Language of document : ECLI:EU:C:2015:389

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fil-11 ta’ Ġunju 2015 (1)

Kawża C‑572/13

Hewlett-Packard Belgium SPRL

u

Epson Europe BV

vs

Reprobel SCRL

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel ta’ Brussell (il-Belġju)]

“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Artikolu 5(2)(a) u (b) – Eċċezzjoni ta’ reprografija – Eċċezzjoni ta’ kopja privata – Kunċett ta’ ‘kumpens ġust’ – Ġbir ta’ remunerazzjoni bħala kumpens ġust fuq apparat ta’ stampar multifunzjonali – Kumulu ta’ remunerazzjonijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa u proporzjonali – Metodu ta’ kalkolu – Benefiċjarji tal-kumpens ġust – Awturi u edituri”





1.        F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġdid ġiet adita minn talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad‑Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad‑drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (2), u iktar preċiżament tal-Artikolu 5(2)(a) u (b) li jipprevedi l‑possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu fid-dritt nazzjonali tagħhom eċċezzjonijiet għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal-awturi, jiġifieri, l‑eċċezzjoni ta’ reprografija u l-eċċezzjoni ta’ kopja privata rispettivament.

2.        L-impriżi rikorrenti fil-kawża prinċipali essenzjalment jikkontestaw, fil-kwalità tagħhom ta’ importaturi u/jew ta’ produtturi ta’ apparat ta’ stampar multifunzjonali, l-ammonti mitluba mingħandhom bħala kumpens ġust dovut skont l-eċċezzjoni ta’ reprografija prevista fl‑Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, u b’hekk jagħtu l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza dispożizzjonijiet li hija kellha ħafna inqas okkażjoni li tinterpreta meta mqabbla ma’ dawk tal‑Artikolu 5(2)(b) tal-istess direttiva.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29 jipprevedi:

“2.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

a)      rigward riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti, bla ħsara għal mużika fuq il-karta, kemm-il darba li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust;

b)      rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax‑xogħol jew tas-suġġett relatat”.

4.        Il-premessi prinċipali u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad‑Direttiva 2001/29 possibbilment rilevanti sabiex eventwalment tiġi deċiża l-kawża prinċipali ser ikunu ċċitati, skont il-bżonn, fl-argumenti li ġejjin. Madankollu huwa meħtieġ li tiġi ċċitata l-premessa 37 ta’ din id-direttiva, ifformulata kif ġej:

“Skemi nazzjonali eżistenti dwar reprografija, fejn ikun hemm, ma joħolqux tfixkil maġġuri għas-suq intern. L-Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu ghal eċċezzjoni jew limitazzjoni rigward ir‑reprografija.”

B –    Id-dritt Belġjan

5.        L-Artikolu 1(1) tal-Liġi tat-30 ta’ Ġunju 1994 dwar id-drittijiet tal‑awtur u d-drittijiet relatati (3) jiddisponi:

“L-awtur ta’ xogħol letterarju jew artistiku biss għandu jkollu d-dritt ta’ riproduzzjoni jew li jordna riproduzzjoni, bi kwalunkwe mod jew fi kwalunkwe forma (diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, totalment jew parzjalment).

[…]”.

6.        L-Artikolu 22(1) tal-LDA, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data ta’ tad-deċiżjoni tar-rinviju (4) jipprevedi:

“Meta x-xogħol ġie ppubblikat b’mod legali, l-awtur ma jistax jipprojbixxi:

[…]

4°      ir-riproduzzjoni parzjali jew sħiħa ta’ oġġetti jew ta’ xogħlijiet viżwali jew ta’ biċċiet żgħar ta’ xogħlijiet fuq mezz diġitali jew analogu, sakemm din ir-riproduzzjoni hija mwettqa għal għan strettament privat u ma tikkawżax danni għall-isfruttament normali tax-xogħol

4°a      ir-riproduzzjoni parzjali jew sħiħa tal-oġġetti jew ta’ xogħlijiet viżwali jew ta’ biċċiet żgħar ta’ xogħlijiet fuq mezz diġitali jew analogu sakemm din ir-riproduzzjoni hija mwettqa għal finijiet ta’ tagħlim jew riċerka xjentifika sa fejn ġġustifikata bl-għan li għandu jintlaħaq mingħajr skop ta’ lukru u li ma tikkawżax dannu għall-isfruttament normali tax-xogħol […]

[…]

5°      ir-riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet awdjo u awdjoviżwali mwettqa fiċ-ċirku tal-familja u rriservati għalihom;”

7.        L-Artikoli 59 sa 61 tal-LDA jipprevedu:

“Artikolu 59

L-awturi u l-edituri ta’ xogħlijiet fuq mezz diġitali jew analogu għandhom dritt għal remunerazzjoni minħabba r-riproduzzjoni tagħhom, inkluż skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 4 u 4a tal‑Artikolu 22(1) u fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 22a(1).

Ir-remunerazzjoni hija mħallsa mill-produttur, l-importatur jew ix-xerrej intra-Komunitarju ta’ apparat li jippermetti l-ikkuppjar ta’ xogħlijiet protetti, meta dan l-apparat jitpoġġa għaċ-ċirkulazzjoni fit-territorju nazzjonali.

Artikolu 60

Barra minn hekk, remunerazzjoni proporzjonali, stabbilita skont in‑numru ta’ kopji magħmula, hija dovuta minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li jagħmlu kopji tax-xogħlijiet, jew jekk ikun il-każ, minflok dawk tal‑ewwel, minn dawk li għandhom apparat ta’ riproduzzjoni għad-dispożizzjoni ta’ oħrajn, bi ħlas jew b’xejn.

Artikolu 61

Ir-Re jistabbilixxi l-ammont ta’ remunerazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 59 u 60, permezz ta’ digriet deliberat mill-Kunsill tal-Ministri. Ir-remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 60 tista’ tkun adattata skont is‑setturi kkonċernati.

Huwa jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ ġbir, ta’ tqassim u ta’ verifika ta’ dawn ir-remunerazzjonijiet kif ukoll l-mument fejn dawn huma dovuti.

Bla ħsara għall-ftehimiet internazzjonali, ir-remunerazzjonijiet previsti fl‑Artikoli 59 u 60 jingħataw b’mod ugwali lill-awturi u lill-edituri.

Skont il-kundizzjonijiet u l-arranġamenti li huwa jistabbilixxi, ir-Re jinnomina kumpannija li tirrappreżenta l-kumpanniji kollha ta’ ġestjoni tad-drittijiet sabiex jiżgura l-ġbir u t-tqassim tar-remunerazzjoni.”

8.        L-ammont tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa u tar-remunerazzjoni proporzjonali, huma stabbiliti bl‑Artikoli 2, 4, 8 u 9 tad-Digriet Irjali, tat-30 ta’ Ottubru 1997, fir-rigward ta’ remunerazzjoni tal-awturi u tal-edituri għal kopja b’għan privat jew didattiku ta’ xogħlijiet fuq mezz diġitali jew analogu (5). Dawn l-artikoli jipprovdu (6):

“Artikolu 2

1.      Is-somma ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa applikabbli għall‑kopjaturi hija stabbilita bħala:

1°      EUR [5.01] għal kopjatur li jagħmel inqas minn 6 kopji fil-minuta;

2°      EUR [18.39] għal kopjatur li jagħmel bejn 6 sa 9 kopji fil-minuta;

3°      EUR [60.19] għal kopjatur li jagħmel bejn 10 sa 19-il kopja fil-minuta;

4°      EUR [195.60] għal kopjatur li jagħmel bejn 20 sa 39 kopja fil-minuta;

5°      EUR [324.33] għal kopjatur li jagħmel bejn 40 sa 59 kopja fil-minuta;

6°      EUR [810.33] għal kopjatur li jagħmel bejn 60 sa 89 kopja fil-minuta;

7°      EUR [1838.98] għal kopjatur li jagħmel iktar minn 89 kopja fil-minuta.

Sabiex tiġi stabbilita s-somma tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa, tiġi kkunsidrata l-ħeffa ta’ kkuppjar iswed fuq l-abjad, inkluż għall-apparat li jagħmel kopji bil-kulur.

2.      Is-somma tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa applikabbli għall-apparat ta’ duplikazzjoni u makkinarju offset tal-uffiċċju hija stabbilita bħala:

1°      EUR [324.33] għal kull apparat ta’ duplikazzjoni;

2°      EUR [810.33] għal kull makkinarju offset tal-uffiċċju.

[…]

Artikolu 4

Għall-apparat li jintegra bosta funzjonijiet li jikkorrispondu mal-funzjonijiet tal-apparat msemmi fl-Artikoli 2 u 3, ir-remunerazzjoni fil‑forma ta’ somma f’daqqa hija l-ammont l-iktar għoli fost dawk previsti fl-Artikoli 2 u 3 li jistgħu jiġu applikati għall-apparat kollu.

[…]

Artikolu 8

F’każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni mid-debitur kif iddefinita fl‑Artikoli 10 sa 12, l-ammont tar-remunerazzjoni proporzjonali hija stabbilita bħala:

1°      EUR [0.0334] għal kull kopja ta’ xogħol protett;

2°      EUR [0.0251] għal kull kopja ta’ xogħol protett imwettaq permezz ta’ apparat użat minn stabbiliment edukattiv jew ta’ self pubbliku.

L-ammonti msemmija fl-ewwel paragrafu huma rduppjati għall-kopji bil-kulur ta’ xogħol protett bil-kulur.

Artikolu 9

Sa fejn id-debitur ikun ikkoopera fil-ġbir tar-remunerazzjoni proporzjonali mill-kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet, l-ammont f’dan il-każ huwa ffissat bħala:

1°      EUR [0.0201] għal kull kopja ta’ xogħol protett;

2°      EUR [0.0151] għal kull kopja ta’ xogħol protett imwettqa permezz ta’ apparat użat minn stabbiliment edukattiv jew ta’ self pubbliku.

L-ammonti msemmija fl-ewwel paragrafu huma rduppjati għall-kopji tal-kulur ta’ xogħlijiet protetti tal-kulur.”

9.        Il-kooperazzjoni msemmija fl-Artikoli 8 u 9 hija ddefinita mill‑Artikoli 10 sa 12 tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997. L-Artikolu 10 jiddisponi:

“Id-debitur ikun ikkoopera fil-ġbir tar-remunerazzjoni proporzjonali meta:

1°      ikun bagħat id-dikjarazzjoni tiegħu għall-perijodu kkunsidrat mill-kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3;

2°      ħallas b’mod provviżorju lill-kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet fil-mument li bagħat id-dikjarazzjoni lilha, ir-remunerazzjoni proporzjonali skont in-numru ddikjarat ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti immultiplikat skont it-tariffa rilevanti msemmija fl‑Artikolu 9, u;

3°      a)      jew ikun għamel stima permezz ta’ ftehim komuni mal‑kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ 200 ġurnata ta’ ħidma mid-data tar-riċezzjoni tad-dikjarazzjoni mill-kumpannija ta’ ġestjoni, tan-numru ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mwettaq fil-perijodu kkunsidrat;

b)      jew ikun ipprovda l-informazzjoni neċessarja għall‑għoti tar-rakkomandazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 sa fejn il‑kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet tkun talbet rakkomandazzjoni skont dan l-artikolu.”


10.      L-Artikolu 14 tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997 jipprevedi:

“1.      F’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim komuni dwar stima tan-numru ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mwettqa matul il-perijodu kkunsidrat, bejn id-debitur u l-kumpannija ta’ ġestjoni tad‑drittijiet, din tal-aħħar tista’ titlob rakkomandazzjoni dwar l‑istima tan‑numru ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mwettaq matul il‑perijodu kkunsidrat.

Il-kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet tinnotifika t-talba għal rakkomandazzjoni lid-debitur fi żmien 220 ġurnata ta’ ħidma mid-data tar-riċezzjoni tad-dikjarazzjoni tad-debitur, mill-istess kumpannija ta’ ġestjoni.

Ir-rakkomandazzjoni tingħata minn wieħed jew minn iktar esperti maħtura:

1°      Jew bi ftehim komuni bejn id-debitur u l-kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet;

2°      Jew mill-kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet.

Il-kumpannija ta’ ġestjoni ma tistax taħtar, skont il-punt 2 tat-tielet paragrafu, lil persuna oħra ħlief wieħed jew iktar mill-esperti maqbula mal‑Ministeru.

Ir-rakkomandazzjoni tingħata f’terminu li ma jistax ikun ta’ iktar minn tliet xhur mid-data tar-riċezzjoni għat-talba għal rakkomandazzjoni mill-espert jew mill-esperti awtorizzati.

2.      Meta l-espert jew l-esperti huma maħtura bi ftehim komuni bejn id-debitur u l-kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet, l-ispejjeż tal-perizja jinqasmu skont ftehim komuni bejn il-partijiet.

Meta l-espert jew l-esperti huma maħtura unikament mill-kumpannija ta’ ġestjoni, skont il-punt 2 tat-tielet subparagrafu tal-ewwel paragrafu, il-kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet tista’ tirkupra l-ispejjeż tal-perizja mingħand id-debitur sa fejn il-kundizzjonijiet kollha msemmija hawn taħt huma ssodisfatti:

1°      —      id-debitur ikun naqas milli jgħaddi minn qabel lill‑kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet l‑informazzjoni rikjesta skont l-Artikolu 22 jew;

–        id-debitur ikun bagħat lill-kumpannija ta’ ġestjoni, wara talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 22, informazzjoni mhux preċiża jew inkompleta;

2°      il-kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet tkun informat b’mod ċar lid-debitur fit-talba għal informazzjoni msemmija fl-Artikolu 22, li hija tista’, fil‑każijiet imsemmija fil-punt 1, tirkupra l-ispejjeż ta’ perizja indipendenti mitluba mill-kumpannija ta’ ġestjoni;

3°      l-ispejjeż ta’ perizja jkunu oġġettivament iġġustifikati;

4°      l-ispejjeż ta’ perizja jkunu raġonevoli meta mqabbla mal-volum ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti li l-kumpannija ta’ ġestjoni setgħet tikkalkola b’mod raġonevoli.

[…]”.

II – Il fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

11.      Il-kumpannija Hewlett-Packard Belgium (7) timporta fil-Belġju apparat ta’ reprografija għall-użu professjonali u domestiku, u b’mod partikolari apparat “multifunzjonali”, li l-funzjoni prinċipali tiegħu hija l-istampar ta’ dokumenti, b’ħeffa li tvarja skont il-kwalità tal-istampar u li jippermetti wkoll skenjar u kkuppjar ta’ dokumenti kif ukoll li tirċievi u tibgħat faks. Dan l-apparat ta’ stampar multifunzjonali, li huwa l-qofol tal‑kawża prinċipali, huwa mibjugħ bi prezzijiet li normalment ma jaqbżux il-valur ta’ EUR 100.

12.      Reprobel SCRL (8) hija l-kumpannija ta’ ġestjoni li hija responsabbli mill‑ġbir u mit-tqassim tal-ammonti li jikkorrispondu għall-kumpens ġust skont l-eċċezzjoni ta’ reprografija.

13.      Fis-16 ta’ Awwissu 2004, Reprobel bagħtet faks lil HPB fejn indikatilha li l-bejgħ ta’ apparat ta’ stampar multifunzjonali wassal, bħala regola, għall-ħlas dovut ta’ tariff ta’ EUR 49.20 għal kull apparat.

14.      Peress li l-laqgħat organizzati u l-komunikazzjoni ma’ Reprobel ma setgħux iwasslu għal ftehim fuq rata applikabbli għall-użu ta’ dan l‑apparat ta’ stampar multifunzjonali, HPB, permezz ta’ ċitazzjoni datata 8 ta’ Marzu 2010, ressqet lil Reprobel quddiem it-Tribunal de première instance ta’ Brussell. Hija talbet, minn naħa, li din il-qorti tiddeċiedi li ma kienet dovuta l-ebda remunerazzjoni għall-apparat li hija kienet biegħet u, sussidjarjament, li r-remunerazzjonijiet li hija kienet ħallset kienu jikkorrispondu għall-kumpens ġust dovut skont il-liġi Belġjana, interpetata fid-dawl tad-Direttiva 2001/29. Hija talbet, min‑naħa l-oħra, li Reprobel tkun ikkundannata sabiex fl-istess sena, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 10 miljuni, twettaq studju konformi ma’ dak imsemmi fl-Artikolu 26 tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997, li jikkonċerna fost l-oħrajn in-numru ta’ apparat kontenzjuż u l-użu effettiv tiegħu għall-ikkuppjar ta’ xogħlijiet protetti, u li jikkompara l-effettività ta’ dan l-użu ma’ użu effettiv ta’ kull apparat ieħor ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja

15.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2013, li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Novembru 2013, il-Cour d’appel ta’ Brussell iddeċidiet li tissospendi l-proċedura pendenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-espressjoni ‘kumpens ġust’ inkluża fl-Artikolu 5(2)(a) u fl‑Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata b’mod differenti skont jekk ir-riproduzzjoni mwettqa fuq karta jew fuq mezz simili permezz ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew ta’ xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti issir minn xi utent jew minn persuna fiżika għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali? Fil-każ ta’ risposta pożittiva, din id-differenza ta’ interpretazzjoni għandha tiġi bbażata fuq liema kriterji?

2)      L-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw lill-Istati Membri jistabbilixxu l-kumpens ġust dovut lid-detenturi tad-drittjiet fil‑forma:

–        ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa mħallsa mill-manifattur, mill-importatur jew mill-akkwirent intra‑Komunitarju ta’ apparati li jippermettu l-ikkopjar ta’ xogħlijiet protetti, meta dawn l-apparati jitqiegħdu f’ċirkolazzjoni libera fit-territorju nazzjonali, li l-ammont tagħha huwa kkalkolat biss abbażi tal-ħeffa li biha l‑magna li tikkopja tista’ tagħmel numru ta’ kopji kull minuta, mingħajr rabta oħra mad-dannu eventwalment subit mid-detenturi tad-drittijiet,

u,

–        ta’ remunerazzjoni proporzjonali, iddeterminata biss minn prezz unitarju immultiplikat bin-numru ta’ kopji magħmula, li tvarja skont jekk id-debitur ikkooperax jew le fir-rigward tal-ġbir ta’ din ir-remunerazzjoni, li hija imposta fuq il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħmlu kopji ta’ xogħlijiet jew, skont il-każ, minflok fuq dawn il‑persuni, fuq dawk li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, bi ħlas jew bla ħlas, apparat ta’ riproduzzjoni li qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ ħaddieħor.

Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, liema huma l-kriterji rilevanti u koerenti li l-Istati Membri għandhom isegwu sabiex, skont id-dritt tal-Unjoni, il-kumpens jista’ jitqies bħala ġust u sabiex jiġi stabbilit bilanċ ġust bejn il-persuni kkonċernati?

3)      L-Artikou 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw lill-Istati Membri jagħtu nofs il-kumpens ġust dovut lid-detenturi tad-drittijiet lill‑edituri tax-xogħlijiet maħluqa mill-awturi, mingħajr xi obbligu għall-edituri li jiżguraw li l-awturi jibbenefikaw, anki b’mod indirett, minn parti mill-kumpens li huma mċaħħda minnu?

4)      L-Artikolu 5(2)(a) u l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 għandhom jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema indifferenzjata ta’ ġbir tal-kumpens ġust dovut lid-detenturi tad-drittijiet, fil-forma ta’ somma f’daqqa u ta’ ammont għal kull kopja magħmula, li tkopri b’mod impliċitu iżda ċert u parzjalment, l-ikkopjar ta’ mużika fuq il-karta u ta’ riproduzzjonjiet foloz?”

16.      Permezz ta’ sentenza interlokutorja tas-7 ta’ Frar 2014, il-Cour d’appel ta’ Brussell informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija aċċettat l‑intervent volontarju tal-kumpannija Epson Europe BV (9) fil-kawża prinċipali. Skont l-Artikolu 97(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il‑Qorti tal-Ġustizzja, konsegwentement, bagħtet lill-Epson l-atti proċedurali li kienu diġà nnotifikati lill-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

17.      HPB, Epson u Reprobel, partijiet fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvern Belġjan, l-Irlanda (10), il-Gvern Awstrijak, Polakk, Portugiż u dak Finlandiż (11), kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. HPB, Epson u Reprobel, kif ukoll il-Gvern Belġjan u dak Ċek kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta pubblika li saret fid-29 ta’ Jannar 2015.

IV – Fuq il-kunċett ta’ “kumpens ġust” fis-sens tal-Artikoli 5(2)(a) u 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 (l-ewwel domanda)

18.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-kunċett ta’ “kumpens ġust”, imsemmi fil-punti a) u b) tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2001/29, għandux jirċievi interpretazzjoni differenti, skont jekk l-att ta’ “riproduzzjoni mwettqa fuq karta jew fuq mezz simili permezz ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew ta’ xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti” sarx minn “xi utent” jew “minn persuna fiżika għal użu privat u għal finijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali.”

19.      Għandu jiġi enfasizzat li din l-ewwel domanda tal-qorti tar‑rinviju, ma hijiex, nieqsa minn ambigwitajiet, u dan jidher mill‑osservazzjonijiet bil-miktub kontrastanti li qajmet din id-domanda, kemm fil-konklużjonijiet kif ukoll fil-motivazzjoni tagħhom. B’hekk jista’ jkun ikkunsidrat, mill-ewwel qari superfiċjali, li l-qorti tar-rinviju tidher li qed tissuġġerixxi li l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 mhux biss jista’ jiġi interpretat imma għandu jkun interpretat billi tiġi kkunsidrata l-kwalità tal-persuna li qed twettaq ir-reprografija ta’ xogħol protett u l-għan li għalih qed titwettaq, jiġifieri skont il-kriterji msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva. Għalhekk għandha tiġi evalwata skont is-sens u l-portata eżatta tagħha fir-rigward tal-kawża prinċipali, filwaqt li qabelxejn jiġu esposti l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju nnifisha.

A –    Fuq is-sens u l-portata tal-ewwel domanda

1.      Spjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju

20.      Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-Qorti tal-Ġustizzja, sal-mument preżenti, ma ddikjaratx ruħha dwar il-kunċett ta’ kumpens ġust ħlief fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29.

21.      Reprobel sostniet quddiemha, minn naħa, li l‑Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 kien ikkontestat fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, li għandu jkun hemm distinzjoni bejn l‑eċċezzjoni ta’ reprografija, imsemmija minn din l-aħħar dispożizzjoni, u l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, imsemmija fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva. Għall-kuntrarju, HPB issostni li l-Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29, inkwantu jsemmi r-riproduzzjonijiet ta’ kull mezz, japplika wkoll għar-reprografija mwettqa minn persuna fiżika għal użu privat.

22.      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, f’din il-perspettiva, li, meta l‑apparat ta’ stampar multifunzjonali jintuża wkoll minn persuni fiżiċi għall-użu privat tagħhom, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett ta’ kumpens ġust, li għandu jkun skont id-danni subiti mid-detenturi tad‑drittijiet, għandux jiġi interpretat bl-istess mod skont jekk ir‑riproduzzjoni hijiex mwettqa għal użu privat jew għal kwalunkwe użu ieħor.

2.      Analiżi tal-ewwel domanda

23.      Id-diffikultà kollha tal-ewwel domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju tinstab fil-fatt li, fil-formulazzjoni tad-domanda nnifisha, hija tidher li qiegħda tissuġġerixxi li l-“parametri” tal-kumpens ġust minħabba kopja privata, stabbiliti bl-Artikolu 5(2)(b) tad‑Direttiva 2001/29, huma b’xi mod kumulattivi ma’ dawk tal‑kumpens ġust minħabba r-reprografija, stabbilit bl-Artikolu 5(2)(a) tad-direttiva.

24.      Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, dan ma huwiex is-sens li għandu jingħata għall-ewwel domanda.

25.      Huwa importanti li jiġi enfasizzat qabelxejn, li l-qorti tar-rinviju, kif jirriżulta mil-formulazzjoni tad-domanda stess, tpoġġi ruħha esklużivament fil-kamp tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, inkwantu hija tirreferi b’mod espliċitu u esklużiv għal “riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effetwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti” u, mhux, b’mod iktar wiesa’, għar-riproduzzjoni mwettqa minn apparat ta’ stampar multifunzjonali, pereżempju.

26.      L-ewwel domanda tagħha għalhekk ma titlaqx mill-prinċipju li l‑użu tal-apparat tal-istampar multifunzjonali jista’ jirrileva kemm l‑eċċezzjoni ta’ reprografija, imsemmija fl-Artikolu 5(2)(a) tad‑Direttiva 2001/29, kif ukoll l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, imsemmija fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva (12).

27.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, b’mod ġenerali, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li l-użu ta’ apparat ta’ stampar multifunzjonali għal finijiet ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti jista’ jaqa’, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-eċċezzjoni ta’ reprografija fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 kif ukoll tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata fis-sens tal-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva.

28.      Lil hinn mill-funzjoni primarja ta’ stampar fuq karta jew ta’ stampar ta’ dokumenti minn terminal b’wajer jew mingħajr wajer (kompjuter, tablet, smartphone jew kamera, pereżempju) jew mezz ta’ rrekordjar (hardisk esterna jew karta tal-memorja, pereżempju) dan l‑apparat ta’ stampar jippermetti fil-fatt mhux biss li jsiru fotokopji jew reprografiji ta’ xogħol fuq karta, operazzjoni li taqa’ taħt l-eċċezzjoni ta’ reprografija msemmija fl-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, iżda wkoll li tiskenja u tiddiġitalizza l-istess xogħlijiet u li tissejvja l‑fajl fuq mezz elettroniku (13), operazzjoni li tista’ taqa’ taħt l-eċċezzjoni ta’ kopja privata msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva (14).

29.      Madankollu mill-proċess jirriżulta li, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit jekk l-użu ta’ apparat ta’ stampar multifunzjonali jaqax taħt l-eċċezzjoni ta’ reprografija msemmija fl-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 jew jekk dan l-użu jaqax ukoll u fl-istess ħin, fid-dawl tad-diversi funzjonijiet tiegħu, taħt l-eċċezzjoni ta’ kopja privata msemmija fl‑Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva u lanqas, bħala konsegwenza, li jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv ta’ dawn iż-żewg dispożizzjonijiet fir-rigward ta’ dan l-apparat ta’ stampar u lanqas, b’mod iktar wiesa’, ta’ kull tagħmir jew apparat ta’ riproduzzjoni ibridu, li jista’ jiġi użat għall-finijiet ta’ riproduzzjoni analoga jew diġitali ta’ xogħlijiet protetti.

30.      Fil-fatt, għandu jkun irrilevat li l-Gvern Belġjan u Reprobel sostnew, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 ġew trasposti fl-Artikolu 22(1)(4) tal-LDA u li dawk tal-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva kienu ġew trasposti fl-Artikolu 22(1)(5) tal-LDA. Huma jqisu, min-naħa l-oħra, li huma d‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(1)(4) tal-LDA li għandhom jiġu applikati, fil-kawża prinċipali, bl-esklużjoni ta’ dawk tal-Artikolu 22(1)(5) tal-LDA.

31.      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi kkonstatat li, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 22(1)(5) tal‑LDA, effettivament ma kienx jirrigwarda “ir-riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet awdjo u awdjoviżwali mwettqa fiċ-ċirku tal-familja u rriservati għalihom”. Minn dan għalhekk jista’ jiġi dedott li l-eċċezzjoni ta’ kopja privata ma hijiex applikabbli, tal-inqas qabel l-emendi tat‑30 ta’ Diċembru 2012, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2013, għall-użu ta’ apparat ta’ stampar multifunzjonali, u lanqas għad‑diġitalizzazzjoni ta’ xogħlijiet protetti permezz ta’ skener (15). Madankollu, din hija konklużjoni li l-qorti tar-rinviju biss tista’ tagħmel, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hijiex kompetenti sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali.

32.      Madankollu, id-domanda li l-qorti tar-rinviju tagħmel f’din il‑perspettiva, hija, fl-opinjoni tiegħi, dik dwar jekk, u jekk ikun il-każ sa fejn, il-kumpens ġust skont l-eċċezzjoni ta’ reprografija, kif imsemmija fl-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, li fil-konfront tiegħu l-użu tal-apparat ta’ stampar multifunzjonali għar-reprografija ta’ xogħlijiet protetti għandu normalment u mingħajr eċċezzjoni jagħti lok, jista’ joħloq “differenza” skont jekk dan l-użu huwiex effettwat minn kull utent li hu “ċittadin fiżiku għall-użu privat u għal skopijiet li huma direttament u l-anqas indirettament kummerċjali,” skont il-formula tal-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id-direttiva.

33.      Dak li l-qorti tar-rinviju tistaqsi ma huwiex għalhekk jekk huwiex possibbli li jiġu applikati l-parametri stabbiliti bl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 fil-kuntest ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2)(a) ta’ din id-direttiva, iżda iktar preċiżament u iktar eżattament, jekk id‑Direttiva 2001/29 tippermettix jew, jekk ikun il-każ timponix, sa fejn il-kumpens ġust għandu jiġi stabbilit skont id-danni subiti mid‑detenturi tad-drittijiet minħabba l-fatt tar-riproduzzjoni mwettqa, modulazzjoni tal-kumpens ġust miġbur minħabba r-reprografija fuq l-użu ta’ apparat ta’ stampar multifunzjonali, irrispettivament minn jekk ir-riproduzzjoni tkun twettqet minn persuna fiżika u għall-finijiet privati jew minn kwalunkwe persuna oħra għal finijiet oħra.

34.      Fi kliem ieħor, huwa f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi, finalment u strettament, u jekk ikun il-każ sa fejn, id-Direttiva 2001/29 tippermetti jew timponi lill-Istati Membri li, wara li ddeċidew li jimplementaw l-eċċezzjoni ta’ reprografija msemmija fl‑Artikolu 5(2)(a) u, bħal fil-kawża prinċipali, jistabbilixxu l-ġbir ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa u remunerazzjoni proporzjonali fuq l-użu ta’ apparat ta’ stampar multifunzjonali sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni, li jiġi kkunsidrat f’kull każ il-fatt li dan l-apparat ta’ stampar huwa użat minn persuni fiżiċi għal użu privat jew le.

B –    Fuq l-eżistenza ta’ obbligu ta’ ġbir differenzjat tal-kumpens ġust skont l-użu tal-apparat ta’ stampar multifunzjonali

35.      Għandu jiftakar, qabelxejn, li skont l-Artikolu 5(2) tad‑Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom sempliċement il‑fakultà, u mhux l-obbligu, li jimplementaw fid-dritt nazzjonali tagħhom l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għal dritt esklużiv tar‑riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti mid-dritt tal-awtur previst fl‑Artikolu 2 tal-istess direttiva, elenkati fl-Artikolu 5(2) u (3) tagħha, fosthom l-eċċezzjoni ta’ reprografija msemmija fl-Artikolu 5(2)(a) u l‑eċċezzjoni ta’ kopja privata msemmija fl-Artikolu 5(2)(b).

36.      Meta dawn l-istess Stati Membri jiddeċiedu li jistabbilixxu l‑eċċezzjoni ta’ reprografija jew l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, madankollu huma obbligati li jipprevedu, skont l-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29, il-ħlas ta’ kumpens ġust għall-benefiċċju tad-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni (16).

37.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ kumpens ġust, element neċessarju komuni fl-eċċezzjoni ta’ reprografija u ta’ kopja privata, għandu jiġi kkunsidrat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal‑Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha (17). Dan jimplika li, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jintroduċu l-eċċezzjoni ta’ reprografija jew l-eċċezzjoni ta’ kopja privata, huma ma humiex liberi li jippreċiżaw il-parametri tal-kumpens ġust, element essenzjali, b’mod inkoerenti u mhux armonizzat (18).

38.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li peress li d‑Direttiva 2001/29 ma tirregolax espliċitament il-kwistjoni, l-Istati Membri kellhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni sabiex jiddefinixxu, b’osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, l-elementi differenti tas-sistema ta’ kumpens ġust li huma għalhekk għandhom jistabbilixxu, b’mod partikolari sabiex jistabbilixxu l-persuni li għandhom iħallsu dan il-kumpens, kif ukoll il-forma, il-modalitajiet u l-livell tal-imsemmi kumpens (19).

39.      Madankollu, kif irrilevat kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja, il‑kumpens ġust għandu jkun ikkalkolat abbażi tal‑preġudizzju, potenzjali (20) jew reali, subit mid-detenturi tad-dritt tal-awtur minħabba l-introduzzjoni tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata (21).

40.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-linji gwida fundamentali li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju.

41.      F’dan il-każ, għandhom jiġu osservati qabelxejn il-karatteristiċi tal‑eċċezzjoni ta’ reprografija u tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata li huma ddefiniti rispettivament fl-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29, ibbażati fuq kriterji kontrastanti ferm (22). L-eċċezzjoni ta’ reprografija hija “ddefinita” skont il-mezz ta’ riproduzzjoni (“fuq karta jew mezz simili”) u mezzi ta’ riproduzzjoni użati (“kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti”) filwaqt li l‑eċċezzjoni ta’ kopja privata mwettqa hija ddefinita skont il-mezz ta’ riproduzzjoni (“kull mezz”), iżda b’mod partikolari skont l-identità tal‑awtur tar-riproduzzjoni (“ċittadin fiżiku”) u l-għan li jrid jintlaħaq mir-riproduzzjoni (“għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament jew indirettament kummerċjali”).

42.      Dawn il-preċiżjonijiet ma humiex verament kriterji ta’ definizzjoni taż-żewġ eċċezzjonijiet, iżda huma pjuttost elementi li jippermettu li jkunu ddefiniti l-karatteristiċi tal-qasam rispettiv tagħhom u li għalhekk jiddeterminaw sa ċertu punt, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae u ratione materiae, iżda f’termini u skont modalitajiet differenti ħafna.

43.      L-Artikolu 5(2)(b)tad-Direttiva 2001/29, li ma huwiex ikkontestat fil-kawża prinċipali, essenzjalment jiddefinixxi hekk, filwaqt li jillimitah doppjament, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal‑eċċezzjoni ta’ kopja privata. Huma biss il-persuni fiżiċi li huma awtorizzati sabiex jirriproduċu xogħlijiet protetti fil-kuntest ta’ kopja privata, u dana biss għall-użu privat tagħhom u għal skopijiet mhux direttament jew indirettament kummerċjali. Konsegwentement, il‑kumpens ġust, li għandu jingħata f’kull każ ta’ riproduzzjoni ta’ xogħol protett, b’dan il-mod u mingħajr eċċezzjoni, ma jistax jinġabar ħlief minn dawn tal-aħħar. Din id-dispożizzjoni ma tillimitax, min-naħa l-oħra, tal-inqas b’mod espliċitu, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata. Hija tillimita ruħha sabiex tippreċiża, f’dan ir-rigward, li hija għandha tiġi applikata jkun xi jkun il‑mezz ta’ riproduzzjoni użat. Fil-verità, fil-fatt, kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-Artikolu 5(2)(a) tad‑Direttiva 2001/29, li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata għar-riproduzzjonijiet diġitali biss.

44.      L-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, li huwa l-uniku wieħed ikkontestat fil-kawża prinċipali, min-naħa tiegħu jiddefinixxi essenzjalment, filwaqt li jillimittah triplament, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-eċċezzjoni ta’ reprografija u, bħala konsegwenza u b’mod negattiv, lill-eċċezzjoni ta’ kopja privata. Huma biss ir‑riproduzzjonijiet fuq karta jew mezz simili mwettqa permezz ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor, ħlief il-mużika, li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni ta’ reprografija.

45.      Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni stess tal‑Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 tistabbilixxi distinzjoni bejn il-mezz ta’ riproduzzjoni, jiġifieri l-karta jew mezz ieħor simili u l‑metodu użat għall-finijiet ta’ din ir-riproduzzjoni, jiġifieri kull xorta ta’ teknika fotografika jew xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti (23).

46.      Il-mezz ta’ riproduzzjoni għandu jkun il-karta, espliċitament imsemmija, jew “sottostrat ieħor li għandu jkollu kwalitajiet simili, jiġifieri kumparabbli u ekwivalenti għal dawk tal-karta” (24), li jeskludi kull mezz ta’ riproduzzjoni mhux analoġiku, jiġifieri b’mod partikolari, diġitali (25).

47.      Il-mezz li jippermetti riproduzzjoni fuq karta jew fuq mezz simili ma jirreferix biss għat-teknika fotografika, iżda wkoll għal “xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti”, jiġifieri kwalunkwe mezz ieħor li jippermetti li jkun hemm riżultat simili għal dak miksub bit-teknika fotografika, jiġifieri r-rappreżentazzjoni analoġika ta’ xogħol jew ta’ materjal ieħor protett (26). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ippreċiżat li l‑eċċezzjoni kkonċernata ma hijiex ibbażata fuq it-teknika użata iżda pjuttost fuq ir-riżultat li jrid jintlaħaq (27).

48.      B’hekk mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi dedott li l-użu ta’ fotokopjar ta’ apparat ta’ stampar multifunzjonali, li jippermetti r-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti fuq karta, jaqa’ taħt l‑eċċezzjoni ta’ reprografija msemmija fl-Artikolu 5(2)(a) tad‑Direttiva 2001/29, filwaqt li l-funzjoni tagħhom ta’ skenjar, li tippermetti r-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti b’mezz elettroniku, jiġifieri d-diġitalizzazzjoni ta’ xogħlijiet ippubblikati fuq karta, tista’ taqa’ taħt l-eċċezzjoni ta’ kopja privata msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) ta’ din id‑direttiva. Madankollu, u kif diġà rrilevajt (28), dan l-aspett tal-problematika ma jaqax fil-kamp tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li din l-ipoteżi ma kinitx maħsuba mil-leġiżlatur nazzjonali, tal-inqas qabel l-emenda tal-31 ta’ Diċembru 2012, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2013, wara li l-kawża tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

49.      L-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, min-naħa l-oħra, ma jinkludi l-ebda limitazzjoni dwar il-kwalità tal-persuna li tagħmel ir‑riproduzzjoni jew għal liema għan din ir-riproduzzjoni qed isseħħ. Konsegwentement, il-kumpens ġust li għalih għandha twassal kull riproduzzjoni ta’ xogħol protett, mingħajr eċċezzjoni, skont l‑eċċezzjoni ta’ reprografija, għandu bħala regola jiġi kkunsidrat skont il-persuna li qed twettaq din ir-riproduzzjoni (29).

50.      Jirriżulta mill-analiżi preċedenti, li l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprovdix espliċitament, li hija d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas jipprojbixxi formalment lill‑Istati Membri li għażlu li jimplementaw l-eċċezzjoni ta’ reprografija, li jorganizzaw il-ġbir tal-kumpens ġust dovut għall-użu ta’ apparat ta’ stampar multifunzjonali għall-finijiet ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti skont il-għan li għalih ir-riproduzzjoni hija mwettqa u l-kwalità tal-persuna li qed teffettwa din ir-riproduzzjoni.

51.      B’mod partikolari għandu jiġi enfasizzat li ma għandhiex tingħata risposta lakonika għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju li modulazzjoni bħal din hija eskluża peress li l-Artikolu 5(2)(a) tad‑Direttiva 2001/29, differenti mill-Artikolu 5(2)(b), ma jagħmilx distinzjoni bejn il-kwalità tal-persuna li teffettwa r-riproduzzjoni u l‑għan li għalih saret, skont, fil-qosor, il-massima li ma hemmx bżonn tagħmel distinzjoni jekk il-liġi ma tagħmilhiex (ubi lex non distinguit, nec nos distinguere debemus).

52.      L-ewwel konklużjoni li għaliha twassalni din l-analiżi hija li l‑Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jistabbilixxu sistema’ ta’ ġbir ta’ tariffi sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust skont l-eċċezzjoni ta’ reprografija fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 fuq l‑apparat ta’ stampar multifunzjonali u/jew l-użu tagħhom li jkun iddifferenzjat skont il-kwalità tal-persuna li tużahom u/jew il-għan li għalih ikunu użati.

53.      It-tieni konklużjoni li tista’ tinġibed hija li lanqas huwa permissibbli li l-Istati Membri jistabbilixxu tali sistema ddifferenzjata, sa fejn, madankollu, l-imsemmi kumpens jibqa’ relatat mad-dannu subit mid-detenturi tad-drittijiet minħabba l-introduzzjoni ta’ din l-eċċezzjoni, li timplika li tali differenzjazzjoni tistrieħ fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji (30), kif jirriżulta b’mod iktar preċiż mill-eżami tat-tieni domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju magħmul hawn taħt.

54.      Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall‑ewwel domanda billi tiddikjara li l-Artikolu 5(2)(a) tad‑Direttiva 2001/29 għandu jkun interpretat fis-sens li ma jimponix iżda jippermetti lill-Istati Membri li jistabbilixxu sistema ta’ ġbir ta’ tariffi, intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust skont l-eċċezzjoni ta’ reprografija prevista f’din id-dispożizzjoni, fuq l-apparat ta’ stampar multifunzjonali u/jew l-użu tiegħu skont il-kwalità tal-persuna li tużahom u/jew l-għan li għalih huma użati, sa fejn, minn naħa, dan il‑kumpens jibqa’ relatat mad-dannu subit mid-detenturi tad‑drittijiet minħabba l-introduzzjoni ta’ din l-eċċezzjoni u, min-naħa l‑oħra, li tali differenzjazzjoni hija bbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

V –    Fuq l-iffissar ta’ remunerazzjonijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa u proporzjonali intiżi sabiex jiffinanzjaw il-kumpens ġust (it-tieni domanda)

55.      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lil Stat Membru li jistabbilixxi, għall‑finijiet ta’ finanzjament tal-kumpens ġust mitlub minn dawn id-dispożizzjonijiet, sistema doppja ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa u proporzjonali li tippreżenta l-karatteristiċi ta’ dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, partikolarment fir-rigward tal-bilanċ ġust li huma għandhomx jiżguraw bejn l-interessi tal-persuni differenti kkonċernati.

56.      Qabel ma tingħata risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar‑rinviju għandhom jitfakkru l-karatteristiċi prinċipali tar‑remunerazzjonijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa u proporzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imbagħad jingħataw l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju.

A –    L-elementi prinċipali tas-sistema Belġjana ta’ remunerazzjonijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa u proporzjonali

57.      Ir-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti skont l-eċċezzjoni ta’ reprografija prevista fl-Artikolu 22(1)(4) tal-LDA tagħti dritt lill-awturi u lill-edituri (31) ta’ xogħlijiet fuq mezz diġitali jew analogu għal kumpens ġust iffinanzjat minn remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa, prevista fl-Artikolu 59 tal-LDA, u minn remunerazzjoni proporzjonali, prevista fl-Artikolu 60 tal-LDA.

58.      Ir-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa titħallas mill‑produttur, mill-importatur jew mix-xerrej intra-Komunitarju ta’ apparat li jippermetti l-ikkuppjar ta’ xogħlijiet protetti, meta dan l-apparat jitqiegħed għaċ-ċirkulazzjoni fit-territorju nazzjonali. L‑Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997 jiddefinixxi l‑importatur u x-xerrej intra-Komunitarju bħala importaturi u xerrejja li l-attività kummerċjali tagħhom tikkonsisti f’distribuzzjoni ta’ apparat. L-ammont tagħha, stabbilit bl-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tat‑30 ta’ Ottubru 1997, huwa bbażat fuq il-ħeffa massima ta’ kkuppjar iswed fuq l-abjad tal-apparat ikkunsidrat. L-ammont tal-apparat ta’ stampar multifunzjonali tat-tip bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali (20 sa 39 kopja fil-minuta) huwa ta’ EUR 195.60.

59.      Ir-remunerazzjoni proporzjonali hija dovuta mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jagħmlu kopji ta’ xogħlijiet protetti jew jekk ikun il-każ, minflok il-persuni fiżiċi, minn dawk li għandhom apparat ta’ riproduzzjoni għad-dispożizzjoni ta’ oħrajn, bi ħlas jew b’xejn (32), fil-mument tat-twettiq tal-kopja tax-xogħol protett (33). L-ammont huwa kkalkolat skont in-numru ta’ kopji effettwati b’kull apparat u b’tariffa li tvarja skont il-kooperazzjoni tad-debitur fil‑mument tal-ħlas tagħha, stabbilita bħala EUR 0.0201 għal kull kopja ta’ xogħol protett jekk id-debitur ikun ikkoopera u bħala EUR 0.0334 jekk id-debitur ma jkunx ikkoopera (34).

60.      Din il-kooperazzjoni hija ddefinita fl-Artikoli 10 sa 12 tad‑Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997, li jagħmlu distinzjoni bejn il‑kooperazzjoni standardizzata, applikabbli għall-istabbilimenti edukattivi jew ta’ self pubbliku (35) tal-kooperazzjoni ġenerali, applikabbli għad-detenturi l-oħra (36), tkun xi tkun il-kwalità tagħhom (37), skont modalitajiet li jvarjaw skont il-kriterji speċifiċi tal-Artikolu 12(3) tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997.

61.      Biex ikun meqjus li kkoopera, id-debitur tar-remunerazzjoni proporzjonali għandu, partikolarment u b’mod ġenerali, ikun issodisfa l‑obbligi ta’ dikjarazzjoni għall-perijodu kkunsidrat mill-kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet u ħallas is-somma provviżorja li tikkorrispondi man-numru ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti ddikjarati (kooperazzjoni ġenerali) jew man-numru ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti stabbilit abbażi ta’ tabella standardizzata (kooperazzjoni standardizzata).

B –    Spjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju

62.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza qabelxejn, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kumpens ġust għandu neċessarjament ikun ikkalkolat abbażi ta’ kriterju ta’ dannu kkawżat lill-awturi ta’ xogħlijiet protetti bl-introduzzjoni tal-eċċezzjoni. Minkejja li huwa nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li s-sempliċi kapaċità tal-apparat li jagħmel kopji huwa suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni ta’ kumpens ġust, hija tqis li l-kwistjoni dwar sa fejn huwa possibbli, mingħajr ma tkun arbitrarja, li tistabbilixxi tali kumpens, għadha ma hijiex deċiża.

63.      Barra minn hekk, hija tindika li, peress li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji l-iktar rilevanti sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta’ kumpens ġust, mingħajr ma jinjoraw li dan ma jistax ikun disassoċjat minn elementi li jikkostitwixxu d-dannu, tkun il-kwistjoni dwar il-fakultà jew l-obbligu tagħhom li ma jipprevedu ebda kumpens jekk id-dannu jkun minimu.

64.      Filwaqt li mbagħad tgħaddi sabiex teżamina l-leġiżlazzjoni Belġjana, hija tikkonstata li kienet il-ħeffa massima ta’ kkuppjar iswed fuq l-abjad kull minuta li ġiet ikkunsidrata bħala l-kriterju l-iktar rilevanti, u mhux jekk l-użu kienx se jkun domestiku jew kummerċjali jew il-karatteristiċi tekniċi tal-apparat, bħad-diversità tal-funzjonijiet tiegħu. Hija tosserva wkoll li, jekk ir‑remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa ma tistax taqbeż ċertu perċentwali tal-prezz tal-iskeners, kull riferiment għall-prezz tal-apparat huwa eskluż għall-apparat l-ieħor, u b’mod partikolari għall‑apparat ta’ stampar multifunzjonali, fil-konfront ta’ liema huwa applikabbli l-ammont l-iktar għoli li jista’ jiġi applikat.

65.      Il-qorti tar-rinviju tikkonkludi minn dawn l-argumenti li huwa permissibbli li jiġi mistoqsi jekk il-ġbir mill-apparat ta’ stampar multifunzjonali ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa, imħallsa mill-produtturi, mill-importaturi u mix-xerrejja, akkumulata ma’ dik ta’ remunerazzjoni proporzjonali, imħallsa mill-utenti tagħhom, huwiex ikbar mill-kumpens tad-dannu li jirriżulta mill-użu ta’ dan l-apparat tal-istampar, jekk dan huwa ġust u jekk dan jirrispetta l-bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi tad-detenturi tad-dritt tal-awtur u tal-utenti tax-xogħlijiet protetti.

C –    Analiżi

1.      Fuq l-ammissibbiltà

66.      Ma hemmx lok li ndumu wisq fuq l-ammissibbiltà tat-tieni domanda preliminari, ikkontestata minn Reprobel, li ma tħalli ebda dubju. Ċertament, il-kawża prinċipali tikkonċerna prinċipalment il‑produtturi ta’ apparat ta’ stampar multifunzjonali li, f’din il-kwalità, għandhomx iħallsu biss ir-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa u mhux ir-remunerazzjoni proporzjonali. Madankollu jibqa’ l-fatt, li t‑tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda ż-żewġ remunerazzjonijiet ikkunsidrati b’mod individwali u s-sistema ta’ remunerazzjoni doppja kollha kemm hi.

2.      Fuq il-mertu

67.      Għandu l-ewwel nett jitfakkar li, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u għall-motivi esposti hawn fuq, ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2)(b)tad-Direttiva 2001/29.

68.      Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-eċċezzjoni ta’ kopja privata, imsemmija fl‑Artikolu 5(2)(b)tad-Direttiva 2001/29, hija trasponibbli, b’analoġija, għall-eċċezzjoni ta’ reprografija, imsemmija fl-Artikolu 5(2)(a) tal-istess direttiva, b’rispett tad-dritt fundamentali ta’ ugwaljanza fit‑trattament stabbilit bl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (38).

69.      F’dan il-każ, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kumpens ġust għandu l-għan li jikkumpensa b’mod adegwat lid‑detenturi tad-dritt tal-awtur għar-riproduzzjoni mwettqa, mingħajr awtorizzazzjoni tagħhom, ta’ xogħlijiet protetti, b’tali mod li għandu jitqies bħala l-kontroparti tad-dannu subit minn dawn id-detenturi u li jirriżulta mill-att ta’ riproduzzjoni (39). Għalhekk, neċessarjament għandu jkun ikkalkolat abbażi tal-kriterju tad-dannu kkawżat lid-detenturi tad‑dritt tal-awtur bl-introduzzjoni tal-eċċezzjoni inkwistjoni, f’dan il-każ, l-eċċezzjoni ta’ reprografija (40).

70.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, sa fejn id‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 ma jirregolawx b’mod espliċitu din il-kwistjoni, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jistabbilixxu l-forma, il-modalitajiet ta’ finanzjament u ta’ ġbir kif ukoll il-livell possibbli ta’ dan il-kumpens (41).

71.      Huwa għalhekk b’mod partikolari f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw, fit-territorju tagħhom, il-kriterji l-iktar rilevanti sabiex jiżguraw, fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, l-osservanza tal-istess direttiva, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari għal kull każ (42). F’dan ir-rigward, għandu jkun ippreċiżat li dan ma jimplikax li l-Istati Membri huma obbligati li “jagħżlu”, minn fost kriterji li fuq kollox ma humiex determinati, dawk li huma l-iktar rilevanti, iżda sempliċement li jappartjenu lilhom, fl-osservanza tal-għanijiet tad-Direttiva 2001/29 u, b’mod iktar wiesa’ tad-dritt tal-Unjoni, li jistabbilixxu kriterji li huma jikkunsidraw rilevanti.

72.      Barra minn hekk, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/29 ma jirregolawx b’mod espliċitu il-kwistjoni tad-debitur tal-kumpens ġust, b’tali mod li l-Istati Membri jiddisponu wkoll minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dan ir-rigward (43), bħala regola, hija l-persuna li kkawżat tali dannu, jiġifieri dik li għamlet riproduzzjoni tax-xogħol protett mingħajr ma talbet awtorizzazzjoni minn qabel tad-detentur tad‑drittijiet, li għandha tikkumpensa għad-dannu subit, billi tiffinanzja l‑kumpens ġust li għandu jitħallas lil dan id-detentur (44).

73.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, irrikonoxxiet li fil-prattika jista’ jkun diffiċli tidentifika l-persuni li, bl‑atti ta’ riproduzzjoni tagħhom, jikkawżaw dannu lid-detenturi tad‑dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni u jobbligawhom sabiex jikkumpensaw lil dawn id-detenturi (45). Hija enfasizzat, min-naħa l‑oħra li, d-dannu li jista’ jitwettaq minn kull użu privat, ikkunsidrat individwalment, jista’ jkun minimu u, għalhekk, jista’ ma jagħtix lok għal obbligu ta’ ħlas, skont l-aħħar sentenza tal-premessa 35 tad‑Direttiva 2001/29 (46).

74.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li huwa permissibbli li l-Istati Membri jistabbilixxu, għall-finijiet ta’ finanzjament tal-kumpens ġust skont eċċezzjoni waħda jew oħra, remunerazzjoni li titħallas mhux mill-utenti tat-tagħmir u apparat ta’ riproduzzjoni li jwettqu riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti li jikkawżaw dannu lid-detenturi tad-drittijiet, iżda mill-persuni li jiddisponu minn dawn tal-aħħar u li, f’dan ir-rigward, fid-dritt jew fil‑fatt, ipoġġuhom għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-utenti jew jagħtu servizz ta’ riproduzzjoni lil dawn tal-aħħar (47).

75.      Madankollu, sabiex tiżgura bilanċ ġust bejn l-interessi tad‑detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni u dawk tal-utenti ta’ tagħmir u apparat, tali sistema għandha, l-ewwel nett, tippermetti lill‑persuni responsabbli mill-ħlas li jinkludu l-ammont ta’ din ir‑remunerazzjoni fil-prezz tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti tal‑istess tagħmir u apparat jew fil-prezz tas-servizz tar-riproduzzjoni mogħti, b’tali mod li dawn l-utenti jassumu definittivament il-ħlas tar‑remunerazzjoni (48). Hija għandha, sussegwentement, tkun ibbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta neċessarja bejn l-applikazzjoni tar‑remunerazzjoni tal-imsemmi apparat u tagħmir u l-użu ta’ dan tal‑aħħar għall-finijiet ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti (49), li tista’ timplika l-bżonn li jkun żgurat dritt għar-rimbors ta’ kull remunerazzjoni possibbilment imħallsa indebitament, li jkun effettiv u li ma jagħmilx ir-restituzzjoni tal-ħlas eċċessivament diffiċli (50).

76.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet li għandha tingħata risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, filwaqt li tiġi eżaminata qabelxejn, b’mod separat ir-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa u sussegwentement ir-remunerazzjoni proporzjonali fihom infushom, imbagħad is-sistema ta’ kumpens ġust kollha kemm hi. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li, meħuda separatament, ir-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa u r-remunerazzjoni proporzjonali tikkorrispondi għar-rekwiżiti mfakkra iktar ’il fuq, iżda li, jekk jittieħdu flimkien u b’mod kumulattiv, ikunu sproporzjonati u jkissru “il-bilanċ ġust” li għandu jinstab bejn l-interessi tad-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni u dawk tal-utenti ta’ tagħmir jew apparat ta’ reprografija.

77.      F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li ż-żewg remunerazzjonijiet, li huma intiżi sabiex jiffinanzjaw il-kumpens ġust mitlub mill-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, madankollu huma bbażati fuq loġika kompletament differenti. Ir-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa, li hija miġbura fuq l-apparat jew it-tagħmir ta’ reprografija, tistrieħ fuq evalwazzjoni ta’ dannu potenzjali li l-użu ta’ dawn tal-aħħar jista’ jikkawża lid-detenturi tad-drittijiet u għalhekk evalwazzjoni ex ante tal-kapaċità tagħhom li jikkawżaw tali dannu. Ir‑remunerazzjoni proporzjonali, min-naħa l-oħra, li hija miġbura fuq ir‑riproduzzjonijiet iddikjarati ta’ xogħlijiet protetti, tistrieħ fuq id‑determinazzjoni tad-dannu reali li dawn tal-aħħar jikkawżaw lid‑detenturi tad-drittijiet u għalhekk fuq kwantifikazzjoni ex post ta’ dannu effettiv ikkawżat lil dawn id-detenturi.

a)      Fuq ir-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa

78.      Ir-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa stabbilita mil‑leġiżlazzjoni Belġjana tippreżenta żewġ karatteristiċi prinċipali. Minn naħa, din hija mħallsa kemm mill-produtturi, kif ukoll mill-importaturi, u mix-xerrejja ta’ tagħmir u ta’ apparat ta’ reprografija, fosthom l-apparat ta’ stampar multifunzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-mument li jitqiegħdu fiċ-ċirkulazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-ammont tagħha huwa evalwat skont dannu potenzjali li l-użu ta’ tagħmir u apparat għall-finijiet ta’ riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti jista’ jikkawża lid-detenturi tad-drittijiet, dannu fih innifsu evalwat skont il-ħeffa massima ta’ kkuppjar iswed fuq l-abjad kull minuta.

79.      Ir-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa għalhekk għandha tiġi analizzata essenzjalment bħala tariffa fuq il-bejgħ ta’ kull tagħmir u apparat li jista’ jwassal għal reprografija ta’ xogħlijiet protetti, li hija indirettament miġbura mingħand ix-xerrejja tagħhom. Fil-fatt, għandu jkun irrilevat li ma huwiex ikkontestat li l-produtturi, l-importaturi u x-xerrejja intra‑Komunitarji ta’ dan it-tagħmir u apparat ta’ reprografija, deskritti bħala dawk li għandhom jiġbru l-ħlas tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa, jistgħu jżidu l-ammont tagħha mal-prezz tal-bejgħ tagħhom, b’tali mod li din tkun definittivament dejjem imħallsa mix‑xerrejja finali, jiġifieri jew mill-persuni li jistgħu jużawhom biex jagħmlu riproduzzjoni, b’mod partikolari ta’ xogħlijiet protetti, jew inkella minn persuni li jpoġġuhom ghad-dispożizzjoni ta’ tali persuni fil-qasam tas-servizzi ta’ reprografija u li jistgħu huma stess iżidu l‑ammont fil-prezz tal-imsemmija servizzi.

80.      Kif ġie rrilevat mill-Gvern Belġjan u dak Awstrijak, jista’ jiġi kkunsidrat li d-determinazzjoni ta’ tali remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa hija ġġustifikata bl-eżistenza ta’ diffikultajiet prattiċi oġġettivi sabiex jiġu identifikati l-persuni li jwettqu r-reprografiji ta’ xogħlijiet protetti u sabiex jiġu obbligati jħallsu l-kumpens ġust.

81.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l‑leġiżlazzjoni Belġjana tipprevedi ukoll remunerazzjoni proporzjonali miġbura fuq l-użu effettiv ta’ tagħmir u apparat ta’ reprografija ma għandux jikkostitwixxi, fih nnifsu, il-prova li l-iffissar tar-remunerazzjoni fil‑forma ta’ somma f’daqqa ma tkunx iġġustifikata, inkwantu turi n‑nuqqas ta’ kwalunkwe diffikultà prattika sabiex jinġabar kumpens ġust għar-reprografija ta’ xogħlijiet protetti. Għall-kuntrarju, hija differenti, il-kwistjoni dwar id-duwalità tas-sistema ta’ kumpens ġust implementata mil-leġiżlatur Belġjan, jiġifieri l-kumulu tar‑remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa u tar-remunerazzjoni proporzjonali, jissodisfa r-rekwiżit tal-bilanċ ġust mitlub mid‑Direttiva 2001/29, li ser neżamina hawn taħt.

82.      Jibqa’ l-fatt li r-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa stabbilita mil-leġiżlazzjoni Belġjana għandha tiżgura l-bilanċ ġust mitlub mid-Direttiva 2001/29, li timplika eżami triplu.

83.      Dan il-bilanċ ġust ma jistax, fl-ewwel lok, ikun żgurat ħlief jekk teżisti rabta neċessarja bejn l-applikazzjoni ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa fuq it-tagħmir u l-apparat ta’ reprografija u l-użu preżunt ta’ dawn tal-aħħar għal finijiet ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti.

84.      F’dan il-każ, peress li r-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa hija effettivament miġbura meta jitpoġġa fiċ-ċirkulazzjoni l-apparat u t-tagħmir kollu li jista’ jiġi użat għall-finijiet tar-reprografija ta’ xogħlijiet protetti, fis-sens tal-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/2009, bħala regola għandu jiġi preżunt li tali rabta hija stabbilita. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tenfasizzah f’kuntest ieħor, il-persuni li jkunu akkwistaw apparat ta’ stampar multifunzjonali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali leġittimament huma preżunti li jibbenefikaw minnhom b’mod sħiħ u b’hekk li jisfruttaw il-funzjonijiet kollha, b’tali mod li s-sempliċi kapaċità tagħhom li jwettqu reprografiji hija biżżejjed sabiex tiġġustifika l-applikazzjoni tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa (51).

85.      Fit-tieni lok, il-bilanċ ġust mitlub mid-Direttiva 2001/29 jimplika wkoll li għandu jiġi eżaminat jekk il-livelli differenti ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Belġjana jibqgħux fil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

86.      Ċertament, kif ġie mfakkar hawn fuq, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jistabbilixxu, b’mod partikolari, il-livell tal-kumpens ġust mitlub skont l-eċċezzjoni ta’ reprografija. Madankollu, id-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri ma hijiex mingħajr limiti. Huma għandhom jużaw kriterji rilevanti, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari għal kull każ (52), u jiżguraw li l-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom ma għandux effett negattiv fuq il-funzjonament tas-suq intern u b’hekk ma jikkawżax preġudizzju għall-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid‑Direttiva 2001/29 (53). Sa fejn il-kumpens ġust u s-sistema li fuqha huwa jistrieħ għandhom ikunu marbuta mad-dannu kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet minħabba r-riproduzzjonijiet mwettqa, l-ammont tiegħu għandu, bħala regola, ikun iffissat mill-awtoritajiet kompetenti b’teħid inkunsiderazzjoni tal-importanza relatata mal-kapaċità tal-apparat jew tat-tagħmir li jwettaq riproduzzjonijiet tax-xogħlijiet protetti (54).

87.      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk it‑tariffi differenti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Belġjana, li huma fi skala skont il-ħeffa massima ta’ kkuppjar iswed fuq l-abjad kull minuta ta’ kopjaturi u li, fil-każ tal-apparat ta’ stampar multifunzjoni, jistgħu jilħqu t-triplu tal-prezz tal-bejgħ tagħhom, għandhom rapport raġonevoli ta’ proporzjonalità mad-dannu potenzjali minn dak li jirrappreżenta l-bejgħ ta’ dan l-apparat.

88.      F’dan ir-rigward, huwa minnu li, kif sostna l-Gvern Belġjan, il‑kriterju tal-ħeffa massima ta’ kkuppjar iswed fuq l-abjad kull minuta ta’ kopjaturi, li fuqu huma bbażati t-tariffi differenti tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa huwa kriterju li, sa ċertu punt, jieħu inkunsiderazzjoni b’mod oġġettiv il-kapaċità tad-dannu potenzjali ta’ dawn tal-aħħar. Huwa wkoll minnu, għall-kuntrarju, li l‑prezz tal-apparat jew tat-tagħmir ma huwiex element oġġettiv li permezz tiegħu tittieħed inkunsiderazzjoni din il-kapaċità.

89.      Madankollu lanqas huwa inqas veru li d-dannu potenzjali li jirriżulta mix-xiri ta’ apparat ta’ stampar multifunzjonali minn persuna fiżika bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-użu personali tagħha ma huwa bl-ebda mod komparabbli mad-dannu potenzjali li jirriżulta mix-xiri tal-istess apparat ta’ stampar minn persuna ġuridika, bħal librerija pubblika, għall-finijiet tal-użu tagħha mill-ħaddiema jew inkella, u a fortiori, li titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Fl-istess ħin, skont il-ħeffa tal-kopji komparabbli, il-kapaċità tad-dannu potenzjali ta’ apparat ta’ stampar multifunzjonali ma huwiex, fid-dawl b’mod partikolari tad-diversità tal-funzjonijiet tiegħu u tal-użu tiegħu, ma hijiex komparabbli ma’ dik ta’ magna speċjalment iddisinjata għall‑produzzjoni ta’ fotokopji bil-massa.

90.      Il-bilanċ ġust mitlub mid-Direttiva 2001/29, li jimplika li l‑livell tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa ma għandux ikun kompletament disassoċjat mill-elementi li jikkostitwixxu d-dannu kkawżat mid-detenturi tad-drittijiet (55), ikun mingħajr dubju ggarantit aħjar, jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni, flimkien mal-kriterju tal-ħeffa tal-kopja, elementi oħra oġġettivament evalwabbli, bħan-natura jew l‑użu tal-apparat jew tat-tagħmir mqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni, speċifikatament imsemmija, iżda imwarrba, mill-Gvern Belġjan fl‑osservazzjonijiet tiegħu.

91.      Tal-inqas, l-evalwazzjoni mil-leġiżlatur tal-kapaċità tad-dannu potenzjali tal-apparat u tat-tagħmir ta’ reprografija għandha tistrieħ fuq elementi oħra, oġġettivi u reali, b’mod partikolari ta’ natura statistika, sabiex tiġi stabbilita ċerta korrispondenza bejn it-tariffi differenti tar‑remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa u l-importanza tad‑dannu potenzjali proprju ta’ kull tip ta’ tagħmir u apparat.

92.      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat li t-tariffa applikabbli għall‑apparat ta’ stampar multifunzjonali, li kapaċi jipproduċu 20 sa 39 kopja iswed fuq l-abjad kull minuta, jiġifieri EUR 195.60, meta mqabbla mat-tariffa tar-remunerazzjoni proporzjonali applikata għal kull kopja ta’ xogħol protett għal persuna li tkun ikkooperat, jiġifieri EUR 0.0201, tissarraf fit-twettiq ta’ madwar 9731 kopja ta’ xogħlijiet protteti. Il-Gvern Belġjan ma pprovda ebda indikazzjoni preċiża li tista’ “tagħmel kredibbli” l-probabbiltà reali li l-użu minn persuna fiżika ta’ apparat ta’ stampar multifunzjonali għall-użu privat tagħha jista’ jikkawża dannu ta’ ċertu sinjifikat.

93.      F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li l-Gvern Belġjan sostna li l-iffissar tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa kienet tistrieħ fuq studji preliminari li ttieħdu inkunsiderazzjoni fir-rapport tar-Re qabel id-Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997. F’dan il-każ, dan ir‑rapport jipprovdi xi statistika ta’ dak iż-żmien dwar it-tipi differenti ta’ apparat u tagħmir ta’ reprografija suġġetti għar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa, filwaqt li jiddistingwi bejn il-kopjaturi, it‑telekopjaturi, id-duplikaturi u l-apparat offset filwaqt li jindika, għal kull tip, in-numru ta’ apparat użat, il-prezz medju tal-bejgħ tiegħu u n‑numru ta’ kopji li jistgħu jagħmlu. Barra minn hekk, huwa jispjega li “l-ammont tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa hija adattata skont l-użu effettiv tal-apparat fis-suq”, abbażi, essenzjalment “tal‑informazzjoni pprovduta mir-rappreżentanti tal-produtturi”. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni tal-użu tal-apparat madankollu huwa rifless biss fil-klassifikazzjoni tal-kopjaturi f’seba’ kategoriji ddefiniti skont il-ħeffa ta’ kkuppjar iswed fuq l-abjad kull minuta.

94.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex studji li l‑kumpannija ta’ ġestjoni tad-drittijiet kellha tagħmel perjodikament skont l-Artikolu 26(1) tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997, u li kellhom jiġbru ċertu informazzjoni statistika preċiża, b’mod partikolari dwar il-volum ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mwettqa u t-tqassim tagħhom skont is-settur ta’ attività.

95.      Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li, fi kwalunkwe każ, għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża. Hija trid qabelxejn tevalwa r‑rilevanza tal-kriterju ddefinit mil-leġiżlatur sabiex jiddetermina t‑tariffi tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa u tiġbed il‑konklużjonijiet minnu. Sussegwentement, hija għandha tevalwa jekk it-tariffi differenti tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa jistgħux ikunu kkunsidrati bħala raġonevoli meta mqabbla mas-sinjifikat tad-dannu potenzjali kkawżat lid-detenturi tad-drittijiet bit-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tal-apparat ta’ stampar multifunzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

96.      Il-bilanċ ġust mitlub mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jimplika, finalment u fit-tielet lok, li għandu jiġi evalwat jekk ir-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa għandhiex, fi kwalunkwe każ, tkun akkumpanjata mill-possibbiltà li tikseb il-ħlas lura tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa possibbilment imħallas indebitament (56).

97.      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha, sal-lum, ma stabbilixxietx tali rekwiżit ta’ rimbors ħlief f’kuntest partikolari, f’dan il-każ dak ta’ tariffa miġbura mill-bejgħ ta’ mezzi ta’ riproduzzjoni skont l-eċċezzjoni ta’ kopja privata msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29. Is-sitwazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali ma hijiex totalment assimilabbli għal dik inkwistjoni fil-kawża Amazon.com International Sales et.

98.      Ċertament, bħall-mezzi ta’ riproduzzjoni inkwistjoni f’dan l‑aħħar każ, l-apparat ta’ stampar multifunzjonali jintuża, min-natura tiegħu stess, għal affarijiet differenti ferm, fosthom uħud, bħall-istampar ta’ dokumenti personali, li huma totalment differenti mir-reprografija ta’ xogħlijiet protetti. Għalhekk, ikun kuntrarju għall-bilanċ ġust mitlub mid-Direttiva 2001/2009 jekk persuni li jużaw tali apparat ta’ stampar għal finijiet differenti minn dik ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti jintalbu jħallsu tali remunerazzjoni.

99.      Madankollu, għandu jiġi protett ukoll il-ħsieb li l-kamp tal-eċċezzjoni ta’ kopja privata, kif tfakkar fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel domanda preliminari, huwa iktar limitat ratione personae minn dak tal‑eċċezzjoni ta’ reprografija. L-eċċezzjoni ta’ kopja privata tibbenefika biss lill-persuni fiżiċi li jixtiequ jagħmlu kopji ta’ xogħlijiet protetti għal għanijiet privati, b’tali mod li jkun relattivament sempliċi li tiġi stabbilita sistema ta’ tariffa għal kull kopja privata fuq kull mezz ta’ rrekordjar akkumpanjat minn mekkaniżmu li jippermetti rimbors lil persuni li leġittimament jitolbuh.

100. Għall-kuntrarju, ir-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti skont l‑eċċezzjoni ta’ reprografija għandha, bħala regola, twassal għal kumpens ġust tkun min tkun il-persuna li tkun wettqitha. Kif sostna l‑Gvern Awstrijak, il-kontroll tal-użu tal-apparat ta’ stampar multifunzjonali għall-finijiet ta’ riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti minn kull persuna, fiżika jew ġuridika, li tkun akkwistatu jiltaqa’ ma’ diffikultajiet prattiċi kunsiderevoli li huma preċiżament dawk abbażi tal-ammissibbiltà anki ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa.

101. Konsegwentement, il-fatt li r-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa ma hijiex akkumpanjata minn mekkaniżmu ta’ rimbors ma għandux ikun ikkunsidrat fih nnifsu bħala li jikkawża preġudizzju għall-bilanċ ġust mitlub mid-Direttiva 2001/29. Għall-kuntrarju, ħaġa kompletament differenti hija l-kwistjoni dwar jekk l-assenza ta’ mekkaniżmu ta’ rimbors tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa lill-persuni mitluba jħallsu r-remunerazzjoni proporzjonali tistax titqies bħala li tista’ tikkawża preġudizzju għal tali mekkaniżmu, kwistjoni li ser neżamina hawn taħt.

b)      Fuq ir-remunerazzjoni proporzjonali

102. Ir-remunerazzjoni proporzjonali stabbilita mil-leġiżlazzjoni Belġjana hija ppreżentata essenzjalment bħala tariffa fuq l-użu jew l‑operat effettiv ta’ dan it-tagħmir u apparat li jista’ jagħmel reprografija ta’ xogħlijiet protetti, bħall-apparat ta’ stampar multifunzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-ammont tagħha huwa, bħala regola, stabbilit skont id-dannu reali li dan l-użu jew operat ikun effettivament ikkawża lid-detenturi ta’ drittijiet. Fil-fatt, hija tkun jew direttament imħallsa mix-xerrejja/utenti tat-tagħmir jew tal-apparat ta’ reprografija li jagħmel riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti, jew tinġabar mingħand dawn tal-aħħar mill-persuni li jpoġġu tali tagħmir u apparat għad-dispożizzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-ammont huwa stabbilit, fl-iskadenza, abbażi ta’ dikjarazzjonijiet kemm tal-utenti tat-tagħmir u tal‑apparat ta’ reprografija, dikjarazzjoni li tippreċiża n-numru ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti mwettaq fil-perijodu kkunsidrat u li tagħti l-informazzjoni meħtieġa f’dan ir-rigward.

103. Jista’ jkun, għalhekk li prima facie jkun ikkunsidrat li, peress li r‑remunerazzjoni proporzjonali titpoġġa b’hekk direttament jew indirettament fuq l-utenti ta’ tagħmir u apparat tar-reprografija pro rata mar-riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti li huma jagħmlu, il‑leġiżlazzjoni Belġjana tiżgura ħlas ġust kemm għad-detenturi tad‑drittijiet kif ukoll għal dawn l-utenti tal-kumpens meħtieġ mid‑Direttiva 2001/29 u jissodisfa għalhekk ir-rekwiżiti ta’ bilanċ ġust mitluba minn din tal-aħħar.

104. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-remunerazzjoni proporzjonali joħloq dibattitu bejn il-partijiet. Il-Gvern Belġjan fil-fatt isostni li ma titħallasx mill-utenti individwali ta’ tagħmir u ta’ apparat ta’ reprografija, mingħajr ma tipprovdi l-elementi li jiġġustifikaw affirmazzjoni li ma tirriżultax mil‑leġiżlazzjoni Belġjana. Waqt is-seduta Reprobel ikkonfermat li r‑remunerazzjoni proporzjonali ma kinitx mitluba ħlief għall-utenti l‑kbar u għall-copy shops, jiġifieri għall-professjonisti li jagħmlu użu b’mod sinjifikattiv ta’ kopji, filwaqt li ppreċiżat li l-ġbir tagħha mingħand individwi jkun impossibbli, peress li prattikament kif ukoll ġuridikament, is-sorveljanza li din kieku timplika tikser id-dritt għar‑rispett tal-ħajja privata. Skont Epson, min-naħa l-oħra, din għandha tkun applikata mingħajr distinzjoni skont l-utent u l-għanijiet tar-riproduzzjoni.

105. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ma hijiex il-Qorti tal‑Ġustizzja li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali, b’tali mod li tista’ biss tirrinvija lill-qorti tar-rinviju l-kompitu li teżamina dan il-punt, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu d-debituri tal-kumpens ġust, il-konklużjoni li għaliha tasal f’dan ir-rigward ma għandux ikollha effetti ħlief fuq l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-kumulu ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa u ta’ remunerazzjoni proporzjonali mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/29.

106. Madankollu, huma l-modalitajiet sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta’ remunerazzjoni proporzjonali, li jvarjaw skont il-kooperazzjoni tal‑utent, li prinċipalment jitolbu attenzjoni. Epson u l-Kummissjoni jsostnu b’mod partikolari li din il-kooperazzjoni hija mingħajr rabta mad-dannu, b’tali mod li r-remunerazzjoni proporzjonali hija sproporzjonata u tkisser il-bilanċ ġust mitlub mid-Direttiva 2001/29.

107. F’dan ir-rigward, għandu jerġa’ jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jistabbilixxu l-ammont tal-kumpens ġust kif ukoll il-modalitajiet għall-ġbir tiegħu. Xorta jibqa’ l-fatt li d-differenza tat-tariffa applikata għad-debituri tar‑remunerazzjoni proporzjonali skont dawn jikkooperawx jew le fil‑ġbir għandu jkun iġġustifikat bi kriterju oġġettiv, raġonevoli u proporzjonat għall-għan li għandu jintlaħaq.

108. F’dan il-każ, ir-remunerazzjoni proporzjonali, li għandha bħala għan li tiffinanzja l-kumpens ġust mitlub mill-Artikolu 5(2)(a) tad‑Direttiva 2001/28, tistrieħ fuq l-iffissar tan-numru ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti li jkunu twettqu mill-utenti ta’ tagħmir u ta’ apparat ta’ reprografija f’perijodu stipulat u għalhekk marbuta strettament mal‑kooperazzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

109. Fir-rigward tal-għan tiegħu, tal-mezzi li jistgħu jiġu implementati legalment sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan kif ukoll tal-ispejjeż li din l‑implementazzjoni tista’ tiġġenera, ma jidhirx li l-modulazzjoni tal‑ammont tar-remunerazzjoni proporzjonali miġbur fuq kull riproduzzjoni skont il-kooperazzjoni tal-imsemmija utenti hija, fiha nnifisha, totalment arbitrarja jew manifestament mingħajr raġuni.

110. Madankollu, il-Gvern Belġjan ma pprovda l-ebda spjegazzjoni dwar l-elementi li jistgħu jiġġustifikaw id-differenza, id-doppju, bejn l‑ammonti applikati. Ma hemm xejn la fl-LDA, la fid-Digriet Irjali tat‑30 ta’ Ottubru 1997, u lanqas fir-rapport tar-Re li sar qabel dan id‑digriet li tista’ b’mod partikolari tipprova turi li din id‑differenza hija oġġettivament iġġustifikata mill-ispejjeż supplimentari inerenti fil-ġbir tar-remunerazzjoni proporzjonali fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni tad-debitur, punt li madankollu ġie rrilevat mill-Kunsill tal-Istat fl-avviż tiegħu tad-9 ta’ Lulju 1997 dwar l-abbozz tad-Digriet Irjali finalment adottat fit-30 ta’ Ottubru 1997 (57).

111. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, skont l‑ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Belġjan, jekk din id-differenza fl-ammont hijiex oġġettivament ġġustifikata u proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq.

c)      Fuq is-sistema ta’ remunerazzjoni doppja kollha kemm hi

112. Għad trid tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk id-Direttiva 2001/29 għandhiex tiġi interpretata li tipprekludi s-sistema doppja ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa u ta’ remunerazzjoni proporzjonali stabbilita mil-leġiżlatur Belġjan. Iktar preċiżament għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk jistax ikun ikkunsidrat leġittimu, fir-rigward tal-eżiġenzi ta’ bilanċ ġust mitluba mid‑Direttiva 2001/29, li jinġabru, b’mod kumulattiv, remunerazzjoni proporzjonali mingħand persuni li jużaw tagħmir jew apparat ta’ reprografija, ikkalkolat skont in-numru ta’ kopji ta’ xogħlijiet protetti li huma jkunu effettivament wettqu waqt perijodu ta’ żmien stipulat, u għalhekk mitluba sabiex jipprovdu kumpens għad-dannu reali u effettivament subit mid-detenturi tad-drittijiet, meta dawn l-istess persuni jitqiesu li diġà ħallsu, direttament jew indirettament, ir‑remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa, miġbura fil-mument tax-xiri tat-tagħmir jew tal-apparat użat.

113. F’dan ir-rigward, għandu immedjatament jitfakkar li, kif jirriżulta mill-argumenti preċedenti, huwa, bħala regola, permissibbli għall-Istati Membri, sa fejn kemm il-modalitajiet ta’ ġbir kif ukoll l-ammont tal‑kumpens ġust jaqgħu fil-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom, li jiffinanzjaw il-kumpens ġust skont l-eċċezzjoni ta’ reprografija billi jirċievu kemm remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa kemm remunerazzjoni proporzjonali, sa fejn huma ma jikkawżawx preġudizzju għall-bilanċ ġust bejn l-interessi tad-detenturi tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni u dawk tal-utenti ta’ tagħmir u ta’ apparat ta’ reprografija mitluba mid-Direttiva 2001/29.

114. Għall-kuntrarju, il-ġbir akkumulat, mingħand l-istess persuna, tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa minħabba l-akkwist ta’ tagħmir jew ta’ apparat ta’ reprografija u tar-remunerazzjoni proporzjonali minħabba l-użu effettiv ta’ dan it-tagħmir jew ta’ dan l-apparat għall-finijiet ta’ riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti ma huwiex, bħala regola, ammissibbli fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ bilanċ ġust mitlub mid‑Direttiva 2001/29 (58).

115. Fil-fatt, peress li l-leġiżlazzjoni Belġjana tipprevedi l-ġbir ta’ remunerazzjoni proporzjonali, intiża sabiex tikkorrispondi mad-dannu reali subit mid-detenturi ta’ drittijiet minħabba l-użu effettiv tat-tagħmir u tal-apparat ta’ reprografija għall-finijiet ta’ riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti, il-ġbir mingħand l-istess persuna ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa addizzjonali, li tikkorrispondi mad-dannu potenzjali li l-bejgħ ta’ dan l-istess tagħmir u apparat huwa meqjus li jikkawża lid‑detenturi ta’ drittijiet, ma jistax bħala prinċipju jitqies bħala li jissodisfa r-rekwiżit tal-bilanċ ġust meħtieġ mid-Direttiva 2001/29.

116. Fil-fatt, jekk huwa minnu li, hekk kif diġà ġie ripetutament enfasizzat (59), l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ biex jiddeterminaw il-forma, il-modalitajiet ta’ finanzjament u l-livell eventwali ta’ kumpens ġust mitlub mid-Direttiva 2001/29, l-eżerċizzju tal-poter rikonoxxut lilhom ma huwiex mingħajr limitu u għandu fi kwalunkwe każ jiggarantixxi r-rispett tal-bilanċ ġust mitlub minn din id-direttiva. Il-leġiżlatur nazzjonali ma jistax, b’mod partikolari, jeżerċita dik is-setgħa bi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jew b’mod arbitrarju. Madankollu meta impona f’ċerti ċirkustanzi lill-persuni li jużaw, għar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti, it-tagħmir jew l-apparat ta’ reprografija li huma jkunu akkwistaw, l-obbligu li sussegwentement iħallsu, mingħajr prekawzjonijiet oħra, remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa u remunerazzjoni proporzjonali, il-leġiżlatur Belġjan kiser, mingħajr ġustifikazzjoni, il-bilanċ ġust li huwa r-responsabbiltà tiegħu li jżomm, bejn id-drittijiet u l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u dawk ta’ dawn il-persuni.

117. Definittivament, din ir-remunerazzjoni proporzjonali, tiżgura bl-aħjar mod il-bilanċ ġust mitlub mid-Direttiva 2001/29, sa fejn hija stabbilita skont id-dannu reali u effettivament subit mid‑detenturi ta’ drittijiet, ma għandhiex tinġabar, ħlief jekk ikun stabbilit li l-ammont tagħha huwa ffissat billi tittieħed inkunsiderazzjoni r-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa diġà mħallsa jew bil‑kundizzjoni li d-debitur tagħha jista’ jikseb ir-rimbors tar‑remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa li huwa ħallas direttament meta akkwista t-tagħmir jew l-apparat ta’ reprografija użat, fl-istess ħin jew a posteriori, jiġifieri t-tnaqqis tal-ammont li huwa indirettament ħallas bis-saħħa ta’ din ir-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa.

118. Kull soluzzjoni kuntrarja timplika, fil-fatt, kważi neċessarjament li l-istess persuna tintalab sabiex tħallas darbtejn il-kumpens ġust mitlub mill‑Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, ħaġa li ma hijiex konformi mal-bilanċ ġust mitlub minn din tal-aħħar. Ma huwiex allegat u ma hemm xejn fil-proċess li jippermetti lill‑Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-verifiki meħtieġa f’dan ir-rigward u tislet minnhom il-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom.

d)      Konklużjonijiet

119. L-argumenti preċedenti jwassluni għat-tliet konklużjonijiet li ġejjin.

120. L-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala regola, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi, għall-finijiet ta’ finanzjament tal-kumpens ġust dovut skont l-eċċezzjoni ta’ reprografija skont din id-dispożizzjoni, il-ġbir ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa meta tagħmir u apparat ta’ reprografija jitpoġġa fiċ-ċirkulazzjoni mingħand il-produtturi, l-importaturi jew ix-xerrejja tagħhom, sa fejn, l-ewwel nett, din tinġabar b’mod koerenti u mhux diskriminatorju, it-tieni nett, dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jittrażmettu dan l-ammont li huma responsabbli għalih lill-utenti ta’ dan it-tagħmir u apparat u, it‑tielet nett, li l-ammont ikun raġonevoli meta mqabbel mad-daqs tad‑dannu potenzjali li dan it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni jista’ jikkawża lid-detenturi tad-drittijiet, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar‑rinviju.

121. L-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala regola, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, għall-finijiet ta’ finanzjament tal-kumpens ġust dovut skont l-eċċezzjoni ta’ reprografija skont din id-dispożizzjoni, il-ġbir, mingħand persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jużaw tagħmir u apparat ta’ reprografija għall-finijiet ta’ riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti jew minflok dawn tal-ewwel mingħand dawk li jpoġġu tali tagħmir u apparat għad-dispożizzjoni ta’ oħrajn, remunerazzjoni proporzjonali stabbilita bil-multiplikazzjoni tan‑numru ta’ riproduzzjonijiet mwettqa b’tariffa waħda jew iktar, sa fejn, l-ewwel nett, din ir-remunerazzjoni tinġabar b’mod koerenti u mhux diskriminatorju, u t-tieni nett, li d-differenza tat-tariffi applikati tistrieħ fuq kriterji oġġettivi, raġonevoli u proporzjonati, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

122. L-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li timponi, għall-finijiet tal-finanzjament tal‑kumpens ġust dovut skont l-eċċezzjoni ta’ reprografija li hija tipprevedi, il-ġbir suċċessiv u kumulattiv, mingħand l-istess persuna, ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa fuq l-akkwist ta’ tagħmir jew apparat ta’ reprografija, imbagħad remunerazzjoni proporzjonali fuq l-użu għall-finijiet ta’ riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti, mingħajr ma jittieħed effettivament inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tar‑remunerazzjoni proporzjonali, l-ammont imħallas bħala remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa jew mingħajr ma tingħata l-possibbiltà lil din il-persuna li tikseb il-ħlas lura jew it-tnaqqis tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa mħallsa.

VI – Fuq il-benefiċjarji tal-kumpens (it-tielet domanda)

123. Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri jagħtu nofs il-kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni lill-edituri tax-xogħlijiet ikkrejati mill-awturi, mingħajr obbligu fuq dawn tal-ewwel li jagħtu lil tal-aħħar, anki b’mod indirett, parti minn dan il-kumpens.

124. Skont l-Artikolu 2(a) tagħha, id-Direttiva 2001/29 tipprevedi, għall-awturi, biss, id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu r‑riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti, tax-xogħlijiet tagħhom.

125. Għalhekk l-edituri ma humiex fost id-detenturi tad-dritt esklużiv tar-riproduzzjoni protett bid-Direttiva 2001/29, b’differenza, pereżempju, tal-produtturi ta’ fonogrammi jew tal-produtturi tal-ewwel iffissar ta’ films, rispettivament imsemmija fl-Artikolu 2(c) u (d) ta’ din id‑direttiva, li fil-konfront tagħhom l-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimidja huwa meqjus kunsiderevoli u għalhekk ta’ natura li jiġġustifika protezzjoni ġuridika xierqa (60).

126. Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29 jirriserva għall-awturi, biss, id-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, b’bejgħ jew mod ieħor, tal-oriġinal tax-xogħlijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom.

127. L-edituri ma għandhomx għalhekk, bħala regola, ikunu l‑benefiċjarji tal-kumpens ġust skont l-eċċezzjonijiet għall-imsemmi dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni previsti fl-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad‑Direttiva 2001/29, li għandu jitħallas biss lid-detenturi ta’ drittijiet msemmija fl-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jew, tal-inqas għandu jitħallas biss lil dawn tal-aħħar jew lill-aventi kawża tagħhom.

128. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja effettivament iddeċidiet li d‑Direttiva 2001/29 ma timponix fuq l-Istati Membri li jħallsu lid‑detenturi ta’ drittijiet jew lill-aventi kawża tagħhom il-kumpens ġust kollu f’kontanti u lanqas ma tipprekludihom milli jipprevedu, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li huma għandhom, li parti minn dan l-istess kumpens tingħata fil-forma ta’ kumpens indirett, permezz ta’ stabbilimenti soċjali u kulturali mwaqqfa għall-benefiċċju tagħhom, sa fejn dawn l-istituzzjonijiet ikunu effettivament ta’ benefiċċju għalihom u sa fejn il-mod ta’ kif jiffunzjonaw ma jkunx diskriminatorju (61).

129. Tali sistema ta’ ġbir indirett tal-kumpens ġust tissodisfa wieħed mill-għanijiet tal-protezzjoni ġuridika xierqa tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali previsti mid-Direttiva 2001/29, li huwa, kif jirriżulta mill‑premessi 10 u 11 tagħha, li jiġi żgurat li l-kreattività u l‑produzzjoni kulturali Ewropej jirċievu r-riżorsi meħtieġa li jippermettulhom it-tkomplija tax-xogħol artistiku u kreattiv tagħhom, kif ukoll li tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza u d-dinjità tal-oriġinaturi u tal-artisti kreattivi (62).

130. Madankollu, l-edituri ma huma bl-ebda mod assimilabbli ma’ stabbilimenti soċjali u kulturali mwaqqfa għall-benefiċċju tal-awturi u bl-ebda mod ma ġie allegat u lanqas a fortiori muri, li r-remunerazzjoni mħallsa lill-edituri kienet ta’ benefiċċju, finalment, u effettivament għall-awturi.

131. Għaldaqstant, l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-Istati Membri jagħtu parti mill‑kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni lill-edituri ta’ xogħlijiet ikkrejati mill-awturi, mingħajr obbligu għall-edituri li jagħtu benefiċċju, anki jekk b’mod indirett, lill-awturi minn din il-parti.

132. Madankollu, skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern Belġjan u Reprobel, ir-remunerazzjoni li titħallas lill-edituri hija kumpens sui generis li ġiet stabbilita mil-leġiżlatur Belġjan barra mid‑Direttiva 2001/29, għal raġunijiet speċifiċi ta’ politika kulturali.

133. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-Gvern Belġjan bl-ebda mod ma jsostni li dan il-kumpens ġust sui generis jaqa’ fil-premessa 36 tad-Direttiva 2001/29 (63), li tagħti kumpens, pereżempju, għad-dannu li jirriżulta minn “atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni magħmula minn libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet jew arkivji li għandhom aċċess mill-pubbliku, li mhumiex għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett” imsemmi fl-Artikolu 5(2)(c) ta’ din id‑direttiva.

134. Għandu jiġi enfasizzat, sussegwentement, li l-interpretazzjoni tal‑leġiżlazzjoni Belġjana kif difiża minn Reprobel u mill-Gvern Belġjan, li ma toħroġx mid-deċiżjoni tar-rinviju, tistrieħ essenzjalment fuq ix-xogħol preparatorju tad-Digriet Irjali tat-30 Ottubru 1997. Ir‑rapport tar-Re li ħareġ qabel dan id-Digriet Irjali jindika, fil-fatt (64), fil-punt 2.1 tiegħu, li d-detenturi oriġinali tad-dritt għal remunerazzjoni huma l-awturi u l-edituri, filwaqt li l-awtur huwa ddefinit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tal-LDA bħala l-persuna fiżika li kkrejat ix‑xogħol. Huwa jispeċifika wkoll li, jekk l-LDA ma tiddefinixxix l-editur, hija tirrikonoxxielu dritt ta’ remunerazzjoni ab initio, li ma jistax jiġi assimilat ma’ dritt tal-awtur.

135. Jista’ wkoll jiġi osservat li, fl-avviż tiegħu tad-9 ta’ Lulju 1997 fuq l-abbozz ta’ Digriet Irjali finalment adottat fit-30 ta’ Ottubru 1997, il-Kunsill tal-Istat, min-naħa tiegħu, sempliċement irrileva li r‑remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 59 tal-LDA, dovuta minħabba r‑riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti, għandha titħallas lill-awturi u lill-edituri li x-xogħlijiet tagħhom effettivament ġew riprodotti u tinqasam indaqs bejn l-awturi u l-edituri, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 61 tal‑LDA.

136. Għalhekk, il-leġiżlatur Belġjan, permezz tal-Artikoli 59 sa 61 tal‑LDA, stabbilixxa favur l-awturi l-kumpens ġust previst fl‑Artikolu5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29, u minn naħa l-oħra, stabbilixxa favur l-edituri remunerazzjoni speċifika, bit-tnejn li huma jitħallsu fl‑istess ħin u bl-istess modalitajiet.

137. Fid-dawl ta’ dawn l-allegazzjonijiet, għandu jitfakkar li, fil‑kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha la tinterpreta d-dritt nazzjonali u lanqas, a fortiori, li tevalwa l-veraċità tal-interpretazzjoni minn Stat Membru tad‑dritt nazzjonali tiegħu. Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxix remunerazzjoni proprja għall-edituri, distinta mill-kumpens ġust dovut lill-awturi skont l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29.

138. F’din il-perspettiva, għandu jiġi kkunsidrat li t-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju qed tistaqsi dwar jekk id-Direttiva 2001/29 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi li l-Istati Membri jistabbilixxu, lil hinn mid-dispożizzjonijiet tagħha, remunerazzjoni speċifika għall-benefiċċju tal-edituri ta’ xogħlijiet protetti bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

139. Jiena nqis li din id-domanda titlob, bħala regola, risposta negattiva, madankollu permezz ta’ spjegazzjoni.

140. Fil-fatt, id-Direttiva 2001/29 li, kif l-isem tagħha stess juri, tarmonizza biss ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, ma fiha ebda dispożizzjoni li tipprekludi fid-dritt lill-Istati Membri li jistabbilixxu remunerazzjoni speċifika għall-benefiċċju tal-edituri bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, intiża sabiex tikkumpensa d-dannu li dawn tal-aħħar jsofru minħabba l-bejgħ u l-użu ta’ tagħmir u ta’ apparat ta’ reprografija.

141. Ma jistax ikun possibbilment mod ieħor ħlief li fil-każ fejn ikun stabbilit li l-introduzzjoni ta’ din ir-remunerazzjoni speċifika għall‑benefiċċju tal-edituri taffettwa b’mod negattiv il-kumpens ġust dovut lill-awturi skont id-Direttiva 2001/29. Filwaqt li jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jistabbilixxu, b’mod partikolari, l-ammont tal-kumpens ġust previst fl-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess ma jirriżultax u ma ġiex allegat li l-ġbir u l-ħlas tar-remunerazzjoni speċifika għall-edituri kien qed isir għad-detriment tal-kumpens ġust dovut lill-awturi.

142. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-verifiki meħtieġa f’dan ir-rigward.

143. Għalhekk, id-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix li l-Istati Membri jistabbilixxu remunerazzjoni speċifika għall-benefiċċju tal-edituri, intiża sabiex tikkumpensa għad-dannu li dawn tal-aħħar isofru minħabba l-bejgħ u l-użu ta’ tagħmir u ta’ apparat ta’ reprografija, sa fejn il-ġbir u l-ħlas ta’ din ir-remunerazzjoni ma jsirx għad-detriment tal-kumpens ġust dovut lill-awturi skont l-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/29. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-verifiki meħtieġa f’dan ir-rigward.

VII – Fuq il-ġbir tal-kumpens ġust fuq il-mużika (ir-raba’ domanda)

144. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri li jistabbilixxu sistema ta’ ġbir tal-kumpens ġust li tista’ tkopri l-ikkuppjar tal-mużika fuq il-karta u ta’ riproduzzjonijiet foloz.

145. Ir-risposta għal din id-domanda tirrikjedi li ssir distinzjoni bejn ir-reprografija tal-mużika u r-reprografija ta’ riproduzzjonijiet foloz.

146. Fil-fatt, u qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha ACI Adam et (65), tiddikjara li l-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29, moqri flimkien mal-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tagħmilx distinzjoni bejn is-sitwazzjoni fejn is-sors, li minnu saret riproduzzjoni għal użu privat, huwa legali minn dik fejn is-sors huwa illegali. Din is‑sentenza ġiet ikkonfermata bis-sentenza Copydan Båndkopi (66). Jiena nikkunsidra, b’analoġija u għall-istess raġunijiet, li l-Artikolu (5)(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat bl-istess mod f’dawk li jirrigwarda r-reprografija ta’ riproduzzjonijiet foloz.

147. Sussegwentement, l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 jeskludi espressament il-mużika mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ reprografija. Id-Direttiva 2001/29 ma għandhiex, għalhekk, u dan għal raġunijiet essenzjalment identiċi għal dawk użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Copydan Båndkopi (67), tiġi interpretata li tippermetti lill-Istati Membri li jimplementaw sistema ta’ ġbir tal-kumpens ġust li jista’ jkopri l-ikkuppjar tal-mużika fuq il-karta.

148. Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li l-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu sistema ta’ ġbir tal-kumpens ġust li tista’ tkopri l-ikkuppjar tal-mużika fuq il-karta u ta’ riproduzzjonijiet foloz.

VIII – Konklużjoni

149. Konsegwentement, jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall-erba’ domandi preliminari magħmula mill-Cour d’appel ta’ Brussell billi tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad‑drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix iżda jippermetti lill-Istati Membri li jistabbilixxu sistema ta’ ġbir ta’ tariffa, intiża sabiex tiffinanzja l-kumpens ġust skont l-eċċezzjoni ta’ reprografija prevista f’din id-dispożizzjoni, fuq l-apparat ta’ stampar multifunzjonali u/jew l-użu tiegħu skont il-kwalità tal-persuna li tużahom u/jew l-għan li għalih huma użati, sa fejn, minn naħa, dan il-kumpens jibqa’ relatat mad-dannu subit mid-detenturi tad‑drittijiet minħabba l-introduzzjoni ta’ din l-eċċezzjoni u, min-naħa l-oħra, li tali differenzjazzjoni tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji

2)      L-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala regola, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi, għall‑finijiet ta’ finanzjament tal-kumpens ġust dovut skont l‑eċċezzjoni ta’ reprografija skont din id-dispożizzjoni:

–        ew il-ġbir ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa fuq it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ tagħmir u apparat ta’ reprografija mingħand il-produtturi, l-importaturi jew ix-xerrejja tagħhom, sa fejn, l-ewwel nett, din tinġabar b’mod koerenti u mhux diskriminatorju, it‑tieni nett, li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jittrażmettu dan l-ammont li huma responsabbli għalih lill-utenti ta’ dan it‑tagħmir u apparat u, it-tielet nett, li l-ammont ikun raġonevoli meta mqabbel mad-daqs tad-dannu potenzjali li dan it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni jista’ jikkawża lid-detenturi tad-drittijiet, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju;

–        jew il-ġbir, mingħand persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jużaw tagħmir u apparat ta’ reprografija għall-finijiet ta’ riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti jew minflok dawn tal-ewwel mingħand dawk li jpoġġu tali tagħmir u apparat għad-dispożizzjoni ta’ oħrajn, ta’ remunerazzjoni proporzjonali stabbilita bil-multiplikazzjoni tan-numru ta’ riproduzzjonijiet mwettqa b’tariffa waħda jew iktar, sa fejn, l-ewwel nett, din ir-remunerazzjoni tinġabar b’mod koerenti u mhux diskriminatorju, u t-tieni nett, li d‑differenza tat-tariffi applikati tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, raġonevoli u proporzjonati, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

L-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 għandu, għall-kuntrarju, jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi, għall-finijiet tal‑finanzjament tal-kumpens ġust dovut skont l-eċċezzjoni ta’ reprografija li hija tipprevedi, il-ġbir suċċessiv u kumulattiv, mingħand l-istess persuna, ta’ remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa fuq l-akkwist ta’ tagħmir jew apparat ta’ reprografija, imbagħad remunerazzjoni proporzjonali fuq l-użu tiegħu għall-finijiet ta’ riproduzzjonijiet ta’ xogħlijiet protetti, mingħajr ma jittieħed effettivament inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tar‑remunerazzjoni proporzjonali, l-ammont imħallas bħala remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa jew mingħajr ma tingħata l-possibbiltà lil din il-persuna li tikseb il-ħlas lura jew it-tnaqqis tar-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa mħallsa.

3)      L-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-Istati Membri jagħtu parti mill‑kumpens ġust previst f’din id-dispożizzjoni lill-edituri ta’ xogħlijiet ikkrejati mill-awturi, mingħajr obbligu għall-edituri li jagħtu benefiċċju, anki jekk b’mod indirett, lill-awturi minn din il-parti.

Madankollu d-Direttiva 2001/29 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix li l-Istati Membri jistabbilixxu remunerazzjoni speċifika għall-benefiċċju tal-edituri, intiża sabiex tikkumpensa għad-dannu li dawn tal-aħħar isofru minħabba l-bejgħ u l-użu ta’ tagħmir u ta’ apparat ta’ reprografija, sa fejn il-ġbir u l-ħlas ta’ din ir-remunerazzjoni ma jsirx għad-detriment tal-kumpens ġust dovut lill-awturi skont l-Artikolu 5(2)(a) u (b) tad‑Direttiva 2001/29. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-verifiki meħtieġa f’dan ir-rigward.

4)      L-Artikolu 5(2)(a) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu sistema ta’ ġbir tal-kumpens ġust li tista’ tkopri l-ikkuppjar tal-mużika fuq il-karta u ta’ riproduzzjonijiet foloz.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


3Moniteur belge tas-27 ta’ Lulju 1994, p. 19297; iktar ’il quddiem l-“LDA”.


4 – Għandu jiġi nnotat li dawn id-dispożizzjonijiet ġew emendati bil-liġi li tirrigwarda dispożizzjonijiet differenti, speċjalment fil-qasam tal-ġustizzja tal-31 ta’ Diċembru 2012, Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 2012, p. 88936, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2013, wara li ġiet adita bil-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja.


5Moniteur belge tas-7 ta’ Novembru 1997, p. 29874; iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997”.


6 Iċ-ċifri huma dawk li jirriżultaw mill-opinjoni tad-Direttorat Ġenerali għall-Kontroll u għall-Organizzazzjoni tas-Suq, tal-4 ta’ Novembru 2012, dwar l-indiċjar awtomatiku tal-ammonti msemmija fid-Digriet Irjali, tat-30 ta’ Ottubru 1997, Moniteur belge tal-4 ta’ Novembru 2013, p. 83560.


7 Iktar ’il quddiem “HPB”.


8 Iktar ’il quddiem “Reprobel”.


9 – Iktar ’il quddiem “Epson”.


10 – Madankollu l-Irlanda tipproponi risposti biss għall-ewwel u t-tieni domandi preliminari.


11 – Madankollu l-Gvern Finlandiż jipproponi risposti biss għat-tielet u r-raba’ domandi preliminari.


12 – Każ ipoteżat mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:34, punt 40).


13 – F’dan ir-rigward, għandha ċertament issir distinzjoni bejn, minn naħa, ir‑riproduzzjoni tax-xogħlijiet protetti ċċirkulati taħt forma diġitali (ibooks jew xogħlijiet oħra ċċirkulati fuq CD, DVD jew fuq l-internet) u, min-naħa l-oħra, ir‑riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti ċċirkulati taħt forma analoga (kotba, clipboard), filwaqt li jiġi ppreċiżat li x-xogħol diġitali kkuppjat bħax-xogħol analogu diġitizzat ma huwiex legali ħlief meta jiġi awtorizzat mid-detentur tad-dritt jew jekk jaqgħu taħt xi waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mid-Direttiva 2001/29.


14 – Dwar dan il-punt ara, hawn taħt, il-punti 42 sa 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15 – Madankollu mir-Rapport Irjali li ppreċeda d-Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997, jirriżulta li din il-possibbiltà kienet diġà ttieħdet inkunsiderazzjoni.


16 – Ara, reċentement, is-sentenza Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 19), u l-ġurisprudenza ċċitata.


17 – Ara s-sentenza Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 33).


18 – Ara s-sentenzi Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 36), u ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 49).


19 – Ara, reċentement, is-sentenza Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punti 19, 20, 30 sa 41, 57 u 59), u l-ġurisprudenza ċċitata.


20 – Ara, b’mod partikolari, il-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll is-sentenza Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 39).


21 – Sentenzi Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 42); Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 47); ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 55), kif ukoll Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 21).


22 – Kif l-Avukat Ġenerali Sharpston kienet diġà rrilevat fil-konklużjonijiet tagħha VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:34, punt 39).


23 – Ara s-sentenza VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, Ġabra, EU:C:2013:426, punt 64).


24Ibidem, punt 65.


25Ibidem, punt 67.


26Ibidem, punt 68.


27Ibidem, punt 69.


28 – Ara l-punti 29 u 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


29 – Hawnhekk huwa importanti li jiġi rrilevat li hekk jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Belġjan.


30 – Dwar dan ir-rekwiżit, ara s-sentenza Copydan Båndkopi (C‑463/12, Ġabra EU:C:2015:144, punti 30 sa 41).


31 – It-tielet domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda preċiżament din id‑duwalità ta’ benefiċjarji tal-kumpens ġust.


32 – Ara l-Artikolu 60 tal-LDA, li għalih jirreferi l-Artikolu 1(14) tad-Digriet Irjali tat‑30 ta’ Ottubru 1997, li jiddefinixxi lid-debitur tar-remunerazzjoni proporzjonali.


33 – Ara l-Artikolu 15 tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997.


34 – Dawn it-tariffi huma rispettivament EUR 0.0251 u EUR 0.0151 għal kull kopja ta’ xogħol protett mwettaq permezz ta’ apparat użat minn stabbiliment ta’ tagħlim jew ta’ self pubbliku. Barra minn hekk, dawn it-tariffi huma rduppjati għall-kopji tal‑kulur.


35 – L-Artikolu 11 tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997. Dawn l-istabbilimenti huma ddefiniti fl-Artikolu 1(16) u (17) tal-imsemmi Digriet Irjali.


36 – Artikolu 12 tad-Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997.


37 – Ara l-ispjegazzjonijiet mogħtija fir-Rapport Irjali li ppreċeda d-Digriet Irjali tat-30 ta’ Ottubru 1997, Moniteur Belge, p. 29874, 29895.


38 – Sentenza VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426, punt 73).


39 – Ara s-sentenzi Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 39 u 40), u VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426, punt 75).


40 – Ara s-sentenzi Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 42) kif ukoll Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 47).


41 – Ara l-premessa 35 tad-Direttiva 2001/29 u s-sentenzi Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 37); Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 20), kif ukoll Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 20).


42 – Ara s-sentenza Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 21 u 22). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza VEWA (C‑271/10, EU:C:2011:442, punt 35.)


43 – Ara, għall-eċċezzjoni ta’ kopja privata, is-sentenzi Stichting de Thuiskopie (C‑462/09, EU:C:2011:397, punt 23) kif ukoll Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 20); għall-eċċezzjoni ta’ reprografija, is-sentenza VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426, punt 74).


44 – Ara s-sentenzi Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 44 u 45); Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 23), kif ukoll ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 51).


45 – Ara s-sentenzi Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 46); Stichting de Thuiskopie (C‑462/09, EU:C:2011:397, punt 27); Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 24), kif ukoll Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punt 23).


46 – Ara s-sentenza Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 46).


47 – Ara, għall-eċċezzjoni ta’ kopja privata, is-sentenzi Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 46 u 50); Stichting de Thuiskopie (C‑462/09, EU:C:2011:397, punti 27 u 29); Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punt 24); kif ukoll Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punti 23 u 43); għall-eċċezzjoni ta’ reprografija, is-sentenza VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426, punt 76).


48 – Ara, għall-eċċezzjoni ta’ kopja privata, is-sentenzi Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 46 u 49), Stichting de Thuiskopie (C‑462/09, EU:C:2011:397, punti 27 u 28); Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 24 u 25), kif ukoll ACI Adam et (C‑435/12, EU:C:2014:254, punt 52); għall-eċċezzjoni tar-reprografija, is-sentenza VG Wort et (C‑457/11 sa C‑460/11, EU:C:2013:426, punti 76 u 77).


49 – Ara, għall-eċċezzjoni ta’ kopja privata, is-sentenza Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 28 u 33).


50 – Ara s-sentenza Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 30 sa 34).


51 – Ara, b’analoġija mat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persuni fiżiċi ta’ mezzi ta’ rrekordjar li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti minħabba l‑kopja privata, is-sentenzi Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 54 sa 56); Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 41 u 42), kif ukoll Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punti 24 u 25).


52 – Ara s-sentenza Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 21 u 22).


53 – Ara, b’mod partikolari, il-premessa 31 tad-Direttiva 2001/29.


54 – Ara s-sentenza Copydan Båndkopi (C‑463/12, EU:C:2015:144, punti 21 u 27).


55 – Sabiex tintuża l-espressjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-konfront tal‑Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120); ara s-sentenza VEWA (C‑271/10, EU:C:2011:442, punt 37).


56 – Ara s-sentenza Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 30 sa 32).


57 – Ara l-kummentarju tal-Artikolu 6, Moniteur belge tas-7 ta’ Novembru 1997, p. 29910.


58 – Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Belġjan ma ressaq l-ebda prova li tista’ oġġettivament tiġġustifika li huma biss il-persuni ġuridiċi li huma obbligati jħallsu r-remunerazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa u r-remunerazzjoni proporzjonali kumulati, bid-differenza ta’ persuni fiżiċi, li ma humiex suġġetti li jħallsu r-remunerazzjoni proporzjonali.


59 Ara b’mod partikolari l-punti 38 u 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


60 – Ara l-premessa 10 tad-Direttiva 2001/29.


61 – Ara s-sentenza Amazon.com International Sales et (C‑521/11, EU:C:2013:515, punti 49, 50 u 53).


62Ibidem, punt 52.


63 – Din il-premessa tispjega li “[l]-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet ukoll meta japplikaw disposizzjonijiet mhux obbligatorji dwar eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li ma jinħteġux dan il‑kumpens”.


64 Ara, II – Mécanisme de la licence légale, punt 2.1, p. 29878.


65 – C-435/12, EU:C:2014:254, punti 20 sa 58.


66 – C-463/12, EU:C:2015:144, punti 74 sa 79.


67 – C-463/12, EU:C:2015:144, punti 74 sa 79.