Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2016 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fil-15 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-386/14, Fih Holding u Fih Erhversbank vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-579/16 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Flynn, K. Blanck-Putz, A. Bouchagiar, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: FIH Holding A/S, FIH Erhversbank A/S

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) mogħtija fil-15 ta’ Settembru 2016, innotifikata lill-Kummissjoni fis-16 ta’ Settembru 2016, fil-Kawża T-386/14, Fih Holding u Fih Erhversbank vs Il-Kummissjoni;

tiddeċiedi hija stess dwar ir-rikors fl-ewwel istanza u tiċħdu bħala infondat fid-dritt; u

tikkundanna lill-partijiet l-oħra, rikorrenti fl-ewwel istanza, għall-ispejjeż.

Sussidjarjament, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) mogħtija fil-15 ta’ Settembru 2016, innotifikata lill-Kummissjoni fis-16 ta’ Settembru 2016, fil-Kawża T-386/14, Fih Holding u Fih Erhversbank vs Il-Kummissjoni;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex teżamina t-tieni motiv fl-ewwel istanza; u

tirriżerva l-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li, sabiex tistabbilixxi li l-miżuri tal-2012 kienu jinkludu għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kien messha applikat il-kriterju tal-kreditur f’ekonomija tas-suq fid-dawl tal-ispejjeż li d-Danimarka kienet iġġarrab kieku ma adottatx dawn il-miżuri. Din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi żball ta’ liġi, peress li l-ispejjeż inkwistjoni huma konsegwenza diretta tal-għajnuna mill-Istat mogħtija preċedentement mid-Danimarka lil FIH, u minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni tali spejjeż meta tivverifika jekk Stat Membru aġixxiex bħalma kien jagħmel operatur f’ekonomija tas-suq.

____________