet ta’ konsumaturi, iktar ʼil quddiem il-“Bundesverband”) dwar il-metodu ta’ preżentazzjoni tat-tariffi tal-passiġġieri fil-kuntest ta’ sistema ta’ riżervazzjoni elettronika ta’ Air Berlin.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1008/2008 hija redatta kif ġej:

“Il-klijenti għandhom ikunu jistgħu jqabblu b’mod effettiv il-prezzijiet għal servizzi ta’ l-ajru bejn linja ta’ l-ajru u oħra. Għalhekk, għandu dejjem ikun indikat il-prezz finali li jrid jitħallas mill-klijent għal servizzi ta’ l-ajru li joriġinaw fil-Komunità, inklużi t-taxxi, l-ħlasijiet u d-drittijiet kollha. It-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji huma mħeġġin ukoll jindikaw il-prezz finali għas-servizzi ta’ l-ajru tagħhom minn pajjiżi terzi lejn il-Komunità.”

4        Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 1008/2008 jirregola l-liċenzji tat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni Ewropea, id-dritt tat-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni li joperaw servizzi bl-ajru fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-ipprezzar tas-servizzi bl-ajru fi ħdan l-Unjoni.

5        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

[...]

4)      ‘servizz ta’ l-ajru’ tfisser titjira jew serje ta’ titjiriet li jġorru passiġġieri, tagħbija u/jew posta bi ħlas u/jew b’kiri;

[...] 

18)      ‘nollijiet ta’ l-ajru’ tfisser il-prezzijiet espressi f’euro jew f’muniti lokali li jkollhom jitħallsu lit-trasportaturi ta’ l-ajru jew lill-aġenti tagħhom jew lil bejjiegħa oħra tal-biljetti għat-trasport ta’ passiġġieri fuq servizzi ta’ l-ajru u kwalunkwe kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra;

[...]”

6        L-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1008/2008, intitolat “Informazzjoni u non-diskriminazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“In-nollijiet ta’ l-ajru u r-rati ta’ l-ajru disponibbli għall-pubbliku in ġenerali għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet applikabbli meta offruti jew pubblikati taħt kull forma, anke fuq l-Internet, għal servizzi bl-ajru minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għaliħ japplika t-Trattat. Il-prezz finali li għandu jitħallas għandu jkun indikat dejjem u għandu jinkludi n-noll jew ir-rata ta’ l-ajru applikabbli kif ukoll it-taxxi kollha applikabbli, u l-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u l-drittijiet li ma jistgħux jiġu evitati u li jkunu prevedibbli fil-ħin tal-pubblikazzjoni. Minbarra l-indikazzjoni tal-prezz finali, għandu jkun speċifikat għall-inqas dan li ġej:

a)      in-noll ta’ l-ajru jew ir-rata ta’ l-ajru;

b)      it-taxxi;

ċ)      il-ħlasijiet ta’ l-ajruport; u

d)      ħlasijiet, ħlasijiet addizzjonali jew drittijiet oħrajn, bħal dawk marbutin mas-sigurtà jew il-karburant;

fejn il-punti elenkati taħt (b), (ċ) u (d) jkunu żdiedu man-noll ta’ l-ajru jew ir-rata ta’ l-ajru. Is-supplimenti tal-prezz fakultattivi għandhom jiġu komunikati b’mod ċar, trasparenti u mingħajr ambigwità fil-bidu ta’ kull proċess ta’ prenotazzjoni u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-klijent għandha tkun fuq bażi ‘opt-in’.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        Sal-aħħar tas-sena 2008, is-sistema ta’ riżervazzjoni ta’ Air Berlin kienet iddisinjata b’tali mod li, wara li tkun għażlet vjaġġ u data, il-klijent kien jikseb, fit-tieni stadju, tabella li telenka l-konnessjonijiet bl-ajru possibbli għall-jum magħżul, li fiha kien ikun hemm il-ħin tat-tluq u tal-wasla kif ukoll żewġ tariffi għal kull titjira. Kaxxa taħt din it-tabella kienet tindika t-taxxi u l-imposti applikabbli għas-servizz bl-ajru magħżul kif ukoll il-ħlas addizzjonali dovut għall-pitrolju, kif ukoll il-“prezz għal kull persuna” li jinkludi dawn l-elementi kollha. Asterisk doppju wara l-imsemmija kaxxa kienet tispjega li, inkonnessjoni mal-kundizzjonijiet applikabbli, jistgħu jkunu applikabbli spejjeż tal-ipproċessar, jiġifieri s-“service charge”, li ma hijiex inkluża fil-prezz definittiv. Wara li jkun inserixxa l-informazzjoni personali neċessarja matul it-tielet stadju, il-klijent seta’ jikseb konjizzjoni, fir-raba’ stadju, tal-prezz definittiv tal-vjaġġ bl-ispejjeż tal-ipproċessar inklużi.

8        Minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1008/2008, l-1 ta’ Novembru 2008, Air Berlin biddlet it-tieni stadju tas-sistema ta’ riżervazzjoni tagħha b’mod li jkunu jidhru fl-imsemmija tabella, minbarra l-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, it-tariffa tal-passiġġieri applikabbli għas-servizz bl-ajru magħżul, kif ukoll, separatament, it-taxxi u l-imposti, il-ħlas addizzjonali dovut għall-pitrolju u l-ammont totali ta’ dawn l-elementi msemmija separatament. Kaxxa taħt l-istess tabella kienet tindika l-prezz ikkalkolat abbażi ta’ din l-informazzjoni, l-ispejjeż tal-ipproċessar kif ukoll, fil-qiegħ, il-prezz definittiv għal kull persuna għat-titjira magħżula.

9        Peress li kkunsidrat li din il-preżentazzjoni tal-prezzijiet ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, il-Bundesverband ippreżenta kawża kontra Air Berlin fejn talab il-waqfien ta’ din il-prattika u r-rimbors tal-ispejjeż għall-intimazzjoni marbuta ta’ din il-kawża. Peress li l-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talba tal-Bundesverband, u s-sentenza ta’ dan tal-aħħar ġiet ikkonfermata fl-appell, Air Berlin ippreżentat rikors għal “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju.

10      Skont il-qorti tar-rinviju, l-eżitu ta’ dan ir-rikors għal “Reviżjoni” jiddependi fuq l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008.

11      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, bħall-qorti tal-appell, li l-ispejjeż tal-ipproċessar bħal dawk riċevuti minn Air Berlin jikkostitwixxu remunerazzjoni inevitabbli u prevedibbli fid-data tal-pubblikazzjoni, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, u għandhom għaldaqstant jiġu inklużi fil-prezz definittiv preċiż.

12      Madankollu, fir-rigward tas-sistemi ta’ riżervazzjoni elettroniċi bħal dawn inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tidentifika żewġ problemi separati fl-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, li jirrigwardaw rispettivament il-mument speċifiku li fih għandu jiġi speċifikat il-prezz definittiv tas-servizzi bl-ajru matul il-proċedura ta’ riżervazzjoni u l-metodu ta’ preżentazzjoni ta’ dan il-prezz definittiv.

13      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-mument speċifiku li fih għandu jiġi speċifikat il-prezz definittiv tas-servizzi bl-ajru matul il-proċedura ta’ riżervazzjoni, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-qorti tal-appell iddeċidiet li Air Berlin, fid-dawl tal-metodu kif hija indikat it-tariffa tal-passiġġieri fis-sistema ta’ riżervazzjoni tagħha, kisret it-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008. Fil-fatt, il-qorti tal-appell ikkunsidrat li din id-dispożizzjoni, li tipprovdi li l-prezz definittiv li għandu jitħallas għandu jiġi speċifikat “dejjem”, għandha tinftiehem fis-sens li l-prezz definittiv għandu jkun jidher kull darba li jiġi indikat prezz. Għalhekk, il-qorti tal-appell ikkunsidrat li din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfatta meta tabella sempliċement tindika l-prezz tat-titjiriet differenti li jikkorrispondu għall-kriterji tal-għażla magħżula mill-klijent, mingħajr ma tinkludi l-ispejjeż tal-ipproċessar jew tindika dawn l-aħħar imsemmija spejjeż b’mod separat.

14      Skont il-qorti tar-rinviju, hemm lok li jittieħed kont tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi segwiti mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, li jirriżulta mill-premessa 16 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni u t-titolu ta’ dan l-artikolu, li jiżgura l-informazzjoni u t-trasparenza tal-prezzijiet tas-servizzi bl-ajru (sentenza ebookers.com Deutschland, C‑112/11, EU:C:2012:487, punt 13). Skont l-imsemmija premessa 16, din it-trasparenza tariffarja għandha tippermetti lill-klijenti l-possibbiltà ta’ tqabbil effettiv tal-prezz tas-servizzi bl-ajru pprattikati mit-trasportaturi bl-ajru differenti. L-imsemmi Artikolu 23 ġie introdott sabiex tiġi miġġielda l-prattika l-antika tal-fornituri tas-servizzi bl-ajru li kienet tikkonsisti fil-pubblikazzjoni tat-tariffi mingħajr taxxa, imposti u ħlasijiet addizzjonali għall-karburant [ara l-paġna 10 tal-Proposta COM(2006) 396 finali għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru fil-Komunità, ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll il-punti 8.1 u 8.4 tal-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-31 ta’ Mejju 2007, fuq din il-proposta (ĠU C 175, p. 85)].

15      Il-Qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li la l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 u lanqas kull dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jirregolaw fid-dettall il-kwistjoni dwar f’liema mument għandu jiġi speċifikat il-prezz. Madankollu, ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-ħlasijiet addizzjonali tal-prezz fakultattivi għandhom jiġu kkomunikati “fil-bidu ta’ kull proċess ta’ prenotazzjoni”. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura tqabbil effettiv tal-prezz timmilita favur interpretazzjoni tal-kelma “dejjem” li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 inkonnessjoni mal-kelma “dejjem” użata fil-premessa 16 ta’ dan ir-regolament. F’din il-perspettiva, il-prezz definittiv previst fl-imsemmija dispożizzjoni għandu jiġi speċifikat f’mument qabel dak rikjest għall-ħlasijiet addizzjonali tal-prezz fakultattivi msemmija fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament. Skont din l-interpretazzjoni, l-obbligu li jiġi indikat il-prezz definittiv tas-servizzi bl-ajru fi stadju prekoċi tal-proċedura ta’ riżervazzjoni jista’ jimplika li l-prezz għandu jiġi speċifikat fl-istampa tas-servizz bl-ajru li tikkorrispondi mad-destinazzjonijiet u mad-dati magħżula mill-klijent.

16      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-metodu ta’ preżentazzjoni tal-prezz definittiv tas-servizzi bl-ajru, il-qorti tar-rinviju tirrileva li t-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 lanqas ma tirregola din il-kwistjoni b’mod preċiż. L-ewwel sentenza tal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament tipprovdi sempliċement li l-ħlasijiet addizzjonali tal-prezz fakultattivi għandhom jiġu kkomunikati b’mod ċar, trasparenti u inekwivoku.

17      Bl-istess mod bħall-qorti tal-ewwel istanza, il-qorti tal-appell iddeduċiet mit-tieni u r-raba’ sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 li l-prezz definittiv tas-servizzi bl-ajru għandu jissemma b’mod sistematiku jew waqt kull indikazzjoni tal-prezz, sal-punt li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ riżervazzjoni f’diversi stadji, dan il-prezz għandu jkun ippreċiżat mal-ewwel indikazzjoni tat-tariffa tal-passiġġieri kif ukoll fuq kull paġna li tinkludi indikazzjoni tal-prezz. F’dan il-każ, il-prezz definittiv għandu jiġi indikat direttament mhux biss għas-servizzi bl-ajru magħżula minn qabel minn Air Berlin jew li jikklikkja fuqhom il-klijent, iżda wkoll għal kull servizz bl-ajru li jinsab fit-tabella.

18      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra madankollu li hija possibbli interpretazzjoni inqas stretta tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, li l-indikazzjoni tal-prezz definittiv fi stadju prekoċi, u mhux fi tmiem il-proċedura, kif proposta minn Air Berlin għal kull servizz bl-ajru magħżul b’mod konkret, tippermetti wkoll li jiġi żgurat tqabbil effettiv mal-prezzijiet ta’ trasportaturi bl-ajru oħra u, għaldaqstant, li jiġi ssodisfatt il-bżonn tal-protezzjoni tal-konsumaturi, anki jekk tali tqabbil jista’ jkun inqas faċli għall-konsumatur.

19      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 1 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ reżervazzjoni elettronika, il-prezz finali li għandu jitħallas għandu jiġi indikat meta jintwera għall-ewwel darba l-prezz tas-servizzi bl-ajru?

2)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ reżervazzjoni elettronika, il-prezz finali li għandu jitħallas għandu jiġi indikat biss għas-servizz bl-ajru magħżul mill-klijent jew ukoll għal kull servizz bl-ajru ieħor li jintwera?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

20      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-prezz definittiv li għandu jitħallas għandu jiġi speċifikat waqt kull indikazzjoni tal-prezzijiet tas-servizzi bl-ajru, inkluż waqt l-ewwel indikazzjoni tagħhom.

21      Skont Air Berlin, ir-risposta għall-ewwel domanda tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-kelma “dejjem” li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008. Air Berlin issostni li din il-kelma ma tirrikjedix li l-prezz definittiv li għandu jitħallas għandu jiġi speċifikat mal-ewwel indikazzjoni tal-prezz tas-servizzi bl-ajru, iżda sempliċement li jiġi speċifikat wara l-għażla ta’ titjira ddeterminata mill-klijent u qabel il-konklużjoni definittiva tal-kuntratt ta’ riżervazzjoni.

22      F’dan ir-rigward Air Berlin tippreċiża li, fit-tabella li tidher fit-tieni stadju tal-proċess tar-riżervazzjoni elettronika li hija implementat, il-konnessjoni l-inqas għolja tintgħażel minn qabel awtomatikament u s-sistema tindika l-prezz definittiv fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, li tinkludi l-prezz għat-titjira magħżula, it-taxxi u l-imposti, il-ħlas addizzjonali għall-pitrolju kif ukoll l-ispejjeż tal-ipproċessar. Jekk il-klijent jagħżel konnessjoni alternattiva, pereżempju iktar għolja, is-sistema tindika għalhekk il-prezz definittiv għal din tal-aħħar.

23      Kif jirrilevaw il-Bundesverband, il-Gvern Ġermaniż, Belġjan, Taljan, Olandiż u Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, din l-interpretazzjoni ma hijiex kompatibbli mal-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008.

24      Fil-fatt, it-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 jipprovdi li l-prezz definittiv li għandu jitħallas għandu jiġi speċifikat f’kull ħin u għandu jinkludi t-tariffa tal-passiġġieri jew it-tariffa tat-trasport applikabbli kif ukoll it-taxxi, l-imposti, u l-ħlasijiet addizzjonali u d-drittijiet applikabbli kollha, inevitabbli u prevedibbli fid-data tal-pubblikazzjoni.

25      Issa, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-prezz definittiv li għandu jitħallas għandu jiġi speċifikat “dejjem”, mingħajr ebda distinzjoni bejn il-mument meta l-imsemmi prezz jiġi indikat għall-ewwel darba, il-mument meta l-klijent jagħżel titjira partikolari, jew il-mument tal-konklużjoni definittiva tal-kuntratt.

26      Konsegwentement, l-obbligu li jiġi speċifikat f’kull ħin, il-prezz definittiv li għandu jitħallas, stabbilit mill-imsemmija dispożizzjoni, jimplika li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ riżervazzjoni elettronika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-prezz definittiv li għandu jitħallas għandu jiġi speċifikat f’kull indikazzjoni tal-prezzijiet tas-servizzi bl-ajru, inkluż fl-ewwel indikazzjoni tagħhom.

27      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata minn qari sistematiku tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 kif ukoll mir-ratio legis tat-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni.

28      Fil-fatt, kif jenfasizzaw il-Bundesverband, il-Gvern Ġermaniż u Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni, ma hemmx lok li jiġi dedott mill-espressjoni “fil-bidu ta’ kull proċess ta’ prenotazzjoni” użata fir-raba’ sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 li l-kelma “dejjem” li tinsab fit-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz definittiv għandu jiġi indikat unikament fil-bidu ta’ proċedura ta’ riżervazzjoni.

29      L-espressjoni “fil-bidu ta’ kull proċess ta’ prenotazzjoni” użata fl-imsemmija raba’ sentenza tal-Artikolu 23(1) dispożizzjoni timplika li l-ħlasijiet addizzjonali tal-prezz fakultattivi għandhom jiġu indikati fil-bidu tal-proċedura ta’ riżervazzjoni fil-veru sens tal-kelma, fatt li jippermetti lill-klijent li jiddeċiedi jekk jixtieqx jirrikorri effettivament għall-provvista addizzjonali kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ebookers.com Deutschland, EU:C:2012:487, punt 15).

30      Għall-kuntrarju, l-obbligu stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 li jiġi indikat il-prezz definittiv “dejjem”, li jinkludi l-ispejjeż inevitabbli u prevedibbli, jeżisti mill-mument tal-pubblikazzjoni tat-tariffi tal-passiġġieri, tkun xi tkun il-forma, u dan anki qabel il-bidu tal-proċedura ta’ riżervazzjoni.

31      Ġustament, il-Bundesverband, il-Gvern Ġermaniż, Belġjan, Taljan, Olandiż u Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni jenfasizzaw li din l-interpretazzjoni hija konformi mar-ratio legis tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, kif jirriżulta mill-premessa 16 ta’ dan ir-regolament.

32      Skont il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1008/2008, il-klijenti għandhom ikunu jistgħu jqabblu effettivament il-prezz tas-servizzi bl-ajru pprattikati mit-trasportaturi bl-ajru differenti u, konsegwentement, il-prezz definittiv li għandu jitħallas mill-klijent għal servizzi bl-ajru li jitilqu minn ajruport fit-territorju tal-Unjoni għandu dejjem jiġi indikat inkluż it-taxxi, l-imposti u l-ħlasijiet.

33      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tispeċifika li jirriżulta b’mod ċar, kemm mit-titolu tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1008/2008 kif ukoll mill-kliem tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiġi żgurata l-informazzjoni u t-trasparenza tal-prezz tas-servizzi bl-ajru u li, għaldaqstant, din tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-klijent li jirrikorri għal dawn is-servizzi (sentenzi ebookers.com Deutschland, EU:C:2012:487, punt 13, u Vueling Airlines, C‑487/12, EU:C:2014:2232, punt 32).

34      Għalhekk, mill-premessa 16 tar-Regolament Nru 1008/2008 jirriżulta li l-obbligu impost fuq it-trasportatur bl-ajru li “dejjem” jindika l-prezz definittiv li għandu jitħallas huwa neċessarju sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jqabblu effettivament il-prezzijiet tas-servizzi bl-ajru pprattikati mit-trasportaturi differenti bl-ajru, b’mod konformi mal-għan ta’ tqabbil effettiv tal-prezzijiet tas-servizzi bl-ajru segwit mill-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vueling Airlines, EU:C:2014:2232, punt 33).

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li t-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ riżervazzjoni elettronika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-prezz definittiv li għandu jitħallas għandu jiġi speċifikat f’kull indikazzjoni tal-prezzijiet tas-servizzi bl-ajru, inkluż fl-ewwel indikazzjoni tagħhom.

 Fuq it-tieni domanda

36      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-prezz definittiv li għandu jitħallas għandu jiġi speċifikat biss għas-servizz bl-ajru magħżul mill-klijent jew għal kull servizz bl-ajru muri.

37      Air Berlin issostni li t-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 ma tirrikjedix li l-prezz definittiv għandu jiġi indikat għal kull titjira murija, iżda sempliċement li dan jiġi indikat għat-titjira magħżula mill-klijent. Skont Air Berlin, huwa possibbli biss tqabbil effettiv tal-prezzijiet fis-sens tal-premessa 16 ta’ dan ir-regolament, meta l-klijent ikun għażel titjira speċifika minn ajruport tat-tluq għal ajruport tal-wasla f’ħin preċiż. Għaldaqstant, l-obbligu li jiġi indikat il-prezz definittiv, stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, japplika biss meta l-klijent ikun għażel titjira speċifika, u unikament għal dik it-titjira.

38      Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.

39      Kif isostnu ġustament il-Bundesverband, il-Gvern Ġermaniż, Belġjan, Olandiż u Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni, l-obbligu stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 li jiġi indikat il-prezz definittiv “dejjem” japplika għal kull forma ta’ pubblikazzjoni ta’ tariffi tal-passiġġieri, inklużi t-tariffi proposti għal serje ta’ servizzi bl-ajru ppreżentati fil-forma ta’ tabella. Għaldaqstant, l-indikazzjoni tal-prezz definittiv għall-unika titjira magħżula ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu stabbilit minn din id-dispożizzjoni.

40      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mir-ratio legis tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, li tfakkret fil-punti 31 sa 34 ta’ din is-sentenza.

41      Fil-fatt, l-obbligu li jiġi indikat il-prezz definittiv li għandu jitħallas għal kull titjira li tintwera t-tariffa tagħha, u mhux biss għat-titjira magħżula, jippermetti lill-klijenti li jqabblu effettivament il-prezz tas-servizzi bl-ajru pprattikati mit-trasportaturi bl-ajru differenti, b’mod konformi mal-għan ġenerali tat-trasparenza tal-prezzijiet tas-servizzi bl-ajru segwit mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008.

42      Skont Air Berlin, tali interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 23(1) fis-sens li l-prezz definittiv li għandu jitħallas għandu jiġi indikat għal kull titjira murija, twassal sabiex il-prezz definittiv biss jista’ jiġi indikat u għaldaqstant, għal projbizzjoni ġenerali tal-indikazzjoni tal-prezzijiet tat-titjiriet waħidhom. Issa, it-tielet sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-prezz tat-titjira waħidha għandu jiġi indikat b’mod separat ma’ ġenb il-prezz definittiv.

43      Dan l-argument għandu madankollu jiġi miċħud bħala kompletament infondat, peress li l-obbligu li jiġi indikat il-prezz definittiv li għandu jitħallas għal kull titjira murija, stabbilit fit-tieni sentenza tal-istess Artikolu 23(1) ma jwassal għall-ebda projbizzjoni tal-indikazzjoni tat-tariffa tal-passiġġieri jew tat-tariffa tat-trasport għal kull waħda mill-imsemmija titjiriet fil-kundizzjonijiet stabbiliti fit-tielet sentenza ta’ din id-dispożizzjoni.

44      Għall-kuntrarju, mill-kliem stess tat-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, jirriżulta li l-obbligu li tiġi speċifikata tal-inqas it-tariffa tal-passiġġieri jew it-tariffa tat-trasport kif ukoll it-taxxi, l-imposti tal-ajruport u l-imposti l-oħra, il-ħlasijiet addizzjonali jew id-drittijiet meta dawn l-elementi jkunu żdiedu mat-tariffa tal-passiġġieri jew mat-tariffa tat-trasport tiżdied mal-obbligu li jirriżulta mit-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu 1 li jiġi indikat il-prezz definittiv.

45      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li t-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ riżervazzjoni elettronika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-prezz definittiv li għandu jitħallas għandu jiġi speċifikat mhux biss għas-servizz bl-ajru magħżul mill-klijent, iżda wkoll għal kull servizz bl-ajru li tintwera t-tariffa tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ riżervazzjoni elettronika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-prezz definittiv li għandu jitħallas għandu jiġi speċifikat f’kull indikazzjoni tal-prezzijiet tas-servizzi bl-ajru, inkluż fl-ewwel indikazzjoni tagħhom.

2)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest ta’ sistema ta’ riżervazzjoni elettronika bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-prezz definittiv li għandu jitħallas għandu jiġi speċifikat mhux biss għas-servizz bl-ajru magħżul mill-klijent, iżda wkoll għal kull servizz bl-ajru li tintwera t-tariffa tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.