Language of document : ECLI:EU:C:2010:433

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-15 ta’ Lulju 2010 1(1)

Kawża C‑137/09

Marc Michel Josemans

vs

Burgemeester van Maastricht

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja  – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Bejgħ ta’ drogi narkotiċi – Miżura ta’ awtorità pubblika lokali li tirriżerva l-aċċess għall-coffee shops lir-residenti Olandiżi – Ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga – Obbligi fuq l-Istati Membri taħt l-Artikoli 4 TUE u 72 TFUE – Konvenzjoni ta’ Applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 71(5) – Protezzjoni tal-ordni pubbliku nazzjonali u tal-ordni pubbliku Ewropew”





I –    Introduzzjoni

A –    Preżentazzjoni ġenerali tal-kawża

1.        Il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantit mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jista’ jiġi applikat għall-bejgħ tad-drogi narkotiċi? Fi kliem ieħor, min imexxi coffee shop jista’ jibbaża fuq dan il-prinċipju sabiex jilleġittima l-attività tiegħu u ċ-ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jibbaża fuq din il-libertà biex imur jieħu d-drogi fi Stat Membru ieħor?

2.        Wara dawn id-domandi sempliċi hemm domandi oħrajn iktar sensittivi. Għandna l-intenzjoni li nibnu Ewropa li fi ħdanha, produtturi, aġenti u destinatarji jistgħu liberament jużaw il-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat biex jikkultivaw, jittrasportaw, joffru kif ukoll jikkonsmaw id-droga? L-ispazju tal-libertà, sigurtà u ġustizzja li qed nibnu llum il-ġurnata għandu l-għan li jservi l-interessi tal-kummerċ tad-droga?

3.        Dawn huma, essenzjalment il-kwistjonijiet li jqajjem dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

4.        Din il-kawża tidħol fil-kuntest ta’ ħruxija tal-politika ta’ tolleranza li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi qed jadotta fir-rigward tal-bejgħ ta’ kannabis fil-coffee shops. Konxju tar-riperkussjonijiet transkonfinali ta’ din il-politika u tal-ħafna problemi kkawżati lill-ordni pubbliku minħabba l-iffrekwentar massiv dejjem jikber ta’ dawn l-istabbilimenti, il-Burgemeester van Maastricht (sindku tal-komun ta’ Maastricht) iddeċieda li jirriżerva l-aċċess għal dawn l-istabbilimenti għar-residenti Olandiżi biss (iktar ’il quddiem il-“miżura kkontestata”). Miżura bħal din tikkostitwixxi ostakolu evidenti għal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat jekk din tikkonċerna ristorant komuni minn fejn jinbiegħu biss prodotti ta’ konsum legali. Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża billi, b’differenza notevoli mis-snack-bars u stabbilimenti oħrajn tal-fast food fejn jinbiegħu minerali u sandwiches take-away, l-attività prinċipali tal-coffee shops hija ddedikata għall-bejgħ ta’ prodott narkotiku li l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu hija pprojbita mill-Istati Membri kollha.

5.        Għaldaqstant, ir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tkun jaf jekk miżura taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-prinċipji u tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fi kwalunkwe każ, jekk din il-miżura tistax tiġi ġġustifikata fil-ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga u l-inkonvenjenzi li dan joħloq.

6.        F’dawn il-konklużjonijiet ser insostni li, l-ewwel nett, miżura adottata minn awtorità lokali tar-regoli ġenerali tagħha, li tirriżerva l-aċċess għall-coffee shops għar-residenti Olandiżi biss ma tikkonċernax il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u, b’mod partikolari, tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi. F’dan ir-rigward, ser nispjega li l-libertà stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE fi kwalunkwe każ ma tistax tilleġittima l-kummerċ ta’ prodott narkotiku li, anki jekk huwa ttollerat f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ma jistax jibbenefika mill-vantaġġi li jiġu mis-suq komuni.

7.        It-tieni nett, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina l-konformità tal-miżura kkontestata minn perspettiva addizzjonali, u dan fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni mal-qorti nazzjonali. Fil-fatt, inkunsiderazzjoni tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, ser nikkunsidra li huwa indispensabbli li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bħala li huma intiżi speċifikament lejn il-protezzjoni tal-ordni pubbliku u l-ġlieda kontra d-domanda illeċita għad-drogi narkotiċi.

8.        Wara dan l-eżami, ser insostni li miżura bħal din, li hija intiża għall-ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga u l-attivitajiet kriminali li dan iġib, tikkostitwixxi manifestazzjoni għall-Istat mhux biss tad-dritt irrikonoxxut lilu li jżomm l-ordni pubbliku intern tiegħu taħt l-Artikoli 4 TEU u 72 TFUE, iżda wkoll tad-dmir tiegħu li jikkontribwixxi għaż-żamma tal-ordni pubbliku Ewropew taħt l-Artikolu 71(5) tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen (2).

B –    Il-kannabis

9.        Bħalissa, madwar 4 miljun żagħżugħ Ewropew jikkonsmaw il-kannabis kuljum u 19-il Stat Membru huma kkonċernati bil-kultivazzjoni ta’ din id-droga narkotika. Sa fejn il-mudell ta’ konsum tagħha jinbidel u fejn jidhru fis-suq forom ġodda ta’ kannabis, jidhirli li huwa importanti li wieħed ifakkar x’inhi din id-droga u x’inhuma l-effetti tagħha fuq saħħet il-konsumaturi.

1.      Varjetà kbira ta’ kannabis

10.      Il-marijuana, jew il-ħaxixa, huwa l-isem mogħti lill-weraq u l-frott tal-kannabis li, imqatta’ u misħuqa, jitpejpu f’forma pura jew mat-tabakk. Min-naħa l-oħra, il-hashish hija r-raża mnixxija mill-weraq u mill-parti ta’ fuq tal-pjanta. Din hija minn erbgħa sa tmien darbiet iktar attiva mill-marijuana. Is-sustanzi psikotropiċi li hemm fil-hashish huma cannabinoids li l-iktar importanti hija d-delta 9 - tetrahydrocannabinol (iktar ’il quddiem it-“THC”). L-effetti tal-kannabis jidhru f’doża ta’ 0.05 mg/kg ta’ THC assorbita u, bħala eżempju, sigarett jew joint tal-marijuana fih minn 2 sa 5 mg ta’ THC.

11.      Il-kontenut tat-THC jvarja b’mod sinjifikattiv ħafna skont l-oriġini tal-prodotti, l-istaġuni u l-metodi ta’ produzzjoni. Għalhekk, apparti l-ispeċi klassiċi li jiġu mill-Afrika ta’ Fuq (l-iktar mill-Marokk), mill-Asja u mil-Lvant Nofsani, il-bejjiegħa jew id-dealers, illum qed jipproponu, preparazzjonijiet ġodda ta’ kannabis lil konsumaturi li rari huma infurmati bit-tossiċità msaħħa li hemm fihom (3). Skont l-istudji magħmula, filwaqt li r-rata medja ta’ konċentrazzjoni ta’ THC tal-marijuana u tal-hashish importati hija rispettivament ta’ 7 % u ta’ 18.2 %, dik tal-marijuana ta’ oriġini Olandiża (“nederwiet” ou “hennep”) hija ta’ 20.4 %, u dik tal-hashish miġjuba mill-marijuna Olandiża (“nederhasj”) hija ta’ 39.3 % (4).

12.      Bl-istess mod, dehru fis-suq prodotti ġodda abbażi tal-ħaxixa li fihom hemm miżjuda cannabinoids sintetiċi jew imħallta ma’ sustanzi tant ta’ ħsara bħaċ-ċomb, xema’, trab tal-ħġieġ, mediċini kif ukoll ramel (5). Dan jippermetti li jiżdied il-piż waqt il-bejgħ u jsaħħaħ l-effetti tal-intossikazzjoni.

2.      Konsum li joħloq riskji għas-saħħa tal-bniedem

13.      Jekk, kif ser naraw, il-politika ta’ tolleranza adottata mill-Gvern Olandiż tistrieħ fuq distinzjoni bejn il-konsum u l-perikoli rispettivi tad-“droġi ħfief” u tad-“drogi qawwija”, din id-distinzjoni titlef, fil-fehma tiegħi, ir-rilevanza kollha tagħha meta jitqiesu l-forom ġodda ta’ kannabis preżenti fis-suq u r-riskji li l-konsum tagħhom ifisser għas-saħħa tal-bniedem.

14.      Il-perikolożità u l-ħsara tal-kannabis għall-konsumaturi kif ukoll għat-tessut soċjali ma għandhomx għalfejn jiġu ppruvati. Jekk l-effetti psikiċi marbuta mal-konsum ta’ kannabis huma, fil-prinċipju, temporanji u riversibbli fil-każ ta’ konsumatur okkażjonali, huma jidhru madankollu, ma’ l-ewwel joint, li jsaħħu l-effetti tal-alkoħol u tat-tabakk u jistgħu jwasslu għal intossikazzjoni tal-kannabis, li, assoċjata mas-sewqan ta’ vettura, tikkawża konsegwenzi drammatiċi. L-erba’ Ministri Olandiżi inkarigati mill-politika tad-droga rrikonoxxew dan espressament fl-ittra tagħhom indirizzata lill-parlament Olandiż fil-11 ta’ Settembru 2009 (6).

15.      Kif intwera f’diversi studji xjentifiċi (7), użu intensiv u fit-tul tal-kannabis jista’ jwassal għal effetti fiżiċi u psikiċi ta’ ħsara ikbar. Billi fiha seba’ darbiet iktar qatran u monossidu karboniku milli fih it-tabakk, użu kroniku tal-kannabis jesponi lil min ipejjipha għal riskji iktar sinjifikattivi ta’ tossiċità pulmonari u ta’ kanċer tal-passaġġi tan-nifs u tad-diġestjoni superjuri (8). Il-konsum tal-kannabis iġib għejja fiżika u intellettwali u jnaqqas il-kapaċitajiet ta’ konċentrazzjoni, ta’ memorizzazzjoni kif ukoll ta’ tagħlim u jikkawża żbilanċ fl-attività professjonali jew tal-iskola. Konsum regolari tal-kannabis jista’ għalhekk iwassal għal nuqqas ta’ attività soċjali fejn l-adult jispiċċa f’diffikultà ikbar biex iżomm xogħol regolari u stabbli u, fost iż-żgħażagħ, assenteiżmu mill-iskola kawża ta’ marġinalizzazzjoni u ta’ dipressjoni fost xi wħud. Barra minn hekk, l-użu tal-kannabis jista’ jagħti lok għal sintomi psikjattriċi bħall-alluċinazzjonijiet. Ġie indikat ukoll bħala l-kawża ta’ ċerti skiżofreniji. F’dan il-każ, l-assoċjazzjoni ta’ skiżofrenija mal-abbuż tal-kannabis hija kkaratterizzata minn problemi iktar prekoċi u iżjed frekwenti, aljenazzjoni ikbar soċjali, riskji ta’ dipressjoni u attentati ta’ suwiċidju iktar qawwija. Jidher li dawn ir-riskji jikbru mal-mod tal-konsum, kemm dan idum, il-vulnerabbiltà personali ta’ min jużaha u l-kwantità tal-prodott meħud man-nifs.

16.      Fl-aħħar nett, il-konsum tal-kannabis jesponi lill-utenti għal drogi iktar qawwijin. Għalkemm it-teorija msejħa tal-“gateway” jew tal-“eskalazzjoni” hija kkritikata minn uħud, jibqa’ l-fatt li persuna li tkun diġà esperimentat l-effetti alluċenoġeniċi tal-kannabis tkun iktar disposta li tipprova drogi bi proprjetajiet iktar qawwijin.

17.      Huwa minħabba din il-perikolożità u l-ħsara tal-kannabis li din illum il-ġurnata ngħatat stigma f’diversi konvenzjonijiet internazzjonali.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-ġlieda kontra d-droga

a)      It-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

18.      Skont l-Artikolu 3(1) TUE, “[il]-mira ta’ l-Unjoni hija li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha”.

19.      Bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) TUE “[l]-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, l-asil, l-immigrazzjoni kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha”.

20.      Bis-saħħa tal-Artikolu 4(2) TEU l-Unjoni għandha “tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw […] iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku”.

21.      Il-benesseri, il-koeżjoni soċjali, is-saħħa u s-sigurtà tal-persuni jikkostitwixxu għanijiet li jiggwidaw l-azzjoni tal-Unjoni fil-ġlieda kontra d-droga u fil-bini ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja taħt l-Artikolu 67 TFUE.

22.      F’dan il-kuntest, l-azzjoni tal-Unjoni hija essenzjalment immirata lejn it-tnaqqis tal-offerta u tat-talba li tassoċja, minn naħa, miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġlieda kontra t-traffikar illegali ta’ drogi u l-kriminalità organizzata u, min-naħa l-oħra, miżuri ta’ prevenzjoni tad-dipendenza fuq id-drogi.

i)      Il-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta’ drogi narkotiċi u l-kriminalità organizzata

23.      Skont l-Artikolu 67(3) TFUE l-ġlieda kontra t-traffikar illegali tad-drogi narkotiċi u l-kriminalità organizzata tissarraf f’koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji tal-Istati Membri kif ukoll minn approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet kriminali tagħhom.

24.      Madankollu, skont l-Artikolu 72 TFUE, l-Istati Membri jibqgħu responsabbli għaż-żamma, fit-territorju tagħhom, tal-ordni pubbliku u għas-salvagwardja tas-sigurtà interna.

25.      It-traffikar illegali tad-droga u l-kriminalità organizzata jidhru espressament fost l-“ewroreati” milquta mill-Artikolu 83(1) TFUE. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jistabbilixxu regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fl-oqsma tal-kriminalità partikolarment gravi ta’ dimensjoni transkonfinali fid-dawl tan-natura jew l-impatt ta’ dawn ir-reati jew minn ħtieġa partikolari li jiġu miġġielda fuq bażijiet komuni.

ii)    Il-prevenzjoni tad-dipendenza fuq id-droga

26.      Il-prevenzjoni tad-dipendenza fuq id-droga taqa’ taħt l-Artikolu 168(1) TFUE u tal-Artikolu 35 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (9), li jistabbilixxu li livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem għandu jiġi żgurat fid-definizzjoni u l-implementazzjoni ta’ kull politika u azzjoni tal-Unjoni.

27.      Skont l-Artikolu 168 TFUE dawn l-azzjonijiet għandhom, b’mod partikolari, jikkompletaw il-politika nazzjonali sabiex jitnaqqsu l-effetti ta’ ħsara tad-droga fuq is-saħħa, inkluża bl-informazzjoni u l-prevenzjoni.

b)      L-acquis ta’ Schengen

28.      Il-Konvenzjoni ta’ Applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Schengen tistabbilixxi fl-Artikolu 71 tagħha, dan li ġej:

“1.      Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li fir-rigward tal-bejgħ dirett jew indirett ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi ta’ kull tip, inkluża kannabis, u l-pussess ta’ prodotti bħal dawn għall-bejgħ jew għall-esportazzjoni, jadottaw b’mod konformi mal-Konvenzjonijiet eżistenti tal-Ġnus Magħquda […], il-miżuri kollha meħtieġa sabiex wieħed jipprevjeni u jikkastiga t-traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.

2.      Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jipprevjenu u jikkastigaw permezz ta’ miżuri amministrattivi u penali l-esportazzjoni illegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, inkluża l-kannabis, kif ukoll il-bejgħ, il-provvista u l-għoti ta’ dawn il-prodotti u sustanzi […]

3.      Sabiex tkun miġġielda l-importazzjoni illegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, inkluża l-kannabis, il-Partijiet Kontraenti għandhom iżidu l-kontrolli fuq il-moviment ta’ persuni, oġġetti, u mezzi ta’ trasport fuq il-fruntieri esterni tagħhom […]

4.      Sabiex ikun hemm konformità ma’ dan l-Artikolu, il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu sorveljanza speċifika ta’ postijiet magħrufin li jintużaw għat-traffikar tad-droga.

5.      Il-Partijiet Kontraenti għandhom jagħmlu l-almu tagħhom kollu sabiex jipprevjenu u jiġġieldu l-effetti negattivi li jirriżultaw mid-domanda illeċita għal drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi ta’ kull tip, inkluża l-kannabis. Kull Parti Kontraenti għandha tkun responsabbli għall-miżuri adottati għal dawn il-finijiet.”

29.      Dikjarazzjoni komuni dwar l-Artikolu 71(2) tal-Konvenzjoni ta’ Applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Schengen ġiet annessa mal-att finali tiegħu. Din id-dikjarazzjoni tgħid dan li ġej:

“Jekk Parti Kontraenti tiżvija mill-prinċipju msemmi fl-Artikolu 71(2) fir-rigward tal-politika nazzjonali tagħha dwar il-prevenzjoni u t-trattament ta’ dipendenza fuq drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, il-Partijiet Kontraenti kollha għandhom jadottaw il-miżuri amministrattivi u l-miżuri penali meħtieġa sabiex jipprevjenu u jikkastigaw l-importazzjoni u l-esportazzjoni illeċita ta’ dawn il-prodotti u sustanzi, partikolarment fir-rigward tat-territorji tal-Partijiet Kontraenti l-oħra.”

c)      Id-dritt sekondarju

30.      Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Novembru 1996 (10) identifikat b’mod ċar il-problema tat-turiżmu tad-droga ġewwa l-Unjoni u stabbiliet l-ewwel miżuri tal-ġlieda kontra dan il-fenomenu.

31.      Imbagħad, fil-kuntest ta’ azzjoni komuni tas-17 ta’ Diċembru 1996 (11), l-Istati Membri affermaw mill-ġdid id-determinazzjoni komuni tagħhom li jeliminaw it-traffikar illegali ta’ drogi narkotiċi billi jiġġieldu, b’mod partikolari, kontra t-talba illeċita ta’ drogi narkotiċi, il-qligħ enormi mit-traffikar kif ukoll mit-turiżmu tad-droga (12). Huma jintrabtu wkoll li jikkwalifikaw bħala reat meta l-att ikun twettaq intenzjonalment, il-fatt li wieħed iħajjar lil ħaddieħor jew iġiegħlu pubblikament, bi kwalunkwe mezz li jkun, li juża jew jipproduċi, illegalment, prodotti narkotiċi u, f’dan ir-rigward, impenjaw ruħhom li jkunu speċjalment viġilanti b’mod partikolari fejn jidħol l-użu tal-Internet (13).

32.      Sussegwentement, bis-saħħa tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/757/ĠAI, tal-25 ta’ Ottubru 2004 (14), kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex ikunu punibbli l-produzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni, il-preparazzjoni, l-offerta, l-offerta għall-bejgħ, id-distribuzzjoni, il-bejgħ, il-kunsinna fuq kwalunkwe kundizzjoni hi x’inhi, is-senserija, id-dispaċċ, id-dispaċċ fi transitu, it-trasport, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ drogi meta dan l-aġir ikun intenzjonali u ma jkunux legali (15).

33.      Il-Programm ta’ Stokkolma, adottat mill-Kunsill fit-2 ta’ Diċembru 2009 (16), jistabbilixxi, f’dak li jikkonċerna l-istrateġija tas-sigurtà interna tal-Unjoni, li huwa essenzjali, biex tkun protetta kontra t-theddid transnazzjonali, li jissaħħu l-azzjonijiet fil-livell Ewropew u biex jiġu kkoordinati aħjar dawk li jitwettqu fil-livelli reġjonali u nazzjonali. Dan jistabbilixxi wkoll li l-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-droga qed ikomplu jheddu s-sigurtà interna tal-Unjoni, li l-kriminalità transkonfinali issa hija problema urġenti li hemm bżonn tingħata tweġiba b’mod ċar u globali (17).

34.      Fl-aħħar nett, il-qafas ta’ azzjoni tal-Unjoni huwa kkostitwit minn pjanijiet differenti li japplikaw l-istrateġija antidroga ddefinita mill-Unjoni għall-perijodu bejn l-2005 sal-2012. Il-pjan ta’ azzjoni attwali (18) jiddefinixxi ħames oġġettivi ta’ prijorità, jiġifieri l-koordinazzjoni tal-politika tal-ġlieda kontra d-droga fil-livelli nazzjonali u Ewropej (19), it-tnaqqis tad-domanda għad-droga, it-tnaqqis u r-ripressjoni tal-offerta tad-droga, il-kooperazzjoni internazzjonali u t-titjib tar-riċerka f’dan il-qasam.

2.      Il-libertajiet fundamentali rrikonoxxuti liċ-ċittadin tal-Unjoni

35.      Għal dak li jirrigwarda ċ-ċittadini tal-Unjoni, din tagħti lil kull ċittadin tal-Istati Membri drittijiet fundamentali u individwali. Fis-sitwazzjonijiet kollha rilevanti tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni, kull ċittadin tal-Unjoni jista’ jibbaża fuq l-Artikolu 18 TFUE li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza (20).

36.      Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu, l-ewwel nett, dawk taħt l-Artikolu 21 TFUE (21).

37.      Din id-dispożizzjoni tiddikjara, b’mod ġenerali, id-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u r-restrizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq. Din hija libertà fundamentali, iddikjarata fl-Artikolu 45 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li ċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jeżerċitaw indipendentement mill-eżerċizzju ta’ attività ekonomika. Għalhekk, meta ċittadin ta’ Stat Membru jmur minn post għal ieħor jew jirrisjedi fit-territorju tal-Unjoni, huwa jista’ jibbaża fuq id-dritt li ma jbatix diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu stabbilit mill-Artikolu 18 TFUE.

38.      Dawn is-sitwazzjonijiet jinkludu wkoll dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE (22).

39.      Skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, id-dritt li jiġu pprovduti servizzi (23) jista’ jiġi invokat minn impriża fir-rigward tal-Istat fejn hija stabbilita, meta hija tipprovdi servizzi lil destinatarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, dan id-dritt jinkludi l-libertà tad-destinatarji tas-servizzi, fejn fosthom hemm it-turisti, li jmorru fi Stat Membru ieħor biex jibbenefikaw minn servizz, mingħajr ma jiġu ostakolati minn restrizzjonijiet (24). Skont l-Artikolu 52(1) TFUE, li jirreferi għalih l-Artikolu 62 TFUE, din il-libertà tista’ madankollu tkun suġġetta għal restrizzjonijiet ibbażati fuq raġunijiet tal-protezzjoni tal-ordni pubbliku, tas-sigurtà pubblika u tas-saħħa pubblika.

40.      Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE kien ġie implementat u kkonkretizzat fil-qasam tal-moviment tal-merkanzija. L-Artikoli 34 TFUE u 35 TFUE jipprojbixxu rispettivament ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u r-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni kif ukoll il-miżuri kollha li għandhom effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri. Madankollu, skont l-Artikolu 36 TFUE, ċerti restrizzjonijiet jistgħu jiġu ġġustifikati wkoll, partikolarment minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni.

B –    L-impenji internazzjonali

41.      Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-traffikar illegali ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi, konkluża fi Vjenna fl-20 ta’ Diċembru 1988 (25), issaħħaħ u tikkompleta l-miżuri previsti mill-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi, konkluża f’New York fit‑30 ta’ Marzu 1961 (26), u mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq is-sustanzi psikotropiċi, konkluża fi Vjenna fil-21 ta’ Frar 1971 (27).

42.      L-Istati Membri kollha kif ukoll l-Unjoni huma partijiet kontraenti fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal‑1988 (28).

43.      L-Artikolu 3(1) ta’ din il-Konvenzjoni jgħid dan li ġej:

“Kull Parti għandha tadotta l-miżuri neċessarji biex tagħmel bħala reat kriminali skont id-dritt intern tagħha, meta l-att jitwettaq intenzjonalment:

a)      i)     il-produzzjoni, il-manifattura, l-estrazzjoni, il-preparazzjoni, l-offerta, l-offerta għall-bejgħ, id-distribuzzjoni, il-bejgħ, il-kunsinna taħt kwalunkwe kundizzjoni hi x’inhi, is-senserija, id-dispaċċ, id-dispaċċ fi transitu, it-trasport, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ kull droga narkotika jew kull sustanza psikotropika bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1961, tal-Konvenzjoni tal-1961 kif emendata jew tal-Konvenzjoni tal-1971;

[…]

c)      iii) Il-fatt li wieħed iħajjar lil ħaddieħor jew iġiegħlu pubblikament, bi kwalunkwe mezz li jkun, jikkommetti xi ksur min dan jew juża illeċitament drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

44.      Fost il-lista ta’ drogi narkotiċi li jaqgħu taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal‑1988 hemm il-kannabis.

C –    Il-leġiżlazzjoni Olandiża

45.      Skont il-liġi fuq id-drogi narkotiċi 1976 (Opiumwet 1967, iktar ’il quddiem il-“liġi fuq id-drogi narkotiċi”), il-pussess, il-kummerċ, il-kultivazzjoni, it-trasport, il-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni u l-esportazzjoni tad-drogi narkotiċi huma pprojbiti. Dawn l-atti huma punibbli b’sanzjonijiet kriminali għad-drogi kollha, inkluża l-kannabis u d-derivati tagħha, ħlief jekk huma użati għal għanijiet mediċi, xjentifiċi jew edukattivi u bil-kundizzjoni li tingħata awtorizzazzjoni minn qabel.

46.      Il-politika ta’ tolleranza li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi adotta fir-rigward tal-bejgħ u l-konsum ta’ “drogi ħfief” huwa r-riżultat ta’ proċess twil ta’ żvilupp, fejn il-linji gwida ġew iddefiniti b’mod partikolari, fl-1972, permezz tar-rapport governattiv tal-kummissjoni Baan (29) u, fl-1995, permezz tar-rapport “Politika dwar id-droga fil-Pajjiżi l-Baxxi: kontinwità u bidla” (30).

47.      Din il-politika hija bbażata fuq distinzjoni bejn id-drogi msejħin “qawwijin” li għandhom riskji inaċċettabbli għas-saħħa, bħall-opiates, il-kokaina, l-eroina, l-ecstasy, iż-żejt tal-kannabis kif ukoll l-anfetamini u l-LSD (lista I) u d-drogi msejħin “ħfief” li jinkludu l-kannabis u d-derivati tagħha, li ma joħolqux l-istess inkwiet għalkemm xorta jitqiesu bħala ta’ “riskju” (lista II) (31).

48.      Sa fejn ir-riskji marbutin mal-konsum tad-“drogi ħfief” huma “aċċettabbli”, l-istrateġija adottata mil-leġiżlatur Olandiż hija iktar sottili minn dik applikata fir-rigward tad-drogi “qawwijin”. Il-pussess tad-“drogi ħfief” għall-użu personali huwa depenalizzat u l-bejgħ tagħhom, fi kwantitajiet strettament limitati u f’ċirkustanzi kkontrollati, huwa ttollerat. Għalhekk il-leġiżatur Olandiż irid jevita l-istigmatizzazzjoni u l-marġinalizzazzjoni tal-konsumaturi ta’ “drogi ħfief” u jrid jissepara s-suq tad-drogi “qawwijin” minn dak tad-“drogi ħfief” b’mod li tinħoloq barriera soċjali li tostakola l-passaġġ minn waħda għal oħra.

49.      Il-politika ta’ tolleranza ġiet implementata b’mod partikolari fil-kuntest tad-direttivi maħruġa mill-kulleġġ tal-prosekuturi ġenerali. Dawn id-direttivi li għandhom saħħa ta’ liġi, jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-prosekuzzjoni pubblika Olandiża għal dak li jirrigwarda l-inkjesti u l-prosekuzzjonijiet kriminali li jsiru wara ksur tal-liġi fuq id-drogi narkotiċi (32). Għalhekk l-awtoritajiet ġudizzjarji bbażaw ruħhom fuq il-prinċipju tal-opportunità tal-prosekuzzjonijiet biex imexxu politika ripressiva selettiva billi ma jagħmlux prosekuzzjonijiet kriminali sistematiċi kontra kummerċ żgħir ta’ drogi narkotiċi u jagħtu prijorità lir-ripressjoni tat-traffikar ta’ drogi narkotiċi u dik ta’ kriminalità kbira.

50.      L-awtoritajiet Olandiżi għalhekk ittolleraw il-bejgħ ta’ kwantitajiet żgħar ta’ prodotti abbażi tal-qanneb fid-djar taż-żgħażagħ minn bejjiegħa abitwali ta’ drogi ħfief (“huisdealer”). Wara estendew din il-politika lill-coffee shops li jbiegħu kummerċjalment (“op commerciële basis”) lill-adulti.

51.      Skont il-leġiżlazzjoni Olandiża, il-coffee shops huma stabbilimenti aċċessibbli għall-pubbliku li jaqgħu fil-kategorija tal-istabbilimenti tal-fast food (horeca), bħas-snack-bars jew friteries li fihom jista’ jiġi kkonsmat l-ikel, iżda fejn huwa pprojbit li jinbiegħ xorb alkoħoliku. L-awtoritajiet lokali, jiġifieri s-sindku, il-prosekutur pubbliku u l-kap tal-pulizija, jistgħu jawtorizzaw il-ftuħ ta’ dawn il-coffee shops iżda taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin.

52.      L-ewwel nett, il-ftuħ tal-coffee shops huwa suġġett għall-kisba ta’ liċenzja operattiva. Dawn il-coffee shops għandhom jitmexxew taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ ġestjoni u ta’ iġjene bħal dawk applikabbli f’ristoranti. Min-naħa l-oħra, kif ġie enfasizzat matul is-seduta, din il-liċenzja ma tkoprix il-bejgħ tal-kannabis li, wieħed jiftakar, jibqa’ teknikament reat.

53.      Sussegwentement, il-kundizzjonijiet li fihom il-bejgħ ta’ kannabis fil-coffee shops jista’ jiġi ttollerat huma ddefiniti mid-direttivi tal-prosekuzzjoni pubblika Olandiża. Dawn il-kundizzjonijiet, imsemmija komunement “kriterji AHOJ-G”, huma dawn li ġejjin:

–        A (“affichering”): l-ebda reklamar għajr indikazzjoni fil-qosor fil-ħanut ikkonċernat;

–        H (“harddrugs”): projbizzjoni li jiġu offruti u/jew jinbiegħu drogi qawwijin;

–        O (“overlast”): l-istabbiliment ma għandux joħloq inkonvenjenzi; inkonvenjenzi jfissru dawk ikkawżati bil-moviment u t-tlajjar fl-inħawi ta’ coffee shop, il-ħsejjes u t-tniġġis li dan iġib, kif ukoll il-preżenza tal-klijenti, jiġifieri ta’ dawk li jiddependu mid-droga li jimirħu hemmhekk;

–        J (“jeugdigen”): l-aċċess għall-coffee shop u l-bejgħ ta’ drogi lil minuri (inqas minn 18-il sena) huma pprojbiti,

–        G (“grote hoeveelheden”): is-sid ma jistax ibiegħ iktar minn 5 g kannabis kull persuna kuljum, kwantità li normalment tinbiegħ għall-użu personali.

54.      Fl-aħħar nett, l-“istock” ta’ kannabis ittollerat f’coffee shop fl-ebda każ ma jista’ jaqbeż 500 g.

55.      L-implementazzjoni ta’ din il-politika hija f’idejn l-awtoritajiet lokali. Huwa fil-qafas ta’ konsultazzjoni bejn tliet partijiet li s-sindku, il-prosekutur pubbliku u l-kap tal-pulizija jistabbilixxu prijoritajiet tal-komun f’dak li jirrigwarda l-bejgħ tad-“drogi ħfief” f’dan it-territorju. Il-kriterji AHOJ-G jikkostitwixxu l-bażi minima tal-politika msemmija u l-awtoritajiet lokali jistgħu jżidu regolamenti iktar stretti billi jżidu kundizzjonijiet ġodda, kif kien il-każ fil-kawża prinċipali. Dawn ir-regolamenti huma suġġetti għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti amministrattiva.

56.      L-Artikolu 13b tal-liġi fuq id-drogi narkotiċi jirrikonoxxi lill-kap tal-awtoritajiet muniċipali diversi poteri, sabiex ikunu ssanzjonati l-inkonvenjenzi u l-problemi maħluqa bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi (33). Is-sindku jista’ għalhekk jordna l-għeluq, temporanjament jew definittivament ta’ coffee shop meta min imexxih ma jkunx osserva l-kriterji msemmija iktar ’il fuq.

57.      Għalhekk il-Burgemeester van Maastricht iddeċieda li jittollera fil-komun tiegħu numru limitat ta’ coffee shops, kuntrarjament għal komuni oħrajn li ma jiffissaw l-ebda limitu jew applikaw tolleranza żero.

58.      Mill-2004 u hekk kif il-ministri kompetenti fakkru fix-xahar ta’ Settembru 2009, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ried isaħħaħ il-leġiżlazzjoni tiegħu dwar it-twaqqif ta’ coffee shops kif ukoll iħarrax il-miżuri intiżi għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (34). Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jipprova wkoll jagħti tweġiba għall-problemi li jikkawżaw ir-riperkussjonijiet transkonfinali tal-politika tiegħu u jnaqqas il-problemi għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika li joħloq influss sinjifikattiv u dejjem jikber ta’ turisti tad-droga fit-territorju tiegħu f’konsultazzjoni mal-komuni kkonċernati. Minbarra l-problemi ta’ moviment u ta’ tlajjar, id-diversi lmenti magħmula mir-residenti jikkonċernaw mhux biss l-istorbju u l-inkonvenjenzi maħluqa mill-ġemgħat ta’ konsumaturi tal-kannabis li jieħdu d-droga fil-pubbliku, iżda anki l-inkonvenjenzi kkawżati min-netwerks ta’ kriminalità organizzata madwar il-coffee shops u li jirriżultaw mill-preżenza ta’ dealers u dawk li jiddependu mid-droga li, xi wħud, jistgħu jabbandunaw siringi użati jew jidħlu fl-intrata tal-bini (35). Dawn id-diffikultajiet huma kkonċentrati, b’mod partikolari, fiż-żoni tal-fruntiera mal-Belġju, mal-Ġermanja u Franza. Għalhekk, skont l-informazzjoni miġjuba mill-Burgemeester van Maastricht waqt is-seduta, l-14-il coffee shop ta’ dan il-komun jattiraw madwar 10 000 viżitatur kuljum, 74 000 kull ġimgħa u ftit iktar minn 3.9 miljun kull sena. Barra minn hekk, 70 % ta’ dawn il-visitaturi ma jirrisjedux fil-Pajjiżi l-Baxxi.

59.      Skont il-Gvern Olandiż, il-miżuri proposti għandhom jippermettu li wieħed jasal għall-għan oriġinali tal-coffee shops, li għandhom ikunu ħwienet għall-użu tar-residenti li fihom dawn jistgħu jixtru u, fi kwalunkwe każ, jikkonsmaw il-kannabis f’ambjent ta’ sigurtà u trankwill. Fuq it-tħeġġiġ tal-Gvern Olandiż, l-awtoritajiet pubbliċi lokali b’hekk saħħew ir-regolamenti tagħhom billi llimitaw in-numru ta’ coffee shops fil-lokalità tagħhom jew billi għażlu politika ta’ għeluq, kif jidher li huwa l-każ fil-komun ta’ Maastricht (36). Oħrajn iddeċidew li jillimitaw is-sigħat tal-ftuħ tal-istabbiliment (għeluq fi tmiem il-ġimgħa jew fil-għaxija) jew il-kwantità ta’ kannabis mibjugħa jew stokkjata. Fl-aħħar nett, uħud stabbilixxew kriterju ta’ distanza billi pprojbixxew il-ftuħ ta’ coffee shop qrib ċerti istituzzjonijiet bħall-iskejjel jew sptarijiet psikjatriċi. Skont il-Burgemeester van Maastricht, jidher li dawn il-miżuri ma wasslux biex jitnaqqas, b’mod sostanzjali, it-turiżmu tad-droga.

60.      Huwa f’dan il-kuntest li tidħol din il-miżura kkontestata. Din meta tipprojbixxi l-aċċess għall-coffee shops lil dawk li mhumiex residenti, tikkostitwixxi miżura pilota (37) li biha l-komun jipprova jnaqqas it-turiżmu tad-droga u l-inkonvenjenzi kollha li dan iġib miegħu.

61.      Il-miżura kkontestata, ibbażata fuq il-kriterju tar-residenza, ġiet adottata fl-20 ta’ Diċembru 2005 mill-Gemeenteraad (kunsill komunali) tal-komun ta’ Maastricht, imbagħad daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Jannar 2006. Kif indika l-Burgemeester van Maastricht matul is-seduta, l-applikazzjoni tagħha ġiet sospiża fid-dawl tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

62.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2.3.1.3(e), tar-regolament ġenerali tal-komun ta’ Maastricht (Algemene plaatslijke verordening) fil-verżjoni tal-2006 (iktar ’il quddiem l-“APV”) huwa pprojbit għall-persuna li tmexxi stabbiliment taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2.3.1.1(a)(3) tal-APV li tagħti aċċess fih lil persuni li ma jkunux residenti jew li jħallihom joqogħdu hemmhekk. Il-kunċett ta’ “stabbiliment” huwa ddefinit f’din l-aħħar dispożizzjoni bħala li huwa spazju aċċessibbli għall-pubbliku li fih impriża tipprovdi, kemm jekk tirrikorri jew le għal tagħmir ta’ distribuzzjoni, ikel u/jew xorb mhux alkoħoliku li l-klijenti mhumiex obbligati li jikkonsmaw fil-post (38). Il-kunċett ta’ “resident” jirrigwarda, fit-termini tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2.3.1.1(d) tal-APV, il-persuni li għandhom ir-residenza effettiva tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi.

63.      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 2.3.1.3(e) tal-APV jistabbilixxi li l-Burgemeester jista’ jiddeċiedi li d-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu ma jiġux applikati għat-tip jew diversi tipi ta’ stabbilimenti msemmija fil-APV fil-komun kollu jew f’settur wieħed jew iżjed tal-komun li jispeċifika.

64.      B’deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2006, il-Burgemeester van Maastricht eżenta mill-applikazzjoni tal-miżura kkontestata l-istabbilimenti kollha tal-komun taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2.3.1.1(a)(3) tal-APV, bl-eċċezzjoni tal-coffee shops, ħwienet tat-te u oħrajn, irrispettivament minn kif jissejħu.

65.      Skont l-Artikolu 2.3.1.5(a) (f) tal-APV, il-Burgemeester jista’ jiddeċiedi li jagħlaq, temporanjament jew definittivament, wieħed mill-istabbilimenti taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2.3.1.1. (a)(3) tal-APV jekk il-persuna li tmexxi l-istabbiliment taġixxi bi sfida tal-miżura kkontestata.

III – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

66.      B’deċiżjoni tas-7 ta’ April 1994, M. Josemans kiseb awtorizzazzjoni sabiex imexxi, f’Maastricht, il-coffee shop Easy Going, stabbiliment li fih jinbiegħu u jiġu kkonsmati “drogi ħfief” kif ukoll xorb mhux alkoħoliku u ikel. Din l-awtorizzazzjoni ngħatat bil-kundizzjoni li jkunu osservati l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-APV.

67.      Matul żewġ kontrolli li saru fis-16 ta’ Frar u t-8 ta’ Mejju 2006, l-awtoritajiet tal-pulizija tal-komun ta’ Maastricht ikkonstataw li ċittadini tal-Unjoni li ma kinux residenti fil-Pajjżi l-Baxxi kienu ġew ammessi f’dan l-istabbiliment bi ksur tal-kriterju ta’ residenza stabbilit mill-miżura inkwistjoni.

68.      Bl-applikazzjoni tal-APV, il-Burgemeester van Maastricht għalhekk iddeċieda li jagħlaq temporanjament dan l-istabbiliment b’deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2006.

IV – Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari

69.      Ir-Raad van State iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      [Miżura] bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-aċċess ta’ persuni mhux residenti għall-coffee shops, taqa’ kompletament jew parzjalment fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-[TFUE] u b’mod partikolari tal-moviment liberu tal-merkanzija jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew saħansitra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni taħt l-Artikolu [18 TFUE] moqri flimkien mal-Artikolu [21 TFUE]?

2)      Jekk ikunu applikabbli d-dispożizzjonijiet tat-[TFUE] dwar il-moviment liberu tal-merkanzija jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-projbizzjoni milli persuni mhux residenti jitħallew jidħlu ġewwa l-coffee shops hija mezz ġust u proporzjonat sabiex jitnaqqas it-turiżmu tad-droga u l-inkonvenjenzi li joħloq?

3)      Il-projbizzjoni milli ssir diskriminazzjoni bejn ċittadini minħabba ċ-ċittadinanza, li tinsab fl-Artikolu [18 TFUE] moqri flimkien mal-Artikolu 18 KE, hija applikabbli għal-leġiżlazzjoni dwar l-aċċess ta’ persuni mhux residenti ġewwa l-coffee shops jekk id-dispożizzjonijiet tat-[TFUE] fuq il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jkunux applikabbli?

4)      Jekk dan ikun il-każ, id-distinzjoni magħmula b’mod indirett f’dan ir-rigward bejn persuni residenti u persuni mhux residenti hija ġġustifikata u l-projbizzjoni milli persuni mhux residenti jitħallew ġewwa l-coffee shops hija mezz ġust u proporzjonat sabiex jitnaqqas it-turiżmu tad-droga u l-inkonvenjenzi li joħloq?”

V –    Analiżi

70.      Id-domandi preliminari li għamlet il-qorti tar-rinviju jkopru żewġ kwistjonijiet li ser neżaminaw suċċessivament.

71.      L-ewwel waħda hija dik biex isir magħruf jekk miżura adottata minn awtorità pubblika lokali fil-kuntest tar-regolamenti ġenerali tal-pulizija tagħha, li tirriżerva l-aċċess għall-coffee shops għar-residenti Olandiżi biss, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tal-moviment liberu tal-persuni, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-moviment liberu tal-merkanzija skont l-Artikolu 35 TFUE.

72.      It-tieni waħda hija biex isir magħruf jekk, fi kwalunkwe każ, miżura bħal din tikkostitwixxix restrizzjoni fuq wieħed minn dawn il-prinċipji fundamentali, li tista’ tiġi ġġustifikata għal raġunijiet tal-ġlieda kontra t-turiżmu tad-droga u l-inkonvenjenzi li jġib miegħu.

A –    Osservazzjonijiet preliminari

73.      Qabel ma jsir l-eżami tad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, nixtieq nagħmel osservazzjoni preliminari dwar id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li fil-fehma tiegħi jeħtieġu inter­pretazzjoni.

74.      Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju tidentifika erba’ dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistgħu, skont hi, jipprekludu l-miżura kkontestata. F’dan ir-rigward, hija ssemmi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni taħt l-Artikolu 18 TFUE, il-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni rrikonoxxut fl-Artikolu 21 TFUE, il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija skont l-Artikolu 35 TFUE u fl-aħħar, il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi taħt l-Artikolu 56 TFUE.

75.      Naħseb li, fost l-erba’ prinċipji invokati mill-qorti tar-rinviju, huwa fid-dawl biss tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt l-Artikolu 56 TFUE li, fi kwalunkwe każ, għandha tiġi eżaminata l-konformità tal-miżura kkontestata.

76.      Fil-fatt, din il-miżura tikkonċerna, primarjament, provvista ta’ servizzi. Skont l-AVP, il-coffee shops huma stabbilimenti ta’ ristorazzjoni, aċċessibbli għall-pubbliku, li fihom jinbiegħu, skont il-liċenzja ta’ ġestjoni li tagħtihom il-muniċipalità, ikel u xorb mhux alkoħoliku. Dawn il-prodotti jistgħu jiġu kkonsmati fil-post jew jistgħu jittieħdu take away. Jekk jeżistu sitwazzjonijiet li fihom il-klijenti jesportaw il-prodotti mixtrija, din l-attività tibqa’ attività aċċessorja u inseparabbli tal-bejgħ u għalhekk ma tiġġustifikax eżami tal-miżura kkontestata fir-rigward tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija u, b’mod partikolari tal-Artikolu 35 TFUE  (39).

77.      Barra minn hekk, sa fejn il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi huwa espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ nondiskrimin­azzjoni u jikkostitwixxi wkoll applikazzjoni partikolari tad-dritt għal kull ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li jirrisjedi fit-territorju tal-Istati Membri, ma huwiex meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fid-dawl tal-Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE (40).

78.      Iżda qed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta kumpless ta’ regoli li l-qorti tar-rinviju ma kkunsidratx espressament fid-domandi preliminari tagħha.

79.      Il-fatt li qorti nazzjonali fformulat, fuq livell formali, id-domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li tressqet quddiemha, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex espressament indikati fid-domandi li indirizzawlha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li toħroġ, mill-kumpless ta’ elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni invista tas-suġġett tal-kawża (41).

80.      F’dan il-każ nirrileva l-ewwel nett, li d-domanda li tagħmlilna l-qorti tar-rinviju ma tikkonċernax tant il-bejgħ tal-prodotti ta’ konsum legali iżda dak ta’ prodott ta’ droga narkotika. Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-konsegwenzi ta’ tolleranza bħal din u, b’mod partikolari, fuq il-miżuri li jistgħu jkunu adottati għall-preservazzjoni tal-ordni pubbliku mill-problemi li jinħolqu mit-turiżmu tad-droga. Issa, dawn il-preokkupazzjonijiet jirrigwardaw espressament l-Artikoli 4 TUE u 72 TFUE u huma, fil-fehma tiegħi, preċiżament is-suġġett tal-Artikolu 71(5) tal-Konvenzjoni ta’ Applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Schengen. Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dispożizzjonijiet imsemmija biex il-qorti nazzjonali tingħata risposta effettiva li tippermettilha tevalwa l-konformità tal-miżuri inkwistjoni u tiddeċiedi l-kawża li tressqet quddiemha.

B –    Fuq l-esklużjoni tal-miżura kkontestata mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE

81.      Fil-prattika, b’differenza notevoli mis-snack-bars u stabbilimenti oħra tal-fast food li fihom il-klijenti jixtru minerali u sandwiches oħrajn take-away, l-attività prinċipali tal-coffee shops hija ddedikata għall-bejgħ u l-konsum tal-kannabis. Din hija l-funzjoni primarja tagħhom u l-approċċ, li għandna nadottaw f’dan il-każ, għandu jkun kredibbli u realistiku.

82.      Il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantit mit-Trattat jista’ jiġi applikat għall-bejgħ ta’ prodott narkotiku? Fi kliem ieħor, min imexxi coffee shop jista’ jibbaża fuq dan il-prinċipju biex jilleġittima l-attività tiegħu u ċ-ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jibbaża fuq din il-libertà biex imur jieħu d-droga fi Stat Membru ieħor?

83.      Naħseb li dawn id-domandi kollha jeħtieġu risposta negattiva.

84.      Huwa evidenti li t-twaqqif ta’ suq intern u tal-leġiżlazzjoni relatata miegħu joħolqu ċerti diffikultajiet fir-rigward tad-drogi narkotiċi. Jekk l-impenji internazzjonali huma ċari, kienu meħtieġa, minkejja dan, diversi interventi tal-Qorti tal-Ġustizzja biex jiġi stabbilit il-prinċipju li d-drogi narkotiċi, inkluża l-kannabis, mhumiex merkanzija bħall-oħrajn u jaqgħu barra mil-leġiżlazzjoni li tapplika fis-suq intern meta l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom hija illegali (42).

85.      Fir-rigward tar-regoli tas-suq intern, id-drogi narkotiċi mhux kollha jidħlu fl-istess kategorija. Din hija differenza li tirrigwarda mhux in-natura tal-merkanzija, iżda l-użu finali tagħha. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, id-drogi narkotiċi li għandhom applikazzjoni medika jew xjentifika jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni tas-suq intern (43).

86.      Issa, dan mhuwiex il-każ għad-drogi narkotiċi importati illegament jew intiżi għal għanijiet illeċiti. Dan il-prinċipju ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja wara li ċerti Stati Membri ppruvaw japplikaw il-leġiżlazzjoni doganali u fiskali għal dawn il-prodotti.

87.      Traffikanti tad-droga Ġermaniżi li ġew ikkundannati għal pieni doganali iebsin għat-traffikar ta’ drogi narkotiċi (l-eroina) adixxew il-Qorti tal-Ġustizzja li, fis-sentenza Horvath (44), stabbiliet il-prinċipju tal-inapplikabbiltà tat-tariffa doganali komuni għall-prodotti li jaqgħu taħt projbizzjoni totali ta’ importazzjoni u ta’ ċirkulazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tafferma li “t-twaqqif tat-tariffa doganali komuni ma jħallix iktar kompetenza lil Stat Membru li japplika dazji doganali għad-drogi narkotiċi importati b’kuntrabandu […], filwaqt li jħallilu libertà sħiħa li jwettaq prosekuzzjoni tal-ksur imwettaq permezz tar-rimedji tal-proċeduri kriminali, bil-konsegwenzi li dawn kollha jfissru, anki fil-qasam pekunjarju [traduzzjoni mhux uffiċjali]”. Għall-Qorti tal-Ġustizzja d-drogi narkotiċi mdaħħlin b’kuntrabandu jiġġustifikaw mhux il-qligħ tad-dazji doganali iżda biss l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali strettament ripressivi.

88.      Din il-ġurisprudenza ġiet ikkonfermata u ppreċiżata. Fis-sentenzi Wolf (45) u Einberger (46), il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-projbizzjoni li jiġu rċevuti dazji doganali fuq id-drogi narkotiċi tirriżulta mill-fatt li dawn ma jistgħux ikunu integrati fiċ-ċirkuwitu ekonomiku tal-Unjoni. Fil-fatt hija tippreċiża li “ebda dejn doganali ma jinħoloq mal-importazzjoni tad-drogi narkotiċi li ma jagħmlux parti miċ-ċirkuwitu ekonomiku ssorveljat strettament mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintużaw għal għanijiet mediċi u xjentifiċi [traduzzjoni mhux uffiċjali]” (47). Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel għalhekk id-distinzjoni bejn id-drogi narkotiċi importati għal użu awtorizzat għal għanijiet mediċi u xjentifiċi u dawk importati illegalment, b’kuntrabandu. Min-naħa l-oħra, hija tirrileva li l-importazzjonijiet ta’ prodotti narkotiċi fi ħdan l-Unjoni jaqgħu barra għal kollox mill-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni doganali. Din tikkontribwixxi għall-oġġettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 TUE u għandha għalhekk tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kummerċ internazzjonali u t-tnaqqis tal-ostakoli għall-kummerċ (48). Għalhekk, il-leġiżlazzjoni doganali mhijiex intiża sabiex tapplika għad-drogi narkotiċi ħlief sa fejn dawn jagħmlu parti miċ-ċirkuwitu ekonomiku tal-Unjoni, jiġifieri meta jkunu importati legalment. Għad-drogi narkotiċi l-oħrajn, billi l-attività hija illeċita u ma tikkompetix ma’ attività leċita, it-tariffa doganali komuni, li hija l-bażi legali tal-valutazzjoni tal-merkanzija, ma tapplikax.

89.      Din is-soluzzjoni ġiet trasposta mill-Qorti tal-Ġustizzja ftit ta’ snin wara għal fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”). Jekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju tan-newtralità fiskali li fuqu d-direttiva dwar il-VAT hija bbażata ma jippermettix distinzjoni ġġeneralizzata bejn it-tranżazzjonijiet leċiti u t-tranżazzjonijiet illeċiti, teżisti eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, jiġifieri dik tal-każ fejn il-projbizzjoni li hemm fuq attività hija tant assoluta li ma jista’ jkun hemm l-ebda kompetizzjoni ma’ attività leċita.

90.      Billi l-moviment illeċitu ta’ drogi narkotiċi fi ħdan l-Unjoni jaqa’ barra mill-għanijiet stabbiliti mis-sistema komuni ta’ VAT u huwa s-suġġett ta’ projbizzjoni assoluta, dan ma jista’ jikkompeti ma’ ebda attività illegali oħra u ma jistax għalhekk jagħti lok għall-ġbir ta’ taxxi (49). Din is-soluzzjoni ġiet applikata diversi drabi f’sitwazzjonijiet differenti, bħall-importazzjoni, fi ħdan l-Unjoni, tal-morfina, imbagħad il-bejgħ mill-ġdid tagħha f’pajjiż terz (50) jew il-bejgħ ta’ anfetamini fit-territorju tal-Unjoni (51). Fl-aħħar nett, fis-sentenza Vereniging Happy Family Rustenburgerstraat (52), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li dan ir-raġunament jgħodd ukoll għall-kunsinna illegali ta’ drogi narkotiċi abbażi tal-qanneb, li, “anki jekk huma deskritti f’wieħed mill-Istati Membri bħala ‘drogi ħfief’, huma s-suġġett ta’ projbizzjoni legali totali ta’ importazzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni [traduzzjoni mhux uffiċjali]” (53).

91.      Din il-ġurisprudenza, li hija bbażata fuq il-karatteristiċi partikolari tad-drogi narkotiċi u fuq l-għanijiet li ssegwi l-Unjoni, jidhirli li hija trasponibbli perfettament f’din il-kawża.

92.      Fil-fatt, bħal-leġiżlazzjoni doganali jew fiskali Ewropea, il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi huwa għodda li tippermetti lill-Unjoni li tilħaq l-għanijiet li hija ffissat. B’mod partikolari, dan il-prinċipju għandu jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja bbażat fuq il-promozzjoni tal-paċi, tal-valuri tagħha u l-benesseri tal-popli tagħha (54). Għal dan il-għan, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandha tippermetti li titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni billi jingħataw il-possibbilità li jkollhom aċċess għal għażla ta’ prodotti u ta’ servizzi tal-aħjar kwalità u bi prezz aħjar. Hija għandha tippermetti wkoll li jgħixu f’soċjetà li tiżgura progress ekonomiku u soċjali bbilanċjat u fit-tul. Barra minn hekk, u kif jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 168 TFUE, il-provvista libera tas-servizzi għandha tiżgura livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u l-eżerċizzju tagħha, b’mod partikolari, għandu jippermetti li jitnaqqsu l-effetti ta’ ħsara tad-droga fuq is-saħħa taċ-ċittadini tal-Unjoni.

93.      F’dawn it-termini, l-attività tal-bejgħ tal-kannabis mhijiex leġittima. Din l-attività, ipprojbita mill-Istati Membri kollha, tibbanalizza konsum ta’ prodotti dejjem iktar diversifikati minkejja t-tisħiħ tal-leġiżlazzjonijiet. Meta tiġi ttollerata, l-attività msemmija għandha tendenza li “tiddemokratizza” l-użu ta’ prodott narkotiku li l-ħsara tiegħu għas-saħħa tal-bniedem hija rrikonoxxuta. Din taffettwa l-funzjonijiet soċjali u konjittivi vitali tal-individwu bħall-konċentrazzjoni u l-attenzjoni, iżżid ċerti problemi ta’ saħħa mentali bħall-ansjetà u d-dipressjoni u ġġib, b’dan il-fatt, żieda kostanti ta’ talbiet għat-trattament marbutin mal-konsum tagħha.

94.      Barra minn hekk, attività bħal din, li kellha tinżamm f’limiti strettament definiti, toħloq problemi għall-ordni pubbliku li ddeskrivejt iktar ’il fuq. Dawn l-inkonvenjenzi marbutin mat-turiżmu tad-droga huma kollha ta’ theddida għas-sigurtà u l-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni u jiġġustifikaw, skont id-direttivi tal-prosekuzzjoni pubblika, l-għeluq dirett tal-coffee shops.

95.      Dawn l-inkonvenjenzi jibqgħu wkoll minħabba fenomeni oħrajn, ukoll kuntrarji għal dawn id-direttivi.

96.      Għalhekk, għalkemm ir-reklamar huwa, fil-prinċipju, ipprojbit fil-coffee shops, dan sab appoġġ ġdid, iktar dinamiku u fuq skala mondjali permezz tal-internet. Jekk din l-għodda tippermetti li d-dinja tal-komunikazzjonijiet u tal-iskambju tal-informazzjoni titjieb, din tagħmel ukoll reklamar ta’ dan it-tip ta’ stabbiliment, u għalhekk tiffaċilita l-bejgħ u l-konsum tad-drogi illegali. Ċertu numru ta’ coffee shops għandhom għalhekk is-sit tal-internet tagħhom li fuqu jidher il-“menu” propost mill-istabbiliment, iżda fejn jiġi offrut ukoll servizz ta’ kunsinna d-dar ta’ kannabis jew ta’ żerriegħa tal-kannabis. Il-katalogu huwa preċiż, il-ħlas huwa sigur u l-kunsinna diskreta. Huwa evidenti li reklamar bħal dan iħajjar mhux biss għall-konsum tal-kannabis, imma wkoll il-kultivazzjoni tagħha f’illegalità sħiħa u dan jidhirli li jmur perfettament kontra l-impenji li l-Istati Membri ssottoskrivew fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988 u tal-Azzjoni Konġunta 96/750 (55).

97.      Wara, għalkemm il-bejgħ ta’ “drogi qawwijin” huwa pprojbit fil-coffee shops, dawn tal-aħħar iservu, madankollu, ta’ kalamita għad-dealers u jiffavorixxu għalhekk, iktar milli jostakolaw, il-passaġġ mid-“drogi ħfief” għad-“drogi qawwijin”. F’dan ir-rigward nistaqsi sa fejn użu intensiv u fit-tul ta’ kannabis qawwija u mħallta ma’ sustanzi li jagħmlu tant ħsara bħaċ-ċomb, ix-xema’ kif ukoll mediċini skaduti ma jikkostitwixxix theddida daqstant gravi għas-saħħa u l-benesseri tal-individwi daqs il-konsum tal-LSD.

98.      Fl-aħħar nett, jekk min imexxi l-ħanut ma jistax, fil-prinċipju, ibiegħ iktar minn 5 g kannabis lil kull persuna kuljum (skont il-Gvern Olandiż, din hija l-kwantità normalment prevista għall-użu personali), jidhirli li individwu jista’ liberament imur fi tlettax-il coffee shop tal-komun ta’ Maastricht biex minn hemm jixtri kwantità ferm ikbar minn dik normalment prevista għall-konsum personali tiegħu.

99.      Il-qafas ta’ din l-attività juri, ukoll, kontradizzjonijiet.

100. Fil-fatt, għalkemm il-bejgħ tal-kannabis huwa ttollerat fil-limiti ffissati mid-direttivi tal-prosekuzzjoni pubblika Olandiża, il-kultivazzjoni, it-trasport, il-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ drogi narkotiċi jibqgħu attivitajiet ipprojbiti mil-liġi fuq id-drogi narkotiċi, suġġetti għal sanzjonijiet kriminali, sabiex, kif indikalna l-Gvern Olandiż matul is-seduta, is-sid ta’ coffee shop jieħu forniment b’riskju u b’perikolu tiegħu, u spiċċa, wara d-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja biex qabel li s-sistema inkwistjoni kienet “legalment […] prattikament inspjegabbli”. Peress li ma tirregola l-ebda “katina ta’ attività”, din il-politika tiffaċilita għalhekk, l-iżvijar lejn ċirkuwiti illeċiti u jikber ir-riskju li l-kannabis mibjugħa fil-coffee shops tkun ta’ kwalità ħażina ħafna u mħallta.

101. Fl-aħħar nett, skont l-AVP, il-klijenti tal-coffee shops mhumiex marbutin li jikkonsmaw il-kannabis fil-post (56). Jistgħu joħduha magħhom. Jekk uħud jixtru kwantità żgħira ta’ kannabis intiża għall-użu personali tagħhom, oħrajn jixtru iktar u, kuntrarjament għal resident Olandiż, jesponu ruħhom għal prosekuzzjonijiet kriminali għall-esportazzjoni jew importazzjoni illegali ta’ drogi narkotiċi.

102. Skont dak li ġie indikat matul is-seduta, il-limiti tal-politika ta’ tolleranza li jipprattika r-Renju tal-Pajjżi l-Baxxi jidhru perfettament mill-proċedura mibdija fit-3 ta’ Novembru 2009 mill-awtoritajiet Olandiżi fil-konfront tal-coffee shop CheckPoint li jinsab f’Terneuzen, mal-fruntiera Belġjana. Filwaqt li dan il-coffee shop kellu stokk ta’ iktar minn 200 kg ta’ kannabis, kien jilqa’ iktar minn 3 000 klijent kuljum, essenzjalment Belġjani u Franċiżi, li jiġu servuti wara li jieħdu biljett enumerat. Is-sbatax-il konvenut kienu suġġetti għal prosekuzzjonijiet għaliex jappartjenu għal grupp kriminali organizzat u għat-traffikar tad-droga u, b’mod partikolari, għall-esportazzjoni tal-kannabis, billi dawn biegħu l-kannabis lil barranin.

103. Dawn l-elementi juru, jekk kien hemm bżonn, li l-attività tal-bejgħ tal-kannabis ma tikkontribwixxi xejn għall-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni, iġġib magħha problemi gravi għall-ordni pubbliku u therri l-bażi ta’ ekonomija leġittima billi tippermetti lil organizzazzjonijiet kriminali li jippenetraw is-suq. Kull min jikkultiva, jipproduċi, jiffabbrika, jittrasporta, jimporta, jesporta, joffri jew anki jbiegħ, ikun xi jkun l-iskop, prodotti narkotiċi jpoġġi lilu nnifsu b’mod ċar barra mill-isfera ekonomika legalizzata tas-suq intern li, minflok jibbenefika mill-vantaġġi ta’ dan is-suq komuni, huwa suġġett biss għal prosekuzzjonijiet kriminali.

104. Din l-attività, anki jekk hija ttollerata minn Stat Membru, assolutament ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif hija ggarantita fl-Artikolu 56 TFUE.

105. Jekk nammettu l-kuntrarju u nsostnu l-argument difiż minn M. Josemens, dan ikun ifisser li l-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat huma finalment intiżi biex ikopru l-prodotti kollha li jistgħu jiġu evalwati fis-suq u l-kumpless tas-servizzi li jistgħu jiġu offruti fih, indipendentement mil-legalità tagħhom u l-impenji adottati mill-Istati Membri. Għalhekk favur l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, ikun leġittimu l-kummerċ ta’ prodott narkotiku. Raġunament bħal dan għandu jiġi miċħud għaliex jista’ japplika bl-istess mod għat-traffikar tal-bnedmin, għall-prostituzzjoni tal-minuri kif ukoll għal-pornografija pedofila u dan jikkostitwixxi lakuna inammissibbli fl-intepretazzjoni ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja bbażat fuq l-Istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali.

106. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-miżura kkontestata, li tirrestrinġi l-aċċess għall-coffee shops għar-residenti Olandiżi biss, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi taħt l-Artikolu 56 TFUE.

107. Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni ma tistax tkun ikkontestata mill-fatt li l-coffee shops jikkummerċjalizzaw ukoll prodotti ta’ konsum legali bħall-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku.

108. L-approċċ li għandna niżviluppaw f’dan il-każ għandu jkun kredibbli u realistiku. Id-domanda li qed tagħmel il-qorti tar-rinviju ma tikkonċernax tant il-bejgħ ta’ prodotti aċċessorji, iżda dak ta’ prodott narkotiku għall-konsum personali. Fil-fatt il-qofol tal-coffee shops ma huwiex li huma lok għall-konsum bħall-oħrajn fejn il-persuni jiġu biex jixorbu minerali jew jixtru sandwich, iżda huwa post partikolari ħafna fejn ikunu jistgħu jixtru u jikkonsmaw il-kannabis. Din il-partikolarità, li ma nistgħux ninjoraw, toħroġ ċara ħafna permezz ta’ żewġ konstatazzjonijiet.

109. L-ewwel waħda tikkonċerna n-natura tal-problema li tqum f’din il-kawża. Din tirrigwarda politika kriminali bbażata fuq l-evalwazzjoni tal-prinċipju tal-opportunità tal-prosekuzzjonijiet li, taħt kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jiġġustifika, fuq il-livell nazzjonali, l-attitudni ta’ tolleranza adottata. Issa, din l-evalwazzjoni tikkonċerna biss il-bejgħ tal-kannabis, billi l-bejgħ tat-te qatt ma ġġenera delinkwenza u mhuwiex suġġett għal repressjoni kriminali. Il-kummerċ ta’ prodotti ta’ konsum leċitu jidhirli li huwa leġittimu u għalhekk irrilevanti u jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħi, problema falza.

110. It-tieni konstatazzjoni tikkonċerna l-istabbiliment stess tal-coffee shops. Kuntrarjament għall-istabbilimenti l-oħrajn tas-settur tas-snack bars, il-ftuħ ta’ coffee shop jeħtieġ mhux biss li tinkiseb liċenzja għall-ġestjoni, iżda fuq kollox li jiġu sodisfatti l-kriterji AHOJ-G. Hija biss l-osservanza ta’ dawn il-kriterji li tikkundizzjona l-ftuħ u ż-żamma tal-attività ta’ dan it-tip ta’ stabbiliment. Issa kull wieħed mill-kriterji msemmija, meħud b’mod iżolat, jippermetti li jinkludi l-partikolarità ta’ dawn l-istabbilimenti u biex jiġi konkluż li l-attività tal-coffee shops hija, fil-prattika, esklużivament iddedikata għall-bejgħ u l-konsum tal-kannabis. Ir-riżultati finanzjarji pprovduti minn M. Josemans jikkonfermaw din ir-realtà. Filwaqt li d-dħul mill-bejgħ magħmul mill-coffee shop Easy Going għal dak li jikkonċerna l-bejgħ ta’ kannabis tela’, għall-ewwel tliet xhur tas-sena 2010, għal EUR 10 miljun, din iċ-ċifra hija ta’ EUR 552 400 għal dak li jirrigwarda l-bejgħ ta’ prodotti ta’ snacks (57). Kif ikkonferma l-Gvern Olandiż matul is-seduta, din l-aħħar attività tirrappreżenta ġeneralment bejn 2.5 % u 7.1 % tad-dħul mill-bejgħ totali mill-coffee shops tal-komun ta’ Maastricht (fil-każ preżenti, 5.5 % għall-coffee shop Easy Going), jiġifieri parti relattivament negliġibbli. Jidhirli li huwa evidenti li turist li jkun ivvjaġġa għexieren jekk mhux mijiet ta’ kilometri biex jasal Maastricht jidħol f’coffee shop biex jixtri l-hashish jew il-marijuana iktar milli jixrob xi tazza te fejn, fuq kollox, il-komun ta’ Maastricht għandu iktar minn 500 stabbiliment għas‑snacks (58).

111. Għaldaqstant, minħabba l-parti negliġibbli ħafna u aċċessorja li għandha l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta’ konsum leċitu, naħseb li huwa artifiċjali li l-eżami jiġi ddiżassoċjat mill-konformità tal-miżura kkontestata skont dawn iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet. Fil-fatt, bl-iskuża li miżura bħal din tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovdut servizz aċċessorju, ikun hemm ir-riskju li r-regoli tat-Trattat jistgħu fl-aħħar mill-aħħar iservu l-interessi tal-kummerċ tad-droga.

112. Minħabba dawn l-elementi kollha, nistieden, għalhekk, lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li miżura adottata minn awtorità pubblika lokali fil-qafas tar-regolamenti ġenerali tal-pulizija tagħha, li tirriżerva l-aċċess għall-coffee shops għar-residenti Olandiżi biss, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi taħt l-Artikolu 56 TFUE.

C –    Fuq il-konformità tal-miżura kkontestata fir-rigward tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri għaż-żamma tal-ordni pubbliku nazzjonali u tal-ordni pubbliku Ewropew

113. Minħabba l-importanza ta’ din il-kawża fir-rigward tal-funzjonament tal-Unjoni u fl-ispirtu ta’ kooperazzjoni mal-qorti tar-rinviju, naħseb li huwa indispensabbli issa li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirrigwardaw speċifikament il-protezzjoni tal-ordni pubbliku u l-ġlieda kontra d-domanda illeċita ta’ drogi narkotiċi.

114. Il-miżura kkontestata għandha l-għan li tiġġieled kontra fenomenu nevralġiku li huwa t-turiżmu tad-droga. Dan it-turiżmu żviluppa minħabba t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri intra-Komunitarji u ġie intensifikat permezz tal-politika liberali li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jipprattika fir-rigward tal-użu u l-bejgħ tal-kannabis.

115. Dan il-fenomenu jikkawża problemi sinjifikattivi fil-Pajjiżi l-Baxxi u, b’mod partikolari, fir-reġjuni transkonfinali tiegħu, u jikkostitwixxi wkoll “attakk inaċċettabbli fil-kuntest tar-residenza u tal-ħajja” tar-residenti (59). Il-miżura kkontestata timmira wkoll biex tillimita l-problemi ta’ moviment u tat-tlajjar u biex jitnaqqas l-istorbju u l-inkonvenjenzi li joħolqu ġemgħat ta’ dawk li jpejpu u d-dħul tagħhom fl-intrati tal-immobbli. Din tipprova wkoll tagħti tweġiba għall-fastidji u l-vjolenza fil-belt li jistgħu jiġu kkawżati mill-preżenza ta’ dealers, ta’ nies li jiddependu mid-droga u ta’ gruppi kriminali organizzati fil-komun (60).

116. F’dan ir-rigward, l-adozzjoni tal-miżura kkontestata hija meħtieġa taħt l-Artikoli 4 TUE u 72 TFUE. Infakkru li, bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jibqgħu responsabbli miż-żamma tal-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom u li, skont ġurisprudenza stabbilita, jibqgħu liberi li jiddeterminaw il-miżuri li għandhom in-natura li jżommuh, skont il-bżonnijiet nazzjonali tagħhom (61). Filwaqt li huwa stabbilit li l-kunċett ta’ ordni pubbliku għandu jiġi interpretat ristrettivament u ma jistax jiġi invokat ħlief f’każ ta’ theddida reali u biżżejjed gravi kontra interess fundmentali tas-soċjetà, ma hemm l-ebda dubju li t-turiżmu tad-droga, fir-rigward tal-problemi li joħloq, jaqa’ taħt dan il-kunċett (62).

117. Madankollu, it-turiżmu tad-droga jikkawża wkoll inkonvenjenzi gravi għall-ordni pubbliku tal-Unjoni. Fil-fatt dan l-isem qarrieqi jaħbi, fil-verità, traffiku internazzjonali ta’ drogi narkotiċi u jagħlef attivitajiet kriminali organizzati li, kif jirrikonoxxi l-Kunsill fil-Programm ta’ Stokkolma, jheddu s-sigurtà interna tal-Unjoni (63). Dawn ir-riperkussjonijiet huma għaldaqsant iktar gravi minn dawk li jaffettwaw l-effettività tal-miżuri iktar ripressivi adottati mill-Istati Membri ġirien. Dan il-fenomenu jwassal bla dubju, fih innifsu, għal dimensjoni Ewropea u internazzjonali u huwa f’dan il-livell li l-Istati Membri huma impenjati jikkumbattuh.

118. Jekk ma tkunx teżisti, kif tindika l-ġurisprudenza, “skala uniformi ta’ valuri f’dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjoni tal-aġir li jista’ jiġi kkunsidrat bħala kuntrarju għall-ordni pubbliku [traduzzjoni mhux uffiċjali]” (64), jibqa’ l-fatt li wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni huwa li jiġi kkostitwit spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fi ħdanu jiġi żgurat, b’mod konformi mal-Artikolu 3(2) TUE, livell għoli ta’ sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri huma ddeterminati li jiġġieldu t-turiżmu tad-droga fid-dimensjonijiet kollha tiegħu u permezz ta’ approċċi diversi.

119. Lil hinn mill-konklużjoni ta’ ftehim bilaterali u multilaterali li saru wara r-Riżoluzzjoni tal-1996 (65) u tal-approssimazzjoni tal-prattiċi tas-servizzi tal-pulizija u servizzi tad-dwana taħt l-Azzjoni Konġunta 96/750 (66), l-Istati Membri huma impenjati li jadottaw il-miżuri neċessarji kollha għall-prevenzjoni tat-traffikar illegali ta’ drogi narkotiċi fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Schengen.

120. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 71(5) ta’ din il-konvenzjoni, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jagħmlu dak kollu li huwa fil-poter tagħhom biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra t-talba illeċita ta’ drogi illegali u l-effetti negattivi tagħha fejn il-kannabis hija espressament milquta. Skont din id-dispożizzjoni, il-miżuri adottati għal dan il-għan “[k]ull Parti Kontraenti għandha tkun responsabbli”. Issa, huwa ovvju li l-miżura kontestata taqa’ b’mod ċar fil-linja ta’ dan l-impenn (67).

121. F’dan il-kuntest fejn it-turiżmu tad-droga ma waqafx jikber u jherri l-bażi li fuqu jibbaża l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, il-miżura kkontestata tasal biex tillimita l-konsegwenzi msemmija iktar ’il fuq. Għalhekk hija tissodisfa l-obbligi li l-Istat Membru għandu jikkonforma magħhom taħt l-Artikoli 4 TUE u 72 TFUE kif ukoll skont l-Artikolu 71(5) tal-Konvenzjoni ta’ Applikazzjoni tal-ftehim ta’ Schengen. Hemmhekk, u hemm biss, tinsab ir-raġuni legali tal-konformità neċessarja tagħha.

122. Ma hemmx dubju li t-turiżmu tad-droga jiġġenera u, fi kwalunkwe każ, jiffavorixxi t-traffiku illegali transkonfinali tad-drogi narkotiċi fl-istess waqt li joħloq ukoll attivitajiet kriminali oħrajn. Għalhekk, il-ġlieda kontra dawn il-fenomeni għandha tikkostitwixxi kemm oġġettiv ewlieni segwit mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll preokkupazzjoni komuni għal kull Stat Membru. Il-leġiżlatur tal-Unjoni fehem dan u d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam (68) imbagħad dak ta’ Lisbona jagħtu, fl-aħħar nett, dimensjoni oħra kontra t-traffikar illegali ta’ droga narkotika u tal-kriminalità organizzata. Billi rrikonoxxa li dawn huma oqsma ta’ kriminalità partikolarment gravi, li għandhom dimensjoni transkonfinali minħabba n-natura tagħhom, l-effetti tagħhom jew il-bżonn li jiġu miġġielda fuq bażi komuni, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa n-neċessità li tiġi żgurata armonizzazzjoni minima tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali għal dak li jikkonċerna d-definizzjoni ta’ dawn l-attivitajiet u s-sanzjonijiet li huma applikabbli għalihom (69). Dawn id-dispożizzjonijiet daħħlu t-traffikar illegali tad-drogi narkotiċi f’dak li llum hemm qbil li jissejħu l-“ewroreati” u skont il-Programm ta’ Stokkolma, dawn l-“ewroreati”, billi jheddu s-sigurtà interna tal-Unjoni, huma, ta’ min ifakkar, “sfida urġenti li teħtieġ rispons ċar u komprensiv ” (70). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-miżura kkontestata tkun valida anki fin-nuqqas ta’ problemi għall-ordni pubbliku intern, minħabba l-uniku obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-preservazzjoni tal-ordni pubbliku Ewropew.

123. F’din il-kawża, peress li din il-miżura tikkostitwixxi mhux biss il-manifestazzjoni għall-Istat tad-dritt li huwa rrikonoxxut lilu li jippreserva l-ordni pubbliku intern tiegħu, iżda wkoll l-obbligu tiegħu, fir-rigward tal-Istati Membri oħrajn, li jikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-ordni pubbliku Ewropew skont l-impenji sottoskritti, għaldaqstant din għandha tiġi vvalidata taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

124. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi lill-qorti tar-rinviju li l-Artikoli 4 TUE, 72 TFUE u 71(5) tal-Konvenzjoni ta’ Applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Schengen ma jipprekludux miżura adottata minn awtorità pubblika lokali fil-qafas tar-regolamenti ġenerali tal-puliżija tagħha, li tirriżerva l-aċċess għall-coffee shops għar-residenti Olandiżi biss, meta din il-miżura tikkostitwixxi l-manifestazzjoni tad-dritt irrikonoxxut lilha li tippreserva l-ordni pubbliku intern mill-problemi kkawżati mit-turiżmu tad-droga u/jew it-twettiq tad-dmir tagħha li tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-ordni pubbliku Ewropew.

VI – Konklużjoni

125. Invista tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi bil-mod li ġej id-domandi preliminari magħmula mir-Raad van State:

“1)      Miżura adottata minn awtorità pubblika lokali fil-qafas tar-regolamenti ġenerali tagħha tal-pulizija, li tirriżerva l-aċċess għall-coffee shops għar-residenti Olandiżi biss, ma tirrigwardax il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi taħt l-Artikolu 56 TFUE.

2)      L-Artikoli 4 TUE, 72 TFUE u 71(5) tal-Konvenzjoni ta’ Applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 ma jipprekludux miżura meta din tikkostitwixxi l-manifestazzjoni tad-dritt irrikonoxxut lill-awtorità pubblika li tippreserva l-ordni pubbliku intern mill-problemi kkawżati mit-turiżmu tad-droga u/jew it-twettiq tad-dmir tagħha li tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-ordni pubbliku Ewropew”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2       Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen”).


3 – Matul ix-xahar ta’ Jannar 2009, il-Gvern Brittaniku ddeċieda li jsaħħaħ il-miżuri ta’ ripressjoni li kienu applikabbli sa dakinhar għall-offerta u t-traffikar tal-kannabis minħabba d-dehra fis-suq tal-“iskunk”, li huwa kannabis li fih konċentrazzjoni ta’ THC minn erba’ sa ħames darbiet ogħla minn dik tal-preparazzjonijiet klassiċi, minħabba t-tekniki tal-ortikultura użati (ara ċ-ċirkulari 001/2009 tal-Ministeru tal-Intern Brittaniku bl-isem “Controlled drugs: reclassification of cannabis”, disponibbli fuq is-sit tal-Internet: http://www.homeoffice.gov.uk/about-us/home-office-circulars/circulars-2009/?showall=true).


4 – Ara F.T.A. Pijlman et “Strong increase in total delta-THC in cannabis preparations sold in Dutch coffee shops”, Addiction Biology, Ġunju 2005, Vol. 10, p. 171. Ara wkoll ir-rapport tal-kummissjoni ta’ inkjesta Nru 321 fuq il-politika nazzjonali tal-ġlieda kontra d-droga illegali, maħluqa bis-saħħa ta’ riżoluzzjoni adottata mis-senat fit-12 ta’ Diċembru 2002, disponibbli fuq is-sit tal-Internet tas-senat Franċiż; “An overview of cannabis potency in Europe”, European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction, Lisbona, 2004, u tas-“2006 World Drug Report”, United Nations Office on Drugs and Crime, Vol. 1: Analysis, p. 27.


5 – Ara r-rapport annwali mogħti konġuntament mill-Osservatorju Ewropew tad-Drogi u tad-Dipendenza fuq id-Droga (OEDT) u l-Europol, ippubblikat fit-23 ta’ April 2010, disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-osservatorju msemmi.


6 – “Letter outlining drugs policy”, li tapprova r-rapport tal-kumitat tal-esperti fuq il-politika tad-drogi “New emphasis in Dutch drugs policy”, disponibbli fuq is-sit tal-Internet tal-Ministeru Olandiż tas-Saħħa, tal-Welfare u tal-Isports: http://english.minvws.nl/en/kamerstukken/vgp/2009/letter-outlining-drugs-policy.asp. Ara, b’mod partikolari, il-punt 3 ta’ din l-ittra.


7 – Ara, b’mod partikolari, l-ewwel parti, II, A.(2) tar-rapport tal-kummissjoni ta’ inkjesta Nru 321 imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet, bit-titolu “Les effets du cannabis: la fin du mythe des drogues ‘douces’”; M. Yücel, N. Solowij, et, “Regional brain abnormalities associated with long-term heavy cannabis use”, Arch Gen Psychiatry, Ġunju 2008, Vol. 65, Nru 6, p. 694; J.C. van Ours, u J. Williams, “Cannabis use and mental health problems”, Center Discussion Paper  2009-60, Lulju 2009; N. Solowij et “Cognitive functioning of long-term heavy cannabis users seeking treatment”, JAMA, Marzu 2002, Vol. 287, Nru 9, p. 1123, u L. Karila et “Conséquences à court et long terme d’une exposition prénatale au cannabis”, Journal de gynécologie obstétrique et biologie de la reproduction, Jannar 2006, Vol. 35, Nru 1, p. 62. Ara wkoll. rapport espressament imħejji mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-abbozz tar-riżoluzzjoni tiegħu fuq il-kannabis stabbilit fis-7 ta’ Lulju 2004 invista tad-definizzjoni tal-istrateġija ġdida kontra d-droga tal-Unjoni, disponibbli fuq is-sit tal-Internet tar-reġistru pubbliku tad-dokumenti tal-Kunsill: http://register.consilium.europa.eu.


8 – Ara “Cannabis: quels effets sur le comportement et la santé?”, Institut National de la Santé et de la Recherche Médicale (INSERM), Pariġi, 2001, p. 429. Ara wkoll aġġornament ta’ din il-kompetenza fuq is-sit tal-Internet tal-INSERM: http://www.inserm.fr.


9 – ĠU 2010, C 83, p. 389.


10 – Riżoluzzjoni dwar il-miżuri tal-ġlieda kontra l-problema tat-turiżmu tad-droga ġewwa l-Unjoni Ewropea (ĠU C 375, p. 3).


11 – Azzjoni Konġunta 96/750/JHA adottata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li tikkonċerna l-approssimazzjoni tal-liġijiet u l-prattiċi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra d-dipendenza fuq id-droga u għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta’ drogi (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 1, paġni 48).


12 – Artikolu 3 ta’ din l-azzjoni.


13 – Artikolu 9 ta’ din l-azzjoni.


14 – Deċiżjoni Kwadru li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta’ atti kriminali u ta’ pieni fil-qasam tat-traffikar illegali ta’ drogi (ĠU L 153M, p. 94).


15 – Bis-saħħa tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2004/757, din l-imġiba hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha meta din tiġi mwettqa mill-awturi tagħha esklużivament għall-konsum personali tagħhom kif definit mil-liġi nazzjonali.


16 – Il-programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (ĠU 2010, C 115, p. 1).


17 – Ara l-punt 4.1 ta’ dan il-programm.


18 – Pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar id-Drogi għall-2009-2012, tal-20 ta’ Diċembru 2008 (ĠU C 326, p. 7).


19 – Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tagħmel komunikazzjoni fuq il-koerenza bejn id-dimensjonijet interni u esterni tal-politika tal-ġlieda kontra d-droga matul is-sena 2010.


20 – Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, Ġabra p. I‑6193), u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Gottwald (C‑103/08, Ġabra p. I-9117, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ April 2010, Bressol et u Chaverot et (C‑73/08, Ġabra p. I-2735, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


22 – Ara wkoll, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA (C‑222/07, Ġabra p. I-1407 , punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tat-13 ta’ April 2010, Wall (C‑91/08, Ġabra p. I-2815, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23 – Skont l-Artikolu 57 TFUE, “għandhom jitqiesu li jinkludu servizzi normalment mogħtija bi ħlas, sa fejn ma jkunux regolati minn dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital u tal-persuni”. Dawn is-servizzi jinkludu, b’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ natura kummerċjali.


24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa (C‑348/96, Ġabra p. I‑11, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata); tad-29 ta’ April 1999, Ciola (C‑224/97, Ġabra p. I‑2517, punt 11 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat-3 ta’ Ġunju 2010, Sporting Exchange (C‑203/08, Ġabra p. 4695, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll Ladbrokes Betting & Gaming u Ladbrokes International (C‑258/08, Ġabra p. I-4757, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa importanti li jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tikkostitwixxi applikazzjoni partikolari tad-dritt għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jmorru minn post għal ieħor u jirrisjedu fit-territorju tal-Istati Membri (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Zanotti, C‑56/09, Ġabra p. I-4517, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25 – Recueil des traités des Nations unies, 1990, Vol. 1582, Nru 1‑27627, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988”.


26 – Konvenzjoni kif emendata bil-Protokoll tal-1972 (Recueil des traités des Nations unies, Vol. 520, Nru 7515). Il-kannabis tidher fost is-sustanzi kkunsidrati li hija partikolarment suxxettibbli għall-abbuż kif ukoll li tipproduċi effetti ta’ ħsara.


27 – Recueil des traités des Nations unies, Vol. 1019, Nru 14956.


28 – Għal dak li jirrigwarda l-Unjoni, ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE, tat-22 ta’ Ottubru 1990, fir-rigward tal-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Traffiku Illeċitu ta’ Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 17 p. 173).


29 – Werkgroep Verdovende Middelen, Achtergronden en risico’s van druggeebruik (Baan rapport), Staatssecretaris van Sociale Zaken en Volksgezondheid en van de Minister van Justicie, Den Haag, 1972.


30 – Dan ir-rapport ġie ppubblikat mill-Gvern Olandiż (Ministeru tal-Affarijiet Barranin e. a, 1995).


31 – Idem.


32 – Ara b’mod partikolari, id-direttivi tal-Prosekutur Pubbliku Olandiż dwar il-politika ta’ tiftix u tal-prosekuzzjonijiet kriminali tal-ksur taħt il-liġi fuq id-drogi narkotiċi (Nederlandse Staatscourant 1980, Nru 137); tal-21 ta’ Ottubru 1994 (Nederlandse Staatscourant 1994, Nru 203), u tal-10 ta’ Settembru 1996 (Nederlandse Staatscourant 1996, Nru 187).


33 – Ara, ukoll, l-Artikolu 174a tal-Liġi fuq il-Komuni (Gemeentewet), il-Liġi fuq iż-Żoni Urbani (miżuri speċjali) (Wet bijzondere maatregelen grootstedelijke problematiek) u l-Artikolu 16 tal-Liġi fuq l-akkomodazzjoni (Woningwet).


34 – Ara l-ittra fuq il-kannabis (cannabisbrief) li t-tliet ministri responsabbli tal-politika fir-rigward tad-droga bagħtu lill-parlament Olandiż fit-23 ta’ April 2004 u li dan tal-aħħar approva fit-30 ta’ Ġunju 2004, kif ukoll l-ittra tal-11 ta’ Settembru 2009 msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


35 – Il-Burgemeester van Maastricht żied jgħid ukoll fis-seduta li 82 % tal-abitanti tal-komun ta’ Maastricht isofru minn inkonvenjenzi sostanzjali minħabba l-affluss tat-turisti tad-droga.


36 – Osservazzjonijiet magħmula mill-Burgemeester van Maastricht matul is-seduta.


37 – Dan jirriżulta b’mod ċar mill-ittri tal-ministri kompetenti tat-23 ta’ April 2004 u tal-11 ta’ Settembru 2009, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, kif ukoll id-dibattiti matul is-seduta.


38 – Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet orali pprovduti matul is-seduta mill-Burgemeester van Maastricht kif ukoll mill-Gvern Olandiż.


39 – Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, Hermann (C‑491/03, Ġabra p. I‑2025, punti 21 u 27).


40 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41 – Sentenza tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager (C‑420/06, Ġabra p. I‑1315, punti 46 u 47); tal-5 ta’ Marzu 2009, Kattner Stahlbau (C‑350/07, Ġabra p. I‑1513, punti 24 sa 26), u tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ (C‑115/08, Ġabra p. I-10265, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).


42 – Ara, f’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 85 sa 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-argument ta’ V. de Havy, “La politique de l’Union européenne en matière de stupéfiants”, Collection droit de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2008, p. 406.


43 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 1995, Evans Medical u Macfarlan Smith (C‑324/93, Ġabra p. I‑563).


44 – Sentenza tal-5 ta’ Frar 1981 (50/80, Ġabra p. 385). Din il-kawża kienet tikkonċerna d-determinazzjoni tad-dazju doganali applikabbli għal kwantità ta’ eroina mixtrija fil-black market f’Amsterdam u skoperta waqt li għaddiet mill-fruntiera bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Ġermanja.


45 – Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 1982 (221/81, Ġabra p. 3681), dwar id-determinazzjoni tad-dazji doganali applikabbli għal kwantitajiet ta’ eroina u kokaina mixtrija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-black market fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi u mibjugħa mill-ġdid minnu bi ksur tal-liġi Ġermaniża fuq id-drogi narkotiċi.


46 – Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 1982 (240/81, Ġabra p. 3699), dwar id-determinazzjoni tad-dazji doganali applikabbli għal kwantitajiet ta’ morfina li, wara li ġiet importata b’mod illegali fil-Ġermanja, inbiegħet fl-Isvizzera, bi ksur tal-liġi Ġermaniża fuq id-drogi narkotiċi.


47 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Horvath (punt 16) u Einberger (punt 16).


48 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Horvath (punt 13) u Einberger (punt 13).


49 – L-istess ħaġa fil-każ tal-flus foloz. Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1990, Witzemann (C‑343/89, Ġabra p. I‑4477).


50 – Sentenza tat-28 ta’ Frar 1984, Einberger (294/82, Ġabra p. 1177).


51 – Sentenza tal-5 ta’ Lulju 1988, Mol (269/86, Ġabra p. 3627).


52 – Sentenza tal-5 ta’ Lulju 1988 (289/86, Ġabra p. 3655).


53 – Punt 25.


54 – Artikolu 3 TUE.


55 – Infakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(c)(iii) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988 u tal-Artikolu 9 tal-Azzjoni Konġunta 96/750, l-Istati Membri jintrabtu li jikkwalifikaw bħala reat, fost l-oħrajn, li jsir tixwix jew tħajjir pubbliku għal produzzjoni jew użu illegali tal-kannabis u sabiex ikunu speċjalment viġilanti rigward l-użu b’mod partikolari tal-internet.


56 – Ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2.3.1.1(a)(3) tal-APV.


57 – Matul is-seduta, M. Josemans ippreċiża wkoll li d-dħul mill-bejgħ annwali medju ta’ ħanut tat-te stabbilit f’Maastricht kien ta’ EUR 200 000 fl-2007.


58 – Hija fuq din il-bażi li l-komun ta’ Maastricht, fil-fehma tiegħi, ordna projbizzjoni ta’ aċċess għall-istabbiliment. Fil-fatt, ma jkunx koerenti u lanqas effettiv li jkun awtorizzat l-aċċess għal eluf ta’ persuni li, ladarba jkunu ġewwa l-istabbiliment, jiġu mċaħħda mill-bejgħ. Dan ikun perikoluż ukoll.


59 – Ara l-punt 5 tal-ittra tat-tliet ministri nkarigati mill-politika tad-droga tal-2004, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


60 – Referenza għal din l-istess ittra.


61 – Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq l-Istati Membri “skala uniformi ta’ valuri” għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-aġir li jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jmur kontra l-ordni pubbliku (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et, C‑268/99, Ġabra p. I‑8615, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri biss jistgħu jevalwaw ir-riskji ta’ ħsara lill-ordni pubbliku fit‑territorju tagħhom. Dawn iċ-ċirkustanzi jvarjaw mhux biss minn Stat għal ieħor u minn żmien għal ieħor, iżda wkoll skont il-kuntest soċjali li jkun qiegħed fih l-Istat u tal-importanza li jagħti għal għan leġittimu fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni [ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn (41/74, Ġabra p. 1337, punt 18); tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑265/95, Ġabra p. I‑6959, punt 33); tal-15 ta’ Ġunju 1999, Heinonen (C‑394/97, Ġabra p. I‑3599, punt 43), u tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie (C‑54/99, Ġabra p. I‑1335, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata)].


62 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Calfa, iċċitati iktar ’il fuq, tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I‑5257) li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-ġlieda kontra d-drogi narkotiċi taqa’ taħt iż-żamma tal-ordni pubbliku. Ara wkoll is-sentenza Heinonen, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ġlieda kontra l-forom differenti ta’ kriminalità marbuta mal-konsum tal-alkoħol hija intiża li tħares is-sigurtà interna tal-Istat. F’din il-kawża, il-Gvern Finlandiż kien iġġustifika l-miżura tiegħu li jirrestrinġi l-importazzjoni tal-alkoħol għall-fatt li l-konsum ta’ prodott bħal dak, li kien żdied konsiderevolment, kien ġab miegħu banalizzazzjoni tal-aġir fi stat ta’ sokor, iż-żieda u l-aggravar tal-vjolenza, kif ukoll il-bidu u l-multiplikazzjoni ta’ swieq illegali.


63 – Ara l-punt 4.1 tal-Programm ta’ Stokkolma, fejn hemm referenza għan-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.


64 – Ara s-sentenza Jany et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).


65 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10. F’din ir-riżoluzzjoni, il-Kunsill stieden l-Istati Membri biex jikkonkludu ftehim bilaterali jew multilaterali sabiex jiġi żviluppat l-iskambju ta’ informazzjoni, ta’ prattiċi u ta’ titjib tal-kooperazzjoni biex jiġi miġġieled in-narkoturiżmu. Kemm jekk fuq livell bilaterali jew multilaterali, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Istati Membri ġirien għandhom, għalhekk, jaħdmu fuq strateġiji effettivi sabiex jieħdu ħsieb il-problemi ta’ ordni pubbliku u tas-sigurtà li huma komuni għalihom u jistrutturaw il-kooperazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-Ftehim Bilaterali ta’ Kooperazzjoni tal-Puliżija, iffirmat f’Den Haag fl-20 ta’ April 1998, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Franċiża ddeċidew li jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom biex jiġġieldu kontra t-turiżmu tad-droga u l-istrutturi li jinħbew warajhom [Ftehim fuq il-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Pulizija u tas-Sigurtà bejn il-Gvern tar-Repubblika Franċiża u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi (Digriet Nru 99‑350, tad-29 ta’ April 1999, li jippubblika dan il-ftehim, JORF tas-6 ta’ Mejju 1999, p. 6797)].


66 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Bis-saħħa tal-Artikoli 1 sa 3 ta’ din l-azzjoni konġunta, infakkar li l-Istati Membri impenjaw ruħhom li japprossimaw il-leġiżlazzjoni u l-prattiċi tas-servizz tagħhom tal-puliżija, tad-dwana u ġudizzjarji tagħhom biex jiġu miġġielda l-flussi illegali intra-Komunitarji ta’ prodotti narkotiċi u, b’mod partikolari, kontra t-turiżmu tad-droga.


67 – Artikolu 75 tal-konvenzjoni msemmija.


68 – Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 31 UE kif ukoll id-Deċiżjoni Kwadru 2004/757


69 – Artikolu 83(1) TFUE.


70 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.