Language of document : ECLI:EU:C:2013:447

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

4 ta’ Lulju 2013 (*)

“Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Tnaqqis għal kapital b’riskju — Interessi kunċettwali — Tnaqqis tal-ammont deduċibbli għal kumpanniji li għandhom stabbilimenti f’pajjiż barrani li jiġġenera dħul eżenti bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja”

Fil-Kawża C‑350/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura

Argenta Spaarbank NV

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits (Relatur), J.‑J. Kasel u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Lulju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Argenta Spaarbank NV, minn K. Morbée, K. Van Duyse, u F. Smet, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Argenta Spaarbank NV (iktar ʼil quddiem “Argenta”) u l-Belgische Staat dwar il-kalkolu tat-tnaqqis għal kapital b’riskju għas-sena taxxabbli 2008.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Belġjan

3        It-tnaqqis għal kapital b’riskju ġie introdott fis-sistema li tapplika għat-taxxa fuq id-dħul bil-Liġi tat-22 ta’ Ġunju 2005 li tistabbilixxi tnaqqis fiskali għal kapital b’riskju (Moniteur belge tat-30 ta’ Ġunju 2005, p. 30077). Dan it-tnaqqis jidher fl-Artikoli 205 bis sa 205 nonies u 236 tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-1992 (iktar ’il quddiem il-“KTD 1992”).

4        Mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-liġi jirriżulta b’mod partikolari li l-għan tagħha huwa li ttaffi d-differenza fit-trattament fiskali bejn il-finanzjament ta’ kumpanniji permezz ta’ kapital misluf, fejn l-interessi fuqu huma fiskalment deduċibbli fl-intier tagħhom, u l-finanzjament permezz ta’ kapital proprju (kapital b’riskju), fejn l-interessi huma taxxabbli fl-intier tagħhom, u li tkabbar ir-ratio ta’ solvenza tal-kumpanniji, fejn l-introduzzjoni tat-tnaqqis għal kapital b’riskju tifforma parti mill-għan ġenerali li tittejjeb il-kompetittività tal-ekonomija Belġjana.

5        It-tnaqqis għal kapital b’riskju, imsejjaħ ukoll “tnaqqis tal-interessi kunċettwali”, jikkonsisti fit-tnaqqis mill-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ perċentwali mill-kapital proprju tal-kumpannija kkonċernata.

6        Skont l-Artikolu 205 quater(1) tal-KTD 1992, it-tnaqqis għal kapital b’riskju huwa daqs il-kapital b’riskju, stabbilit skont l-Artikolu 205 ter tal-KTD 1992, immultiplikat b’rata ffissata fil-paragrafi sussegwenti ta’ dan l-Artikolu 205 quater.

7        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 205 ter(1) tal-KTD 1992 jipprovdi li, sabiex jiġi stabbilit it-tnaqqis għal kapital b’riskju għall-perijodu taxxabbli, il-kapital b’riskju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jikkorrispondi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-Artikolu 205 ter (2) sa (7), għall-ammont ta’ kapitali proprju tal-kumpannija, fi tmiem il-perijodu taxxabbli preċedenti, stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni dwar il-kontabbiltà u skont il-kontijiet annwali kif jirriżultaw mill-bilanċ. L-imsemmi Artikolu 205 ter(2) sa (7) jipprovdi għall-ipoteżi li fihom il-kapitali proprji għandhom ikunu kkoreġuti biex iservu bħala bażi għall-kalkolu sabiex jiġi kkonstatat l-ammont ta’ tnaqqis għal kapital b’riskju.

8        B’mod partikolari, skont l-Artikolu 205 ter(2) tal-KTD 1992, il-kapital b’riskju, stabbilit skont l-Artikolu 205 ter(1) tal-KTD 1992 huwa mnaqqas mill-valur nett tal-assi tal-istabbilimenti permanenti li d-dħul tagħhom huwa eżenti bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja.

9        L-Artikolu 205 quinquies tal-KTD 1992 jipprovdi li, fl-assenza ta’ profitti ta’ perijodu taxxabbli li għalih it-tnaqqis għal kapital b’riskju jista’ jitnaqqas, l-eżenzjoni li ma tingħatax għal dan il-perijodu taxxabbli tista’ tingħadda suċċessivament fuq il-profitt tas-seba’ snin sussegwenti.

 Il-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konkluż bejn ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

10      L-Artikolu 7(1) sa (3) tal-ftehim tal-5 ta’ Ġunju 2001 bejn ir-Renju tal-Belġju u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar ħelsien minn taxxa doppja u l-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-ġid (Moniteur Belge tal-20 ta’ Diċembru 2002, p. 57533, iktar ʼil quddiem il-“Ftehim Belġjan-Olandiż”) jistipula:

“1.      “Il-profitti ta’ impriża fi Stat kontraenti jistgħu jiġu ntaxxati biss f’dak l-Istat, sakemm l-impriża ma teżerċitax l-attività tagħha fl-Istat kontraenti l-ieħor permezz ta’ stabbiliment permanenti li jkun jinsab hemmhekk. Jekk l-impriża teżerċita l-attività tagħha b’dan il-mod, il-profitti tal-impriża għandhom jiġu ntaxxati fl-Istat l-ieħor, iżda biss sa fejn dawn ikunu imputabbli lil dak l-istabbiliment permanenti.

2.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, meta impriża ta’ Stat kontraenti teżerċita l-attività tagħha fl-Istat kontraenti l-ieħor permezz ta’ stabbiliment permanenti li jkun jinsab hemmhekk, għandhom jiġu attribwiti lil dak l-istabbiliment permanenti, f’kull Stat kontraenti, il-profitti li huwa seta jagħmel li kieku kien impriża separata li teżerċita attivitajiet identiċi jew analogi taħt l-istess kundizzjonijiet jew taħt kundizzjonijiet analogi u li taħdem indipendentament għal kollox mill-impriża li tagħha hija stabbiliment permanenti.

3.      Biex jiġu stabbiliti l-profitti ta’ stabbilimenti permanenti, jistgħu jitnaqqsu l-ispejjeż sostnuti għall-finijiet tal-istabbiliment permanenti, inklużi l-ispejjeż eżekuttivi u amministrattivi hekk inkorsi, sew jekk fl-Istat li fih ikun hemm l-istabbiliment permanenti kif ukoll jekk jiġu inkorsi x imkien ieħor”.

11      L-Artikolu 23(1) tal-Ftehim Belġjan-Olandiż jiddisponi:

“Fir-rigward tal-Belġju, it-taxxa doppja hija evitata b’dan il-mod:

a)      Meta resident Belġjan jirċievi dħul, li ma jkunx dividendi, interessi jew dħul previsti fl-Artikolu 12(5), jew għandu assi li huma taxxabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, il-Belġju jeżenta mit-taxxa dan id-dħul jew dawn l-assi, iżda huwa jista’, sabiex jikkalkola l-ammont tat-taxxa tiegħu fuq il-kumplament tad-dħul l-ieħor jew tal-assi ta’ dan ir-residenti, japplika l-istess rata daqslikieku d-dħul jew l-assi inkwistjoni ma kinux eżenti.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Argenta hija kumpannija residenti fil-Belġju, li hija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji f’dan l-Istat Membru. Hija għandha stabbiliment permanenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, li d-dħul tiegħu huwa eżenti fil-Belġju bis-saħħa tal-Ftehim Belġjan-Olandiż.

13      Għas-sena taxxabbli 2008, Argenta talbet, bis-saħħa tal-Artikoli 205 bis sa 205 nonies tal-KTD 1992, li tibbenefika mit-tnaqqis għal kapital b’riskju.

14      Fid-19 ta’ Novembru 2008, it-tassazzjoni ta’ Argenta skont it-taxxa fuq il-kumpanniji għall-imsemmija sena taxxabbli ġiet stabbilita. Fil-kuntest tal-kalkolu ta’ din it-tassazzjoni, billi bbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 205 ter(2) tal-KTD 1992, l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani ma ħadux inkunsiderazzjoni l-valur nett tal-assi tal-istabbiliment permanenti ta’ Argenta li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-istabbiliment tal-kapital b’riskju li jservi bħala bażi għat-tnaqqis tal-kapital b’riskju.

15      L-ilment imressaq minn Argenta, fl-20 ta’ Mejju 2009, kontra din it-tassazzjoni ġie miċħud minn din l-awtorità fis-7 ta’ Settembru 2009.

16      Peress li qieset l-Artikolu 205 ter(2) tal-KTD 1992 jikkostitwixxi ostakolu għal libertà ta’ stabbiliment previst fl-Artikolu 49 TFUE, sa fejn l-investimenti mwettqa fi stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru li miegħu r-Renju tal-Belġju kkonkluda ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja ma jagħtux id-dritt għat-tnaqqis għal kapital b’riskju, filwaqt li investimenti simili fi stabbiliment fil-Belġju jagħtu d-dritt għal dan it-tnaqqis, Argenta ppreżentat, fl-4 ta’ Diċembru 2009, rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu [49 TFUE] jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tistabbilixxi li, sabiex tikkalkula d-dħul (profitt) taxxabbli tagħha, kumpannija suġġetta b’mod sħiħ għat-taxxa fil-Belġju ma tistax tapplika tnaqqis għal kapital b’riskju sal-ammont tad-differenza pożittiva bejn, minn naħa, il-valur kontabbli nett tal-assi tal-istabbilimenti li hija għandha fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni [Ewropea], u, min-naħa l-oħra, it-total tal-kapital passiv imputabbli lil dawn l-istabbilimenti, filwaqt li din tkun tista’ tapplika dan it-tnaqqis jekk l-imsemmija differenza pożittiva tkun tista’ tiġi imputata lil stabbiliment permanenti li jinsab fil-Belġju?”

 Fuq id-domanda preliminari

18      Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, għall-kalkolu ta’ tnaqqis mogħti lil kumpannija suġġetta b’mod sħiħ għat-taxxa fi Stat Membru, il-valur nett tal-assi ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor ma jittiħidx inkunsiderazzjoni, meta l-profitti ta’ dan l-istabbiliment permanenti ma humiex taxxabbli fl-ewwel Stat Membru bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, filwaqt li l-assi attribwiti għal stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan.

19      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 49 TFUE jirrikonoxxi liċ-ċittadini tal-Unjoni u li jinkludi għalihom l-aċċess għall-attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom u l-eżerċizzju tagħhom, kif ukoll it-twaqqif u t-tmexxija ta’ impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-istabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess, tinkludi, skont l-Artikolu 54 TFUE, fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti skont il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, it-tmexxija ċentrali jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Accor, C‑310/09, Ġabra p. I‑8115, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Minkejja li, skont il-formulazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment għandhom l-għan li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament ugwali għal dak nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, bl-istess mod huma jipprojbixxu lill-Istat Membru ta’ oriġini milli jostakola l-istabbiliment, fi Stat Membru ieħor, ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija mwaqqfa skont il-liġi tiegħu (sentenza Accor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw anki meta kumpannija stabbilita fi Stat Membru topera fi Stat Membru ieħor permezz ta’ stabbiliment permanenti (ara s-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium, C‑414/06, Ġabra p. I‑3601, punt 20).

22      Fil-kawża prinċipali huwa paċifiku li, għall-bżonnijiet tal-kalkolu tat-tnaqqis għal kapital b’riskju, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn l-assi tal-istabbilimenti permanenti li jinsabu fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju li d-dħul tagħhom ma huwiex taxxabbli fil-Belġju, u l-assi tal-istabbilimenti permanenti li jinsabu f’dan l-aħħar Stat Membru.

23      Fil-fatt, l-assi attribwiti lill-istabbilimenti permanenti li jinsabu fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju u li d-dħul tagħhom ma huwiex taxxabbli fil-Belġju ma jittiħdux inkunsiderazzjoni waqt il-kalkolu tal-kapital b’riskju li jservi bħala bażi għall-kalkolu tat-tnaqqis inkwistjoni fil-kawża prinċipali, filwaqt li l-assi attribwiti lill-istabbilimenti permanenti li jinsabu fil-Belġju jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan.

24      Kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-assi ta’ stabbiliment permanenti għall-kalkolu tat-tnaqqis għal kapital b’riskju ta’ kumpannija suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji fil-Belġju, jikkostitwixxi vantaġġ fiskali peress li tali dħul fil-kontijiet jikkontribwixxi sabiex tonqos ir-rata effettiva tat-taxxa fuq il-kumpanniji li tali kumpannija għandha tħallas fl-imsemmi Stat Membru.

25      Issa, tali vantaġġ fiskali jinċaħad meta l-istabbiliment permanenti tal-kumpannija residenti fil-Belġju jinsab fi Stat Membru ieħor u jibbenefika minn eżenzjoni tad-dħul tiegħu, bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja bejn ir-Renju tal-Belġju u dan l-Istat Membru l-ieħor.

26      Il-Gvern Belġjan isostni, f’dan ir-rigward, li d-differenza fit-trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix madankollu restrizzjoni għal libertà ta’ stabbiliment, peress li, minn naħa, din id-differenza fit-trattament ma twassalx għal konsegwenzi sfavorevoli għall-kumpannija li għandha stabbiliment permanenti fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju, u li, min-naħa l-oħra, jekk konsegwenzi sfavorevoli bħal dawn jiġu kkonstatati, dawn ikunu dovuti għall-eżerċizzju parallel minn diversi Stati Membri tal-kompetenza fiskali tagħhom.

27      Għalhekk, dan il-gvern iqis li, anki jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-assi tal-istabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju, ir-riżultat fiskali tal-kumpannija prinċipali residenti ma jistax jitnaqqas. Fil-fatt, skont dan il-gvern, fir-rigward tal-istabbilimenti permanenti barranin li ma humiex eżenti bis-saħħa tal-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, it-tnaqqis għal kapital b’riskju huwa kkalkolat separatament, meta mqabbel mal-assi attribwiti lill-istabbiliment permanenti, u applikat prinċipalment għall-profitti magħmula minn dan l-istabbiliment. Il-Gvern Belġjan minn dan ikkonkluda, b’analoġija, li, jekk kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-assi ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju u li d-dħul tiegħu huwa eżenti bis-saħħa tal-Ftehim, it-tnaqqis għal kapital b’riskju jkollu jiġi miżjud mal-profitti attribwiti lil dan l-istabbiliment. Issa, dawn ma humiex intaxxati fil-Belġju.

28      Argenta, kif ukoll il-Kummissjoni kkontestaw din l-interpretazzjoni tad-dritt Belġjan, billi sostnew li, fir-rigward tal-istabbilimenti permanenti barranin, li d-dħul tagħhom ma huwiex eżenti mit-taxxa fil-Belġju, it-tnaqqis għal kapital b’riskju huwa kkalkolat abbażi tad-dħul globali u huwa applikabbli għad-dħul taxxabbli kollu tal-kumpannija kkonċernata.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi domanda preliminari magħmula minn qorti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 267 TFUE, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru, dan ir-rwol huwa tal-qrati nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage, C‑37/92, Ġabra p. I‑4947, punt 7; tal-14 ta’ Frar 2008, Gysen, C‑449/06, Ġabra p. I‑553, punt 17, u tas-17 ta’ Jannar 2013, Zakaria, C‑23/12, punt 29).

30      Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-Gvern Belġjan waqt is-seduta aċċetta li, anki li kieku t-tnaqqis għal kapital b’riskju jiġi kkalkolat separatament, meta mqabbel mal-assi tal-istabbilimenti permanenti, u kellu jiġi applikat prinċipalment għall-profitti magħmula minn dan l-istabbiliment, eċċess eventwali jitnaqqas mill-profitti magħmula mill-kumpannija prinċipali. Għalhekk, mill-argumenti invokati minn dan il-Gvern ma jirriżultax li jkun impossibbli li l-kumpannija prinċipali residenti tibbenefika, għat-tnaqqis tal-valur taxxabbli tagħha, mit-tnaqqis għal kapital b’riskju kkalkolat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-assi tal-istabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju.

31      Barra minn hekk, kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Gvern Belġjan ma kkontestax it-teżi ta’ Argenta li tgħid li kumpannija Belġjana li għandha kapital proprju tista’ tibbenefika mit-tnaqqis għal kapital b’riskju anki meta huwa biss l-istabbiliment permanenti barrani tagħha, li huwa stess ma jkollux kapital proprju, li jagħmel profitt, profitt li jkun, b’mod definittiv, imputabbli lill-imsemmija kumpannija, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni Belġjana, għall-finijiet tal-kalkolu tal-imsemmi tnaqqis.

32      Konsegwentement, l-impossibbiltà għal kumpannija li għandha stabbiliment permanenti fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju milli tibbenefika, għat-tnaqqis tal-valur taxxabbli, mit-tnaqqis għal kapital b’riskju kkalkolat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-assi ta’ dan l-istabbiliment permanenti hija ta’ żvantaġġ għal din il-kumpannija.

33      Għal kuntrarju ta’ dak li jafferma l-Gvern Belġjan, dan it-trattament żvantaġġuż ma jirriżultax miċ-ċirkustanza li l-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment permanenti ma jipprovdix għat-tnaqqis għal kapital b’riskju, iżda jirriżulta biss mill-għażla tal-leġiżlazzjoni Belġjana li tiċħad it-teħid inkunsiderazzjoni tal-assi tal-imsemmija stabbilimenti permanenti. Dan it-trattament żvantaġġuż għaldaqstant ma jistax ikun il-konsegwenza tal-eżerċizzju parallel minn bosta Stati Membri tal-kompetenza fiskali tagħhom.

34      Trattament żvantaġġuż bħal dan jista’ jiskoraġġixxi kumpannija Belġjana milli teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz ta’ stabbiliment permanenti fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju u jikkostitwixxi, konsegwentement, restrizzjoni li hija bħala prinċipju pprojbita mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

35      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss jekk hija tista’ tiġi ġġustifikata b’raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku. F’sitwazzjoni bħal din, huwa wkoll neċessarju li din tkun adegwata sabiex tiżgura li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara s-sentenza Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq , punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan jinvoka raġunijiet dwar in-neċessità li tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema fiskali Belġjana u t-tqassim ibbilanċjata tas-setgħat ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, meħuda flimkien.

37      Għalhekk, l-ewwel nett, is-sistema ta’ tnaqqis għal kapital b’riskju hija perfettament simmetrika u teżisti rabta diretta, personali u materjali bejn il-vantaġġ fiskali, ikkalkolat skont l-assi, u t-tassazzjoni tal-profitti li ġejjin minn dawn l-assi.

38      Din ir-rabta hija paragunabbli għar-rabta li teżisti bejn l-interessi li jistgħu jitnaqqsu ta’ self intiż għall-ksib ta’ ass u l-profitt taxxabbli prodott minn dan l-ass, peress li l-liġi li tistabbilixxi t-tnaqqis inkwistjoni fil-kawża prinċipali li l-għan tagħha huwa, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tagħha, li tittratta, fuq il-pjan fiskali, il-kapitali proprji bl-istess mod kif inhuma trattati l-kapitali mislufa. Minkejja l-fatt li t-tnaqqis għal kapital b’riskju huwa kkalkolat bħala somma f’daqqa, meta mqabbel mal-kapitali proprji tal-kumpannija, u mhux mal-pro rata tal-profitti taxxabbli tagħha, l-ammont ikkalkolat tat-tnaqqis suppost jirrappreżenta l-interessi li l-kumpannija kien ikollha tħallas li kienu hija kellha tissellef sabiex tikkostitwixxi l-assi miksuba bl-għajnuna tal-kapitali proprji.

39      It-tieni nett, skont il-Gvern Belġjan, billi rrifjuta milli jieħu inkunsiderazzjoni l-assi ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju u li l-profitti tiegħu ma humiex taxxabbli fil-Belġju, l-imsemmi Stat Membru qiegħed jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fl-osservanza tal-prinċipju tat-territorjalità u skont l-allokazzjoni tas-setgħat tat-tassazzjoni, hekk kif jirriżultaw mill-Ftehim Belġjan-Olandiż.

40      Il-possibbiltà li l-ispejjeż ta’ kontabbiltà jew ta’ extra-kontabbiltà jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-assi u l-passiv allokati lil stabbiliment permanenti u li jingħata t-tnaqqis marbuta ma’ dawn l-assi jew ma’ dan il-passiv tappartjeni għall-Istat Membri li għandu d-dritt li jintaxxa l-profitti tal-istabbiliment permanenti bis-saħħa tal-Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja. Tali allokazzjoni tas-setgħat, stabbilita mill-Ftehim Belġjan-Olandiż, hija barra minn hekk konformi mal-mudell tal-ftehim fiskali dwar id-dħul u l-ġid, elaborat mill-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OKŻE).

41      Għal dak li jirrigwarda l-ewwel raġuni ta’ ġustifikazzjoni invokata mill-Gvern Belġjan, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-ħtieġa li tiġi protetta l-koerenza ta’ sistema fiskali tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat (sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann, C‑204/90, Ġabra p. I‑249, punt 28; tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C‑319/02, Ġabra p. I‑7477, punt 42; tat-23 ta’ Frar 2006, Keller Holding, C‑471/04, Ġabra p. I‑2107, punt 40 u tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon, C‑418/07, Ġabra p. I‑8947, punt 43).

42      Madankollu, sabiex argument ibbażat fuq ġustifikazzjoni bħal din ikun jista’ jirnexxi, skont ġurisprudenza stabbilita, hemm bżonn li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dak il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali partikolari (sentenzi ċċitati iktar ʼil fuq Manninen, punt 42, u Keller Holding, punt 40), fejn in-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi Manninen, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 43; tat-28 ta’ Frar 2008, Deutsche Shell, C‑293/06, Ġabra p. I‑1129, punt 39, u Papillon, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 44).

43      Kif tfakkar fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-vantaġġ fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonsisti fil-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tat-tnaqqis tal-kapital b’riskju, l-assi attribwiti lil stabbiliment permanenti.

44      Issa, dan il-vantaġġ, li l-effett tiegħu huwa li jnaqqas ir-rata effettiva tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għaliha hija suġġetta l-kumpannija prinċipali, ma huwiex ikkumpensat, fil-kawża prinċipali, minn ebda ħlas fiskali determinat.

45      Ċertament, dan il-vantaġġ jingħata biss meta l-profitti maħluqa mill-istabbiliment permanenti jkunu taxxabbli fil-Belġju.

46      Mandankollu, ma hemm l-ebda rabta diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, bejn il-vantaġġ ikkalkolat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-assi u t-tassazzjoni tad-dħul iġġenerat minn dawn tal-aħħar.

47      Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrikjedi biss li l-eventwali dħul li jsir mill-imsemmi stabbiliment permanenti jkun taxxabbli fil-Belġju, iżda la tissuġġetta l-għoti tal-vantaġġ inkwistjoni għal-fatt li effettivament ikun hemm dan id-dħul u lanqas għat-tassazzjoni effettiva tiegħu. Għalhekk, is-sistema kkonċernata taċċetta sitwazzjoni fejn, meta d-dħul ta’ stabbiliment permanenti jkun taxxabbli fil-Belġju, iżda meta dan l-istabbiliment ma jkunx iġġenera dħul, l-assi tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-tnaqqis applikat għall-kumpannija proprjetarja tiegħu.

48      Barra minn hekk, l-Artikolu 205 quinquies tal-KTD 1992 jipprovdi li, fl-assenza ta’ profitti ta’ perijodu taxxabbli li għalih it-tnaqqis għal kapital b’riskju jista’ jitnaqqas, l-eżenzjoni li ma tingħatax għal dan il-perijodu taxxabbli tista’ tingħadda suċċessivament fuq il-profitt tas-seba’ snin sussegwenti.

49      Konsegwentement, ir-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-assi ta’ stabbiliment permanenti li jinsabu fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju u li d-dħul tiegħu huwa eżentat mit-tassazzjoni fil-Belġju bis-saħħa ta’ Ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja ma jistax jiġi ġġustifikat minn raġunijiet li jirrigwardaw in-neċessità li tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali.

50      Għal dak li jirrigwarda t-tieni raġuni ta’ ġustifikazzjoni invokata mill-Gvern Belġjan, għandu jitfakkar li l-ħarsien tal-allokazzjoni tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri huwa għan leġittimu rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C‑446/03, Ġabra p. I‑10837, punt 45; tas-7 ta’ Settembru 2006, N, C‑470/04, Ġabra p. I‑7409, punt 42; tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C‑231/05, Ġabra p. I‑6373, punt 51, u Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).Barra minn hekk minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri jibqa’ jkollhom il-kompetenza sabiex jiddeterminaw, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji ta’ allokazzjoni tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħhom, partikolarment sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑540/07, Ġabra p. I‑10983, punt 29, u tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C‑371/10, Ġabra p. I‑12273, punt 45).

51      Mandankollu, iċ-ċirkustanza li Stat Membru, fi ftehim intiż sabiex jevita t-taxxi doppji, konkluż ma’ Stat Membru ieħor, qabel li l-profitti imputabbli lil stabbiliment permanenti li jinsab f’dan l-Istat Membru l-ieħor huma taxxabbli biss f’dan l-aħħar Stat Membru, u li, konsegwentement, l-ewwel Stat Membru ma jistax jeżerċita l-kompetenza ta’ tassazzjoni tiegħu fuq il-profitti imputabbli lil dan l-istabbiliment permanenti, ma tistax tiġġustifika sistematikament kull rifjut ta għoti ta’ vantaġġ lill-kumpannija stabbilita fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru li huwa proprjetarju ta’ dan l-istabbiliment permanenti.

52      Rifjut bħal dan ikun ifisser li trattament differenti jiġi ġġustifikat sempliċement minħabba l-unika raġuni li kumpannija residenti fi Stat Membru żviluppat attività ekonomika f’iktar minn pajjiż wieħed li l-għan immedjat tagħha ma huwiex il-ġenerazzjoni ta’ dħul fiskali favur dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, C‑347/04, Ġabra p. I‑2647, punt 43).

53      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza jirriżulta li n-neċessità li titħares l-allokazzjoni bbilanċjata tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tiġi aċċettata meta, b’mod partikolari, is-sistema inkwistjoni hija intiża sabiex tipprevjeni aġir li jista’ jippreġudika d-dritt ta’ Stati Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (ara s-sentenzi Oy AA, iċċitati iktar ʼil fuq, punt 54; tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C‑379/05, Ġabra p. I‑9569, punt 58; tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha, C‑303/07, Ġabra p. I‑5145, punt 66; tal-20 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑284/09, Ġabra p. I‑9879, punt 77, u tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C‑338/11 sa C‑347/11, punt 47).

54      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-għan huwa intiż b’mod partikolari sabiex jissalvagwardja s-simetrija bejn id-dritt li jiġu intaxxati l-profitti u s-setgħa li jitnaqqas it-telf ta’ stabbiliment permanenti, sa fejn il-fatt li jiġi aċċetat li t-telf ta’ stabbiliment permanenti mhux residenti jista’ jitnaqqas mid-dħul tal-kumpannija prinċipali jkollu l-konsegwenza li jippermetti li din tal-aħħar tagħżel liberament l-Istat Membru fejn hija trid tnaqqas dan it-telf (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Oy AA, punt 56, u Lidl Belgium, punt 34).

55      Issa, kif jinnota l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li jingħata l-vantaġġ fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali la jikkomprometti d-dritt tal-Istat Membru li fit-territorju hija stabbilita l-kumpannija proprjetarja tal-istabbiliment permanenti, u lanqas dak tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-istabbiliment permanenti sabiex jeżerċita s-setgħa ta’ impożizzjoni fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu u ma jkunx jinvolvi ċ-ċaqliq tad-dħul li huwa normalment taxxabbli f’wieħed minn dawn l-Istati Membri lejn l-ieħor.

56      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-Gvern Belġjan ibbażat fuq trattament parallel li għandu jingħata lit-tnaqqis fiskali tal-interessi fuq is-self użat sabiex jiġu kkostitwiti l-assi imputabbli lil stabbiliment permanenti, minn naħa, u fuq it-trattament tal-kapitali proprji attribwit lil stabbiliment permanenti, min-naħa l-oħra, għandu jiġi nnotat li dan il-gvern innifsu jaċċetta n-natura ta’ somma f’daqqa tat-tnaqqis għal kapital b’riskju li huwa kkalkolat skont il-kapitali proprji tal-kumpannija kkonċernata u mhux skont il-pro rata tal-profitti taxxabbli ġġenerati mill-assi tagħha.

57      Għalhekk, dan il-gvern ma jistax isostni li l-Ftehim Belġjan-Olandiż, u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar id-determinazzjoni tal-profitti ta’ stabbiliment permanenti u t-teħid inkunsiderazzjoni, għal dan il-għan, tal-ispejjeż inkorsi għall-finijiet imfittxa minn dan l-istabbiliment jipprekludu t-teħid inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tat-tnaqqis għal kapital b’riskju, tal-assi attribwiti lil stabbiliment permanenti li d-dħul tiegħu ma huwiex taxxabbli, bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, fil-Belġju.

58      F’dan iċ-ċirkustanzi, ir-restrizzjoni stabbilita mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata b’raġunijiet li jirrigwardaw in-neċessità li tiġi żgurata l-allokazzjoni bbilanċjata tas-setgħat ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-kalkolu ta’ tnaqqis mogħti lil kumpannija suġġetta kompletament għat-taxxa fi Stat Membru, il-valur nett tal-assi ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor ma jittiħidx inkunsiderazzjoni, meta l-profitti ta’ dan l-istabbiliment permanenti ma humiex taxxabbli fl-ewwel Stat Membru bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, filwaqt li l-assi attribwiti għal stabbiliment li jinsab fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan.

 Fuq l-ispejjeż

60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, għall-kalkolu ta’ tnaqqis mogħti lil kumpannija suġġetta kompletament għat-taxxa fi Stat Membru, il-valur nett tal-assi ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru ieħor ma jittiħidx inkunsiderazzjoni, meta l-profitti ta’ dan l-istabbiliment permanenti ma humiex taxxabbli fl-ewwel Stat Membru bis-saħħa ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, filwaqt li l-assi attribwiti għal stabbiliment li jinsab fit-territorju ta’ dan l-ewwel Stat Membru jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.