Language of document :

Appell ippreżentat fil-20 ta’ Frar 2017 minn Telecom Castilla-La Mancha, S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) fil-15 ta’ Diċembru 2016 fil-Kawżi Magħquda T-37/15 u T-38/15, Abertis Telecom Terrestre S.A. u Telecom Castilla-La Mancha, S.A. vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-92/17 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Telecom Castilla-La Mancha, S.A. (rappreżentanti: J. Buendía Sierra u A. Lamadrid de Pablo, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea u SES Astra

Talbiet

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi b’mod definittiv ir-rikors għal annullament u tannulla d-deċiżoni tal-Kummissjoni; u

tikkundanna lill-Kummissjoni u lil SES Astra għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Is-sentenza appellata kkonfermat deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ diversi miżuri adottati mill-awtoritajiet pubbliċi Spanjoli sabiex jiżguraw li s-sinjal tat-televiżjoni diġitali terrestri (TDT) jasal fiż-żoni remoti tat-territorji, fejn tgħix biss 2.5 % tal-popolazzjoni. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, mill-perspettiva materjali, is-suq ma joffrix dan is-servizz fl-assenza ta’ intervent mill-awtoritajiet pubbliċi. Minkejja dan, hija ċaħdet li dan huwa servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) fil-leġiżlazzjoni Spanjola u qalet li, minn perspettiva formali, dan is-servizz ma kienx “kjarament” iddefinit u mogħti mill-awtoritajiet pubbliċi. Hija qalet ukoll li, fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet pubbliċi ma kinux kompetenti sabiex jagħżlu teknoloġija speċifika fl-organizzazzjoni tas-SIEĠ.

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji bbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa fis-sentenza appellata, li huma marbuta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 14, tal-Artikolu 106(2) TFUE u tal-Artikolu 107(1) TFUE u tal-Protokoll 26 anness mat-TFUE dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali.

L-appell jenfasizza b’mod partikolari li l-Qorti Ġenerali wettqet l-iżbalji li ġejjin fis-sentenza appellata:

hija kjarament kisret il-limitu ta’ “żball manifest” fil-kuntest tal-eżami tad-diversi atti tal-awtoritajiet pubbliċi li jiddefinixxu u jagħtu s-SIEĠ;

hija indebitament illimitat is-“setgħa diskrezzjonali wiesgħa” tal-Istati Membri applikabbli kemm għad-definizzjoni kif ukoll għall-“organizzazzjoni” tas-SIEĠ u li għalhekk tinkludi l-għażla tal-modi ta’ provvista tas-SIEĠ u l-għażla ta’ teknoloġija speċifika, irrispettivament minn jekk dawn l-għażliet jinsabux fl-att ta’ definizzjoni jew f’att separat;

hija analizzat id-dritt Spanjol applikabbli, biddlet il-kontenut tad-dispożizzjonijiet eżaminati u tal-ġurisprudenza li tinterprethom, billi interpretat l-istess dritt b’mod manifestament kuntrarju għall-kontenut tiegħu u billi attribwiet lil ċerta informazzjoni portata li ma hijiex dovuta lilha fid-dawl ta’ informazzjoni oħra;

ma rrikonoxxietx li d-“definizzjoni” tas-SIEĠ u l-“għoti” tas-SIEĠ lil impriża waħda jew iktar jistgħu jsiru f’att wieħed jew f’atti separati;

ma rrikonoxxietx li d-“definizzjoni” tas-SIEĠ u l-“għoti” tas-SIEĠ ma jirrikjedux l-użu ta’ formula jew ta’ espressjoni konkreta iżda analiżi materjali u funzjonali; u

billi kklassifikat il-vantaġġ allegatament rċevut bħala ekwivalenti għall-ammont totali tal-kuntratti konklużi mill-awtoritajiet pubbliċi, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-ammont ma huwiex sussidju li ma jiġix rimborsat, iżda korrispettiv għall-oġġetti u għas-servizzi pprovduti mill-impriża inkwistjoni lill-Istat.

____________