Language of document : ECLI:EU:C:2014:1320

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Ġunju 2014 (*)

“Viżi, ażil, immigrazzjoni u politika oħra marbuta mal-moviment liberu tal-persuni — Direttiva 2008/115/KE — Ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment — Artikolu 15 — Detenzjoni — Estensjon tad-detenzjoni — Obbligi tal-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja — Stħarriġ ġudizzjarju — Assenza ta’ dokumenti ta’ identità ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz — Ostakoli għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija — Rifjut tal-ambaxxata tal-pajjiż terz ikkonċernat li toħroġ dokument ta’ identità li jippermetti r-ritorn ta’ ċittadin ta’ dan il-pajjiż — Riskju ta’ ħarba — Prospett raġonevoli ta’ tneħħija — Nuqqas ta’ kooperazzjoni — Eventwali obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li joħroġ dokument temporanju dwar l-istatus tal-persuna”

Fil-Kawża C‑146/14 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Marzu 2014, fil-proċedura dwar

Bashir Mohamed Ali Mahdi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju, tat-28 ta’ Marzu 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Marzu 2014, li r-rinviju preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza skont l-Artikolu 107 tar-Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat id-deċiżjoni tat-8 ta’ April 2014 tat-Tielet Awla li din it-talba tiġi milqugħa,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Mejju 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u D. Drambozova, bħala aġenti,

–        għad-direktor na Direktsia «Migratsia» pri Ministerstvo na vatreshnite raboti, minn D. Petrov, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou‑Durande u S. Petrova, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva mibdija mid-direktor na Direktsia “Migratsia” pri Ministerstvo na vatreshnite raboti (direttur tad-direttorat tal-migrazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, iktar ’il quddiem id-“direktor”) intiża sabiex l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti amministrattiva ta’ Sofia) tiddeċiedi ex officio dwar l-estensjoni tad-detenzjoni ta’ B. M. A. Mahdi, ċittadin Sudaniż, miżmum fiċ-ċentru speċjali ta’ detenzjoni temporanja ta’ barranin tal-imsemmi direttorat li jinsab f’Busmantsi (il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem iċ-“ċentru ta’ detenzjoni ta’ Busmantsi ”), li jinsab fil-kostitwenza ta’ Sofia.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 2008/115 ġiet adottata b’mod partikolari abbażi tal-Artikolu 63(3)(b) KE, li sar l-Artikolu 79(2)(c) TFUE. Il-premessi 6, 11 sa 13, 16, 17 u 24 ta’ din id-direttiva jipprevedu:

“(6)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. Skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-UE, deċiżjonijiet meħuda skond din id-Direttiva għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jimplika li l-konsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali. [...]

[...]

(11)      Għandu jiġi stabbilit sett minimu ta’ salvagwardji legali dwar deċiżjonijiet relatati mar-ritorn biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva ta’ l-interessi ta’ l-individwi konċernati. L-għajnuna legali meħtieġa għandha tkun disponibbli għal dawk li ma jkollhomx il-mezzi neċessarji. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom f’liema każijiet l-għajnuna legali għandha titqies bħala neċessarja.

(12)      Għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jiġu mneħħija. Il-kondizzjonijiet bażiċi tagħhom ta’ sussistenza għandhom jiġu definiti skond il-leġislazzjoni nazzjonali. Sabiex ikunu jistgħu jippruvaw is-sitwazzjoni speċifika tagħhom f’każ ta’ kontrolli jew verifiki amministrattivi, dawn il-persuni għandhom jiġu pprovduti b’konferma bil-miktub dwar is-sitwazzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom igawdu diskrezzjoni wiesgħa dwar il-forma u l-format tal-konferma bil-miktub u għandhom ukoll ikunu jistgħu jinkluduha f’deċiżjonijiet relatati mar-ritorn adottati taħt din id-Direttiva.

(13)      L-użu ta’ miżuri koersivi għandhom ikunu espliċitament soġġetti għall-prinċipji tal-proporzjonalità u ta' l-effettività fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji minimi għat-twettiq tar-ritorn forzat [...]

[...]

(16)      L-użu tad-detenzjoni għall-fini ta’ tneħħija għandu jkun limitat u soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Id-detenzjoni hija ġustifikata biss biex jiġi ppreparat r-ritorn jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija u jekk l-applikazzjoni ta’ miżuri anqas koerżivi ma tkunx suffiċjenti.

(17)      Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu detenuti għandhom jiġu trattati b’mod uman u dinjituż fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom u f’konformità mal-liġi internazzjonali u nazzjonali. [...]

[...]

(24)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-“Karta”)].”

4        L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5        Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

7)      “riskju ta’ ħarba” tfisser l-eżistenza ta’ raġunijiet f’każ individwali li huma bbażati fuq kriterji oġġettivi definiti bil-liġi nazzjonali biex wieħed jemmen li ċittadin ta’ pajjiż terz li hu soġġett għal proċeduri ta’ ritorn jista’ jaħrab;

[...]”

6        L-Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn.”

7        Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Detenzjoni”:

“1.      Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

a)      jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

b)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

2.      Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji.

Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub bir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt.

Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:

a)      jew jipprovdu reviżjoni ġudizzjarja rapida tal-legalità tad-detenzjoni li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun mill-bidu tad-detenzjoni,

b)      jew jagħtu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat id-dritt li jieħu proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità tad-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja [stħarriġ ġudizzjarju] rapida li trid tiġi deċiża malajr kemm jista’ jkun wara l-bidu tal-proċedimenti rilevanti. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat dwar il-possibbiltà li jieħu tali proċedimenti.

Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali.

3.      F’kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f’intervalli raġonevoli ta’ żmien jew b’applikazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja.

4.      Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.      Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta’ perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b’suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta’ detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.      L-Istati Membri jistgħu ma jestendux [ma jistgħux jestendu] il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f’każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta’ tneħħija tista’ ddum minħabba:

a)      nuqqas ta’ kooperazzjoni miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, jew

b)      dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.”

 Id-dritt Bulgaru

8        Id-Direttiva 2008/115 ġiet trasposta fid-dritt Bulgaru bil-liġi dwar il-barranin fir-Repubblika tal-Bulgarija (Zakon za chuzhdentsite v Republika Bulgaria, DV Nru 153, tat-23 ta’ Diċembru 1998), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (DV Nru 108, tas-17 ta’ Diċembru 2013, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-barranin”).

9        L-Artikolu 44(5) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Meta jeżistu ostakoli li jipprekludu lill-barrani milli jitlaq immedjatament mit-territorju jew milli jidħol f’pajjiż ieħor, l-imsemmi barrani huwa obbligat, b’deċiżjoni tal-awtorità li ħadet il-miżura amministrattiva koersiva, li kull ġimgħa tippreżenta ruħha quddiem is-sezzjoni lokali tal-Ministeru għall-Intern, skont modalitajiet previsti bid-diġriet ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, sakemm l-ostakoli għall-eżekuzzjoni tal-miżura ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera jew ta’ tkeċċija jkunu tneħħew, u sakemm ikunu ġew adottati miżuri għat-tneħħija imminenti tiegħu.”

10      Skont l-Artikolu 44(6) tal-liġi dwar il-barranin, meta miżura amministrattiva koersiva ma tistax tiġi applikata għal ċittadin ta’ pajjiż terz li l-identità tiegħu ma setgħetx tiġi stabbilita, meta dan tal-aħħar jostakola l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li timponi din il-miżura jew meta jkun hemm riskju evidenti ta’ ħarba, il-korp li jkun ħa l-imsemmija miżura jista’ jordna li dan iċ-ċittadin jinżamm f’ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva, sabiex jiġu organizzati l-akkumpanjament tiegħu lejn il-fruntiera tar-Repubblika tal-Bulgarija jew it-tkeċċija tiegħu.

11      L-Artikolu 44(8) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Id-detenzjoni amministrattiva tkompli sakemm il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 6 jkunu sodisfatti, mingħajr ma tista’ taqbeż is-sitt xhur. L-awtoritajiet kompetenti [...] għandhom jivverifikaw ex officio darba fix-xahar, flimkien mad-direktor [...], li l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tqegħid f’detenzjoni huma sodisfatti. Eċċezzjonalment, meta l-persuna kkonċernata tirrifjuta li tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti, jew meta jkun hemm dewmien fil-ksib tad-dokumenti meħtieġa għall-akkumpanjament lejn il-fruntiera jew għat-tkeċċija, it-tul tad-detenzjoni jista’ jiġi estiż għal tnax-il xahar. Meta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkrteti tal-kawża, jiġi kkonstatat li ma għadx hemm prospetti raġonevoli ta’ tneħħija tal-barrani għal raġunijiet ta’ natura legali jew teknika, il-persuna kkonċernata għandha tiġi rrilaxxata immedjatament.”

12      Skont l-Artikolu 46a(1) tal-imsemmija liġi, id-deċiżjoni ta’ detenzjoni f’ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva tista’ tiġi kkontestata, skont il-modalitajiet previsti mill-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva (Administrativnoprotsesualen kodeks), f’terminu ta’ erbatax-il jum mid-detenzjoni effettiva.

13      L-Artikolu 46a(2) ta’ din l-istess liġi jipprovdi:

“Il-qorti msemmija fil-paragrafu preċedenti għandha tiddeċiedi r-rikors f’seduta pubblika u għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha f’terminu ta’ xahar minn meta tinbeda l-proċedura. Ma huwiex obbligatorju li l-persuna kkonċernata tidher quddiem il-qorti. Id-deċiżjoni tal-qorti adita fl-ewwel istanza tista’ tiġi appellata quddiem il-Vărhoven administrativen sad, li għandha tiddeċiedi fi żmien xahrejn.”

14      L-Artikolu 46a(3) u (4) tal-liġi dwar il-barranin jipprevedi dan li ġej:

“3.      ull sitt xhur, il‑kap taċ‑ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva ta’ ċittadini barranin għandu jippreżenta lista tal‑barranin li ilhom fiċ‑ċentru għal iktar minn sitt xhur minħabba ostakoli għat‑tneħħija tagħhom mit‑territorju. L-imsemmija lista hija kkomunikata lill-qorti amministrattiva li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jaqa’ ċ-ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva.

4.      Wara kull perijodu ta’ sitt xhur mid-data tal-bidu tad-detenzjoni fiċ-ċentru ta’ detenzjoni amministrattiva, il-qorti għandha ex officio jew fuq talba tal-barrani kkonċernat, tordna, waqt smigħ in camera, jew l-estensjoni tad-detenzjoni, jew miżuri ta’ sostituzzjoni għal din id-detenzjoni jew inkella r-rilaxx tal-persuna kkonċernata. Id-digriet tal-qorti jista’ jiġi appellat skont il-modalitajiet previsti mill-kodiċi ta’ proċedura amministrattiva.”

15      Skont il-paragrafu 1(4c) tad-dispożizzjonijiet addizzjonali għall-liġi dwar il-barranin, l-eżistenza ta’ “riskju ta’ ħarba ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ miżuri amministrattivi koersivi” hija stabbilita meta, fid-dawl tal-punti ta’ fatt, teżisti raġuni plawżibbli li jkun issuspettat li ċ-ċittadin ikkonċernat jista’ jaħrab l-eżekuzzjoni tal-miżura ordnata. Għal dan il-għan, dawn id-dispożizzjonijiet jispeċifikaw li tali riskju jista’ jkun jikkonsisti fiċ-ċirkustanza li ċ-ċittadin ikkonċernat ma jinsabx fil-post ta’ residenza ddikjarat tiegħu, fl-eżistenza ta’ każijiet preċedenti ta’ preġudizzju għall-ordni pubbliku jew ta’ kundanni preċedenti taċ-ċittadin ikkonċernat, minkejja r-riabilitazzjoni tiegħu, iċ-ċirkustanza li ċ-ċittadin ikkonċernat ma telaqx mill-pajjiż fit-terminu mogħti lilu sabiex jitlaq volontarjament, iċ-ċirkustanza li ċ-ċittadin ikkonċernat wera biċ-ċar li ma huwiex ser jikkonforma ruħu mal-miżura imposta fuqu, iċ-ċirkustanza li għandu dokumenti foloz jew li ma għandux dokumenti, iċ-ċirkustanza li ċ-ċittadin ikkonċernat qed jipprovdi informazzjoni żbaljata, iċ-ċirkustanza li fl-imgħoddi diġà ħarab u/jew iċ-ċirkustanza li ma kkonformax ruħu ma projbizzjoni ta’ dħul fil-pajjiż.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      B. M. A. Mahdi ġie arrestat fid-9 ta’ Awwissu 2013 waqt qsim tal-fruntiera f’Bregovo, fil-Bulgarija. Huwa ma kellux dokumenti ta’ identità iżda ppreżenta ruħu taħt l-isem ta’ Bashir Mohamed Ali Mahdi, ċittadin Sudaniż.

17      B’deċiżjoni tal-istess ġurnata, ġew ordnati kemm miżura amministrattiva koersiva ta’ “akkumpanjament ta’ barrani lejn il-fruntiera” kif ukoll miżura amministrattiva koersiva ta’ “projbizzjoni li barrani jidħol fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija” fil-konfront ta’ B. M. A. Mahdi.

18      B. M. A. Mahdi tqiegħed f’detenzjoni skont dawn id-deċiżjonijiet l-għada, fl-10 ta’ Awwissu 2013, fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Busmantsi fl-istennija li l-eżekuzzjoni tal-miżuri amministrattivi koersivi tkun possibbli, jiġifieri sal-ksib tad-dokumenti li jippermettulu jivvjaġġa barra mill-Bulgarija.

19      Fit-12 ta’ Awwissu 2013, B. M. A. Mahdi ffirma, quddiem l-awtoritajiet amministrattivi Bulgari, dikjarazzjoni ta’ kunsens għar-ritorn volontarju tiegħu lejn is-Sudan.

20      Fit-13 ta’ Awwissu 2013, id-direktor bagħat ittra lill-ambaxxata tar-Repubblika tas-Sudan fejn informahom kemm bil-miżuri meħuda fil-konfront ta’ B. M. A. Mahdi kif ukoll bit-tqegħid tiegħu f’detenzjoni fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Busmantsi.

21      Sussegwentement, f’data li ma hijiex speċifikata fil-fajl, inżammet laqgħa bejn rappreżentant ta’ din l-ambaxxata u B. M. A. Mahdi li matulha dan ir-rappreżentant ikkonferma l-identità tal-persuna kkonċernata, madankollu huwa rrifjuta li joħroġlu dokument ta’ identità li jippermettilu jivvjaġġa barra mill-Bulgarija. Milli jidher, dan ir-rifjut kien ibbażat fuq il-fatt li B. M. A. Mahdi ma riedx jirritorna lejn is-Sudan. Sussegwentement, B. M. A. Mahdi ddikjara quddiem l-awtoritajiet Bulgari la ma kienx jixtieq jirritorna volontarjament lejn is-Sudan. Jidher li r-rappreżentant tal-ambaxxata tar-Repubblika tas-Sudan iddikjara quddiem il-qorti tar-rinviju li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li B. M. A. Mahdi ma kienx jixtieq jirritorna volontarjament lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ma kienx possibbli li jinħareġ dokument tal-ivvjaġġar.

22      Fis-16 ta’ Awwissu 2003, is-Sinjura Ruseva, ċittadina Bulgara, għamlet dikjarazzjoni bin-nurtar li tgħid li kien hemm garanziji li B. M. A. Mahdi kellu jkollu mezzi ta’ sussistenza xierqa u post fejn joqgħod matul ir-residenza tiegħu fil-Bulgarija u talbet lid-direktor jagħti lil B. M. A. Mahdi l-libertà provviżorja taħt garanzija. Din id-dikjarazzjoni ġiet ivverifikata u kkonfermata mill-puluzija fis-26 ta’ Awwissu 2013.

23      Fis-27 ta’ Awwissu 2013, id-direktor ressaq proposta quddiem is-superjur ġerarkiku tiegħu sabiex, fid-dawl tad-dikjarazzjoni tas-Sinjura Ruseva, id-deċiżjoni li B. M. A. Mahdi jitqiegħed f’detenzjoni amministrattiva tiġi mħassra u sabiex fil-konfront tiegħu tiġi adottata miżura inqas koersiva, jiġifieri li “ta’ kull xahar jippreżenta ruħu quddiem is-sezzjoni lokali tal-Ministeru għall-Intern tal-post ta’ residenza”, u dan sal-għajbien tal-ostakoli għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ akkumpanjament lejn il-fruntiera meħuda kontrih.

24      Fid-9 ta’ Settembru 2013, din il-proposta ġiet miċħuda minħabba, li B. M. A. Mahdi ma kienx daħal legalment fil-Bulgarija, li huwa ma kellux permess ta’ residenza sabiex jirrisjedi fil-Bulgarija, li l-aġenzija nazzjonali għar-refuġjati kienet irrifjutatlu l-istatus ta’ refuġjat fid-29 ta’ Diċembru 2012 u minħabba li kien wettaq reat kriminali meta qasam il-fruntiera nazzjonali bejn il-Bulgarija u s-Serbja f’post ieħor għajr il-postijiet previsti għall-dan il-għan.

25      Ma ġie ppreżentat ebda rikors, la kontra d-deċiżjoni ta’ tqegħid f’detenzjoni amministrattiva u lanqas kontra r-rifjut li din id-deċiżjoni tiġi ssostitwita bil-miżuri inqas onerużi proposti mid-direktor.

26      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li sal-ġurnata tal-lum l-ambaxxata tar-Repubblika tas-Sudan għadha ma ħarġet l-ebda dokument ta’ identità li jippermetti li B. M. A. Mahdi jivjaġġa barra mill-Bulgarija u li dan tal-aħħar għadu detenut fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Busmantsi.

27      Il-kawża prinċipali tressqet permezz tal-preżentata ta’ ittra tad-direktor, miktuba approssivament fid-9 ta’ Frar 2014 u wara t-tmiem tal-perijodu ta’ sitt xhur ta’ detenzjoni inizjali, li titlob lill-qorti tar-rinviju tordna ex officio, abbażi tal-Artikolu 46a(3) u(4) tal-liġi dwar il-barranin, l-estensjoni tad-detenzjoni ta’ B. M. A. Mahdi.

28      Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, skont l-Artikolu 46a(3) u (4) tal-liġi dwar il-barranin, lista ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li rresjedew f’ċentru ta’ detenzjoni għal iktar minn sitt xhur minħabba ostakoli għat-tneħħija tagħhom mit-territorju tiġi ppreżentata kull sitt xhur mill-kap taċ-ċentru ta’ detenzjoni kkonċernat lill-qorti amministrattiva li taħt il-ġurisdizzjoni tagħha jaqa’ l-imsemmi ċentru. Wara kull perijodu ta’ sitt xhur mit-tqegħid f’detenzjoni f’ċentru ta’ detenzjoni, l-imsemmija qorti amministrattiva tiddeċiedi, ex officio u in camera, fuq l-estensjoni tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata, fuq l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sostituzzjoni jew fuq it-tmiem tad-detenzjoni ta’ din il-persuna.

29      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk il-proċedura amministrattiva ta’ reviżjoni tat-tqegħid f’detenzjoni f’ċentru ta’ detenzjoni prevista mid-dritt Bulgaru hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari mar-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 2008/115.

30      Skont il-qorti tar-rinviju, in-natura tal-istħarriġ li hija tista’ twettaq tvarja skont jekk hija taġixxix inkwantu awtoritá ġudizzjarja jew inkella inkwantu awtorità amministrattiva. B’mod partikolari, meta hija tiddeċiedi inkwantu awtorità ġudizzjarja, ma jkunx possibbli għaliha li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża u li teżamina d-deċiżjoni inizjali ta’ tqegħid f’detenzjoni f’ċentru ta’ detenzjoni, peress li, skont id-dritt proċedurali Bulgaru, ir-rwol tagħha huwa limitat għall-istħarriġ tar-raġunijiet għall-estensjoni tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata, kif esposti fl-ittra tad-direktor li tkun bdiet proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-imsemmija qorti tagħmel ukoll mistoqsijiet dwar ir-riskju ta’ ħarba f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn il-persuna kkonċernata, li ma għandiex dokumenti ta’ identità, iddikjarat lill-awtoritajiet Bulgari li ma tixtieqx tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-aġir ta’ din il-persuna. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk il-fatt li l-persuna kkonċernata ma għandiex dokumenti ta’ identità jistax jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ tneħħija. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-estensjoni tad-detenzjoni ta’ B. M. A. Mahdi hijiex iġġustifikata.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 15(3) u (6) tad-Direttiva 2008/115 [...], moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta [...], dwar id-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a)      jekk, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, awtorità amministrattiva tkun obbligata tirrevedi kull xahar iż-żamma f’detenzjoni amministrattiva, mingħajr ma tkun espliċitament obbligata tadotta att amministrattiv, u jekk din l-awtorità nazzjonali tkun obbligata tipproduċi ex officio quddiem il-qorti l-lista taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li nżammu f’detenzjoni għal żmien itwal mit-tul legali tad-detenzjoni inizjali, minħabba li jkun hemm ostakoli għat-tneħħija tagħhom, l-imsemmija awtorità amministrattiva tkun obbligata tadotta, fid-data meta tintemm id-detenzjoni prevista mid-deċiżjoni individwali ta’ detenzjoni inizjali, att espliċitu sabiex tiġi rriveduta d-detenzjoni fid-dawl tar-raġunijiet għall-estensjoni tat-tul tad-detenzjoni previsti mid-dritt tal-Unjoni, jew tkun obbligata tordna li l-persuna kkonċernata tinħeles mid-detenzjoni[;]

b)      jekk, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, il-qorti adita jkollha s-setgħa li tordna l-estensjoni tad-detenzjoni amministrattiva, li tissostitwixxiha b’miżura inqas oneruża għal-libertà jew li tordna li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinħeles mid-detenzjoni, fejn din is-setgħa tiġi eżerċitata wara li jintemm it-tul massimu tad-detenzjoni inizjali bil-għan tat-tneħħija skont l-imsemmi dritt nazzjonali, l-imsemmija qorti tkun obbligata teżerċita, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, stħarriġ tal-legalità ta’ att ta’ reviżjoni tad-detenzjoni li jindika raġunijiet ta’ dritt u ta’ fatt dwar il-ħtieġa li tiġi estiża d-detenzjoni u dwar it-tul tagħha, filwaqt li tiddeċiedi fil-mertu sabiex tordna l-estensjoni tad-detenzjoni, miżuri li jissostitwixxu d-detenzjoni jew li l-persuna kkonċernata tinħeles mid-detenzjoni[,]

c)      jekk att ta’ reviżjoni tad-detenzjoni amministrattiva jindika biss ir-raġunijiet għaliex ma huwiex possibbli li tiġi eżegwita d-deċiżjoni ta’ tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, dawn id-dispożizzjonijiet jippermettu lill-qorti adita li teżerċita stħarriġ tal-legalità ta’ dan l-att fid-dawl tar-raġunijiet għall-estensjoni tat-tul tad-detenzjoni previsti mid-dritt tal-Unjoni, u, filwaqt li tibbaża ruħha biss fuq fatti u provi prodotti mill-awtorità amministrattiva, kif ukoll fuq oġġezzjonijiet u fatti ppreżentati miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li tiddeċiedi fil-mertu billi tagħti deċiżjoni li tordna l-estensjoni tad-detenzjoni, miżuri li jissostitwixxu d-detenzjoni jew li l-persuna kkonċernata tinħeles mid-detenzjoni?

2)      F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(1) u (6) tad-Direttiva 2008/115 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni awtonoma għall-estensjoni tad-detenzjoni li “il-persuna ma għandhiex dokumenti ta’ identità”, prevista mid-dritt nazzjonali inkwistjoni, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minħabba li tkopri ż-żewġ każijiet imsemmija fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva, sa fejn, skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni, jista’ jiġi kkunsidrat li, f’tali sitwazzjoni, hemm raġuni plawżibbli sabiex wieħed jissuspetta li l-imsemmija persuna tista’ tevita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija, raġuni li timplika riskju ta’ ħarba fis-sens tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni?

3)      F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(1)(a) u (b) u (6) tad-Direttiva 2008/115 [...], moqri flimkien mal-premessi 2 u 13 tad-Direttiva, dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġi leġittimament konkluż li hemm riskju ta’ ħarba għar-raġuni li l-persuna inkwistjoni ma għandhiex dokumenti ta’ identità, qasmet il-fruntiera nazzjonali b’mod illegali u ddikjarat li ma tixtieqx tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, minkejja li preċedentement imliet dikjarazzjoni ta’ ritorn volontarju lejn il-pajjiż tagħha u indikat l-identità tagħha b’mod eżatt, ċirkustanzi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “riskju ta’ ħarba” tad-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens tad-Direttiva [2008/115] li, fid-dritt nazzjonali, huwa ddefinit bħala raġuni plawżibbli li wieħed jissuspetta li l-imsemmija persuna tista’ tevita l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fuq il-bażi ta’ punti ta’ fatt?

4)      F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 15(1)(a) u (b), (4) u (6) tad-Direttiva 2008/115 [...], moqri flimkien mal-premessi 2 u 13 tad-Direttiva, dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

a)      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jikkooperax għall-finijiet tal-preparazzjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn lejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu jekk jiddikjara oralment, quddiem uffiċjal tal-ambaxxata tal-Istat inkwistjoni, li ma jixtieqx jirritorna lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tiegħu, minkejja li preċedentement mela dikjarazzjoni ta’ ritorn volontarju u indika l-identità tiegħu b’mod eżatt, u fis-sens li jkun hemm dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiż terz u li jeżisti prospett raġonevoli ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, sa fejn, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ambaxxata tal-pajjiż inkwistjoni ma toħroġx id-dokument meħtieġ għall-vjaġġ ta’ ritorn tal-persuna kkonċernata sal-pajjiż ta’ oriġini tagħha, minkejja li tkun ikkonfermat l-identità tal-persuna[,]

b)      fil-każ li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinħeles mid-detenzjoni minħabba l-assenza ta’ prospett raġonevoli ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija, peress li l-imsemmi ċittadin ma jkollux dokumenti ta’ identità, ikun qasam il-fruntiera nazzjonali b’mod illegali u ddikjara li ma jixtieqx jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, u meta, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ambaxxata tal-pajjiż inkwistjoni ma toħroġx id-dokument meħtieġ għall-vjaġġ ta’ ritorn tal-persuna kkonċernata sal-pajjiż ta’ oriġini tagħha, minkejja li tkun ikkonfermat l-identità tal-persuna, għandu jitqies li l-Istat Membru inkwistjoni huwa obbligat joħroġ dokument temporanju dwar l-istatus tal-persuna?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

32      L-Administrativen sad Sofia-grad talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

33      Il-qorti tar-rinviju immotivat din it-talba billi esponiet li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinsab f’detenzjoni u li s-sitwazzjoni tiegħu taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Trattat FUE dwar l-Ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ B. M. A. Mahdi, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari jkollha influwenza determinanti fuq il-kwistjoni ta’ jekk huwa għandux jinżamm fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Busmantsi jew jekk għandux jiġi rrilaxxat. L-imsemmija qorti tindika li l-kwistjoni tal-estensjoni tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi deċiża fl-iqsar żmien possibbli.

34      F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115, li taqa’ taħt it-tielet parti tat-Titolu V tat-Trattat FUE. Għalhekk din tista’ tiġi suġġetta għall-proċedura għal deċiżjoni preliminari b’urġenza prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

35      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, li B. M. A. Mahdi huwa attwalment imċaħħad mil-libertà u li l-effett tas-soluzzjoni għall-kawża prinċipali jista’ jkun li dan iċ-ċħid ta’ libertà jintemm immedjatament.

36      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan it-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi suġġetta għall-proċedura b’urġenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-punt a) tal-ewwel domanda

37      Permezz tal-punt a) tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 15(3) u (6) tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni adottata minn awtorità kompetenti, wara t-tmiem tal-perijodu massimu ta’ detenzjoni inizjali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, dwar x’għandu jsir wara din id-detenzjoni, għandha tkun f’forma ta’ att bil-miktub li jinkludi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw din id-deċiżjoni.

38      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 79(2) TFUE, l-għan tad-Direttiva 2008/115, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 11 tagħha, huwa li tiġi stabbilita politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq regoli u fuq garanziji ġuridiċi komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu rripatrijati b’mod uman u b’osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

39      Il-proċeduri ta’ ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment stabbiliti minn din id-direttiva għalhekk jikkostitwixxu regoli u proċeduri komuni applikabbli fl-Istati Membri fir-rigward tar-ritorn ta’ dawn iċ-ċittadini. L-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta’ diversi aspetti, marġni ta’ diskrezzjoni għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva billi jieħdu inkunsiderazzjoni aspetti speċifiċi tad-dritt nazzjonali.

40      Skont il-premessa 6 tal-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. Dejjem skont din il-premessa u skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet meħuda skont id-Direttiva 2008/115 għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jimplika li l-kunsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali.

41      Skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115, id-detenzjoni inizjali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li ma tistax tkun ta’ iktar minn sitt xhur, għandha tiġi ordnata mill-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, permezz ta’ att bil-miktub li jindika r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni ta’ detenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 29).

42      Skont l-Artikolu 15(6) tal-imsemmija direttiva, din id-detenzjoni inizjali tista’ tiġi estiża, skont id-dritt nazzjonali, għal perijodu determinat li ma jkunx ta’ iktar minn tnax-il xahar addizzjonali, meta jkunu osservati ċerti rekwiżiti sostantivi. Kull detenzjoni li taqbeż is-sitt xhur għandha tiġi kkunsidrata, skont l-Artikolu 15(5), bħala detenzjoni estiża għall-finijiet tal-Artikolu 15(3) tal-istess direttiva.

43      Barra minn hekk, l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi li d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għandha, f’kull każ, tkun is-suġġett ta’ reviżjoni f’intervalli raġonevoli jew fuq talba tal-persuna kkonċernata jew ex officio. Fil-każ ta’ perijodi ta’ detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu suġġetti għas-superviżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja.

44      Minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha jirriżulta li l-unika rekwiżit previst espliċitament fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni ta’ att bil-miktub huwa dak stipulat fl-Artikolu 15(2), jiġifieri li d-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub billi jiġu indikati r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi. Dan ir-rekwiżit li tiġi adottata deċiżjoni bil-miktub għandu neċessarjament jinftiehem bħala li japplika wkoll għal kull deċiżjoni dwar l-estensjoni tad-detenzjoni, peress li, minn naħa, id-detenzjoni u l-estensjoni tagħha għandhom natura analoga, sa fejn it-tnejn li huma għandhom l-effett li jċaħħdu mil-libertà liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat sabiex jiġi ppreparat ir-ritorn tiegħu u/jew sabiex issir it-tneħħija tiegħu, u, min-naħa l-oħra, f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet, dan iċ-ċittadin għandu jkun f’pożizzjoni li jkun jaf ir-raġunijiet tad-deċiżjoni meħuda fil-konfront tiegħu.

45      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-obbligu li jiġu kkomunikati l-imsemmija raġunijiet huwa meħtieġ kemm sabiex iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun jista’ jiddefendi d-drittijiet tiegħu fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u jkun jista’ jiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni jekk ikunx utli li jirrikorri quddiem il-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni li teżerċita b’mod sħiħ l-obbligu ta’ stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni li hija għandha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Heylens et, 222/86, EU:C:1987:442, punt 15, u Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 337).

46      L-effett ta’ kwalsiasi interpretazzjoni oħra tal-Artikolu 15(2) u (6) tad-Direttiva 2008/115 ikun li ċittadin ta’ pajjiż terz isibha iktar diffiċli li jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni estiża ordnata fil-konfront tiegħu milli li jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ detenzjoni inizjali, u dan ikun ta’ ħsara għad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv.

47      Madankollu, għandu jiġi speċifikat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva ma jeżiġixxix l-adozzjoni ta’ “att ta’ reviżjoni” bil-miktub skont it-terminoloġija użata mill-qorti tar-rinviju fil-parti a) tal-ewwel domanda tagħha. Għalhekk, l-awtoritajiet li f’intervalli raġonevoli jwettqu reviżjoni tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tal-imsemmija direttiva, ma humiex obbligati li jadottaw, f’kull reviżjoni, att espliċitu bil-miktub li jinkludi espożizzjoni tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jimmotivaw dan l-att.

48      Wara dan, għandu jiġi speċifikat li, jekk l-awtorità li quddiema titressaq proċedura ta’ reviżjoni wara l-perijodu massimu ta’ detenzjoni inizjali awtorizzat mill-Artikolu 15(5) ta’ din l-istess direttiva tiddeċiedi dwar x’għandu jsir wara din id-detenzjoni, hija għandha tadotta d-deċiżjoni tagħha permezz ta’ att bil-miktub motivat. Fil-fatt, f’tali każ, ir-reviżjoni tad-detenzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar x’għandu jsir wara din id-detenzjoni jseħħu matul l-istess fażi proċedurali. Konsegwentement, din id-deċiżjoni għandha tissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2008/115.

49      Issa, la mit-talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Bulgaru matul is-seduta ma jirriżulta b’mod ċar jekk il-lista tad-direktor mibgħuta lill-qorti tar-rinviju wara l-perijodu massimu ta’ detenzjoni inizjali tinkludix deċiżjoni dwar x’għandu jsir wara d-detenzjoni tal-persuna kkonċernata. Jekk jirriżulta li, permezz ta’ din il-lista d-direktor iddeċieda, b’mod partikolari, dwar l-estensjoni tad-detenzjoni, anki l-imsemmija lista għandha tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt 44 ta’ din is-sentenza. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki meħtieġa f’dan ir-rigward. Tali deċiżjoni għandha, f’kull każ, tkun is-suġġett ta’ stħarriġ minn awtorità ġudizzjarja skont l-Artikolu 15(3) tal-imsemmija direttiva.

50      Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ regoli stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni dwar il-modalitajiet proċedurali dwar l-att ta’ reviżjoni tad-detenzjoni, l-Istati Membri huma kompetenti, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, li jirregolaw dawn il-modalitajiet, filwaqt li jiggarantixxu l-osservanza tad-drittijiet fundamentali u l-effettività sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar dan l-att (ara, b’analoġija, is-sentenza N., C‑604/12, EU:C:2014:302, punt 41).

51      Minn dan jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fl-osservanza ta’ dawn il-prinċipji, timponi fuq l-awtorità li f’intervalli raġonevoli tirrevedi d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115, l-obbligu li tadotta, wara kull reviżjoni, att espliċitu li jinkludi r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikawh. Tali obbligu jkun jirriżulta esklużivament mid-dritt nazzjonali.

52      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar il-fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt a) tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(3) u (6) tad-Direttiva 2008/115, moqri fid-dawl tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li kull deċiżjoni adottata minn awtorità kompetenti, wara l-perijodu massimu ta’ detenzjoni inizjali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, dwar x’għandu jsir wara din id‑detenzjoni għandha tkun fil-forma ta’ att bil-miktub li jinkludi r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw din id-deċiżjoni.

 Fuq il-punti b) u ċ) tal-ewwel domanda

53      Permezz tal-punti b) u ċ) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(3) u (6) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-istħarriġ li għandu jitwettaq mill-awtorità ġudizzjarja li quddiemha titressaq talba għall-estensjoni tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, għandu jippermetti lil din l-awtorità tiddeċiedi fil-mertu, każ b’każ, fuq l-estensjoni tad-detenzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat, fuq il-possibbiltà li d-detenzjoni tiġi ssostitwita b’miżura inqas koersiva jew fuq ir-rilaxx ta’ dan iċ-ċittadin, u b’hekk l-imsemmija awtorità tkun kompetenti sabiex tibbaża ruħha fuq il-fatti u l-provi prodotti mill-awtorità amministrattiva li ressqet it-talba quddiemha u fuq l-eventwali osservazzjonijiet ippreżentati mill-imsemmi ċittadin.

54      Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 huwa mingħajr kundizzjonijiet u suffiċjentement preċiż sabiex ma jeħtieġx elementi partikolari oħra sabiex jippermetti li jiġi implementat mill-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza El Dridi, C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 47).

55      Kif jirriżulta mill-premessi 13, 16, 17 u 24 tad-Direttiva 2008/115, kull detenzjoni ordnata li taqa’ taħt din id-direttiva hija rregolata b’mod strett mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tal-imsemmija direttiva b’tali mod li tiggarantixxi, minn naħa, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jirrigwarda l-mezzi użati u l-għanijiet imfittxa u, min-naħa l-oħra, l-osservanza tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati.

56      Wara dan, kif imfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, mill-kliem tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta b’mod ċar li r-reviżjoni ta’ kull detenzjoni estiża ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għandha tkun suġġetta għal stħarriġ minn awtorità ġudizzjarja. Għalhekk, għandu jiġi osservat li awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi dwar il-possibbiltà li testendi d-detenzjoni inizjali għandha obligatorjament tistħarreġ l-imsemmija detenzjoni, anki jekk dan l-istħarriġ ma ntalabx espliċitament mill-awtorità li ressqet it-talba quddiemha u anki jekk id-detenzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat diġà kienet is-suġġett ta’ reviżjoni mill-awtorità li ordnat id-detenzjoni inizjali.

57      Madankollu, l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115 ma jispeċifikax in-natura tal-imsemmi stħarriġ. Għalhekk, għandhom jitfakkru l-prinċipji li jirriżultaw mill-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva li japplikaw fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, għalhekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minn awtorità ġudizzjarja waqt l-istess stħarriġ.

58      L-ewwel nett, mill-kundizzjonijiet essenzjali stipulati fl-Artikolu 15(6) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-perijodu ta’ detenzjoni inizjali jista’ jiġi estiż biss meta, minkejja l-isforzi kollha raġonevoli tal-Istat Membru kkonċernat, huwa probabbli li l-operazzjoni ta’ tneħħija tieħu iktar fit-tul jew minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat jew inkella minħabba d-dewmien li kien hemm biex jinkisbu d-dokumenti neċessarji mingħand il-pajjiż terz. Tali estensjoni għandha tiġi deċiża skont id-dritt nazzjonali u ma tista’, fl-ebda każ, tkun ta’ iktar minn tnax-il xahar addizzjonali.

59      It-tieni nett, l-Artikolu 15(6) ta’ din l-istess direttiva għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 15(4) tagħha li jippreċiża li, meta jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija għal kunsiderazzjonijiet legali jew oħra jew il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 ma għadhomx iktar jeżistu, id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma tibqax iġġustifikata u dan iċ-ċittadin għandu jkun rilaxxat minnufih.

60      F’dak li jirrigwarda l-ewwel rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 15(4) tal-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li, sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li jeżisti “prospett raġonevoli ta’ tneħħija” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-mument tar-reviżjoni tal-legalità tad-detenzjoni mill-qorti nazzjonali, jidher li jeżisti prospett reali li t-tneħħija tista’ ssir b’suċċess fid-dawl tat-termini ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kadzoev, C‑357/09 PPU, EU:C:2009:741, punt 65).

61      It-tieni rekwiżit li jirriżulta mill-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2008/115 jimponi reviżjoni tal-kundizzjonijiet essenzjali stipulati fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva li servew bħala bażi għad-deċiżjoni inizjali ta’ detenzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. L-awtorità li tiddeċiedi dwar l-estensjoni eventwali tad-detenzjoni ta’ dan iċ-ċittadin jew l-eventwali rilaxx tiegħu għandha għalhekk tiddetermina, fl-ewwel lok, jekk f’każ partikolari jistgħux jiġu applikati b’mod effikaċi miżuri oħra suffiċjenti iżda inqas koersivi minn detenzjoni , fit-tieni lok, jekk jeżistix ir-riskju li l-imsemmi ċittadin jaħrab u, fit-tielet lok, jekk dan tal-aħħar huwiex qed jevita jew ifixkel il-prerarazzjoni tar-ritorn tiegħu jew l-operazzjoni ta’ tneħħija.

62      Minn dan jirriżulta li awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi fuq talba għall-estensjoni ta’ detenzjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sabiex tiddetermina jekk estensjoni tad-detenzjoni hijiex iġġustifikata, fid-dawl tar-rekwiżiti esposti fil-punti 58 sa 61 ta’ din is-sentenza, fatt li jeħtieġ eżami fil-fond tal-punti ta’ fatt speċifiċi għal kull każ inkwistjoni. Meta d-detenzjoni inizjalment ordnata ma tkunx iktar iġġustifikata fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tkun f’pożizzjoni li tissostitwixxi bid-deċiżjoni tagħha d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva jew, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja li ordnat id-detenzjoni inizjali, u li tiddeċiedi dwar il-possibbiltà li tordna miżura ta’ sostituzzjoni jew ir-rilaxx taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi dwar talba għall-estensjoni ta’ detenzjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-punti ta’ fatt u l-provi invokati mill-awtorità amministrattiva li ordnat id-detenzjoni inizjali kif ukoll kull osservazzjoni eventwali taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat. Barra minn hekk, hija għandha tkun f’pożizzjoni li tfittex kull element ieħor rilevanti għad-deċiżjoni tagħha fil-każ li tqis li dan huwa neċessarju. Minn dan isegwi li s-setgħat li l-awtorità ġudizzjarja għandha fil-kuntest ta’ stħarriġ ma jistgħu, fl-ebda każ, ikunu limitati biss għall-elementi ppreżentati mill-awtorità amministrattiva kkonċernata.

63      L-effett ta’ kwalsiasi interpretazzjoni oħra tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 ikun li l-punti (4) u (6) ta dan l-artikolu jitilfu l-effettività tagħhom u li l-istħarriġ ġudizzjarju impost fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva jitlef is-sinjifikat tiegħu, bil-konsegwenza li l-ilħuq tal-għanijiet imfittxa mill-imsemmija direttiva jitqiegħed fil-perikolu.

64      Konsegwentement, ir-risposta għall-punti b) u ċ) tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(3) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istħarriġ li għandu jitwettaq mill-awtorità ġudizzjarja li quddiemha titressaq talba għall-estensjoni tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, għandu jippermetti lil din l-awtorità tiddeċiedi fil-mertu, każ b’każ, fuq l-estensjoni tad-detenzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat, fuq il-possibbiltà li d-detenzjoni tiġi ssostitwita b’miżura inqas koersiva jew fuq ir-rilaxx ta’ dan iċ-ċittadin, u b’hekk l-imsemmija awtorità tkun kompetenti sabiex tibbaża ruħha fuq il-fatti u l-provi prodotti mill-awtorità amministrattiva li ressqet it-talba quddiemha u fuq il-fatti, il-provi u l-osservazzjonijiet eventwalment ippreżentati quddiemha matul dik il-proċedura.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

65      Permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li perijodu inizjali ta’ detenzjoni ta’ sitt xhur jista’ jiġi estiż biss għar-raġuni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma għandux dokumenti ta’ identità u li, għalhekk, jeżisti r-riskju li l-imsemmi ċittadin jaħrab.

66      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ riskju ta’ ħarba huwa limitat għall-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2008/115, li jiddefinixxih bħala l-eżistenza ta’ raġunijiet, f’każ individwali u abbażi ta’ kriterji oġġettivi ddefiniti bil-liġi, biex wieħed jemmen li ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-suġġett ta’ proċeduri ta’ ritorn jista’ jaħrab.

67      It-tieni nett, l-eżistenza ta’ tali riskju ta’ ħarba hija waħda mir-raġunijiet, espliċitament elenkati fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, li jiġġustifikaw it-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-suġġett ta’ proċedura ta’ ritorn, sabiex jiġi ppreparat dan ir-ritorn jew sabiex issir it-tneħħija. Hekk kif imfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tispeċifika li għandu jkun hemm tali detenzjoni biss meta miżuri oħra suffiċjenti, iżda inqas koersivi, ma jistgħux jiġu applikati b’mod effikaċi f’każ partikolari.

68      It-tielet nett, kif ġie mfakkar fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, l-estensjoni ta’ detenzjoni tista’ tiġi ordnata, skont l-Artikolu 15(6) tal-imsemmija direttiva, biss jekk huwa probabbli li l-operazzjoni ta’ tneħħija tieħu iktar fit-tul jew minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, jew minħabba d-dewmien li kien hemm biex jinkisbu d-dokumenti neċessarji mingħand il-pajjiż terz mingħajr ma tissemma ċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata ma għandiex dokumenti ta’ identità.

69      Barra minn hekk, kif ġie kkonstatat fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, kull deċiżjoni dwar l-estensjoni tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u, għaldaqstant, dwar l-eżistenza taċ-ċirkustanzi fattwali previsti fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 għandha tkun ippreċeduta minn reviżjoni tal-kundizzjonijiet essenzjali li servew bħala bażi għad-detenzjoni inizjali taċ-ċittadin ikkonċernat, u dan jeħtieġ li l-awtorità ġudizzjarja, waqt l-istħarriġ impost mit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) ta’ din id-direttiva, tevalwa ċ-ċirkustanzi li taw lok għall-konstatazzjoni inizjali tal-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba.

70      Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, kull evalwazzjoni dwar riskju ta’ ħarba għandha tkun ibbażata fuq eżami individwali tal-każ tal-persuna kkonċernata (ara s-sentenza Sagor, C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 41). Barra minn hekk, skont il-premessa 6 tad-Direttiva 2008/115, id-deċiżjonijiet meħuda abbażi ta’ din id-direttiva għandhom jittieħdu każ b’każ u għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oġġettivi.

71      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-dritt Bulgaru jipprovdi speċifikatament, fil-paragrafu 1(4c) tad-dispożizzjonijiet addizzjonali għall-liġi dwar il-barranin, li l-eżistenza ta’ riskju ta’ ħarba ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ miżura amministrattiva koersiva hija stabbilita meta, fid-dawl tal-punti ta’ fatt, teżisti raġuni plawżibbli li jkun issuspettat li ċ-ċittadin ikkonċernat jista’ jaħrab l-eżekuzzjoni tal-miżura ordnata. Il-kriterji oġġettivi li jistgħu jikkostitwixxu tali riskju jissemmew fl-imsemmi punt 4c, u jinkludu, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata ma jkollha ebda dokument ta’ identità.

72      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi fattwali tas-sitwazzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat sabiex tiddetermina, waqt ir-reviżjoni tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115, jekk, hekk kif id-direktor ippropona fil-kawża prinċipali, fil-konfront ta’ dan iċ-ċittadin tistax tiġi applikata b’mod effikaċi miżura inqas koersiva u, fil-każ fejn dan ma jkunx possibbli, tiddetermina jekk għadx hemm riskju li huwa jaħrab. Huwa biss fil‑kuntest ta’ din l-aħħar ipoteżi li din il-qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ dokumenti ta’ identità.

73      Minn dak li ntqal iktar il-fuq jirriżulta li l-fatt li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma għandux dokumenti ta’ identità ma jistax, waħdu, jiġġustifika estensjoni tad-detenzjoni prevista fl-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115.

74      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u t-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 15(1) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li perijodu inizjali ta’ detenzjoni ta’ sitt xhur jista’ jiġi estiż biss għar-raġuni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma għandux dokumenti ta’ identità. Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa każ b’każ iċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża inkwistjoni sabiex tiddetermina jekk, fil-konfront ta’ dan iċ-ċittadin, tistax tiġi applikata miżura inqas koersiva jew jekk jeżistix riskju li dan tal-aħħar jaħrab.

 Fuq il-punt a) tar-raba’ domanda

75      Permezz tal-punt a) tar-raba’ domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 15(6)(a) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li ċittadin ta’ pajjiż terz li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kisibx dokument ta’ identità li seta jippermetti t-tneħħija tiegħu mill-Istat Membru kkonċernat jikkostitwixxix “nuqqas ta’ kooperazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

76      F’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ B. M. A. Mahdi, huwa paċifiku li dan tal-aħħar ma għandux dokumenti ta’ identità u li l-ambaxxata tar-Repubblika tas-Sudan irrifjutat li toħroġlu tali dokument, li kellu jippermetti l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ tneħħija.

77      Għalhekk, permezz tal-punt a) tar-raba’ domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tindika jekk ir-rifjut tal-ambaxxata tar-Repubblika tas-Sudan li toħroġ dokumenti ta’ identità lil B. M. A. Mahdi, wara li dan tal-aħħar iddikjara li ma riedx jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jistax jiġi imputat lill-persuna kkonċernata. Fil-każ ta’ risposta pożittiva, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tispeċifika jekk l-aġir ta’ B. M. A. Mahdi jistax jiġi kklassifikat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115, fatt li jkun jiġġustifika li l-perijodu ta’ detenzjoni tal-persuna kkonċernata jiġi estiż b’perijodu addizzjonali li ma jaqbiżx it-tnax-il xahar.

78      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li taw lok għall-kawża prinċipali u li tiddeduċi konklużjonijiet minnhom għall-finijiet tad-deċiżjoni li hija mitluba tagħti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi, WWF et, C‑435/97, EU:C:1999:418, punt 32, kif ukoll Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 33).

79      Fil-fatt, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali, hija bħala prinċipju l-qorti nazzjonali li għanda tivverifika li l-kundizzjonijiet fattwali li jinvolvu l-applikazzjoni ta’ regola tal-Unjoni huma sodisfatti fil-kawża pendenti quddiemha, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja meta tiddeċiedi dwar rinviju preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Haim, C‑424/97, EU:C:2000:357, punt 58; Vatsouras u Koupatantze, C‑22/08 u C‑23/08, EU:C:2009:344, punt 23, kif ukoll Danosa, EU:C:2010:674, point 34).

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li tħalli f’idejn din tal-aħħar il-kompitu li tivverifika l-elementi konkreti tal‑kawża pendenti quddiemha, u b’mod partikolari li tiddeċiedi l‑kwistjoni ta’ jekk l-assenza ta’ dokumenti ta’ identità tirriżultax biss mill-fatt li B. M. A. Mahdi rtira d-dikjarazzjoni tiegħu ta’ ritorn volontarju (ara, b’analoġija, is-sentenza Danosa, EU:C:2010:674, punt 36).

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, B. M. A. Mahdi kkoopera mal-awtoritajiet Bulgari f’dak li jirrigwarda l-iżvelar tal-identità tiegħu u l-proċedura ta’ tneħħija tiegħu. Madankollu, dan tal-aħħar irtira d-dikjarazzjoni tiegħu ta’ ritorn volontarju.

82      Issa, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “nuqqas ta’ kooperazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115, jeħtieġ li l-awtorità, li tiddeċiedi dwar talba għall-estensjoni tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, teżamina, minn naħa, l-aġir ta’ dan iċ-ċittadin matul il-perijodu ta’ detenzjoni inizjali sabiex tistabbilixxi jekk dan tal-aħħar ikkooperax mal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-implementazzjoni tal-operazzjoni ta’ tneħħija u, min-naħa l-oħra, il-probabbiltà li l-operazzjoni ta’ tneħħija tieħu iktar fit-tul milli previst minħabba l-aġir tal-imsemmi ċittadin. Jekk it-tneħħija ta’ dan tal-aħħar tieħu jew ħadet iktar fit-tul milli previst minħabba raġuni oħra, ma tista’ tiġi stabbilit ebda rabta kawżali bejn l-aġir taċ-ċittadin ikkonċernat u t-tul tal-operazzjoni inkwistjoni u, għalhekk, ma jista’ jiġi stabbilit ebda nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa ta’ dan tal-aħħar.

83      Barra minn dan, l-Artikolu 15(6) tad-Direttiva 2008/115 jeżiġi li, qabel ma jiġi evalwat jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat huwiex ħati ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, l-awtorità kkonċernata għandha tkun f’pożizzjoni li turi li l-operazzjoni ta’ tneħħija qed tieħu iktar żmien milli previst minkejja l-isforzi kollha raġonevoli, u dan jimplika, fil-kawża prinċipali, li l-Istat Membru inkwistjoni wettaq u għadu jwettaq attivament sforzi sabiex jikseb il-ħruġ ta’ dokumenti ta’ identità għal dan iċ-ċittadin.

84      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, sabiex jiġi kkonstatat li l-Istat Membru kkonċernat wettaq sforzi raġonevoli biex l-operazzjoni ta’ tneħħija sseħħ u li jeżisti nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, hemm bżonn li jsir eżami ddettaljat tal-punti ta’ fatt relatati mal-perijodu kollu ta’ detenzjoni inizjali. Tali eżami jikkostitwixxi kwistjoni ta’ fatt, li, kif diġà ġie mfakkar iktar ’il fuq, ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE u li taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali (sentenza Merluzzi, 80/71, EU:C:1972:24, punt 10).

85      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt a) tar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(6)(a) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kisibx dokument ta’ identità li seta’ jippermetti t-tneħħija tiegħu mill-Istat Membru kkonċernat jista’ jinsab ħati ta’ “nuqqas ta’ kooperazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk mill-eżami tal-imġiba tal-imsemmi ċittadin matul il-perijodu ta’ detenzjoni jirriżulta li dan tal-aħħar ma kkooperax għall-implementazzjoni tal-operazzjoni ta’ tneħħija u li huwa probabbli li din l-operazzjoni tieħu iktar fit-tul milli previst minħabba dan l-aġir, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq il-punt b) tar-raba’ domanda

86      Permezz tal-punt b) tar-raba’ domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jkun obbligat li joħroġ permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li ma għandux dokumenti ta’ identità u li ma kisibx tali dokumenti mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, wara li qorti nazzjonali tkun irrilaxxat lil dan iċ-ċittadin minħabba li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija fis-sens tal-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva.

87      Kif jirriżulta mill-għanijiet tad-Direttiva 2008/115 imfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-għan ta’ din id-direttiva ma huwiex li tirregola l-kundizzjonijiet ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u li fir-rigward tagħhom ma tistax jew ma setgħetx tiġi eżegwita deċiżjoni ta’ ritorn.

88      Madankollu, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115 jawtorizza lill-Istati Membri joħorġu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ kompassjoni, umanitarji jew għal raġunijiet oħra lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi illegalment fit-territorju tagħhom. Bl-istess mod, il-premessa 12 ta’ din id-direttiva tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jiġu mneħħija, konferma bil-miktub dwar is-sitwazzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom diskrezzjoni wiesgħa biex jiddeterminaw il-forma u l-format ta’ din il-konferma bil-miktub.

89      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-punt b) tar-raba’ domanda għanda tkun li d-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru ma jistax ikun obbligat li joħroġ permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li ma għandux dokumenti ta’ identità u li ma kisibx tali dokumenti mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, wara li qorti nazzjonali tkun irrilaxxat lil dan iċ-ċittadin minħabba li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija fis-sens tal-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva. Madankollu, dan l-Istat Membru għandu, f’tali każ, joħroġ lill-imsemmi ċittadin konferma bil-miktub dwar is-sitwazzjoni tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

90      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 15(3) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri fid-dawl tal-Artikoli 6 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li kull deċiżjoni adottata minn awtorità kompetenti, wara l-perijodu massimu ta’ detenzjoni inizjali ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, dwar x’għandu jsir wara din id-detenzjoni għandha tkun fil-forma ta’ att bil-miktub li jinkludi r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw din id-deċiżjoni.

2)      L-Artikolu 15(3) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istħarriġ li għandu jitwettaq mill-awtorità ġudizzjarja li quddiemha titressaq talba għall-estensjoni tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, għandu jippermetti lil din l-awtorità tiddeċiedi fil-mertu, każ b’każ, fuq l-estensjoni tad-detenzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat, fuq il-possibbiltà li d-detenzjoni tiġi ssostitwita b’miżura inqas koersiva jew fuq ir-rilaxx ta’ dan iċ-ċittadin, u b’hekk l-imsemmija awtorità tkun kompetenti sabiex tibbaża ruħha fuq il-fatti u l-provi prodotti mill-awtorità amministrattiva li ressqet it-talba quddiemha u fuq il-fatti, il-provi u l-osservazzjonijiet eventwalment ippreżentati quddiemha matul dik il-proċedura.

3)      L-Artikolu 15(1) u (6) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li perijodu inizjali ta’ detenzjoni ta’ sitt xhur jista’ jiġi estiż biss għar-raġuni li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma għandux dokumenti ta’ identità. Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa każ b’każ iċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża inkwistjoni sabiex tiddetermina jekk, fil-konfront ta’ dan iċ-ċittadin, tistax tiġi applikata miżura inqas koersiva jeww jekk jeżistix riskju li dan tal-aħħar jaħrab.

4)      L-Artikolu 15(6)(a) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma kisibx dokument ta’ identità li seta’ jippermetti t-tneħħija tiegħu mill-Istat Membru kkonċernat jista’ jinsab ħati ta’ “nuqqas ta’ kooperazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss jekk mill-eżami tal-imġiba tal-imsemmi ċittadin matul il-perijodu ta’ detenzjoni jirriżulta li dan tal-aħħar ma kkooperax għall-implementazzjoni tal-operazzjoni ta’ tneħħija u li huwa probabbli li din l-operazzjoni tieħu iktar fit-tul milli previst minħabba dan l-aġir, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

5)      Id-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru ma jistax ikun obbligat li joħroġ permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazjoni oħra li tagħti dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz li ma għandux dokumenti ta’ identità u li ma kisibx tali dokumenti mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, wara li qorti nazzjonali tkun irrilaxxat lil dan iċ-ċittadin minħabba li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta’ tneħħija fis-sens tal-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva. Madankollu, dan l-Istat Membru għandu, f’tali każ, joħroġ lill-imsemmi ċittadin konferma bil-miktub dwar is-sitwazzjoni tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.