Language of document : ECLI:EU:C:2007:292

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ppreżentati fit-23 ta’ Mejju 2007 1(1)

Kawża C-438/05

International Transport Workers’ Federation

u

Finnish Seamen’s Union

vs

Viking Line ABP

u

OÜ Viking Line Eesti

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti ta’ l-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)






1.        Il-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division), fi proċeduri ta’ appell mill-High Court of Justice (Commercial Court) , għamlet serje ta’ domandi li jirrikjedu lil din il-Qorti sabiex titratta argument li hu, kemm ta’ kumplessità legali kbira kif ukoll ta’ sensittività soċjo-politika kbira. Xi drabi, meta d-domandi jkunu kkumplikati, ir-risposti huma sempliċi. Dan mhuwiex il-każ hawnhekk. Fil-qosor, is-sitwazzjoni li wasslet għall-każ preżenti hija din. Operatur Finlandiż ta’ servizzi ta’ laneċ bejn Helsinki u Tallin xtaq ibiddel il-post ta’ stabbiliment tiegħu għall-Estonja sabiex jibbenefika minn livelli ta’ pagi iktar baxxi u jipprovdi s-servizzi tiegħu minn hemmhekk. Sindakat Finlandiż, sostnut minn assoċjazzjoni internazzjonali ta’ sindakati, ipprova jwaqqaf dan milli jseħħ ,u hedded li jagħmel strajk u bojkotts, jekk il-kumpannija kellha tiċċaqlaq mingħajr ma’ żżomm il-livelli ta’ pagi kurrenti tagħha. Din is-sitwazzjoni kunflittwali li wasslet għal nuqqas ta’ ftehim tqajjem problemi legali dwar l-effett orizzontali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu kif ukoll dwar ir-relazzjoni bejn id-dritt soċjali u d-dritt għal moviment liberu.

I –    Fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

 Il-partijiet

2.        Viking Line ABP (“Viking Line”) hija operatriċi ta’ laneċ tal-passiġġieri Finlandiża. OÜ Viking Line Eesti hija s-sussidjarja Estonjana tagħha. Viking Line hija s-sid ta’ Rosella, lanċa li topera taħt il-bandiera Finlandiża fir-rotta Tallinn‑Helsinki bejn l-Estonja u l-Finlandja. L-ekwipaġġ tar-Rosella huma membri tal-Finnish Seamen’s Union (l-“FSU”).

3.        L-FSU, li hija bbażata f’Helsinki, hija unjoni nazzjonali li tirrappreżenta baħrin. Għandha madwar 10,000 membru, fosthom l-ekwipaġġ tar-Rosella. L-FSU hija l-affiljazzjoni Finlandiża ta’ l-International Transport Workers’ Federation (l-“ITF”).

4.        L-ITF hija federazzjoni ta’ 600 sindakati ta’ ħaddiema tat-trasport f’140 pajjiż, li hija bbażata f’Londra. Waħda mill-politika prinċipali ta’ l-ITF hija l-politika tal-“bandiera ta’ konvenjenza” (“BTK”). Fil-proċess quddiem il-Commercial Court, il-president ta’ l-ITF spjega li “l-għanijiet ewlenin tal-kampanja ta’ l-BTK huma, l-ewwelnett, l-eliminazzjoni tal-bandieri ta’ konvenjenza u l-istabbiliment ta’ konnessjoni vera bejn il-bandiera tal-vapur u n-nazzjonalita tas-sid u, fit-tieni lok, il-protezzjoni u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-baħrin li jaħdmu fuq il-vapuri ta’ l-BTK.” Skond id-dokument li jistabbilixxi l-politika ta’ l-BTK, lanċa hija kkunsidrata li qed tbaħħar taħt bandiera ta’ konvenjenza “meta l-pussess benefiċarju u l-kontroll tal-lanċa jinstabu barra mill-pajjiż tal-bandiera.” L-istess dokument jipprovdi li “is-sindakati fil-pajjiż li għandu proprjetà benefiċjarja għandhom id-dritt li jikkonkludu ftehim li jkopru laneċ li huma proprjetà benefiċjarja fil-pajjiżi tagħhom”. Il-kampanja BTK hija nfurzata permezz ta’ bojkotts u azzjonijiet oħra ta’ solidarjetà.

 Il-fatti

5.        Ir-Rosella kienet qed topera b’telf, peress li kienet qed tikkompeti ma’ laneċ li għandhom il-bandiera ta’ l-Estonja fuq l-istess rotta bejn Tallinn u Helsinki. Il-pagi ta’ l-ekwipaġġ ta’ l-Estonja huma iktar baxxi mill-pagi ta’ l-ekwipaġġ Finlandiż. Peress li r-Rosella tbaħħar taħt il-bandiera Finlandiża, Viking Line hija obbligata skond il-liġi Finlandiża u skond it-termini ta’ ftehim ta’ negozjar kollettiv sabiex tħallas lill-ekwipaġġ b’pagi li huma fuq il-livell tal-Finlandja.

6.        F’Ottubru 2003, Viking Line ipprovat tbiddel il-bandiera tar-Rosella u tirreġistra l-lanċa fl-Estonja, bl-iskop li tidħol fil-ftehim ta’ negozjar kollettiv ma’ sindakat ta’ l-Estonja. Hija nnotifikat lill-ekwipaġġ u lill-FSU bil-proposta tagħha. L-FSU għamlitha ċara lill-Viking Line li kienet topponi l-proposta li hija tbiddel il-bandiera tar-Rosella.

7.        Permezz ta’ posta elettronika ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, l-FSU talbet lill-ITF sabiex tinforma lis-sindakati affiljati kollha dwar il-kwistjoni u titlobhom sabiex ma jinnegozjawx ma’ Viking Line. Fis-6 ta’ Novembru 2003, l-ITF għamlet kif kien mitlub u bagħtet ċirkulari, rigward il-politika tal-BTK. Iċ-ċirkulari qalet illi r-Rosella kienet għadha proprjetà benefiċjarja tal-Finlandja u għalhekk li l-FSU kellha d-dritt tan-negozjar. Hi talbet lis-sindakati affiljati sabiex ma jidħlux f’negozjati ma’ Viking. Sindakati affiljati ma kellhomx imorru kontra ċ-ċirkulari minħabba l-prinċipju ta’ solidarjetà. Nuqqas ta’ twettiq jista’ jwassal sabiex ikun hemm sanzjonijiet – fl-agħar każ esklużjoni mill-ITF. (2) Iċ-ċirkulari għalhekk effettivament eskludiet kull possibbiltà li Viking Line iddur madwar l-FSU u tilħaq ftehim direttament ma’ sindakat ta’ l-Estonja.

8.        Barra minn hekk, l-FSU ddikjarat li l-ftehim dwar it-tgħammir ta’ ekwipaġġ tar-Rosella skada fis-17 ta’ Novembru 2003 u li konsegwentement m’għadhiex bl-obbligazzjoni tal-paċi industrijali. L-FSU avżat li kellha l-intenzjoni li tibda azzjoni internazzjonali rigward ir-Rosella fit-2 ta’ Diċembru 2003. Hija talbet li l-ekwipaġġ jiżdied bi tmien membri u li l-Viking Line jew twaqqaf il-pjanijiet ta’ tibdil tal-bandiera tagħha jew li, fil-każ ta’ tibdil tal-bandiera, l-ekwipaġġ għandu jkun impjegat skond il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Finlandja. Viking Line beda proċeduri ġudizzjarji fil-Qorti tax-Xogħol ta’ Ħelsinki għal dikjarazzjoni li l-ftehim dwar tgħammir ta’ ekwipaġġ jibqa’ fis-seħħ u fil-Qorti tad-Distrett ta’ Helsinki għal inġunżjoni sabiex twaqqaf l-azzjoni ta’ strajk. Madankollu, ebda qorti ma rnexxielha tisma’ lill-Viking Line fil-ħin.

9.        Fit-2 ta’ Diċembru, Viking Line solviet il-kwistjoni minħabba t-theddida ta’ azzjoni ta’ strajk. Viking Line ikkonċediet iż-żieda fl-ekwipaġġ u qablet li ma tibdiex it-tibdil tal-bandiera qabel it-28 ta’ Frar 2005. Aċċettat ukoll li ma tkomplix il-proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti tax-Xogħol u l-Qorti tad-Distrett.

10.      L-ITF qatt ma rtirat iċ-ċirkulari tagħha u għalhekk it-talba lis-sindakati affiljati li ma jidħlux f’negozjati mal-Viking Line b’hekk baqgħet effettiva. Sadanittant, ir-Rosella baqgħet tagħmel telf. Viking Line, li kienet għadha bix-xewqa li tbiddel il-bandiera tal-lanċa għal dik ta’ l-Estonja, ippjanat li tagħmel dan wara li kien jiskadi l-ftehim il-ġdid ta’ tgħammir ta’ ekwipaġġ fit-28 ta’ Frar 2005.

11.      Filwaqt li antiċipat li tentattiv ġdid li tbiddel il-bandiera tar-Rosella kien iwassal għal azzjoni kollettiva mill-ITF u l-FSU għal darba oħra, Viking Line ressqet quddiem il-Commercial Court ta’ Londra fit-18 ta’ Awwissu 2004, eżenzjoni dikjaratorja u ta’ inġunzjoni li tirrikjedi lil ITF sabiex tirtira ċ-ċirkulari u lill-FSU sabiex ma tindaħalx fid-dritt ta’ moviment liberu tal-Viking Line rigward it-tibdil tal-bandiera tar-Rosella. Sakemm l-azzjoni kienet pendenti, il-ftehim dwar it-tgħammir ta’ ekwipaġġ tar-Rosella kien imġedded sa Frar 2008. Konsegwentement id-data tal-28 ta’ Frar 2005 ma baqgħetx ta’ importanti kruċjali, iżda r-Rosella kompliet topera bit-telf, b’riżultat tal-kundizzjonijiet tax-xogħol li kienu inqas favorabbli għal Viking Line mill-kundizzjonijiet ta’ xogħol ta’ l-Estonja. Għalhekk xorta importanti li l-pożizzjoni tiġi riżolta. Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2005, il-Commercial Bank ordnat inġunzjonijiet finali rigward impenn meħud minn Viking Line li l-impjegati ma jsibux ruħhom mingħajr xogħol minħabba t-tibdil tal-bandiera.

12.      Fit-30 ta’ Ġunju 2005, l-ITF u l-FSU appellaw kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-Court of Appeal (Civil Division). Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Novembru 2005, il-Court of Appeal irreferiet serje estensiva ta’ domandi miktuba b’mod metikoluż lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.(3) Nispera li ma nkunx qed nissimplifikaha wisq is-sitwazzjoni meta, sabiex inqassar, ngħaqqad dawn id-domandi fi tliet sitwazzjonijiet ewlenin.

13.      L-ewwel sitwazzjoni hija jekk, permezz ta’ analoġija mad-deċiżjoni f’Albany, (4) azzjoni kollettiva bħal ma hija dik ikkunsidrata hawnhekk taqax barra mill-iskop ta’ l-Artikolu 43 KE u l-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 (5) skond il-politika soċjali tal-Komunità.

14.      Fit-tieni lok, il-qorti li qed tagħmel id-domanda ssaqsi jekk dawk l-istess dispożizzjonijiet “għandhomx effett orizzontali dirett sabiex jikkonferixxu drittijiet fuq kumpannija privata li jistgħu joqogħdu fuqhom kontra ... sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati fir-rigward ta’ azzjoni kollettiva ta’ dak is-sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati”.

15.      Fl-aħħar nett, il-qorti li qed tagħmel id-domanda ssaqsi jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, azzjonijiet bħal ma huma dawk ikkunsidrati jikkostitwixxux restrizzjoni fuq il-moviment liberu, u, jekk huwa l-każ, jekk humiex oġġettivament iġġustifikati, xierqa, u proporzjonali u “jilħqux bilanċ ġust bejn id-dritt fundamentali soċjali li tittieħed azzjoni kollettiva u l-libertà li jiġu stabbiliti u pprovduti servizzi”. F’din il-konnessjoni, il-qorti li qed tagħmel id-domanda ssaqsi wkoll jekk l-azzjonijiet kkunsidrati għandhomx ikunu meqjusa bħala diskriminatorji b’mod dirett, diskriminatorji indirettament jew bħala mhux diskriminatorji, u sa liema punt dan jinfluwenza l-evalwazzjoni tagħhom skond ir-regoli rilevanti dwar il-moviment liberu.

II – Kunsiderazzjonijiet

A –    Kummenti preliminari

16.      Id-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jirrigwardaw l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86 u l-Artikolu 43 KE.

17.      Ir-Regolament Nru 4055/86 jirregola l-libertà li jiġu pprovduti servizzi marittimi bejn l-Istati Membri u bejn Stati Membri u pajjiżi terzi. Dan ir-Regolament jagħmel “it-totalità tar-regoli tat-Trattat li jirregolaw l-libertà li jiġu pprovduti servizzi” applikabbli għall-kamp tat-trasport marittimu bejn Stati Membri. (6) L-Artikolu 1(1) tar-Regolament jipprovdi li “l-libertà li jkun pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri … għandha tapplika fir-rigward ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri li huma stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak tal-persuna għal min is-servizzi huma intiżi”. Essenzjalment, din id-dispożizzjoni tagħti importanza, fil-qasam tat-trasport marittimu, lill-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif garantit mill-Artikolu 49 KE. (7)

18.      Madankollu, il-każ preżenti primarjament jikkonċerna l-libertà ta’ l-istabbiliment, kif garantita mill-Artikolu 43 KE. It-tibdil tal-bandiera tar-Rosella minn Viking Line jammonta għal eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta’ l-istabbiliment. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat f’Factortame et, ir-reġistrazzjoni ta’ vapur li tintuża “għal attività ekonomika li tinvolvi stabbiliment fiss fl-Istat Membru kkonċernat” tikkostitwixxi att ta’ stabbiliment għall-iskop ta’ l-Artikolu 43 KE. (8)

19.      Għalhekk, Viking Line għandha l-intenzjoni, l-ewwel nett, li teżerċita d-dritt tagħha ta’ libertà ta’ l-istabbiliment sabiex, sussegwentament, teżerċita d-dritt tagħha tal-libertà li tipprovdi servizzi. Għall-kuntrarju ta’ dan, l-ITF u l-FSU jixtiequ jimponu ċerti kundizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ Viking Line tad-dritt tagħha ta’ libertà ta’ l-istabbiliment u heddew li jibbojkottjaw il-provvista ta’ servizzi ta’ lanċa tal-passiġġieri ta’ Viking Line jekk din tiddeċiedi li tbiddel il-bandiera tar-Rosella mingħajr ma timxi skond il-kundizzjonijiet tagħhom.

B –    L-applikabbiità tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu għal azzjoni industrijali

20.      L-FSU u l-ITF huma ta’ l-opinjoni li azzjoni kollettiva meħuda minn sindikat jew assoċjazzjoni ta’ sindikati li tippromovi l-għanijiet tal-politika soċjali tal-Komunità, taqa’ barra mill-iskop ta’ l-Artikolu 43 KE u r-Regolament Nru 4055/86. Huma jargumentaw li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu taffettwa b’mod negattiv id-dritt tal-ħaddiema li jinnegozjaw kollettivament u jagħmlu strajks bl-għan li jiksbu ftehim kollettiv. F’dan ir-rigward, huma jiddikjaraw li d-dritt ta’ assoċjazzjoni u d-dritt li jagħmlu strajks huma protetti bħala dritt fundamentali f’varji strumenti internazzjonali. Madankollu, ir-rispett għad-dritt ta’ strajk fil-kuntest ta’ negozjar kollettiv huwa tradizzjoni kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u għalhekk jirrappreżenta prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Filwaqt li jimxu, b’mod analogu, skond ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja f’ Albany, (9) l-FSU u l-ITF jissottomettu li d-dispożizzjonijiet soċjali fit-Titolu XI tat-Trattat effettivament jeskludu l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 43 KE u r-Regolament Nru 4055/86 fil-qasam ta’ kwistjonijiet rigward xogħol bħal ma hu l-argument ikkunsidrat hawn.

21.      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti nazzjonali bażikament issaqsi jekk din l-opinjoni hix korretta. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għandha tkun fin-negattiv.

22.      Fil-fatt, il-FSU u l-ITF jassumu li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward il-moviment liberu fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva meħuda minn sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati taffettwa b’mod negattiv l-għanijiet tal-politika soċjali tal-Komunità u ċċaħħad in-natura fundamentali tad-dritt ta’ assoċjazzjoni u d-dritt ta’ strajk. Madankollu, din l-ipoteżi mhix korretta.

23.      Id-dispożizzjonijiet rigward l-istabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi mhuma bl-ebda mod irrikonċiljabbli mal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali jew mal-kisba ta’ l-għanijiet tal-politika soċjali tal-Komunità. Lanqas ir-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu, jew id-dritt ta’ assoċjazzjoni u d-dritt ta’ l-istrajk m’huma assoluti. Barra minn hekk, m’hemm xejn fit-Trattat li jissuġġerixxi li l-għanijiet tal-politika soċjali tal-Komunità għandhom dejjem jieħdu preċedenza fuq l-għan li jkun hemm suq komuni li jaħdem kif suppost. Għall-kuntrarju, l-inklużjoni taż-żewġ għanijiet tal-politika fit-Trattat turi l-intenzjoni tal-Komunità li tressaq dawn iż-żewġ tipi ta’ politika flimkien. B’hekk, il-fatt li restrizzjoni fuq il-moviment liberu tirriżulta mill-eżerċizzju ta’ dritt fundamentali jew kondotta li tidħol fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet ta’ politika soċjali ma jagħmilx id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu inapplikabbli.

24.      Din il-konklużjoni hija kkonfermata permezz tal-ġurisprudenza. F’Schmidberger, il-Gvern Awstrijak ippermetta dimostrazzjoni li rrestrinġiet il-moviment liberu tal-merkanzija; huwa kkonsidra li l-projbizzjoni ta’ dik id-dimostrazzjoni kien iwassal għal ksur tal-libertà ta’ espressjoni u d-dritt ta’ libertà ta’ assemblea. (10) F’Omega, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra miżura li kienet intiża li tipproteġi d-dinjità tal-bniedem, iżda li rrestrinġiet ukoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi(11). Fiż-żewġ każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kienu qed jiġu diskussi drittijiet fundamentali, li kellhom jiġu rrispettati bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. (12) Iżda, il-Qorti tal-Ġustizzja fl-ebda każ ma qalet li, bħala konsegwenza, ir-restrizzonijiet ikkunsidrati kienu eżenti mir-regoli dwar il-moviment liberu. Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm dawk ir-regoli applikaw, ir-restrizzjonijiet rigward il-moviment liberu ma jmorrux lil hinn minn dak li jista’ jiġi leġittimament ikkunsidrat bħala neċessarju sabiex ikun protett id-dritt fundamentali in kwistjoni(13).

25.      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement irrikonoxxiet li l-interessi tal-pubbliku rigward politika soċjali jistgħu jiġġustifikaw ċerti restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju(14). Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma aċċettat, madankollu, li restrizzjonijiet bħal dawn jaqgħu totalment barra mill-għan tad-dispożizzjonijiet rigward il-moviment liberu. Fil-fatt, biex nieħdu ftit eżempji mill-ġurisprudenza, miżuri għall-protezzjoni ta’ l-ambjent(15), konsumaturi(16), diversità ta’ l-istampa(17) u saħħa pubblika(18), kollha ġew iddikjarati li jaqgħu taħt l-iskop tad-dispożizzjonijiet rigward il-moviment liberu. Tkun ħaġa stramba li kieku nikkonkludu li miżuri magħmula fl-interess tal-politika soċjali m’għandhomx, għall-kuntrarju, ikunu s-suġġett ta’ eżami bir-reqqa skond ir-regoli tal-moviment liberu.

26.      Fl-aħħar nett, m’inix konvint mill-analoġija intenzjonata mad-deċiżjoni f’Albany(19). Albany kkonċernat ftehim kollettiv bejn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil min iħaddem u l-impjegati li jistabbilixxu fond ta’ pensjoni settorjali li l-affiljazzjoni miegħu kien ta’ bilfors. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-ftehim in kwistjoni, minħabba n-natura u l-iskop tiegħu, waqa’ barra mill-iskop ta’ l-Artikolu 81 KE. Madankollu, il-fatt li ftehim jew attività huma esklużi mill-iskop tar-regoli dwar il-kompetizzjoni ma jfissirx neċessarjament li huma esklużi wkoll mill-iskop tar-regoli dwar il-moviment liberu. Għall-kuntrarju, id-deċiżjonijiet f’Wouters(20) u Meca‑Medina(21) juru li ftehim jew attività jistgħu jaqgħu taħt sett wieħed ta’ regoli filwaqt li, fl-istess ħin, jiġu esklużi minn ieħor(22).

27.      Minbarra dan, il-preokupazzjoni bażika f’Albany tidher li kienet li tevita kuntradizzjoni possibbli fit-Trattat. It-Trattat jinkoraġġixxi djalogu soċjali li jwassal għall-konklużjoni ta’ ftehim kollettivi dwar kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi. Madankollu, dan l-għan ikun imdgħajjef serjament li kieku t-Trattat kellu, fl-istess ħin, jipprojbixxi dawn it-tipi ta’ ftehim minħabba l-effetti inerenti tagħhom fuq il-kompetizzjoni(23). Għalhekk, ftehim kollettivi għandhom igawdu “immunità limitata ta’ l-antitrust”(24). Għall-kuntrarju, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward il-moviment liberu ma jipprovdux riskju ta’ kontradizzjoni ta’ dan it-tip, peress li, kif semmejt iktar ’il fuq, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu rrikonċiljati ma’ l-għanijiet ta’ politika soċjali. (25)

28.      Għalhekk, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti nazzjonali: “Azzjoni kollettiva meħuda minn sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati bl-iskop li tippromovi l-għanijiet tal-politika soċjali tal-Komunità, mhijiex, għal dik ir-raġuni biss, eżenti mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 43 u r-Regolament Nru 4055/86”.

C –    L-applikazzjoni orizzontali tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu

29.      It-tieni domanda magħmula mill-qorti nazzjonali għandha x’taqsam ma’ l-effett orizzontali ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE(26). L-FSU u l-ITF jargumentaw illi dawn id-dispożizzjonijiet ma jimponux obbligazzjonijiet fuqhom, peress illi huma intiżi sabiex jindirizzaw miżuri pubbliċi. Huma jsostnu illi kemm l-FSU u l-ITF huma persuni legali privati mingħajr poteri regolatorji. Viking, min-naħa l-oħra, tissottometti li għandha tkun tista’ tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet in kwistjoni, b’mod partikolari minħabba l-kapaċità tas-sindakati li jindaħlu fid-drittijiet rigward il-moviment liberu.

30.      Issa se neżamina s-sitwazzjoni f’erba’ livelli. L-ewwel nett, nibda bil-punt, fejn se nispjega li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma kapaċi joħolqu obbligi fuq atturi privati. Fit-tieni lok, ser nipprova niċċara għal liema tip ta’ azzjoni privata japplikaw ir-regoli rigward il-moviment liberu. Fit-tielet lok, ser nindirizza problema importanti iżda li hija ħafna drabi minsija: kif jista’ l-effett orizzontali tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu jiġi rrikonċiljat fir-rigward tal-mod li bih il-liġi domestika tagħżel li tipproteġi awtonomija privata u tirriżolvi kunflitti bejn atturi privati? Fl-aħħar nett, wara dawn l-osservazzjonijiet ta’ natura ġenerali, ser nipproponi risposta għad-domanda dwar jekk impriża tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 43 KE u l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86 fi proċeduri ġudizzjarji kontra sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati.

 Id-dispożizzjonijiet rigward il-moviment liberu joħolqu obbligazzjonijiet fuq atturi privati?

31.      It-Trattat ma jirrisolvix espressament il-kwistjoni ta’ l-effett orizzontali ta’ l-Artikoli 43 u 49 KE. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu kkunsidrati l-lok u l-funzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fl-iskema tat-Trattat.

32.      Flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni, id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu huma parti minn sett ta’ regoli koerenti, li l-iskop tagħhom huwa deskritt fl-Artikolu 3 KE (27). Dan l-iskop huwa li jkun żgurat, bejn Stati Membri, il-moviment liberu ta’ merkanzija, servizzi, persuni u kapital skond il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta(28).

33.      Ir-regoli dwar il-moviment liberu u r-regoli dwar il-kompetizzjoni jilħqu dan l-iskop prinċipalment billi jagħtu drittijiet lil persuni li jipparteċipaw fis-suq. Essenzjalment, huma jipproteġu lill-parteċipanti fis-suq billi jippermettuhom jikkontestaw ċerti impedimenti għall-opportunità li jikkompetu fuq l-istess livelli fis-suq komuni(29). L-eżistenza ta’ dik l-opportunità hija l-element kruċjali fl-insegwiment ta’ effiċjenza allokativa fil-Komunità in ġenerali. Mingħajr ir-regoli rigward il-moviment liberu u l-kompetizzjoni, ma jkunx possibbli li jintlaħaq l-għan fundamentali tal-Komunità li jkollha suq komuni li jiffunzjona.

34.      L-awtoritajiet ta’ l-Istati Membru huma ġeneralment fil-pożizzjoni li permezz tagħha jkunu jistgħu jintervjenu fil-funzjonament tas-suq komuni billi jirrestrinġu l-attivitajiet ta’ parteċipanti fis-suq. L-istess jista’ jingħad għal ċerti impriżi li jaħdmu b’kollużjoni jew li jokkupaw pożizzjoni dominanti f’parti sostanzjali tas-suq komuni. B’ebda sorpriża, għalhekk, it-Trattat jagħti drittijiet lill-parteċipanti fis-suq li jistgħu jiġu invokati kontra awtoritajiet ta’ l-Istati Membri u kontra dawn l-impriżi. Rigward dawn ta’ l-aħħar, ir-regoli dwar il-kompetizzjoni għandhom ir-rwol primarju; rigward awtoritajiet ta’ l-Istati Membri, dak ir-rwol huwa tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-moviment liberu(30). Għalhekk, sabiex jiġu assigurati b’mod effettiv id-drittijiet ta’ dawk li jipparteċipaw fis-suq, ir-regoli dwar il-kompetizzjoni għandhom effett orizzontali(31), filwaqt li r-regoli dwar il-moviment liberu għandhom effett vertikali(32).

35.      Madankollu, dan ma jagħmilx validu l-argument a contrario li t-Trattat jipprekludi l-effett orizzontali tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu. Għall-kuntrarju, dan l-effett orizzontali joħroġ b’mod loġiku mit-Trattat fejn ikun neċessarju sabiex jippermetti lill-parteċipanti fis-suq fil-Komunità li jkollhom opportunitajiet indaqs u jiksbu aċċess għal kwalunkwe parti tas-suq komuni.

36.      Għalhekk, fiċ-ċentru tal-kwistjoni nsibu din id-domanda: it-Trattat jimplika li, sabiex jiżguraw il-funzjonament xieraq tas-suq komuni, id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu jipproteġu d-drittijiet tal-parteċipanti fis-suq, mhux biss billi jillimitaw is-setgħat ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri, iżda wkoll billi jillimitaw l-awtonomija ta’ l-oħrajn?

37.      Xi kummentaturi pproponew li din id-domanda għandu jkollha risposta negattiva konkreta – permezz ta’ l-argument ewlieni tagħhom li r-regoli dwar il-kompetizzjoni huma biżżejjed sabiex jegħlbu tfixkil fil-funzjonament xierqa tas-suq komuni minn atturi li mhumiex ta’ l-Istat. (33) Oħrajn, madankollu, josservaw illi azzjoni privata – fi kliem ieħor, azzjoni li fl-aħħar mill-aħħar ma toriġinax mill-Istat u li ma japplikawx għaliha r-regoli dwar il-kompetizzjoni – tista’ timpedixxi l-funzjonament xieraq tas-suq komuni, u għalhekk ikun żbaljat li din l-azzjoni tiġi eskluża kategorikament mill-applikazzjoni tar-regoli dwar il-moviment liberu(34).

38.      Jiena tal-fehma illi l-opinjoni ta’ l-aħħar hija l-iktar waħda realistika. Din hija kkonfermata wkoll mill-ġurisprudenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-regoli dwar il-moviment liberu jistgħu jillimitaw l-awtonomija ta’ l-individwi, partikolarment fid-deċiżjonijiet tagħha Il-Kummissjoni vs Franza(35) u Schmidberger(36). Iż-żewġ kawżi jiddependu fundamentalment fuq ir-raġunament li azzjoni privata tista’ tipperikola l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu. Bħala konsegwenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat illi individwi privati m’għandhomx jitħallew jaġixxu mingħajr rigward xieraq lejn id-drittijiet li persuni individwali oħra jieħdu mir-regoli dwar il-moviment liberu. Fi Il-Kummissjoni vs Franza, r-riżultat ta’ l-atti vjolenti fi protesta minn bdiewa Franċiżi kien li oħrajn ġew miċħuda milli jbigħu jew jimportaw frott jew ħaxix minn Stati Membri oħra. Fi Schmidberger, l-impediment għall-moviment liberu ta’ merkanzija ma kienx daqshekk serju. B’mod kruċjali, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkumparat id-dritt ta’ libertà ta’ espressjoni ta’ grupp ta’ dimostraturi mad-dritt ta’ kumpannija ta’ trasport li tittrasporta b’mod liberu l-merkanzija minn Stat Membru għall-ieħor u, b’dak il-mod, applikat il-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu ta’ merkanzija b’mod orizzontali.

39.      Wieħed jista’ jinnota li Schmidberger kkonċernat azzjoni miġjuba minn persuna privata kontra l-Istat. Din il-proċedura hija komuni f’ħafna, jekk mhux f’kull, sistemi legali nazzjonali, fejn ma jistgħux jiddependu fuq dispożizzjoni kostituzzjonali bħala kawża indipendenti ta’ azzjoni fi proċeduri ċivili. Din hija alternattiva ta’ kif jiġi impost l-effett orizzontali ta’ drittijiet kostituzzjonali, fosthom billi minn dawk id-drittijiet jittieħdu obbligu fuq l-Istat sabiex dan jintervjeni f’sitwazzjonijiet fejn id-drittijiet kostituzzjonali ta’ persuna privata qed jiġu mhedda minn azzjonijiet ta’ persuna privata oħra(37). Mod korollarju u ugwali ta’ kif tiġi mogħtija saħħa normativa lid-drittijiet kostituzzjonali f’relazzjonijiet orizzontali huwa billi jiġi kkunsidrati bħala li jorbtu l-qrati meta jiddeċiedu każ bejn partijiet privati. Kemm jekk tinterpretax klawżola kontrattwali, tirregolax dwar azzjoni għal danni, jew tiddeċidiex rigward talba għal inġunzjoni, il-qorti għandha, bħala organu ta’ l-Istat, tagħti deċiżjoni li tirrispetta d-drittijiet kostituzzjonali tal-partijiet(38). Id-demarkazzjoni tad-drittijiet individwali b’dawn il-metodi hija magħrufa bħala “mittelbare Drittwirkung”, jew effett orizzontali indirett. Ir-riżultat huwa li regoli kostituzzjonali li huma indirizzati lill-Istat isiru regoli legali li japplikaw bejn partijiet privati, li juri li “l-Gvern huwa terza persuna għal kull kawża privata u huwa hekk fil-forma stess tal-liġi u ta’ l-Imħallef li jiddeċiedi k-kawża”(39).

40.      Rigward id-demarkazzjoni ta’ l-isferi tad-drittijiet rispettivi, effett orizzontali indirett jista’ jkun differenti minn effett orizzontali dirett fil-forma; madankollu, m’hemmx differenza fis-sustanza(40). Dan jispjega għaliex id-deċiżjoni f’Defrenne hija kkunsidrata li kienet irrikonoxxiet l-“effett dirett orizzontali” ta’ l-Artikolu 141 KE, anke jekk il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-effett orizzontali ta’ dik id-dispożizzjoni bħala dmir fuq il-qrati nazzjonali(41). Dan jispjega wkoll għaliex l-argument tal-Kummissjoni fis-seduta, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-effett orizzontali dirett, minħabba li d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu u d-derogi tagħhom ma kinux imfassla biex japplikaw għall-persuni privati, hija diġà miċħuda mill-ġurisprudenza. Li kieku Schmidberger kienet ġiet deċiża bħala kawża privata bejn il-kumpannija tat-trasport u d-dimostraturi, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta kien ikollha tikkompara d-dritt tal-moviment liberu ta’ dik ta’ l-ewwel u d-dritt ta’ dawk ta’ l-aħħar li jagħmlu demostrazzjonijiet(42). Fil-fatt, il-każ preżenti seta’ teoretikament tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedimenti kontra l-awtoritajiet Finlandiżi talli naqsu milli jwaqqfu azzjoni kollettiva kontra Viking Line. Ma kienx jaffettwa s-sustanza tal-problema: kif tirrikonċilja d-drittijiet għal moviment liberu ta’ Viking Line mad-drittijiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ l-istrajk ta’ l-FSU u l-ITF? (43)

 Għal liema tip ta’ azzjoni privata japplikaw ir-regoli dwar il-moviment liberu?

41.      Madankollu, dan ma jfissirx li r-regoli dwar il-moviment liberu jistgħu dejjem jintużaw fi proċeduri kontra individwu privat. Il-poter normattiv u soċjo-ekonomiku inerenti fl-awtoritajiet ta’ l-Istat ifisser li dawn l-awtoritajiet ikollhom, mid-definizzjoni tagħhom, potenzjal sinjifikanti sabiex ifixklu l-funzjonament xieraq tas-suq komuni. Dan hu aggravat mill-fatt li, irrelevanti jekk humiex formalment ta’ natura ġenerali, l-azzjonijiet ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istat qatt ma jittieħdu waħedhom. Huma jirrappreżentaw għażliet ta’ politika wiesgħa u għalhekk jaffettwaw lil kull min jixtieq jeżerċita d-drittijiet tiegħu għal moviment liberu fil-ġurisdizzjoni tagħhom. Barra minn hekk, hemm inqas possibbiltà li awtoritajiet ta’ l-Istat jadattaw il-kondotta tagħhom skond inċentivi kummerċjali li jiżguraw il-funzjonament normali tas-suq milli l-operaturi ekonomiċi privati(44). Għalhekk, l-iskop tar-regoli dwar il-moviment liberu jestendi għal kwalunkwe azzjoni ta’ l-Istat jew nuqqas ta’ azzjoni li tista’ timpedixxi jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tad-drittijiet g­ħal moviment liberu. (45)

42.      Bil-kontra, f’ħafna ċirkustanzi, atturi privati sempliċiment m’għandhomx biżżejjed influwenza sabiex jirnexxielhom jipprevjenu lil oħrajn milli jgawdu d-drittijiet tagħhom għal moviment liberu. Il-każ ta’ sid ta’ ħanut individwali li jirrifjuta li jixtri merkanzija minn Stati Membri oħra ma jwassalx għal tfixkil fil-funzjonament tas-suq komuni. Ir-raġuni hija li fornituri minn Stati Membri oħra xorta jkollhom l-opportunità li jqiegħdu fis-suq il-merkanzija tagħhom permezz ta’ mezzi oħra. Minbarra dan, is-sid tal-ħanut probabbilment ibati minħabba l-kompetizzjoni minn negozjanti li jbigħu bl-imnut li jkollhom ftit problemi sabiex jixtru merkanzija barranija u li, b’riżultat, ikunu jistgħu joffru prezzijiet iktar baxxi u għażla ikbar lill-konsumaturi. Dan il-prospett biss probabbli jkun biżżejjed sabiex jimpedixxi aġir ta’ dan it-tip. Għalhekk, is-suq “jieħu ħsieb dan”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok għall-Komunità sabiex tintervjeni.

43.      Dan jimplika li r-regoli dwar il-moviment liberu japplikaw direttament għal kull azzjoni privata li għandha l-kapaċità li effettivament tirrestrinġi persuni oħrajn milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu. Imma kif jista’ xi ħadd jiddetermina jekk din hija s-sitwazzjoni? Ma jidhirx li hemm risposta sempliċi għal din il-mistoqsija. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, mxiet b’attenzjoni kbira billi rrikonoxxiet l-applikazzjoni orizzontali diretta tar-regoli dwar il-moviment liberu f’każijiet speċifiċi.

44.      Ċertu numru ta’ dawn il-kawżi jikkonċernaw l-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ proprjetà intelletwali(46). Dawk li jgawdu dawn id-drittijiet għandhom interess leġittimu kummerċjali sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bil-mod li jixtiequ. (47) Barra minn hekk, dawn l-interessi kienu għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-moviment liberu tal-merkanzija(48). Inkella, dawk li għandhom drittijiet ta’ proprjetà individwali “jkunu jistgħu jaqsmu s-swieq nazzjonali u għalhekk jirrestrinġu n-negozju bejn Stati Membri”. (49)

45.      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat regoli dwar il-moviment liberu għal assoċjazzjonijiet sportivi professjonali nazzjonali u internazzjonali.(50) Ir-raġuni hija evidenti. L-assoċjazzjonijiet in kwistjoni għandhom influwenza sinjifikanti fuq l-organizzazzjoni ta’ sports professjonali bħala attività ekonomika bejn il-fruntieri. Huma jistgħu jistabbilixxu regolamenti li jorbtu effettivament lil kważi kull min jixtieq jeżerċita dik l-attività. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat f’Deliège, “l-abolizzjoni bejn Stati Membri ta’ ostakli għall-moviment liberu ta’ persuni u libertà li jiġu provvduti servizzi tkun kompromessa jekk l-abolizzjoni ta’ barrieri ta’ l-Istat tiġi nnewtralizzata minn ostakli li jirriżultaw mill-eżerċizzju, minn assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet li mhumiex irregolati mil-liġi pubblika, ta’ l-awtonomija legali tagħhom”. (51)

46.      L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu ta’ azzjoni privata hija sinjifikanti b’mod partikolari fil-qasam ta’ kundizzjonijiet ta’ xogħol u aċċess għall-impjieg. (52) Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet dan fis-sentenza tagħha f’Angonese, meta applikat l-Artikolu 39 KE għal bank privat f’Bolzano. (53) Is-Sur Angonese xtaq jieħu sehem f’kompetizzjoni għal kariga ma’ dak il-bank. Madankollu, aċċess għall-kompetizzjoni kien ikkundizzjonat minn ħtieġa ta’ pussess ta’ ċertifikat ta’ bilingwaliżmu li kien maħruġ mill-awtoritajiet ta’, u seta’ jinkiseb biss mill-provinċja ta’ Bolzano. Il-kundizzjoni rrepetiet rekwiżit li qabel kien jeżisti għall-aċċess fis-servizz pubbliku u f’dak is-sens kompliet prattika stabbilita. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fis-sentenza tagħha, residenti ta’ Bolzano normalment jiksbu ċ-ċertifikat bħala proċedura normali għal skop ta’ impjieg u kkunsidratu kważi bħala “pass obbligatorju li hu parti minn taħriġ normali”(54). Għalkemm is-Sinjur Angonese ma kellux pussess ta’ dan iċ-ċertifikat, kien perfettament bilingwali u kellu diplomi oħra li jikkonfermaw dan. Huwa madankollu kien miċħud aċċess għall-kompetizzjoni.

47.      Ħaddiema ma jistgħux ibiddlu l-kwalifiki professjonali tagħhom jew jakkwistaw impjieg ieħor b’mod faċli bħal ma n-negozjanti jistgħu jbiddlu l-prodotti tagħhom jew isibu metodi alternattivi oħra kif iqegħduhom fis-suq. Kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ bħal dik in kwistjoni f’Angonese huma għalhekk ta’ ħsara għall-funzjonament tas-suq komuni anke meta jiġu imposti minn bank privat bħala parti minn prattika reġjonali stabbilita. Il-possibbiltà li, fl-aħħar mill-aħħar, inċentivi ekonomiċi jdgħajfu dawn il-prattiċi diskriminatorji ta’ reklutaġg ma tantx huwa ta’ serħan għal min qed ifittex xogħol illum. Forsi iktar milli f’kull qasam ieħor, l-idjoma li “s-suq jista’ jibqa’ irrazzjonali iktar milli inti tista’ tibqa’ solventi”(55) tinstema’ ta’ veru fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema.

48.      Isegwi minn dan kollu li d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu japplikaw għal azzjoni privata li, skond l-effett ġenerali tagħha fuq min għandu drittijiet għal moviment liberu, għandha l-kapaċità li tirrestrinġihom milli jeżerċitaw dawk id-drittijiet, billi toħloq ostaklu li ma jistgħux jevitaw b’mod reġonevoli.

 L-effett orizzontali tad-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu u rispett għal awtonomija privata kif protetta taħt il-liġi domestika

49.      Ovvjament, ir-riżultat li ċerti atturi privati huma suġġetti għar-regoli tal-moviment liberu ma jfissirx li l-awtonomija privata tagħhom tispiċċa. Lanqas ma jfisser neċessarjament li għandhom ikollhom eżatt l-istess livelli ta’ prinċipji daqs l-awtoritajiet ta’ l-Istat. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tapplika livelli differenti ta’ eżami, skond is-sors u l-gravità ta’ l-impediment għall-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu, u skond is-saħħa u l-validità tat-talbiet kompetittivi ta’ awtonomija privata. Fi kliem ieħor, atturi privati jistgħu ta’ spiss jagħmlu affarijiet li awtoritajiet pubbliċi ma jistgħux(56).

50.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li Stati Membri jgawdu marġni ta’ diskrezzjoni fil-każ ta’ prevenzjoni ta’ ostakli għall-moviment liberu li jirriżultaw mill-kondotta ta’ atturi privati(57). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat illi “mhijiex kompetenza ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità li jaġixxu minnflok l-Istati Membri u li jistabbilixxu għalihom miżuri li għandhom jadottaw u effettivament japplikaw sabiex jissalvagwardjaw” l-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu(58). Għalhekk, id-dispożizzjonijiet rigward il-moviment liberu mhux dejjem jipprovdu soluzzjoni speċifika għal kull każ, iżda sempliċiment jistabilixxu ċertu konfini li fihom kunflitt bejn żewġ partijiet privati jista’ jiġi solvut(59).

51.      Dan għandu konsegwenza importanti: anke f’każijiet li jaqgħu fl-iskop tagħhom, id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu ma jiħdux post il-liġi domestika bħala l-kuntest leġiżlattiv rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ kunflitti bejn atturi privati. Minflok, l-Istati Membri huma liberi li jirregolaw kondotta privata sakemm huma jirrispettaw il-limitazzjonijiet stabbiliti mid-dritt Komunitarju.

52.      Dan il-livell ta’ libertà għall-Istati Membri għandu implikazzjonijiet proċedurali. Għalkemm ir-regoli ta’ proċedura ċivili jvarjaw fost sistemi legali nazzjonali, hija karatteristika komuni li l-partijiet fil-proċeduri għandhom ir-responsabbiltà primarja sabiex joħolqu l-kontenut u l-ambitu tal-kwistjoni tagħhom. Li kieku dawn il-partijiet jitħallew iressqu proċeduri legali quddiem qorti nazzjonali sempliċiment permezz ta’ referenza għar-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu, jkun hemm ir-riskju li r-regoli nazzjonali applikabbli ma jiġux ikkunsidrati. Sabiex dan ma jseħħx, Stati Membri jistgħu jirrikjedu, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li proċeduri kontra persuna privata fuq bażi ta’ ksur tad-dritt għal moviment liberu, jistgħu jitressqu f’qafas ġuridiku nazzjonali, skond motiv ta’ dritt intern – per eżempju tort jew ksur ta’ kuntratt.

53.      Meta tiddeċiedi kwistjoni li titressaq quddiemha, il-qorti nazzjonali hija mitluba sabiex tapplika l-liġi domestika tagħha b’mod konsistenti mar-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu(60). Jekk dan ma jkunx possibbli, u l-liġi domestika ma tkunx taqbel mar-regoli dwar il-moviment liberu, din ta’ l-aħħar tipprevali(61). Jekk ma jkunx hemm rimedju, minħabba li l-liġi domestika ma tipprovdix kawża ta’ azzjoni sabiex jiġi kkontestat ksur tad-dritt għal moviment liberu, allura, skond il-prinċipju ta’ effettività, it-talba tista’ tiġi bbażata direttament fuq id-dispożizzjoni rilevanti tat-Trattati. (62)

54.      Il-liġi nazzjonali, ibbażata fuq valuri tas-sistema legali nazzjonali, b’dan il-mod iżżomm postha fil-kuntest leġiżlattiv li jirregola kunflitti bejn partijiet privati. Fl-istess ħin l-effettività tad-dritt Komunitarju hija assigurata.

 Analiżi tal-kawża preżenti

55.      Isegwi mill-fatti kif inhuma ddikjarati fid-digriet tar-rinviju, li l-effett prattiku ta’ l-azzjonijiet koordinati ta’ l-FSU u l-ITF, b’mod partikolari fejn jipprekludu negozjati ma’ l-unjonijiet affiljati ma’ l-ITF fl-Estonja, huwa li l-eżerċizzju tad-dritt tal-Viking Line ta’ libertà ta’ l-istabbiliment ikun suġġett għall-kunsens tal-FSU. Meħudin flimkien, l-azzjonijiet ta’ l-FSU u ta’ l-ITF għandhom il-kapaċità li effettivament jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-dritt ta’ libertà ta’ l-istabbiliment ta’ impriża bħal ma hija Viking.

56.      Għalhekk jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-tieni domanda magħmula mill-qorti nazzjonali: “l-Artikolu 43 KE u l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86 għandhom effett orizzontali fi proċeduri legali nazzjonali bejn impriża u sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati f’ċirkustanzi bħal ma huma dawk ikkunsidrati fil-proċedura prinċipali.

D –    Bilanċ bejn id-dritt għal libertà ta’ l-istabbiliment u d-dritt għal azzjoni kollettiva

57.      Viking, għal raġunijiet ta’ kummerċ li huma ċari, ifittex qabel kollox li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ libertà ta’ l-istabbiliment. It-Trattat jipproteġi dan id-dritt, għax il-posibbilità għal kumpannija sabiex tkun rilokata fi Stat Membru fejn l-ispejjeż ta’ l-operazzjoni tagħha jkunu iktar baxxi hija ċentrali sabiex jintlaħaq kummerċ effettiv fost il-Komunità. Li kieku l-kumpanniji jitħallew jużaw biss ir-riżorsi produttivi li jinstabu f’pajjiż jew reġjun partikolari, dan ifixkel l-iżvilupp ekonomiku ta’ dak ir-reġjun kif ukoll ta’ dawk ir-reġjuni fejn ir-riżorsi meħtieġa huma iktar disponibbli. L-eżerċizzju tad-dritt ta’ libertà ta’ l-istabbiliment huwa għalhekk strumentali sabiex tiżdied il-benesseri ekonomika għall-Istati Membri kollha(63).

58.      Madankollu, għalkemm id-dritt ta’ libertà ta’ l-istabbiliment joħloq benefiċċji ġenerali, ħafna drabi jkollu wkoll konsegwenzi li jweġġgħu, b’mod partikolari għall-ħaddiema ta’ kumpanniji li jkunu ddeċiedew li jirrilokaw. B’mod inevitabbli, it-twettiq ta’ progress ekonomiku permezz ta’ kummerċ fost il-Komunità jinvolvi riskju għall-ħaddiema fil-Komunità li jkollhom jgħaddu minn bidliet fiċ-ċirkustanzi tax-xogħol jew anke jbatu minn telf tax-xogħol tagħhom. Dan ir-riskju, meta seħħ għall-ekwipagġ tar-Rosella, huwa eżattament dak li wassal għall-azzjonijiet tal-FSU u l-ITF.

59.      Għalkemm it-Trattat jistabbilixxi s-suq komuni, ma jinjorax il-ħaddiema li huma affettwati b’mod negattiv mill-karatteristiċi negattivi tiegħu. Għall-kuntrarju, l-ordni ekonomika Ewropea hija stabbilita b’mod sod f’kuntratt soċjali: ħaddiema fl-Ewropa għandhom jaċċettaw il-konsegwenzi negattivi rikorrenti li huma inerenti fil-ħolqien ta’ prosperità li dejjem tiżdied tas-suq komuni, filwaqt li s-soċjetà għandha tikkommetti ruħha għat-titjib ġenerali tal-kundizzjonijiet ta’ l-għejxien u tax-xogħol tagħhom, u għall-provvista ta’ appoġġ ekonomiku għal dawk il-ħaddiema li, bħala konsegwenza ta’ forzi tas-suq, kellhom xi diffikultajiet(64). Kif juri l-preambolu, dan il-kuntratt huwa inkorporat fit-Trattat.

60.      Id-dritt ta’ assoċjazzjoni u d-dritt ta’ azzjoni kollettiva huma strumenti essenzjali għall-ħaddiema sabiex jesprimu ruħhom u sabiex igiegħlu lill-gvernijiet u lil min iħaddem isegwu l-parti tagħhom tal-kuntratt soċjali. Huma jipprovdu l-mezz sabiex ikun enfasizzat li r-rilokazzjoni, filwaqt li fundamentalment hija ta’ benefiċċju għas-soċjetà, tinvolvi spejjeż għall-ħaddiema li jiġu kkollokati, u li dawk l-ispejjeż m’għandhomx jitħallsu mill-ħaddiema biss. B’dan il-mod, id-drittijiet ta’ assoċjazzjoni u ta’ azzjoni kollettiva huma ta’ natura fundamentali fis-sistema legali Komunitarja, kif tafferma mill-ġdid il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. (65) Madankollu d-domanda prinċipali fil-każ preżenti hija għal liema skopijiet tista’ tintuża azzjoni kollettiva u sa fejn tista’ twassal. Din tmiss ma’ sfida kbira għall-Komunità u l-Istati Membri tagħha: sabiex tieħu ħsieb dawk il-ħaddiema li huma affettwati b’mod negattiv bħala konsegwenza ta’ l-operazzjoni tas-suq komuni, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura l-benefiċċji ġenerali ta’ negozju fi ħdan il-Komunità.

61.      Il-qorti li qed tagħmel id-domanda ssaqsi jekk l-azzjonijiet antiċipati mill-ITF u l-FSU “jilħqux bilanċ ġust bejn id-dritt soċjali fundamentali li tittieħed azzjoni kollettiva u l-libertà ta’ l-istabbiliment u li jiġu pprovduti servizzi”. Issa li rajna din id-domanda minn perspettiva ġenerali, huwa possibbli li neżaminaw aktar mill-qrib il-forma u l-għan ta’ l-azzjoni kollettiva kkunsidrata.

62.      Politika koordinata ta’ azzjoni kollettiva fost is-sindakati normalment tikkostitwixxi mezz leġittimu sabiex tipproteġi l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħrin. Iżda, azzjoni kollettiva li għandha l-effett li taqsam is-suq tax-xogħol u li timpedixxi l-kiri ta’ baħrin minn ċerti Stati Membri sabiex tipproteġi l-impjiegi ta’ baħrin fi Stati Membri oħra tolqot fundamentalment il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni li fuqu s-suq komuni huwa fondat.

63.      Sabiex jiġi stabbilit jekk politika ta’ azzjoni kollettiva koordinata preżentament diskussa għandhiex l-effett li taqsam is-suq tax-xogħol bi ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni, huwa utli li niddistingwu bejn żewġ tipi ta’ azzjoni kollettivi li jistgħu jkunu in kwistjoni fil-każ preżenti: azzjoni kollettiva sabiex tipperswadi lil Viking Line biex iżżomm l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ l-ekwipaġġ preżenti u l-azzjoni kollettiva sabiex ittejjeb it-termini ta’ l-impjiegi tal-baħrin fost il-Komunità.

 Azzjoni kollettiva fl-interessi ta’ impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ l-ekwipaġġ preżenti

64.      Raġuni primarja sabiex l-ITF u l-FSU jieħdu azzjoni kollettiva tista’ tkun sabiex inaqqsu konsegwenzi negattivi li t-tibdil ta’ bandiera tar-Rosella jkollu fuq l-ekwipaġġ preżenti. Azzjoni kollettiva koordinata tista’ għalhekk isservi, per eżempju, sabiex tassigura l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, li tipprevjeni li xi ħaddiema jispiċċaw bla xogħol, jew sabiex tikseb kumpens ġust.

65.      Minħabba l-marġini ta’ diskrezzjoni li d-dritt Komunitarju jħalli lill-Istati Membri, huwa f’idejn il-qorti nazzjonali sabiex tiddetermina, fid-dawl tar-regoli domestiċi applikabbli rigward l-eżerċizzju tad-dritt ta’ azzjoni kollettiva, jekk l-azzjoni kkunsidrata tmurx lil hinn minn dak li l-liġi domestika tikkunsidra legali sabiex tipproteġi l-interessi ta’ l-ekwipaġġ kurrenti. Madankollu, meta jagħmlu din id-determinazzjoni, qrati nazzjonali għandhom id-dmir skond id-dritt Komunitarju li jiggarantixxu li każijiet ta’ rilokazzjoni ġewwa l-Komunità ma jiġux itrattati b’mod inqas favorevoli minn dawk ġewwa l-fruntieri nazzjonali.

66.      Għalhekk, bħala prinċipju, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lis-sindakati milli jieħdu azzjoni kollettiva li għandha l-effett li tirrestrinġi d-dritt ta’ l-istabbiliment ta’ impriża li għandha l-intenzjoni li tirriloka fi Stat Membru ieħor, sabiex jipproteġu l-ħaddiema ta’ dik l-impriża.

67.      Madankollu, azzjoni kollettiva sabiex tipperswadi impriża sabiex iżżomm l-impjiegi kurrenti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha m’għandhiex tiġi konfuża ma’ azzjoni kollettiva sabiex tipprevjeni impriża milli tipprovdi servizzi tagħha ladarba tiġi rrilokata barra mill-pajjiż. L-ewwel tip ta’ azzjoni kollettiva tirrappreżenta metodu leġittimu għall-ħaddiema li jżommu d-drittijiet tagħhom u tikkorrispondi għal dak li jseħħ normalment kieku rilokazzjoni kellha sseħħ fi Stat Membru. Iżda, dan ma jistax jingħad għal azzjoni kollettiva li sempliċiment tipprova tipprevjeni impriża li tkun iċċaqilqet x’imkien ieħor milli legalment tipprovdi s-servizzi tagħha fl-Istat Membru li fih kienet stabbilita preċedentement.

68.      L-imblukkar jew theddida ta’ imblukkar, permezz ta’ azzjoni kollettiva, ta’ impriża stabbilita fi Stat Membru wieħed milli tipprovdi s-servizzi tagħha fi Stat Membru ieħor huwa essenzjalment it-tip ta’ ostaklu għall-kummerċ li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat inkompatibbli mat-Trattat fi Il-Kummissjoni vs Franza(66), peress li dan imur totalment kontra r-raġuni fundamentali tas-suq komuni. Barra minn hekk, jekk jitħallew dawn it-tipi ta’ azzjoni, dan ikun ifisser riskju li jinħoloq ambjent ta’ ritaljazzjoni kostanti bejn gruppi soċjali fi Stati Membri differenti, li jista’ jhedded s-suq komuni u l-ispirtu ta’ solidarjetà inkorporat fih b’mod gravi.

69.      Kuntararjament għal dak li jallegaw l-ITF u l-FSU, din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma hija affettwata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ħaddiema kollokati. F’dan il-kuntest speċifiku ta’ ħaddiema kollokati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu ma jipprekludux Stati Membri milli japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi minimi lill-ħaddiema kollokati li jaħdmu fit-territorju tagħhom fuq bażi temporanja(67). L-Istati Membri huma ntitolati li japplikaw l-istandards nazzjonali tagħhom ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għall-ħaddiema kollokati sa fejn dan hu neċessarju u proporzjonali sabiex jipprovdu livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema lill-ħaddiema kollokati u l-ħaddiema mill-Istat Membru ospitanti. (68) Iżda, din il-linja ta’ ġurisprudenza tirriżulta prinċipalment minn interess għal trattament ugwali u koeżjoni soċjali bejn il-ħaddiema. L-iskop tal-ġurisprudenza dwar ħaddiema kollokati mhuwiex li tkun tista’ ssir l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol domestiku u ta’ pagi fuq impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor – għalkemm sa ċertu punt tista’ jkollha dak l-effett – iżda li tassigura li ħaddiema li huma temporanjament stazzjonati fit-territorju ta’ Stat Membru jgwadu livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema bħall-kollegi tagħhom mill-Istat Membru ospitanti, li ħafna drabi jkollhom jaħdmu magħhom. Dik is-sitwazzjoni sempliċiment ma teżistix fil-każ preżenti.

 Azzjoni kollettiva sabiex ittejjeb it-termini ta’ l-impjieg ta’ baħrin f’kull parti tal-Komunità

70.      Naturalment, l-FSU tista’, flimkien ma’ l-ITF u sindakati oħrajn, tuża’ azzjoni kollettiva kkoordinata bħala mezz ta’ kif ittejjeb it-termini ta’ impjieg tal-baħrin f’kull parti tal-Komunità. Politika intiża sabiex tikkoordina s-sindakati nazzjonali sabiex tippromovi ċertu livell ta’ drittijiet għal baħrin hija konsistenti mad-dritt tagħhom għal azzjoni kollettiva. Bħala prinċipju, tikkostitwixxi metodu raġonevoli ta’ kif tikkontrobilanċja l-azzjonijiet ta’ impriżi li jfittxu li jbaxxu l-ispejjeż tax-xogħol tagħhom billi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal moviment liberu. Wieħed m’għandux jinjora, f’dan ir-rigward, il-fatt li ħaddiema għandhom livell iktar baxx ta’ mobbiltà minn kapital jew impriżi. Meta ma jistgħux isemmgħu leħinhom, il-ħaddiema għandhom jaħdmu permezz ta’ koalizzjoni. Ir-rikonoxximent tad-dritt tagħhom li jaġixxu kollettivament fuq livell Ewropew għalhekk sempliċiment jittrasponi l-loġika ta’ azzjoni kollettiva nazzjonali għal livell Ewropew. Madankollu, bl-istess mod kif hemm limiti għad-dritt għal azzjoni kollettiva meta din hija eżerċitata fuq livell nazzjonali, hemm limiti għal dak id-dritt meta eżerċitat fuq livell Ewropew.

71.      Politika ta’ azzjoni kollettiva kkoordinata tista’ faċilment tiġi abbużata b’mod diskriminatorju jekk topera fuq bażi ta’ obbligu impost fuq is-sindakati nazzjonali kollha sabiex jappoġġjaw azzjoni kollettiva minn kwalunkwe sindakati affiljati magħhom. Din tagħti setgħa lil kwalunke sindakat nazzjonali sabiex jitlob assistenza lil sindakati oħra sabiex jagħmlu r-rilokazzjoni fi Stat Membru ieħor kondizzjonali fuq l-applikazzjoni ta’ l-istandards preferuti tagħha rigward protezzjoni tal-ħaddiema, anke wara li tkun seħħet ir-rilokazzjoni. Fil-fatt, għalhekk, politika bħal din tkun kapaċi li tipproteġi s-setgħa ta’ negozjar kollettiv ta’ xi sindakati nazzjonali għad-dannu ta’ l-interessi ta’ oħrajn, u li taqsam is-suq tax-xogħol bi ksur tar-regoli dwar il-moviment liberu.

72.      Min-naħa l-oħra, jekk sindakati oħra kellhom fil-fatt il-libertà li jagħżlu, f’sitwazzjoni partikolari, jekk jipparteċipawx jew le f’azzjoni kollettiva, il-periklu ta’ abbuż diskriminatorju ta’ politika koordinata jiġi miżmum. Dwar jekk din hijiex is-sitwazzjoni jew le fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti għandu jitħalla f’idejn il-qorti li qed tagħmel id-domanda.

III – Konklużjoni

73.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi mressqa mill-Court of Appeal:

(1)      Azzjoni kollettiva meħuda minn sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati bl-iskop li tippromovi l-għanijiet tal-politika soċjali tal-Komunità, mhijiex, għal dik ir-raġuni biss, eżenti mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 43 KE u r-Regolament Nru 4055/86 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istat Membri u pajjiżi terzi.

(2)      l-Artikolu 43 KE u l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86 għandhom effett orizzontali fi proċeduri legali nazzjonali bejn impriża u sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati f’ċirkustanzi bħal ma huma dawk ikkunsidrati fil-proċedura prinċipali.

(3)      L-Artikolu 43 KE ma jipprekludix sindakat jew assoċjazzjoni ta’ sindakati milli jieħdu azzjoni kollettiva li għandha l-effett li tirrestrinġi d-dritt ta’ l-istabbiliment ta’ impriża li għandha l-intenzjoni li tirriloka fi Stat Membru ieħor, sabiex tipproteġi l-ħaddiema ta’ dik l-impriża. Huwa f’idejn il-qorti nazzjonali sabiex tiddetermina jekk din l-azzjoni hijiex legali fid-dawl tar-regoli domestiċi applikabbli rigward l-eżerċizzju tad-dritt ta’ azzjoni kollettiva, sakemm każijiet ta’ rilokazzjoni ġewwa l-Komunità ma jiġux itrattati b’mod inqas favorevoli minn dawk ġewwa l-fruntieri nazzjonali.

(4)      L-Artikolu 43 KE jipprekludi politika koordinata ta’ azzjoni kollettiva minn sindakat u assoċjazzjoni ta’ sindakati li, billi tirrestrinġi d-dritt ta’ libertà ta’ l-stabbiliment, għandha l-effett li taqsam is-suq tax-xogħol u li timpedixxi l-kiri ta’ baħrin minn ċerti Stati Membri sabiex tipproteġi l-impjiegi ta’ baħrin fi Stati Membri oħra.


1 – Lingwa oriġinali: il-Portugiż.


2 – Regola III tal-Kostituzzjoni ta’ l-ITF, kif emendata mill-Erbgħin Kungress, Vancouver, Kanada, 14 ta’ Awwissu – 21 ta’ Awwissu 2002.


3 – ĠU 60, 2006, p. 16..


4 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1999 (C-67/96, Ġabra p. I‑5751).


5 – Regolament tat-22 ta’ Diċembru 1986 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi


6 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, il-Kummissjoni vs Franza (C-381/93, Ġabra p. I‑5145, punt 13).


7 – Sentenza tas-17 ta’ Mejju 1994, Corsica Ferries (C-18/93, Ġabra p. I-1783).


8 – Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991 (C-221/89, Ġabra p. I‑3905, punt 22).


9 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


10 – Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C-112/00, Ġabra p. I‑5659).


11 – Sentenza ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C-36/02, Ġabra p. I-9609).


12 – Sentenzi Schmidberger, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 71, 72 u 76, u Omega, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 34. Rigward il-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem bħala dritt fundamentali tad-dritt Komunitarju, ara l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Stix‑Hackl fis-sentenza Omega, punti 82 sa 91.


13 – Sentenzi Schmidberger, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 93, u Omega, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punti 38 sa 40.


14 – Ara, per eżempju, is-sentenzi ta’ l-24 ta’ Jannar 2002, Portugaia Construções (C-164/99, Ġabra p. I-787, punt 22), u tal-25 ta’ Ottubru 2001, Finlarte et (C-49/98, C-50/98, C-52/98 sa C-54/98 u C-68/98 sa C-71/98, Ġabra p. I‑7831, punti 33 u 49).


15 – Sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (302/86, Ġabra p. 4607).


16 – Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1980, Fietje (27/80, Ġabra p. 3839).


17 – Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C-368/95, Ġabra p. I-3689).


18 – Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-41/02, Ġabra p. I-11375).


19 – Iċċitata wkoll fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4. Ara wkoll is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Brentjens’ (C-115/97 sa C-117/97, Ġabra p. I-6025), u Drijvende Bokken (C-219/97, Ġabra p. I-6121).


20 – Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C-309/99, Ġabra p. I-1577).


21 – Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca‑Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni (C-519/04 P, Ġabra p. I‑6991).


22 – Ara wkoll il-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża FENIN vs Il-Kummissjoni (C-205/03 P, punt 51; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 2006, Ġabra p. I‑6295)..


23 – Sentenza Albany, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 59.


24 – Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Albany, punti 179 u 183. Ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2000, Van der Woude (C-222/98, Ġabra p. I-7111, punti 23 sa 27), u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-EFTA tat-22 ta’ Marzu 2002, Landsorganisasjonen i Norge (E-8/00, Ġabra 114, punti 35 u 36).


25 – Ara punti 23 u 25 fuq imsemmija.


26 – Kif spjegajt fuq fil-pumt 17 hawn fuq, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 4055/86 jista’ jiġi mqabbel ma’ l-Artikolu 49 KE għall-għanijiet ta’ l-analiżi preżenti.


27 – Sentenza ta’ l-10 ta’ Jannar 1985, Leclerc (229/83, Ġabra p. 1, punt 9).


28 – Ara l-Artikoli 3(a), (ċ) u (g) KE u, per eżempju: is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, L-Italja vs Il-Kunsill KEE u Il-Kummissjoni KEE (32/65, Ġabra p. 563), u l-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Van Gerven fil-kawża B & Q plc, punt 22 (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 1989, C-145/88, Ġabra p. 3851).


29 – Ara l-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Marks & Spencer, punti 37 sa 40 (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2005, C-446/03, Ġabra p. I-10837).


30 – Sentenzi tal-5 ta’ April 1984, van de Haar (177/82 u 178/82, Ġabra p. 1797, punti 11 u 12), u tas-27 ta’ Settembru 1988, Bayer (65/86, Ġabra p. 5249, punt 11).


31 – Sentenza tas-27 ta’ Marzu 1974, BRT (127/73, Ġabra p. 313). Ara wkoll, per eżempju, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C-453/99, Ġabra p. I-6297).


32 – Ara, per eżempju: is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1977, Ianelli u Volpi (74/76, Ġabra p. 557, punt 13; u ta’ l-4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, Ġabra p. 1337, punt 4 sa 8); tas-7 ta’ Lulju 1976, Watson (118/75, Ġabra p. 1185, punt 12), u ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Sanz de Lera et (C-163/94, C-165/94 u C-250/94, Ġabra p. I-4281, punt 41).


33 – Marenco, G., “Competition between national economies and competition between businesses – a response to Judge Pescatore”, Fordham International Law Journal, Vol. 10 (1987) 420. L-istess pożizzjoni tidher li mmotivat l-obiter dicta fil-punt 30 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-1 ta’ Ottubru 1987, Vlaamse Reisbureaus (311/85, Ġabra p. 3801) u fil-punt 74 tas-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2002, Sapod Audic (C-159/00, Ġabra p. I-5031).


34 – Pescatore, P., “Public and Private Aspects of European Community Law”, Fordham International Law Journal, Vol. 10 (1987) 373, partikolarment p. 378 u 379; Baquero Cruz, J., “Free movement and private autonomy”, European Law Review, 1999, pp. 603 sa 620; Waelbroeck, M., “Les rapports entre les règles sur la libre circulation des marchandises et les règles de concurrence applicables aux entreprises dans la CEE”, Du droit international au droit de l’intégration, Nomos, Baden‑Baden, 1987, pp. 781 sa 803.


35 – Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1997 (C-265/95, Ġabra I-6959).


36 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


37 – Ara, per eżempju, Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenza Evans vs Ir-Renju Unit ta’ l-10 ta’ April 2007, punt 75, u s-sentenza X & Y vs L-Olanda tas-26 ta’ Marzu 1985, punt 23 sa 27. Fuq l-effett orizzontali tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ara Spielmann, L’effet potentiel de la Convention européenne des droits de l’homme entre personnes privées, Bruylant, Brussels, 1995; Besson, S., “Comment humaniser le droit privé sans commodifier les droits de l’homme”, Droit civil et Convention européenne des droits de l’homme, Zürich, Schulthess, 2006, pp. 1sa 51.


38 – Eżempju ta’ sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’dan il-mod l-effett orizzontali huwa l-Kawża Defrenne (sentenza tat-8 ta’ April 1976, 43/75, Ġabra p. 455, punti 35 sa 37, u 40). Ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 1981, Imerco (58/80, Ġabra p. 181, punt 12). Il-ġurisprudenza nazzjonali hija mimlija eżempji, li minnhom ser niċċita xi sentenzi. Ir-Renju Unit: Campbell vs Mirror Group Newspapers, WLR 2005 1, p. 3394, punti 17 u 18 (skond Lord Nicholls); A vs B [2003] QB 195. Il-Ġermanja: Bundesverfassungsgericht 7, 198 (Lüth); BverfG 81, 242 (aġent kummerċjali); BverfG 89, 214 (garanzija); BverfG, 1 BvR 12/92 tas-6.2.2001 (kuntratt ta’ żwieġ). L-Olanda: Hoge Raad, 15 ta’ April 1994, Valkenhorst, NJ 1994, 608. Ir-Repubblika Ċeka: I. ÚS 326/99 (ara: Bullettin ta’ ġurisprudenza Kostituzzjonali, 2000, p. 240). Ir-Repubblika ta’ Ċipru: The Ship ‘Panayia Myrtidiotissa’ vs. Sidiropoulou a.o. (1993) 1. J.S.C 991. Żewġ eżempju klassiċi mill-Istati Uniti huma s-sentenzi USSC New York Times Co. vs. Kraemer, 334 U.S. 1 (1948) u USSC New York Times Co. vs. Sullivan, 376 U.S. 254 (1964).


39 – Shapiro, M., u Stone Sweet, A., On Law, Politics & Judicialization, Oxford University Press, Oxford, 2002, p. 35. Ara wkoll Sunstein, C., “State Action is Always Present”, 3 Chicago Journal of International Law 465 (2002). Ara wkoll is-sentenza Defrenne, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 35.


40 – Alexy, R., A theory of constitutional rights, Oxford University Press, Oxford, 2002, p. 363; Kumm, M., “Who is Afraid of the Total Constitution? Constitutional Rights as Principles and the Constitutionalization of Private Law”, German Law Journal, Vol. 7, Nru. 4 (2006), pp. 341 sa 369, partikolarment p. 352; Tushnet, M., “The issue of state action/horizontal effect in comparative constitutional law”, International Journal of Constitutional Law, Vol. 1, Nru. 1 (2003), pp. 79 sa 98, partikolarment p. 98; Sunstein, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, partikolarment pp. 467 u 468.


41 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punti 35 sa 37 u 40.


42 – F’dan is-sens, Kumm, M., u Ferreres Comella, V., ‘What is so special about constitutional rights in private litigation? A comparative analysis of the function of state action requirements and indirect horizontal effect’, The Constitution in Private Relations, Eleven International Publishing, Utrecht, 2005, pp. 241 sa 286, partikolarment p. 253.


43 – Minn hawnhekk l-osservazzjoni “li effett orizzontali jkollu, b’mod definittiv, dejjem natura diretta” (Leisner, W., Grundrechte und Privatrecht, Beck, Munich,1960, p. 378).


44 – Għal riflessjoni aktar żviluppata ta’ dan il-kwistjoni, ara punt 25 tal-Konklużjonijiet tiegħi tas-7 ta’ Settembru 2006 fil-Kawżi C‑463/04 u C‑464/04 Federconsumatori et preżentement pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


45 – Ara wkoll il-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Marks & Spencer, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punti 37 sa 40.


46 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tal-31 ta’ Ottubru 1974, Centrafarm BV et (15/74, Ġabra p. 1147, punti 11 u 12); Centrafarm BV et (16/74, Ġabra p. 1147, punti 11 u 12); Centrafarm BV et (16/74, Ġabra p. 1183, punti 11 u 12), u tat-22 ta’ Ġunju 1976, Terrapin (119/75, Ġabra p. 1039).


47 – Ara, per eżempju, is-sentenzi Centrafarm, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 9 (f’kull kawża); tas-17 ta’ Mejju 1988, Warner Brothers et (158/86, Ġabra p. 2605), u tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG II (C-10/89, Ġabra p. I-3711, punti 13 u 14).


48 – Ara, per eżempju, is-sentenzi HAG, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, punti 15 sa 20, u tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnick (C-9/93, Ġabra p. I-2789, punti 41 sa 60).


49 – Sentenza centrafarm (15/74), iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 12.


50 – Sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave (36/74, Ġabra p. 1405); ta’ l-14 ta’ Lulju 1976, Donà vs Mantero (13/76, Ġabra p. 1333); tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman et (C-451/93, Ġabra p. I-4921); tal-11 ta’ April 2000, Deliège (C-51/96, Ġabra p. I-2549); Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, u tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C-176/96, Ġabra p. I-2681).


51 – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punt 47; sentenzi Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 24, u Lehtonen u Castors Braine, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punt 35.


52 – Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Deutscher Handballbund (C-438/00, Ġabra P. I-4135, punt 32), ikkonfermata mis-sentenza tat-12 ta’ April 2005, Simutenkov (C-265/03, Ġabra p. I-2579, punt 33)..


53 – Sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2000 (C-281/98, Ġabra p. I-4139). Ara Ragnemalm, H., “Fundamental freedoms and private action: a new horizon for EU citizens?”, EG‑domstolen inifrån, Jure Förlag AB, 2006, p. 177.


54 – Punt 7 tas-sentenza Angonese.


55 – Attribwit lil John Maynard Keynes.


56 – Kumm, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, p. 352, u p. 362 sa 364. Ara, f’dan is-sens, ukoll: Sunstein, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39.


57 – Sentenza Schmidberger, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 82, 89 u 93.


58 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 34.


59 – Madankollu, jeżistu sitwazzjonijiet li fihom id-dritt Komunitarju jħalli ftit marġni, jew ebda marġni bħal fil-Kawża Angonese (li kkonċernat diskriminazzjoni ċara mingħajr ebda sinjal ta’ motiv leġittimu).


60 – Sentenza Defrenne, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punti 24 sa 26.


61 – Sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, Ġabra p. 1141), u tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra p. 629).


62 – Ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357); tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame III (C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punt 22), u Courage, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31.


63 – Ara, per eżempju, Corden, M.W., “The Normative Theory of International Trade,” The Handbook of International Economics, Vol. 1, Elsevier, Amsterdam, 1984, pp. 63 sa 130; Kenen, P., The International Economy, Cambridge University Press, Cambridge, 2000; Molle, The Economics of European Integration: Theory, Practice and Policy, Ashgate, Aldershot, 2006.


64 – Ara, għal osservazzjoni simili, Elwell, C.K., Foreign Outsourcing: Economic Implications and Policy Responses, CRS Report for Congress, 2005, li jinstab wkoll f’: http://ec.europa.eu/employment_social/restructuring/facts_en.htm.


65 – Artikoli 12 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. Ara wkoll punt 48 tal-Konklużjonijiet tiegħi ta’ l-14 ta’ Diċembru 2006, ippreżentati fil-Kawża Ordre des barreaux francophones et germanophone et, preżentement pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


66 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35.


67 – Ara, per eżempju, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et (C-369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453, punti 41 u 42); tal-15 ta’ Marzu 2001, Mazzoleni u ISA (C-165/98, Ġabra p. I-2189, punt 29), u tat-12 ta’ Ottubru 2004, Wolff & Müller (C-60/03, Ġara p. I-9553, punt 36).


68 – Sentenzi, iċċitatati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, Arblade et, punt 53; Mazzoleni u ISA, punt 35; Finalarte et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 41, u tal-21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-168/04, Ġabra p. I-9041, punt 47).