Language of document : ECLI:EU:C:2009:124

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

5 ta’ Marzu 2009 (*)

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 12 KE – Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza – Artikoli 39 KE, 43 KE, 49 KE u 56 KE – Libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE – Artikolu 87 KE – Għajnuna mill-Istat – Direttiva 89/552/KEE – Twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni – Obbligu fuq l-operaturi tat-televiżjoni, li jirriżervaw parti mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej, b’60 % mill-imsemmi ffinanzjar jkun iddedikat għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali tar-Renju ta’ Spanja u li huma fil-parti l-kbira tagħhom prodotti mill-industrija ċinematografika Spanjola”

Fil-Kawża C‑222/07

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ April 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Mejju 2007, fil-kawża

Unión de Televisiones Comerciales Asociadas (UTECA)

vs

Administración General del Estado,

fil-preżenza ta’:

Federación de Asociaciones de Productores Audiovisuales

Radiotelevisión Española (RTVE),

Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales (Egeda),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, J. Makarczyk, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Unión de Televisiones Comerciales Asociadas (UTECA), minn S. Muñoz Machado, abogado, u M. Cornejo Barranco, procuradora,

–        għall-Federación de Asociaciones de Productores Audiovisuales, minn A. Albaladejo u E. Klimt, abogados, kif ukoll minn A. Blanco Fernández, procurador,

–        għall-Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales (Egeda), minn J. Suárez Lozano u M. Benzal Medina, abogados,

–        għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, bħala aġent, assistita minn A. Berenboom u A. Joachimowicz, avukati,

–        għall-Gvern Elleniku, minn E.-M. Mamouna u O. Patsopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. During, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn F. Arena, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn P. T. Kozek, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Montaguti, kif ukoll minn R. Vidal Puig u T. Scharf, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, minn B. Alterskjær u L. Young, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 KE u 87 KE, kif ukoll l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 321, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors magħmul mill-Unión de Televisiones Comerciales Asociadas (iktar ’il quddiem l-“UTECA”) kontra digriet irjali li jobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni sabiex jirriżervaw 5 % mid-dħul tal-operat annwali preċedenti tagħhom għall-iffinanzjar tal-produzzjoni ta’ films ċinematografiċi twal u qosra kif ukoll ta’ films tat-televiżjoni Ewropej u, min-naħa l-oħra, li jirriżervaw 60 % minn dan l-iffinanzjar għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Renju ta’ Spanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Is-sitta u għoxrin premessa tad-Direttiva 89/552 tipprovdi:

“[…] sabiex ikun hemm lok għal politika attiva favur lingwa speċifika, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu regoli aktar dettaljati jew aktar stretti partikolarment skont il-bażi tal-kriterji tal-lingwa, sakemm dawn ir-regoli jkunu konformi mal-liġi tal-Komunità, u b’mod partikolari ma jkunux applikabbli għat-trasmissjoni mill-ġdid ta’ xandiriet li joriġinaw fi Stati Membri oħrajn”.

4        Skont is-seba’ premessa tad-Direttiva 97/36:

“[…] kull qafas leġislattiv dwar servizzi awdjoviżivi ġodda jrid ikun kompatibbli ma l-objettiv ewlieni ta’ din id-Direttiva li huwa li jinħoloq qafas legali għall-moviment liberu ta servizzi ”.

5        L-erbgħa u erbgħin premessa tad-Direttiva 97/36 tiddisponi:

“[…] l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li japplikaw għax-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom regoli aktar iddettaljati jew aktar stretta fl-oqsma koordinati minn din id-Direttiva, inklużi, inter alia, regoli dwar il-kisba ta’ għanijiet ta’ politika dwar il-lingwa […]”.

6        Il-ħamsa u erbgħin premessa tad-Direttiva 97/36 tistabbilixxi:

“[…] l-għan li tingħata għajnuna lill-produzzjoni awdjoviżivi fl-Ewropa jista jiġi segwit fl-Istati Membri fil-qafas ta’ l-organizzazzjoni tas-servizzi tax-xandir tagħhom, inter alia, permezz tad-definizzjoni ta’ missjoni ta’ interess pubbliku għal ċerti organizzazzjonijiet tax-xandir, inkluża l-obbligazzjoni li jikkontribwixxu sostanzjalment għall-investiment fil-produzzjoni Ewropea”.

7        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi li jeħtieġu lix-xandara tat-televiżjoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex iħarsu regoli aktar dettaljati jew aktar stretti fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva.”

8        L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jiddisponi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw meta prattikabbli u b’mezzi approprjati, li x-xandara jirriservaw għal xogħlijiet Ewropej, fis-sens ta’ l-Artikolu 6, proporzjon ta’ maġġoranza tal-ħin ta’ trasmissjoni tagħhom, eskluż il-ħin appuntat għal aħbarijiet, avvenimenti sportivi, logħob, reklamar u servizzi tat-teletext u t-teleshopping. Dan il-proporzjon, waqt li jikkunsidra r-responsabbiltajiet tax-xandar dwar informazzjoni, edukazzjoni, kultura u divertiment lejn il-pubbliku li jsegwih, għandu jinkiseb progressivament, skond il-bażi ta’ kriterji xierqa.”

9        Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw, meta prattikabbli u b’mezzi approprjati, li x-xandara jirriservaw mill-inqas 10 % tal-ħin tat-trasmissjoni tagħhom eskluż il-ħin appuntat għal aħbarijiet, avvenimenti sportivi, logħob, reklamar u servizzi tat-teletext u teleshopping, jew alternattivament, għad-diskrezzjoni ta’ l-Istat Membru, mill-inqas 10 % tal-budget ta’ l-ipprogrammar tagħhom, għal xogħlijiet Ewropej maħluqa minn produtturi li huma indipendenti minn xandara. Dan il-proporzjon, waqt li jikkunsidra r-responsabbiltajiet tax-xandara dwar informazzjoni, edukazzjoni, kultura u divertiment lejn il-pubbliku li jsegwih, għandu jintlaħaq progressivament, skond il-bażi ta’ kriterji xierqa; għandu jintlaħaq billi jiġi assenjat proporzjon adegwat għal xogħlijiet riċenti, jiġifieri xogħlijiet trasmessi fi żmien ħames snin mill-produzzjoni tagħhom.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10      Id-Digriet Irjali 1652/2004, li approva r-regolament dwar l-investiment obbligatorju għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi twal u qosra u films tat-televiżjoni, Ewropej u Spanjoli” (Real decreto 1652/2004 por el que se aprueba el Reglamento que regula la inversión obligatoria para la financiación anticipada de largometrajes y cortometrajes cinematográficos y películas para televisión, europeos y españoles), tad-9 ta’ Lulju 2004 (BOE Nru 174, tal-20 ta’ Lulju 2004, p. 26264), jimplementa parzjalment il-leġiżlazzjoni Spanjoli fl-oqsma tat-televiżjoni u taċ-ċinematografija. Din il-leġiżlazzjoni hija kkostitwita mil-Liġi 25/1994, li tinkludi fis-sistema legali Spanjola d-Direttiva 89/552/KEE, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (Ley 25/1994 por la que se incorpora al ordenamiento jurídico español la Directiva 89/552/CEE del Consejo, sobre la coordinación de disposiciones legales, reglamentarias y administrativas de los Estados miembros relativas al ejercicio de la actividad de radiodifusión televisiva), tat-12 ta Lulju 1994 (BOE Nru 166, tat-13 ta’ Lulju 1994, p. 22342), kif emendata bil-Liġi 22/1999, tas-7 ta’ Ġunju 1999 (BOE Nru 136, tat-8 ta’ Ġunju 1999), u wara bit-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 15/2001, li tiffavorixxi u tippromwovi ċ-ċinematografija u s-settur awdjoviżiv (Ley 15/2001 de fomento y promoción de la cinematografía y el sector audiovisual), tad-9 ta’ Lulju 2001 (BOE Nru 164, tal-10 ta’ Lulju 2001, p. 24904).

11      Skont l-Artikolu 5(1) tal-Liġi 25/1994, kif emendata bil-Liġi 22/1999:

“1.      L-operaturi tat-televiżjoni għandhom jirriżervaw 51 % tal-ħin tat-trasmissjoni annwali tagħhom għax-xandir ta’ xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej.

Sabiex jissodisfaw dan l-obbligu, għandhom jirriżervaw, kull sena, 5 % tal-ammont totali tad-dħul tal-operat irċevut fis-sena tan-negozju preċedenti, skont il-kont tal-operat tagħhom, għall-iffinanzjar tal-produzzjoni ta’ films ċinematografiċi twal u qosra u ta’ films tat-televiżjoni Ewropej.”

12      Permezz tal-emenda bit-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi 15/2001, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(1), ġie mibdul mid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“L-operaturi tat-televiżjoni li għandhom ir-responsabbiltà editorjali ta’ stazzjonijiet televiżivi li l-programmi tagħhom jinvolvu films twal ċinematografiċi prodotti reċentament, jiġifieri li ma jkunux eqdem minn seba’ snin mid-data tal-produzzjoni tagħhom, kull sena għandhom jirriżervaw ta’ mill-inqas, 5 % tal-ammont totali tad-dħul irċevut fis-sena tan-negozju preċedenti, skont il-kont tal-operat tagħhom, għall-iffinanzjar antiċipat tal-produzzjoni ta’ films ċinematografiċi twal u qosra u ta’ films tat-televiżjoni Ewropej, inkluż dawk li jaqgħu taħt il-każijiet ikkontemplati fl-Artikolu 5(1) tal-Liġi li tiffavorixxi u tippromwovi ċ-ċinematografija u s-settur awdjoviżiv. 60 % ta’ dan l-iffinanzjar huwa destinat għall-produzzjonijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ Spanja.

Għal dan il-għan, b’films tat-televiżjoni wieħed għandu jifhem ix-xogħlijiet awdjoviżivi li l-karatteristiċi tagħhom huma simili għal dawk ta’ films twal ċinematografiċi, jiġifieri ix-xogħlijiet li jdumu iktar minn sittin minuta bi tmiem finali, li l-karatteristika tagħhom hija li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom ma tinkludix li dawn jiġu murija fis-swali taċ-ċinema; u bid-dħul mill-kummerċjalizzazzjoni, wieħed għandu jifhem dak id-dħul provenjenti mill-programmi u mill-użu tal-istazzjon jew stazzjonijiet televiżivi li jagħtu lok għall-obbligu inkwistjoni, kif rifless fil-kontijiet tal-operat tagħhom li jkunu suġġetti għall-verifika.

Il-gvern, wara konsultazzjoni mas-setturi kollha interessati, jista’ b’liġi jistabbilixxi d-dewmien rikjest biex xogħol adwjoviżiv jiġi kkunsidrat bħala film tat-televiżjoni”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      L-UTECA ppreżentat rikors kontra d-Digriet Irjali 1652/2004 quddiem it-Tribunal Supremo. Fir-rikors tagħha, hija titlob li kemm id-digriet irjali kif ukoll id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li fuqhom huwa bbażat ikunu ddikjarati inapplikabbli, billi l-obbligi ta’ investiment imposti minn dawn jiksru mhux biss ċerti dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Spanjola iżda wkoll ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju.

14      Il-pretensjonijiet tal-UTECA huma kkontestati mill-Administración General del Estado (amministrazzjoni ġenerali tal-Istat Spanjol) kif ukoll mill-Federación de Asociaciones de Productores Audiovisuales Españoles (federazzjoni tal-assoċjazzjonijiet tal-produtturi awdjoviżivi Spanjoli) u mill-Entidad de Gestión de Derechos de los Productores Audiovisuales (organizzazzjoni għall-ġestjoni tad-drittijiet tal-produtturi awdjoviżivi), li intervjenew sabiex jiddefendu l-validità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

15      Billi t-Tribunal Supremo, kellu dubji, minn naħa, fir-rigward tal-marġini ta’ diskrezzjoni li minnu jiddisponu l-Istati Membri sabiex jimponu normi iktar stretti fl-oqsma kkoordinati mid-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 3(1) ta’ dan, kif ukoll, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-Artikoli 12 KE u 87 KE tal-obbligu li jirriżervaw 60 % tal-finazjament obbligatorju għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali tar-Renju ta’ Spanja, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3 tad-Direttiva […] jippermetti lill-Istati Membri li jimponu fuq l-operaturi tat-televiżjoni l-obbligu li jirriżervaw perċentwali mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, leġiżlazzjoni nazzjonali, li barra milli tipprovdi l-obbligu msemmi ta’ ffinanzjar antiċipat, tirriżerva 60 % mill-imsemmi ffinanzjar obbligatorju għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija l-Ispanjol, hijiex konformi mad-direttiva msemmija u mal-Artikolu 12 KE moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet speċifiċi l-oħra li għalihom dan jagħmel referenza?

3)      L-obbligu impost minn leġiżlazzjoni nazzjonali fuq l-operaturi tat-televiżjoni li jikkonsistu f’li dawn jirriżervaw perċentwali mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi, li 60 % minnu għandu jkun riżervat speċifikament għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom tkun l-Ispanjol u li fil-parti l-kbira tagħhom ikunu prodotti mill-industrija ċinematografika Spanjola, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur din l-industrija fis-sens tal-Artikolu 87 KE?”

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

16      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 tagħha kif ukoll l-Artikolu 12 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura meħuda minn Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni jirriżervaw 5 % mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, 60 % minn dan il-5 % għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru.

17      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, d-Direttiva ma fiha l-ebda dispożizzjoni li tirregola l-kwistjoni sa fejn Stat Membru jista’ jobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni li jirriżervaw parti mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej jew fejn il-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru. B’mod partikolari, l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva ma jirrigwardawx din iċ-ċifra.

18      Insegwitu, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, f’dak li jirrigwarda x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, li jipprovdu regoli iktar dettaljati jew iktar stretti fl-oqsma koperti minn din. Madankollu, tali kompetenza għandha tiġi eżerċitata filwaqt li jiġu rrispettati l-libertajiet fundamentali ggarantiti permezz tat-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1999, ARD, C‑6/98, Ġabra p. I‑7599, punt 49, u tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética, C‑500/06, Ġabra 2008, p. I‑5785, punt 31).

19      Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li d-Direttiva ma tipproċedix għal armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli dwar l-oqsma li tkopri, iżda hija tistabbilixxi ħtiġijiet minimi għall-programmi li ġejjin mill-Komunità li huma intiżi sabiex jiġu mxandra fi ħdan din (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Frar 1995, Leclerc-Siplec, C‑412/93, Ġabra p. I‑179, punti 29 u 44, u tad-9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV-Shop, C‑34/95 sa C‑36/95, Ġabra p. I‑3843, punt 3).

20      Minn dan jirriżulta, li indipendentement mill-kwistjoni jekk miżura meħuda minn Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, taqax taħt l-oqsma koperti mid-Direttiva, l-Istati Membri jibqgħu, fil-prinċipju, kompetenti sabiex jadottaw miżura bħal din, bil-kundizzjoni li jirrispettaw il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk din il-miżura tirrispetta dawn il-libertajiet fundamentali.

22      Fir-rigward ta’ miżura meħuda minn Stat Membry, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn din tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni li jirriżervaw 5 % mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej, l-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma fih l-ebda element li skont dan tali miżura tikkostitwixxi, fil-prattika, restrizzjoni għal waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat.

23      Barra minn dan, għandu jiġi enfasizzat i jirriżulta mill-qari flimkien tas-seba’ u tal-ħamsa u erbgħin premessa tad-Direttiva 97/36 li l-għan priniċpali ta’ din tal-aħħar huwa li toħloq kuntest ġuridiku għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, billi fl-istess ħin issemma, b’mod partikolari, l-għan ta’ “għajnuna lill-produzzjoni awdjoviżivi fl-Ewropa”, b’dan tal-aħħar li jista’ jinkiseb, fost l-oħrajn, permezz ta’ “l-obbligazzjoni li jikkontribwixxu sostanzjalment għall-investiment fil-produzzjoni Ewropea”.

24      Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn tirrigwarda l-obbligu li jiġu rriżervati għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat 60 % mill-5 % tad-dħul tal-operat irriżervat għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej, tali miżura tikkostitwixxi, hekk kif qieset l-Avukat Ġenerali fil-punti 78 sa 87 tal-konklużjonijiet tagħha, restrizzjoni għal numru ta’ libertajiet fundamentali, jiġifieri l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-libertà ta’ stabbiliment, il-moviment liberu tal-kapital u l-moviment liberu tal-ħaddiema.

25      Madankollu, restrizzjoni bħal din għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat tista’ tiġi ġġustifikata meta din tkun ġustifikabbli permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa fejn din tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tinkiseb (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications Belgium et, C‑250/06, Ġabra p. I‑11135, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Skont il-Gvern Spanjol, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq raġunijiet kulturali ta’ difiża tal-multilingwiżmu Spanjol.

27      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet bħala li jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, l-għan imfittex minn Stat Membru, li tiġi difiża u promossa waħda jew iktar mil-lingwi uffiċjali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 1989, Groener, C‑379/87, Ġabra p. 3967, punt 19, kif ukoll United Pan-Europe Communications Belgium et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

28      Hekk kif qieset l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tagħha, għan bħal dan ġie wkoll rikonoxxut bħala leġittimu mil-leġiżlatur Komunitarju, kif indikat mis-sitta u għoxrin premessa tad-Direttiva 89/552 u mill-erbgħa u erbgħin premessa tad-Direttiva 97/36.

29      Miżura bħal din meħuda minn Stat Membru, bħal dak fil-kawża prinċipali, sa fejn tistabbilixxi obbligu ta’ investiment f’films ċinematografiċi u tat-televiżjoni li l-lingwa oriġinali tagħhom tkun waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru tidher li hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ għan bħal dan.

30      Barra minn dan, ma jidhirx li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tali miżura tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

31      Fil-fatt, billi jobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni li jirriżervaw għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru madwar 60 % minn dan il-5 % tad-dħul tal-operat irriżervat għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej, miżura meħuda minn Stat Membri, bħal dik fil-kawża prinċipali, fl-aħħar mill-aħħar, tirrigwarda biss 3 % mid-dħul tal-operat ta’ dawn l-operaturi. L-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma fih l-ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li perċentwali bħal din hija sproporzjonata mal-għan li titfittex it-twettiq tagħha.

32      Barra minn dan, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, miżura meħuda minn Stat Membru, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lanqas ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minħabba s-sempliċi fatt li din ma tipprovdix kriterji li jippermettu li x-xogħlijiet iikkonċernati jiġu kklassifikati bħala “prodotti kulturali”.

33      Fil-fatt, peress li l-lingwa u l-kultura huma intrinsikament marbuta, kif tfakkar, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, adotta mill-Konferenza Ġenerali tal-Unesco fl-20 ta’ Ottubru 2005 f’Pariġi u approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/515/KE tat-18 ta’ Mejju 2006 (ĠU L 76M, p. 103), li tistabbilixxi fl-erbatax-il premessa tal-preambolu tagħha li “d-diversità lingwistika hija element fundamentali tad-diversità kulturali”, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-għan, imfittex minn Stat Membru, li jikkonsisti fid-difiża u l-promozzjoni ta’ waħda jew iktar mil-lingwi uffiċjali tiegħu, bilfors irid ikun neċessarjament marbut ma’ kriterji kulturali oħrajn sabiex ikun jista’ jiġġustifika restrizzjoni għal waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Wara kollox, il-Kummissjoni ma setgħetx tippreċiża b’mod konkret, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, liema kellhom ikunu dawn il-kriterji.

34      Miżura meħuda minn Stat Membru, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan imfittex, minħabba fil-fatt li l-benefiċjarji tal-finanzjament ikkonċernat huma fil-parti l-kbira impriżi produtturi taċ-ċinema stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

35      Fil-fatt, hekk kif tqis l-Avukat Ġenerali fil-punt 110 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kriterju li jsir użu minnu minn permezz ta’ miżura bħal din huwa kriterju lingwistiku.

36      Il-fatt li kriterju bħal dan jista’ jikkostitwixxi vantaġġ għal impriżi produtturi taċ-ċinema li jaħdmu bil-lingwa msemmija minn dan il-kriterju u li, għalhekk, jistgħu, fil-prattika, ikunu fil-parti l-kbira joriġinaw mill-Istat Membru fejn din il-lingwa tikkostitwixxi lingwa uffiċjali, jidher li huwa inerenti għall-għan imfittex. Tali sitwazzjoni ma tistax tikkostitwixxi, minnha nfisha, il-prova tan-natura sproporzjonata tal-miżura tal-miżura msemmija, għaliex altrimenti jitneħħa s-sens tar-rikonoxximent, bħala raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku, tal-għan imfittex minn Stat Membru, jiġifieri li jiddefendi u li jippromwovi waħda jew iktar mil-lingwi uffiċjali tiegħu.

37      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Artikolu 12 KE, li l-qorti tar-rinviju titlob ukoll l-interpretazzjoni tiegħu u li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba fin-nazzjonalità, għandu jiġi mfakkar li din id-dispożizzjoni hija intiża li tiġi applikata b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt Komunitarju li għalihom it-Trattat ma jipprevedix regola speċifika ta’ nondiskriminazzjoni (sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Lyyski, C‑40/05, Ġabra p. I‑99, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implementat, fl-oqsma tal-moviment liberu tal-ħaddiema, tad-dritt ta’ stabbiliment, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-moviment liberu tal-kapital mill-Artikoli 39(2) KE, 43 KE, 49 KE u 56 KE rispettivament (ara, fir-rigward tal-Artikolu 39(2) KE, is-sentenza Lyyski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 49 KE, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, AMOK, C‑289/02, Ġabra p. I‑15059, punt 26, u fir-rigward tal-Artikoli 43 KE u 56 KE, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punt 99).

39      Billi minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li miżura meħuda minn Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tidhirx li tmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, hija lanqas ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tikser l-Artikolu 12 KE.

40      Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata bħala risposta għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari li d-Direttiva u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 tagħha kif ukoll l-Artikolu 12 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux miżura meħuda minn Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni jirriżervaw 5 % mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, 60 % minn dan il-5 % għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru.

 Fuq it-tielet domanda preliminari

41      Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 87 KE għandu jiġu interpretat fis-sens li jipprekludi miżura meħuda minn Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni jirriżervaw 5 % mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, 60 % minn dan il-5 % għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, billi tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur l-industrija ċinematografika ta’ dan l-Istat Membru.

42      Għandu jiġi mfakkar, li skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwalifika ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat titlob li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 87(1) KE jkunu sodisfatti, jiġifieri li, l-ewwel nett, għandu jkun intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat, it-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, it-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u, ir-raba’ nett, irid iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, punti 74 u 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      B’mod partikolari, jirriżulta mill-ġurisprundenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat biss huma kkunsidrati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, id-distinzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bejn “l-għajnuna mogħtija mill-Istati” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha kkonsentiti minn Stat jikkostitwixxu għajnuna, indipendentament minn jekk humiex jew le ffinanzjati permezz ta’ riżorsi li ġejjin mill-Istat, imma hija intiża biss li tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, kif ukoll dawk mogħtija permezz ta’ korp pubbliku jew privat, innominat jew stabbilit minn dan l-Istat (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑209, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Ma jidhirx li l-vantaġġ mogħti minn miżura meħuda minn Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, lill-industrija ċinematografika ta’ dan l-istess Stat Membru, tikkostitwixxi vantaġġ li huwa mogħti direttament mill-Istat jew permezz ta’ korp pubbliku jew privat, innominat jew stabbilit minn dan l-Istat

45      Fil-fatt, vantaġġ bħal dan jirriżulta minn liġi li tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni, kemm jekk dawn huma pubbliċi jew privati, li jirriżervaw parti mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni.

46      Barra minn dan, billi hija miżura meħuda minn Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tapplika għal operaturi tat-televiżjoni pubbliċi, ma jidhirx li l-vantaġġ ikkonċernat jiddependi mill-kontroll imwettaq mill-entitajiet pubbliċi fuq tali operaturi jew mid-direttivi mogħtija minn dawn l-istess entititajiet lil tali operaturi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Frar 1988, Kwekerij van der Kooy et vs Il-Kummissjoni, 67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra. p. 219, punt 37).

47      Konsegwentement, jeħtieġ li tingħata bħala risposta għat-tielet domanda preliminari li l-Artikolu 87 KE għandu jiġu interpretat fis-sens li miżura meħuda minn Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni jirriżervaw 5 % mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, 60 % minn dan il-5 % għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat favur l-industrija ċinematografika ta’ dan l-Istat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta’ Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni, kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 3 tagħha kif ukoll l-Artikolu 12 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux miżura meħuda minn Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni jirriżervaw 5 % mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, 60 % minn dan il-5 % għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru

2)      L-Artikolu 87 KE għandu jiġu interpretat fis-sens li miżura meħuda minn Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-operaturi tat-televiżjoni jirriżervaw 5 % mid-dħul tal-operat tagħhom għall-iffinanzjar antiċipat ta’ films ċinematografiċi u tat-televiżjoni Ewropej kif ukoll, b’mod iktar speċifiku, 60 % minn dan il-5 % għal xogħlijiet li l-lingwa oriġinali tagħhom hija waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat favur l-industrija ċinematografika ta’ dan l-Istat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.