Language of document : ECLI:EU:C:2013:107

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Frar 2013 (*)

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment – Eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija in absentia – Possibbiltà ta’ reviżjoni tas-sentenza”

Fil-Kawża C‑399/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Constitucional (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura

Stefano Melloni

vs

Ministerio Fiscal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Rosas u E. Jarašiūnas, Presidenti ta’ Awla, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.‑C. Bonichot, M. Safjan (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Melloni, minn L. Casaubón Carles, abogado,

–        għall-Ministerio Fiscal, minn J. M. Caballero Sánchez-Izquierdo,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u T. Materne, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Kemper u T. Henze, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer u C. Wissels, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn P. Plaza García u T. Blanchet, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Martínez del Peral kif ukoll minn H. Krämer u W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u, jekk ikun il-każ, il-validità tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”). Hija tistieden ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina, jekk ikun il-każ, il-kwistjoni ta’ jekk Stat Membru jistax jirrifjuta li jeżegwixxi mandat ta’ sentenza Ewropea fuq il-bażi tal-Artikolu 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għal raġuni bbażata fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata ggarantiti mill-Kostituzzjoni nazzjonali.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn S. Melloni u l-Ministerio Fiscal fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ sentenza Ewropea mogħtija mill-awtoritajiet Taljani għall-eżekuzzjoni tal-kundanna għal piena ta’ priġunerija li ngħatat in absentia.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Karta

3        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.”

4        Fi kliem it-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tal-Karta:

“Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”

5        It-tielet paragrafu tal-Artikolu 52 tal-Karta jipprovdi:

“Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

6        L-Artikolu 53 tal-Karta, intitolat “Il-livell ta’ protezzjoni”, jipprovdi:

“Xejn f’din il-Karta m’għandu jiġi interpretat bħala li jillimita jew li jolqot b’mod negattiv id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti, fl-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom, mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġi internazzjonali u mill-konvenzjonijiet internazzjonali li fihom l-Unjoni [Ewropea] jew l-Istati Membri kollha huma parti, b’mod partikolari [l-KEDB], u mill-kostituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri.”

 Id-Deċiżjonijiet Qafas 2002/584 u 2009/299

7        L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprovdi:

“2.      L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Qafas].

3.      Din id-Deċiżjoni [Qafas] m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea.”

8        L-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas, fil-verżjoni inizjali tagħha, kien redatt kif ġej:

“L-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista’, mil-liġi ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi, jkun suġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(1)      fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-iskopijiet ta’ l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew ordni ta’ detenzjoni imposta minn deċiżjoni mogħtija in absentia u jekk il-persuna in kwistjoni ma ġietx imsejħa in persuna jew b’mod ieħor infurmata bid-data u l-post tas-seduta li waslet għad-deċiżjoni mogħtija in absentia, iċ-ċediment tista’ tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat tagħti assigurazzjoni kkunsidrata xierqa biex tiggarantixxi lil persuna suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew li jkollha opportunità biex tapplika għal proċess ieħor tal-każ fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat u li tkun preżenti għas-sentenza;

[…]”

9        Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 tispeċifika r-raġunijiet tar-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ sentenza Ewropea meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret fil-kawża tagħha. Il-premessi 1 sa 4 kif ukoll 10 jipprovdu:

“(1)      Id-dritt tal-akkużat li jkun preżenti waqt il-kawża huwa inkluż fid-dritt għal proċess ġust previst fl-Artikolu 6 tal-[KEDB], kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Qorti ddikjarat ukoll li dan id-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-kawża mhuwiex assolut u li taħt ċerti kondizzjonijiet l-akkużat jista’, bil-volontà tiegħu, espressament jew taċitament iżda inekwivokabbilment, jirrinunzja dak id-dritt.

(2)      Id-diversi Deċiżjonijiet [Qafas] li jimplimentaw il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji finali ma jitrattawx b’mod konsistenti l-kwistjoni ta’ deċiżjonijiet li ngħataw wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment. Din id-diversità tista’ tikkomplika l-ħidma tal-prattikant fil-qasam u tfixkel il-kooperazzjoni ġudizzjarja.

(3)      […] Id-Deċiżjoni [Qafas] 2002/584/ĠAI [...] tippermetti lill-awtorità tal-eżekuzzjoni li titlob lill-awtorità emittenti sabiex tagħti assigurazzjoni meqjusa xierqa sabiex tiggarantixxi lill-persuna suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew li hi ser ikollha opportunità sabiex tapplika għal kawża mill-ġdid tal-każ fl-Istat Membru emittent u li tkun preżenti meta tingħata s-sentenza. Hija l-awtorità tal-eżekuzzjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-kwisjoni kemm tali assigurazzjoni hi adegwata u għalhekk hu diffiċli li wieħed ikun jaf bl-eżatt meta leżekuzzjoni tistà tiġi miċħuda.

(4)      Hu għalhekk meħtieġ li jingħataw raġunijiet ċari u komuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment. Din id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tirraffina d-definizzjoni ta’ tali raġunijiet komuni li jippermettu lill-awtorità tal-eżekuzzjoni tesegwixxi d-deċiżjoni minkejja l-assenza tal-persuna fil-kawża, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt ta’ difiża tal-persuna. Din id-Deċiżjoni Qafas m’hijiex imfassla biex tirregola l-forom u l-metodi, inklużi l-ħtiġiet proċedurali, li huma użati biex jinkisbu riżultati speċifikati fid-Deċiżjoni Qafas, li huma kwistjoni li tirrigwarda l-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

[…]

(10)      Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment, m’għandhomx jinċaħdu meta l-persuna konċernata, konxja mill-kawża skedata, ġiet difiża fil-kawża minn konsulent legali li lilu hi kienet tat mandat biex jagħmel dan, waqt li jkun żgurat li l-assistenza legali tkun prattika u effettiva. F’dan il-kuntest, m’għandux ikun importanti jekk il-konsulent legali ntgħażilx, inħatarx jew tħallasx mill-persuna konċernata, jew jekk dan il-konsulent legali nħatarx u tħallasx mill-Istat, u hu mifhum li l-persuna konċernata kellha deliberatament tagħżel li tkun irrappreżentata minn konsulent legali minflok li tidher personalment fil-kawża. Il-ħatra tal-konsulent legali u suġġetti relatati huma kwistjoni tal-liġi nazzjonali. […]”

10      Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299:

“1.      L-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni Qafas huma li jissaħħu d-drittijiet proċedurali ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, li tiffaċilita l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u, b’mod partikolari, li ttejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri.

2.      Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif proklamati fl-Artikolu 6 tat-Trattat [Trattat UE, fil-verżjoni tiegħi li tippreċedi it-Trattat ta’ Lisbona], inkluż id-dritt ta’ difiza ta’ persuni soġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward m’għandux jiġi milqut.”

11      Fl-Artikolu 2 tagħha, id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 ħassret il-punt 1 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u introduċiet, fiha, l-Artikolu 4a, dwar deċiżjonijiet mogħtija fi tmiem ta’ kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment, li huwa redatt kif ġej:

“1.      L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:

(a)      fi żmien debitu,

(i)      jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

(ii)      kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;

jew

(b)      konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża;

jew

(ċ)      wara li kienet innotifikata bid-deċiżjoni u kienet infurmata espressament dwar id-dritt għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali:

(i)      iddikjarat espressament li huwa jew hija ma tikkontestax id-deċiżjoni;

jew

(ii)      ma talbitx kawża mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli;

jew

(d)      ma kinitx notifikata personalment bid-deċiżjoni iżda:

(i)      ser tkun innotifikata personalment biha mingħajr dewmien wara ċ-ċediment u ser tkun infurmata espressament dwar id-dritt tiegħu jew tagħha għal kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;

u

(ii)      ser tkun infurmata bil-perijodu taż-żmien li fih hija għandha titlob din il-kawża mill-ġdid jew l-appell, kif imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew rilevanti.

[…]”

12      Fi kliem l-Artikolu 8(1) sa (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas sat-28 ta’ Marzu 2011.

2.      Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika mid-data msemmija fil-paragrafu 1 għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata waqt il-kawża.

3.      Jekk Stat Membru jkun iddikjara, fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, li għandu raġunijiet serji biex jassumi li mhux ser ikun jista’ jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas sad-data msemmija fil-paragrafu 1, din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2014 għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet, mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża li huma maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru. […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      B’digriet tal-1 ta’ Ottubru 1996, l-ewwel sezzjoni tal-Awla Kriminali tal-Audiencia Nacional (Spanja) iddikjarat li l-estradizzjoni lejn l-Italja ta’ S. Melloni, sabiex huwa jkun iġġudikat fuq il-fatti elenkati fil-Mandati ta’ Arrest Nri 554/1993 u 444/1993, maħruġa rispettivament fit-13 ta’ Mejju u fil-15 ta’ Ġunju 1993 mit-Tribunale di Ferrara (l-Italja) kienet iġġustifikata. Wara li ngħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest kontra garanzija ta’ ESP 5 000 000, li huwa ħallas l-għada, S. Melloni ħarab, b’mod li ma setax jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet Taljani.

14      B’deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 1997, it-Tribunale di Ferrara kkonstata li S. Melloni kien naqas milli jidher quddiemu u ddeċieda li minn dakinhar in-notifiki kellhom jintbagħtu lill-avukati li kienu ġew inkarigati u li kienu diġà indikati minnu. B’sentenza tat-Tribunale di Ferrara tal-21 ta’ Ġunju 2000, ikkonfermata, iktar tard, b’sentenza tal-Corte d’appello ta’ Bologna (l-Italja) tal-14 ta’ Marzu 2003, S. Melloni kien ġie kkundannat in absentia għal piena ta’ għaxar snin priġunerija għal falliment frawdolenti. B’deċiżjoni tas-7 ta’ Ġunju 2004, il-Ħames Awla Kriminali tal-Corte suprema di cassazione (l-Italja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat mill-avukati tar-rikorrent. Fit-8 ta’ Ġunju 2004, il-Prokuratur Ġenerali tar-Repubblika fil-Corte d’appello di Bologna ħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew Nru 271/2004 għall-eżekuzzjoni tal-kundanna ppronunzjata mit-Tribunale di Ferrara.

15      Wara l-arrest ta’ S. Melloni mill-pulizija Spanjola, il-Juzgado Central de Instrucción Nru 6 (Spanja) iddeċieda, b’digriet tat-2 ta’ Awwissu 2008, li jressaq quddiem l-Ewwel Sezzjoni tal-Awla Kriminali tal-Audiencia Nacional dan il-mandat ta’ arrest Ewropew.

16      S. Melloni oppona l-konsenja tiegħu lill-awtoritajiet Taljani, billi argumenta, fl-ewwel lok, li, waqt l-istadju ta’ appell, huwa ħatar avukat ieħor minflok it-tnejn l-oħra li kienu rrapreżentawh u rrevoka l-mandat mogħti lil dawn tal-aħħar u li, minkejja din ir-revoka, dawn l-awtoritajiet baqgħu jibagħtu n-notifiki lil dawn iż-żewġ avukati. Fit-tieni lok, huwa sostna li d-dritt proċedurali Taljan ma jipprovdix għall-possibbiltà li tiġi ppreżentata azzjoni kontra l-kundanni mogħtija in absentia u li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew kellha għalhekk, jekk ikun il-każ, tiġi ssuġġettata għall-kundizzjoni li r-Repubblika Taljana tiggarantixxi l-possibbiltà li titressaq azzjoni kontra s-sentenza li kkundannatu.

17      B’digriet tat-12 ta’ Settembru 2008, l-Ewwel Sezzjoni tal-Awla Kriminali tal-Audiencia Nacional iddeċidiet li tikkonsenja lil S. Melloni lill-awtoritajiet Taljani għall-eżekuzzjoni tal-kundanna li kienet ġiet imposta fuqu mit-Tribunale di Ferrara inkwantu wettaq ir-reat ta’ falliment frawdolenti, billi qieset, fl-ewwel lok, li ma kienx ġie ppruvat li l-avukati indikati minnu ma kinux baqgħu jirrapreżentawh wara l-2001 u, fit-tieni lok, li d-drittijiet tad-difiża tiegħu kienu ġew irrispettati, peress li huwa kien jaf minn qabel bil-kawża u peress li huwa naqas volontarjament milli jidher quddiem il-qorti u ħatar żewġ avukati sabiex jirrapreżentawh u jiddefenduh, u dawn intervjenew f’din il-kwalità fl-ewwel istanza, fl-appell u fil-kassazzjoni, b’mod li eżawrixxew ir-rimedji.

18      S. Melloni ppreżenta, quddiem it-Tribunal Constitucional, “recurso de amparo” (ilment kostituzzjonali) kontra dan id-digriet. Insostenn tal-azzjoni tiegħu, huwa allega ksur indirett tar-rekwiżiti assoluti li jitnisslu mid-dritt għal smigħ xieraq iddikjarat fl-Artikolu 24(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola. Fil-fatt, kien hemm ksur tal-kontenut essenzjali ta’ smigħ xieraq b’mod li saret ħsara lid-dinjità umana, bħala riżultat tal-aċċettazzjoni tal-konsenja lil Stati li, f’każ ta’ reat serju ħafna, jawtorizzaw validament il-kundanni in absentia, mingħajr ma jissuġġettaw il-konsenja tal-persuna kkundannata għall-kundizzjoni li din tkun tista’ tikkontesta dawn il-kundanni sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tad-difiża tagħha.

19      B’digriet tat-18 ta’ Settembru 2008, l-Ewwel Sezzjoni tat-Tribunal Constitucional aċċettat l-ammissibbilità tar-“recurso de amparo” u ddeċidiet li tissospendi l-eżekuzzjoni tad-digriet tat-12 ta’ Settembru 2008 u, b’digriet tal-1 ta’ Marzu 2011, l-Assemblea Plenari tat-Tribunal Constitucional iddeċidiet li teżamina hija stess din l-azzjoni.

20      Il-qorti tar-rinviju taċċetta li hija rrikonoxxiet fis-sentenza tagħha 91/2000, tat-30 ta’ Marzu 2000, li l-kontenut obbligatorju tad-drittijiet fundamentali huwa iktar ridott meta huma maħsuba ad extra, billi huma r-rekwiżiti l-iktar bażiċi u l-iktar elementari li jistgħu jkunu marbuta mal-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni Spanjola u jagħtu lok għall-identifikazzjoni ta’ antikostituzzjonalità indiretta. Minkejja dan, skont dik il-qorti, tikkostitwixxi ksur “indirett” tar-rekwiżiti tad-dritt għal smigħ xieraq, billi twassal għal ksur tal-kontenut essenzjali ta’ tali smigħ b’mod li tiċħad id-dinjità umana, id-deċiżjoni tal-qrati Spanjoli li jaċċettaw l-estradizzjoni lejn Stati li, f’każ ta’ reat serju ħafna, jawtorizzaw validament il-kundanni in absentia mingħajr ma jissuġġettaw il-konsenja tal-persuna kkundannata għall-kundizzjoni li din tkun tista’ tikkontesta dawn il-kundanni sabiex jiġu ssalvagwardati d-drittijiet tad-difiża tagħha.

21      Dik il-qorti tfakkar li din il-ġurisprudenza nazzjonali hija applikabbli wkoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ konsenja introdotta bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u dan għal żewġ raġunijiet. L-ewwel waħda hija minħabba li l-kundizzjoni imposta fuq il-konsenja ta’ persuna kkundannata hija inerenti għall-kontenut essenzjali tad-dritt kostituzzjonali għal smigħ xieraq. It-tieni raġuni hija bbażata fuq il-fatt li l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas, fir-redazzjoni tagħha fis-seħħ dak iż-żmien, kien jipprovdi għall-possibbiltà li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kundanna mogħtija in absentia tkun suġġetta “mil-liġi tal-Istat Membru li jeżegwixxi”, inter alia, għall-kundizzjoni li “l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat tagħti assigurazzjonijiet kkunsidrati suffiċjenti sabiex jiġi ggarantit li l-persuna suġġetta għall-mandat ta’ arrest Ewropew tingħata l-possibbiltà li titlob kawża ġdida li tiggarantixxi d-drittijiet ta’ difiża tagħha fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat u li tiġi ġġudikata fil-preżenza tagħha” (sentenza tat-Tribunal Constitucional 177/2006, tal-5 ta’ Ġunju 2006).

22      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fis-sentenza tagħha 199/2009, tat-28 ta’ Settembru 2009, hija kienet laqgħet ir-“recurso de amparo” dirett kontra digriet ta’ konsenja tal-persuna kkonċernata lejn ir-Rumanija, bħala eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-iskopijiet tal-eżekuzzjoni ta’ kundanna għal erba’ snin ħabs mogħtija in absentia, mingħajr ma ssemma r-rekwiżit li l-kundanna inkwistjoni tkun tista’ tiġi riveduta. Għal dan l-għan, dik is-sentenza ċaħdet l-argumenti tal-Audiencia Nacional fis-sens li l-kundanna ma kinitx verament ingħatat in absentia, ladarba r-rikorrent kien ta mandat lil avukat li kien deher fil-proċedura bħala d-difensur speċjali tiegħu.

23      Skont it-Tribunal Constitucional, id-diffikultà ġejja mill-fatt li d-Deċiżjoni Qafas 2009/299 ħassret il-punt 1 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u introduċiet Artikolu 4a fiha. Issa, l-imsemmi Artikolu 4a jipprekludi li “l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni [tiġi miċħuda] jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” meta l-persuna kkonċernata, “konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna kkonċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża”. Fil-kawża li wasslet għal din il-proċedura ta’ stħarriġ ta’ kostituzzjonalità quddiem il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar tirrileva li jirriżulta li S. Melloni kien ta mandat lil żewġ avukati li kellu fiduċja fihom, li lilhom it-Tribunale di Ferrara nnotifika biż-żamma futura tal-kawża, b’mod li huwa kien jaf biha. Ġara wkoll, skont dik l-istess qorti, li S. Melloni kien effettivament difiż minn dawn iż-żewġ avukati kemm fil-kawża mismugħa fil-prim’istanza kif ukoll fl-istadji sussegwenti tal-appell u tal-kassazzjoni.

24      Skont it-Tribunal Constitucional, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tipprojbixxix lill-qrati Spanjoli milli jissuġġettaw il-konsenja ta’ S. Melloni għall-possibbiltà li l-kundanna inkwistjoni tkun tista’ tiġi riveduta.

25      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiċħad l-argument tal-Ministerio Fiscal li ma huwiex neċessarju li huwa jipproċedi għal rinviju preliminari għaliex id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 hija inapplikabbli, ratione temporis, għall-kawża prinċipali. Fil-fatt, is-suġġett tal-kawża prinċipali ma huwiex dak li jiġi ddeterminat jekk id-digriet tat-12 ta’ Settembru 2008 kienx injora d-Deċiżjoni Qafas, imma jekk dan kisirx indirettament id-dritt għal smigħ xieraq protett mill-Artikolu 24(2) tal-Kostituzzjoni Spanjola. Issa, l-istess deċiżjoni qafas għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ dan id-dritt li jipproduċi effetti ad extra, għaliex din tikkostitwixxi d-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-mument tal-istħarriġ tal-kostituzzjonalità tal-imsemmi digriet. It-teħid tagħha inkunsiderazzjoni huwa għalhekk impost mill-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali mad-deċiżjonijiet qafas (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C‑105/03, Ġabra p. I‑5285, punt 43).

26      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunal Constitucional iddeċieda jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ li tirriżulta mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, fl-ipoteżi indikati fl-imsemmija dispożizzjoni, milli jissuġġettaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-kundanna inkwistjoni tkun tista’ tiġi mistħarrġa sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet ta’ difiża tal-persuna kkonċernata?

2)      Fil-każ fejn ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/1/ĠAI huwa kumpatibbli mal-eżiġenzi li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ ġust previst fl-Artikolu 47 tal-Karta [...], kif ukoll mad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 48(2) tal-imsemmija Karta?

3)      Fil-każ fejn ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 53 tal-Karta, interpretat b’mod sistematiku flimkien mad-drittijiet rikonoxxuti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, jippermetti li Stat Membru jissuġġetta l-konsenja ta’ persuna kkundannata in absentia għall-kundizzjoni li l-kundanna tkun tista’ tiġi mistħarrġa fl-Istat li jagħmel id-domanda, u b’hekk jagħti lil dawn id-drittijiet livell ta’ protezzjoni iktar għoli minn dak li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, sabiex tiġi evitata interpretazzjoni limitanti jew li timmina dritt fundamentali rrikonoxxut mill-Kostituzzjoni ta’ dan l-Istat Membru?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

27      Xi wħud mill-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi kkunsidrat inammissibbli minħabba li l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa inapplikabbli ratione temporis għall-proċedura ta’ konsenja tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Huma jsostnu li d-data tat-12 ta’ Settembru 2008, li hija dik tad-digriet li permezz tiegħu l-Audiencia Nacional iddeċidiet li dan tal-aħħar jiġi kkonsenjat lill-awtoritajiet Taljani, tippreċedi d-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, stabbilita bħala t-28 ta’ Marzu 2011 mill-Artikolu 8(1) tagħha. Barra minn hekk u fi kwalunkwe każ, huma jirrilevaw ukoll li r-Repubblika Taljana użat l-għażla mogħtija mill-paragrafu 3 tal-istess Artikolu 8, dispożizzjoni li tipposponi sal-1 ta’ Jannar 2014 l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna kkonċernata waqt il-kawża mill-awtoritajiet kompetenti Taljani. Il-kundizzjonijiet tal-konsenja ta’ S. Melloni mill-awtoritajiet Spanjoli lill-awtoritajiet Taljani jibqgħu għalhekk irregolati mill-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

28      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilta mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li ġiet adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Paint Graphos et, C‑78/08 sa C‑80/08, Ġabra p. I‑7611, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Il-preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi li jsiru b’mod preliminari mill-qrati nazzjonali tista’ tiġi skartata biss b’mod eċċezzjonali, meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni prevista fid-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Paint Graphos et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fil-każ ineżami, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mitluba mill-qorti tar-rinviju, ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew tikkonċerna problema ta’ natura ipotetika.

31      Fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 4a ta’ din id-deċiżjoni qafas, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-istess kliem tal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 jipprovdi li, b’effett mit-28 ta’ Marzu 2011, din “għandha tapplika [...] għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata waqt il-kawża”, mingħajr ebda distinzjoni fir-rigward ta’ jekk tali deċiżjonijiet ikunux jippreċedu jew jiġu wara din id-data.

32      L-interpretazzjoni litterali hija kkonfermata mill-fatt li ladarba d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu kkunsidrati bħala regoli proċedurali (ara, bħala analoġija, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2004, Tsapalos u Diamantakis, C‑361/02 u C‑362/02, Ġabra p. I-6405, punt 20, kif ukoll tat-12 ta’ Awwissu 2008, Santesteban Goicoechea, C-296/08 PPU, Ġabra p. I‑6307, punt 80), huma jistgħu jiġu applikati għall-proċedura ta’ konsenja tar-rikorrent inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għadha għaddejja. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli għall-kawżi kollha pendenti fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9; tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto, C-467/05, Ġabra p. I‑5557, punt 48; u Santesteban Goicoechea, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

33      Fit-tieni lok, il-fatt li r-Repubblika Taljana ddikjarat li użat il-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 li tipposponi sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2014 l-applikazzjoni tagħha għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna kkonċernata waqt il-kawża mill-awtoritajiet kompetenti Taljani ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li sabiex id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Kostituzzjoni Spanjola jiġu interpretati konformement mat-trattati internazzjonali rratifikati mir-Renju ta’ Spanja, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kontenut essenzjali tad-dritt għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 24(2) ta’ din il-kostituzzjoni.

34      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Constitucional hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

35      Permezz tal-ewwel domanda tiegħu, it-Tribunal Constitucional jistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli, fil-każijiet speċifikati f’din id-dispożizzjoni, tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena għall-kundizzjoni li l-kundanna mogħtija in absentia tkun tista’ tiġi riveduta fl-Istat Membru emittenti.

36      Għandu jiġi nnotat li d-Deċiżjoni Qafas, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, kif ukoll mill-premessi 5 u 7 tagħha, hija intiża sabiex tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bejn l-Istati Membri b’sistema ta’ konsenja bejn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew ta’ prosekuzzjoni, sistema bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2013, Radu, C‑396/11, punt 33).

37      Din id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija għalhekk intiża, permezz tal-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, sabiex tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir żona ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja msejsa fuq il-grad għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenza Radu, punt 34).

38      Skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Istati Membri huma fil-prinċipju obbligati li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss fil-każijiet ta’ nuqqas obbligatorju ta’ eżekuzzjoni previst fl-Artikolu 3 tagħha u fil-każijiet ta’ nuqqas fakultattiv ta’ eżekuzzjoni elenkati fl-Artikoli 4 u 4a tagħha. Barra minn hekk, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew biss għall-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni qafas (sentenza Radu, punti 35 u 36).

39      Sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jifforma s-suġġett ta’ din id-domanda, għandu jiġi eżaminat il-kliem, l-istruttura u l-iskop tiegħu.

40      Mill-kliem tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprevedi raġuni fakultattiva ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ garanzija li tiċħad il-libertà, jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment għall-proċedura li wasslet għal din il-kundanna. Din l-għażla hija, madankollu, suġġetta għal erba’ eċċezzjonijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija mċaħħda mill-possibbiltà li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni. Minn dan jirriżulta li, f’dawn l-erba’ każijiet, dan l-Artikolu 4a(1) jipprekludi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli tissuġġetta l-konsenja ta’ persuna kkundannata in absentia għall-possibbiltà ta’ reviżjoni fil-preżenza tagħha tas-sentenza ta’ kundanna.

41      Tali interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija kkonfermata mill-analiżi tal-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni. L-għan tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 huwa, fl-ewwel lok, li jitħassar l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li ppermetta, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena imposta in absentia tkun suġġetta għall-kundizzjoni li tiġi ggarantita, fl-Istat Membru emittenti, proċedura mill-ġdid fil-preżenza tal-persuna kkonċernata u, fit-tieni lok, li din id-dispożizzjoni tiġi ssostitwita bl-Artikolu 4a. Issa, dan jillimita l-possibbiltà ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ tali mandat billi jipprovdi, kif iddikjarat fil-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-“kondizzjonijiet li taħthom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx pesonalment, m’għandhomx jiġu miċħuda”.

42      B’mod partikolari, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprovdi essenzjalment, fil-punti (a) u (b) li, sakemm il-persuna kkundannata in absentia kienet taf, fi żmien utli, bil-kawża skedata u kienet informata li setgħet tingħata deċiżjoni fil-każ li ma tidhirx jew sakemm, filwaqt li kienet taf bil-kawża skedata, tat mandat lil konsulent legali sabiex jiddefendiha, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija marbuta tipproċedi bil-konsenja ta’ din il-persuna, b’mod li ma tistax tissuġġetta din il-konsenja għall-possibbiltà ta’ proċedura mill-ġdid fil-preżenza tagħha fl-Istat Membru emittenti.

43      Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 4a hija wkoll ikkonfermata mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Huwa ċar kemm mill-premessi 2 sa 4 kif ukoll mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried, bl-adozzjoni tagħha, jiffaċilita l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali billi jtejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri permezz ta’ armonizzazzjoni tar-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet mogħtija fi tmiem ta’ kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment. Kif tenfasizza, b’mod partikolari, il-premessa 4, il-leġiżlatur tal-Unjoni, bid-definizzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet komuni, ried jippermetti “lill-awtorità tal-eżekuzzjoni teżegwixxi d-deċiżjoni minkejja l-assenza tal-persuna fil-kawża, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt ta’ difiża tal-persuna”.

44      Kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 65 sa 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-soluzzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel, li tikkonsisti fil-fatt li jipprovdi b’mod eżawrjenti l-każijiet li fihom l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija in absentia għandha tiġi kkunsidrata li ma tiksirx id-drittijiet tad-difiża, hija inkompatibbli maż-żamma ta’ possibbiltà għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tissuġġetta din l-eżekuzzjoni għall-kundizzjoni li l-kundanna inkwistjoni tkun tista’ tiġi riveduta bl-għan li jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata.

45      Fir-rigward tal-argument invokat mill-qorti tar-rinviju li l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali, kif stipulati fl-Artikolu 6 TUE, jawtorizza lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni li jirrifjutaw li jeżegwixxu l-mandat ta’ arrest Ewropew, u dan ukoll fl-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, meta l-persuna kkonċernata ma għandhiex l-opportunità li tibbenefika minn kawża mill-ġdid, għandu jiġi enfasizzat li tali argument iwassal, fil-verità, għal dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 mad-drittijiet fundamentali protetti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li hija s-suġġett tat-tieni domanda mressqa.

46      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li, fl-ipoteżijiet indikati f’din id-dispożizzjoni, tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena għall-kundizzjoni li l-kundanna mogħtija in absentia tkun tista’ tiġi riveduta fl-Istat Membru emittenti.

 Fuq it-tieni domanda

47      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kompatibbiltà tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 mar-rekwiżiti li joħorġu mid-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq previst fl-Artikolu 47 tal-Karta u mid-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 48(2) tagħha.

48      Għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 6(1) TUE, l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta, “li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati”.

49      Fir-rigward tal-portata tad-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq previst fl-Artikolu 47 tal-Karta u tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 48(2) tagħha, għandu jiġi speċifikat li, minkejja li d-dritt tal-akkużat li jidher personalment waqt il-kawża jikkostitwixxi element essenzjali tad-dritt għal smigħ xieraq, dan id-dritt ma huwiex assolut (ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency, C-619/10, punti 52 u 55). L-akkużat jista’ jirrinunzja għalih, volontarjament, b’mod espliċitu jew impliċitu, bil-kundizzjoni li r-rinunzja tiġi stabbilita b’mod inekwivoku, li jkollha minimu ta’ garanziji li jikkorrispondu mal-gravità tagħha u li din ma tikkunfliġġi ma ebda interess pubbliku importanti. B’mod partikolari, il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq ma jkunx stabbilit, anki jekk l-akkużat ma jkunx deher personalment, meta jkun ġie informat bid-data u l-post tal-kawża jew ikun ġie difiż minn konsulent legali, li lilu huwa jkun ta mandat għal dan il-għan.

50      Din l-interpretazzjoni tal-Artikoli 47 u 48(2) tal-Karta hija konsistenti mal-portata rrikonoxxuta lid-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 6(1) u (3) tal-KEDB mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, b’mod partikolari, Il-Qorti Ewropea tad-D.B., sentenzi Medenica vs L-Isvizzera tal-14 ta’ Ġunju 2001, Rikors Nru 20491/92, § 56 sa 59; Sejdovic vs L-Italja tal-1 ta’ Marzu 2006, Rikors Nru 56581/00, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet, 2006-II, § 84, 86 u 98, kif ukoll Haralampiev vs Il-Bulgarija tal-24 ta’ April 2012, Rikors Nru 29648/03, § 32 u 33).

51      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija fi tmiem ta’ kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment, imwettqa mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299 għandha l-għan, kif jindika l-Artikolu 1 tagħha, li ssaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni suġġetti għal proċeduri kriminali filwaqt li ttejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri.

52      Għalhekk, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistipula, fil-punti (a) u (b), il-kundizzjonijiet li taħthom il-persuna kkonċernata għandha titqies li rrinunzjat volontarjament u b’mod mhux ekwivoku għall-preżenza tagħha fil-kawża, b’mod li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni tal-piena għall-persuna kkundannata in absentia ma tkunx tista’ tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li hija tkun tista’ tibbenefika minn kawża mill-ġdid fil-preżenza tagħha fl-Istat Membru emittenti. Dan ikun il-każ meta, kif imsemmi fil-paragrafu 1(a), il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-kawża għalkemm tkun ġiet imsejħa personalment jew informata uffiċjalment bid-data u l-post stabbiliti għall-kawża, jew, kif imsemmi fil-punt (b) tal-istess paragrafu, meta, filwaqt li kienet taf bil-kawża skedata, hija għażlet li tiġi rrappreżentata minn konsulent legali minflok ma tidher personalment. Fir-rigward tal-paragrafu 1(ċ) u (d), dan jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija marbuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew minkejja li l-persuna kkonċernata tkun intitolata li tibbenefika minn kawża mill-ġdid, peress li tali mandat ta’ arrest jindika li l-parti kkonċernata ma tkunx talbet il-benefiċċju ta’ kawża mill-ġdid jew peress li din tkun se tiġi espressament informata bid-dritt tagħha għal kawża mill-ġdid.

53      Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 la jikser id-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq u lanqas ma jikser id-drittijiet tad-difiża kif rispettivament iggarantiti mill-Artikoli 47 u 48(2) tal-Karta.

54      Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta li għat-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa kompatibbli mar-rekwiżiti li joħorġu mill-Artikoli 47 u 48(2) tal-Karta.

 Fuq it-tielet domanda

55      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 53 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni li jissuġġetta il-konsenja ta’ persuna kkundannata in absentia għal-kundizzjoni li l-kundanna tkun tista’ tiġi riveduta fl-Istat Membru emittenti, sabiex jiġi evitat li d-dritt għal smigħ xieraq u d-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Kostituzzjoni tiegħu jiġu mittiefsa.

56      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra qabelxejn l-interpretazzjoni li l-Artikolu 53 tal-Karta jippermetti b’mod ġenerali lil Stat Membru li japplika l-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Kostituzzjoni tiegħu meta dan ikun ogħla minn dak li jirriżulta mill-Karta u li japplika dan l-istandard, jekk ikun il-każ, fil-konfront tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Tali interpretazzjoni tippermetti, b’mod partikolari, Stat Membru li jissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ sabiex jeżegwixxi sentenza mogħtija in absentia għall-kundizzjonijiet maħsuba sabiex jevitaw interpretazzjoni li tillimita d-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill-Kostituzzjoni tiegħu jew li tippreġudikhom, anki jekk l-applikazzjoni ta’ tali kundizzjonijiet ma tkunx permessa mill-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

57      Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta ma tistax tiġi sostnuta.

58      Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Karta tista’ tippreġudika l-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, peress li din tippermetti lil Stat Membru li jostakola l-applikazzjoni ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni li jkunu għalkollox konformi mal-Karta, minħabba li dawn ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-kostituzzjoni ta’ dak l-Istat.

59      Fil-fatt, ġurisprudenza ferm stabbilita tipprovdi li skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li huwa karatteristika essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara Opinjoni 1/91, tal-14 ta’ Diċembru 1991, Ġabra p. I-6079, punt 21, u Opinjoni 1/09, tat-8 ta’ Marzu 2011, punt 65), il-fatt li Stat Membru jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, anki jekk dawn ikunu ta’ livell kostituzzjonali, ma jistax jaffettwa l-effett tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju ta’ dan l-Istat (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, Ġabra p. 1125, punt 3, u tat-8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C-409/06, Ġabra p. I-8015, punt 61).

60      Ċertament, l-Artikolu 53 tal-Karta jikkonferma li, fejn att tad-dritt tal-Unjoni jirrikjedi miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, sakemm din l-applikazzjoni ma tikkompromettix il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

61      Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 40 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jagħtix lill-Istati Membri l-possibbiltà li jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew meta l-persuna kkonċernata tkun taqa’ taħt wieħed mill-erba’ każijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni.

62      Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, li daħħlet l-imsemmija dispożizzjoni fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hija intiża sabiex tirrimedja għad-diffikultajiet tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna kkonċernata fil-kawża tagħha li huma riżultat tal-eżistenza, fl-Istati Membri, ta’ differenzi fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Għal dan il-għan, din id-deċiżjoni qafas tfittex armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-każ ta’ kundanna in absentia, li tirrifletti l-kunsens milħuq mill-Istati Membri kollha dwar il-portata li għandha tingħata, taħt id-dritt tal-Unjoni, lid-drittijiet proċedurali li jgawdu persuni kkundannati in absentia li jkunu suġġetti għal mandat ta’ arrest Ewropew.

63      Konsegwentement, jekk jiġi kkunsidrat li Stat Membru jista’ jinvoka l-Artikolu 53 tal-Karta sabiex jissuġġetta l-konsenja ta’ persuna kkundannata in absentia għall-kundizzjoni, mhux prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, li l-kundanna tkun tista’ tiġi riveduta fl-Istat Membru emittenti, sabiex jiġi evitat ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Kostituzzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, tali kunsiderazzjoni twassal, filwaqt li tqiegħed f’dubju l-uniformità tal-istandard ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ddefiniti minn din id-deċiżjoni qafas, għal ksur tal-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku li din id-deċiżjoni qafas għandha l-għan li ssaħħaħ u, għalhekk, tikkomprometti l-effettività tagħha.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 53 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru li jissuġġetta l-konsenja ta’ persuna kkundannata in absentia għall-kundizzjoni li l-kundanna tkun tista’ tiġi riveduta fl-Istat Membru emittenti, sabiex jiġi evitat il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-kostituzzjoni tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li, fl-ipoteżijiet indikati f’din id-dispożizzjoni, tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena għall-kundizzjoni li l-kundanna mogħtija in absentia tkun tista’ tiġi riveduta fl-Istat Membru emittenti.

2)      L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299, huwa kompatibbli mar-rekwiżiti li joħorġu mill-Artikoli 47 u 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-Artikolu 53 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru li jissuġġetta l-konsenja ta’ persuna kkundannata in absentia għall-kundizzjoni li l-kundanna tkun tista’ tiġi riveduta fl-Istat Membru emittenti, sabiex jiġi evitat il-ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u tad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-kostituzzjoni tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.