Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fid-9 ta’ Frar 2017 – NCG Banco, S.A. (attwalment Abanca Corporación Bancaria, S.A.) vs Alberto García Salamanca Santos

(Kawża C-70/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Supremo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: NCG Banco, S.A. (attwalment Abanca Corporación Bancaria S.A.)

Konvenut: Alberto García Salamanca Santos

Domandi preliminari

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-possibbiltà li qorti nazzjonali, meta tiddeċiedi dwar in-natura inġusta ta’ klawżola ta’ skadenza antiċipata inkluża f’kuntratt ta’ self ipotekarju konkluż ma’ konsumatur li tipprevedi l-iskadenza minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ pagament, flimkien ma’ każijiet oħra ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ iktar pagamenti, tevalwa n-natura inġusta biss tal-parti jew tal-każ tan-nuqqas ta’ ħlas ta’ pagament u żżomm il-validità tal-ftehim ta’ skadenza antiċipata minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ pagamenti wkoll previst b’mod ġenerali fil-klawżola, irrispettivament mill-fatt li d-deċiżjoni konkreta tal-validità jew tan-natura inġusta għandha tmur lura għall-mument li fih ġiet eżerċitata l-possibbiltà?

Ladarba klawżola ta’ skadenza antiċipata ta’ kuntratt ta’ self jew ta’ kreditu b’garanzija ipotekarja tiġi ddikjarata inġusta, qorti nazzjonali għandha s-setgħa, skont id-Direttiva 93/13/KE, tqis li l-applikazzjoni supplementari ta’ regola tad-dritt nazzjonali, anke jekk tiddetermina l-bidu jew it-tkomplija tal-proċess ta’ eżekuzzjoni kontra l-konsumatur, tirriżulta iktar favorevoli fir-rigward ta’ dan tal-aħħar milli l-abbandun ta’ dan il-proċess speċjali ta’ eżekuzzjoni ipotekarja u l-possibbiltà għall-kreditur li jibda x-xoljiment tal-kuntratt ta’ self jew ta’ kreditu jew jitlob il-ħlas lura tal-ammonti dovuti, u l-eżekuzzjoni sussegwenti tas-sentenza ta’ kundanna, mingħajr il-vantaġġi li l-eżekuzzjoni speċjali ipotekarja tirrikonoxxi lill-konsumatur?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Volum 2, p. 288).