Language of document : ECLI:EU:C:2013:240

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ April 2013 (*)

“Privattiva unitarja – Deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa skont l-Artikolu 329(1) TFUE – Rikors għal annullament minħabba inkompetenza, użu ħażin ta’ poter u ksur tat-Trattati – Kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 20 TUE kif ukoll 326 TFUE u 327 TFUE – Kompetenza mhux esklużiva – Deċiżjoni adottata ‘bħala l-aħħar għażla’ – Preżervazzjoni tal-interessi tal-Unjoni”

Fil-Kawżi magħquda C-274/11 u C-295/11,

li għandhom bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit-30 u fil-31 ta’ Mejju 2011 rispettivament,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

rikorrent,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

intervenjenti,

u

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

intervenjent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn T. Middleton u F. Florindo Gijón kif ukoll minn A. Lo Monaco, sussegwentement minn T. Middleton u F. Florindo Gijón kif ukoll minn M. Balta u K. Pellinghelli, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet kif ukoll minn J.‑C. Halleux u T. Materne, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, D. Hadroušek u J. Vláčil, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn N. J. Travers, BL,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. Belliard kif ukoll minn G. de Bergues u A. Adam, bħala aġenti,

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u K. Molnár, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels u M. de Ree, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna kif ukoll minn E. Gromnicka u M. Laszuk, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk u C. Meyer-Seitz, bħala aġenti,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn L. Seeboruth, bħala aġent, assistit minn T. Mitcheson, barrister,

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn I. Díez Parra u G. Ricci kif ukoll minn M. Dean, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn I. Martínez del Peral kif ukoll minn T. van Rijn, B. Smulders, F. Bulst u L. Prete, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, A. Tizzano, M. Ilešič (Relatur), T. von Danwitz, J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Settembru 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikorsi tagħhom, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/167/UE, tal-10 ta’ Marzu 2011, li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja (ĠU L 76, p. 53, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Id-deċiżjoni kkontestata

2        Id-deċiżjoni kkontestata hija fformulata kif ġej:

“[w]ara li kkunsidra t-Trattat [FUE], u b’mod partikolari l-Artikolu 329(1) tiegħu

[…]

Billi:

(1)      Skont l-Artikolu 3(3) tat-[TUE], l-Unjoni għandha tistabbilixxi suq intern, għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u għandha tippromwovi l-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku. [...] Privattiva unitarja li tipprovdi effetti uniformi fl-Unjoni kollha għandha tkun fost l-istrumenti legali għad-dispożizzjoni tal-impriżi.

[...]

(3)      Fil-5 ta’ Lulju 2000, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-privattiva Komunitarja għall-ħolqien ta’ privattiva unitarja li tipprovdi protezzjoni uniformi fl-Unjoni kollha. Fit-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-Unjoni Ewropea (minn hawn il’ quddiem ‛ir-Regolament propost dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni’) li jipprovdi għall-arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli għall-privattiva tal-Unjoni Ewropea.

(4)      Fil-laqgħa tal-Kunsilll tal-10 ta’ Novembru 2010, ġie rreġistrat li ma kienx hemm unanimità biex ir-Regolament propost dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni jimxi ’l quddiem. Ġie kkonfermat fl-10 ta’ Diċembru 2010 li kienu jeżistu diffikultajiet li ma jistgħux jingħelbu, u b’hekk għamlu l-unanimità impossibbli dak il-ħin u fil-futur prevedibbli. Peress li l-ftehim dwar ir-Regolament propost dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni huwa meħtieġ għal ftehim finali dwar il-protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Unjoni, huwa stabbilit li l-objettiv tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja għall-Unjoni ma setax jintlaħaq fi żmien raġonevoli bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

(5)      F’dawn iċ-ċirkostanzi, tnax-il Stat Membru, jiġifieri d-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, Franza, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit, indirizzaw talbiet lill-Kummissjoni permezz ta’ ittri tas-7, it-8 u t-13 ta’ Diċembru 2010 li jindikaw li xtaqu jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattivi unitarja fuq il-bażi tal-proposti eżistenti appoġġjati minn dawn l-Istati Membri matul in-negozjati u li l-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill għal dak il-għan. It-talbiet ġew ikkonfermati fil-laqgħa tal-Kunsill fl-10 ta’ Diċembru 2010. Sadattant, tlettax-il Stat Membru ieħor, jiġifieri l-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, il-Greċja, Ċipru, il-Latvja, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovakkja kitbu lill-Kummissjoni u indikaw li huma wkoll jixtiequ jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa maħsuba. B’kollox, ħamsa u għoxrin Stat Membru talbu l-kooperazzjoni msaħħa.

(6)      Il-kooperazzjoni msaħħa għandha tipprovdi l-qafas legali meħtieġ għall-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Istati Membri parteċipanti u tiżgura l-possibbiltà għall-impriżi fl-Unjoni kollha biex itejbu l-kompetittività tagħhom billi jkollhom l-għażla li jfittxu l-protezzjoni tal-privattivi uniformi fl-Istati Membri parteċipanti […]

(7)      Il-kooperazzjoni msaħħa għandha timmira li toħloq privattiva unitarja, li tipprovdi protezzjoni uniformi fit-territorji kollha tal-Istati Membri parteċipanti, li tingħata fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri kollha mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO). Bħala parti neċessarja tal-privattiva unitarja, l-arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli għandhom ikunu sempliċi u kosteffikaċi u jikkorrispondu għal dawk previsti fil-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-arranġamenti għat-traduzzjoni għall-privattiva tal-Unjoni Ewropea, ippreżentata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2010, flimkien mal-elementi ta’ kompromess proposti mill-Presidenza f’Novembru 2010 li kellhom appoġġ wiesgħa fil-Kunsill. L-arranġamenti għat-traduzzjoni jżommu l-possibbiltà tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-privattivi fi kwalunkwe lingwa tal-Unjoni fl-EPO u jiżguraw kumpens tal-kosti relatati mat-traduzzjoni ta’ applikazzjonijiet ippreżentati f’lingwi oħra differenti minn waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO. Il-privattiva li għandha effett unitarju għandha tingħata biss f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-EPO […]. Ebda traduzzjoni oħra ma tkun meħtieġa bla ħsara għal arranġamenti transitorji […]

[...]

(9)      Il-qasam li fih ser isseħħ il-kooperazzjoni msaħħa, jiġifieri l-istabbiliment ta’ miżuri għall-ħolqien ta’ privattiva unitarja li tipprovdi protezzjoni fl-Unjoni kollha u t-twaqqif ta’ arranġamenti ta’ awtorizzazzjoni, koordinazzjoni u superviżjoni ċentralizzati fil-livell tal-Unjoni, huwa identifikat mill-Artikolu 118 [TFUE] bħala wieħed mill-oqsma koperti mit-Trattati.

(10)      Ġie rreġistrat fil-laqgħa tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2010 u kkonfermat fl-10 ta’ Diċembru 2010 li l-objettiv biex tiġi stabbilita protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Unjoni ma jistax jintlaħaq f’perijodu raġonevoli mill-Unjoni bħala entità sħiħa, u b’hekk jiġi ssodisfat ir-rekwiżit [previst] fl-Artikolu 20(2) [TUE] li l-kooperazzjoni msaħħa tiġi adottata biss bħala l-aħħar għażla.

(11)      Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja timmira li tippromwovi [avvanz] xjentifiku u teknoloġiku u l-funzjonament tas-suq intern. Il-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja għal grupp ta’ Stati Membri jtejjeb il-livell tal-protezzjoni tal-privattivi billi jipprovdi l-possibbiltà li tinkiseb protezzjoni uniformi tal-privattivi fit-territorji kollha tal-Istati Membri parteċipanti u jelimina l-kosti u l-kumplessità għal dawk it-territorji. Għaldaqstant, dan jippromwovi l-objettivi tal-Unjoni, jipproteġi l-interessi tagħha u jirrinforza l-proċess ta’ integrazzjoni tagħha skont l-Artikolu 20(1) [TUE].

[...]

(14)      Il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri mhux parteċipanti. Il-possibbiltà tal-kisba ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti ma taffettwax id-disponibbiltà jew il-kondizzjonijiet tal-protezzjoni tal-privattiva fit-territorji tal-Istati Membri mhux parteċipanti. Barra minn hekk, l-impriżi minn Stati Membri mhux parteċipanti għandu jkollhom il-possibbiltà li jiksbu protezzjoni tal-privattiva unitarja fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti taħt l-istess kondizzjonijiet bħall-impriżi minn Stati Membri parteċipanti. Ir-regoli eżistenti ta’ Stati Membri mhux parteċipanti li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet ta’ ksib ta’ protezzjoni tal-privattiva fit-territorju tagħhom jibqgħu ma jkunux affettwati.

[...]

(16)      [...] il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja hija miftuħa f’kull mument għall-Istati Membri kollha li jixtiequ jikkonformaw mal-atti diġà adottati fi ħdan dan il-qafas skont l-Artikolu 328 [TFUE],

[...]

Artikolu 1

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huma b’dan awtorizzati li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, billi japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-adozzjoni tagħha.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

3        B’digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ottubru 2011, ir-Repubblika Taljana tħalliet tintervjeni, fil-Kawża C‑274/11, insostenn tat-talbiet tar-Renju ta’ Spanja u, fl-istess kawża, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kummissjoni tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

4        B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ottubru 2011, ir-Renju ta’ Spanja tħalla jintervjeni, fil-Kawża C‑295/11, insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana u, fl-istess kawża, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-Parlament kif ukoll il-Kummissjoni tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

5        Ġew iddepożitati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Istati Membri kollha, minbarra r-Repubblika tal-Latvja, u mill-istituzzjonijiet kollha li intervjenew fil-kawża (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti”).

6        Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2012, il-Kawżi C‑274/11 u C‑295/11 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u għas-sentenza.

 Fuq ir-rikorsi

7        Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja prinċipalment isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter u minn ksur tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni. Sussidjarjament, huwa jargumenta li hemm ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 20 TUE kif ukoll 326 TFUE u 327 TFUE, b’mod partikolari dawk relattivi għan-natura mhux esklużiva tal-kompetenza li l-eżerċizzju tagħha huwa awtorizzat bis-saħħa tal-kooperazzjoni msaħħa, għan-neċessità li wieħed jirrikorri għaliha bħala l-aħħar għażla biss u għall-assenza ta’ effett ħażin fuq is-suq intern.

8        Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Taljana ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata, qabelxejn, minn inkompetenza tal-Kunsill li jistabbilixxi kooperazzjoni msaħħa bl-għan tal-ħolqien ta’ protezzjoni permezz ta’ privattiva unitarja (iktar ’il quddiem il-“kooperazzjoni msaħħa inkawża”), imbagħad, minn użu ħażin ta’ poter u minn nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-forom proċedurali sostanzjali, jiġifieri, b’mod partikolari, nuqqas ta’ motivazzjoni kif ukoll ksur tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 20(2) TUE, li tgħid li d-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa għandha tiġi adottata bħala l-aħħar għażla, u, fl-aħħar nett, ksur diversi tal-Artikolu 20 TUE kif ukoll tal-Artikoli 118 YFUE u 326 TFUE.

9        Billi l-kawżi C‑274/11 u C‑295/11 ngħaqdu, l-argumenti mressqa insostenn ta’ dawn iż-żewġ rikorsi jistgħu jinġabru f’ħames motivi, ibbażati, rispettivament, fuq l-inkompetenza tal-Kunsill sabiex jistabbilixxi l-kooperazzjoni msaħħa inkawża, fuq użu ħażin ta’ poter, fuq ksur tal-kundizzjoni li tgħid li deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa għandha tiġi adottata bħala l-aħħar għażla, fuq il-ksur tal-Artikoli 20(1) TUE, 118 TFUE, 326 TFUE kif ukoll 327 TFUE, u fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kunsill sabiex jawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa inkawża

 L-argumenti tal-partijiet

10      Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jsostnu li l-qasam ikkonċernat, jiġifieri dak dwar il-ħolqien ta’ drittijiet Ewropej sabiex tiġi żgurata protezzjoni uniformi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, stabbilita fl-Artikolu 118 TFUE, ma jirrigwardax waħda mill-kompetenzi kondiviżi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni, iżda l-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar prevista fl-Artikolu 3(1)(b) TFUE dwar “l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern”.

11      Għaldaqstant il-Kunsill ma għandux kompetenza li jawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa inkawża. Fil-fatt, l-Artikolu 20(1) TUE jeskludi kull kooperazzjoni msaħħa fil-kuntest tal-kompetenzi esklużivi tal-Unjoni.

12      Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-leġiżlazzjoni dwar il-privattiva unitarja ser tiddefinixxi l-portata u l-limitazzjonijiet tal-monopolju mogħti b’dan id-dritt ta’ proprjetà intellettwali. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni ser tikkonċerna l-istabbiliment ta’ regoli li huma essenzjali għaż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta.

13      Barra minn hekk, klassifikazzjoni tal-kompetenzi attribwiti bl-Artikolu 118 TFUE bħala kompetenzi kondiviżi hija kontradetta mill-fatt li dan l-artikolu, filwaqt li jagħmel riferiment għas-suq intern u minkejja li jissemma fil-Kapitolu tat-Trattat FUE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, ma jagħtix lill-Unjoni setgħa ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali, iżda kompetenza speċifika sabiex joħloq drittijiet Ewropej.

14      Ir-Repubblika Taljana żżid li l-Artikoli 3 TFUE sa 6 TFUE jistabbilixxu biss klassifikazzjoni indikattiva tal-oqsma li fihom l-Unjoni għandha kompetenza. Għaldaqstant huwa plawżibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tikklassifika l-kompetenzi mogħtija bl-Artikolu 118 TFUE bħala esklużivi mingħajr ma tibbaża ruħha fuq il-lista li tinsab fl-Artikolu 3(1) TFUE.

15      Il-Kunsill u l-intervenjenti li jsostnuh isostnu li r-regoli fil-qasam tal-proprjetà intellettwali jaqgħu taħt is-suq intern u li, f’dan il-qasam, l-Unjoni għandha kompetenza kondiviża skont l-Artikolu 4(2)(a) TFUE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

16      Id-deċiżjoni kkontestata għandha l-għan li tawtorizza l-25 Stat Membru msemmija fl-Artikolu 1 tagħha sabiex bejniethom jeżerċitaw, f’dak li jikkonċerna l-ħolqien ta’ protezzjoni permezz ta’ privattiva unitarja, il-kompetenzi attribwiti bl-Artikolu 118 TFUE.

17      Sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-kompetenzi għandhomx natura mhux esklużiva u għaldaqstant jistgħux, skont l-Artikolu 20 TUE u b’osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu kif ukoll fl-Artikoli 326 TFUE sa 334 TFUE, jiġu eżerċitati b’kooperazzjoni msaħħa, għandu jiġi kkonstatat qabelxejn li huwa “[f]il-qafas ta’ l-istabbiliment jew tal-funzjonament tas-suq intern” li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE jattribwixxi l-kompetenza li jinħolqu drittijiet Ewropej ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll li jiġu stabbiliti, f’dak li jikkonċerna dawn id-drittijiet, sistemi ta’ awtorizzazzjoni, ta’ koordinazzjoni u ta’ kontroll iċċentralizzati fil-livell tal-Unjoni.

18      Il-kompetenza sabiex jiġu stabbiliti s-sistemi lingwistiċi tal-imsemmija drittijiet, mogħtija bit-tieni paragrafu tal-imsemmi Artikolu 118, hija marbuta mill-qrib mal-introduzzjoni ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll mal-introduzzjoni tas-sistemi ċentralizzati msemmija fl-ewwel paragrafu tal-istess artikolu. Konsegwentement, din il-kompetenza wkoll tinsab fil-kuntest tal-funzjonament tas-suq intern.

19      Issa, skont l-Artikolu 4(2) TFUE, il-kompetenzi kondiviżi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri japplikaw, fost oħrajn, għall-qasam tas-“suq intern”.

20      F’dak li jirrigwarda l-argument tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Taljana li jgħid li l-kompetenzi attribwiti bl-Artikolu 118 TFUE jaqgħu taħt il-qasam “[ta]l-istabbiliment tar-regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern” imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b) TFUE u, għaldaqstant, taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, għandu jitfakkar li l-qasam tas-“suq intern” imsemmi fl-Artikolu 4(2)(a) TFUE jirreferi, skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 26(2) TFUE, għal “arja mingħajr fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat”. L-Artikolu 26(1) TFUE jipprevedi li l-Unjoni “għandha tadotta miżuri bil-ħsieb li tistabbilixxi jew li tassigura l-funzjonament tas-suq intern, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati”.

21      Mill-kliem “dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati” jirriżulta li l-kompetenzi li jaqgħu taħt il-qasam tas-suq intern ma humiex limitati għal dawk attribwiti mill-Artikoli 114 TFUE u 115 TFUE dwar l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, iżda jkopru kull kompetenza li hija konnessa mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 26 TFUE, bħalma huma l-kompetenzi attribwiti lill-Unjoni bl-Artikolu 118 TFUE.

22      Minkejja li, ċertament, ir-regoli dwar il-proprjetà intellettwali huma essenzjali għaż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq intern, madankollu huma ma jikkostitwixxux, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 58 sa 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, “regoli tal-kompetizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) TFUE.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(6) TFUE, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-arranġamenti għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni għandhom jiġu ddeterminati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati relatati għal kull qasam.

24      Issa, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-arranġamenti għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tar-“regoli tal-kompetizzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern” huma ddeterminati fit-Tielet Parti, Titolu VII, Kapitolu 1 tat-Trattat FUE, u b’mod partikolari fl-Artikoli 101 TFUE sa 109 TFUE. Għaldaqstant, li wieħed jikkunsidra l-Artikolu 118 TFUE bħala li jagħmel parti mill-imsemmi qasam ikun imur kontra l-Artikolu 2(6) TFUE u jkollu l-effett li l-portata tal-Artikolu 3(1)(b) TFUE tiġi estiża indebitament.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-kompetenzi attribwiti bl-Artikolu 118 TFUE jaqgħu f’qasam ta’ kompetenzi kondiviżi fis-sens tal-Artikolu 4(2) TFUE u, konsegwentement, għandhom natura mhux esklużiva fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1) TUE.

26      Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Kunsill sabiex jawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa inkawża, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

 L-argumenti tal-partijiet

27      Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jfakkru li kull kontribuzzjoni msaħħa għandha tikkontribwixxi għall-proċess ta’ integrazzjoni. Issa, f’dan il-każ, il-veru oġġettiv tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx li twassal għal integrazzjoni, iżda li teskludi lir-Renju ta’ Spanja u lir-Repubblika Taljana min-negozjati tas-sistema lingwistika tal-privattiva unitarja u li għaldaqstant dawn l-Istati Membri jiġu mċaħħda mill-prerogattiva tagħhom, mogħtija bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE, li jikkontestaw sistema lingwistika li huma ma jridux jingħaqdu fiha.

28      Il-fatt li t-Trattat FUE, fit-tieni paragrafu tal-imsemmi Artikolu 118, jipprevedi bażi legali partikolari għall-istabbiliment tas-sistema lingwistika ta’ dritt Ewropew ta’ proprjetà intellettwali juri n-natura sensittiva ta’ din il-kwistjoni u l-aġir mhux xieraq tal-Kunsill. Iż-żmien qasir li għadda bejn il-proposta tal-Kummissjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija turija ta’ dan l-aġir.

29      Minn dan ir-rikorrenti jikkonkludu li l-proċess ta’ kooperazzjoni msaħħa f’dan il-każ intuża sabiex xi Stati Membri jitwarrbu minn negozjati diffiċli u sabiex il-ħtieġa ta’ unanimità tiġi evitata, filwaqt li skont huma, dan il-proċess huwa maħsub sabiex jintuża f’każijiet fejn Stat Membru wieħed jew iktar ikunu għadhom ma humiex lesti jipparteċipaw f’azzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni b’mod totali.

30      Ir-Renju ta’ Spanja jżid li s-sistema ta’ privattiva unitarja maħsuba mill-parteċipanti fil-kooperazzjoni msaħħa għandha tiġi analizzata bħala ftehim partikolari fis-sens tal-Artikolu 142 tal-Konvenzjoni fuq l-Għoti ta’ privattivi Ewropej (Konvenzjoni dwar il-privattiva Ewropea), iffirmata f’München (il-Ġermanja) fil-5 ta’ Ottubru 1973 u li daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 1977 (iktar ’il quddiem l-“EPC”). Għaldaqstant, minkejja li ppreżenta l-ħolqien ta’ privattiva unitarja bħala kooperazzjoni msaħħa, fil-verità l-Kunsill xtaq jawtorizza l-ħolqien ta’ kategorija speċifika ta’ privattiva Ewropea fil-kuntest tal-EPC, ħolqien li, skont dan l-Istat Membru, ma għandux ikollu lok permezz ta’ proċedura prevista mit-Trattat UE jew it-Trattat FUE.

31      Il-Kunsill isostni li, jekk ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana ma jipparteċipawx f’din il-kooperazzjoni msaħħa, dan huwa għaliex huma jirrifjutaw li jagħmlu hekk u mhux għaliex huma esklużi minnha. Barra minn hekk, il-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata tenfasizza li l-kooperazzjoni msaħħa hija dejjem miftuħa għall-Istati Membri kollha. Minbarra dan, il-ħolqien ta’ protezzjoni permezz ta’ privattiva unitarja tiffavorixxi l-għanijiet tal-Unjoni u ssaħħaħ il-proċess ta’ integrazzjoni.

32      L-intervenjenti insostenn tal-Kunsill jingħaqdu ma’ din il-pożizzjoni. Huma jenfasizzaw li l-oqsma li jirrikjedu l-unanimità bl-ebda mod ma huma esklużi mill-oqsma li fihom hija permessa kooperazzjoni msaħħa. Barra minn hekk, dan huwa proċess li jippermetti li jingħelbu l-problemi li jirrigwardaw il-minoranzi li jimblokkaw.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33      Att ikun ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter biss jekk, abbażi ta’ ħjiel oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ikun ittieħed esklużivament, jew tal-inqas b’mod determinanti, għal finijiet li ma humiex dawk li għalihom il-poter inkwistjoni ngħata jew bl-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċjalment mit-Trattati sabiex jiffaċċjaw iċ-ċirkustanzi tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2008, Spanja vs Il-Kunsill, C‑442/04, Ġabra p. I‑3517, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Permezz tal-motiv tagħhom ibbażat fuq tali użu ħażin ta’ poter, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana essenzjalment jikkritikaw lill-Kunsill talli, billi awtorizza l-kooperazzjoni msaħħa inkwistjoni, huwa evita l-ħtieġa ta’ unanimità prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE u warrab l-oppożizzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri għall-proposta tal-Kummissjoni dwar is-sistema lingwistika tal-privattiva unitarja.

35      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li xejn fl-Artikoli 20 TUE jew 326 TFUE sa 334 TFUE ma jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-kuntest tal-kompetenzi tal-Unjoni li, skont it-Trattati, għandhom jiġu eżerċitati b’unanimità. Għall-kuntrarju, mill-Artikolu 333(1) TFUE jirriżulta li, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmija Artikoli 20 TUE u 326 TFUE sa 334 TFUE jiġu ssodisfatti, tali kompetenzi jipprestaw ruħhom għal kooperazzjoni msaħħa u li f’dan il-każ, sakemm il-Kunsill ma jkunx iddeċieda li d-deċiżjoni tittieħed b’maġġoranza kkwalifikata, l-unanimità għandha tkun ikkostitwita bil-voti tal-Istati Membri parteċipanti biss.

36      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana, l-Artikoli 20 TUE u 326 TFUE sa 334 TFUE ma jillimitawx il-fakultà li tintuża kooperazzjoni msaħħa fl-eventwalità biss fejn Stat Membru wieħed jew iktar jiddikjaraw li għadhom ma humiex lesti jipparteċipaw f’azzjoni leġiżlattiva tal-Unjoni fl-intier tagħha. Skont l-Artikolu 20(2) TUE, is-sitwazzjoni li tista’ leġittimament twassal għal kooperazzjoni msaħħa hija dik li fiha “l-objettivi ta’ dik il-kooperazzjoni ma jistgħux jitwettqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni sħiħa”. L-impossibbiltà li tirreferi għaliha din id-dispożizzjoni tista’ tkun dovuta għal kawżi differenti, bħalma huma n-nuqqas ta’ interess ta’ Stat Membru jew iktar jew in-nuqqas ta’ kapaċità tal-Istati Membri, li jkunu kollha interessati fl-adozzjoni ta’ sistema fil-livell tal-Unjoni, milli jaslu għal ftehim dwar il-kontenut ta’ tali sistema.

37      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza kooperazzjoni msaħħa wara li jkun ikkonstatat li l-privattiva unitarja u s-sistema lingwistika tagħha ma setgħux jiġu stabbiliti b’terminu raġonevoli mill-Unjoni kollha, bl-ebda mod ma tikkostitwixxi evitar tal-ħtieġa ta’ unanimità stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 118 TFUE u, barra minn hekk, lanqas l-esklużjoni tal-Istati Membri li ma aderixxewx mat-talbiet ta’ kooperazzjoni msaħħa. Sakemm din tkun tikkonforma mal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 20 TUE kif ukoll  326 et seq TFUE, li hija xi ħaġa eżaminata fil-kuntest ta’ motivi oħra, id-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix użu ħażin ta’ poter iżda tikkontribwixxi, fid-dawl tal-impossibbiltà li wieħed jasal għal sistema komuni għall-Unjoni kollha f’terminu raġonevoli, għall-proċess ta’ integrazzjoni.

38      Barra minn hekk, din il-konklużjoni bl-ebda mod ma hija invalidata mill-argument tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq l-eżistenza tal-Artikolu 142 tal-EPC.

39      Skont l-Artikolu 142(1), “[k]ull grupp ta’ Stati kontraenti li, fi ftehim partikolari, ikun ipprovda li l-privattivi Ewropej mogħtija lil dawk l-Istati għandu jkollhom natura unitarja fl-intier tat-territorji tagħhom, jista’ jipprovdi li l-privattivi Ewropej jistgħu jingħataw biss konġuntament għal dawn l-Istati kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

40      Peress li kull Stat Membru tal-Unjoni huwa Stat kontraenti tal-EPC, il-ħolqien ta’ privattiva Ewropea b’effett unitarju bejn Stati Membri tal-Unjoni, bħalma huwa previst mid-deċiżjoni kkontestata, jista’, hekk kif isostni r-Renju ta’ Spanja, jitwettaq bi “ftehim partikolari” fis-sens tal-Artikolu 142 tal-EPC. Madankollu, kuntrarjament għal dak li jsostni dan l-Istat Membru, minn din iċ-ċirkustanza ma jistax jiġi dedott li l-poter previst fl-Artikolu 20 TUE huwa użat għal finijiet li ma humiex dawk li għalihom huwa ngħata meta Stati Membri tal-Unjoni ħolqu tali privattiva permezz ta’ att adottat fil-kuntest ta’ kooperazzjoni msaħħa minflok ikkonkludew ftehim internazzjonali.

41      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-kundizzjoni li tgħid li deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa għandha tiġi adottata bħala l-aħħar għażla

 L-argumenti tal-partijiet

42      Ir-rikorrenti jsostnu li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 20(2) TUE, dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa bħala l-aħħar għażla, għandha tiġi osservata b’mod strett. Issa, f’dan il-każ, il-possibbiltajiet ta’ negozjati bejn l-Istati Membri kollha dwar is-sistema lingwistika tal-privattiva unitarja bl-ebda mod ma ġew eżawriti.

43      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li lanqas biss ma għadda perijodu ta’ sitt xhur bejn il-proposta ta’ sistema lingwistika ppreżentata mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ġunju 2010 u l-proposta ta’ kooperazzjoni msaħħa ppreżentata minn din l-istess istituzzjoni fl-14 ta’ Diċembru sussegwenti. Fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn l-ewwel proposta ta’ regolament dwar il-privattiva Komunitarja ppreżentata matul ix-xahar ta’ Awwissu 2000 sal-imsemmija proposta ta’ sistema lingwistika tal-Kummissjoni, dan ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk id-deċiżjoni kkontestata ġietx adottata bħala l-aħħar għażla. Dwar dan is-suġġett, l-istess Stat Membru jsostni li, matul is-sena 2003, ġie ddefinit approċċ komuni u li, sussegwentement, il-kwistjoni lingwistika ma reġgħetx ġiet diskussa b’mod sinjifikattiv fi ħdan il-Kunsill.

44      Ir-Repubblika Taljana tammetti li l-Kunsill għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dak li jikkonċerna l-istat tan-negozjati u li l-kwistjoni tal-osservanza tal-kundizzjoni dwar l-adozzjoni, bħala l-aħħar għażla, ta’ deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa għaldaqstant tista’ tiġi eżaminata biss b’mod limitat mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-każ, madankollu, il-“pakkett leġiżlattiv” dwar il-privattiva unitarja kienet inkompleta u n-negozjati ddedikati għas-sistema lingwistika kienu qosra. F’dawn il-kundizzjonijiet, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 20(2) TUE huwa manifest.

45      Skont ir-Repubblika Taljana, id-deċiżjoni kkontestata hija wkoll ivvizzjata minn nuqqas ta’ eżami u ta’ motivazzjoni, sa fejn din tesprimi, b’mod konċiż wisq, għal liema raġunijiet il-Kunsill iqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti bit-Trattati UE u FUE dwar il-kooperazzjoni msaħħa huma ssodisfatti.

46      Il-Kunsill u l-intervenjenti li jsostnuh jenfasizzaw is-sitwazzjoni ta’ impass li wasslu għaliha n-negozjati, diġà twal ħafna, dwar il-privattiva unitarja u s-sistema lingwistika tagħha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47      Skont l-Artikolu 20(2) TUE, il-Kunsill tista’ tawtorizza kooperazzjoni msaħħa biss “bħala l-aħħar għażla meta jistabbilixxi li l-objettivi ta’ dik il-koperazzjoni ma jistgħux jitwettqu fi żmien raġonevoli mill-Unjoni sħiħa”.

48      Din il-kundizzjoni għandha importanza partikolari u għandha tinqara fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(1) TUE, li jgħid li l-kooperazzjonijiet imsaħħa “għandhom jimmiraw sabiex jiffavorixxu l-kisba ta’ l-objettivi ta’ l-Unjoni, sabiex iħarsu l-interessi tagħha u jsaħħu l-proċess ta’ integrazzjoni tagħha”.

49      L-interessi tal-Unjoni u l-proċess kjarament ma jistgħux ikunu ppreżervati jekk kull negozjat li ma kienx ta’ suċċess seta’ jwassal għal koperazzjoni msaħħa waħda jew iktar minn waħda għad-detriment tat-tfittxija ta’ kompromess li jippermetti li tiġi adottata leġiżlazzjoni għall-Unjoni kollha kemm hi.

50      Għaldaqstant, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punti 108 u 111 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kliem “bħala l-aħħar għażla” jenfasizzaw li huma biss sitwazzjonijiet ikkaratterizzati mill-impossibbiltà li tiġi adottata tali leġiżlazzjoni fil-futur prevedibbli li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa.

51      Ir-rikorrenti jsostnu li kemm fid-data li fiha l-Kummissjoni ssottomettiet il-proposta tagħha ta’ awtorizzazzjoni lill-Kunsill kif ukoll dik tad-deċiżjoni kkontestata, dejjem kienu jeżistu ċansijiet reali li wieħed jasal għal kompromess. Huma jsostnu wkoll li n-negozjati sabiex wieħed jasal għal ftehim dwar il-privattiva unitarja u s-sistema lingwistika tagħha ma kinux varjati u fil-fond daqs kemm jallegaw il-Kunsill u l-intervenjenti li jsostnuh.

52      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa jipparteċipaw il-Kummissjoni, li tissottometti proposta f’dan is-sens, il-Parlament Ewropew, li japprovaha, u l-Kunsill, li jieħu d-deċiżjoni definittiva li tawtorizza l-kooperazzjoni msaħħa.

53      Billi jieħu l-imsemmija deċiżjoni definittiva, il-Kunsill għandu l-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwa jekk l-Istati Membri jagħtux prova ta’ rieda ta’ kompromess u humiex f’pożizzjoni li jissottomettu proposti li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni għall-Unjoni kollha kemm hi fil-futur prevedibbli.

54      Għaldaqstant jaqbel li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha tal-osservanza tal-kundizzjoni tal-adozzjoni, bħala l-aħħar għażla, ta’ deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa, tivverifika jekk il-Kunsill eżaminax b’attenzjoni u imparzjalità l-elementi li huma rilevanti għal dan is-suġġett u jekk il-konklużjoni li wasal għaliha dan tal-aħħar hijiex motivata biżżejjed.

55      F’dan il-każ, kif xieraq il-Kunsill ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proċess leġiżlattiv mibdi għall-ħolqien ta’ privattiva unitarja fil-livell tal-Unjoni ingħata bidu matul is-sena 2000 u għadda minn diversi stadji, li ġew rikonstitwiti mill-Avukat Ġenerali fil-punti 119 sa 123 tal-konklużjonijiet tiegħu u spjegati fid-dettall fil-proposta ta’ kooperazzjoni msaħħa ppreżentata mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Diċembru 2010 [COM(2010) 790 finali, p. 3 sa 6] kif ukoll, b’mod iktar konċiż, fil-premessi 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata.

56      Jidher ukoll li numru kunsiderevoli ta’ sistemi lingwistiċi differenti għall-privattiva unitarja ġew diskussi bejn l-Istati Membri kollha fi ħdan il-Kunsill u li ebda waħda minn dawn is-sistemi, sew jekk bi jew mingħajr iż-żieda ta’ elementi ta’ kompromess, ma kisbet appoġġ li jista’ jwassal għall-adozzjoni, fil-livell tal-Unjoni, ta’ “pakkett leġiżlattiv” komplet dwar tali privattiva.

57      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma pprovdew ebda element konkret ta’ natura li jikkonfuta l-affermazzjoni tal-Kunsill li tgħid li l-assenza ta’ appoġġ suffiċjenti għal kull sistema lingwistika proposta jew prevedibbli dejjem eżista matul il-preżentata tat-talbiet għal kooperazzjoni msaħħa, meta saret il-proposta ta’ awtorizzazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Kunsill u fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

58      Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li, meta l-adozzjoni tal-att inkwistjoni tkun tagħmel parti minn kuntest li l-persuna kkonċernata kienet taf bih sew, il-motivazzjoni tista’ tingħata fil-qosor (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2012, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, C‑335/09 P, punt 152 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fin-negozjati u fil-preżentazzjoni ddettaljata tal-istadji li ma kinux ta’ suċċess preċedenti għad-deċiżjoni kkontestata fil-proposta li kellha twassal għal din id-deċiżjoni, ma jistax jiġi konkluż li din hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni li tista’ twassal għall-annullament tagħha.

59      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-kundizzjoni li tgħid li deċiżjoni li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa għandha tiġi adottata bħala l-aħħar għażla, għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 20(1) TUE, 118 TFUE, 326 TFUE u 327 TFUE

 Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 20(1) TUE

–       L-argumenti tal-partijiet

60      Skont ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana, b’mod żbaljat il-Kunsill ikkunsidra li l-kooperazzjoni msaħħa inkwistjoni ssegwi l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(1) TUE billi toħloq livell għola ta’ integrazzjoni meta mqabbel mas-sitwazzjoni attwali. Huma jsostnu li jeżisti livell ta’ uniformità minħabba l-konformità tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kollha mad-dispożizzjonijiet tal-EPC. Skont dawn, il-ħolqien ta’ privattiva unitarja li tkopri biss parti mill-Unjoni huwa ta’ natura li jostakola din l-uniformità u mhux itejjieba.

61      Il-Kunsill u l-intervenjenti li jsostnuh ifakkru li kemm il-privattivi nazzjonali kif ukoll il-privattivi Ewropej ivvalidati fi Stat Membru wieħed jew iktar jagħtu biss protezzjoni nazzjonali. Il-privattiva unitarja prevista mid-deċiżjoni kkontestata tkun tippermetti lill-impriżi li jibbenefikaw minn protezzjoni uniformi f’25 Stat Membru. Protezzjoni uniformi fl-Unjoni kollha ċertament tkun iktar favorevoli għall-funzjonament tas-suq intern, iżda l-kooperazzjoni msaħħa tal-inqas tkun tippermetti li wieħed joqrob lejn dan l-għan u għaldaqstant tkun twassal għal integrazzjoni aħjar.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62      Hekk kif sostnew il-Kunsill u l-intervenjenti li jsostnuh, il-privattivi Ewropej mogħtija skont ir-regoli tal-EPC ma jagħtux protezzjoni uniformi fl-Istati Membri kontraenti ta’ din il-konvenzjoni, iżda jiżguraw, f’kull wieħed minn dawn l-Istati, protezzjoni li l-portata tagħha hija ddefinita mid-dritt nazzjonali. Għall-kuntrarju, il-privattiva unitarja prevista bid-deċiżjoni kkontestata tagħti protezzjoni uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha parteċipanti fil-kooperazzjoni msaħħa.

63      Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-protezzjoni mogħtija minn din il-privattiva unitarja ma tagħtix benefiċċji f’termini ta’ uniformità, u għaldaqstant, ta’ integrazzjoni, meta mqabbel mas-sitwazzjoni li tirriżulta mill-implementazzjoni tar-regoli previsti mill-EPC għandu jitwarrab bħala infondat.

 Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 118 TFUE

–       L-argumenti tal-partijiet

64      Ir-Repubblika Taljana tfakkar li l-Artikolu 118 TFUE jipprevedi l-ħolqien ta’ drittijiet Ewropej għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali sabiex, bl-għajnuna tal-implementazzjoni ta’ sistemi ta’ awtorizzazzjoni, ta’ koordinazzjoni u ta’ kontroll ċentralizzati “fil-livell ta’ l-Unjoni”, tiġi żgurata protezzjoni uniformi “madwar l-Unjoni [fl-Unjoni]”. Issa, il-Kunsill awtorizza l-ħolqien ta’ dritt li, preċiżament, ma huwiex validu fl-Unjoni kollha kemm hi.

65      Il-Kunsill u l-intervenjenti li jsostnuh itennu l-pożizzjoni tagħhom li tgħid li l-privattiva unitarja prevista bid-deċiżjoni kkontestata tippermetti lill-impriżi li jgawdu minn protezzjoni uniformi f’25 Stat Membru u għaldaqstant jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66      Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 326 TFUE jirriżulta li l-eżerċizzju, permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa, ta’ kompetenza attribwita lill-Unjoni għandu, fost dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, josserva dik li tattribwixxi din il-kompetenza. Konsegwentement, il-kooperazzjoni msaħħa msemmija mill-preżenti rikorsi għandha tosserva l-Artikolu 118 TFUE.

67      Fir-rigward ta’ dan l-obbligu ta’ konformità mal-Artikolu 118 TFUE, il-kooperazzjoni msaħħa inkawża għandha tistabbilixxi miżuri li jirrigwardaw il-ħolqien ta’ dritt Ewropew li jagħti protezzjoni uniformi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.

68      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kliem “madwar l-Unjoni [fl-Unjoni]” u “fil-livell ta’ l-Unjoni” li jidhru fl-Artikolu 118 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li huwa inerenti għall-fatt li l-kompetenza attribwita minn dan l-artikolu f’dan il-każ hija eżerċitata bħala kooperazzjoni msaħħa li d-dritt Ewropew ta’ proprjetà intellettwali hekk maħluq, il-protezzjoni li huwa jagħti, u s-sistemi marbuta miegħu jkunu fis-seħħ mhux fl-Unjoni kollha, iżda biss fit-territorju tal-Istati Membri parteċipanti. ’Il bogħod milli tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 118 TFUE, din il-konsegwenza neċessarjament tirriżulta mill-Artikolu 20 TUE, li l-paragrafu (4) tiegħu jgħid li “l-atti adottati fil-qafas ta’ koperazzjoni msaħħa għandhom jorbtu biss l-Istati Membri li jipparteċipaw”.

69      Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 118 TFUE huwa infondat.

 Fuq l-allegat ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 326 TFUE

–       L-argumenti tal-partijiet

70      Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jfakkru l-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 326 TFUE li jgħid li l-kooperazzjoni msaħħa “m’għandha tikkomprometti la s-suq intern u lanqas il-koeżjoni ekonomika, soqjali u territorjali [u] m’għandhiex tkun ta’ ostakolu jew ta’ diskriminazzjoni għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, u lanqas m’għandha tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni bejniethom”.

71      Il-kooperazzjoni msaħħa inkawża timmina dawn il-prinċipji u l-għanijiet kollha. Fil-fatt, il-ħolqien ta’ protezzjoni uniformi tal-innovazzjoni f’parti biss mill-Unjoni jkun jiffavorixxi assorbiment tal-attività dwar il-prodotti innovattivi ta’ din il-parti tal-Unjoni, b’detriment għall-Istati Membri mhux parteċipanti.

72      Barra minn hekk, il-kooperazzjoni msaħħa inkwistjoni hija l-kawża ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ diskriminazzjoni bejn l-impriżi minħabba l-fatt li l-kummerċ ta’ prodotti innovattivi jkunu, skont is-sistema lingwistika prevista fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, iffaċilitat għall-impriżi li jaħdmu bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż. Il-kooperazzjoni msaħħa prevista barra minn hekk tnaqqas il-mobbiltà ta’ riċerkaturi li ġejjin minn Stati Membri li ma jipparteċipawx f’din il-kooperazzjoni jew minn Stati Membri li l-lingwa uffiċjali tagħhom ma hijiex il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż, peress li din is-sistema lingwistika prevista b’din id-deċiżjoni tagħmel l-aċċess għal informazzjoni dwar il-portata tal-privattivi diffiċli għal dawn ir-riċerkaturi.

73      Jiġi kkawżat ukoll preġudizzju għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni sa fejn l-imsemmija kooperazzjoni msaħħa xxekkel l-iżvilupp koerenti tal-politika industrijali u żżid id-differenzi bejn l-Istati Membri mill-perspettiva teknoloġika.

74      Il-Kunsill kif ukoll l-intervenjenti li jsostnuh iqisu li dan il-motiv huwa bbażat fuq premessi li jirriżultaw mill-ispekulazzjoni. Barra min hekk, il-frammentazzjoni tas-suq huwa kkawżat mhux mid-deċiżjoni kkontestata, iżda mis-sitwazzjoni attwali, fejn il-protezzjoni mogħtija mill-privattivi Ewropej hija waħda nazzjonali. Minbarra dan, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu l-argument tagħhom dwar is-sistema lingwistika prevista, ir-rikors tagħhom huma inammissibbli, peress li l-karatteristiċi definittivi ta’ din is-sistema lingwistika ma ġewx stabbiliti bid-deċiżjoni kkontestata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

75      Għall-istess raġuni bħal dik esposta fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li, billi tipproponi li toħloq privattiva unitarja applikabbli fl-Istati Membri parteċipanti u mhux parteċipanti fl-Unjoni kollha kemm hi, id-deċiżjoni kkontestata tikkawża preġudizzju lis-suq intern jew lill-koeżjoni ekonomika, soċjai u territorjali tal-Unjoni.

76      Sa fejn ir-rikorrenti, sabiex juru tali preġudizzju lis-suq intern kif ukoll diskriminazzjoni u distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, jagħmlu riferiment ukoll għas-sistema lingwistika prevista fil-premessa 7 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li l-kompatibbiltà ta’ din is-sistema mad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi eżaminata fil-kuntest tal-preżenti rikorsi.

77      Fil-fatt, hekk kif tippreċiża l-imsemmija premessa 7, is-sistema lingwistika deskritta fiha tikkorrispondi biss għal proposta tal-Kummissjoni miżjuda b’elementi ta’ kompromess proposti mill-Istat Membru li kien qiegħed jippresjedi l-Kunsill tal-Unjoni meta saru t-talbiet ta’ kooperazzjoni msaħħa. Għaldaqstant, matul l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, is-sistema lingwistika kif esposta f’din il-premessa kienet tinsab f’fażi preparatorja u ma hijiex element kostituttiv tagħha.

78      Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 326 TFUE huwa parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli.

 Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 327 TFUE

–       L-argumenti tal-partijiet

79      Għall-kuntrarju ta’ dak li jippreskrivi l-Artikolu 327 TFUE, skont ir-Renju ta’ Spanja l-kooperazzjoni msaħħa inkawża ma tirrispettax id-drittijiet tal-Istati Membri mhux parteċipanti fiha. B’mod partikolari, id-dritt tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Taljana li fil-futur jipparteċipaw f’din il-kooperazzjoni ma huwiex meħud inkunsiderazzjoni, u dan minħabba l-fatt li l-Kunsill jiffavorixxi sistema lingwistika li dawn iż-żewġ Stati Membri ma jaċċettawx.

80      Skont il-Kunsill u l-intervenjenti li jsostnuh, dan il-motiv huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li tgħid li huwa materjalment jew ġuridikament impossibbli għar-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana li jipparteċipaw f’din il-kooperazzjoni.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      Skont l-Artikolu 327 TFUE, il-kooperazzjoni msaħħa awtorizzata mid-deċiżjoni kkontestata għandha tosserva “l-kompetenzi, id-drittijiet u l-obbligi” tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Taljana bħala Stati Membri li ma jipparteċipawx f’din il-kooperazzjoni.

82      Issa, xejn fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkawża preġudizzju lil kompetenza, lil dritt jew lil obbligu ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri. B’mod partikolari, il-perspettiva, indikata permezz ta’ din id-deċiżjoni, ta’ implementazzjoni tas-sistema lingwistika li r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jopponu ma tistax tiġi kklassifikata bħala li tikkawża preġudizzju lill-kompetenzi, drittijiet u obbligi ta’ dawn tal-aħħar. Minkejja li huwa ċertament essenzjali li kooperazzjoni msaħħa ma twassalx għall-adozzjoni ta’ miżuri li jxekklu lill-Istati Membri milli jeżerċitaw il-kompetenzi u d-drittijiet tagħhom u milli jwettqu l-obbligi tagħhom, madankollu għall-kuntrarju huwa plawżibbli li l-parteċipanti f’din il-kooperazzjoni jistabbilixxu regoli li dawn l-Istati mhux parteċipanti ma jkunux jaqblu magħhom jekk huma jipparteċipaw fiha.

83      Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ tali regoli ma jrendix ineffettiva l-possibbiltà għall-Istati Membri mhux parteċipanti milli jaderixxu ruħhom fil-kooperazzjoni msaħħa. Hekk kif jipprovdi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 328(1) TFUE, tali adeżjoni hija suġġett għall-kundizzjoni li l-atti diġà adottati mill-Istati Membri parteċipanti f’din il-kooperazzjoni sa mill-bidu tagħha jiġu osservati.

84      Barra minn dan, għandu jiġi rrilevat li r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana ma kkonfutawx l-elementi msemmija fit-tieni, it-tielet u r-raba’ sentenzi tal-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata.

85      Minn dan isegwi li l-argument ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 327 TFUE huwa wkoll infondat.

86      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-raba’ motiv invokat mir-rikorrenti insostenn tar-rikorsi tagħhom, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 20(1) TUE, 118 TFUE, 326 TFUE u 327 TFUE għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni

 L-argumenti tal-partijiet

87      Ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li s-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni hija kkostitwita minn sett komplut ta’ rimedji u proċeduri intiżi li jiżguraw l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet ta’ din tal-aħħar. Il-Kunsill naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni din is-sistema billi awtorizza kooperazzjoni msaħħa mingħajr ma ġie ppreċiżat liema hija s-sistema ġudizzjarja prevista. Minkejja li ċertament ma huwiex neċessarju li, f’kull att ta’ liġi derivata, tinħoloq sistema ġudizzjarja proprja, ir-Renju ta’ Spanja jqis li s-sistema ġudizzjarja applikabbli għandu madankollu jiġi ppreċiżat f’att li jawtorizza l-ħolqien ta’ dritt Ewropew ta’ proprjetà intellettwali ġdid.

88      Il-Kunsill u l-intervenjenti li jsostnuh isostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 62 tal-Opinjoni 1/09, tat-8 ta’ Marzu 2011 (Ġabra p. I‑1137), ppreċiżat li l-Artikolu 262 TFUE jipprevedi biss il-fakultà li jinħoloq rimedju speċifiku għall-kawżi marbuta mal-applikazzjoni ta’ atti tal-Unjoni li joħolqu drittijiet Ewropej ta’ proprjetà intellettwali, iżda dan ma jimponix li jiġi stabbilit qafas ġudizzjarju partikolari. Fi kwalunkwe każ, bl-ebda mod ma jkun neċessarju li d-deċiżjoni li biha tiġi awtorizzata kooperazzjoni msaħħa għandha tinkludi preċiżazzjonijiet dwar il-modalitajiet tas-sistema ġudizzjarja li se tiġi stabbilita fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89      L-awtorizzazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa intiża bil-preżenti rikorsi ngħatat mill-Kunsill skont l-Artikolu 329(1) TFUE, jiġifieri fuq proposta tal-Kummissjoni u wara approvazzjoni mill-Parlament.

90      Min-naħa tagħha, il-proposta tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq it-talbiet tal-Istati Membri li xtaqu jistabbilixxu l-kooperazzjoni msaħħa inkawża. Skont l-imsemmi Artikolu 329(1), dawn it-talbiet kellhom jippreċiżaw “il-kamp ta’ l-applikazzjoni u l-objettivi tal-koperazzjoni msaħħa proposta”.

91      Mill-proċess jirriżulta li kemm l-imsemmija talbiet kif ukoll il-proposta tal-Kummissjoni jinkludu tali preċiżazzjonijiet. Dawn tal-aħħar ġew inklużi fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-premessi 6 u 7 tagħha.

92      Il-Kunsill ma kienx obbligat jipprovdi, fid-deċiżjoni kkontestata, informazzjoni addizzjonali dwar il-kontenut li s-sistema adottata mill-parteċipanti fil-kooperazzjoni msaħħa inkawża seta’ jkollha. Fil-fatt, l-uniku għan ta’ din id-deċiżjoni kien li tawtorizza lill-Istati Membri li għamlu t-talba li jagħtu bidu għal din il-kooperazzjoni. Sussegwentment huma dawn tal-aħħar li għandhom, billi jirrikorru għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont il-modalitajiet previsti fl-Artikoli 20 TUE u 326 TFUE sa 334 TFUE, jistabbilixxu l-privattiva unitarja u jiffissaw ir-regoli relattivi għaliha, inklużi, jekk ikun il-każ, regoli speċifiċi dwar il-qasam ġudizzjarju.

93      Minn dan isegwi li l-ħames motiv ukoll għandu jiġi miċħud.

94      Billi l-ebda wieħed mill-motivi invokati mir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana insostenn tar-rikorsi tagħhom ma jista’ jintlaqa’, dawn għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi l-Kunsill talab li r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Taljana jiġu kkundannati u billi dawn tilfu, għandu jiġi deċiż li kull wieħed minn dawn l-Istati Membri għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mill-Kunsill fil-Kawża C‑274/11 u fil-Kawża C‑295/11 rispettivament.

96      B’applikazzjoni tal-Artikolu 140(1) tal-istess regolament, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C‑274/11.

3)      Ir-Repubblika Taljana għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C‑295/11.

4)      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Latvja, l-Ungerija, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Firem


* Lingwi tal-kawża: l-Ispanjol u t-Taljan.