Language of document : ECLI:EU:C:2012:693

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

8 ta’ Novembru 2012 (*)

“Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Tnaqqis fil-ħin tax-xogħol (‘Kurzarbeit’) – Tnaqqis tad-dritt għal-leave annwali mħallas fuq il-bażi ta’ tnaqqis fil-ħin tax-xogħol – Kumpens finanzjarju”

Fil-Kawżi magħquda C‑229/11 u C‑230/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Arbeitsgericht Passau (il-Ġermanja) permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ April 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Mejju 2011, fil-proċeduri

Alexander Heimann (C‑229/11),

Konstantin Toltschin (C‑230/11)

vs

Kaiser GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Ilešič, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, E. Levits (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal A. Heimann, minn R. Zuleger, avukat,

–        għal K. Toltschin, minn R. Zuleger, avukat,

–        għal Kaiser GmbH, minn C. Olschar, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, N. Graf Vitzthum u K. Petersen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawżi jinqatgħu mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 7 tad-Diretiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381, iktar ’il quddiem “id-Direttiva”).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn A. Heimann u K. Toltschin, rispettivament, u min kien iħaddimhom qabel, Kaiser GmbH (iktar ’il quddiem “Kaiser”), dwar id-dritt tal-persuni kkonċernati għal kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas li ma ttiħidx fir-rigward tas-snin 2009 u 2010.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 31 tal-Karta jipprovdi:

“Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa”

1.      Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

2.      Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.      Din id-Diretiva tapplika għal:

(a)      il-perjodi minimi [...] ta’ leave annwali [...]

[...]”

5        L-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Leave annwali”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

6        L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Ebda deroga ma hija ammessa fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.

 Id-dritt Ġermaniż

7        Il-Liġi Federali li tikkonċerna l-leave (Bundesurlaubsgesetz), tat-8 ta’ Jannar 1963 (BGBl. 1963, p. 2), fil-verżjoni emendata tagħha tas-7 ta’ Mejju 2002 (BGBl. 2002 I, p. 1529, iktar ’il quddiem il- “BUrlG”), tipprevedi, fl-Artikoli 1 u 3 tagħha, dritt għal-leave annwali mħallas ta’ mill-anqas 24 jum.

8        L-Artikolu 7(4) tal-BUrlG jipprovdi:

“Meta l-leave kollu jew parti minnu ma jkunx jista’ jingħata iktar minħabba t-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, il-ħaddiem għandu dritt għal kumpens finanzjarju.”

9        Abbażi tat-tielet sentenza tal-Artikolu 11(1) tal-BUrlG it-tnaqqis fis-salarju minħabba tnaqqis fil-ħin tax-xogħol, tkeċċija jew assenza involontarja ta’ ħaddiem matul il-perijodu ta’ referenza ma humiex meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tar-remunerazzjoni li għandu dritt għaliha l-ħaddiem matul il-leave mħallas tiegħu.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

10      A. Heimann u K. Toltschin kienu impjegati sa mill-2003 u l-1998 rispettivament minn Kaiser, impriża sottokuntrattata fl-industrija tal-karozzi li timpjega mijiet ta’ ħaddiema.

11      Minħabba diffikultajiet ekonomiċi, matul is-sena 2009 Kaiser iddeċidiet li tnaqqas l-impjegati tagħha. B’hekk, A. Heimann u K. Toltschin kienu ġew imkeċċija b’effett mit-30 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Awwissu 2009 rispettivament.

12      Matul ix-xahar ta’ Mejju 2009, Kaiser u l-kunsill tax-xogħol tagħha qablu fuq pjan soċjali.

13      Dan il-pjan soċjali kien jipprovdi għal estensjoni tal-kuntratti ta’ xogħol tal-ħaddiema mkeċċija għal sena mid-data tat-tkeċċija tagħhom, filwaqt li jissospendi, permezz ta’ “tnaqqis fil-ħin tax-xogħol għal żero sigħat ta’ xogħol” (“Kurzarbeit Null”), minn naħa, l-obbligu tal-ħaddiem li jaħdem u, min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ min iħaddem li jagħtih salarju.

14      Din l-estensjoni tal-kuntratti ta’ xogħol kellha bħala għan li tippermetti lill-ħaddiema kkonċernati li jirċievu għajnuna finanzjarja matul sena wara t-tkeċċija tagħhom. Fil-fatt, l-Aġenzija Federali għall-Impjiegi tagħti lill-ħaddiema, matul perijodu ta’ “tnaqqis fil-ħin tax-xogħol għal żero sigħat ta’ xogħol”, allokazzjoni msejħa “Kurzarbeitergeld”. Matul il-perijodu tat-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol, din l-allokazzjoni, ikkalkolata u mogħtija minn min iħaddem, tissostitwixxi s-salarju tal-ħaddiem ikkonċernat.

15      Meta, fit-30 ta’ Ġunju 2010, ġiet itterminata r-relazzjoni ta’ xogħol ta’ A. Heimann, dan tal-aħħar talab mingħand Kaiser il-ħlas tas-somma ta’ EUR 2 284.32 li tikkorrispondi għal kumpens finanzjarju li jirrigwarda ħmistax u għaxart ijiem ta’ leave annwali mħallsa li ma ttiħdux fis-snin 2009 u 2010 rispettivament.

16      K. Toltschin, li r-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu ġiet fi tmiemha fil-31 ta’ Awwissu 2010, invoka dritt għal kumpens finanzjarju li jikkorrispondi għal għaxar u tletin jum ta’ leave annwali mħallas li ma ttiħdux fis-snin 2009 u 2010 rispettivament, għas-somma totali ta’ EUR 2 962.60.

17      Kaiser issostni li, matul il-perijodu tal-“Kurzarbeit Null”, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma akkwistawx drittijiet għal-leave annwali mħallas.

18      Il-qorti tar-rinviju qiegħda tikkunsidra li tapplika r-regola pro rata temporis u li tassimila l-perijodu ta’ “Kurzarbeit Null” ma’ tnaqqis fl-obbligu li wieħed jaħdem li jirriżulta mill-bidla kuntrattwali ta’ xogħol full time għal xogħol b’sigħat imnaqqsa, li timplika tnaqqis tal-leave annwali mħallas li għalih għandu dritt il-ħaddiem fir-rigward tal-perijodu ta’ xogħol b’sigħat imnaqqsa.

19      Madankollu, minħabba li għandha dubji dwar il-konformità ta’ dan ir-raġunament mad-dritt tal-Unjoni, l-Arbeitsgericht Passau iddeċidiet li tissospendi l-kawżi quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 31(2) tal-[Karta] jew l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2003/88] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi li tipprovdi li, fil-każ fejn hemm tnaqqis tal-ġranet ta’ xogħol fil-ġimgħa minħabba applikazzjoni leġittima ta’ qgħad parzjali [tnaqqis fil-ħin tax-xogħol], id-dritt ta’ ħaddiem b’xogħol parzjali li jitlob leave annwali bi ħlas jiġi aġġustat pro rata abbażi tan-numru ta’ ġranet ta’ xogħol fil-ġimgħa matul il-qgħad parzjali u tan-numru ta’ ġranet ta’ xogħol ta’ ħaddiem full-time u, għalhekk, matul il-perijodu ta’ qgħad parzjali, il-ħaddiem jikseb biss dritt għal leave li huwa proporzjonalment limitat?

2)      Fil-każ ta’risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 31(2) tal-[Karta] jew l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2003/88], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi li tipprovdi li, fil-każ ta’ tnaqqis tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa għal ‘żero ġranet’ minħabba applikazzjoni leġittima ta’ ‘qgħad parzjali b’żero sigħat ta’ xogħol’ [‘tnaqqis fil-ħin tax-xogħol għal żero sigħat ta’ xogħol’], id-dritt ta’ ħaddiem b’qgħad parzjali għal-leave annwali bi ħlas jitnaqqas pro rata għal żero, u konsegwentement, matul dan il-perijodu ta’ ‘qgħad parzjali b’żero sigħat ta’ xogħol’, il-ħaddiem ma jikseb ebda dritt għal leave?”

20      Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Ġunju 2011 tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kawżi C‑229/11 u C‑230/11 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 31(2) tal-Karta jew l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali, bħal ma huwa pjan soċjali miftiehem bejn l-impriża kkonċernata u l-kumitat ta’ xogħol tagħha, li abbażi tagħhom id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiem, li l-ħin tax-xogħol tiegħu tnaqqas, jiġi kkalkolat skont ir-regola ta’ pro rata temporis.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem għandu jitqies li huwa prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, Ġabra p. I‑179, punt 54, u tat-3 ta’ Mejju 2012, Neidel, C‑337/10, punt 28). Bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, dan id-dritt ta’ kull ħaddiem huwa espressament miktub fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li skont l-Artikolu 6(1) TUE għandha l-istess saħħa legali bħat-Trattati (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, Ġabra p. I‑11757, punt 37, u Neidel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

23      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li d-dritt għal-leave annwali mħallas ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, ANGED, C‑78/11, punt 18).

24      F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward ta’ ħaddiema bil-leave tal-mard debitament preskritt, id-dritt għal-leave annwali mħallas mogħti mid-Direttiva 2003/88 lill-ħaddiema kollha ma jistax jiġi ssuġġettat minn Stat Membru għall-kundizzjoni li l-ħaddiem ikun fil-fatt ħadem matul il-perijodu ta’ referenza stabbilit mill-imsemmi Stat (ara s-sentenzi Schultz-Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, punt 20).

25      Skont din l-istess ġurisprudenza, minn dan isegwi li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li, mat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, ma jitħallas ebda kumpens finanzjarju għal-leave annwali mħallas mhux meħud lill-ħaddiem li kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u/jew matul perijodu għall-ġarr tal-leave, fejn il-mard ikun ir-raġuni għaliex huwa ma setax jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas. Għall-kalkolu tal-imsemmi kumpens finanzjarju, ir-remunerazzjoni normali tal-ħaddiem, li hija dik li għandha tibqa’ titħallas matul il-perijodu ta’ serħan li jikkorrispondi għal-leave annwali mħallas, hija wkoll determinanti (sentenza Schultz-Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

26      Madankollu, għalkemm huwa eskluż li d-dritt ta’ ħaddiem għal-leave annwali mħallas minimu, iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, jista’ jitnaqqas f’sitwazzjoni kkaratterizzata mill-fatt li ħaddiem ma setax jonora l-obbligu tax-xogħol tiegħu minħabba raġuni ta’ mard matul il-perijodu ta’ referenza, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi applikata mutatis mutandis għal sitwazzjoni ta’ ħaddiem li l-ħin tax-xogħol tiegħu tnaqqas, bħal ma huwa l-każ fil-kawżi prinċipali.

27      Fil-fatt, kif Kaiser ġustament tirrileva fl-osservazzjoni bil-miktub tagħha, is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem li ma huwiex tajjeb għax-xogħol minħabba mard, minn naħa, u dik ta’ ħaddiem li l-ħin tax-xogħol tiegħu tnaqqas, min-naħa l-oħra, huma fundamentalment differenti.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, fil-kawżi prinċipali, it-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol huwa bbażat fuq pjan soċjali li huwa forma partikolari ta’ ftehim azjendali, miftiehem bejn min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-impriża. Dan il-pjan soċjali jipprovdi għas-sospensjoni, fuq il-bażi tat-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol, tal-obbligi reċiproċi ta’ min iħaddem u tal-ħaddiem fir-rigward tal-prestazzjonijiet rispettivi tagħhom.

29      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li matul il-perijodu ta’ tnaqqis fil-ħin tax-xogħol li joħroġ mill-imsemmi pjan soċjali u, għalhekk, previdibbli għall-ħaddiem ikkonċernat, dan tal-aħħar jista’ jistrieħ jew jiddedika ħin għall-attivitajiet rikreattivi u ta’ pjaċir. B’hekk, sa fejn l-imsemmi ħaddiem ma huwiex suġġett għal-limitazzjonijiet fiżiċi jew fiżjoloġiċi kkawżati minn marda, huwa jkun f’sitwazzjoni differenti minn dik li tirriżulta minn inkapaċità għax-xogħol minħabba l-istat ta’ saħħtu.

30      Fit-tielet lok, il-finalità tal-istess pjan soċjali, li jipprovdi għat-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol, hija li tiġi evitata t-tkeċċija tal-ħaddiema kkonċernati għal motivi ekonomiċi u li jitnaqqsu l-inkonvenjenti subiti minn dawn tal-aħħar minħabba tali tkeċċija. Il-fatt li l-benefiċċju ta’ dan il-vantaġġ mogħti lill-ħaddiem permezz tal-liġi nazzjonali jintrabat mal-obbligu ta’ min iħaddem li jieħu responsabbiltà għal-leave annwali mħallas matul il-perijodu ta’ estensjoni formali, għal raġunijiet purament soċjali, tal-kuntratt tax-xogħol, jirriskja li jwassal għal reżistenza minn naħa ta’ min iħaddem għall-aċċettazzjoni ta’ tali pjan soċjali u għalhekk li jċaħħad lill-ħaddiem mill-vantaġġi pożittivi tiegħu.

31      Għalhekk, għalkemm is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem li l-ħin tax-xogħol tiegħu tnaqqas wara d-dħul fis-seħħ ta’ pjan soċjali, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, hija distinta mis-sitwazzjoni ta’ ħaddiem li ma huwiex tajjeb għax-xogħol minħabba raġunijiet ta’ mard, għandu madankollu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni tal-ewwel wieħed minn dawn il-ħaddiema hija paragunabbli għal dik ta’ ħaddiem part-time.

32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li huwa minnu li l-ħaddiema li l-ħin tax-xogħol tagħhom tnaqqas għandhom, mill-aspett formali, kuntratt ta’ xogħol full-time. Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punti 13 u 28 ta’ din is-sentenza, matul il-perijodu tat-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol, l-obbligi reċiproki ta’ min iħaddem u tal-ħaddiem fir-rigward tal-prestazzjonijiet rispettivi tagħhom ikunu sospiżi fuq il-bażi tat-tnaqqis fil-ħin tax-xogħol, jekk ma jkunux ukoll totalment imwaqqfa. Minn dan jirriżulta li l-ħaddiema li l-ħin tax-xogħol tagħhom tnaqqas għandhom jiġu kkwalifikati bħala “ħaddiema temporanjament part-time”, fejn is-sitwazzjoni tagħhom hija de facto paragunabbli għal dik ta’ ħaddiema part-time.

33      Issa, f’dak li jikkonċerna dawn il-ħaddiema tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ipprovdiet indikazzjonijiet ċari f’dak li jikkonċerna d-dritt tagħhom għal-leave annwali mħallas.

34      Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols (C‑486/08, Ġabra p. I‑3527, punt 33), il-Qorti tal-Ġustizzja invokat il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis-6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE, tas-7 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278) li tipprovdi li, fejn huwa meħtieġ, ir-regola tal-pro rata temporis tapplika għall-kundizzjonijiet ta’ impjieg tal-ħaddiema part-time. Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat din ir-regola għall-għoti ta’ leave annwali għal perijodu ta’ impjieg part-time minħabba li, għal dan il-perijodu, it-tnaqqis tad-dritt għal-leave annwali meta mqabbel ma’ dak mogħti għal perijodu ta’ impjieg full-time huwa ġġustifikat minħabba raġunijiet oġġettivi.

35      Madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-imsemmija regola ma għandhiex tkun applikata ex post għal dritt għal-leave annwali miksub matul perijodu ta’ xogħol full-time. B’hekk, mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/88 ma jistax jiġi dedott li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprovdi, fost il-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tad-dritt għal-leave annwali, għat-telf parzjali ta’ dritt għal-leave diġà miksub matul perijodu ta’ referenza preċedenti (ara s-sentenza Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 34).

36      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 31(2) tal-Karta u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali, bħalma huwa pjan soċjali miftiehem bejn impriża u l-kunsill tax-xogħol tagħha, li abbażi tagħhom id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiem li l-ħin tax-xogħol tiegħu tnaqqas jiġi kkalkolat skont ir-regola tal-pro rata temporis.

 Fuq it-tieni domanda

37      Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din id-domanda.

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludu dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali, bħalma huwa pjan soċjali miftiehem bejn impriża u l-kunsill tax-xogħol tagħha, li abbażi tagħhom id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ ħaddiem li l-ħin tax-xogħol tiegħu tnaqqas jiġi kkalkolat skont ir-regola tal-pro rata temporis.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.