Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta’ April 2016 minn Industrias Químicas del Vallés, S.A. mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-16 ta Frar 2016 fil-Kawża T-296/15, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-244/16 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Industrias Químicas del Vallés, S.A. (rappreżentanti: C. Fernández Vicién, I. Moreno-Tapia Rivas, C. V la Gisbert, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

-     tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Frar 2016, fil-Kawża T-296/15, Industrias Químicas del Vallés, S.A. (iktar ’il quddiem “IQV”) vs Il-Kummissjoni Ewropea.

tiddikjara l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ IQV għall-annullament tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/408 1 .

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-mertu fil-Kawża T-296/15.

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

(i)    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fid-digriet appellat, li r-regolament ikkontestat huwa att regolatorju li jinkludi għar-rikorrent miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(ii)    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fid-digriet appellat, li l-inammissibbiltà tar-rikors tagħha kontra r-regolament ikkontestat ma ċaħditx lil IQV minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

(iii)    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fid-digriet appellat, li IQV ma kinitx individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat.

____________

1 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408, tal-11 ta’ Marzu 2015, dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 80(7) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jistabbilixxi lista ta’ kandidati għas-sostituzzjoni (ĠU L 67, p. 18).