Language of document : ECLI:EU:C:2012:778

Kawża C‑441/11 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Verhuizingen Coppens NV

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Artikoli 81 KE u 53 tal-Ftehim ŻEE — Suq tas-servizzi ta’ ġarr internazzjonali fil-Belġju — Akkordju li jikkonsisti fi tliet ftehim partikolari — Ksur uniku u kontinwu — Nuqqas ta’ prova li parteċipant fi ftehim partikolari kien jaf bi ftehim oħra partikolari — Annullament parzjali jew sħiħ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni — Artikoli 263 TFUE u 264 TFUE””

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2012

1.        Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Portata — Annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni — Kundizzjoni — Annullament, fl-intier tagħha, ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkwalifika akkordju globali ta’ ksur uniku u kontinwu u li timponi multa, minkejja l-għarfien tar-responsabbiltà tal-impriża rikorrenti għal parti mill-aġir antikompetittiv — Inammissibbiltà

(Artikolu 81(1) KE; l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE)

2.        Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Ftehim u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża għall-ksur kollu — Kundizzjonijiet

(Artikolu 81(1) KE)

3.        Appell — Appell meqjus fondat — Riżoluzzjoni tat-tilwima fuq il-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61)

4.        Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur uniku — Prova tal-parteċipazzjoni ta’ impriża li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni — Portata tal-oneru probatorju

(Artikolu 81(1) KE)

5.        Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Prova — Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni — Prova mogħtija permezz ta’ numru ta’ indizji u koinċidenzi li jipprovaw l-eżistenza u t-tul ta’ aġir antikompetittiv kontinwu — Assenza ta’ prova dwar ċerti perijodi speċifiċi tal-perijodu globali kkunsidrat — Assenza ta’ effett

(Artikolu 81(1) KE)

6.        Akkordji — Parteċipazzjoni ta’ impriża f’inizjattivi antikompetittivi — Natura suffiċjenti, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-impriża, ta’ approvazzjoni taċita mingħajr tbegħid pubbliku jew denunzja lill-awtoritajiet kompetenti

(Artikolu 81(1) KE)

7.        Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa — Portata — Limitu — Osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

(Artikolu 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2), l-Artikoli 23(3) u 31); Komunikazzjoni mill-Kummissjoni 2006/C 210/02)

8.        Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Kundanna tal-parti li tirbaħ għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll għal parti minn dawk tar-rikorrenti

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 138(1) u (3) u 184(1) u (2))

1.        Is-sempliċi fatt li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra motiv invokat mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament bħala fondat, ma jippermettilhiex tannulla awtomatikament l-att ikkontestat fit-totalità tiegħu. Fil-fatt, annullament totali ma jistax jiġi aċċettat meta jidher ċar li dan l-aggravju, li jirrigwarda biss punt speċifiku tal-att ikkontestat, jista’ jwassal biss għal annullament parzjali. Madankollu, l-annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li qed jintalab l-annullament tagħhom jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att. Tali rekwiżit ma huwiex issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att għandu l-effett li jibdel il-mertu ta’ dan, li għandu jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettiv u mhux ta’ kriterju suġġettiv marbut ma’ rieda politika tal-awtorità li adottat l-att inkwistjoni.

Madankollu, ma huwiex possibbli għalhekk li taqsam deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkwalifika akkordju globali ta’ ksur uniku u kontinwu jekk, minn naħa, din l-impriża kienet f’pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li tifhem li ġew ikkontestati wkoll kull aġir li jikkostitwixxi dan, u għalhekk li tiddefendi ruħha fuq dan il-punt, u jekk, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni hijiex suffiċjentement ċara f’dan ir-rigward. Minn dan isegwi li jekk il-qorti tal-Unjoni tikkonstata li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi, li impriża, meta tipparteċipa f’wieħed mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, kienet taf bl-aġir antikompetittiv l-ieħor adottat mill-parteċipanti l-oħra tal-akkordju bil-għan li jintlaħqu l-istess għanijiet jew setgħat raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta li taċċetta r-riskju, l-unika konsegwenza ta’ dan għandha tkun li din l-impriża ma tistax titqies li hija responsabbli ta’ dan l-aġir l-ieħor u, għalhekk, tal-ksur uniku u kontinwu kollu kemm hu u li d-deċiżjoni kkontestata għandha titqies li hija infondata f’dan is-sens biss.

F’tali kundizzjonijiet l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet għal annullament totali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkwalifika akkordju globali ta’ ksur uniku u kontinwu jekk din tikkonċerna impriża, meta l-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar f’parti mill-ftehim u l-fatt li din il-parteċipazzjoni tista’ fiha nnifisha tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 81 KE ma kinitx ikkontestata mill-Qorti Ġenerali.

(ara l-punti 37, 38, 46, 47, 54)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 41-44)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 55, 56)

4.        Sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ impriża fl-implementazzjoni ta’ ksur uniku, il-Kummissjoni għandha tipprova li din l-impriża kellha l-ħsieb tikkontribwixxi, permezz tal-aġir tagħha, għall-għanijiet komuni li l-parteċipanti kollha riedu jilħqu u li hija kienet taf bl-aġir illegali ppjanat jew implementat minn impriżi oħra sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet, jew li hija setgħet, b’mod raġonevoli, tipprevedih u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju ta’ dan.

Il-Kummissjoni ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti allegatament peress li ssostni li hemm tali għarfien minn impriża billi b’mod partikolari kkunsidrat li din tal-aħħar ma tikkontestax li ġiet informata bil-ftehim ikkonċernat, u li barra minn hekk il-Kummissjoni espressament tammetti li d-deċiżjoni tagħha ma hijiex ibbażata fuq provi speċifiċi fuq dan il-punt.

(ara l-punti 60, 66)

5.        Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u indizji li, meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni

Meta tali indizji u koinċidenzi jiġu evalwati globalment, jippermettu li tinkixef mhux biss l-eżistenza ta’ aġir jew ta’ ftehim antikompetittivi, iżda wkoll it-tul ta’ aġir antikompetittiv kontinwu u l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ ftehim konkluż bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Fir-rigward tal-assenza ta’ prova dwar l-eżistenza ta’ ftehim matul ċerti perijodi speċifiċi jew għallinqas dwar l-implementazzjoni minn impriża matul perijodu speċifiku, għandu jitfakkar li l-fatt li tali prova ma tressqitx għal ċerti perijodi speċifiċi ma tostakolax dan il-ksur b’tali mod li dan jitqies li huwa kkostitwit matul perijodu globali iktar estiż minn dan, meta tali konstatazzjoni hija bbażata fuq indizji oġġettivi u kkorroborati. Fil-kuntest ta’ ksur estiż għal diversi snin, il-fatt li l-manifestazzjonijiet tal-akkordju jseħħu f’perijodi differenti, li jistgħu jkunu separati minn intervalli ftit jew wisq twal, ma jaffettwax l-eżistenza ta’ dan l-akkordju, sa fejn id-diversi azzjonijiet li jagħmlu parti minn dan il-ksur isegwu għan wieħed u jaqgħu fil-kuntest ta’ ksur ta’ natura unika u kontinwa.

(ara l-punti 70-72)

6.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 73)

7.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 79-82)

8.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 83-85)