Language of document : ECLI:EU:T:2016:733

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Diċembru 2016 (*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Swieq Grieg għall-provvista ta’ linjite u ta’ bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE – Għoti u żamma tad-drittijiet ta’ operar tad-depożiti pubbliċi ta’ linjite favur impriża pubblika – definizzjoni tas-swieq inkwistjoni – Eżistenza ta’ inugwaljanza tal-opportunitajiet – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aspettattivi leġittimi – Użu ħażin ta’ poter – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑169/08 RENV,

Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn P. Anestis, avukat,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn P. Mylonopoulos u K. Boskovits, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Christoforou, bħala aġent, assistit minn A. Oikonomou, avukat,

konvenuta,

sostnuta minn

Elpedison Paragogi Ilektrikis Energeias AE (Elpedison Energeiaki), anciennement Energeiaki Thessalonikis AE, stabbilita f’Marousi (il-Greċja),

u

Elliniki Energeia kai Anaptyxi AE (HE & D SA), stabbilita f’Kifissia (il-Greċja),

irrappreżentati minn P. Skouris u E. Trova, avukati,

u minn

Mytilinaios AE, stabbilita f’Ateni,

Protergia AE, stabbilita f’Ateni,

u

Alouminion tis Ellados VEAE, li kienet Alouminion AE, stabbilita f’Ateni,

irrappreżentati minn N. Korogiannakis, I. Zarzoura, D. Diakopoulos u E. Chrisafis, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2008) 824 finali tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Marzu 2008, dwar l-għoti jew iż-żamma mir-Repubblika Ellenika ta’ drittijiet lil DEI għall-estrazzjoni ta’ linjite,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, I. Pelikánová u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Fuq ir-rikorrenti

1        Ir-rikorrenti, Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), inħolqot permezz tal-Liġi Griega Nru 1468 tat-2 u s-7 ta’ Awwissu 1950 (FEK A’ 169) bħala impriża pubblika li tappartjeni esklużivament lir-Repubblika Ellenika. Hija ġiet ittrasformata f’kumpannija limitata b’ishma skont il-Liġi Griega Nru 2414/1996 dwar l-immodernizzar tal-impriżi pubbliċi (FEK A’ 135), bir-Repubblika Ellenika tibqa’ madankollu azzjonista unika tagħha.

2        Ir-rikorrenti kienet tgawdi d-dritt esklużiv li tipproduċi, li tittrasporta u tipprovdi l-elettriku fil-Greċja sal-adozzjoni tal-ewwel miżuri ta’ liberalizzazzjoni tas-suq Grieg tal-elettriku, meħuda skont il-Liġi Griega Nru 2773/1999, dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku (FEK A’ 286), li fost l-oħrajn ittrasponiet id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3). Skont din il-liġi kif ukoll skont id-Digriet Presidenzjali Grieg Nru 333/2000 (FEK A’ 278), ir-rikorrenti ġiet ttrasformata f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata fl-1 ta’ Jannar 2001, bis-sehem tar-repubblika Ellenika ma tistax tkun inqas minn, skont l-Artikolu 43(3) tal-Liġi Nru 2773/1999, għal 51 % tal-ishma bid dritt għal vot. Dan is-sehem kien ta’ 51.12 % fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors.

2.     Fuq is-suq tal-linjite fil-Greċja

3        Il-linjite huwa mineral tal-karbonju li jintuża essenzjalment bħala karburant għall-produzzjoni tal-elettriċità, li l-Greċja, bir-riżervi magħrufa ta’ madwar 4500 miljun tunnellata fl-1 ta’ Jannar 2005, kienet, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, il-ħames produttur dinji u t-tieni fl-Unjoni Ewropea.

4        Id-drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ operar ġew mogħtija fil-Greċja lil entitajiet li ma humiex ir-rikorrenti qabel it-tieni Gwerra Dinjija għal mini tal-linjite ta’ daqs żgħir u medju, imsejħa Achlada, Vevi u Amynteon/Vegora, li jirrappreżentaw fl-1 ta’ Jannar 2007 riżervi totali ta’ 210.5 miljun tunnellata.

5        Permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tad-Digriet Leġiżlattiv Grieg Nru 4029/1959 tat-12 u 13 ta’ Novembru 1959 (FEK A’ 250), ir-rikorrenti żżomm id-drittijiet esklużivi ta’ operar fir-reġjun tal-Arkadja, fejn ir-riżervi tagħha huma ta’ 250 miljun tunnellata. Dawn id-drittijiet, li ġew irrinnovati fl-1976, jiskadu fil-5 ta’ Marzu 2026 u jistgħu jiġġeddu għal tul ta’ 25 sena.

6        Ġie introdott Kodiċi tal-Minjieri fil-Greċja permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 210/1973 (FEK A’ 277), li imbagħad ġie emendat permezz tal-Liġi Griega Nru 274/1976 (FEK A’ 50) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Minjieri”). L-Artikoli 143 u 144 ta’ dan il-kodiċi jipprevedu li d-drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ operar fuq depożiti pubbliċi jiġu mogħtija simultanjament, jew mat-tmiem ta’ sejħa ta’ offerti, jew b’għoti dirett fil-każijiet urġenti u għal raġunijiet li jaqgħu taħt l-interess pubbliku.

7        L-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 134/1975, tat-23 u tad-29 ta’ Awwissu 1975 (FEK A’ 180), jipprevedi li “permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru tal-Industrija [Grieg], huwa possibbli li jiġu ddeterminati […] iż-żoni […] li fihom [ir-rikorrenti] kellha dritt esklużiv li tfittex u topera minerali solidi karburant”. Permezz ta’ diversi deċiżjonijiet ministerjali adottati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, ir-rikorrenti ġiet mogħtija drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ operar tad-depożiti ta’ linjite fir-reġjunijiet, minn naħa, ta’ Amynteon, ta’ Prosilion-Trigonikon u ta’ Komnina, sal-2018, li jikkorrispondu għal 378 miljun tunnellata ta’ riżervi u min-naħa l-oħra, ta’ Flórina, sal-2024, li tirrappreżenta madwar 140 miljun tunnellata ta’ riżervi.

8        Permezz tal-Liġi Nru 134/1975, li ppermettiet il-fużjoni tal-impriża Liptol AE mar-rikorrenti, din tal-aħħar kisbet ukoll it-totalità tad-drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ operar tal-linjite ta’ Liptol fir-reġjun ta’ Ptolemaïs. Dawn id-drittijiet, li jkopru riżervi ta’ madwar 1 500 miljun tunnellata, ġew imġedda fl-1976 sal-5 ta’ Marzu 2026 u jistgħu jerġgħu jiġġeddu għal perijodu addizzjonali ta’ 25 sena.

9        Permezz ta’ deċiżjonijiet ministerjali tal-1985 tal-1994, meħuda abbażi tal-Liġi Nru 134/1975, drittijiet, unikament ta’ esplorazzjoni, ingħataw lir-rikorrenti fir-rigward tad-depożiti ta’ linjite ta’ Dráma u ta’ Elassona, li jirrappreżentaw madwar 1 000 miljun tunnellata ta’ riżervi. Dawn id-drittijiet skadew fl-2005.

10      Wara l-1985, id-drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ operar ingħataw ukoll lill-impriżi oħra barra r-rikorrenti għal seba’ depożiti ta’ linjite ta’ daqs żgħir.

11      Għalhekk, fiż-żmien li fih seħħew il-fatti, fuq madwar 4 500 miljun tunnellata ta’ riżervi ta’ linjite fil-Greċja, id-drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ operar mogħtija lir-rikorrenti telgħu għal madwar 2 200 miljun tunnellata; 85 miljun tunnellata jappartjenu lil terzi u madwar 220 miljun tunnellata jappartjenu lil depożiti pubbliċi esplorati u operati minn terzi, iżda li jfornu wħud mill-impjanti tal-enerġija tar-rikorrenti. Ebda dritt ta’ operar ma għadu ġie allokat għal madwar 2 000 miljun tunnellata ta’ riżervi ta’ linjite.

3.     Fuq is-suq tal-elettriku fil-Greċja

 Liċenzji ta’ produzzjoni tal-elettriku u ta’ kostruzzjoni ta’ impjanti tal-elettriku

12      Is-suq Grieg tal-elettriku nfetaħ parzjalment għall-kompetizzjoni permezz tal-Liġi Nru 2773/1999 (ara l-punt 2 hawn fuq), li stabbiliet, minn naħa, awtorizzazzjoni minn qabel għall-bini ta’ impjanti għall-produzzjoni tal-elettriku, mogħtija permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru tal-Iżvilupp Grieg, wara opinjoni tal- Rythimistiki Archi Energias (RAE, awtorità regolatorja tal-enerġija, il-Greċja) u, min-naħa l-oħra, l-entità li tiġġestixxi netwerks tat-trasport tal-elettriku, imsejħa Hellenic Transmission System Operator SA (HTSO).

13      L-Artikolu 15(4) tal-Liġi Nru 2773/1999, emendat permezz tal-Artikolu 23(9) tal-Liġi Nru 3175/2003, awtorizza lil HTSO sabiex iniedi proċeduri ta’ sejħa għal offerti, peress li r-rikorrenti ma kinitx awtorizzata tieħu sehem f’ebda minn dawn is-sejħiet, għall-bini u l-operar, permezz ta’ sussidji, ta’ impjanti intiżi li jiggarantixxu ż-żamma ta’ kapaċità ta’ produzzjoni ta’ elettriku suffiċjenti.

14      Konformement mal-Artikolu 42 tal-Liġi Nru 2773/1999, ir-rikorrenti ingħatat liċenzja għall-impjanti elettriċi kollha tagħha, mibnija jew li qed jinbnew fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. Il-validità ta’ din il-liċenzja ġiet protetta sal-31 ta’ Diċembru 2008 permezz tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 8(5) tal-Liġi Griega Nru 2941/2001 (FEK A’ 201) u tal-Artikolu 24 tal-Liġi Griega Nru 3377/2005 (FEK A’ 202).

15      Barra dan, konformement mal-Artikolu 23(12) tal-Liġi Nru 3175/2003, ir-rikorrenti kisbet liċenzja għas-sostituzzjoni tal-impjanti qodma, mingħajr ma ġew speċifikati t-teknoloġiji li għandhom jintużaw, għal total ta’ 1 600 megawatts (MW). Ir-Repubblika Ellenika osservat li din is-sostituzzjoni tirrigwarda 1 200 MW prodotti minn impjanti li jaħdmu bil-gass u biss 400 MW prodotti minn impjanti li jaħdmu bil-linjite. F’ Novembru 2007, ir-rikorrenti ħabbret li se tapplika għal liċenzji għal żewġ impjanti ta’ 450 MW li jaħdmu bil-linjite, imsejħa Florina II u Ptolemaïda V.

16      Fir-rigward ta’ impjanti li jaħdmu bil-linjite, l-impjanti kollha eżistenti jappartjenu lir-rikorrenti. Ġew miċħuda tliet talbiet ta’ impriżi terzi li jirrigwardaw dawn l-impjanti, peress li RAE qieset li l-kapaċità finanzjarja tal-applikanti u l-kwantitajiet ta’ linjite previsti kienu insuffiċjenti jew insuffiċjentement murija. Kien hemm ir-raba’ applikazzjoni, imressqa minn EFT Hellas AE, li, fiż-żmien li fih seħħew il-fatti, kienet qed tiġi eżaminata. Fl-aħħar nett, il-ħames applikazzjoni, għal impjant ta’ 460 MW, tressqet minn Heron AE fis-26 ta’ Marzu 2007.

17      Fir-rigward ta’ impjanti elettriċi li ma jaħdmux bil-linjite, ir-rikorrenti kisbet, fis-16 ta’ Lulju 2003, liċenzja ta’ produzzjoni ta’ elettriku għal impjant b’ċiklu kkombinat li taħdem bil-gass, b’kapaċità ta’ 400 MW, f’Lavrion u, fl-4 ta’ Novembru 2003, liċenzja għal impjant ta’ turbini li jaħdmu bil-gass ta’ 120 MW sat-tqegħid fis-servizz tal-impjant imsemmi iktar ‘il fuq ta’ Lavrion.

18      Ħdax-il kompetitur tar-rikorrenti kisbu liċenzji għal impjanti li jaħdmu bil-gass, għal kapaċità totali ta’ 4 114 MW, wara sejħa għal offerti mnedija minn RAE fl-2001 li teskludi, b’mod partikolari, l-impjanti li jaħdmu bil-linjite. Ġew maħruġa wkoll liċenzji oħra wara l-2001 għal impjanti b’ċiklu kkombinat li jaħdmu bil-gass kif ukoll għal turbina bil-gass b’ċirkuwitu miftuħ. B’kollox, fix-xahar ta’ Marzu 2006, inħarġu 21 liċenzja, li jirrappreżentaw kapaċità totali ta’ 5 930 MW, lil impriżi li ma humiex ir-rikorrenti għal impjanti li ma jaħdmux bil-linjite. Madankollu, impjant wieħed biss ġie effettivament mibni.

19      Fir-rigward ta’ impjanti tal-elettriku u tas-sħana u ta’ impjanti li jaħdmu b’għejun ta’ enerġija rinnovabbli, il-Liġi Nru 2773/1999 ippermettitilhom li jibbenefikaw minn prijorità fil-qasam tad-distribuzzjoni jekk il-kapaċità tagħhom kienet inqas minn 50 MW, minn prezz ta’ bejgħ tal-elettriku rregolat u minn eżenzjoni, għall-proġetti ż-żgħar, tal-obbligu ta’ liċenzja. Sussegwentement, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ dawn l-impjanti, il-Liġi Griega Nru 3468/2006 (FEK A’ 129) li neħħiet il-limitu massimu 50 MW, għamel il-prezz tal-bejgħ iktar attraenti, issimplifikat il-proċess tal-għoti ta’ liċenzji u identifikat il-limiti massimi li taħthom il-liċenzja mhix meħtieġa.

 Importazzjoni ta’ dan l-elettriku

20      In-netwerk interkonness tat-trażmissjoni tal-elettriku Grieg (iktar ’il quddiem ir-“RIG”), li jkopri t-territorju kontinentali Grieg kif ukoll ċerti gżejjer konnessi miegħu, kien, fiż-żmien li fih seħħew il-fatti, konness man-netwerk elettriku Taljan, b’kapaċità ta’ interkonnessjoni massima ta’ 500 MW, u, ma’ dak fit-tramuntana tal-Greċja, jiġifieri l-Albanija, il-Bulgarija u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (iktar ’il quddiem il-“pajjiżi tat-Tramuntana”), b’kapaċità ta’ interkonnessjoni ta’ 600 MW. Il-kapaċità totali ta’ interkonnessjoni ma’ netwerks oħra ammontat għaldaqstant għal 1 100 MW. Appalt ġdid ta’ interkonnessjoni ntiż li jgħaqqad ir-RIG man-netwerk elettriku Tork, ta’ madwar 200 MW, għandu jkun operazzjonali fl-2008.

21      Sa fejn, minn naħa, parti sostanzjali tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni mal-pajjiżi tat-Tramuntana kienet irriżervata għar-rikorrenti sal-1 ta’ Lulju 2007 u, min-naħa l-oħra, parti tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni mal-Italja kienet iġġestita mill-entità ta’ ġestjoni man-netwerk elettriku Taljan, massimu ta’ 500 MW (li 200 MW minnhom huma ġejjin mill-pajjiżi tat-Tramuntana u 300 MW minnhom ġejjin mill-Italja) setgħu teoretikament jiġu importati, fiż-żmien li fih seħħew il-fatti, mill-kompetituri tar-rikorrenti, li għandu jkollhom aċċess għal 900 MW fil-futur qarib, li jirrappreżenta 7.5 % tal-kapaċità interna totali installata u 6.9 % tas-somma tal-kapaċità interna totali u tal-kapaċità ta’ importazzjoni.

 Marché ta’ kuljum obbligatorju

22      Il-Liġi Nru 3175/2003 kienet tipprevedi l-implementazzjoni, minn Mejju 2005, ta’ suq ta’ kuljum obbligatorju għall-bejjiegħa u għax-xerrejja tal-elettriku fir-RIG. F’dan is-suq, il-produtturi u l-importaturi tal-elettriku jressqu offerti (inklużi l-indikazzjoni ta’ prezz u kwantità tal-elettriku) lejliet kull jum, filwaqt li l-fornituri u l-klijenti jissottomettu tbassir tal-load sabiex ikopru l-bżonnijiet tal-klijenti tagħhom. Inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi, HTSO tiżviluppa l-iskeda kull siegħa ta’ load tal-impjanti għall-għada. F’dan ir-rigward, hija tieħu inkunsiderazzjoni minn qabel il-previżjoni tal-injezzjonijiet ta’ elettriku prodott minn enerġiji rinnovabbli, minn impjanti tal-elettriku u tas-sħana u minn ċerti impjanti idroelettriċi, li jibbenefikaw minn prijorità. Sussegwentement, hija tieħu inkunsiderazzjoni l-elettriku offrut mill-impjanti termiċi, fosthom dawk imħaddma bil-linjite, bil-gass u biż-żejt. Għal dawn tal-aħħar, it-tariffi fis-siegħa offerti mill-produtturi għandhom ikunu għall-inqas ugwali għall-inqas spiża varjabbli tal-impjant. Peress li l-offerti tal-impjanti elettriċi għandhom spejjeż li jvarjaw, dawk l-iktar baxxi huma għaldaqstant l-ewwel li jinżammu. Il-prezz offrut mill-impjant ta’ produzzjoni l-iktar għoli li spiċċa biex ikun integrat fil-programm ta’ distribuzzjoni bil-għan li jissodisfa d-domanda, imsejjaħ il-“prezz massimu tas-sistema (iktar ’il quddiem il-“PPS”), huwa l-prezz finalment imħallas lill-produtturi u l-importaturi kollha li l-offerti tagħhom inżammu.

 Proċedura amministrattiva

23      Fl-2003, il-Kummissjoni rċeviet ilment li r-Repubblika Ellenika kienet tat lir-rikorrenti liċenzja esklużiva għall-esplorazzjoni u għall-operar tal-linjite fil-Greċja, bi ksur tal-Artikolu 86(1) KE moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE.

24      Fl-1 ta’ April 2004, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ellenika li tirrigwarda, b’mod partikolari, l-għoti lir-rikorrenti ta’ drittijiet esklużivi ta’ operar tad-depożiti ta’ linjite, li jippermettulha li żżomm jew testendi l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku. Dan kien ksur tal-Artikolu 86 KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE. Fit-3 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni bagħtet kopja ta’ din l-ittra lir-rikorrenti u offritilha l-opportunità li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha. Ir-Repubblika Ellenika u r-rikorrenti wieġbu permezz ta’ ittri tal-5 ta’ Lulju 2004.

25      Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni talbet għal xi kjarifiki mingħand ir-Repubblika Ellenika, li wieġbet permezz ta’ ittri tat-22 u tat-28 ta’ Novembru 2005 u tad-19 ta’ Ġunju 2006.

26      Il-Kummissjoni bagħtet fit-18 ta’ Ottubru 2006 ittra ta’ intimazzjoni supplimentari lir-Repubblika Ellenika, fejn hija spjegat li l-elementi ta’ informazzjoni ġdida mibgħuta minnha ma jbiddlux l-ilmenti esposti fl-ewwel ittra ta’ intimazzjoni.

27      Ir-rikorrenti u r-Repubblika Ellenika ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-ittra ta’ intimazzjoni supplimentari, rispettivament fid-19 u l-24 ta’ Jannar 2007.

28      Fit-8 ta’ Frar 2008, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni data dwar is-suq Grieg tal-elettriku aġġornata għall-perijodu 2006-2007.

29      Fil-5 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2008) 824 finali, dwar l-għoti jew iż-żamma mir-Repubblika Ellenika ta’ drittijiet favur ir-rikorrenti għall-estrazzjoni tal-linjite (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Id-deċiżjoni kkontestata

30      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat l-impatt ta’ ċerti miżuri adottati mir-Repubblika Ellenika f’żewġ swieq distinti, jiġifieri, minn naħa, dak tal-provvista tal-linjite fil-Greċja (iktar ’il quddiem is-“suq upstream”) u, min-naħa l-oħra, dak tal-ingrossa tal-elettriku fir-RIG (iktar ’il quddiem is-“suq downstream”). Il-Kummissjoni indikat li dan tal-aħħar għandu jiġi illiberallizzat, konformement mad-Direttiva 96/92, mid-19 ta’ Frar 2001 u jinkludi l-provvista lill-klijenti eliġibbli tal-elettriku prodott fuq skala nazzjonali u importat (il-premessi 60, 150 u 158 sa 172 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rikorrenti kellha pożizzjoni dominanti fis-suq upstream, peress li s-sehem tagħha tas-suq kien iktar minn 97 % mill-2000. Hija kellha wkoll pożizzjoni dominanti fis-suq downstream, peress, l-ewwel nett, is-sehem tagħha tas-suq huwa ikbar minn 85 %, it-tieni nett, ma jkun hemm l-ebda prospett ta’ dħul ġdid sinjifikattiv ta’ kompetitur u, it-tielet nett, l-importazzjonijiet, li jirrappreżentaw 7 % tal-konsum totali, ma jikkostitwixxux limitazzjoni reali għall-kompetizzjoni. Barra minn hekk, is-suq downstream, li jirrappreżenta iktar minn 90 % tal-konsum totali tal-elettriku tal-Greċja, jikkostitwixxi parti sostanzjali tas-suq intern (premessi 177 u 179 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Inkwantu għall-miżuri adottati mir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni kkonstatat li din, minn naħa, skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 4029/1959 u l-Liġi Nru 134/1975, kienet tat lir-rikorrenti drittijiet ta’ operar għal 91 % tad-depożiti pubbliċi ta’ linjite li għalihom ingħataw drittijiet u, min-naħa l-oħra, minkejja l-possibbiltajiet offerti mill-Kodiċi tal-Minjieri, ma tax dritt fuq xi depożitu sinjifikattiv lill-ebda mill-kompetituri. Il-Kummissjoni indikat li, billi nżammu drittijiet ta’ operar tal-linjite kważi monopolistiċi favur ir-rikorrenti, ir-Repubblika Ellenika żammet jew saħħet il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq downstream, sa fejn l-impjanti li jaħdmu bil-linjite kienu l-inqas għoljin f’dan is-suq u, għaldaqstant, l-iktar użati (premessi 185 sa 188 u 238 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma invokatx l-Artikolu 86(2) KE sabiex tiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni u sabiex tikkunsidra li dawn il-miżuri jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati (premessi 239 sa 244 tad-deċiżjoni kkontestata).

34      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa redatt kif ġej:

“L-Artikolu 1 u l-Artikolu 22(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 4029/1959, l-Artikolu 3(1), tal-Liġi Nru 134/1975 d-deċiżjonijiet tal-Ministru tal-Industrija, tal-Enerġija u tat-Teknoloġiji Griegi tal-1976 (FEK B’ 282), tal-1988 (FEK B’ 596) u tal-1994 (FEK B’ 633) huma kuntrarji għall-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE, sa fejn jagħtu u jżommu d-drittijiet preferenzjali favur ir-rikorrenti għall-isfruttament tal-linjite fil-Greċja, u b’hekk tinħoloq sitwazzjoni ta’ inugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-aċċess għall-karburanti primarji għall-finijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku u jippermettu lir-[rikorrenti] li żżomm jew li ssaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku fil-Greċja billi teskludi kwalunkwe dħul ġdid fis-suq jew tostakola dan id-dħul.”

35      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fih żball ta’ fatt, sa fejn jirreferi għall-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 134/1975, filwaqt li jirriżulta mill-proċess li huwa l-Artikolu 3(3) tal-imsemmija liġi li huwa kkonċernat.

36      L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata jindika, minn naħa, li r-Repubblika Ellenika għandha tinforma lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ xahrejn, bil-miżuri li hija għandha l-intenzjoni li tieħu sabiex tikkoreġi l-effetti antikompetittivi tal-miżuri Statali imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din l-istess deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati u implementati f’terminu ta’ tmien xhur min-notifika tal-imsemmija deċiżjoni.

 Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

37      B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2008, ir‑rikorrent talab l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l-kundanna tal-Kummissjoni għall-ispejjeż.

38      Permezz ta’ ittra ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-5 ta’ Settembru 2008, ir-Repubblika Ellenika talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

39      Permezz ta’ ittri ddepożitati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Settembru 2008, Elpedison Paragogi Ilektrikis Energeias AE [(Elpedison Energeiaki), li kienet Energeiaki Thessalonikis AE] u Elliniki Energeia kai Anaptyxi AE (HE & D SA), impriżi attivi fil-produzzjoni tal-elettriku fil-Greċja (iktar ’il quddiem l-“impriżi intervenjenti”), talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet il-Kummissjoni. Dawn it-talbiet ġew innotifikati lill-partijiet, skont l-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Dawn it-talbiet ġew innotifikati lill-partijiet, konformement mal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991.

40      Il-Kummissjoni ppreżentat risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Settembru 2008, li permezz tagħha talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors u tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

41      Sussegwentement, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talbiet ta’ intervent tal-impriżi intervenjenti fit-23 ta’ Ottubru 2008. Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fis-7 u fl-10 ta’ Novembru 2008, ir-rikorrenti qajmet oġġezzjonijiet kontra kull waħda minn dawn iż-żewġ talbiet għal intervent.

42      Permezz tad-digriet tat-3 ta’ Diċembru 2008, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal intervent tar-Repubblika Ellenika.

43      Permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Diċembru 2008, ir-rikorrenti talbet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, sabiex il-Qorti Ġenerali tordna, fil-każ li l-Kummissjoni ma taċċettax li temenda r-risposta b’inizjattiva tagħha stess, is-sostituzzjoni ta’ ċerta formulazzjoni li tinsab fiha.

44      Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Jannar 2009 dwar it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tar-rikorrenti, il-Kummissjoni aċċettat, kif propost mir-rikorrenti, li temenda ċerta formulazzjoni tar-risposta.

45      Ir-Repubblika Ellenika ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Frar 2009.

46      Permezz tad-digrieti tat-18 ta’ Settembru 2009, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba ta’ intervent tal-impriżi intervenjenti. Il-partijiet intervenjenti ppreżentaw nota ta’ intervent fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Novembru 2009.

47      Il-Kummissjoni, permezz ta’ ittri tat-23 ta’ Ottubru 2008, tad-19 ta’ Frar u tas-16 ta’ Marzu 2009, u r-rikorrenti, permezz ta’ ittri tas-7 u tal-10 ta’ Novembru 2008, tat-8 ta’ Jannar u tat-23 ta’ Ġunju 2009 u tat-28 ta’ Jannar 2010, talbu li ċerti elementi kunfidenzjali li kienu jinsabu fir-rikors, fir-risposta, fir-replika, fil-kontroreplika, fl-osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent tar-Repubblika Griega, u fl-osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent tal-impriżi intervenjenti jkunu esklużi minn notifika lil dawn l-impriżi tal-aħħar. In-notifika lill-impriżi intervenjenti tal-imsemmija atti proċesswali kienet limitata għall-verżjoni mhux kunfidenzjali, u dawn l-impriżi ma kkontestawx f’dan ir-rigward.

48      Permezz tas-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2012, DEI vs Il-Kummissjoni (T‑169/08, EU:T:2012:448), Il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata u kkundannat lill-Kummissjoni li tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti. Ir-Repubblika Ellenika u l-impriżi intervenjenti ġew ikkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

49      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni appellat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

50      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-25 ta’ Marzu 2013, l-impriżi attivi fis-settur tal-elettriku Grieg Mytilinaios AE, Protergia AE u Alouminion AE (iktar ’il quddiem il-“intervenjenti fl-appell”) talbu li jintervjenu fil-proċedura tal-appell imsemmija fil-punt 49 hawn fuq insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Lulju 2013, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

51      Permezz tas-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Il-Kummissjoni vs DEI (C‑553/12 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza dwar l-appell”, EU:C:2014:2083), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, ċaħdet it-tieni u r-raba’ partijiet tal-ewwel aggravju, u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet li ma ddeċidietx fuqhom u rriżervat l-ispejjeż.

 Il-proċedura u t-talbiet wara r-rinviju

52      Wara s-sentenza tal-appell u konformement mal-Artikolu 118(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-kawża ġiet assenjata lill-Ewwel Awla, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Settembru 2014. Konformement mal-Artikolu 119(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991 ir-rikorrenti, il-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika, Elpedison Energeiaki u l-intervenjenti fl-appell ppreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet bil-miktub fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit-3 ta’ Ottubru 2014, fis-27 ta’ Novembru 2014, fit-30 ta’ Marzu 2015, fit-2 ta’ April 2015 u fis-17 ta’ April 2015.

53      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fis-26 ta’ Jannar 2016, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li għalihom huma wieġbu fit-terminu mogħti.

54      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2016.

55      Ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika Ellenika, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

56      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-impriżi intervenjenti u mill-intervenjenti fl-appell, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

57      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq l-iżball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE, kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tieni nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet nett, minn naħa, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tal-protezzjoni tal-proprjetà privata, u, min-naħa l-oħra, fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter, u r-raba’ nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

58      Dan il-motiv huwa artikolat madwar ħames partijiet, ibbażati:

–        l-ewwel nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tas-swieq inkwistjoni;

–        it-tieni nett, fuq in-nuqqas ta’ estensjoni tal-pożizzjoni dominanti fis-suq upstream għas-suq downstream, rigward l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ drittijiet esklużivi jew speċjali għall-ksur flimkien tal-Artikolu 86(1)KE u tal-Artikolu 82 KE;

–        it-tielet nett, fuq l-assenza ta’ inugwaljanza fl-opportunitajiet għad-detriment tal-kompetituri tar-rikorrenti;

–        ir-raba’ nett, fuq in-nuqqas ta’ estensjoni tal-pożizzjoni dominanti fis-suq upstream għas-suq downstream, fir-rigward tal-allegat aċċess privileġġat għal karburant primarju;

–        u, il-ħames nett, żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tas-suq downstream.

59      Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet it-tieni u r-raba’ partijiet fis-sentenza dwar l-appell, għandhom jiġu eżaminati biss l-ewwel, it-tielet u l-ħames partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni ta’ swieq inkwistjoni

 Osservazzjonijiet preliminari

60      Qabel ma jkun jista’ jiġi evalwat jekk impriża bħar-rikorrenti għandhiex pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE, għandu jiġi definit is-suq inkwistjoni, kemm mill-aspett tal-prodotti jew tas-servizz ikkonċernat, kif ukoll mill-aspett ġeografiku (sentenza tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, p. 207, punt 10). Din id-definizzjoni qed issir bil-għan li jiġi stabbilit il-perimetru li fih għandu jiġi evalwat jekk l-impriża tistax iġġib ruħha, sa fejn jista’ jiġi evalwat, indipendentement mill-kompetituri tagħha, mill-klijenti tagħha u mill-konsumaturi tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 37).

61      Sabiex jiġi ddefinit is-suq inkwistjoni bil-għan li jiġi applikat l-Artikolu 82 KE, il-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni għandhom jiġu evalwati fil-kuntest ta’ suq li jiġbor il-prodotti jew is-servizzi kollha li, skont il-karatteristiċi tagħhom, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, huma partikolarment adatti sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet kostanti u huma biss sa ċertu punt interkambjabbli ma’ prodotti jew servizzi oħra, dawn il-possibbiltajiet ta’ kompetizzjoni għandhom ukoll jiġu evalwati fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u tal-istruttura tal-provvista u d-domanda (is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 37, u tas-17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni, T‑219/99, EU:T:2003:343, punt 91). Kif jirriżulta b’mod partikolari, mill-paragrafu 7 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għall-finijiet tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155), is-suq rilevanti ta’ prodotti inkwistjoni jinkludi dawk il-prodotti kollha u/jew servizzi li l-konsumatur iqis bħala interkambjabbli jew issostitwibbli mill-konsumatur, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-prezzijiet tagħhom u l-użu intiż tagħhom.

62      Fir-rigward, tas-suq ġeografiku għalhekk jista’ jiġi ddefinit bħala t-territorju li fih jinsabu l-operaturi ekonomiċi kollha f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni simili f’dak li jirrigwarda il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati. F’din il-perspettiva, mhuwiex neċessarju li l-kundizzjonijiet oġġettivi ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi jkunu perfettament omoġenji. Huwa biżżejjed li jkunu simili jew suffiċjentement omoġenji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands Continentaal vs Il-Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punti 44 u 53). Barra minn hekk, dan is-suq jista’ jkun limitat għal Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal 9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 28, u tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 34).

63      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni (iktar ’il quddiem il-“miżuri kkontestati”) jirrigwardaw żewġ swieq distinti, is-suq upstream u s-suq downstream. Skont il-Kummissjoni, l-imsemmijin miżuri, peress li jagħtu drittijiet ta’ operar tal-linjite kważi esklużivament lir-rikorrenti u billi jeskludu kwalunkwe dħul ġdid ta’ kompetituri fis-suq upstream jew billi tostakolah, billi jippermettu lir-rikorrenti li żżomm jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq downstream. Ir-rikorrenti, sostnuta minn ir-Repubblika Ellenika, tikkontesta, essenzjalment, id-definizzjoni tas-swieq użata mill-Kummissjoni. Hija taqsam l-argumenti f’żewġ partijiet.

 Fuq l-ewwel parti sussidjarja, dwar id-delimitazzjoni tas-suq upstream

64      Il-Kummissjoni indikat, fil-premessi 161, 168 u 169 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suq upstream kien suq ta’ prodott distint li d-dimensjoni ġeografika tiegħu kienet nazzjonali.

65      Ir-rikorrenti u r-Repubblika Ellenika jirrilevaw li din id-delimitazzjoni tas-suq upstream hija żbaljata, peress li l-Kummissjoni ma applikatx il-kriterji li hija stess stabbilit fil-komunikazzjoni fuq id-definizzjoni tas-suq (ara l-punt 61 hawn fuq), jiġifieri s-sostitwibbiltà, minn naħa, tat-talba u, min-naħa l-oħra, tal-offerta kif ukoll il-kompetizzjoni potenzjali. Huma jinvokaw erba’ ilmenti, li l-Kummissjoni tikkontesta, li huma intiżi sabiex jirrifjutaw din id-delimitazzjoni.

–       Fuq l-ewwel ilment

66      Ir-rikorrenti u r-Repubblika Ellenika jsostnu li, is-suq downstream, li fuqu l-allegat ksur tal-Artikolu 82 KE twettaq, peress li s-suq bl-ingrossa tal-provvista tal-elettriku fir-RIG, is-suq upstream ma jistax jillimita ruħu għall-provvista ta’ linjite, iżda għandu jkun magħmul mill-karburant kollha li minnhom jiġi prodott l-elettriku. Jekk is-suq upstream jiġi ddefinit bħalma tallega l-Kummissjoni, filwaqt li s-suq downstream għandu huwa wkoll jinqasam skont il-karburant li minnu ġejja l-enerġija pprovduta. Huma jżidu li l-produtturi tal-elettriku jagħżlu, minn fost il-karburanti li jikkompetu, dak li jistgħu jużaw f’impjant partikolari billi jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, l-ewwel nett, il-kundizzjonijiet ta’ “sub-kapaċità” fuq ir-RIG, fejn l-offerta hija inqas mid-domanda, it-tieni nett, tal-ispiża funzjonali ta’ impjant, li tinkludi l-ispiża tal-karburant, l-ispiża tal-funzjonament u tal-manteniment tal-ispiża ambjentali u, it-tielet nett, tal-investimenti u tat-termini tal-bini neċessarji, li jkunu inqas għal impjant li taħdem bil-gass milli għal impjant li taħdem bil-linjite. Il-Kummissjoni għandha għaldaqstant l-obbligu li tinkludi fid-definizzjoni tas-suq upstream il-faħam, in-nukleari u l-gass. L-impjanti li jaħdmu bil-gass huma, barra minn hekk, użati kontinwament u jirrappreżentaw kapaċità installata importanti.

67      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti tar-Repubblika Ellenika.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa, ċertament, eżatt li produttur tal-elettriku li jiddeċiedi li jibda kostruzzjoni ta’ impjant huwa ħieles li jikkonċepieh b’tali mod li jaħdem bil-karburant tal-għażla tiegħu, billi din id-deċiżjoni hija meħuda skont diversi parametri ekonomiċi, fosthom, eventwalment, dawk imsemmija mir-rikorrenti fil-punt 66 hawn fuq.

69      Madankollu, ir-rikorrenti ma tikkonstatax il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, skont liema, minn naħa, l-impjanti li jaħdmu bil-linjite ġew ikkonċepiti speċifikament sabiex jaħdmu b’tip wieħed ta’ karburant u, min-naħa l-oħra, l-adattamenti neċessarji sabiex jiġu ttrasformati dawn l-impjanti f’impjanti li jaħdmu bil-faħam huma wisq onerużi. Għalhekk, jekk produttur tal-elettriku jiddeċiedi li jibni impjant li jaħdem bil-linjite, sussegwentement se jeħtieġ li jikseb dan il-karburant biss sabiex jipproduċi l-elettriku f’dan l-impjant matul it-totalità tal-funzjonament utli tagħha.

70      Il-fornituri ta’ linjite ma humiex, għaldaqstant, jikkompeti mal-fornituri ta’ karburanti oħra użati għall-finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku iktar u iktar fil-każ ta’ bejgħ lil impjanti elettriċi li jaħdmu bil-linjite, dawn jikkostitwixxu suq magħluq. Madankollu, mill-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta, mingħajr li dan il-fatt ma ġie kkontestat mir-rikorrenti, li kważi l-linjite kollha sfruttata fil-Greċja hija użata għall-finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku. L-impjanti li jaħdmu b’dan il-karburant ma jirrappreżentawx għaldaqstant parti negliġibbli tal-klijenti tal-fornituri ta’ linjite, iżda s-suq prinċipali tagħhom, jekk mhux esklużiv. Barra minn hekk, dan jirrigwarda suq ta’ daqs kunsiderevoli, peress li mit-tabelli Nru 11 u Nru 14 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, rispettivament, 43 % tal-kapaċità installata ta’ produzzjoni tal-elettriku fi ħdan ir-RIG u 59.7 % tal-produzzjoni totali kienu jikkorrispondu għal dawn l-impjanti fl-2006.

71      Barra minn hekk, peress li l-investimenti neċessarji sabiex jinbena impjant li jaħdem bil-linjite huma, skont ir-rikorrenti nnifisha, huma kbar ħafna, huwa raġonevoli li jiġi kkunsidrat li l-operar ta’ tali impjant, ladarba tibda taħdem, diffiċilment se jiġi abbandunat minħabba raġunijiet marbuta maż-żieda, anki jekk sinjifikattiva, tal-prezz tal-linjite, dan il-fatt isaħħaħ il-poter fis-suq tal-fornituri ta’ dan il-karburant u l-kapaċità tagħhom li jaġixxu indipendentement mill-evoluzzjoni tal-prezz ta’ karburanti oħra użati għall-finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku.

72      L-argument tar-rikorrenti u tar-Repubblika Ellenika skont liema dawn il-karburanti oħra kollha għandhom jaqgħu fi ħdan is-suq upstream ma għandhomx, għaldaqstant, jikkontestaw id-delimitazzjoni tal-imsemmi suq li waslet għalih il-Kummissjoni. Fil-fatt, il-kompetizzjoni eżerċitata mill-elettriku prodott minn karburant ieħor mal-elettriku prodott mil-linjite timmanifesta ruħha pjuttost fis-suq downstream. L-imsemmija delimitazzjoni taqa’, għaldaqstant, taħt kwistjonijiet dwar dan is-suq, kif se jiġi eżaminat iktar ’il quddiem.

73      Għalhekk, l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni ilment

74      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-delimitazzjoni tagħha tas-suq upstream, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-pressjoni kompetittiva eżerċitata mill-elettriku importat.

75      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-possibbiltà li jiġi importat l-elettriku mill-Italja jew mill-pajjiżi tat-Tramuntana, l-operaturi tal-impjanti li jaħdmu bil-linjite jibqgħu, fil-prattika, obbligati li jiksbu l-karburant neċessarju sabiex jiżguraw it-tħaddim ta’ dawn l-impjanti mingħand il-fornituri ta’ linjite.

77      Għalhekk, il-fatt li l-importazzjoni tal-elettriku kienet possibbli ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li d-delimitazzjoni tas-suq upstream imwettqa mill-Kummissjoni hija żbaljata, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk dan il-fatt jistax jeżerċita pressjoni kompetittivi sinjifikattiva fuq is-suq downstream.

78      Għaldaqstant, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tielet ilment

79      Ir-rikorrenti u r-Repubblika Ellenika jirrilevaw li l-Kummissjoni wettqet żball meta ddefinixxiet il-linjite bħala “karburant primarju”, dan il-fatt kellu impatt fuq id-delimitazzjoni tas-suq upstream. Jekk dan il-kunċett isemmi karburant użat għall-produzzjoni tal-elettriku fl-“impjanti bażiċi”, li jinjettaw b’mod permanenti l-elettriku fin-netwerk, imbagħad is-suq upstream għandu jinkludi l-faħam u l-gass, li jistgħu wkoll jiġu użati bħala karburanti għal “impjanti bażiċi”.

80      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti tar-Repubblika Ellenika.

81      Fuq dan il-punt, għandu jitfakkar li, fil-premessa 189 u fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li ż-żamma ta’ drittijiet ta’ operar tal-linjite favur ir-rikorrenti toħloq sitwazzjoni ta’ inugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-aċċess għall-“karburanti primarji” għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku li (ara l-punt 34 hawn fuq). Madankollu, permezz tal-użu tal-espressjoni “karburanti primarji”, li hija nieqsa mill-aċċettazzjoni teknika fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni pprovat biss li tevoka l-importanza u r-rwol essenzjali tal-linjite fis-suq downstream, u mhux biss li jiġi delimitat is-suq upstream.

82      Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-użu, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-espressjoni “impjanti bażiċi”. Jekk huma, kif issostni r-rikorrenti, l-impjanti li jinjettaw b’mod permanenti l-elettriku fin-netwerk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni analizzat ir-riżorsi kollha ta’ produzzjoni tal-elettriku, kif ukoll it-tipi kollha ta’ teknoloġiji użati, sabiex jiġi konkluż li l-aċċess għal-linjite baqa’ fil-Greċja, essenzjali sabiex jippermetti kompetizzjoni effettiva jew potenzjali fis-suq downstream u li hija ma kkunsidratx li s-suq upstream kien dak tal-linjite minħabba l-fatt li huwa biss dan il-karburant li seta’ jiġi użat sabiex iħaddem l-impjanti li jinjettaw b’mod permanenti l-elettriku fin-netwerk.

83      Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud.

–       Fuq ir-raba’ ilment

84      Ir-rikorrenti ssostni li d-delimitazzjoni tas-suq upstream hija żbaljata peress li, fuq il-livell ġeografiku, dan is-suq ma għandux jiġi llimitat għal-linjite prodotta fil-Greċja, iżda għandu jinkludi wkoll il-linjite li ġejja minn depożiti li jinsabu f’ċerti pajjiżi u territorji ġirien. Ir-Repubblika Ellenika żżid li l-previżjoni tal-Kummissjoni fuq in-natura improbabbli tal-importazzjonijiet ta’ linjite hija żbaljata, peress li, fil-bidu tas-sena 2009, hija ħarġet awtorizzazzjoni ta’ produzzjoni tal-elettriku ġġenerat mil-linjite lil kompetitur tar-rikorrenti, li jista’ jiżgura provvista fit-tul ta’ linjite importata.

85      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

86      Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni indikat, fil-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minħabba l-fatt li l-linjite għandha l-qawwa kalorika l-iktar dgħajfa mill-kategoriji kollha tal-faħam, ma tistax tiġi ttrasportata fuq distanzi twal, peress li l-kummerċ ta’ linjite huwa kważi ineżistenti barra l-provvisti diretti bejn id-depożiti li jinsabu qrib l-impjanti elettriċi ta’ konsum u dawn l-impjanti. Il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti jew mir-Repubblika Ellenika, minn naħa, li l-impjanti kollha li jaħdmu bil-linjite fl-Unjoni jinsabu qrib id-depożiti ta’ linjite u, min-naħa l-oħra, li l-konsum ta’ linjite importata kienet ta’ 0.1 % fit-totalità tal-Istati Membri u ineżistenti l-Greċja.

87      Barra minn hekk, fir-rigward tal-linjite li ġejja mit-territorji ġirien tal-Greċja, il-Kummissjoni osservat, fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-depożiti li jeżistu f’dawn it-territorji, minn naħa, qegħdin iktar minn 100 km mill-fruntiera Griega u, għaldaqstant, il-bogħod wisq sabiex jirrappreżentaw sors potenzjali ta’ provvista għall-impjanti li jaħdmu bil-linjite li jinsabu fir-RIG u, min-naħa l-oħra, huma diġà sfruttati minn impriżi lokali għall-produzzjoni tal-elettriku fuq in-netwerks tal-elettriku lokali. Huwa għalhekk li, anki jekk hija tammetti li, fil-premessa 161 tad-deċiżjoni kkontestata, il-possibbiltà teoretika li l-provvista ta’ linjite tista’ ssir, bil-għan li tħaddem l-impjanti li jinsabu fir-RIG, mid-depożiti li jeżistu f’dawn it-territorji, fil-premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata, hija eskludiet li din il-possibbiltà tista’ tikkostitwixxi alternattiva reali għal-linjite Grieg.

88      Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li d-diffikultajiet u l-ispiża tat-trasport tal-linjite huma attenwati kunsiderevolment f’dak li jirrigwarda l-offerti ta’ linjite li ġejjin minn ċerti territorji ġirien tal-Greċja, minħabba l-valur kalorifiku għoli tal-prodott u tal-prezz tiegħu. Sabiex issostni din id-dikjarazzjoni, ir-rikorrenti tirreferi għal posta elettronika mibgħuta lill-Kummissjoni fit-8 ta’ Frar 2008. Madankollu, din il-posta elettronika ma fiha ebda analiżi dwar il-vijabbiltà ekonomika tal-importazzjoni ta’ linjite li ġejja minn dawn it-territorji. Fil-fatt, fl-imsemmija posta elettronika, ir-rikorrenti tillimita ruħha li tiddikjara li s-suq upstream huwa ta’ daqs ikbar minn dak sostnut mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u jippreżenta, kif tipprova din id-dikjarazzjoni, tliet offerti li hija rċeviet minn tliet impriżi dwar il-provvista ta’ linjite li ġejja mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Kosovo.

89      L-ewwel nett, fir-rigward tal-ewwel żewġ offerti, dwar il-provvista, minn naħa, ta’ 300 000 tunnellata ta’ linjite fis-sena li ġejjin mill-Kosovo, li għandhom qawwa kalorifika ta’ 1 800 kcal/kg, kif ukoll ta’ 600 000 tunnellata kull sena li ġejjin mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li għandhom qawwa kalorifika ta’ bejn 2 800 u 3 000 kcal/kg, u, min-naħa l-oħra, ta’ 1 000 000 tunnellata li ġejjin mill-Kosovo, li qawwa kalorifika tagħhom ma hijiex speċifikata, li kellhom jiġu kkonsenjati fl-2007, Għandu jiġi rrilevat li għandu jitħallas għal dawn il-kwantitajiet ta’ linjite ma jirriżultax mill-proċess. L-eżistenza ta’ dawn l-offerti ma hijiex għaldaqstant suffiċjenti sabiex tipprova li l-importazzjoni ta’ din il-linjite tkun ekonomikament vijabbli.

90      Fir-rigward tat-tielet offerta, dwar kwantità ta’ ksilit li ġejja mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ta’ 300 000 tunnellata fis-sena, li għandhom jiġu kkonsenjati lil żewġ impjanti li jinsabu fil-qrib tal-fruntiera ma’ dan il-pajjiż, għandhom qawwa kalorifika ta’ 2 700 kcal/kg, hija tispeċifika l-prezz li r-rikorrenti għandha tħallas, jiġifieri EUR 37.5 kull tunnellata, billi dan il-prezz jista’ jvarja skont il-kwalità tal-prodott finalment ipprovdut skont regola ddeterminata minn qabel. Madankollu, ir-rikorrenti ma tispjegax jekk, inkunsiderazzjoni ta’ dan il-prezz, l-importazzjoni tal-ksilit, jekk wieħed jassumi li tkun tista’ tintuża fl-impjanti li jaħdmu bil-linjite, tkun fil-fatt vijabbli. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li l-ittra li fiha din it-tielet offerta tikkonstata d-diffikultajiet li l-importazzjoni ta’ dawn il-kwantitajiet toħloq fil-fruntiera, sa fejn, ikun hemm ħtieġa ta’ 60 trakk kull jum, hija teżawrixxi l-kapaċità ta’ żdoganar mill-eqreb dwana ħdejn l-impjanti fornuti.

91      It-tieni nett, għandu jiġi nnutat li l-impriżi għall-oriġini tal-offerti riċevuti mir-rikorrenti ma impenjawx ruħhom, f’dawn l-offerti, li jiggarantixxu konsenja ta’ karburant fuq tul ta’ żmien. Madankollu, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-osservazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata skont liema l-kwantità ta’ linjite meħtieġa minn impjant li jaħdem b’dan il-karburant matul it-tul kollu tal-funzjonament tiegħu, jiġifieri minn 40 sa 45 sena, huwa ta’ diversi miljuni ta’ tunnellati. Il-Kummissjoni, pereżempju, indikat li d-depożitu ta’ Vevi, li għandu riżervi ta’ 90 miljun tunnellata, kien intiż li jħaddem impjant ta’ 400 MW matul il-perijodu taċ-ċiklu tal-funzjonament tiegħu, b’madwar 2 000 000 tunnellata fis-sena.

92      Għaldaqstant, ma huwiex realistiku li jiġi kkunsidrat li investitur medju infurmat mhux se jimpenja ruħhu fi spejjeż kbar li, skont ir-rikorrenti nnifisha, huma marbuta mal-bini ta’ impjant li jaħdem bil-linjite għall-produzzjoni tal-elettriku fir-RIG mingħajr ma jkun żgura provvista għal żmien twil.

93      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li ir-rikorrenti ma tindikax li aċċettat waħda jew l-oħra minn dawn l-offerti riċevuti, dan jikkostitwixxi pjuttost indizju li f’dak iż-żmien ma kinitx tqishom bħala suffiċjentement kompetittivi. Indizju addizzjonali b’saħħtu f’dan is-sens hija l-assenza ta’ importazzjoni ta’ linjite fil-Greċja (ara l-punt 86 hawn fuq). Fil-fatt, peress li l-linjite hija l-karburant li huwa l-iktar użat għall-ġenerazzjoni tal-elettriku fir-RIG, din l-assenza diffiċilment tista’ tiġi spjegata jekk, bħalma ssostni r-rikorrenti essenzjalment, it-trasport tal-linjite li ġej mit-territorji ġirien tal-Greċja huma ekonomikament vijabbli.

94      Għalhekk, jekk ma jiġix eskluż li l-importazzjoni ta’ linjite minn ċerti territorji ġirien tal-Greċja u ddestinati lejn impjanti li jinsabu qrib tal-fruntiera bejn il-Greċja u l-pajjiżi tat-Tramuntana tista’ sseħħ okkażjonalment, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti naqset milli turi li tali importazzjoni kienet sors ta’ provvista alternattiva reali għad-depożiti ta’ linjite eżistenti fir-RIG.

95      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata permezz tal-argument tar-Repubblika Ellenika ibbażat fuq il-fatt li, fis-7 ta’ Jannar 2009, Heron ingħatat l-liċenzja għall-bini ta’ impjant li jaħdem bil-linjite li saret l-applikazzjoni għaliha fis-26 ta’ Marzu 2007 (ara l-punt 16 hawn fuq), filwaqt li hija ġiet indikata bħala sorsi ta’ karburant tad-depożiti li jinsabu barra l-Greċja.

96      Fil-fatt, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, il-liċenzja mogħtija lil Heron fis-7 ta’ Jannar 2009 ma tispjegax fid-dettall il-mod li bih din l-impriża għandha tforni lilha nnifisha bil-linjite. Bħalma enfasizzat il-Kummissjoni, spjegazzjoni iktar żviluppata tidher fl-avviż ipprovdut mir-RAE fil-proċedura li twassal għall-għoti ta’ din il-liċenzja. Madankollu, minn dan l-avviż jirriżulta li Heron kienet ippreżentat bħala sors prinċipali ta’ linjite tal-impjant ipproġettat, żewġ depożiti li jinsabu fi ħdan ir-RIG, li wieħed minnhom, dak ta’ Vevi, jinsab 20 km mill-post previst tal-impjant. RAE indikat li Heron kienet impriża li għamlet l-offerta l-iktar għolja fil-proċedura tal-għoti tad-drittijiet ta’ operar tad-depożitu inkwistjoni u semmiet il-bini ta’ linja tal-ferrovija bejn dan id-depożitu u l-impjant il-ġdid. L-importazzjoni ta’ kwantità ta’ 3 000 000 tunnellata li kienet ġejja mit-territorju tal-Kosovo hija, ċertament, imsemmija bħala sors alternattiv ta’ linjite għall-impjant ipproġettat, iżda dan ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li Heron kienet talbet u kisbet liċenzja ta’ bini ta’ impjant li jaħdmu bil-linjite mingħajr ma kellha t-tama, fondata, li tfornixxi ruħha mid-depożitu li jinsab fil-qrib, bħal dak ta’ Vevi.

97      Barra minn hekk, fir-risposta tagħha għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-26 ta’ Jannar 2016 kif ukoll matul is-seduta, ir-Repubblika Ellenika ikkonfermat li Heron ma kinitx suġġetta għal obbligu legali ta’ bini tal-impjant ipproġettat. L-unika konsegwenza possibbli ta’ deċiżjoni eventwali ta’ din l-impriża li tirrinunzja għall-proġett tagħha kien l-irtirar tal-liċenzja ta’ bini. Għalhekk, is-sempliċi ksib minn Heron ta’ din il-liċenzja ma jurix li hija tqis li l-bini tal-impjant ipproġettat kien possibbli fl-eventwalità fejn hija ma kinitx tikseb id-drittijiet ta’ operar tad-depożitu ta’ Vevi.

98      L-eżistenza tal-liċenzja mogħtija lil Heron ma hijiex biżżejjed għaldaqstant, sabiex tistabilixxi li l-bini ta’ impjant li jaħdem bil-linjite fir-RIG huwa ekonomikament vijabbli mingħajr ma jkun hemm aċċess għad-depożiti ta’ linjite li jeżistu f’dan it-territorju. Il-fatt li l-uniku każ li jissemma fil-proċess li fih impriża semmiet il-linjite importata bħala sors possibbli ta’ provvista għal impjant li se jinbena huwa dak li fih din l-istess impriża tkun talbet l-għoti ta’ drittijiet ta’ operar ta’ depożitu li jinsab 20 km minn dan l-impjant u li hija tkun ressqet l-offerta l-iktar għolja fil-proċedura tal-għoti inkwistjoni huwa indizju tan-neċessità ekonomika tal-eżistenza ta’ depożiti li jinsabu qrib tal-impjanti li jaħdmu bil-linjite. Indizju addizzjonali huwa l-fatt li, kif indikat il-Kummissjoni matul is-seduta mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti jew mir-Repubblika Ellenika, Heron, li ma fl-aħħar nett ma ngħatatx id-drittijiet ta’ operar għad-depożiti ta’ Vevi, ma bdietx il-bini tal-impjant ipproġettat sal-lum.

99      Fl-aħħar nett, minn naħa, kif irrilevat il-Kummissjoni, xejn fil-liċenzja mogħtija lil Heron jew fl-avviż tar-RAE dwarha ma jindika li l-kwantitajiet ta’ linjite li jistgħu jiġu importati huma ggarantiti matul it-totalità tal-perijodu ta’ funzjonament effettiv tal-impjant ipproġettat u, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ellenika ma pprovdiet ebda element dwar il-prezz tal-linjite li għandha timporta Heron li jippermetti li tiġi pparagunata l-vijabbiltà tagħha, għall-finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku fir-RIG, mal-linjite li teżisti fid-depożiti Griegi.

100    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

101    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti naqset milli tistabilixxi l-eżistenza ta’ żball fid-delimitazzjoni tas-suq upstream imwettaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, l-ewwel parti sussidjarja hija infondata.

 Fuq it-tieni parti sussidjarja, dwar id-delimitazzjoni tas-suq downstream

102    Għandu jitfakkar li il-Kummissjoni, fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata, iddelimitat is-suq downstream bħala li huwa s-suq ta’ produzzjoni tal-elettriku fl-impjanti elettriċi tar-RIG u tal-importazzjoni tal-elettriku permezz ta’ tagħmir ta’ interkonnessjoni għall-finijiet tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom.

103    Sabiex tikkontesta din id-delimitazzjoni tas-suq downstream, ir-rikorrenti tinvoka essenzjalment żewġ ilmenti, li l-Kummissjoni tikkontesta.

–       Fuq l-ewwel ilment

104    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, sabiex tiddelimita s-suq downstream, ibbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq informazzjoni preċedenti għall-ħolqien tas-sistema ta’ kuljum obbligatorja u li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-grad ta’ liberalizzazzjoni ta’ dan is-suq.

105    Il-Kummissjoni tikkontesta d-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti.

106    Għandu jiġi rrilevat, mill-bidu nett, li, anki jekk wieħed jassumi li din l-affermazzjoni tiġi pprovata, dan ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li d-delimitazzjoni tas-suq downstream imwettqa mill-Kummissjoni kienet żbaljata. Ir-rikorrenti nnifisha ma tindikax li, jekk il-Kummissjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni iktar rilevanti, hija kienet tiddelimita dan is-suq b’mod differenti.

107    Fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha tas-suq downstream fuq l-assjem ta’ provi li ġew trażmessi lilha sal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ dan, kif ġie kkonfermat fil-punti 201 sa 203 iktar ’il quddiem, li l-Kummissjoni llimitat l-evalwazzjoni tagħha għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-provi li waslulha sat-18 ta’ Ottubru 2006. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni, fil-premessi 103 sa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, iddeskriviet ir-regoli li jirregolaw dan is-suq, li hija eżaminat ukoll fil-premessi 164 sa 166 ta’ din id-deċiżjoni, u, fil-premessa 222 tal-imsemmija deċiżjoni, ħadet inkunsiderazzjoni ċerti partikolaritajiet tas-suq inkwistjoni sabiex tikkonstata li l-linjite kien il-karburant l-iktar vantaġġuż sabiex jiġi prodott l-elettriku fir-RIG.

108    Għaldaqstant, l-ilment preżenti għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tieni lment

109    Ir-rikorrenti ssostni li il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, naqset milli tiddistingwi, b’mod żbaljat, il-pressjoni kompetittivi li l-elettriku importat jeżerċita skont it-tipi differenti ta’ karburant. Bħal pereżempju, l-elettriku importat minn impjanti idroelettriċi u nukleari huwa nettament inqas għoli minn dak prodott fil-Greċja u jidħol fis-sistema qabel, billi jeskludi l-impjanti ta’ produzzjoni, inklużi dawk li joperaw fuq linjite.

110    Dan l-argument, li l-Kummissjoni tikkontesta, ma huwiex ikkonfermat mill-fatti. Fil-fatt, il-Kummissjoni inkludiet l-elettriku importat fis-suq downstream, kif jirriżulta mid-definizzjoni ta’ dan is-suq indikata fil-premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata u msemmija fil-punt 102 hawn fuq. Madankollu, hija kkonstatat li l-kapaċità reali ta’ importazzjoni tirrappreżenta biss, fiż-żmien li fih seħħew il-fatti, madwar 7 % tal-kapaċità installata fis-suq downstream, fatt li r-rikorrenti ma kkontestatx. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma naqsitx li tieħu inkunsiderazzjoni l-pressjoni kompetittiva tal-elettriku importat, iżda, inkunsiderazzjoni tal-kwantità relattivament imnaqqsa ta’ dan l-elettriku meta mqabbel mal-kapaċità ta’ produzzjoni totali installata fir-RIG u mal-konsum, hija kkunsidrat li, fiż-żmien li fih seħħew il-fatti, il-linjite jibqa’ karburant partikolarment attraenti għall-produzzjoni tal-elettriku f’dan is-suq.

111    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

112    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti naqset milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żball fid-delimitazzjoni tas-suq downstream imwettaq mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, it-tieni parti sussidjarja hija infondata.

113    Peress li ma ġiex ikkonstatat ebda żball fir-rigward tad-delimitazzjoni tas-swieq imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ sitwazzjoni ta’ inugwaljanza fl-opportunitajiet għad-detriment ta’ kompetituri ġodda

114    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, tista’ tiġi garantita biss jekk l-ugwaljanza tal-opportunità hija żgurata bejn id-diversi operaturi ekonomiċi. B’hekk jirriżulta li jekk l-inugwaljanza fl-opportunitajiet bejn dawn l-operaturi, u għaldaqstant il-kompetizzjoni distorta, hija l-fatt ta’ miżura tal-Istat, tali miżura tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 86(1) KE moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE (ara s-sentenza dwar l-appell, punti 43 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri kkontestati jistgħu joħolqu inugwaljanza tal-opportunitajiet favur tar-rikorrenti minħabba li jagħtuha aċċess kważi esklużiv għal-linjite li tintuża sabiex jiġi prodott l-elettriku fir-RIG, meta fir-realtà kien il-karburant l-iktar vantaġġuż għal dan il-fini.

116    Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, ħames ilmenti sabiex tirrifjuta din il-konklużjoni.

117    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-ilmenti.

 Fuq l-ewwel ilment

118    Ir-rikorrenti tirrileva li d-drittijiet ta’ operar għal madwar 2 000 miljun tunnellata ta’ riżervi ta’ linjite, li minnhom 1 230 miljun tunnellata ta’ riżervi li jistgħu jiġu sfruttati għall-finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku, kien għadhom ma ingħatawx fiż-żmien li fih seħħew il-fatti. Il-kompetituri tagħha setgħu għaldaqstant jiksbu l-linjite billi jitolbu l-għoti ta’ dawn id-drittijiet. Ir-regoli applikabbli f’dan ir-rigward ikunu de facto l-istess għal kull impriża mill-1994, data li fiha ir-rikorrenti bbenefikat l-aħħar għoti. Għalhekk, proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet tnediet u kważi twettqet mid-depożitu ta’ Vevi.

119    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

120    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mill-punti 5 sa 12 hawn fuq jirriżulta li r-rikorrenti ngħatat drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ operar fuq kważi t-totalità tad-depożiti pubbliċi ta’ linjite li għalihom tali drittijiet kienu ingħataw, fiż-żmien li fih seħħew il-fatti, fil-Greċja. Konkretament, id-drittijiet mogħtija lir-rikorrenti jikkorrispondu għal madwar 2 200 miljun tunnellata fl-1 ta’ Jannar 2007 u jirrappreżentaw 91 % tar-riżervi tad-depożiti pubbliċi li għalihom dawn id-drittijiet kienu ingħataw.

121    Mill-punt 11 hawn fuq jirriżulta wkoll li, fuq madwar 4 500 miljun tunnellata ta’ riżervi ta’ linjite fil-Greċja, id-drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ operar mogħtija lil terzi u li setgħu jiġu użati għall-produzzjoni tal-elettriku fl-impjanti li jaħdmu bil-linjite li ma humiex proprjetà tar-rikorrenti kienu jammontaw għal madwar 85 miljun tunnellata.

122    L-ikbar parti tal-għotjiet ta’ drittijiet ta’ operar li minnhom ir-rikorrenti ibbenefikat seħħew, jew skont deċiżjonijiet ministerjali adottati konformement mal-Artikolu 36(3) tal-Liġi n° 3734/2009, jew skont strument leġiżlattiv speċifiku, bħalma hi l-Liġi Nru 134/1975, li ma setgħux jibbenefikaw il-kompetituri tar-rikorrenti.

123    Huwa, ċertament, eżatt li l-Artikolu 36(3) tal-Liġi Nru 3734/2009 ħassar l-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 134/1975, li ġie ikkontestat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, dan it-tħassir seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u jirrappreżenta sempliċi miżura ta’ konformità magħha. Għaldaqstant, hija ma tistax turi li l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienet żbaljata.

124    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, bħalma jammettu r-rikorrenti u r-Repubblika Ellenika, huwa fl-1994 li, abbażi tal-Liġi Nru 134/1975, l-aħħar drittijiet ta’ operar tad-depożiti pubbliċi ta’ linjite fil-Greċja ingħataw, u dan, b’mod dirett, lir-rikorrenti, permezz ta’ deċiżjoni ministerjali. Għalhekk, minkejja l-Kodiċi tal-Minjieri ma jeskludix formalment il-possibbiltà li l-impriżi kkonċernati, oħra li ma humiex ir-rikorrenti, jingħataw drittijiet fuq id-depożiti pubbliċi ta’ linjite li għadhom ma ġewx attribwiti, ebda depożitu importanti ma ngħata lil dawn l-impriżi, minkejja l-interess manifest għalihom, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti kienet, de facto, l-unika impriża li setgħet topera kwantità sinjifikattiva ta’ linjite fis-suq upstream.

125    Għalhekk, is-sempliċi tħassir tal-Liġi Nru 134/1975 ma hijiex biżżejjed sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza tal-opportunitajiet fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku, kkawżata biż-żamma tal-aċċess ipprivileġġat tar-rikorrenti għad-drittijiet ta’ operar tal-linjite.

126    F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li ir-Repubblika Ellenika ma ressqitx, la matul il-proċedura amministrattiva u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ebda argument li jista’ jiġġustifika l-assenza tal-għoti ta’ drittijiet ta’ operar fuq id-depożiti mhux attribwiti u, b’mod partikolari, fuq id-depożiti importanti bħal dawk ta’ Dráma ta’ Elassona.

127    Barra minn hekk, il-Kodiċi tal-Minjieri lanqas ma jipprekludi lir-rikorrenti li titlob u tikseb l-għoti ta’ drittijiet ta’ operar fuq id-depożiti li għadhom ma ġewx attribwiti. Għalhekk, anki jekk ir-Repubblika Ellenika ddeċidiet li tagħti drittijiet ta’ operar fuq dawn id-depożiti, skont il-proċedura prevista mill-Kodiċi tal-Minjieri, din ma tippermettix per se li l-kompetituri tar-rikorrenti fis-suq downstream jiġu ggarantiti aċċess suffiċjenti għal-linjite bħala karburant għall-finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku. Fil-fatt, ir-rikorrenti tista’, fi tmiem din il-proċedura, tikseb dawn id-drittijiet u żżid konsegwentement il-portafoll tagħha.

128    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika Ellenika ma adottat ebda miżura alternattiva għall-għoti ta’ drittijiet ta’ operar li tista’ tiggarantixxi lill-kompetituri tar-rikorrenti aċċess suffiċjenti għal-linjite bħala karburant għall-finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku jew li jiġu eliminati l-vantaġġi eventwali li r-rikorrenti għandha minħabba l-aċċess kważi esklużiv għal dan il-karburant.

129    It-tielet nett, mill-premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-Repubblika Ellenika adottat ċerti miżuri asimmetriċi għad-detriment tar-rikorrenti wara l-liberalizzazzjoni tas-suq downstream. madankollu, peress li huma jikkonsistu, essenzjalment, fl-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni bl-esklużjoni tar-rikorrenti għall-bini tal-impjanti li jaħdmu bil-karburanti li ma humiex il-linjite, dawn il-miżuri ma jistgħux jiggarantixxu lill-kompetituri tar-rikorrenti aċċess suffiċjenti għal-linjite bħala karburant għall-produzzjoni tal-elettriku.

130    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti kienet tgawdi de facto, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minn aċċess ipprivileġġat għal-linjite bħala karburant għall-finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku, minkejja l-possibbiltà formali ta’ għoti ta’ drittijiet ta’ operar għad-depożiti li għadhom ma ġewx attribwiti lill-kompetituri tagħha.

131    Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni ilment

132    Ir-rikorrenti, sostnuta minn ir-Repubblika Ellenika, tosserva li l-Kummissjoni tammetti hija nnifisha li, fis-suq downstream, kwalunkwe impriża tista’ titlob u tikseb liċenzja ta’ produzzjoni tal-elettriku u li numru kbir ta’ impriżi diġà kisbu dawn il-liċenzji waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-fatt li, fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, dawn il-liċenzji kienu għadhom ma nkisbux għall-bini de impjanti li jaħdmu bil-linjite ma jirriżultax minn inugwaljanza tal-opportunitajiet, iżda minn raġunijiet oġġettivi, bħall-impossibbiltà li jiġi ggarantit jew il-provvista suffiċjenti ta’ karburant, jew il-kapaċità finanzjarja meħtieġa. Il-wasla fil-Greċja ta’ impriżi kbar Ewropej, partikolarment intens wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, uriet il-ftuħ tas-suq downstream għall-produtturi ġodda, li ma kinitx iktar tiġġustifika l-eżistenza ta’ proċeduri ta’ sejħiet għal offerti ssussidjati.

133    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

134    Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-kompetituri tar-rikorrenti, inklużi l-impriżi l-kbar, setgħu jiksbu l-liċenzji ta’ produzzjoni tal-elettriku fir-RIG ma turix l-assenza ta’ inugwaljanza tal-opportunitajiet F’dan is-suq għad-detriment tagħhom. Dan juri biss li l-ostakoli għad-dħul ma humiex tali li kull kompetitur jiġi eskluż.

135    Barra minn hekk, jirriżulta mit-tabelli Nru 12 u Nru 14 tad-deċiżjoni kkontestata li, fl-2006, u għaldaqstant ħames snin wara l-liberalizzazzjoni parzjali tas-suq downstream, ir-rikorrenti, minn naħa, kellha għad-dispożizzjoni 90 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni installata fir-RIG u, min-naħa l-oħra, ipproduċiet 93.6 % tal-elettriku totali ddistribwita. Il-grad ta’ penetrazzjoni tal-kompetituri tar-rikorrenti F’dan is-suq fiż-żmien li fih seħħew il-fatti kien għaldaqstant pjuttost ta’ natura li juri l-persistenza ta’ sitwazzjoni ta’ inugwaljanza bejn ir-rikorrenti u l-kompetituri tagħha, u dan iktar u iktar peress li r-RIG, skont ir-rikorrenti nnifisha, kien f’sitwazzjoni ta’ sub-kapaċità li, bħala prinċipju, kellu jiġi korrett, b’mod partikolari, bil-wasla ta’ kompetituri ġodda.

136    Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-premessi 77 u 211 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti jew ir-Repubblika Ellenika, li t-talbiet kollha ta’ liċenzja ta’ bini ta’ impjanti li jaħdmu bil-linjite imressqa mill-kompetituri tar-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ġew miċħuda. Ir-rikorrenti nnifisha tirrikonoxxi li waħda mir-raġunijiet prinċipali ta’ dawn iċ-ċaħdiet kienet l-impossibbiltà għal dawk li jitolbu l-garanzija ta’ provvista tal-linjite, fatt li l-Kummissjoni kkonstatat ukoll fil-premessa 211 tad-deċiżjoni kkontestata. Dan juri, iktar milli jiċħad, id-diffikultajiet li esperjenzaw l-operaturi l-oħra għal bini tal-impjanti li jaħdmu bil-linjite, għalhekk dawn ma jkollhomx aċċess għad-depożiti l-kbar.

137    Għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment

138    Ir-rikorrenti ssostni li kompetituri tagħha huma f’pożizzjoni li jiksbu aċċess suffiċjenti għal-linjite bħala karburant għall-finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku permezz ta’ ħlas jew kollaborazzjoni mal-impriżi li diġà kisbu drittijiet ta’ operar ta’ linjite fil-Greċja. Madankollu, ebda impriża ma qatt talbet lir-rikorrenti li tforniha bil-linjite.

139    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

140    Fir-rigward tad-depożiti operati mill-impriżi li ma humiex ir-rikorrenti, Għandu jiġi rrilevat li il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 203 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti jew mir-Repubblika Ellenika, li d-depożiti ta’ daqs żgħir ħafna u mifruxa fit-territorju Grieg ma jistgħux jikkostitwixxu sors realistiku ta’ karburant għall-impjanti ta’ produzzjoni tal-elettriku. Il-Kummissjoni osservat, f’dan ir-rigward, li l-ispejjeż loġistiċi marbuta mat-tħaddim ta’ impjant li jaħdem bil-linjite, li l-konsum tiegħu, matul il-perijodu ta’ funzjonament effettiv tiegħu huwa ta’ 40 sa 45 sena, jammonta għal diversi għexieren ta’ miljuni ta’ tunnellati, minn numru kbir ta’ depożiti mferrxa, ikunu eċċessivi.

141    Madankollu, mill-premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-depożiti privati ta’ linjite miżmuma mill-impriżi li ma humiex ir-rikorrenti huma ta’ daqs żgħir, li jirrappreżentaw medja ta’ 9 miljun tunnellata ta’ riżervi, u li dawn id-depożiti kollha, b’eċċezzjoni waħda biss, ma kinux għadhom joperaw fl-2003.

142    Fir-rigward għad-depożiti pubbliċi ta’ linjite miżmuma mill-impriżi li ma humiex ir-rikorrenti, jirriżulta mill-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata li, fost l-għaxar depożiti ta’ dan it-tip li jeżistu fit-territorju Grieg, huma biss tlieta li fihom riżervi mhux negliġibbli u kienu għadhom operanti fl-2001, barra minn hekk, peress li r-rikorrenti kienet żgurat ruħha kuntrattwalment mill-provvista tal-parti l-kbira tal-linjite kkonsmata minn wieħed mill-impjanti tagħha minn dawn iż-żewġ depożiti. Jirriżulta wkoll mill-premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata li l-proprjetarji ta’ żewġ depożiti li kienu joperaw fl-2001 tilfu d-drittijiet tagħhom ta’ operar fl-2003.

143    Għalhekk, inkunsiderazzjoni tal-kwantità żgħira ta’ riżervi miżmuma mill-impriżi li ma humiex ir-rikorrenti u li setgħu jiġu użati mill-kompetituri tagħha bħala sors ta’ karburant fis-suq downstream, il-possibbiltà teoretika li jiksbu l-linjite mingħand dawn l-impriżi ma setgħetx telimina l-inugwaljanza tal-opportunitajiet ikkonstatata mill-Kummissjoni bejn ir-rikorrenti u l-kompetituri tagħha.

144    Fir-rigward tal-possibbiltà li tinxtara l-linjite mingħand ir-rikorrenti, jirriżulta mill-ittra indirizzata mir-Repubblika Ellenika lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Lulju 2004 li l-assjem tal-produzzjoni ta’ linjite tar-rikorrenti kien, fiż-żmien li fih seħħew il-fatti, użat għall-impjanti elettriċi tagħha stess u li hija ma kinitx attiva, la effettivament u lanqas potenzjalment, bħala bejjiegħa fis-suq upstream. Konsegwentement, ebda imprenditur medjament informat ma kien se jassumi l-ispejjeż tal-investimenti għal perijodu twil għall-bini ta’ impjant peress li jipprevedi li jikseb il-linjite neċessarja mingħand id-depożiti tar-rikorrenti.

145    Barra minn hekk, jekk l-kompetituri tar-rikorrenti kienu marbuta li jiksbu mingħandha l-karburant neċessarju sabiex joperaw l-impjanti tagħhom, ir-rikorrenti ma kellhiex neċessarjament interess ekonomiku sabiex tipprovdilhom il-linjite mitluba għal prezz kompetittiv, jew f’kundizzjonijiet xierqa, sa fejn dan jesponihom għal kompetizzjoni iktar intensiva fis-suq downstream.

146    Il-possibbiltà li tinxtara l-linjite mingħand ir-rikorrenti, għaldaqstant, ma teliminax l-inugwaljanza tal-opportunitajiet bejnha u l-kompetituri tagħha, kif ikkonstatat mill-Kummissjoni.

147    Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ ilment

148    Ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni ddeduċiet, b’mod żbaljat, l-eżistenza ta’ ostakolu għal min jidħol ġdid fis-suq downstream mill-pożizzjoni dominanti unika tagħha fis-suq upstream, li hija dovuta għal raġunijiet purament storiċi. Ir-rikorrenti u r-Repubblika Ellenika jżidu li l-Kummissjoni kellha tkun taf li l-liberalizzazzjoni tas-suq tkun gradwali u ma tistax tuża d-deċiżjoni kkontestata sabiex tgħaġġel ir-ritmu li bih il-kompetituri jaċċedu għal dan is-suq.

149    Dawn l-argumenti, li l-Kummissjoni qed tikkontesta, huma fattwalment infondati. Minn naħa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkonstatatx l-eżistenza ta’ xi ostakolu għad-dħul fis-suq downstream ibbażata fuq is-sempliċi eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti tar-rikorrenti fis-suq upstream. Kif kien indikat fil-punt 34 hawn fuq, il-Kummissjoni ikkonstatat l-eżistenza ta’ inugwaljanza tal-opportunitajiet bejn ir-rikorrenti u l-kompetituri tagħha minħabba l-aċċess ipprivileġġat tar-rikorrenti għal-linjite bħala karburant għall-finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku. L-fatt li din inugwaljanza tal-opportunitajiet tista’ tiġi spjegata permezz ta’ raġunijiet storiċi, anki jekk jiġi preżunt li, ma jfissirx li ma jkunx reali.

150    Min-naħa l-oħra, l-uniku għan segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa li tiġi eliminata l-inugwaljanza tal-opportunitajiet ikkonstatat fiha u mhux li tiggarantixxi lill-kompetituri tar-rikorrenti ritmu determinat ta’ inkorporazzjoni fis-suq downstream jew f’parti ta’ dan is-suq. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tipprevedi ebda limitu ta’ penetrazzjoni tas-suq li jkun ikkunsidrat bħala aċċettabbli. Ir-rikorrenti, għaldaqstant ma għandhiex tikkritika din id-deċiżjoni minħabba li hija ġiet indebitament użata sabiex tgħaġġel l-aċċess ta’ kompetituri tagħha għal dan is-suq.

151    Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames ilment

152    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-linjite kienet, fiż-żmien li fih seħħew il-fatti, il-karburant l-iktar vantaġġuż għall-produzzjoni tal-elettriku fir-RIG u li hija kienet l-unika waħda li kellha aċċess għaliha, dan il-fatt huwa kkontestat mill-Kummissjoni. Madankollu, ir-rikorrenti ma żviluppatx argument, fil-kuntest ta’ din il-parti, insostenn ta’ din id-dikjarazzjoni, iżda tillimita ruħha li tirreferi għal partijiet differenti tar-rikors, liema, skont hi, jikkonfermawha.

153    Għalhekk, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tirreferi għal parti tar-rikors li fiha hija tindika li r-Repubblika Ellenika, mill-liberalizzazzjoni tas-suq downstream, kienet iddikjarat li l-għoti tad-drittijiet ta’ operar tad-depożiti ta’ linjite jitwettaq minn issa ’l quddiem permezz ta’ proċedura miftuħa ta’ sejħa għal offerti. Madankollu, ġie diġà spjegat essenzjalment fil-punti 120 sa 129 hawn fuq li, minkejja li din il-possibbiltà teoretika, ir-rikorrenti tibbenefika aċċess ipprivileġġat għad-depożiti pubbliċi ta’ linjite.

154    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tindika li r-Repubblika Ellenika evitat li tagħtiha drittijiet ta’ operar ġodda, u dan anki għad-depożiti li fuqhom hija diġà wettqet xogħol ta’ esplorazzjoni. Dan huwa, per se, eżatt. Madankollu, il-fatt li ir-rikorrenti ma ngħatatx drittijiet ta’ operar addizzjonali ma jistax jippermetti lill-kompetituri tagħha li jiksbu l-linjite neċessarja sabiex joperaw impjanti u ma tillimitax l-aċċess ipprivileġġat għad-depożiti ta’ linjite li għalihom dawn id-drittijiet ingħataw preċedentement.

155    Sussegwentement, ir-rikorrenti tirreferi għal parti tar-rikors li fih hija tindika li l-leġiżlazzjoni Griega ma tipprekludix lill-produtturi tal-elettriku l-bini ta’ impjanti ġodda li jaħdmu bil-linjite u tispeċifika li l-kompetituri tagħha jippreferu l-bini ta’ impjanti li jużaw karburanti oħra peress li, jekk il-linjite tkun iktar għolja bħala karburant, l-investimenti neċessarji sabiex jinbena impjant għal-linjite huma darbtejn ikbar minn dawk li huma neċessarji sabiex jinbena impjant li jaħdem bil-gass.

156    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-impjanti elettriċi li jaħdmu bil-linjite għandhom spiża varjabbli relattivament baxxa, iżda spiża fissa u b’ammortizzazzjoni ikbar minn dik marbuta mal-bini ta’ impjant li jaħdem bil-gass ġiet espressament ammessa mill-Kummissjoni fil-premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fin-noti tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali.

157    Madankollu, inkunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet leġiżlattivi tas-suq downstream, dan il-fatt ma jippermettix li jiġi invalidat li l-linjite kienet, fiż-żmien li fih seħħew il-fatti, il-karburant l-iktar vantaġġuż għall-produzzjoni tal-elettriku fir-RIG.

158    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 22 hawn fuq u mir-risposti tal-partijiet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, fis-suq ta’ kuljum obbligatorju, l-elettriku prodott mill-impjanti li għandhom spiża varjabbli baxxa, inklużi dawk li jaħdmu bil-linjite, huwa integrat, fil-programm stabbilit mill-HTSO, qabel dak prodott mill-impjanti li jaħdmu permezz ta’ karburanti bi spejjeż varjabbli iktar għolja, bħalma hu l-gass, żejt kombustibbli u d-diżil.

159    Fil-prattika, l-impjanti li jaħdmu bil-linjite, li joffru kważi kuljum l-elettriku bi prezz iktar baxx għal PPS, jinjettaw l-elettriku fis-suq ta’ kuljum obbligatorju skont perċentwali għolja ħafna tal-kapaċitajiet tagħhom u huma vijabbli fil-ħinijiet kollha tal-jum u tal-lejl. Matul il-ħinijiet ta’ bil-lejl, meta d-domanda tal-elettriku hija iktar baxxa, l-elettriku mibjugħ jiġi mil-linjite, dan il-fatt juri li dan jista’ jinbiegħ fis-suq mingħajr ma jissubixxi l-kompetizzjoni li ġejja mill-elettriku prodott minn karburanti oħra. Unikament matul il-ħinijiet ta’ filgħodu, fejn id-domanda hija għola, minbarra l-elettriku prodott mil-linjite, impjanti oħra li jaħdmu b’karburanti oħra huma f’pożizzjoni li jbigħu l-produzzjoni tagħhom fis-suq Grieg, peress li l-PPS, matul dawn il-perijodi, hija/huwa ġeneralment għola mill-ispiża varjabbli tal-imsemmija impjanti.

160    Għalhekk, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 222 tad-deċiżjoni kkontestata, is-suq ta’ kuljum obbligatorju huwa mfassal b’tali mod li l-PPS jippermetti lill-impjanti li jaħdmu bi spejjeż varjabbli iktar baxxa u li jressqu l-offerti bi prezz iktar baxx mill-PPS, li jbigħu l-elettriku fil-programm stabbilit mill-HTSO biex b’hekk jiksbu benefiċċji u b’hekk ikopru, l-ispejjeż fissi tagħhom.

161    It-tieni nett, jirriżulta mir-risposti tal-partijiet għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura 26 ta’ Jannar 2016 li l-ispejjeż imsemmija fit-tabella Nru 15 tad-deċiżjoni kkontestata għat-teknoloġiji ta’ produzzjoni tal-elettriku differenti jinkludu kemm l-ispejjeż varjabbli u kif ukoll l-ispejjeż fissi. madankollu, l-ispiża medja ta’ produzzjoni tal-elettriku tal-impjanti li jaħdmu bil-linjite indikata f’din it-tabella hija l-iktar baxxa fost it-tipi differenti ta’ impjanti termiċi.

162    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-impjanti elettriċi li jaħdmu bil-linjite għandhom spejjeż fissi għoljin, ma jippermettix li tiġi kkontestata l-konklużjoni tal-Kummissjoni skont liema l-linjite kienet il-karburant l-iktar attraenti fil-Greċja għall-produzzjoni tal-elettriku waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

163    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirreferi għal ċerti partijiet tar-rikors skont liema l-ispejjeż fissi għoljin tal-impjanti li jaħdmu bil-linjite u n-numru kbir ta’ proġetti ta’ bini ta’ impjanti li jaħdmu bil-faħam u bil-gass juru li dawn il-karburanti tal-aħħar kienu kompetittivi daqs il-linjite.

164    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq in-natura inqas vantaġġuża tal-linjite bħala karburant għall-finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku minħabba l-ispejjeż fissi għoljin tal-impjanti li jaħdmu bil-linjite ġew eżaminati u miċħuda fil-punti 156 sa 160 hawn fuq.

165    It-tieni nett, l-eżistenza ta’ ċerti proġetti u talbiet ta’ bini ta’ impjanti li jaħdmu bil-gass għandha titqiegħed fil-perspettiva mal-fatt li, jekk il-kompetituri tar-rikorrenti wrew ukoll l-interess għall-installazzjoni ta’ impjanti li jaħdmu bil-linjite u ressqu talbiet għal liċenzji, minkejja il-liberalizzazzjoni tas-suq downstream mill-2001, huma ma kisbux id-drittijiet ta’ operar fuq id-depożiti ta’ linjite suffiċjentement kbar sabiex iħaddmu impjant elettriku matul il-perijodu ta’ tħaddim medju, dan il-fatt, fil-prattika, wassalhom sabiex jirrikorru għal karburanti oħra, anki jekk inqas kompetittivi, jekk jridu jkunu preżenti fis-suq downstream.

166    Barra minn hekk, jekk il-karburanti li ma humiex il-linjite kienu kompetittivi b’mod suffiċjenti meta mqabblin magħha, huwa diffiċli li tiġi spjegata s-sitwazzjoni ta’ sub-kapaċità tas-suq downstream, li l-eżistenza tagħha ġiet enfasizzata mir-rikorrenti nnifisha, fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni r-Repubblika Ellenika kienet kostretta li tirrikorri għal offerti ssussidjati sabiex tinkoraġġixxi l-bini tal-impjanti ġodda bil-għan li tiżgura s-sigurtà tal-provvista.

167    Huwa wkoll diffiċli li jiġi spjegat għaliex, għall-impjanti li jaħdmu bil-linjite, il-perċentwali ta’ produzzjoni effettiva tal-elettriku kienet, bejn 2004 u 2006, għola fir-RIG milli għall-perċentwali tal-kapaċità installata, kif jirriżulta mill-paragun tat-tabelli Nru 11 u 14 tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-fatt ġie ġustament ikkonstatat mill-Kummissjoni, fil-premessa 86 ta’ din id-deċiżjoni.

168    Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma pproduċietx provi konvinċenti sabiex tispjega għaliex hija nnifisha ma ħaditx l-opportunità li tiddiversifika s-sorsi tagħha ta’ provvista ta’ karburant billi tissostitwixxi l-impjanti li jaħdmu bil-linjite, fi tmiem il-perijodu ta tħaddim effettiv tagħhom, b’impjanti li jaħdmu b’karburanti oħra, li kien ikun għaqli jekk dawn il-karburanti kienu realment kompetittivi meta mqabbla mal-linjite, minflok, bħalma kkonstatat il-Kummissjoni fil-premessa 79 tad-deċiżjoni kkontestata, li titlob u tikseb liċenzji għas-sostituzzjoni tal-impjanti tagħha li jaħdmu bil-linjite b’impjanti oħra li xorta jaħdmu bil-linjite.

169    It-tielet nett, fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-faħam, il-Kummissjoni indikat fin-noti tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma dan ġie kkontestat, li ebda awtorizzazzjoni ma ngħatat fil-Greċja għall-impjanti elettriċi li jaħdmu bil-faħam sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

170    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-fatt li Heron ingħatat l-liċenzja għall-bini ta’ impjant li jaħdem bil-linjite mitluba fis-26 ta’ Marzu 2007 (ara l-punt 16 hawn fuq), Għandu jiġi rrilevat li anki l-fatt stess li liċenzja waħda ingħatat minkejja l-vantaġġi tal-linjite bħala karburant għall-finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku fil-Greċja pjuttost tiżvela li l-kompetituri tar-rikorrenti kellhom jaffaċċjaw diffikultajiet reali minħabba l-aċċess limitat għal-linjite. Dawn id-diffikultajiet jidhru iktar plawżibbli jekk jittieħed inkunsiderazzjoni li, kif il-partijiet prinċipali sostnew matul is-seduta, l-impjant ipproġettat minn Heron ma nbeniex.

171    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li l-linjite kienet il-karburant l-iktar attraenti għall-produzzjoni tal-elettriku fir-RIG.

172    Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

173    Peress li ebda wieħed mill-ilmenti invokati insostenn tat-tielet parti tal-ewwel motiv ma huwa fondat, din il-parti għandha tiġi wkoll miċħuda.

 Fuq il-ħames parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni billi l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tas-suq downstream

174    Ir-rikorrenti ssostni li il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażat ruħha fuq is-sitwazzjoni prevalenti fil-bidu tal-investigazzjoni tagħha, fiż-żmien meta s-suq downstream kien infetaħ parzjalment għall-kompetizzjoni. Madankollu, bejn dan il-mument u d-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, is-suq downstream issubixxa evoluzzjoni fundamentali, li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni. Dan il-fatt jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni li għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

175    Insostenn ta’ din il-parti, li l-Kummissjoni tikkontesta, ir-rikorrenti tinvoka żewġ ilmenti.

 Fuq l-ewwel ilment

176    Ir-rikorrenti ssostni li il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, spiss tirreferi għal informazzjoni u għal evalwazzjonijiet qodma, li ma baqgħux jirriflettu is-suq downstream, minkejja l-fatt li hija rċeviet l-informazzjoni importanti fir-rigward tal-evoluzzjoni tiegħu fuq il-livell leġiżlattiv u kompetittiv. B’mod partikolari, hija kienet negliġenti, l-ewwel nett, l-importanza dejjem tikber tal-gass, li kienet tippermetti lil impriża li tikkompeti mar-rikorrenti fil-ħin fejn id-domanda titbaxxa, kif ukoll it-tħaddim tal-impjanti ġodda, it-tieni nett, l-fatt li fil-ħinijiet tal-iktar użu, li matulhom ir-rikorrenti tkun qed tikkompeti mal-impjanti kollha, jokkupaw il-parti l-kbira tal-jum, inkunsiderazzjoni tal-istat ta’ sub-kapaċità tas-suq downstream, it-tielet nett, l-importanza dejjem tikber tal-faħam u, ir-raba’ nett, l-ispejjeż sostnuti mill-impjanti li jaħdmu bil-linjite minħabba l-emissjonijiet li jniġġsu tagħhom li jirrendu lil dan il-karburant dejjem inqas attraenti.

177    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

178    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat, sa fejn din tikkritika lill-Kummissjoni li bbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata fuq informazzjoni u evalwazzjonijiet qodma, li ir-rikorrenti ma identifikatx ebda prova de facto kkonstatata f’din id-deċiżjoni li kienet saret antikwata fid-data tal-adozzjoni tagħha.

179    It-tieni nett, fir-rigward tal-importanza tal-gass u tat-tħaddim tal-impjanti ġodda fis-suq downstream, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ikkonstatat li, fit-tmiem tal-2006, 90 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-elettriku installata fir-RIG tappartjeni lir-rikorrenti, mingħajr ma dan ġie kkontestat minnha, kompetituri tagħha għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom żewġ impjanti biss li jaħdmu bil-gass u ċertu numru ta’ impjanti żgħar tal-elettriku u tas-sħana ta’ impjanti li jaħdmu bis-sorsi enerġija rinnovabbli.

180    Fil-premessa 68 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-Repubblika Ellenika jew mir-rikorrenti, li din tal-aħħar kienet iddeċidiet, f’Novembru 2007, li titlob liċenzji għall-bini ta’ impjanti ġodda, fosthom tnejn li jaħdmu bil-linjite, u li hija qieset li tkun tista’ tibqa’ tuża fl-2011 iktar minn 75 % tal-kapaċità installata fis-sistema interkonnessa.

181    Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, fil-premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata, li, abbażi tad-dispożizzjoni leġiżlattivi applikabbli għall-proċedura ta’ ksib ta’ liċenzja ta’ produzzjoni tal-elettriku wara l-liberalizzazzjoni tas-suq, ir-rikorrenti u ħdax-il operatur kienu talbu u kisbu dawn il-liċenzji għall-bini ta’ impjanti ġodda li jaħdmu bil-gass, wara sejħa għal proposti mnedija mir-RAE fl-2001 li eskludiet b’mod partikolari l-impjanti li jaħdmu bil-linjite. Il-Kummissjoni indikat ukoll li l-liċenzji l-oħra kienu ġew maħruġa mill-2001 għall-bini ta’ impjanti li jaħdmu b’ċiklu kkombinat.

182    Il-Kummissjoni bl-istess mod ikkonstatat, fil-premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kompetituri tar-rikorrenti kienu ppreżentaw tliet talbiet għall-bini ta’ impjanti li jaħdmu bil-linjite, li kienu ġew kollha miċħuda. F’din l-istess premessa, il-Kummissjoni indikat li Heron kienet talbet fl-2007 liċenzja għal impjant li jaħdem bil-linjite u bil-bijomassa u l-għoti ta’ drittijiet ta’ operar fuq id-depożitu ta’ Vevi, peress li l-ebda deċiżjoni ma kienet ittieħdet waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ikkunsidrat li din uriet, minn naħa, l-interess tal-kompetituri tar-rikorrenti għall-bini ta’ impjanti li jaħdmu bil-linjite u, min-naħa l-oħra, li, minħabba l-karatteristiċi tekniċi tagħhom, tat-tul tal-perijodu ta’ tħaddim effettiv tagħhom u tal-portata tal-investimenti, il-bini tagħhom tkun awtorizzata meta d-depożiti kbar huma mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-imsemmija kompetituri, peress li dawn għaldaqstant huma obbligati li jirrikorru prinċipalment għall-gass sabiex ikunu jistgħu joperaw fis-suq downstream.

183    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni eżaminat is-suq downstream fid-dawl, minn naħa, tal-avvenimenti li seħħew f’dan is-suq matul il-perijodu immedjatament preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, inkluża, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ ċerti impjanti li jaħdmu bil-gass li l-produzzjoni tiegħu setgħet tikkompeti ma’ dik tar-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, il-previżjonijiet ta’ ftuħ ta’ impjanti ġodda b’teknoloġiji differenti. Il-fatt li l-Kummissjoni ikkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata li l-linjite kienet il-karburant l-iktar attraenti għall-produzzjoni tal-elettriku fis-suq downstream u li l-aċċess kważi esklużiv tar-rikorrenti għal dan il-karburant seta’ jsaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fl-imsemmi suq ma huwiex, għaldaqstant dovut għat-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tar-rwol ta’ ċerti impjanti li qed jaħdmu jew li jistgħu jinbnew, iżda għal evalwazzjoni tal-provi de facto differenti kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata li hija differenti minn dik proposta mir-rikorrenti. Madankollu, din ma tispjegax b’liema mod hija żbaljata l-evalwazzjoni esposta fid-deċiżjoni kkontestata.

184    It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-allegat fatt li l-ħinijiet tal-iktar użu jieħdu l-ikbar parti tal-jum, għandu jiġi rrilevat, mill-bidu nett, li din hija dikjarazzjoni mhux sostnuta. Fil-fatt, ir-rikorrenti takkumpanja id-dikjarazzjoni tagħha b’riferiment għal dokumenti tal-proċess li jindikaw li d-domanda tal-elettriku żdiedet b’ritmu medju ta’ 5.4 % bejn 1997 u l-2000, iżda ma jurux li l-ħinijiet tal-iktar użu huma fil-maġġoranza. Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li din id-dikjarazzjoni hija minnha, hija ma tkunx suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-linjite ma kinitx, matul il-perijodu immedjatament preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-karburant l-iktar vantaġġuż għall-produzzjoni tal-elettriku fis-suq downstream, sa fejn ir-rikorrenti ma kkontestatx li hemm ħinijiet ta’ domanda baxxa li matulhom l-impjanti li jaħdmu bil-linjite joperaw bl-esklużjoni tal-impjanti termiċi l-oħra, dan jista’ jispjega l-fatt li l-perċentwali tal-elettriku prodott fis-suq downstream fl-impjanti li jaħdmu bil-linjite huwa ferm għola għall-perċentwali ta’ kapaċità installata li taqa’ taħt dawn il-impjanti (ara l-punti 70 u 167 hawn fuq).

185    Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-importanza dejjem tikber tal-faħam, huwa suffiċjenti li jitfakkar li ma ingħatat ebda awtorizzazzjoni għal impjanti li jaħdmu b’dan il-karburant fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 169 hawn fuq).

186    Finalment, il-ħames nett, fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti mill-impjanti li jaħdmu bil-linjite minħabba l-emissjonijiet tagħhom li jniġġsu, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tispjegax il-kobor reali ta’ dawn l-ispejjeż u ma tispjegax għaliex jagħmlu l-linjite karburant mhux interessanti għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku. Madankollu, bħala impriża produttriċi tal-elettriku minn impjanti li jużaw teknoloġiji differenti ħafna, ir-rikorrenti tinsab f’pożizzjoni tajba sabiex tipprovdi lill-Qorti Ġenerali l-informazzjoni li juru li l-produzzjoni tal-elettriku mil-linjite ma hijiex, fir-RIG, iktar attraenti, minn perspettiva ekonomika, mill-produzzjoni li ġejja minn karburanti oħra.

187    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment

188    Ir-rikorrenti ssostni li il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata l-miżuri adottati mir-Repubblika Ellenika bil-għan li tillimita l-parti tagħha tas-suq, peress li din baqgħet tonqos mingħajr interruzzjoni mill-2001.

189    Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

190    Għandu jitfakkar li l-miżuri adottati bil-għan li tiġi limitata l-parti tas-suq tar-rikorrenti fis-suq downstream li jikkonsistu essenzjalment fl-esklużjoni tagħha minn ċerti sejħiet ta’ offerti dwar il-bini ta’ impjanti ssussidjati intiżi li jiggarantixxu qawwa ta’ riżerva (ara l-punt 13 hawn fuq). Jekk huwa ċertament eżatt li l-offerenti rebbieħa magħżula fi tmiem dawn is-sejħiet għal offerti jistgħu għalhekk jeżerċitaw ċerta kompetizzjoni fir-rigward tar-rikorrenti fis-suq downstream, għandu jiġi rrilevat li dawn il-miżuri ma jagħtux aċċess għall-impjanti elettriċi li jaħdmu bil-linjite u għaldaqstant ma jistgħux jeliminaw l-inugwaljanza tal-opportunitajiet eżistenti bejn ir-rikorrenti u l-kompetituri tagħha.

191    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, minkejja li l-parti tas-suq tar-rikorrenti naqset fis-suq downstream, dan it-tnaqqis ma affettwax il-pożizzjoni dominanti tagħha, peress li r-rikorrenti rrikonoxxiet hija nnifisha li hija se tirrappreżenta madwar 70 % tal-kapaċità installata ta’ produzzjoni tal-elettriku fil-Greċja sal-2011 (ara l-punt 180 hawn fuq).

192    Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Griega ma tiffissax ebda limitu għad-daqs tal-portafoll kumplessiv tar-rikorrenti, b’tali mod li l-għoti ta’ liċenzji ġodda lir-rikorrenti huwa dejjem possibbli.

193    Għaldaqstant dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

194    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames parti tal-ewwel motiv u, għaldaqstant, l-ewwel motiv fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

195    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati sabiex ikunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi fattwali u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Hoek Loos vs Il-Kummissjoni, T‑304/02, EU:T:2006:184, punt 58). Il-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati minnha sabiex tiżgura l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, li tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha li l-partijiet interessati jinvokaw insostenn tat-talba tagħhom, iżda li huwa suffiċjenti li jiġu esposti l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (is-sentenzi tad-29 ta’ Ġunju 1993, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑7/92, EU:T:1993:52, punt 31, u tas-27 ta’ Novembru 1997, Tremblay et vs Il-Kummissjoni, T‑224/95, EU:T:1997:187, punt 57).

196    Ir-rikorrenti ssostni li il-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fid-deċiżjoni kkontestata. L-ewwel nett, hija bbażat ruħha fuq informazzjoni preċedenti għall-ħolqien tas-sistema ta’ kuljum obbligatorja u ta’ evoluzzjonijiet importanti oħra fis-suq downstream. It-tieni nett, hija ma spjegatx kif id-drittijiet tagħha ta’ operar tal-linjite jistgħu jwasslu għal estensjoni tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq downstream. Ir-rikorrenti tistaqsi f’dan ir-rigward dwar il-kunċett ta’ “karburanti primarji” imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u dwar il-fatt li l-Kummissjoni użat “biss segmenti tas-swieq li [ddefinixxiet]hi”. It-tielet nett, il-Kummissjoni ma spjegatx la n-natura tal-abbuż, attwali jew potenzjali, li r-rikorrenti wettqet, u lanqas kif il-parti tagħha tas-suq kbir fis-suq upstream, tal-fatt li l-linjite ma tkunx fattur ta’ produzzjoni assolutament neċessarja (essential facility) għall-produzzjoni tal-elettriku u filwaqt li kompetituri tagħha ma għandhomx aċċess suffiċjenti għal dan is-suq, jista’ jirriżulta fi ksur tal-Artikolu 82 KE, u lanqas, fl-aħħar nett, sa fejn l-interessi tal-konsumaturi ikunu effettwati ħażin.

197    Mingħajr ma jistabbilixxi aspett speċifiku tan-nota ta’ intervent l-eżami tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Ellenika tressaq minn naħa tagħha diversi osservazzjonijiet dwar din il-kwistjoni. Hija, b’mod partikolari ssostni li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata huwa redatt b’mod ħażin u b’mod kontradittorju fir-rigward tal-kunċett ta’ “karburanti primarji” kif ukoll fir-rigward tar-riferiment għall-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 134/1975, li ma jidhirx fil-corpus tad-deċiżjoni kkontestata, b’eċċezzjoni tal-premessa 23 tiegħu. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti id-dikjarazzjoni ġenerali tagħha fir-rigward tal-importanza tal-linjite fil-Greċja u fir-rigward tal-interess li jirriżulta minnha għall-kompetituri tar-rikorrenti, filwaqt li hija żviluppatu b’mod iktar wiesa’ f’artikolu miktub minn uffiċjali tad-Direttorat Ġenerali tagħha tal-kompetizzjoni.

198    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

199    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li parti mill-argumenti żviluppati mir-rikorrenti ma ssemmix xi inadempjenza jew nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Dan jirrigwarda argumenti skont liema l-Kummissjoni ibbażat ruħha fuq provi preċedenti għall-ħolqien tas-sistema ta’ kuljum obbligatorja.

200    Fil-fatt, dawn l-argumenti jamalgamaw ruħhom, fir-realtà, mal-kritika tal-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, l-obbligu li d-deċiżjonijiet jiġu mmotivati jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali sostanzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat. Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li tkun ibbażata fuqhom din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi huma vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti minkejja li tkun tesprimi motivi żbaljati (ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, EU:C:2008:392, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li dawn l-argumenti diġà ġew imressqa, eżaminati u miċħuda fil-kuntest tal-ewwel motiv.

201    Anki jekk wieħed jassumi li dawn l-argumenti għandhom jiftiehmu fis-sens li r-rikorrenti tikkritika globalment lill-Kummissjoni li ma mmotivatx suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha sa fejn hija ma semmietx informazzjoni sussegwenti għall-2005, jidher li tali kritika hija infondata. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi b’mod sostanzjali l-informazzjoni tal-2006 u tal-2007, li ġiet trażmessa lilha fil-parti kbira tagħha fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u li tirriżulta mill-ittri tar-Repubblika Ellenika tad-19 ta’ Ġunju 2006 u tal-24 ta’ Jannar 2007 kif ukoll tal-ittri tar-rikorrenti tad-19 ta’ Jannar u tal-4 ta’ April 2007.

202    Għalhekk, fil-premessi 32 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għal provi ġodda li hija kienet taf bihom b’mod partikolari permezz ta’ dawn l-ittri u li huma bbażati fuq it-tnedija ta’ sejħiet għal offerti għall-għoti ta’ drittijiet ta’ operar għad-depożiti ta’ Dráma, ta’ Elassona, ta’ Vevi u ta’ Vegora. Fil-premessi 48 u 49 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-impatt ta’ regoli ġodda tas-suq downstream kif ukoll li l-informazzjoni tal-aħħar riċevuta fir-rigward tal-attività ta’ operar tal-linjite tar-rikorrenti. Fil-premessi 53 u 54 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-użu tal-linjite bħala karburant għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku matul il-perijodu immedjatament preċedenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Fil-premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-evoluzzjoni tal-konsum totali tal-elettriku, inkluża l-parti tal-importazzjonijiet, fis-suq downstream fid-dawl tal-aħħar informazzjoni li ġew ikkomunikati lilha. Fil-premessi 68, 76, 77, 80 u 81 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat, fid-dawl tal-imsemmija informazzjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-elettriku installata fir-RIG kif ukoll l-liċenzji mogħtija għall-produzzjoni tal-elettriku u għall-bini ta’ impjanti ġodda. Fl-aħħar nett, fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli matul il-perijodu immedjatament preċedenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

203    Bl-istess mod, l-ittra tar-Repubblika Ellenika tal-24 ta’ Jannar 2007 sar riferiment għaliha mill-Kummissjoni għall-finijiet li jiġu stabbiliti t-tabelli Nrus 5 u Nru 16 li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata, li jirreferu, rispettivament, għal-lista tad-depożiti ta’ linjite u għal-lista tal-impjanti li jaħdmu bil-linjite fil-Greċja. Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-ħolqien tas-suq ta’ kuljum obbligatorju stabbilit fl-2005, li hija ressqet fil-premessi 103 sa 109 tad-deċiżjoni kkontestata u li għalih għamlet riferiment fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, b’mod partikolari fil-premessi 164 sa 166 tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, fil-premessi 191 sa 237 ta’ din id-deċiżjoni, jiġu eżaminati diversi argumenti mqajma matul il-proċedura amministrattiva, rispettivament, mir-rikorrenti, fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Jannar u tal-4 ta’ April 2007, u mir-Repubblika Ellenika, fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Jannar 2007.

204    It-tieni nett, fir-rigward tal-argumenti, żviluppati mir-rikorrenti, li jindirizzaw b’mod espliċitu l-inadegwatezza jew nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li dawn jiġu miċħuda bħala infondati.

205    Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-Kummissjoni ma spjegatx, fid-deċiżjoni kkontestata, kif id-drittijiet eżistenti ta’ operar tal-linjite jistgħu jwasslu biex iżżomm il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq downstream. Fil-fatt, il-Kummissjoni qabelxejn fakkret, fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ġurisprudenza dwar il-ksur tal-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE. Sussegwentement hija wettqet analiżi sħiħa tas-sitwazzjoni f’dan il-każ fil-premessi 158 sa 188 ta’ din id-deċiżjoni. Fl-aħħar nett, fil-premessi 189 u 190 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni applikat għal dan il-każ l-imsemmija ġurisprudenza. Hija għalhekk spjegat ir-raġunijiet li għalihom, biż-żamma tad-drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ operar tal-linjite kważi monopolistiċi favur tar-rikorrenti, ir-Repubblika Ellenika ppermettiet lil din tal-aħħar, f’pożizzjoni dominanti fis-suq upstream, li żżomm ukoll il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq downstream, u dan bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-trattat.

206    It-tieni nett, ir-rikorrenti ma tistax isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata f’dak li jirrigwarda il-kunċett ta’ “karburanti primarji” imsemmi fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni. L-ewwel nett, ir-raġunament tal-Kummissjoni u l-konklużjoni li waslet għalihom fil-premessa 238 tad-deċiżjoni kkontestata jippermettu li jinftiehem mingħajr diffikultà l-artikolu inkwistjoni, b’mod partikolari l-fatt li, minkejja tal-plural, ċertament spjaċevoli, il-Kummissjoni tirreferi għal-linjite meta użat l-espressjoni “karburanti primarji’. Il-Kummissjoni, bl-użu ta’ dawn it-termini mingħajr aċċettazzjoni teknika, fil-fatt riedet tevoka l-importanza u r-rwol essenzjali tal-linjite fis-swieq inkwistjoni (ara l-punt 81 hawn fuq).

207    Barra dan, minkejja it-terminu “karburant” intuża puntwalment fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ karburanti oħra bħalma huma ż-żejt jew il-gass, huwa globalment assoċjat mal-linjite fl-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari sabiex tiddefinixxieh, pereżempju fil-premessi 12, 14, 41, 42, 88 u 161. Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti li jirrigwarda l-assenza ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda il-kunċett ta’ “karburanti primarji” għandu jiġi miċħud.

208    It-tielet nett, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata tal-użu mill-Kummissjoni ta’ “biss segmenti tas-swieq li hija [ddefinixxiet] f’[din id-] deċiżjoni”, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda spjegazzjoni insostenn ta’ allegazzjoni bħal din.

209    Fi kwalunkwe każ, fil-premessi 162 sa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li, sal-ħolqien tas-suq ta’ kuljum obbligatorju, is-segment tal-produzzjoni u l-provvista bl-ingrossa tal-elettriku kienu jikkorrispondu de facto għal dak tal-provvista tal-linjite għall-klijenti eliġibbli tal-elettriku prodott fuq skala nazzjonali u importat u li dan is-segment kien assoċjat ma’ dak tal-provvista tal-linjite bl-imnut. Hija speċifikat li, min-naħa l-oħra, minn dan il-ħolqien, seħħet distinzjoni, peress li ġew stabbiliti s-suq bl-ingrossa tal-elettriku, li jikkorrispondi biss għas-suq il-qadim tal-produzzjoni u l-provvista tal-elettriku lill-klijenti eliġibbli.

210    Għalhekk, filwaqt li taġġorna l-analiżi tagħha u b’riferiment għas-suq downstream, il-Kummissjoni ikkunsidrat li l-analiżi tas-suq tal-produzzjoni u tal-provvista tal-elettriku lill-klijenti eliġibbli mwettqa fl-ittri ta’ intimazzjoni abbażi tal-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilha preċedentement mir-rikorrenti u mir-Repubblika Ellenika iwasslu għall-istess konklużjonijiet li l-analiżi li kienet twettqet fir-rigward is-suq downstream, li kien suq potenzjali f’din id-data. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni fi kwalunkwe każ ipprovdiet motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward.

211    Ir-raba’ nett, l-argument tar-rikorrenti skont liema d-deċiżjoni kkontestata ma fih ebda motivazzjoni dwar l-abbuż, attwali jew potenzjali, li għalih twassal l-allegata estensjoni tal-pożizzjoni dominanti għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, jirriżulta mill-premessi 185 sa 189 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni wettqet analiżi tal-miżuri kkontestati filwaqt li tispjega r-raġunijiet li għalihom, billi tagħti lir-rikorrenti aċċess ipprivileġġat għas-sors ta’ produzzjoni l-iktar attraenti fil-Greċja, ir-Repubblika Ellenika ppermettiet lir-rikorrenti li żżomm jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq downstream. Il-Kummissjoni spjegat ukoll li dawn il-miżuri kellhom bħala effett li jostakolaw entrati ġodda fis-suq, b’hekk li tinħoloq sitwazzjoni ta’ inugwaljanza tal-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi u għaldaqstant toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, bi ksur tar-regoli tat-Trattat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni lestiet l-analiżi tagħha fil-premessi 199, 223 u 238 tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, il-Kummissjoni spjegat b’mod ċar in-natura tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ikkonstatat f’dan il-każ, jiġifieri l-ksur tal-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE.

212    Il-ħames nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti skont liema il-Kummissjoni ma spjegatx suffiċjentement fid-deċiżjoni kkontestata kif il-parti tas-suq għolja tagħha fir-rigward tal-linjite, li ma huwiex fattur ta’ produzzjoni assolutament neċessarja għall-elettriku u filwaqt li l-kompetituri tagħha għandhom aċċess suffiċjenti għal dan is-suq, tista’ tikser l-Artikolu 82 KE, lanqas għal liema raġunijiet id-drittijiet tagħha fir-rigward tal-linjite jikkawżaw preġudizzju għall-interessi tal-konsumaturi.

213    Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata li, għall-kompetituri tar-rikorrenti fis-suq downstream, l-aċċess għal kwantitajiet sinjifikattivi ta’ linjite ma kienx iggarantit u li, minħabba dan il-fatt, dawn il-kompetituri u r-rikorrenti jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inugwaljanza tal-opportunitajiet inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-linjite kienet il-karburant l-iktar attraenti għall-produzzjoni tal-elettriku fis-suq downstream. Ir-raġunament tal-Kummissjoni kien għaldaqstant ċar u seta’ jiġi kkontestat mir-rikorrenti, li, inċidentalment, ma naqsitx milli tagħmel.

214    Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-Kummissjoni, sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE, ma għandhiex turi l-impatt ta’ dan il-ksur fuq l-interessi tal-konsumaturi (is-sentenza dwar l-appell, punt 68).

215    It-tielet nett, fir-rigward tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Ellenika, għandha tiġi miċħuda mill-bidu nett dik dwar il-kunċett ta’ “karburanti primarji”, li diġà ġiet imwieġba preċedentement (ara l-punt 206 hawn fuq). Għandha tiġi kkunsidrata infondata wkoll dik ibbażata fuq l-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 134/1975. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, il-kliem ta’ dan l-artikolu huma ċċitati darbtejn, fil-premessi 21 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirreferi espliċitament għal dawn id-dispożizzjonijiet diversi drabi, b’mod partikolari fil-premessi 18, 22, 23, 30, 38 41, 42, 117, 131, 184 u 237 tad-deċiżjoni kkontestata.

216    Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata tispjega suffiċjentement ir-raġunijiet li jippermettu lill-Kummissjoni li tasal għall-importanza tal-linjite fil-Greċja, kif jirriżulta wkoll min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 255 u mill-premessi 212 sa 215 u 221 sa 223 ta’ din id-deċiżjoni. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-aġenti tal-Kummissjoni kitbu f’rivista legali artiklu ddedikat għad-deċiżjoni kkontestata, irrispettivament mill-kontenut ta’ dan l-artikolu, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

217    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat, minn naħa, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ protezzjoni tal-proprjetà privata, u, min-naħa l-oħra, fuq l-użu ħażin ta’ poter

218    Dan il-motiv jinqasam fi tliet partijiet, ibbażati, l-ewwel fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, it-tieni, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-proprjetà privata u, it-tielet, fuq l-użu ħażin ta’ poter.

219    Anki jekk l-eżistenza ta’ ksur ta’ ċertezza legali hija msemmija wkoll fit-titolu tal-motiv, ir-rikorrenti ma tressaqx argumenti li jippruvaw speċifikament l-eżistenza ta’ dan il-ksur. Konsegwentement, f’dan ir-rigward, biżżejjed li tingħata risposta għall-argumenti li jirrigwardaw allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

220    Ir-rikorrenti, sostnuta minn ir-Repubblika Ellenika, ssostni li il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, dan qed jiġi kkontestat mill-Kummissjoni.

221    Insostenn tad-dikjarazzjoni tagħha, l-ewwel nett, ir-rikorrenti tirrileva li l-Kummissjoni ċċensurat il-konċentrazzjoni ta’ drittijiet ta’ operar ta’ linjite f’idejha għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata. L-inattività tal-Kummissjoni matul id-deċenji żgurat lir-rikorrenti fir-rigward tal-legalità tas-sitwazzjoni tagħha.

222    Fuq dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li, għalhekk ħadd ma jista’ jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fl-assenza ta’ garanziji speċifiċi li ġew ipprovduti lilha mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tal-22 ta’ Mejju 2007, Mebrom vs Il-Kummissjoni, T‑216/05, EU:T:2007:148, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-rikorrenti ma tistax tibbaża aspettattivi leġittimi fuq is-sempliċi nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni.

223    Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa, li l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel fil-kuntest is-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (is-sentenza tal 14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C‑350/88, EU:C:1990:71, punt 33) u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali kbira dwar l-opportunità li tinfetaħ proċedura kontra Stat Membru li jkun kiser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1994, Ladbroke vs Il-Kummissjoni, T‑32/93, EU:T:1994:261, punti 37 u 38, u d-digriet tat-23 ta’ Jannar 1995, Bilanzbuchhalter vs Il-Kummissjoni, T‑84/94, EU:T:1995:9, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, anki jekk wieħed jassumi l-Kummissjoni ma kinitx fetħet il-proċedura ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 86 u 82 KE f’dak li jirrigwarda l-miżuri kkontestati, minkejja li l-għarfien ta’ dawn il-miżuri, dan ma kienx suffiċjenti sabiex joħloq fir-rikorrenti aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-fatt li din il-proċedura ma kinitx se tiftaħ fil-ġejjieni.

224    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li il-Kummissjoni, fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha C(2002) 3729 finali – Għajnuna mill-Istat Nru 133/2001 – Il-Greċja, skema ta’ kumpens tal-ispejjeż żejda fil-Greċja, approvat sussidju mogħti mir-Repubblika Ellenika għall-benefiċċju tagħha fid-dawl tal-liberalizzazzjoni tas-suq downstream sabiex tieħu inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ ċerti “spejjeż mhux rekuperabbli”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-parti l-kbira tal-investimenti magħmula fl-impjanti li jaħdmu bil-linjite ma jinvolvux tali spejjeż. Ir-rikorrenti kienet tkun kapaċi tqis b’rieda tajba li tkun tista’ tkompli teżerċita l-attività tagħha sabiex tammortizza integralment dawn l-investimenti.

225    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tas-sussidju msemmi fil-punt 224 hawn fuq huwa bbażat fuq ħlasijiet ta’ allowances imwettqa mir-Repubblika Ellenika favur tar-rikorrenti sabiex jikkumpensaw l-investimenti tagħha fl-impjanti l-inqas kompetittivi tar-RIG, jiġifieri tal-impjanti barra dawk li jaħdmu bil-linjite, għajr għal xi impjanti żgħar. Barra dan, il-Kummissjoni indikat, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt, li l-ebda sussidju ma ġie nnotifikat lilha f’dak li jirrigwarda l-impjanti li jaħdmu bil-linjite tar-rikorrenti, b’tali mod li s-sitwazzjoni li tirrigwarda dawn l-impjanti ma ġietx evalwata. Għaldaqstant, il-legalità tal-miżuri kkontestati ma ġietx eżaminata formalment u ma kkostitwietx kundizzjoni taċita minn qabel għall-approvazzjoni tal-proġett ta’ ħlas ta’ sussidji inkwistjoni.

226    Minn dan isegwi li l-adozzjoni mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni imsemmija fil-punt 224 hawn fuq ma setgħetx toħloq l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti li tirrigwarda l-assenza ta’ invokazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-Artikoli 86 u 82 KE fir-rigward tal-miżuri kkontestati.

227    It-tielet nett, ir-rikorrenti tirrepeti li hija qatt ma rċeviet talba għall-provvista tal-linjite lill-kompetituri u tiddikjara li l-attività tagħha ma għandhiex impatt negattiv fuq il-konsumatur. Madankollu, ma hemm ebda raġuni għaliex għandu jiġi kkunsidrat li dawn il-fatti, anki jekk jitqiesu ppruvati, setgħu ħolqu fir-rikorrenti aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità tal-miżuri kkontestati.

228    F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-proprjetà privata

229    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tobbliga lir-Repubblika Ellenika li ċċaħħadha mid-drittijiet tagħha ta’ proprjetà u tikkostitwixxi għaldaqstant interferenza ma’ dawn id-drittijiet, li taffettwa l-eżistenza nnifisha tagħhom, dan il-fatt huwa kkontestat mill-Kummissjoni.

230    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma timponix lir-Repubblika Ellenika l-adozzjoni ta’ ebda miżura konkreta. Fil-fatt, fil-premessa 248 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tindika li għandhom jittieħdu miżuri intiżi li jiżguraw lill-kompetituri tar-rikorrenti aċċess suffiċjenti għal-linjite. Il-Kummissjoni tenfasizza li hija r-Repubblika Ellenika li għandha tagħżel il-miżuri li għandhom jiġu adottati f’dan ir-rigward u li huwa biss b’mod indikattiv li hija tidentifika żewġ eżempji. Fost dawn, il-Kummissjoni tiċċita, ċertament, it-trasferiment ta’ drittijiet ta’ operar ta’ ċerti depożiti ta’ linjite tar-rikorrenti lill-kompetituri tagħha flimkien mat-trasferiment tal-impjanti qrib ta’ dawn id-depożiti. Madankollu, il-Kummissjoni tiċċita bl-istess mod l-għoti ta’ drittijiet ta’ operar ta’ depożiti li għadhom ma ġewx attribwiti lill-kompetituri tar-rikorrenti. Madankollu, din il-miżura ma tippreżumi ebda preġudizzju kwalunkwe għad-drittijiet ta’ proprjetà tagħha, anki jekk il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 250 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija għandha tkun akkumpanjata b’miżuri tranżitorji li jippermettu t-tmiem tal-ksur matul perijodu qasir li jkollha bżonn sabiex, minn naħa, tibda l-operar ta’ depożitu li jkun għadu ma ġiex mogħti u, min-naħa l-oħra, l-bini ta’ impjant assoċjat ma’ dan id-depożitu.

231    Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li r-Repubblika Ellenika finalment tiddeċiedi li tadotta miżuri li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jaffettwaw id-drittijiet ta’ proprjetà tar-rikorrenti, tali deċiżjoni ma tkunx neċessarjament illegali. Fil-fatt, id-dritt ta’ proprjetà, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ma jidhirx bħala prerogattiva assoluta, peress li jistgħu jiġu imposti restrizzjonijiet għall-użu ta’ dan id-dritt, suġġetti għall-kundizzjoni li dawn jissodisfaw effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni u li ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (is-sentenza tal‑23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, T‑65/98, EU:T:2003:281, punt 170).

232    Għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-użu ħażin ta’ poter

233    Skont ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni hija biss ivvizzjata minn abbuż ta’ poter jekk jidher, fuq il-bażi ta’ indikazzjonijiet oġġettivi, rilevanti u konsistenti, li tkun ittieħdet bl-għan esklużiv, jew ta’ l-inqas determinanti, li jintlaħqu għanijiet oħra apparti dawk iddikjarati (ara s-sentenza tal 6 ta’ April 1995, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, T‑143/89, EU:T:1995:64, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

234    Ir-rikorrenti ssostni li il-Kummissjoni għamlet użu ħażin ta’ poter billi pprovat tissepara l-attivitajiet tagħha ta’ produzzjoni tal-elettriku mill-attivitajiet l-oħra tagħha, filwaqt li l-inizjattivi leġiżlattivi tagħha sabiex tasal dan ir-riżultat fir-rigward tal-monopolji qodma tal-produzzjoni tal-elettriku fallew minħabba l-oppożizzjoni tal-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma aġixxietx bl-istess mod fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet simili fi Stati Membri oħra.

235    L-argument tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni tikkontesta, ma huwiex ikkonfermat mill-fatti.

236    Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma talbitx is-separazzjoni tal-attivitajiet tar-rikorrenti fl-oqsma tal-operar tad-depożiti ta’ linjite u tal-produzzjoni tal-elettriku. Hija sempliċiment ikkonstatat l-eżistenza ta’ inugwaljanza tal-opportunitajiet għad-detriment tal-kompetituri tar-rikorrenti fis-suq downstream minħabba de facto maħluqa mir-Repubblika Ellenika u talbitha li tikkoreġi din is-sitwazzjoni billi tiggarantixxi lill-imsemmija kompetituri aċċess suffiċjenti għad-depożiti pubbliċi ta’ linjite.

237    Fir-rigward tal-fatt li, fil-qasam tal-enerġija, Stati Membri oħra qed jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat, ma jeżentax lir-Repubblika Ellenika li tosserva l-imsemmija obbligi. Fi kwalunkwe każ, l-allegata nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni fil-konfront ta’ dawn l-Istati Membri Ma tistax titqies bħala indizju ta’ dak li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bil-għan li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk eċċepiti.

238    Għaldaqstant din l-parti għandha tiġi miċħuda.

239    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

240    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-miżuri kkonċernati ma jmorrux lil hinn mill-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, sakemm, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel l-anqas waħda restrittiva (is-sentenzi tal-16 ta’ Diċembru 1999, UDL, C‑101/98, EU:C:1999:615, punt 30, u tat-12 ta’ Marzu 2002, Omega Air et, C‑27/00 u C‑122/00, EU:C:2002:161, punt 62).

241    Ir-rikorrenti ssostni li dan il-prinċipju inkiser mill-Kummissjoni meta hija pproponiet l-adozzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt 230 hawn fuq sabiex tikkoreġi l-effetti antikompetittivi tal-ksur ikkonstatat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri sfavorevoli li diġà ġew imposti, bħalma huwa l-obbligu tal-bejgħ tal-elettriku b’tariffa rregolata fis-suq bl-imnut, jew restrizzjonijiet għall-bini ta’ impjanti ġodda. Ir-rikorrenti tispeċifika li ma invokatx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(2) KE matul il-proċedura amministrattiva, peress li hija qieset, u għadha tqis, li ma jeżisti ebda ksur tal-Artikolu 86(1) KE.

242    Ir-Repubblika Ellenika żżid, minn naħa, li l-Kummissjoni tipproponi l-għoti ta’ 40 % tar-riżervi tad-depożiti ta’ linjite lill-kompetituri tar-rikorrenti mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti tagħha huma ta’ vijabbiltà dubjuża u, min-naħa l-oħra, li l-miżuri msemmija mill-Kummissjoni huma “rigal” għall-kompetituri tar-rikorrenti li jirriżultaw f’limitazzjoni, jew saħansitra għall-annullament tad-drittijiet patrimonjali tagħha li jrendi impossibbli l-ammortizzazzjoni tal-investimenti tagħha fl-esplorazzjoni u l-operar tad-depożiti ta’ linjite, peress li dan il-karburant ma huwiex, barra minn hekk, indispensabbli għall-produzzjoni tal-elettriku.

243    Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti tar-Repubblika Ellenika.

244    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ma timponix fuq ir-Repubblika Ellenika l-adozzjoni ta’ ebda miżura konkreta, peress li l-miżuri msemmija fil-premessa 248 ta’ din id-deċiżjoni jissemmew b’mod indikattiv (ara l-punt 230 hawn fuq). Din id-deċiżjoni timponi fuqha, min-naħa l-oħra, li tieħu l-miżuri bil-għan li tasal għal riżultat, kif jirriżulta mill-qari tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, skont liema r-Repubblika Ellenika għandha timplementa l-miżuri li jistgħu jikkoreġu l-effetti antikompetittivi tal-miżuri kkontestati, moqri fid-dawl tal-osservazzjonijiet magħmula fil-premessi 246 u 247 ta’ din id-deċiżjoni, skont liema dawn il-miżuri għandhom jiggarantixxu lill-kompetituri tar-rikorrenti fis-suq downstream aċċess suffiċjenti għal-linjite li teżisti fit-territorju Grieg, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, b’suffiċjenti, il-Kummissjoni tfisser bħala prinċipju perċentwali tar-riżervi li jistgħu jiġu sfruttati ta’ mhux inqas minn 40 %.

245    Anki jekk wieħed jassumi li ċ-ċifra ta’ 40 % imsemmija fil-punti 242 u 243 hawn fuq kienet ċifra li ġiet iffinalizzata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi enfasizzat li la r-rikorrenti u lanqas ir-Repubblika Ellenika ma jippreżentawx argument li jwassal li juri li l-aċċess għal perċentwali ta’ inqas minn dawn ir-riżervi li jistgħu jiġu sfruttati mill-kompetituri tar-rikorrenti seta’ jiggarantixxi suffiċjentement il-korrezzjoni tal-effetti antikompetittivi tal-miżuri kkontestati. B’mod partikolari, dawn ma jippreżentaw ebda argument li jista’ jikkontesta r-raġunament espost mill-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 255 tad-deċiżjoni kkontestata, li abbażi tagħha hija waslet li tiddetermina preliminarjament in-neċessità tal-aċċess għal 40 % tar-riżervi.

246    Bl-istess mod, la r-rikorrenti u lanqas ir-Repubblika Ellenika ma identifikaw l-miżuri alternattivi għal dawk proposti mill-Kummissjoni u li jkunu inqas stretti minn dawk li jistgħu jiġu imposti sabiex jikkoreġu l-effetti antikompettittivi tal-miżuri kkontestati.

247    B’mod partikolari, xejn fl-argumenti tar-rikorrenti ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-miżuri sfavorevoli li hija tqis li jiġu imposti jistgħu jikkoreġu l-inugwaljanza tal-opportunitajiet ikkonstatata mill-Kummissjoni għad-detriment ta’ kompetituri tagħha fis-suq downstream.

248    Bl-istess mod, ir-Repubblika Ellenika ma spjegatx b’liema mod il-vijabbiltà baxxa ta’ ċerti depożiti mogħtija lir-rikorrenti tiġġustifika l-assenza ta’ adozzjoni ta’ miżuri intiżi li jikkoreġu l-inugwaljanza tal-opportunitajiet ikkonstatati mid-deċiżjoni kkontestata. Fuq dan il-punt, għandu jiġi ppreċiżat li r-Repubblika Ellenika nnifisha ma tallega li ebda wieħed mid-depożiti li jistgħu jiġu sfruttati li jistgħu jingħataw lill-kompetituri tar-rikorrenti ma jista’ jirriżulta bħala dubjuż fuq il-livell ta’ vijabbiltà. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Ellenika ma tispjegax ir-raġunijiet li għalihom l-għoti ta’ drittijiet ta’ operar tal-imsemmija depożiti lil dawn il-kompetituri fi tmiem il-proċedura ta’ sejħa għal offerti għandha tiġi kkunsidrata bħala “rigal” għall-benefiċċju ta’ dawn il-kompetituri jew bħala li jostakolaw lir-rikorrenti tal-ammortizza l-investimenti tagħha.

249    Inkunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li ma ġie stabbilit ebda ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

250    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

251    Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

252    Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura, fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara annullament u rinviju, hija għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż relattivi, minn naħa, għall-proċeduri ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, għall-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

253    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha flimkien ma’ dawk tal-Kummissjoni, mill-impriżi intervenjenti u mill-intervenjenti fl-appell, konformement għat-talbiet ta’ dawn tal-aħħar, inklużi l-ispejjeż tal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

254    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew għat-tilwima għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Minn dan jirriżulta li r-Repubblika Ellenika għandha tbati l-ispejjeż tagħha inklużi l-ispejjeż tal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, minn Elpedison Paragogi Ilektrikis Energeias AE (Elpedison Energeiaki), minn Elliniki Energeia kai Anaptyxi AE (HE & D SA), minn Mytilinaios AE, minn Protergia AE u minn Alouminion tis Ellados VEAE.

3)      Ir-Repubblika Ellenika għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1. Fuq ir-rikorrenti

2. Fuq is-suq tal-linjite fil-Greċja

3. Fuq is-suq tal-elettriku fil-Greċja

Liċenzji ta’ produzzjoni tal-elettriku u ta’ kostruzzjoni ta’ impjanti tal-elettriku

Importazzjoni ta’ dan l-elettriku

Marché ta’ kuljum obbligatorju

Proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

Il-proċedura u t-talbiet wara r-rinviju

Id-dritt

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni ta’ swieq inkwistjoni

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq l-ewwel parti sussidjarja, dwar id-delimitazzjoni tas-suq upstream

– Fuq l-ewwel ilment

– Fuq it-tieni ilment

– Fuq it-tielet ilment

– Fuq ir-raba’ ilment

Fuq it-tieni parti sussidjarja, dwar id-delimitazzjoni tas-suq downstream

– Fuq l-ewwel ilment

– Fuq it-tieni lment

Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ sitwazzjoni ta’ inugwaljanza fl-opportunitajiet għad-detriment ta’ kompetituri ġodda

Fuq l-ewwel ilment

Fuq it-tieni ilment

Fuq it-tielet ilment

Fuq ir-raba’ ilment

Fuq il-ħames ilment

Fuq il-ħames parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni billi l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tas-suq downstream

Fuq l-ewwel ilment

Fuq it-tieni lment

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat, minn naħa, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ protezzjoni tal-proprjetŕ privata, u, min-naħa l-oħra, fuq l-użu ħażin ta’ poter

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-proprjetŕ privata

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-użu ħażin ta’ poter

4. Fuq ir-raba’ motiv, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.