Language of document : ECLI:EU:T:2010:216

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

21 ta’ Mejju 2010 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Miżuri finanzjarji favur France Télécom – Proġett ta’ self minn azzjonist – Dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ membru tal-Gvern Franċiż – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li ma tordnax l-irkupru tagħha – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Riżorsi tal-Istat – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn G. De Bergues, R. Abraham u S. Ramet, sussegwentement minn E. Belliard, G. De Bergues u S. Ramet, u fl-aħħar minn E. Belliard, G. De Bergues, A.-L. Vendrolini u J.‑C. Niollet, bħala aġenti,

rikorrenti fil-Kawża T‑425/04,

France Télécom SA, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata inizjalment minn A. Gosset-Grainville u S. Hautbourg, sussegwentement minn S. Hautbourg, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑444/04,

Bouygues SA, stabbilita f’Pariġi,

Bouygues Télécom SA, stabbilita f’Boulogne-Billancourt (Franza),

irrappreżentati minn J. Vogel, F. Sureau, D. Théophile u J. Blouet Gaillard, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑450/04,

Association française des opérateurs de réseaux et services de télécommunications (AFORS Télécom), stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata minn O. Fréget, F. Herrenschmidt, M. Struys u L. Eskenazi, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑456/04,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn C. Giolito u J. Buendía Sierra, sussegwentement minn C. Giolito u D. Grespan, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata, fil-Kawża T‑450/04, minn E. Belliard, G. de Bergues, A.‑L. Vendrolini u J.-C. Niollet, u, fil-Kawża T‑456/04, minn G. de Bergues, bħala aġenti,

intervenjenti fil-Kawżi T‑450/04 u T‑456/04,

minn

Bouygues SA, stabbilita f’Pariġi,

u

Bouygues Télécom SA, stabbilita f’Boulogne-Billancourt,

irrappreżentati minn J. Vogel, F. Sureau, D. Théophile u J. Blouet Gaillard, avocats,

intervenjenti fil-Kawża T‑444/04,

u minn

France Télécom SA, stabbilita f’Pariġi, irrappreżentata inizjalment minn A. Gosset-Grainville u S. Hautbourg, sussegwentement minn S. Hautbourg, avocats,

intervenjenti fil-Kawżi T‑450/04 u T‑456/04,

li għandha bħala suġġett talbiet għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/621/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur France Télécom (ĠU L 257, p. 11),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn J. Azizi (Relatur), President, E. Cremona u I. Labucka, S. Frimodt Nielsen u K. O’Higgins, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ April 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ France Télécom matul il-perijodu bejn l-2001 u l‑2004

1        Sal-1990, l-attivitajiet ta’ France Télécom SA (iktar ’il quddiem “FT”) kienu jaqgħu taħt it-tmexxija tal-Ministère des Postes et Télécommunications (Ministeru tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet) Franċiż. FT ġiet ikkostitwita fl-1991 fil-forma ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku u, mill-31 ta’ Diċembru 1996, għandha statut ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata. Minn Ottubru 1997, FT hija kkwotata fil-Borsa. Fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ din il-kawża, FT kienet tikkostitwixxi grupp attiv fil-qasam tal-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni, prinċipalment fi Franza, b’mod partikolari fis-settur tat-telefonija fissa kif ukoll, permezz tas-sussidjarji tagħha, il-kumpanniji Orange, Wanadoo u Equant, fis-setturi tat-telefonija mobbli, tal-Internet, tat-trażmissjoni tad-data u ta’ servizzi oħrajn ta’ informazzjoni. Fl-2002, is-sehem tal-Istat Franċiż fil-kapital ta’ FT kien tela’ għal 56.45 %.

2        Fil-31 ta’ Diċembru 2001, FT indikat, fil-kontijiet ippubblikati tagħha għas-sena 2001, dejn nett ta’ EUR 63.5 biljun u telf ta’ EUR 8.3 biljuni.

3        Fit-30 ta’ Ġunju 2002, id-dejn nett ta’ FT laħaq EUR 69.69 biljun, li minnhom EUR 48.9 biljun kienu obbligi ta’ dejn li kellhom jiġu rimborsati bejn l-2003 u l-2005. Dawn l-obbligi ta’ dejn essenzjalment kienu kkawżati mill-akkwisti li FT għamlet mill-1999 sabiex tiżviluppa l-attività tagħha fis-settur tat-telefonija mobbli, bħax-xiri lura tal-operatur Brittaniku Orange u l-akkwist ta’ parti mill-kapital tal-operatur Ġermaniż Mobilcom.

4        Fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FT, il-ministre de l’Économie, des Finances u de l’Industrie Franċiż (Ministru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija Franċiż; iktar ’il quddiem il-“Ministru tal-Ekonomija”) iddikjara, waqt intervista ppubblikata fit-12 ta’ Lulju 2002 fil-gazzetta ta’ kuljum Les Echos (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002”), dan li ġej:

“Aħna l-azzjonist b’maġġoranza, b’55 % tal-kapital […] L-Istat, fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist, se jġib ruħu bħala investitur prudenti u jekk [FT] ikollha xi diffikultajiet, aħna se nieħdu l-passi xierqa […] Nerġa’ ngħid li jekk [FT] ikollha xi problemi ta’ finanzjament, li ma huwiex il-każ illum, l-Istat se jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex dawn ikunu megħluba. Intom erġajtu bdejtu l-għajdut ta’ żieda tal-kapital […] Le, żgur li le! Insostni biss li, meta jasal iż-żmien, se nieħdu l-miżuri xierqa. Jekk dan ikun neċessarju […]”

5        Skont il-kontijiet ta’ nofs is-sena ppubblikati fit-12 ta’ Settembru 2002, id-dħul mill-bejgħ ta’ FT wera żieda ta’ 10 % meta pparagunat mal-istess perijodu tas-sena finanzjarja 2001, riżultat ta’ dħul/telf operattiv qabel id-deprezzament (iktar ’il quddiem l-“Ebitda”) li tela’ sa EUR 6.87 biljuni, jiġifieri żieda ta’ 13.3 % f’data storika u ta’ 9.8 % f’data pro forma, u riżultat operattiv ta’ EUR 3.18 biljuni, b’żieda ta’ 15 % f’data pro forma. Ir-riżultati wara l-ispejjeż finanzjarji (EUR 1.75 biljun), imma qabel it-taxxi, l-azzjonijiet u l-interessi ta’ minoranza, barra elementi eċċezzjonali, kienu ta’ EUR 718 miljun kontra EUR 271 miljun tat-30 ta’ Ġunju 2001. Il-flus ta’ likwidità libera operattiva tela’ sa EUR 3.6 biljuni, b’żieda ta’ 15 % meta pparagunat mal-ewwel nofs tal-2001. Fl-istess ħin, FT ikkonfermat li l-fondi kkonsolidati tagħha kienu indikaw telf fit-30 ta’ Ġunju 2002 sa EUR 440 miljun.

6        Fit-12 ta’ Settembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi ħabbru pubblikament li kienu aċċettaw ir-riżenja tal-President-Direttur Ġenerali (PDĠ) ta’ FT (iktar ’il quddiem l-“ex PDĠ ta’ FT”).

7        Fi stqarrija għall-istampa dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FT tat-13 ta’ Settembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi ddikjaraw dan li ġej:

“Wara t-telf eċċezzjonali li kien ikkonstatat matul l-ewwel nofs tas-sena, [FT] qed tiffaċċja nuqqas kbir ta’ fondi. Tali sitwazzjoni finanzjarja qed iddgħajjef il-potenzjal ta’ [FT]. Il-Gvern [Franċiż] għaldaqstant huwa deċiż li jeżerċita r-responsabbiltajiet kollha tiegħu […] Filwaqt li ħa nota tas-sitwazzjoni l-ġdida li nħolqot bid-deterjorament qawwi fil-kontijiet, [l-ex PDĠ ta’ FT] ippreżenta r-reżenja tiegħu lill-Gvern [Franċiż] u dan aċċettaha. Din ir-reżenja se tidħol fis-seħħ waqt il-laqgħa tal-bord tad-diretturi li se ssir fil-[…] ġimgħat li ġejjin u li matulha se jiġi ppreżentat president ġdid […] Il-president il-ġdid se jissuġġerixxi lill-bord tad-diretturi mill-iktar fis possibbli pjan sabiex jittejbu l-kontijiet, li se jippermetti li jitnaqqas id-dejn [ta’ FT] u li tiġi stabbilita mill-ġdid l-istruttura finanzjarja tagħha, filwaqt li jinżammu l-assi strateġiċi tagħha. L-Istat [Franċiż] se jagħti s-sostenn tiegħu lil [FT] fl-implementazzjoni ta’ dan il-pjan u min-naħa tiegħu se jagħti kontribuzzjoni għal tisħiħ ferm sostanzjali tal-fondi ta’ [FT], skont skeda u metodi li għandhom jiġu ddeterminati skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Sa dan iż-żmien, l-Istat [Franċiż] se jieħu, jekk dan ikun neċessarju, il-miżuri li jippermettu li jiġi evitat li [FT] ikollha kwalunkwe problema ta’ finanzjament.”

8        Fit-2 ta’ Ottubru 2002, ġie nnominat il-PDĠ il-ġdid ta’ FT (iktar ’il quddiem il-“PDĠ il-ġdid ta’ FT”). L-istqarrija għall-istampa li tħabbar din in-nomina tgħid:

“Fuq proposta tal-[b]ord tad-diretturi ta’ [FT], il-Kunsill tal-Ministri ddeċieda li jinnomina [il-PDĠ il-ġdid ta’ FT] […] Għal dan il-għan, il-[p]resident il-ġdid se jibda immedjatament inventarju ta’ [FT] li r-riżultati tiegħu se jkunu kkomunikati lill-[b]ord tad-diretturi fil-ġimgħat li ġejjin u li fuq il-bażi tiegħu se jkun imsejjes pjan ta’ rkupru finanzjarju u ta’ żvilupp strateġiku li se jippermetti li jitnaqqas id-dejn ta’ [FT] filwaqt li jissaħħu l-assi tagħha. F’dan il-kuntest, [il-PDĠ il-ġdid ta’ FT] se jkollu s-sostenn tal-Istat fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist, li huwa deċiż li jeżerċita r-responsabbiltajiet kollha tiegħu. L-Istat [Franċiż] se jagħti l-għajuna tiegħu għall-implementazzjoni tal-azzjonijiet ta’ rkupru u se jagħti kontribuzzjoni, min-naħa tiegħu, sabiex jissaħħu l-fondi ta’ [FT] skont metodi li għandhom jiġu deċiżi f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-[p]resident ta’ [FT] u mal-[b]ord tad-diretturi. Kif diġà ntqal, sa dan iż-żmien, l-Istat [Franċiż] se jieħu, jekk dan ikun neċessarju, miżuri li jippermettu li jiġi evitat li [FT] ikollha kwalunkwe problema ta’ finanzjament.”

9        Fid-19 ta’ Novembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni “nota ta’ informazzjoni” li, minn naħa, tiddeskrivi s-sitwazzjoni finanzjarja attwali ta’ FT filwaqt li tenfasizza li “l-prestazzjonijiet operattivi tagħha huma eċċezzjonali” u, min-naħa l-oħra, tirreferi għall-intenzjoni tagħhom li jieħdu sehem f’rikapitalizzazzjoni ta’ FT, skont il-kundizzjonijiet tas-suq, filwaqt li jispjegaw il-metodi tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-pjan ta’ rkupru ta’ FT. F’din in-nota, l-awtoritajiet Franċiżi ppreċiżaw b’mod partikolari dan li ġej:

“Sabiex [FT] tingħata l-marġni ta’ manuvrar neċessarja ħalli tavviċina s-suq fl-aħjar kundizzjonijiet u fl-iktar mument xieraq, l-Istat [Franċiż] lest li jantiċipa s-sehem tiegħu fiż-żieda tal-kapital fil-forma ta’ self minn azzjonist li se jiġi kkonvertit f’kapital fil-mument li joħorġu titoli ġodda. L-ammont ta’ dan is-self ser jikkorrispondi għas-sottoskrizzjoni kollha tal-Istat [Franċiż] fiż-żieda futura tal-kapital jew għal parti minnha u jista’ jitla’ sa [EUR] 9 [biljuni]. Dan is-self ser jkun temporanju u l-konverżjoni tiegħu f’titoli se tkun obbligatorja. Dan se jkun ibbażat biss fuq il-ħtiġijiet ta’ [FT]. Hija se tiġi wkoll irremunerata skont il-kundizzjonijiet tas-suq li jkunu fis-seħħ f’dak iż-żmien u l-interessi se jkunu inkorporati fil-kapital.

Biex ikun implementat is-sehem tiegħu fil-pjan ta’ rkupru ta’ [FT], l-Istat [Franċiż] biħsiebu juża lil ERAP, entità industrijali u kummerċjali pubblika tal-Istat [Franċiż], li se tagħti self minn azzjonist lil [FT] u se jkun hemm l-intenzjoni li ssir azzjonista importanti ta’ [FT] ladarba dan is-self ikun ġie kkonvertit f’kapital. Dwar is-sehem pubbliku f’[FT] fl-attiv tagħha, din l-entità pubblika se jkollha fil-passiv tagħha obbligi ta’ dejn. Din l-għażla ta’ ERAP tirrifletti r-rieda tal-Istat [Franċiż] li jidentifika b’mod ċar l-isforz patrimonjali permess filwaqt li jisseparah fi struttura apposta.”

10      Matul il-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ FT tal-4 ta’ Diċembru 2002, id-diriġenti l-ġodda ta’ FT ippreżentaw pjan ta’ azzjoni intitolat “Ambition FT 2005” (iktar ’il quddiem il-“pjan Ambition 2005”) li essenzjalment għandu l-għan li jerġa’ jibbilanċja l-karta tal-bilanċ ta’ FT billi jsaħħaħ il-fondi tagħha sa EUR 15-il biljun.

11      Il-preżentazzjoni tal-pjan Ambition 2005 kienet akkumpanjata minn stqarrija għall-istampa tal-Ministru tal-Ekonomija tal-4 ta’ Diċembru 2002, li tgħid dan li ġej:

“[Il]-Ministru tal-[E]konomija […] jikkonferma s-sostenn tal-Istat [Franċiż] għall-pjan ta’ azzjoni approvat mill-bord tad-diretturi ta’ [FT] fl-4 ta’ Diċembru [2002]. 1) Il-grupp [FT] jikkostitwixxi grupp industrijali koerenti li l-prestazzjonijiet tiegħu huma notevoli. Madankollu, [FT] illum għandha taffaċċja struttura finanzjarja żbilanċjata, bżonnijiet ta’ fondi u rifinanzjament għal terminu medju. Din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-falliment tal-investimenti li kien hemm fl-imgħoddi, li ġew ġestiti ħażin u saru fl-agħar żmien tal-“bużżieqa” finanzjarja u, b’mod iktar ġenerali, meta s-swieq kienu fl-iktar livelli baxxi tagħhom. Il-fatt li [FT] ma tistax tiffinanzja l-iżvilupp tagħha ħlief bid-dejn iggrava din is-sitwazzjoni. 2) L-Istat [Franċiż], fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist b’maġġoranza, talab lid-diriġenti l-ġodda sabiex jerġgħu jistabbilixxu l-bilanċi finanzjarji ta’ [FT], filwaqt li jżommu l-integrità tal-grupp […] 3) Fid-dawl tal-pjan ta’ azzjoni mfassal mid-diriġenti u tal-perspettivi ta’ qligħ mill-investiment, l-Istat [Franċiż] se jieħu sehem fit-tisħiħ tal-fondi ta’ FT b’EUR 15-il miljun pro rata, jiġifieri investiment ta’ EUR 9 biljuni. L-Istat [Franċiż] fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist biħsiebu jġib ruħu għaldaqstant bħala investitur prudenti. Għandha tkun [FT] li tiddefinixxi l-metodi u l-iskeda preċiża tat-tisħiħ tal-fondi tagħha. Il-Gvern [Franċiż] jixtieq li din l-operazzjoni ssir filwaqt li tittieħed sew inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-azzjonisti individwali u tal-impjegati azzjonisti ta’ [FT]. Biex [FT] tingħata l-possibbiltà li tniedi operazzjoni tas-suq fl-iktar mument xieraq, l-Istat [Franċiż] lest li jantiċipa s-sehem tiegħu fit-tisħiħ tal-fondi tagħha, permezz ta’ self minn azzjonist temporanju, li se jiġi rremunerat skont il-kundizzjonijiet tas-suq u li se jitiqegħed għad-dispożizzjoni ta’ [FT]. 4) Is-sehem kollu tal-Istat [Franċiż] f’[FT] se jiġi ttrasferit f’ERAP, entità industrijali u kummerċjali pubblika. Hija se tiddejjen mas-swieq finanzjarji sabiex tiffinanzja l-parti tal-Istat [Franċiż] fit-tisħiħ tal-fondi ta’ [FT].”

12      Fil-11 u fit-12 ta’ Diċembru 2002, FT ħarġet żewġ settijiet ta’ bonds suċċessivi li kienu jlaħħqu total ta’ EUR 2.9 biljuni.

13      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, Entreprise de recherches et d’activités pétrolières (ERAP) (Impriża għar-riċerka u għall-attivitajiet marbuta maż-żejt) bagħtet lil FT abbozz ta’ kuntratt għal self minn azzjonist inizjalat u ffirmat. FT ma ffirmatx dan l-abbozz ta’ kuntratt u s-self minn azzjonist qatt ma ġie eżegwit.

14      Fil-15 ta’ Jannar 2003, FT ħadet xi self fil-forma ta’ ħruġ ta’ bonds li jammonta għal total ta’ EUR 5.5 biljuni. Dan is-self ma kienx kopert b’sigurtà jew b’garanzija Statali.

15      Fl-10 ta’ Frar 2003, FT ġeddet parti minn self sindikalizzat li fid-data ta’ skadenza kellu jlaħħaq EUR 15-il biljun.

16      Fl-4 ta’ Marzu 2003, tnediet l-operazzjoni ta’ tisħiħ tal-fondi prevista mill-pjan Ambition 2005. Fl-24 ta’ Marzu 2003, FT għamlet żieda ta’ kapital ta’ EUR 15-il biljun. L-Istat Franċiż ħa sehem f’din l-operazzjoni b’EUR 9 biljuni pro rata tas-sehem tiegħu fil-kapital ta’ FT. Ammont ta’ EUR 6 biljuni ġie ggarantit minn konsorzju bankarju magħmul minn 21 bank. Din l-operazzjoni ngħalqet fil-11 ta’ April 2003.

17      FT għalqet is-sena finanzjarja 2002 b’telf ta’ madwar EUR 21 biljun u b’dejn finanzjarju nett ta’ madwar EUR 68 biljun. Il-kontijiet għas-sena finanzjarja 2002, ippubblikati minn FT fil-5 ta’ Marzu 2003, kienet turi żieda fid-dħul mill-bejgħ ta’ 8.4 %, riżultat ta’ dħul/telf operattiv qabel id-deprezzament ta’ 21.1 % u riżultat ta’ dħul/telf operattiv ta’ 30.9 %. Fl-14 ta’ April 2003, l-Istat Franċiż kellu 58.9 % mill-kapital ta’ FT, li minnu 28.6 % permezz ta’ ERAP.

18      Fil-31 ta’ Lulju 2003, fil-Kunsill tal-Ministri, il-Gvern Franċiż adotta abbozz ta’ liġi li jipprevedi r-revoka tal-obbligu li l-Istat ikollu sehem b’maġġoranza mill-kapital ta’ FT. Dan l-abbozz ta’ liġi ġie adottat mill-Assemblée Nationale (Assemblea Nazzjonali) Franċiża u daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2003.

19      Fl-1 ta’ Settembru 2004, l-Istat Franċiż għamel ċessjoni ta’ madwar 10 % mill-kapital ta’ FT għal ammont ta’ EUR 5.2 biljuni, biex b’hekk naqqas is-sehem tiegħu fil-kapital ta’ FT għal 42.25 %.

II –  Il-proċedura amministrattiva

20      Fl-4 ta’ Diċembru 2002, ir-Repubblika Franċiża nnotifikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew il-miżuri finanzjarji previsti mill-pjan Ambition 2005, inkluż il-proġett ta’ self minn azzjonist, skont l-Artikolu 88(3) KE u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

21      Fit-22 ta’ Jannar 2003, Bouygues SA u Bouygues Télécom SA (iktar ’il quddiem, meqjusa flimkien, il-“kumpanniji Bouygues”), żewġ kumpanniji rregolati mid-dritt Franċiż, fejn tal-aħħar hija attiva fis-suq Franċiż tat-telefonija ċellulali, ressqu lment quddiem il-Kummissjoni dwar ċerta għajnuna mogħtija mill-Istat Franċiż lil FT u lil Orange fil-kuntest tar-rifinanzjament ta’ FT. Dan l-ilment kien jirrigwarda, b’mod partikolari, minn naħa, l-avviż ta’ investiment tal-Istat Franċiż sa EUR 9 biljuni u, min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi li l-awtoritajiet Franċiżi għamlu favur FT sa minn Lulju 2002 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002”).

22      B’ittra tal-31 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Franċiżi bid-deċiżjoni tagħha li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-miżuri finanzjarji previsti favur FT.

23      Fit-12 ta’ Marzu 2003, id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 57, p. 5). Id-deċiżjoni kienet tinkludi stedina lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni.

24      B’ittra tal-4 ta’ April 2003, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali u kkontestaw il-fondatezza tad-dubji li l-Kummissjoni wriet fiha.

25      B’nota tal-11 ta’ April 2003, il-kumpanniji Bouygues ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni filwaqt li fakkru li l-ilment tagħhom tat-22 ta’ Jannar 2003 kellu jiġi kkunsidrat bħala parti integrali mit-teħid ta’ pożizzjoni tagħhom f’din il-proċedura. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet min-naħa ta’ għadd ta’ partijiet interessati oħrajn, inkluża l-Association française des opérateurs de réseaux et services de télécommunications (AFORS Télécom, iktar ’il quddiem l-“AFORS”) u mingħand FT. B’mod partikolari, FT u l-kumpanniji Bouygues ippreżentaw diversi studji ta’ esperti ekonomiċi u pariri legali matul il-proċedura amministrattiva.

26      Fit-30 ta’ Mejju 2003, il-Kummissjoni ppubblikat avviż ta’ kuntratt għal “l-provvista ta’ servizzi ta’ assistenza għall-evalwazzjoni tal-konformità tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Istat Franċiż lil FT mal-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq u għall-analiżi ekonomika eventwali tal-pjan ta’ rkupru ta’ FT”. Fl-24 ta’ Settembru 2003, dan il-kuntratt ingħata lil konsulent li ppreżenta r-rapport ekonomiku tiegħu fit-28 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tat-28 ta’ April 2004”).

27      Ir-rapport tat-28 ta’ April 2004 kien akkumpanjat minn rapport legali tat-22 ta’ Marzu 2004 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tat-22 ta’ Marzu 2004”). B’ittra tat-3 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni bagħtet dawn iż-żewġ rapporti lill-awtoritajiet Franċiżi filwaqt li stednithom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

III –  Id-Deċiżjoni kkontestata

A –  In-notifika tad-Deċiżjoni kkontestata

28      Fit-3 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Franċiżi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2006/621/KE], tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur France Télécom (ĠU L 257, p. 11, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”).

29      Fit-30 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni bagħtet kopja tad-Deċiżjoni kkontestata lil FT u lill-kumpanniji Bouygues.

30      Fit-3 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni bagħtet kopja tad-Deċiżjoni kkontestata lill-AFORS.

B –  Id-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata

31      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata jipprevedi li “[i]s-self minn azzjonist mogħti mir-[Repubblika Franċiża] lil [FT] f’Diċembru 2002 fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni, imqiegħed fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet […] minn Lulju 2002, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

32      Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, “[l]-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 1 ma għandhiex tiġi rkuprata” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

C –  Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FT bejn Ġunju 2002 u Marzu 2003

33      Taħt it-Titolu 3 “Deskrizzjoni kronoloġika tal-fatti u [tas-]sitwazzjoni finanzjarja ta’ [FT]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni essenzjalment għamlet il-konstatazzjonijiet esposti iktar ’il quddiem.

34      L-ewwel nett, fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FT, il-Kummissjoni kkonstatat li, minn Ġunju 2002, FT “kellha problemi strutturali gravi u karta tal-bilanċ xejn ibbilanċjata” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 17 tad-Deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rrilevat, minn naħa, tnaqqis malajr fil-grad tal-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT matul l-ewwel nofs tal-2002 – dan intwera mill-avviżi tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu, bħal Standard & Poor’s (iktar ’il quddiem “S & P”), Moody’s u Fitch Ratings (premessi 20 sa 27 tad-Deċiżjoni kkontestata) – u, min-naħa l-oħra, wara analiżi tal-“credit spreads” (firxa fir-rata tal-interessi bejn bonds tal-Gvern u bonds oħrajn b’maturità identika) ta’ FT, “spread inversion”, jiġifieri żieda fir-riskji marbuta mad-dejn għal terminu ferm qasir tagħha, b’mod partikolari, fil-bidu tax-xahar ta’ Lulju 2002, b’relazzjoni għad-dimensjoni tar-riskji marbuta mad-dejn għal terminu medju u twil tagħha. Fil-fatt, l-i“spreads” marbuta mad-dejn ta’ impriża jkollhom effett, permezz tal-kuntratti, fuq l-evalwazzjoni tar-riskju marbut mal-kapaċità tagħha li tirrispetta dawn l-obbligi tal-ħlas tal-interessi u tar-rimbors ta’ self meta jkun dovut, u normalment ikunu ogħla għad-dejn għal terminu twil milli għal dak qasir. Dawn l-i“spreads” jinfluwenzaw ukoll il-valutazzjoni tal-bonds kif ukoll il-livell tal-interess dovut għall-ħruġ ta’ bonds ġodda. Skont il-Kummissjoni, din iż-żieda fir-riskju ġiet ikkonfermata bil-waqgħa fil-prezzijiet tal-bonds ta’ FT f’Ġunju u f’Lulju 2002, li jirrifletti wkoll valur inqas tad-dejn ta’ FT minħabba riskju ikbar ta’ falliment ipperċepit mis-suq (premessi 28 sa 31 tad-Deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat tnaqqis sinjifikattiv fil-prezz tal-azzjonijiet ta’ FT matul l-ewwel nofs tal-2002, fejn dan il-prezz laħaq l-iktar livell baxx tiegħu l-ewwel darba fis-27 ta’ Ġunju 2002 (EUR 7.79) u, imbagħad fit-30 ta’ Settembru 2002 (EUR 6.01) (premessa 35 tad-Deċiżjoni kkontestata).

35      It-tieni nett, il-Kummissjoni essenzjalment ikkonstatat li, fid-data tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, kull tnaqqis supplimentari fil-grad ta’ klassifikazzjoni tad-dejn ta’ FT kien iwassal għat-telf tal-livell ta’ investiment sigur tagħha (investment grade) u li l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu S & P u Moody’s kienu se jbaxxu din il-klassifikazzjoni għal-livell ta’ “junk bond” (bond spekulattiv) (premessa 37 tad-Deċiżjoni kkontestata).

36      Fl-istqarrija għall-istampa tagħha tat-12 ta’ Lulju 2002, S & P madankollu kienet indikat (premessi 37 u 38 tad-Deċiżjoni kkontestata) dan li ġej:

“FT tista’ tiffaċċja ċerti diffikultajiet biex tirrifinanzja l-obbligi ta’ dejn tagħha li għandhom jitħallsu lura fl-2003. Madankollu, id-dikjarazzjoni tal-Istat [Franċiż] ssostni l-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT fuq [livell] ta’ investiment [sigur] […] [L]-Istat Franċiż – li għandu 55 % ta’ [FT] – indika b’mod ċar lil [S & P] li huwa se jġib ruħu bħala investitur prudenti u li se jieħu l-miżuri xierqa jekk FT jkollha xi diffikultajiet. Il-grad ta’ klassifikazzjoni għal terminu twil ta’ [FT] tniżżel għal BBB- […]”

37      Fil-premessa 212 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li, diġà fl-24 ta’ Ġunju 2002, Moody’s kienet baxxiet il-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT għal-livell eżatt fuq dak ta’ “junk bond”. Barra minn hekk, fil-premessa 221 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 142 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq rapport tad-Deutsche Bank, tat-22 ta’ Lulju 2002, minn fejn hija ċċitat u kkummentat is-siltiet li ġejjin:

“Fit-12 ta’ Lulju 2002, S & P niżżlet il-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ [FT] għal BBB- […] L-aġenzija ma għadhiex tistenna li [FT] tilħaq l-għan tagħha ta’ 3.5 x dejn nett/Ebitda fl-2003, imma assenjat perspettiva stabbli lill-klassifikazzjoni ta’ kreditu baxxa ta’ tliet B. Jidher li l-perspettiva stabbli hija sostnuta mill-[kliem li ġejjin tal-istqarrija għall-istampa ta’ S & P:] ‘[L-]Istat Franċiż – li għandu 55 % ta’ [FT] – indika b’mod ċar lil [S & P] li huwa se jġib ruħu bħala investitur prudenti u li se jieħu l-miżuri xierqa jekk FT jkollha xi diffikultajiet.’ Nixtiequ nenfasizzaw li S & P għall-ewwel kienet indikat li ma kinitx se tinkorpora [s-sostenn] straordinarju min-naħa tal-Gvern Franċiż fil-klassifikazzjoni ta’ kreditu tagħha meta hija kienet naqqset il-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ [FT] għal BBB f’Ġunju. Minn dak inhar ’l hawn, l-aġenzija donnha bidlet ħsiebha billi ddikjarat li l-konklużjonijiet tal-creditwatch status ‘[isegwu] analiżi tal-likwidità ta’ [FT] matul tmiem is-sena 2003 u reviżjoni tas-sehem potenzjali tal-Istat Franċiż fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet Franċiżi’ (p. 19). ‘[FT] ibbenefikat mill-fiduċja dejjem ikbar tas-suq [minħabba] li l-Gvern [Franċiż] se jsostni s-self b’mod jew b’ieħor’ (p. 20). ‘Aħna ma nistgħux ninjoraw il-fatt li l-Gvern Franċiż huwa azzjonist b’maġġoranza ta’ FT u li kummenti reċenti tal-Ministeru tal-Finanzi Franċiż serrħu moħħ l-investituri li l-likwidità kienet se tkun żgurata’ (p. 54). ‘Madankollu, […] aħna naħsbu li [FT] fl-aħħar se ssib il-likwidità li għandha bżonn permezz tal-imsemmi '[sostenn] impliċitu tal-Istat]' [Franċiż]. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ self, skont il-kundizzjonjiet tas-suq, ipprovdut mill-banek jew [mill-]Gvern [Franċiż]’ (p. 21). Madankollu, ‘x’inhu l-prezz tas-suq għal, ngħidu aħna, dejn ġdid ta’ 10 biljuni għal klassifikazzjoni ta’ kreditu BBB- ? X’inhi l-ispiża reali għal dejn ta’ EUR 10 biljuni għal kumpannija li ma hijiex tassew BBB- u li hija evalwata b’dan il-mod sempliċiment minħabba s-sostenn tal-Gvern? […] Aħna naħsbu li ma hemmx tweġiba tajba għal dawn il-mistoqsijiet, għaliex li kieku FT kienet topera f’dinja reali, hija ma kinitx tkun f’pożizzjoni, fil-fehma tagħna, li tirrifinanzja lilha nfisha mingħajr il-konverżjoni tad-dejn f’kapital’ (p. 33, fl-istess sens ara p. 54). U wkoll: ‘Il-ġurnalisti qed jgħidu li l-Gvern Franċiż se jsostni lil [FT], li jimplika li huwa se jaċċetta li jkun is-'sellief tal-aħħar istanza' ta’ [FT]. Dan l-għajdut tejjeb b’mod sinjifikattiv il-prezz tal-bonds u tal-azzjonijiet, bl-azzjonijiet jiksbu 90 % u l-bonds 137 [punti bażi] f’ġimgħatejn, speċjalment għaliex l-ispekulaturi qed ikopru l-pożizzjoni tagħhom’ (p. 28). Nixtiequ nenfasizzaw li S & P iddikjarat waqt il-konferenza telefonika reċenti tagħha dwar it-tnaqqis tal-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT li, b’mod ġenerali, impriża li tiġġenera cash flow fi proporzjon bejn id-dejn u l-Ebitda ta’ erbgħa għandha tkun iklassifikata bħala li għandha kreditu ta’ BBB-, l-aħħar [livell] ta’ investiment [sigur]. Il-klassifikazzjoni ta’ kreditu attawali ta’, BBB-, fil-parti l-kbira tidher li hija iktar ibbażata fuq il-wegħda ta’ sostenn tal-Gvern [Franċiż] li se jiżgura l-likwidità milli fuq il-karatteristiċi essenzjali tal-impriża”.

Skont il-kalkoli tad-Deutsche Bank, il-proporzjon dejn/Ebitda ta’ FT fit-tieni nofs tal-2002 kien ta’ 4.9 u fil-31 ta’ Diċembru 2002 kien ta’ 5.20.

38      Minn dak li ngħad iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li f’Lulju 2002 kienet għaddejja kriżi ta’ fiduċja fil-konfront ta’ FT.

39      Fil-fatt, fis-16 ta’ Settembru 2002, l-ex PDĠ ta’ FT kien ħabbar fl-istampa li “it-tnaqqis tal-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu qed ifixkel ir-rifinanzjamenti previsti” minn FT u li “t-tnaqqis ta’ tmiem [ix-xahar ta’] Ġunju [2002] fil-grad ta’ klassifikazzjoni assenjat lid-dejn ta’ FT minn […] Moody’s […] għalqitil[ha] l-aċċess għas-suq” (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 131 li tikkorrispondi għall-premessa 212 tad-Deċiżjoni kkontestata; ara wkoll il-premessa 248 tal-imsemmija deċiżjoni). Barra minn hekk, min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 176, li tikkorrispondi għall-premessa 252 tad-Deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li matul seduta quddiem il-kummissjoni ta’ inkjesta tal-awdituri ta’ FT, l-ex PDĠ ta’ FT sostna dan li ġej:

“Issa, huwa stabbilit li x-xenarju iswed qatt ma ġie integrat: il-fatt li għalqulna l-aċċess għas-suq tal-kapital. Qatt ma immaġinajna din il-possibbiltà għaliex ħsibna li l-preżenza tal-Istat [Franċiż] bħala azzjonist b’maġġoranza kienet se twaqqaf lis-suq milli jikkunsidra l-falliment ta’ [FT], mingħajr ma jkun ukoll neċessarju li l-Istat [Franċiż] juri s-sostenn tiegħu. Din l-opinjoni kienet kondiviża minn kważi l-atturi kollha tas-suq sakemm jum minnhom waħda mit-tliet aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu – u waħda biss – iddeċidiet li [FT] kienet qed tirriskja l-insolvenza u rrivediet il-klassifikazzjoni ta’ kreditu tagħha, biex b’hekk, mil-lum għall-għada, għalqiltilha kull aċċess għas-suq [...] Meta fix-xahar ta’ Ġunju [2002], din l-unika aġenzija ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ħarġet l-opinjoni tagħha u għalqulna l-aċċess għas-suq, jiena ndunajt li, jekk ma kienx se jirnexxielna nerġgħu nisselfu, [FT] kien se jkollha diffikultà bil-ħlasijiet, sena wara, lejn tmiem l-ewwel nofs tal-2003”.

40      Minn naħa, din il-kriżi ta’ fiduċja ġiet ikkonfermata mill-PDĠ il-ġdid ta’ FT, meta, fil-11 ta’ Diċembru 2002, instema’ mill-Kummissjoni tal-Affarijiet Ekonomiċi tal-Assemblée nationale (Assemblea Nazzjonali), seduta li l-proċess verbali tagħha (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 32 li tikkorrispondi għall-premessa 39 tad-Deċiżjoni kkontestata) jipprovdi dan li ġej:

“[Il-PDĠ il-ġdid ta’ FT] osserva li l-pjan ta’ finanzjament implementat ma kienx ġie rrispettat u s-sitwazzjoni marret għall-agħar, fil-bidu tal-2001, tant li għas-sajf tal-2003 kienet previdibbli kriżi ta’ likwidità […] [Huwa] ddikjara li, mhedda b’sospensjoni tal-ħlasijiet, [FT] kienet f’xokk […] minħabba l-ammont kunsiderevoli ta’ djun li kellha, peress li hija kellha ssib il-likwidità sabiex tirrimborsa EUR 15-il biljun fl-2003 u mbagħad fl-2004, kif ukoll EUR 20 biljun fl-2005 […]”.

41      Fil-premessa 248 tad-Deċiżjoni kkontestata, ġie ppreċiżat li, waqt seduta quddiem il-Kummissjoni tal-Finanzi tas-Senat Franċiż fil-5 ta’ Diċembru 2002, il-PDĠ il-ġdid ta’ FT kien sostna li, “[i]ffaċċjata b’dejn enormi, [FT] donnha ma rrealizzatx x’kienet is-sitwazzjoni ta’ grupp li l-kwotazzjoni tiegħu fil-Borsa kienet qed tonqos, u li ma kellux iktar aċċess għas-swieq tal-kapital”.

42      Min-naħa l-oħra, is-Senat Franċiż, li kien ikkonstata, f’opinjoni ppreżentata fil-21 ta’ Novembru 2002 f’isem il-Kummissjoni tal-Affarijiet Ekonomiċi u f’isem il-pjan, li klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT fuq livell iktar baxx kienet se taggrava l-kriżi fil-ġestjoni tad-dejn għal terminu qasir tagħha (premessa 39 tad-Deċiżjoni kkontestata), qal dan li ġej:

“Għaldaqstant, se jkun f’Ġunju 2003 li l-problemi ta’ finanzjament ta’ FT jistgħu jsiru kruċjali jew saħansitra ‘irreparabbli’ […] Jekk, sa dak iż-żmien, [FT] ma tkunx reġgħet sabet aċċess għas-suq (minħabba klassifikazzjoni ta’ kreditu li tippenalizzaha), l-Istat [Franċiż] se jkollu jsib l-istrumenti biex jgħin lil [FT] tirrifinanzja lilha nfisha.”

43      Mill-premessi 245 u 246 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll, b’mod partikolari, skont il-kliem ta’ rapport ta’ JP Morgan tat-2 ta’ Diċembru 2002, li mingħajr is-sostenn tal-Istat, FT ma kinitx tkun tista’ tikseb kapitali ġodda fis-suq biex tirrifinanzja d-dejn tagħha. F’dan ir-rigward, dan ir-rapport ippreċiża dan li ġej:

“Aħna għadna naraw il-profil ta’ FT f’termini ta’ riskju/remunerazzjoni bħala mhux attraenti filwaqt li qed nistennew ir-riżultat ta’ reviżjoni tal-istrateġija […] Minkejja li nemmnu li FT għandna kapaċità sinjifikattiva [biex] tnaqqas l-ispejjeż tagħha u tiġġenera qligħ ferm sinjifikattiv, u anki jekk il-PDĠ għandu reputazzjoni tajba, ir-rwol tal-Gvern [Franċiż] huwa ċentrali biex FT jkollha l-flessibbiltà li għandha bżonn. Sa dak iż-żmien, ir-riskju tal-likwidità baqa’ hemm, u fil-fehma tagħna, żieda tal-kapital ma hijiex ħlief kwistjoni ta’ żmien […] Ir-rwol tal-Gvern [Franċiż] se jerġa’ jkun ċentrali fir-rifinanzjament u fit-tnaqqis tad-dejn. Madankollu, minħabba l-iskadenzi ta’ rifinanzjament xejn inkoraġġanti għas-sena 2003, FT u l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ffokaw l-attenzjoni tagħhom tul terminu qasir fuq ir-riskji ta’ likwidità u ta’ rifinanzjament ta’ [FT]. Dan kien ikun impossibbli mingħajr l-intervent tal-Gvern [Franċiż] – u dan irrikonoxxietu anki [FT] waqt il-konferenza telefonika tagħha tat-tielet trimestru.”

44      Meta ffaċċjati b’din is-sitwazzjoni, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu madankollu żammew il-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT fuq livell ta’ investiment sigur filwaqt li ħadu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi (premessa 39 tad-Deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, mill-premessa 222 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont waħda mill-kundizzjonjiet tal-protokolli ta’ ftehim li ġew iffirmati fil-11 u fit-12 ta’ Settembru 2002 bejn l-Istat Franċiż u l-grupp ta’ banek li ħa sehem fl-operazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni “[i]ż-żamma għall-inqas tal-klassifikazzjonijiet ta’ kreditu attwali ([livell] ta’ investiment [sigur]) tad-dejn għal terminu twil ta’ [FT] mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu Moody’s u [S & P] […] għandha [titqies bħala kundizzjoni] fil-kuntratt ta’ garanzija u ta’ investiment” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-aħħar nett, wieħed mill-banek parteċipanti, Morgan Stanley, iddikjara, fit-12 ta’ Settembru 2002, dwar l-impenn tiegħu fiż-żieda tal-kapital ta’ FT (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 147 li tikkorrispondi għall-premessa 222 tad-Deċiżjoni kkontestata), dan li ġej:

“Nikkunsidraw li l-operazzjoni prevista se tkun diffiċli fil-kundizzjonijiet attwali u li reazzjoni pożittiva tas-swieq għad-dikjarazzjonijiet u għall-istqarrijiet li se jiġu ppubblikati fi tmiem il-ġimgħa se tkun waħda mill-elementi prinċipali biex jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għal din l-operazzjoni.”

45      It-tieni nett, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FT f’Settembru 2002 (premessi 40 sa 49 tad-Deċiżjoni kkontestata) u, speċjalment tal-istqarrijiet għall-istampa tal-awtoritajiet Franċiżi tat-13 ta’ Settembru (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) u tat-2 ta’ Ottubru 2002 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu mmodifikaw l-evalwazzjoni tagħhom tal-ġestjoni tad-dejn ta’ FT u kkonstataw żieda fil-fiduċja tas-suq.

46      Għaldaqstant, Moody’s immodifikat il-perspettiva tad-dejn ta’ FT minn negattiva għal stabbli minħabba l-konferma tal-impenn tal-Istat Franċiż li jsostni lil FT, fi stqarrija għall-istampa tat-13 ta’ Settembru 2002 (premessa 52 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 45 tad-Deċiżjoni kkontestata), li kienet tgħid dan li ġej:

“Il-fiduċja ta’ Moody’s issaħħet bid-dikjarazzjoni tal-Gvern [Franċiż], li, għal darb’oħra, ikkonferma s-sostenn qawwi tiegħu fil-konfront ta’ [FT]. Anki jekk it-tħassib ta’ Moody’s dwar il-livell globali tar-riskju finanzjarju u b’mod iktar partikolari dwar is-sitwazzjoni dgħajfa tal-likwidità ta’ [FT] baqgħet hemm, Moody’s saret iktar fiduċjuża minħabba l-fatt li l-Gvern Franċiż [se jsostni lil FT] jekk [din] issib xi diffikultajiet biex tirrimborsa d-dejn li għandha.”

47      Bl-istess mod, fis-17 ta’ Diċembru 2002, S & P ippreċiżat, minn naħa li, minn Lulju 2002, is-sostenn tal-awtoritajiet Franċiżi kien fattur prinċipali biex il-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT tinżamm fuq livell ta’ investiment sigur. Min-naħa l-oħra, li l-avviż tal-awtoritajiet Franċiżi dwar is-self minn azzjonist u l-impenn tagħhom li jaċċettaw, pro rata tas-sehem tagħhom fil-kapital ta’ FT, operazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ EUR 15-il biljun kienet tikkostitwixxi l-prova ta’ dan is-sostenn u ta’ protezzjoni sinjifikattiva tal-kredituri ta’ FT (premessa 58 u noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 52 u 53 tad-Deċiżjoni kkontestata).

48      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li, wara ż-żieda tal-kapital ta’ FT fi Frar u f’Marzu 2003, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu kienu waqfu jikkunsidraw is-sostenn tal-Istat Franċiż bħala element prinċipali tal-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT, sostenn li jidher li baqa’ ferm importanti għal S & P fis-17 ta’ Diċembru 2002 u għal Moody’s fi Frar 2003. Għaldaqstant, Moody’s iddikjarat (premessa 61 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 54 tad-Deċiżjoni kkontestata):

“Il-Gvern Franċiż afferma b’mod kostanti s-sostenn tiegħu fil-konfront ta’ [FT] u l-intenzjoni tiegħu li jipprovdi sostenn finanzjarju jekk dan ikun neċessarju sabiex itaffi l-problemi potenzjali ta’ likwidità. Dan is-sostenn ġie enfasizzat bid-disponibbiltà […] ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni favur [FT] għal perijodu ta’ 18-il xahar, inklużi l-interessi, imma li għandhom jiġu rimborsati biss f’azzjonijiet ta’ [FT]. Moody’s integrat is-sostenn tal-Istat [Franċiż] fil-klassifikazzjoni ta’ kreditu Baa3 tagħha […] [I]r-riskju finanzjarju marbut mad-dejn konsiderevoli ta’ [FT] ma jikkorrispondix għall-kwalità ta’ investiment tagħha (li huwa kkumpensat minn prestazzjonijiet operattivi tajbin u mis-sostenn impliċitu tal-Gvern Franċiż).”

49      Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT minn S & P, fl-14 ta’ Mejju 2003, jiġifieri wara ż-żieda tal-kapital tagħha, kienet ibbażata b’mod ċar fuq data finanzjarja ta’ FT (premessa 61 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 54 tad-Deċiżjoni kkontestata).

50      Skont il-premessa 247 tad-Deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, rapport tal-20 ta’ Frar 2003 ta’ Global Equity Research ikkonferma l-fatt li kien biss wara d-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi li s-suq tal-kapital ippermetta li FT tirrifinanzja ruħha skont kundizzjonijiet xierqa. Skont dan ir-rapport, “[il‑]problemi immedjati ta’ likwidità ġew solvuti: mill-antiċipazzjoni tas-sehem tiegħu fiż-żieda tal-kapital ta’ EUR 15-il biljun fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni, FT setgħet mill-ġdid ikollha aċċess għas-suq tal-bonds biex tnaqqas il-problemi immedjati ta’ likwidità tagħha ”.

D –  L-għan tad-Deċiżjoni kkontestata

51      Taħt it-Titolu 6 “L-għan ta’ din id-deċiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabelxejn fakkret is-suġġett tan-notifika li saret mir-Repubblika Franċiża, li kienet tikkonċerna proġett ta’ self minn azzjonist li kellu jiġi implementat fil-kuntest tal-pjan Ambition 2005. Sussegwentement, hija rrilevat li, “[s]abiex tintlaħaq deċiżjoni dwar il-konformità tal-miżuri inkwistjoni mat-Trattat, [hija] eżaminat l-avvenimenti marbuta man-notifika ta’ dan il-proġett, fosthom id-dikjarazzjonijiet li l-Gvern għamel bejn Lulju u Diċembru 2002” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u li “l-miżuri nnotifikati ma [setgħux] jiġu analizzati mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-[imsemmija] dikjarazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, b’dawn id-dikjarazzjonijiet, l-awtoritajiet Franċiżi wrew ir-rieda tagħhom li jieħdu l-miżuri xierqa biex isolvu d-diffikultajiet finanzjarji ta’ FT. Il-proġett ta’ self minn azzjonist kien jikkostitwixxi t-twettiq tal-intenzjonijiet tagħhom li ġew espressi qabel. Mil-lat materjali, ma hemm l-ebda raġuni ġuridika biex l-eżami tal-fatti rilevanti jkun limitat biss għall-fatti li l-Istat Franċiż iddeċieda li jsemmi fin-notifika. Il-kunċett ta’ għajnuna huwa kunċett oġġettiv u bbażat fuq ir-realtà ekonomika. Għaldaqstant, jekk il-Kummissjoni taf b’fatti li seħħew qabel u li huma oġġettivament rilevanti, hija għandha tintegrahom fl-analiżi tagħha (premessa 185 tad-Deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni żiedet li hija kienet indikat, fil-premessa 70 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 40 tad-Deċiżjoni li jingħata bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 setgħu kienu elementi li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 105 tad-Deċiżjoni kkontestata).

52      Fil-premessi 186 et seq tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeskriviet fil-qosor l-approċċ tagħha kif ġej:

“(186) F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkonstata li qabel il-miżuri ta’ Diċembru 2002, li kienu s-suġġett tan-notifika, kien hemm diversi dikjarazzjonijiet u miżuri tal-awtoritajiet Franċiżi minn Lulju [2002]. Minn naħa, dawn id-dikjarazzjonijiet u dawn il-miżuri jagħtu l-possibbiltà li r-raġunijiet u l-portata tal-miżuri ta’ Diċembru [2002] jinftiehmu aħjar. Min-naħa l-oħra, dawn id-dikjarazzjonijiet u dawn il-miżuri preċedenti żgur li kellhom effett fuq il-perċezzjoni li kellhom is-swieq u l-atturi ekonomiċi tas-sitwazzjoni ta’ FT fix-xahar ta’ Diċembru [2002]. Billi l-aġir tal-atturi ekonomiċi kien huwa stess influwenzat mill-aġir tal-Istat, dan ma jikkostitwixxix parametru oġġettiv biex sussegwentement ikun iġġudikat l-aġir tal-Istat. Dawn l-interventi preċedenti, għalhekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-analiżi tal-preżenza ta’ għajnuna fil-miżuri ta’ Diċembru.

(187) Fil-fatt huwa possibbli li d-dikjarazzjonijiet u l-miżuri suċċessivi tal-awtoritajiet Franċiżi minn Lulju 2002 jiġu analizzati bħala grupp li ħa sura konkreta bil-miżuri ta’ Diċembru [2002] (disponibbiltà ta’ self minn azzjonist), miżuri li kienu dawk li ġew innotifikati […]

(188) Mal-ewwel daqqa t’għajn, l-analiżi ta’ dan il-każ tissuġġerixxi differenza temporanja bejn il-vantaġġi għall-impriża, li kienu partikolarment evidenti fix-xahar ta’ Lulju [2002], u l-impenn potenzjali tar-riżorsi tal-Istat, li jidher li huwa stabbilit b’mod iktar ċar fix-xahar ta’ Diċembru [2002]. Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet tal-Ministru tal-Ekonomija […] jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna, sa fejn deher ċar li tali dikjarazzjonijiet kellhom effett fuq is-swieq u taw vantaġġ lil [FT]. Għaldaqstant, ma huwiex se jkun faċli li jiġi ddeterminat mingħajr l-ebda dubju jekk id-dikjarazzjoni [tat-12] ta’ Lulju 2002 kinitx tali li tinvolvi mill-inqas potenzjalment ir-riżorsi tal-Istat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni analizzat bir-reqqa għadd ta’ argumenti ġuridiċi li kellhom l-għan li juru, minn naħa, li mil-lat ġuridiku tali dikjarazzjonijiet pubbliċi kienu ekwivalenti għal garanzija tal-Istat u, min-naħa l-oħra, li kienu qed jinvolvu r-reputazzjoni tal-Istat bi spejjeż ekonomiċi f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza. Jekk jiġu kkunsidrati flimkien, dawn l-elementi jistgħu jiġu interpretati bħala li qed jirriskjaw tabilħaqq li jqiegħdu f’periklu r-riżorsi tal-Istat (jew billi jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Istat fil-konfront tal-investituri, jew biż-żieda tan-nefqa għat-tranżazzjonijiet futuri tal-Istat). L-argument li d-dikjarazzjoni [tat-12] ta’ Lulju 2002 hija [għajnuna] għalhekk huwa argument ġdid, imma probabbilment mhux infondat.

(189) Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma għandhiex elementi suffiċjenti biex tipprova b’mod inkontestabbli l-preżenza ta’ għajnuna fuq il-bażi ta’ dan l-argument il-ġdid. Min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li tista’ tistabbilixxi l-preżenza ta’ elementi ta’ għajnuna billi ssegwi approċċ iktar tradizzjonali li jibda bil-miżuri ta’ Diċembru li kienu s-suġġett tan-notifika.

(190) Fil-fatt, minn naħa, il-preżenza ta’ impenn tar-riżorsi tal-Istat hija ċara fix-xahar ta’ Diċembru [2002]. Min-naħa l-oħra, il-preżenza ta’ vantaġġ għal [FT] fix-xahar ta’ Diċembru hija wkoll evidenti jekk wieħed jikkunsidra l-effett fuq is-swieq tad-dikjarazzjonijiet u tal-miżuri preċedenti.

(191) F’dan ir-rigward il-‘prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq’ ma għandux rwol fil-ġustifikazzjoni ta’ dan l-intervent ta’ Diċembru [2002] kif qed isostnu l-awtoritajiet Franċiżi, għaliex l-aġir tal-atturi ekonomiċi f’Diċembru kien influwenzat b’mod ċar mill-azzjonijiet u mid-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Gvern minn Lulju [2002]. Għalkemm jistgħu jinxteħtu dubji dwar jekk id-dikjarazzjonijiet [minn] Lulju [2002] kinux suffiċjentement konkreti biex jikkostitwixxu għajnuna fihom infushom, ma hemm kważi l-ebda dubju li tali dikjarazzjonijiet kienu iktar minn suffiċjenti biex ‘jikkontaminaw’ il-perċezzjoni tas-swieq u [jinfluwenzaw] l-aġir sussegwenti tal-atturi ekonomiċi. Jekk dan huwa l-każ, wieħed ma jistax iqis dan l-aġir tal-atturi ekonomiċi bħala punt ta’ paragun newtrali biex sussegwentement ikun iġġudikat l-aġir tal-Istat [Franċiż]. Il-preżunzjoni bbażata fuq il-‘prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq’ għalhekk ma tistax tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni tas-suq kif kienet f’Diċembru [2002] imma loġikament għandha tkun ibbażata fuq sitwazzjoni tas-suq mhux ikkontaminata bl-effett tad-dikjarazzjonijiet preċedenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

E –  L-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE u tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq

53      Taħt it-Titolu 7 “Evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 87(1) [KE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat, b’mod partikolari (premessa 194 tad-Deċiżjoni kkontestata), dan li ġej:

“[Is-]self minn azzjonist (li jikkostitwixxi l-ħlas bil-quddiem tas-sehem tal-Istat [Franċiż] fir-rikapitalizzazzjoni ta’ [FT]) jagħti vantaġġ lil FT għaliex dan jippermettilha żżid il-mezzi ta’ finanzjament tagħha u sserraħ moħħ is-suq rigward il-kapaċità li tirrispetta l-iskadenzi tagħha. Anki jekk [il-kuntratt] ta’ self [minn azzjonist] qatt ma ġie ffirmat, l-impressjoni mogħtija lis-suq li kien jeżisti dan is-self setgħet tagħti vantaġġ lil FT, għaliex is-suq ikkunsidra li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ [FT] kienet iktar soda […] Dan seta’ [influwenza] il-kundizzjonijiet tas-self ta’ FT.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

54      Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonstatat (premessa 195 tad-Deċiżjoni kkontestata) dan li ġej:

“[I]l-fatt li mill-impenn li ta l-Istat jirriżulta vantaġġ li jwassal għal trasferiment potenzjali, imma mhux immedjat, ta’ riżorsi ma jeskludix li dan il-vantaġġ huwa mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat. ‘F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat […] li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hemmx għalfejn jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat biex il-vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar jista’ jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE’ [nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 113: sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 36; ara anki s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punt 14; u tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑6/97, Ġabra p. I‑2981, punt 16]. B’hekk, anki vantaġġ mogħti permezz ta’ oneru potenzjali supplimentari għall-Istat jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat meta jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri [nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 114: sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97, Ġabra p. I‑7907, punt 43; u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il-Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97, Ġabra p. II‑2267, punt 80].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

55      Tali “oneru potenzjali supplimentari” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fuq ir-riżorsi tal-Istat “inħoloq bl-avviż tad-disponibbiltà tas-self minn azzjonist flimkien mat-twettiq tal-kundizzjonijiet ta’ qabel din id-disponibbiltà […], bl-apparenza mogħtija lis-suq li dan is-self kien tabilħaqq disponibbli […] u fl-aħħar nett meta ERAP bagħtet il-kuntratt tas-self inizjalat u ffirmat lil FT […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Anki jekk dan il-kuntratt qatt ma ġie ffirmat minn FT, dan ma jfissirx li madankollu ma kienx hemm impenn potenzjali tar-riżorsi tal-Istat. Skont il-Kummissjoni, minn naħa, “sa fejn dan id-dokument jikkostitwixxi offerta kuntrattwali u sakemm din ma ġietx irrevokata, FT setgħet tiffirmah fi kwalunkwe ħin, biex b’hekk ikollha d-dritt li tikseb immedjatament il-ħlas tas-somma ta’ EUR 9 biljuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, min-naħa l-oħra, “[l]-Istat [Franċiż], billi ma setax jinjora dan, b’hekk kellu jżomm għad-dispożizzjoni ta’ FT, permezz ta’ ERAP, l-ammont ta’ riżorsi korrispondenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 196 tad-Deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha teżamina jekk il-vantaġġ mogħti b’dan il-mod lil FT kienx josserva l-prinċipju tal-investitur privat prudenti u jekk kienx jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri (premessa 197 tad-Deċiżjoni kkontestata).

56      Wara li kkonstatat li l-vantaġġ mogħti lil FT kien joħloq jew kien jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u li seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (premessi 198 sa 201 tad-Deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni, taħt it-Titolu 8 “Prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tad-Deċiżjoni kkontestata, eżaminat il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmi prinċipju ġiex osservat meta jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet kollha li għamlu l-awtoritajiet Franċiżi matul ix-xhur ta’ qabel il-proġett ta’ self minn azzjonist (premessi 202 et seq tad-Deċiżjoni kkontestata).

57      Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq) u tal-istqarrijiet għall-istampa tal-awtoritajiet Franċiżi tat-13 ta’ Settembru, tat-2 ta’ Ottubru u tal-4 ta’ Diċembru 2002 (ara l-punti 7, 8 u 11 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni essenzjalment ikkonkludiet li “[k]ollha f’daqqa, dawn id-dikjarazzjonijiet [jistgħu] jiġu kkunsidrati bħala li għamlu pubblika l-intenzjoni tal-Istat [Franċiż] li jekk [FT] ikollha problemi ta’ finanzjament jew diffikultajiet finanzjarji, [huwa] kien se jagħmel dak kollu li kien neċessarju biex dawn il-problemi jiġu megħluba” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u bħala xhieda tal-impenn tiegħu f’dan ir-rigward. Fil-fatt, dawn id-dikjarazzjonijiet pubbliċi, irrepetuti, konkordanti u attribwibbli lill-Istat Franċiż, huma suffiċjentement ċari, preċiżi u sodi sabiex jirriflettu b’mod kredibbli l-impenn inkundizzjonat tiegħu, speċjalment fir-rigward tal-komunità finanzjarja u industrijali, li kienet tifhimhom b’dan il-mod (premessi 206 sa 213 u 217 tad-Deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, minbarra dawn id-dikjarazzjonijiet pubbliċi, l-awtoritajiet Franċiżi kkuntattjaw ukoll lill-“atturi prinċipali tas-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali], bħal S & P (ara l-punti 35 u 37 iktar ’il fuq), biex jinformawhom bl-intenzjonijiet tagħhom u jerġgħu jagħtu mill-iktar fis possibbli fiduċja lis-suq biex b’hekk jipprevjenu t-tnaqqis fil-grad ta’ klassifikazzjoni tad-dejn ta’ FT għal-livell ta’ “junk bond” (premessa 212 tad-Deċiżjoni kkontestata).

58      Tali dikjarazzjonijiet jistgħu tabilħaqq jiġu kkunsidrati bħala kredibbli mis-suq u konsegwentement joħolqu fih stennija li l-Istat Franċiż “se jagħmel dak kollu li huwa neċessarju biex isolvi kull diffikultà finanzjarja ta’ FT”. Skont il-Kummissjoni, “[j]ekk l-Istat [Franċiż] ma onorax din l-istennija, dan kien jaffettwa direttament ir-reputazzjoni tiegħu bħala proprjetarju, azzjonist jew ġestjonarju ta’ impriżi, ikkwotati fil-Borsa jew le, kif ukoll in-natura tiegħu ta’ entità li toħroġ bonds biex jiffinanzja d-dejn pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’hekk, dawn id-dikjarazzjonijiet jesprimu strateġija bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-Istat (premessa 217 tad-Deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, dawn l-elementi jistgħu “jiġu interpretati bħala li qed jirriskjaw tabilħaqq li jqiegħdu f’periklu r-riżorsi tal-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “[l]-argument li d-dikjarazzjonijiet [minn] Lulju 2002 huma għajnuna […] huwa argument ġdid, imma probabbilment mhux infondat” (premessa 218 tad-Deċiżjoni kkontestata).

59      Fil-premessa 219 tad-Deċiżjoni kkontestata, madankollu l-Kummissjoni ma tikkunsidrax li “tista’ tistabbilixxi b’mod inkontestabbli l-preżenza ta’ għajnuna fuq din il-bażi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija kkunsidrat “min-naħa l-oħra li tista’ turi l-preżenza ta’ elementi ta’ għajnuna b’mod iktar tradizzjonali, ibda mill-miżuri ta’ Diċembru 2002 li kienu s-suġġett ta’ notifika” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, ikun suffiċjenti “li jiġi stabbilit li d-dikjarazzjonijiet preċedenti kellhom effett reali fuq il-perċezzjoni tas-swieq f’Diċembru, mingħajr ma hemm għalfejn li dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu kklassifikati […] bħala li huma stess kienu għajnuna mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

60      Filwaqt li bbażat ruħha speċjalment fuq ir-rapport tat-28 ta’ April 2004, li rrefera għal żieda anormali u mhux negliġibbli tal-valur tal-azzjonijiet (f’firxa ta’ bejn 37.8 % u 43.8 %) u tal-bonds ta’ FT (f’firxa ta’ bejn 3.2 % u 9.7 %) wara d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, fuq l-istqarrija għall-istampa ta’ S & P tal-istess jum (ara l-punt 35 iktar ’il fuq) kif ukoll fuq ir-rapport tad-Deutsche Bank tat-22 ta’ Lulju 2002 (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkonkludiet li “[i]s-suq kien ikkunsidra dawn id-dikjarazzjonijiet bħala strateġija ta’ impenn kredibbli tal-Istat [Franċiż] li jsostni lil FT” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 220 sa 222 tad-Deċiżjoni kkontestata).

61      Fil-fatt, id-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi kienu determinanti biex il-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT tinżamm fuq livell ta’ investiment sigur filwaqt li klassifikazzjoni ta’ kreditu bħala “junk bond” kienet tagħmel is-self minn azzjonist inqas probabbli u żgur ferm iktar problematiku (premessa 225 in fine tad-Deċiżjoni kkontestata). F’dak is-sens, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Franċiżi li jantiċipaw ir-rikapitalizzazzjoni ta’ FT bl-għoti ta’ faċilità ta’ kreditu kienet tikkostitwixxi twettiq tad-dikjarazzjonijiet tagħhom (premessa 226 tad-Deċiżjoni kkontestata).

62      Skont il-Kummissjoni, ma huwiex determinanti li l-operazzjoni ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ FT, imwettqa f’April 2003, kienet suċċess u li s-self minn azzjonist qatt ma ġie eżegwit. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq l-elementi li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-investitur fil-mument li ħa d-deċiżjoni li jinvesti. Konsegwentement, is-suċċess ta’ din l-operazzjoni f’April 2003 ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi ġġudikat l-aġir tal-Istat Franċiż f’Diċembru 2002. Barra minn hekk, sa fejn id-dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Franċiżi kellhom influwenza fuq is-suq u fuq l-aġir tal-atturi ekonomiċi, il-Kummissjoni ma kinitx “f’pożizzjoni li tibbaża ruħha fuq l-aġir ta’ atturi ekonomiċi oħrajn biex tiġġudika l-aġir tal-Istat u b’hekk tapplika t-test tal-konkomitanza” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont il-Kummissjoni, “[f]il-fatt, id-dikjarazzjonijiet tal-Istat [Franċiż] jiġifieri li se jagħmel dak kollu li huwa neċessarju biex [FT] tkun tista’ tegħleb il-problemi ta’ finanzjament tagħha, li saru f’Lulju u li mbagħad ġew ripetuti, jgħawġu t-test tal-konkomitanza peress li f'dik is-sitwazzjoni l-investituri privati ma jistgħux jitqiesu li kienu ddeċidew biss fuq il-bażi tas-sitwazzjoni ta’ [FT], u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn id-dikjarazzjonijiet [kinux jinvolvu jew le] għajnuna mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti ma tistax tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni tas-suq kif kienet f’Diċembru 2002, imma loġikament għandha tkun ibbażata “fuq s-sitwazzjoni ta’ suq mhux ikkontaminat mid-dikjarazzjonijiet u mill-interventi preċedenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 227 tad-Deċiżjoni kkontestata).

63      Issa, “jidher” li, meta dawn jiġu eżaminati fil-kuntest tas-sitwazzjoni ta’ qabel Lulju 2002, jiġifieri fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u dik tal-fiduċja li laqtu lil FT f’dak il-mument u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe miżura u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi, id-deċiżjonijiet ta’ investiment inkwistjoni ma josservawx il-prinċipju tal-investitur privat prudenti (premessa 228 tad-Deċiżjoni kkontestata). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun “improbabbli li investitur privat, minn Lulju 2002, ikun għamel dikjarazzjonijiet [bħal] dawk li għamel il-Gvern Franċiż, li jistgħu, mil-lat purament ekonomiku, jaffettwaw serjament il-kredibbiltà u r-reputazzjoni tiegħu u, mil-lat ġuridiku, anki jobbligawh biex minn dik id-data, jiġri x’jiġri, isostni finanzjarament lil [FT]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’hekk, tali investitur ikun assuma huwa stess u bla ebda kumpens riskju ferm kbir fil-konfront ta’ FT. Issa, anki azzjonist ta’ referenza, li għandu l-istess informazzjoni li kellhom l-awtoritajiet Franċiżi f’dak iż-żmien, ma kienx jagħmel dikjarazzjoni ta’ sostenn favur FT f’Lulju 2002 mingħajr ma qabel ikun għamel verifika approfondita tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u tal-miżuri ta’ rkupru neċessarji biex tkun tista’ tiġi evalwata l-portata tar-riskju li jimplika tali approċċ. Kien x’kien il-każ, tali azzjonist ta’ referenza kien ikollu bżonn tal-parteċipazzjoni tas-swieq finanzjarji biex jirranġa s-sitwazzjoni ta’ FT. Issa, l-imsemmija swieq “ma jidhirx li, f’dak iż-żmien, kienu lesti jinvestu jew jagħtu wisq kreditu lil FT” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 229 tad-Deċiżjoni kkontestata).

64      Minn dak li ngħad iktar ’il fuq jirriżulta li “l-[kriterju] tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq ma [ġiex] sodisfatt” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li, “[k]onsegwentement, il-vantaġġ mogħti lil FT bil-proġett ta’ għotja ta’ self minn azzjonist – eżaminat fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet u tal-interventi preċedenti tal-awtoritajiet Franċiżi – [kien] għajnuna mill-Istat anki jekk [huwa] diffiċli li tiġi kkalkolata l-portata tal-vantaġġ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 230 tad-Deċiżjoni kkontestata).

F –  Il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni

65      Taħt it-Titolu 9 “Kompatibbiltà tal-għajnuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li, minn naħa, FT kellha tiġi kkunsidrata bħala impriża f’diffikultà fis-sens tal-punti 4 sa 6 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida Komunitarji dwar għajnuna tal-[I]stat biex jiġu salvati u ristrutturati ditti f’diffikultà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 322) u li, min-naħa l-oħra, il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni ma setgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna biex jiġu salvati u ristrutturati impriżi f’diffikultà, għaliex dawn ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni previsti minn dawn il-linji gwida (premessi 231 sa 255 tad-Deċiżjoni kkontestata). Skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE u l-linji gwida ċċitati iktar ’il fuq, konsegwentement hija kkonkludiet li dawn il-miżuri ma kinux kompatibbli mas-suq komuni (premessa 256 tad-Deċiżjoni kkontestata).

G –  L-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni

66      Taħt it-Titolu 10 “Irkupru tal-għajnuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li, f’dak l-istadju, hija ma setgħetx tikkwantifika eżattament l-għajnuna inkwistjoni sabiex din tiġi rkuprata skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 (premessi 257 sa 259 tad-Deċiżjoni kkontestata).

67      Skont il-Kummissjoni, “ [m]inkejja l-isforzi kollha tagħha, [hija] ma [kinitx] f’pożizzjoni li tikseb evalwazzjoni raġonevoli tal-effett finanzjarju ‘nett’ tal-miżuri nnotifikati, li kellu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ kalkolu teoretiku li jissepara l-effetti tad-dikjarazzjonijiet u tal-azzjonijiet li jistgħu jiġu attribwiti lill-Istat [Franċiż] minn kull avveniment ieħor li seta’ kellu influwenza fuq is-sitwazzjoni ta’ FT jew fuq il-perċezzjoni ta’ din is-sitwazzjoni min-naħa tas-swieq” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija żiedet li “[m]a jidhirx li għadu possibbli li fid-Deċiżjoni [kkontestata] jiġu integrati parametri ta’ kalkolu suffiċjentement preċiżi biex ikun jista’ jsir il-kalkolu finali matul il-fażi ta’ implementazzjoni tad-Deċiżjoni [kkontestata]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li “[f]’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru jista’ jikkostitwixxi ostakolu għall-irkupru, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament […] Nru 659/1999, li jipprovdi li ‘[i]l-Kummissjoni ma għandhiex teħtieġ l-irkupru tal-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità’” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 261 tad-Deċiżjoni kkontestata).

68      Skont il-Kummissjoni, din il-konklużjoni hija ġġustifikata wkoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji tal-għajnuna (premessa 262 tad-Deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, fil-premessi 263 u 264 tad-Deċiżjoni kkontestata, hija ppreċiżat dan li ġej:

“(263) Fl-evalwazzjoni tagħha tal-konformità tal-miżura inkwistjoni fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet tal-Gvern [Franċiż]. Meqjus separatament, il-proġett ta’ self minn azzjonist probabbilment kien jiġi kkunsidrat bħala li ma jikkostitwixxix għajnuna fir-rigward tat-Trattat. Madankollu, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li d-dikjarazzjonijiet kellhom bħala effett li jerġgħu jistabilixxu l-fiduċja fis-suq fejn għandha x’taqsam [FT], biex b’hekk tkun eskluża l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti u l-proġett ta’ self minn azzjonist ikun it-twettiq tal-għajnuna mogħtija lil FT. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li din hija l-ewwel darba li għandha teżamina l-kwistjoni dwar jekk dan it-tip ta’ aġir jikkostitwixxix għajnuna. Konsegwentement, sa fejn l-għajnuna tiddependi mill-aġir li ppreċeda n-notifika tal-proġett ta’ self [minn azzjonist], operatur diliġenti seta’ kellu fiduċja fil-leġittimità tal-aġir tal-Istat Membru kkonċernat li, min-naħa tiegħu, kien innotifika debitament il-proġett ta’ self. Kif qal l-Avukat Ġenerali Darmon fil-konklużjonijiet tiegħu [fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑5/89, Ġabra p. I-3437)], “wieħed ma jistax jinjora l-eżitazzjonijiet li jista’ jkollhom ċerti impriżi jekk għandhomx jagħmlu jew le notifika, meta jiġu ffaċċjati b’forom ‘atipiċi’ ta’ għajnuna”.

(264)Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkonkludi li FT setgħet leġittimament ikollha fiduċja fir-rigward tal-fatt li l-aġir tar-[Repubblika Franċiża] ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tikkunsidra li, f’dan il-każ, l-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna tmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

I –  Il-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04

69      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”), fit-13 ta’ Ottubru 2004, ir-Repubblika Franċiża ppreżentat ir-rikors irreġistrat taħt in-numru ta’ referenza T‑425/04.

70      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Novembru 2004, FT ppreżentat ir-rikors irreġistrat taħt in-numru ta’ referenza T‑444/04.

71      Ir-Repubblika Franċiża u FT jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

72      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikorsi bħala infondati;

–        tikkundanna lir-Repubblika Franċiża u lil FT għall-ispejjeż.

73      B’talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Ottubru 2007, il-kumpanniji Bouygues talbu li jintervjenu fil-Kawża T‑444/04 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

74      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni indikat li hija ma kellhiex oġġezzjonijiet għall-fatt li l-kumpanniji Bouygues jitħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tagħha. Madankollu, hija ppreċiżat li se tirriżerva l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-koerenza tal-argumenti mressqa mill-kumpanniji Bouygues fil-kuntest ta’ dan l-intervent b’relazzjoni għal dawk li huma żviluppaw insostenn tar-rikors tagħhom fil-Kawża T‑450/04 (ara l-punti 78 et seq iktar ’il quddiem).

75      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Novembru 2007, FT talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiddikjara dik it-talba ta’ intervent inammissibbli u tikkundanna lill-kumpanniji Bouygues għall-ispejjeż u, sussidjarjament, tillimita dak l-intervent għall-proċedura orali.

76      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Diċembru 2007, FT talbet għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti elementi tar-rikors u tar-replika ppreżentati fil-kuntest tal-Kawża T‑444/04 fir-rigward tal-kumpanniji Bouygues.

77      B’digriet tat-30 ta’ Jannar 2008, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba li l-kumpanniji Bouygues jintervjenu fil-kuntest tal-proċedura orali tal-Kawża T‑444/04 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u ordna li tiġi kkomunikata lill-intervenjenti verżjoni provviżorja u mhux kunfidenzjali tar-rapport għas-seduta filwaqt li rriżerva d-deċiżjoni fuq il-mertu tat-talba għal trattament kunfidenzjali ta’ FT. L-ebda waħda mill-partijiet ma qajmet oġġezzjonijiet dwar il-kontenut ta’ din il-verżjoni mhux kunfidenzjali tar-rapport għas-seduta.

II –  Il-Kawża T‑450/04

78      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Novembru 2004, il-kumpanniji Bouygues ippreżentaw ir-rikors irreġistrat taħt in-numru ta’ referenza T‑450/04.

79      Il-kumpanniji Bouygues jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

80      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għall-annuallament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondata;

–        tiċħad it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata bħala infondata;

–        tikkundanna lill-kumpanniji Bouygues għall-ispejjeż.

81      B’rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 u fid-29 ta’ Marzu 2005, FT u r-Repubblika Franċiża talbu li jintervjenu fil-Kawża T‑450/04 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’digrieti tal-25 ta’ Mejju 2005, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn l-interventi. L-intervenjenti ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom u l-kumpanniji Bouygues u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn in-noti fit-termini mogħtija.

82      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata bħala infondata;

–        tikkundanna lill-kumpanniji Bouygues għall-ispejjeż.

83      FT titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lill-kumpanniji Bouygues għall-ispejjeż.

III –  Kawża T‑456/04

84      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Novembru 2004, l-AFORS ippreżentat rikors irreġistrat taħt in-numru ta’ referenza T‑456/04.

85      L-AFORS titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

86      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata bħala inammissibbli;

–        tiċħad it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata bħala infondata;

–        tikkundanna lill-AFORS għall-ispejjeż.

87      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 u fid-29 ta’ Marzu 2005, FT u r-Repubblika Franċiża talbu li jintervjenu fil-Kawża T‑456/04 insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. B’digrieti tat-12 u tal-25 ta’ Mejju 2005, il-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dawn l-interventi. L-intervenjenti ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom u l-AFORS ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar dawn in-noti fit-termini mogħtija.

88      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-AFORS għall-ispejjeż.

89      FT titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata bħala inammissibbli;

–        tiċħad it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata bħala infondata;

–        tikkundanna lill-AFORS għall-ispejjeż.

IV –  Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, rinviju quddiem kulleġġ ġudikanti estiż u tgħaqqid tal-kawżi

90      B’ittra tal-11 ta’ Diċembru 2007, skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali dwar il-Kawżi T‑425/04, T‑444/04 u T‑450/04, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, stiednet lill-Kummissjoni tippreżenta ċerti dokumenti u, min-naħa l-oħra, għamlet bil-miktub xi mistoqsijiet lir-Repubblika Franċiża, lil FT u lill-Kummissjoni filwaqt li stednithom jirrisponduha bil-miktub. Dawn il-partijiet ikkonformaw ma’ dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fit-termini mogħtija.

91      Fit-13 ta’ Frar 2008, skont l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura u fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, wara li semgħet lill-partijiet skont l-Artikolu 51 tal-imsemmija regoli, li tirrinvija l-erba’ kawżi quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

92      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ April 2008, fil-kuntest tal-Kawża T‑450/04, il-kumpanniji Bouygues talbu li l-Kawżi T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04 jingħaqdu skont l-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-partijiet l-oħra f’dawn il-kawżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba fit-termini mogħtija.

93      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Mejju 2008, FT talbet, skont l-Artikolu 50(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għat-trattament kunfidenzjali ta’ ċerti elementi tar-rikors u tar-replika kif ukoll ta’ ċerti annessi għar-rikors ippreżentati fil-kuntest tal-Kawża T‑444/04 fir-rigward tal-partijiet l-oħra fil-Kawżi T‑425/04, T‑450/04 u T‑456/04, u pproduċiet verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn l-atti proċedurali.

94      B’digriet tal-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Frar 2009, il-Kawżi T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04 ġew magħquda għall-finjiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, il-President tat-Tielet Awla Estiża ordna li, minn naħa, il-konsultazzjoni tal-atti proċedurali fil-kawżi magħquda tkun limitata għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti u, min-naħa l-oħra, li verżjoni provviżorja u mhux kunfidenzjali tar-rapporti għas-seduta tkun ikkomunikata lill-partijiet filwaqt li rriżerva d-deċiżjoni dwar il-fondatezza tat-talba għal trattament kunfidenzjali ta’ FT. L-ebda waħda mill-partijiet ma qajmet oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward.

V –  Il-proċedura orali

95      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura orali.

96      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistosijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ April 2009.

97      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni rtirat l-ewwel kap tat-talbiet tagħha fil-Kawża T‑456/04 intiż sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad bħala inammissibli t-talba tal-AFORS biex jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbali tas-seduta.

 Id-dritt

I –  Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata

A –  Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma fil-kuntest tal-Kawżi T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04

1.     L-argumenti tal-partijiet

98      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorsi fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04 kif ukoll it-talba għall-annullamenti tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑450/04 huma inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku.

99      Fir-rigward tar-rikorsi tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT, il-Kummissjoni ssostni li dawn ir-rikorrenti kisbu sodisfazzjon u ma għandhomx interess li jaraw annullata d-Deċiżjoni kkontestata kollha, peress li, anki jekk dik id-deċiżjoni tiddikjara li l-għajnuna inkwistjoni hija inkompatibbli mas-suq komuni, hija ma hijiex se tordna li l-għajnuna tiġi rkuprata.

100    Minkejja li Stat Membru huwa rikorrent privileġġjat fis-sens tat-Trattat u ma huwiex obbligat juri li l-att ikkontestat għandu effetti legali fir-rigward tiegħu, huwa madankollu għandu jkollu interess eżistenti u attwali fl-annullament ta’ dak l-att. Konsegwentement, Stat Membru jista’ jippreżenta rikors biss kontra atti li jikkawżawlu preġudizzju, jiġifieri kontra dawk li huma tali li jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu. Barra minn hekk, biex ikun iddeterminat jekk att ikollux effetti legali, għandha ssir referenza għas-sustanza tiegħu. Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw, iktar u iktar, għal kwalunkwe rikorrenti oħra, bħal FT u l-kumpanniji Bouygues.

101    Fir-rigward tar-rikors tal-kumpanniji Bouygues, il-Kummissjoni ssostni li, fil-kuntest tal-ewwel motiv ta’ annullament tagħhom, dawn ir-rikorrenti jaqblu mar-raġunament żviluppat, b’mod partikolari, sal-premessa 219 tad-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, huma ma humiex qed jikkontestaw l-imsemmija deċiżjoni inkwantu hija tikklassifika l-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati bħala inkompatibbli, peress li din il-klassifikazzjoni hija fl-interess tagħhom u tikkorrispondi għax-xewqat tagħhom. Huma qed jikkontestawha biss sa fejn il-Kummissjoni ma kkonstatatx li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu jikkostitwixxu, flimkien jew separatament, għajnuna mill-Istat. L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata b’hekk qed jagħti sodisfazzjon lill-kumpanniji Bouygues u huma ma għandhomx interess eżistenti u attwali biex din tiġi annullata.

102    Skont il-Kummissjoni, id-dispożittiv ta’ att biss jista’ jipproduċi effetti legali, u konsegwentement, jikkawża preġudizzju. L-evalwazzjonijiet inklużi fil-motivi tad-Deċiżjoni kkontestata ma jistgħux, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament u jistgħu jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità tal-qorti Komunitarja biss jekk, bħala motivi ta’ att li jikkawża preġudizzju, huma jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv tiegħu. B’hekk, għandu jiġi aċċettat li deċiżjoni li tagħti sodisfazzjon lir-rikorrent ma tistax tikkawżalu preġudizzju, u dan bla ħsara għad-drittijiet tat-terzi kkonċernati li jippreżentaw rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni.

103    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (C‑164/02, Ġabra p. I‑1177, punti 18 sa 25), li abbażi tiegħu minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, ir-rikors ta’ Stat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat li tkun favur tiegħu inkwantu tiddikjara ċerti miżuri ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, huwa inammissibbli. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni ma għandux effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, għaliex ma kienx jimmodifika b’mod gravi u manifest is-sitwazzjoni ġuridika tagħha. Huwa minnu li s-sitwazzjoni li tat lok għal dan id-digriet kienet ftit differenti minn dik li wasslet għal din il-kawża minħabba li l-miżuri favur FT kienu kklassifikati bħala għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni. Madankollu, jibqa’ l-fatt li, minn naħa, billi tikkonstata li ma jistax jinħtieġ l-irkupru ta’ din l-għajnuna, id-Deċiżjoni kkontestata tagħti sodisfazzjon lir-Repubblika Franċiża u lil FT u, min-natura tagħha, la tista’ timmodifika s-sitwazzjoni ġuridika tagħhom u lanqas tikkawżalhom preġudizzju. Min-naħa l-oħra, sa fejn l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata jikklassifika l-miżuri favur FT bħala għajnuna inkompatibbli, huwa jagħti sodisfazzjon lill-kumpanniji Bouygues u lanqas ma jista’ jimmodifika s-sitwazzjoni ġuridika tagħhom jew jikkawżalhom preġudizzju. Fil-fatt, il-kumpanniji Bouygues ma humiex jikkontestaw dan id-dispożittiv, imma kulma qed jagħmlu huwa li jitolbu l-annullament tal-evalwazzjoni li abbażi tagħha s-self minn azzjonist biss, kif imqiegħed fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Kien x’kien il-każ, dawn l-erba’ rikorrenti ma kellhomx interess eżistenti u attwali fis-soluzzjoni ta’ din il-kawża, peress li, anki jekk it-talbiet tagħhom jiġu kkunsidrati bħala fondati, is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom tibqa’ l-istess wara l-annullament tal-Artikolu 1, u dan indipendentement mill-motivi li jiġġustifikaw tali annullament.

104    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, iżżid li għalkemm hija ma tikkontestax l-interess ġuridiku tal-kumpanniji Bouygues għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, madankollu hija tikkunsidra li l-pożizzjoni tagħhom hija kontradittorja. Fil-fatt, fil-każ li t-talba tal-kumpanniji Bouygues li jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata hija fondata, il-Qorti Ġenerali ma tkunx tista’ tagħti deċiżjoni dwar it-talba tagħhom għall-annullament tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni. F’każ bħal dan, is-self minn azzjonist ma jibqax iktar l-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 1 li għandha tiġi kkunsidrata għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata. Din il-kontradizzjoni ma tagħmel xejn ħlief issaħħaħ l-argument tal-Kummissjoni li abbażi tiegħu ma huwiex ammissibbli li l-kumpanniji Bouygues jikkontestaw l-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni.

105    Barra minn hekk, l-obbligu eventwali tar-Repubblika Franċiża, ibbażat fuq id-Deċiżjoni kkontestata, li fil-ġejjieni tinnotifika kwalunkwe miżura ta’ għajnuna li tixbah lil dik ikklassifikata bħala għajnuna f’dan il-każ ma jwassalx, anki jekk dan jinvolvi ċertu oneru proċedurali, għal bidla fis-sitwazzjoni ġuridika tagħha jew f’dik ta’ FT li tkun suffiċjenti għar-rikonoxximent tal-interess ġuridiku eżistenti u attwali tagħhom. Dan huwa kkonfermat bid-digriet Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma aċċettatx interess eżistenti u attwali tal-Istat rikorrent anki meta dan kien qajjem dan l-argument. Fil-fatt, jekk l-interess ta’ rikorrent jikkonċerna sitwazzjoni ġuridika futura, huwa xorta jrid jistabbilixxi li l-preġudizzju għal din is-sitwazzjoni diġà huwa ċert. Bl-istess mod, f’każ li qorti nazzjonali tkun imwassla tieħu inkunsiderazzjoni d-Deċiżjoni kkontestata u jkollha xi dubji dwar il-portata tagħha, din il-qorti jkollha l-possibbiltà li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 KE, b’tali mod li, ikun xi jkun il-każ, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma jkunu miċħuda, f’każ ta’ kawża eventwali, mill-possibbiltà li jsostnu d-drittijiet tagħhom quddiem il-qorti nazzjonali.

106    Il-Kummissjoni tiċħad l-argument ta’ FT li d-Deċiżjoni kkontestata ġġiegħlha tieħu r-riskju li tirrimborsa l-għajnuna kkontestata, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-rikorsi ppreżentati fil-Kawżi T‑450/04 u T‑456/04. F’dan il-każ, is-sempliċi referiment għal rikorsi ta’ terzi ma tistax tiġġustifika fiha nfisha l-interess ġuridiku ta’ dik ir-rikorrenti. Skont il-Kummissjoni, minn naħa, rikorsi eventwali fuq il-livell nazzjonali huma purament ipotetiċi. Minkejja li l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna kienet illegali qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, inkluża d-Deċiżjoni li ma jiġix ordnat l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, u minkejja li l-qrati nazzjonali għandhom jipproteġu d-drittijiet tal-individwi, madankollu huwa stabbilit li, f’dan il-każ, dawn ir-rikorsi ma ġewx ippreżentati qabel l-imsemmija deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rikorsi ppreżentati fil-Kawżi T‑450/04 u T‑456/04, il-Kummissjoni tippreċiża li, fuq il-preżunzjoni li dawn huma fondati, deċiżjoni tal-Kummissjoni ġdida biss, li tiġi adottata b’eżekuzzjoni tas-sentenza skont l-Artikolu 233 KE, tikkawża preġudizzju lil FT. Issa, peress li tali deċiżjoni ġdida ma teżistix, din ir-rikorrenti ma hijiex obbligata tagħti lura għajnuna inkompatibbli eventwali.

107    Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li ma huwiex ammissibbli li r-Repubblika Franċiża u FT jippreżentaw rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04. Fil-Kawża T‑450/04, hija tikkonkludi li t-talba tal-kumpanniji Bouygues biex jiġi annullat l-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni ma hijiex ammissibbli.

108    Ir-Repubblika Franċiża, FT u l-kumpanniji Bouygues jitolbu li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

109    Il-kumpanniji Bouygues jikkunsidraw li t-talba tagħhom għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata hija ammissibbli sa fejn dan l-artikolu, moqri flimkien mal-motivi li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tiegħu, jinvolvi impliċitament, iżda neċessarjament, ir-rifjut ġuridikament vinkolanti tal-Kummissjoni li tilqa’ l-argument tal-kumpanniji Bouygues li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jikkostitwixxu fihom infushom għajnuna mill-Istat.

110    Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rikors ippreżentat mill-AFORS fil-Kawża T‑456/04, FT titlob li talba eventwali għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. F’dan ir-rigward, l-AFORS tippreċiża li r-rikors tagħha jirreferi biss għall-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)     Osservazzjonijiet preliminari

111    Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li, fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04, il-Kummissjoni tikkontesta l-interess ġuridiku tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT fil-konfront tad-Deċiżjoni kkontestata kollha, mingħajr ma tagħmel distinzjoni, f’dan ir-rigward, bejn l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni. Fil-Kawża T‑450/04, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tagħmel tali distinzjoni inkwantu hija tqiegħed inkwistjoni biss l-interess ġuridiku tal-kumpanniji Bouygues fil-konfront tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, imma mhux dak fil-konfront tal-Artikolu 2 ta’ dik id-deċiżjoni.

112    B’hekk, skont il-Kummissjoni, l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni kkontestata huma elementi separabbli għall-finijiet ta’ annullament parzjali.

113    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li din hija tabilħaqq is-sitwazzjoni fil-każ inkwistjoni.

114    L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, li jikkonstata li l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni fl-Artikolu 1 ma għandhiex tkun irkuprata, jista’ jiġi annullat separatament, mingħajr ma dan jimplika bidla fil-portata tal-Artikolu 1 jew tal-motivi li huma l-bażi essenzjali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punti 27 u 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Barra minn hekk, il-fatt li annullament totali eventwali tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi tal-motivi invokati mir-Repubblika Franċiża u minn FT, bilfors jagħmel lill-Artikolu 2 null u mingħajr effett ma jqiegħedx inkwistjoni n-natura separabbli ta’ dan l-artikolu tal-aħħar, billi din in-nullità ma għandhiex influwenza fuq il-kontenut tiegħu u hija indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi ordnat jew le l-irkupru tal-għajnuna. Barra minn hekk, kif il-kumpanniji Bouygues sostnew waqt is-seduta, f’każ ta’ annullament parzjali tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-motivi invokati mill-kumpanniji Bouygues fil-Kawża T‑450/04, li jħalli tissussisti l-konstatazzjoni ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, l-Artikolu 2 xorta jkun jista’ jiġi annullat separatament.

116    Barra minn hekk, fir-rigward tal-interess ġuridiku, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna fiżika jew ġuridika li tippreżentah ikollha interess eżistenti u attwali li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippresupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali jew, fi kliem ieħor, li r-rikors jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu. Għalhekk, att li jagħti sodisfazzjoni totali lil din il-persuna ma jistax, mid-definizzjoni tiegħu, jikkawżalha preġudizzju, u din il-persuna ma għandhiex interess li titlob l-annullament tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑354/05, Ġabra p. II‑471, punti 84 u 85, u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Huwa fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika Franċiża, FT u l-kumpanniji Bouygues għandhomx interess li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata jiġi annullat.

b)     Fuq l-interess ġuridiku tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT fil-konfront tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata

118    L-ewwel nett, fir-rigward tal-interess ġuridiku tar-Repubblika Franċiża, għandu jitfakkar li t-Trattat jagħmel distinzjoni ċara bejn id-dritt għal rikors għal annullament tal-istituzzjonijiet u tal-Istati Membri, minn naħa, u dak tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, min-naħa l-oħra, peress li kull Stat Membru għandu d-dritt li jikkontesta, permezz ta’ rikors għal annullament, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, mingħajr ma l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ikun suġġett għall-prova ta’ interess ġuridiku. Stat Membru ma għandux għaldaqstant bżonn juri li att tal-Kummissjoni li huwa jikkontesta jipproduċi effetti legali fir-rigward tiegħu sabiex ir-rikors tiegħu ikun ammissibbli (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑208/99, Ġabra p. I‑9183, punti 22 u 23; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ April 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T‑233/04, Ġabra p. II‑591, punt 37; u tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV 2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra p. II‑2935, punt 63). Din il-konstatazzjoni tirriżulta wkoll mid-definizzjoni meħuda mill-ġurisprudenza ta’ interess ġuridiku (ara l-punt 116 iktar ’il fuq), li tirreferi biss għar-rikorsi ppreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi u mhux għal dawk tal-istituzzjonijiet jew tal-Istati Membri.

119    Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li donnha qed tipprevedi l-Kummissjoni, il-kunċett ta’ interess ġuridiku ma jistax jitħallat mal-kunċett ta’ att li jista’ jiġi kkontestat li abbażi tiegħu, biex att jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament huwa neċessarju li jkun intiż li jipproduċi effetti legali li jistgħu jikkawżaw preġudizzju, u dan għandu jiġi ddeterminat b’referiment għas-sustanza tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2000, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑147/96, Ġabra p. I‑4723, punti 25 u 27; id-digrieti Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 24; u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 103 iktar ’il fuq, punti 18 u 19; is-sentenza TV 2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 63). Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, meta tiġi kkunsidrata s-sustanza tagħha, id-Deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi tali att li jista’ jiġi kkontestat li jipproduċi effetti legali vinkolanti.

120    F’dan il-każ, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 118 u 119 iktar ’il fuq, huwa ammissibbli li r-Repubblika Franċiża, fil-kapaċità biss tagħha ta’ Stat Membru, tippreżenta rikors għal annullament kontra l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata mingħajr ma għandha għalfejn tiġġustifika li għandha interess ġuridiku f’dan ir-rigward.

121    It-tieni nett, fir-rigward tal-interess ġuridiku ta’ FT fil-konfront tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, qabelxejn għandu jiġi kkonstatat li dan l-artikolu huwa wkoll intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ FT peress li din hija l-unika benefiċjarja tal-miżura ta’ għajnuna li fih ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni.

122    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi b’mod żbaljat għall-ġurisprudenza fejn jingħad li huwa biss id-dispożittiv ta’ att li jista’ jipproduċi effetti legali u, konsegwentement, jikkawża preġudizzju (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 186, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni tikklassifika s-self minn azzjonist, kif imqiegħed fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, bħala għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Issa, hija preċiżament din il-konstatazzjoni, flimkien mal-motivazzjoni fl-imsemmija deċiżjoni li tifforma l-bażi neċessarja tagħha, li FT qed tikkontesta bir-rikors tagħha minħabba li taffettwa l-pożizzjoni ġuridika tagħha u tikkawżalha preġudizzju. Bl-istess mod, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li d-Deċiżjoni kkontestata tagħti sodisfazzjon lil FT, billi dan l-argument iħallat l-effetti legali tal-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni ma’ dawk tal-Artikolu 2 tagħha, li jikkonkludi li ma hemmx għalfejn jiġi ordnat l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

123    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistax issostni validament li FT ma għandhiex interess fis-soluzzjoni ta’ din il-kawża minħabba li s-sitwazzjoni ġuridika tagħha tibqa’ l-istess anki jekk jiġi preżunt li r-rikors tagħha huwa fondat. Minn naħa, l-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-motivi invokati minn FT jkollu bħala konsegwenza li l-konstatazzjoni ta’ illegalità tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, li hija miżura individwali li tiffavorixxiha, tkun nulla, li jikkostitwixxi konsegwenza legali li timmodifika s-sitwazzjoni ġuridika tagħha u tagħtiha vantaġġ. Min-naħa l-oħra, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, dan l-interess eżistenti u attwali ta’ FT biex jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata huwa kkonfermat mill-ipoteżi fejn li kieku, fil-Kawżi T‑450/04 u T‑456/04, it-talbiet tal-kumpanniji Bouygues u tal-AFORS biex jiġi annullat l-Artikolu 2 ta’ dik id-deċiżjoni jintlaqgħu, peress li tali annullament ikollu bħala konsegwenza li l-Kummissjoni tkun obbligata tordna, b’detriment ta’ FT, l-irkupru tal-għajnuna illegali stabbilita fl-Artikolu 1.

124    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li FT għandha interess eżistenti u attwali biex jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata.

125    Għaldaqstant, hemm lok li l-eċċezzjonijiet ta’ inammisibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04, sa fejn dawn jirrigwardaw l-ammissibbiltà tat-talbiet għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata mressqa mir-Repubblika Franċiża u minn FT, jiġu miċħuda.

 ċ) Fuq l-interess ġuridiku tal-kumpanniji Bouygues fil-konfront tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata

126    Qabel kollox, għandu jitfakkar li, mil-lat kemm tal-forma kif ukoll tal-kontenut tagħha, id-Deċiżjoni kkontestata hija att intiż biex jipproduċi effetti legali vinkolanti. Barra minn hekk, sa fejn l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata jikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna favur FT u jiddikjaraha inkompatibbli mas-suq komuni, dan l-artikolu jikkorrispondi għat-talba u għall-interessi tal-kumpanniji Bouygues, kif espressi fl-ilment tagħhom tat-22 ta’ Jannar 2003.

127    Madankollu, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna u tal-inkompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, ma teskludix a priori l-eżistenza ta’ miżuri ta’ għajnuna inkompatibbli oħrajn li, minkejja li ma humiex imsemmija f’dak l-artikolu, jaqgħu wkoll taħt l-għan tal-proċedura amministrattiva li rriżultat fl-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni u li, barra minn hekk, jistgħu jaffetwaw sostanzjalment il-pożizzjoni fis-suq ta’ ċerti kompetituri tal-benefiċjarju tal-għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, Ġabra p. I‑10737, punt 37). Dan jista’ jkun il-każ tal-pożizzjoni tal-kumpanniji Bouygues b’relazzjoni għall-pożizzjoni ta’ FT fis-suq Franċiż tat-telefonija mobbli.

128    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni invokat, għal darb’oħra b’mod żbaljat, il-ġurisprudenza li tipprovdi li d-dispożittiv ta’ att biss jista’ jipproduċi effetti legali u jikkawża preġudizzju (ara s-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 122 iktar ’il fuq, punt 186, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-motivi li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tiegħu u li huma inklużi fil-premessi 185 sa 230 tal-imsemmija deċiżjoni, jirriżulta b’mod ċar li kulma għamlet il-Kummissjoni kien li kklassifikat is-self minn azzjonist stess, kif ġie eżaminat fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Issa, din il-konstatazzjoni inkluża kemm fid-dispożittiv kif ukoll fil-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni hija preċiżament dik li l-kumpanniji Bouygues qed jikkontestaw bir-rikors tagħhom minħabba li taffetwa l-pożizzjoni ġuridika tagħhom u tikkawżalhom preġudizzju, sa fejn tipprevedi biss miżura ta’ għajnuna waħda, anki jekk, skonthom, bid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, l-Istat Franċiż ħa miżuri ta’ għajnuna addizzjonali li jinvolvu vantaġġi distinti favur FT u li, barra minn hekk, jippreġudikaw il-pożizzjoni tagħhom fis-suq. F’dan il-kuntest, il-kumpanniji Bouygues isostnu ġustament li l-approċċ globali tal-Kummissjoni, kif ġie espost, b’mod partikolari, fil-premessi 187 sa 191 u 203 sa 228 tad-Deċiżjoni kkontestata, bilfors jimplika r-rifjut tagħha li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala miżuri ta’ għajnuna minnhom infushom. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma għandiex raġun li tallega li l-kumpanniji Bouygues ma humiex qed jikkontestaw, tabilħaqq, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata u li huma jaqblu mar-raġunament sottostanti tiegħu.

129    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax issostni validament li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata jagħti sodisfazzjon lill-kumpanniji Bouygues u li dawn ma għandhomx interess eżistenti u attwali fis-soluzzjoni ta’ din il-kawża minħabba li, anki jekk ir-rikors tagħhom jiġi kkunsidrat bħala fondat, is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom tibqa’ l-istess. L-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-motivi invokati mill-kumpanniji Bouygues ikollu bħala effett li jinvalida l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ miżura ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni biss sa fejn id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jiġu kkunsidrati bħala li jifformaw parti integrali mill-imsemmija miżura minflok ma jiġu kklassifikati bħala miżuri ta’ għajnuna apparti, li jissodisfaw, huma stess, il-kundizzjonjiet tal-Artikolu 87(1) KE. Kif isostnu l-kumpanniji Bouygues, tali annullament tal-Artikolu 1 ma jkunx ħlief parzjali u jħalli tissusisti l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna illegali kkostitwita mis-self minn azzjonist. Issa, tali annullament parzjali jista’ jimmodifika, b’mod sostanzjali, is-sitwazzjoni ġuridika tal-kumpanniji Bouygues.

130    Barra minn hekk, ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza li, meta rikorrent isostni li l-att ikkontestat, għalkemm ikun eventwalment parzjalment favorevoli għalih, madankollu ma jipproteġix b’mod adegwat is-sitwazzjoni legali tiegħu, għandu jiġi rrikonoxxut lilu l-interess ġuridiku sabiex jitlob il-verifikazzjoni, mill-qorti, tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TF1 vs Il‑Kummissjoni, punt 116 iktar ’il fuq, punt 86).

131    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-kumpanniji Bouygues għandhom interess eżistenti u attwali biex jiksbu l-annullament parzjali tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata kif ġie deskritt fil-punt 129 iktar ’il fuq.

132    Fl-aħħar nett, il-kumpanniji Bouygues isostnu ġustament li ma hemm l-ebda kontradizzjoni bejn it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata tagħhom u dik tal-Artikolu 2 tagħha, peress li ma huwiex eskluż li dawn l-artikoli huma vvizzjati b’żewġ illegalitajiet distinti li jikkonsistu, minn naħa, li ma ġiex ordnat l-irkupru tal-miżura ta’ għajnuna illegali kif ġie kkonstatat fl-Artikolu 1 u, min-naħa l-oħra, li ma ġiex ordnat l-irkupru ta’ miżuri ta’ għajnuna eventwali oħrajn mhux imsemmija f’dan l-artikolu tal-aħħar, bħad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002.

133    Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fil-Kawża T‑450/04 għandha tiġi miċħuda.

 d) Fuq l-ammissibbiltà tal-allegata talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata tal-AFORS

134    Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inamissibbiltà mqajma minn FT fil-Kawża T‑456/04 kontra allegata talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata tal-AFORS, għandu jkun ikkonstatat, minn naħa, li fir-rikors l-AFORS ma talbitx formalment l-annullament ta’ dan l-artikolu, u min-naħa l-oħra li, fir-replika, hija kkonfermat li r-rikors tagħha jirreferi biss għall-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

B –  Fuq il-legalità tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata

1.     L-argumenti tal-partijiet

a)     Sommarju tal-motivi ta’ annullament

135    Fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04, ir-Repubblika Franċiża u FT jqajmu erba’ motivi insostenn tat-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata tagħhom, jiġifieri, l-ewwel nett, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża; it-tieni nett, żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u b’mod iktar partikolari tal-kriterju tal-investitur privat prudenti; it-tielet nett, żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-kontenut u/jew tal-allegati effetti tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002; u, ir-raba’ nett, nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 253 KE.

136    Fil-Kawża T‑450/04, il-kumpanniji Bouygues jinvokaw, insostenn tat-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata tagħhom, l-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE inkwantu l-Kummissjoni rrifjutat li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, meqjusa separatament jew flimkien, bħala għajnuna mill-Istat, u t-tieni motiv, ibbażat fuq kontradizzjoni u insuffiċjenza ta’ motivi kuntrarji għall-Artikolu 253 KE.

137    Il-Qorti Ġenerali tqis li l-ewwel għandhom ikunu eżaminati t-tieni u t-tielet motivi mqajma fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04 kif ukoll l-ewwel u t-tieni motivi invokati fil-konfront tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T‑450/04, sa fejn dawn il-motivi essenzjalment jikkonċernaw il-legalità tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

b)     L-argumenti tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT

 Osservazzjoni preliminari

138    Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li ċerti argumenti mressqa fil-punti li ġejjin huma kemm tar-Repubblika Franċiża kif ukoll ta’ FT fil-kuntest tan-noti ta’ intervent tagħhom fil-Kawża T‑450/04.

 Fuq it-tieni motiv tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT

139    It-tieni motiv imqajjem fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04 huwa maqsum f’żewġ partijiet. Bl-ewwel parti, ir-Repubblika Franċiża u FT jsostnu li l-Kummissjoni applikat ħażin il-kriterju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq. Bit-tieni parti, huma jsostnu li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li kien hemm għajnuna mill-Istat li bdiet b’żewġ avvenimenti distinti, li seħħew f’mumenti differenti, u li hija stess tirrikonoxxi li, meqjusa separatament, l-ebda wieħed minn dawn l-avvenimenti ma kien ikun suffiċjenti bħala bażi għal din il-konklużjoni. Ir-Repubblika Franċiża tippreċiża li, minkejja li l-Kummissjoni ssostni li ħadet inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet kollha minn Lulju 2002 (premessi 203, 218 u 229 tad-Deċiżjoni kkontestata), hija eżaminat biss l-allegati effetti fuq is-swieq tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, u dan kien ikkonfermat, b’mod partikolari, bir-riferimenti għar-rapport tat-28 ta’ April 2004 u għall-kummenti tal-analisti finanzjarji (premessa 221 tad-Deċiżjoni kkontestata).

 Fuq it-tielet motiv tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT

140    Bit-tielet motiv tagħhom imqajjem fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04, ir-Repubblika Franċiża u FT isostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni għamlet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 setgħu jiġu pperċepiti mis-swieq bħala impenn tal-Istat Franċiż u li huma kellhom effett fuq is-sitwazzjoni tas-swieq f’Diċembru 2002. FT issostni wkoll li r-raġunament tal-Kummissjoni li l-proġett ta’ self minn azzjonist jagħti vantaġġ lil FT li ma josservax il-kriterju tal-investitur privat prudenti wkoll huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

141    Ir-Repubblika Franċiża u FT jsostnu li, fid-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, in-natura tal-miżuri li l-Istat Franċiż kien qed jipprevedi li se jieħu fir-rigward ta’ FT kienet għadha ma ġietx deċiża u li, b’mod partikolari, ma kienet ittieħdet l-ebda deċiżjoni ta’ investiment li setgħet tiġi kklassifikata bħala impenn sod tal-Istat Franċiż. Din id-dikajrazzjoni ferm ġenerali, kundizzjonali u ġuridikament mhux vinkolanti – li tesprimi, b’mod partikolari, ir-rieda li jġib ruħu bħala investitur prudenti u li tiċħad l-għajdut ta’ żieda tal-kapital ta’ FT deċiża sussegwentement – ma tistax tiġi kklassifikata bħala impenn ċar, preċiż u irrevokabbli tal-Istat Franċiż, li wara kollox il-Ministru tal-Ekonomija ma setax jieħu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 setgħet tiġi pperċepita mis-swieq bħala impenn kredibbli tal-Istat Franċiż.

142    Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża u FT jikkontestaw li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ipproduċew effett fuq il-perċezzjoni tal-atturi tas-suq f’Diċembru 2002 u kkawżaw żieda anormali u mhux negliġibbli fil-valur tal-azzjonijiet u tal-bonds ta’ FT (premessi 217 sa 222 u, b’mod partikolari, 221 tad-Deċiżjoni kkontestata). Huma jikkontestaw ukoll li dan l-effett deher prinċipalment meta, sa Diċembru 2002, FT żammet il-klassifikazzjoni ta’ kreditu fuq il-livell ta’ investiment sigur minflok ma għaddiet għal dak ta’ “junk bond”. Minn dan, FT tiddeduċi li għaldaqstant huwa inqas possibbli li jiġi konkluż li d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 tat vantaġġ lil FT (premessa 188 tal-imsemmija deċiżjoni). Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tar-rapport tat-28 ta’ April 2004 kienu bbażati fuq metodu ta’ analiżi mhux adattat u kienu manifestament insuffiċjenti biex jiġu stabbiliti kemm l-eżistenza ta’ evoluzzjoni sinjifikattivament anormali fil-prezz tal-azzjonijiet ta’ FT f’Lulju 2002 kif ukoll l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 u tali evoluzzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 ipproduċiet effett fuq is-sitwazzjoni tas-swieq finanzjarji u tat vantaġġ lil FT f’dak iż-żmien.

143    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża u FT jiċħdu l-konstatazzjoni li r-rapport tat-28 ta’ April 2004 juri li “id-dikjarazzjonijiet [minn Lulju 2002 kellhom] effett reali fuq il-perċezzjoni tas-swieq f’Diċembru [2002]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessi 186 u 219 tad-Deċiżjoni kkontestata), billi dan ir-rapport jirreferi biss għall-allegati effetti tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 fuq is-swieq f’Lulju 2002. Fil-fatt, kulma jagħmel dan ir-rapport huwa li janalizza l-impatt ta’ kull waħda mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 fuq, rispettivament u separatament, is-swieq f’Lulju, f’Settembru, f’Ottubru u f’Diċembru 2002 u mhux l-effett tad-dikjarazzjonjiet kollha fuq is-suq f’Diċembru 2002. Skont ir-Repubblika Franċiża, peress li l-Kummissjoni ma kellhiex raġun li tikkonkludi li d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 ipproduċiet, f’dak iż-żmien, effett fuq is-swieq u kienet tinvolvi l-għoti ta’ vantaġġ lil FT, hija għaldaqstant kellha inqas raġun tagħmel dan fir-rigward tas-sitwazzjoni tas-swieq f’Diċembru 2002. Barra minn hekk, ir-rapport tat-28 ta’ April 2004 ma setax janalizza l-effetti preżunti tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 fuq is-sitwazzjoni tas-suq f’Diċembru 2002, minħabba li kien impossibbli li ssir distinzjoni bejn l-effetti ta’ dik id-dikjarazzjoni, minn naħa, u dawk ta’ avvenimenti oħrajn li seħħew bejn Lulju u Diċembru 2002, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, il-prestazzjonijiet tajbin u l-perspettivi operattivi ta’ FT matul it-tieni nofs tal-2002, ir-riżoluzzjoni tas-sitwazzjoni ta’ Mobilcom, in-nomina ta’ PDĠ ġdid u l-preżentazzjoni ta’ pjan għal ibbilanċjar mill-ġdid influwenzaw fuq il-perċezzjoni tas-swieq f’Diċembru 2002 (ara l-premessi 186 u 260 tad-Deċiżjoni kkontestata).

144    Skont FT, il-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li għandu jkun evalwat jekk il-vantaġġ mogħti mill-proġett ta’ self minn azzjonist josservax il-kriterju tal-investitur privat prudenti, anki jekk hija rrikonoxxiet li dan il-proġett bħala tali ma kienx jagħti vantaġġ lil FT (premessi 190 u 263 tad-Deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, il-proġett ta’ self minn azzjonist ma twettaqx, b’tali mod li l-ebda impenn tal-Istat Franċiż għad-disponibbiltà ta’ faċilità ta’ kreditu ma daħal fis-seħħ. Fid-dawl tal-kundizzjonjiet li kienu previsti fih, FT ippreferiet ma tiffirmax dan il-proġett u, fix-xhur ta’ Diċembru 2002 u ta’ Jannar 2003, irrikorriet għal rifinanzjament fis-swieq tal-bonds.

145    Skont FT, kien eskluż li s-suq seta’ jipperċepixxi l-proġett ta’ self minn azzjonist bħala li jwettaq impenn tal-Istat Franċiż li jeċċedi s-sehem futur tiegħu fiż-żieda tal-kapital, bħala azzjonist b’maġġoranza, billi dan il-proġett kien strettament limitat għas-somma ta’ EUR 9 biljuni – li jikkorrispondi għas-sehem tal-Istat Franċiż fiż-żieda tal-kapital prevista mill-pjan Ambition 2005 – u għal terminu ta’ 18-il xahar. Barra minn hekk, l-Istat Franċiż ħa d-deċiżjoni li jissuġġerixxi li s-self minn azzjonist jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ FT biss wara li kien informat bil-pjan Ambition 2005. Fl-aħħar nett, ir-reazzjoni pożittiva tas-swieq kienet ikkawżata prinċipalment min-nomina tal-PDĠ il-ġdid ta’ FT u mill-pjan ta’ titjib tal-prestazzjoni operattiva tagħha u ma setgħetx tiġi attribwita lil allegat sostenn tal-Istat Franċiż li mar lil hinn mir-rwol normali tiegħu ta’ azzjonist.

146    Fl-aħħar nett, FT issostni li l-Kummissjoni għamlet ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-kundizzjonijiet tal-kriterju tal-investitur privat prudenti f’dan il-każ ma ġewx sodisfatti (premessa 230 tad-Deċiżjoni kkontestata). Eżami oġġettiv tal-azzjoni tal-Istat Franċiż matul il-perijodu rilevanti kollu kellu jwassal lill-Kummissjoni għall-konklużjoni kuntrarja.

 Fuq l-argumenti addizzjonali mressqa mir-Repubblika Franċiża u minn FT bħala intervenjenti fil-Kawża T‑450/04 u bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali

147    Fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Franċiża u FT essenzjalment irrepetew li, anki fid-dawl tad-dritt Franċiż, l-Istat Franċiż ma impenjax ruħu b’mod sod u irrevokabbli, għall-beneficċju ta’ FT jew ta’ investituri terzi. Id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu impreċiżi u kundizzjonali u la setgħu jiġu kklassifikati bħala atti jew fatti legali vinkolanti u lanqas bħala garanzija tal-Istat espliċita jew impliċita fis-sens tad-dritt amministrattiv Franċiż. Barra minn hekk, minħabba li ma kellhomx natura soda, ċara u preċiża, dawn id-dikjarazzjonijiet ma kinux jikkostitwixxu wegħdiet tali li jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Istat.

148    Ir-Repubblika Franċiża u FT iżidu li l-interpretazzjoni tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 taqa’ taħt id-dritt amministrattiv Franċiż biss u mhux taħt id-dritt ċivili, kummerċjali jew kriminali Franċiż. Kien x’kien il-każ, minħabba n-natura impreċiża u kundizzjonali tagħhom, dawn id-dikjarazzjonijiet ma setgħux jiġu kklassifikati bħala impenn kuntrattwali jew unilaterali, anki jekk f’forma ta’ ittra ta’ impenn, ta’ wegħda li jiġi eżegwit obbligu naturali jew ta’ wegħda eżekuttiva. Dan la kien każ ta’ impenn kważi kuntrattwali u lanqas ta’ fatti legali li setgħu jagħtu lok għar-responsabbiltà delittwali tal-Istat.

149    Konsegwentment, skont ir-Repubblika Franċiża u FT, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma jinvolvux impenn tar-riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (premessa 188 tad-Deċiżjoni kkontestata). Anzi, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-deċiżjonijiet unilaterali u awtonomi tal-Istati Membri, li permezz tagħhom dawn tal-aħħar ikollhom il-ħsieb li jqiegħdu xi riżorsi għad-dispożizzjoni tal-impriżi biex jagħtuhom vantaġġi intiżi biex jiffavorixxu t-twettiq tal-għanijiet ekonomiċi jew soċjali mixtieqa, għandu jkollhom in-natura ta’ att legali awtonomu u vinkolanti. Kien x’kien il-każ, wegħda tal-Istat tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna biss jekk dik il-wegħda kienet inkundizzjonali u ġuridikament vinkolanti.

 ċ) L-argumenti tal-kumpanniji Bouygues

 Fuq l-ewwel motiv tal-kumpanniji Bouygues

150    Il-kumpanniji Bouygues jikkontestaw il-konstatazzjoni inkluża fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata li s-self minn azzjonist, imqiegħed fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni sa fejn din il-konstatazzjoni timplika li l-imsemmija dikjarazzjonijiet ma setgħux, huma wkoll u minnhom infushom, ikunu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat. Skont il-kumpanniji Bouygues, dawn id-dikjarazzjonijiet, meqjusa separatament jew flimkien, jikkostitwixxu tabilħaqq għajnuna mill-Istat waħda jew iktar fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, li l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tagħha ġew sodisfatti. Dan l-iżball fid-deskrizzjoni tal-fatti għaldaqstant jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 87(1) KE.

151    L-ewwel nett, kull waħda mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kisbet favur FT vantaġġ addizzjonali, selettiv u mhux iġġustifikat skont il-kriterju tal-investitur privat. Dan il-vantaġġ kien jikkonsisti f’kisba mill-ġdid tal-fiduċja tas-suq u, b’mod partikolari, fit-titjib tal-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu u fiż-żieda tal-prezz tal-azzjonijiet ta’ FT, biex b’hekk jerġa’ jkollha aċċess ġdid għas-suq finanzjarju b’kundizzjonijiet ferm favorevoli li, meta tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni finanzjarja katastrofika ta’ FT f’dak iż-żmien, kieku ma kienx ikun possibbli. B’hekk, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 waqqfu t-tnaqqis fil-grad tal-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT għal-livell ta’ “junk bond” (ara l-premessi 37 u 212 tad-Deċiżjoni kkontestata) u kkawżaw żieda anormali u mhux negliġibbli fil-prezz tal-azzjonijiet tagħha (premessi 35 u 221 tal-imsemmija deċiżjoni). Id-dikjarazzjonijiet tat-12 u tat-13 ta’ Settembru 2002 wasslu lil Moody’s biex tbiddel il-perspettiva tad-dejn ta’ FT minn negattiva għal stabbli minħabba s-sostenn affermat mill-ġdid tal-awtoritajiet Franċiżi (premessa 52 tal-imsemmija deċiżjoni). Sussegwentement, il-frekwenza tal-i“spread inversions” (ara l-punt 34 iktar ’il fuq) ta’ FT naqset, li juri li s-suq ikkunsidra li r-riskju marbut mad-djun għal terminu qasir kien sar inqas sinjifikattiv minn dak marbut mad-djun għal terminu twil. Barra minn hekk, l-istess effett ġie osservat wara d-dikjarazzjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2002 (premessa 30 tal-imsemmija deċiżjoni), fejn il-prezz tal-azzjonijiet ta’ FT tela’ b’10.4 % matul il-ġimgħa ta’ wara (premessa 180 tal-imsemmija deċiżjoni) biex laħaq, fi tmiem ix-xahar ta’ Diċembru 2002, id-doppju tal-valur tiegħu meta pparagunat ma’ dak tal-bidu tax-xahar ta’ Ottubru 2002 (premessa 35 tal-imsemmija deċiżjoni). Dawn il-vantaġġi għal FT twettqu qabel mal-awtoritajiet Franċiżi ħabbru, fl-4 ta’ Diċembru 2002, il-proġett ta’ self minn azzjonist fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni u li kienu se jippermettulha tevita l-ispejjeż supplimentari tar-rifinanzjament (premessa 222 tal-imsemmija deċiżjoni).

152    Il-kumpanniji Bouygues jirrilevaw li, matul il-proċedura amministrattiva, huma sostnew li l-Istat Franċiż ta diversi għajnuniet lil FT, inklużi d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kif ukoll is-self minn azzjonist fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni. Minkejja li huma għandhom l-istess fehma tal-Kummissjoni, jiġifieri li l-istrateġija tal-awtoritajiet Franċiżi taqa’ fil-kuntest ta’ proċess kontinwu ta’ salvataġġ li wassal għall-għoti ta’ għajnuna fil-forma ta’ self minn azzjonist, huma jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna waħda li ssawret f’dan is-self. Skont il-kumpanniji Bouygues, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat supplimentari huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑11/95, Ġabra p. II‑3235). Din l-għajnuna preċedenti, li tagħmel parti integrali minn proċess kontinwu ta’ sostenn, tista’ tiġi kemm issanzjonata fiha nfisha kif ukoll tittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ għajnuna sussegwenti, li, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri preċedenti, ikollha biss l-apparenza ta’ att li jista’ jitwettaq minn investitur privat prudenti. Fis-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 170), kien hemm inkwistjoni diversi miżuri ta’ għajnuna, li l-ewwel tnejn ippermettew li tiġi kkaratterizzata t-tielet waħda billi ġie stabblit li l-kriterju tal-investitur privat prudenti ma kienx sodisfatt. Dan huwa preċiżament dak li l-kumpanniji Bouygues qed isostnu f’dan il-każ meta rrilevaw l-eżistenza ta’ diversi għajnuniet li, skont loġika elaborata mill-Istat Franċiż, huma marbuta waħda mal-oħra. Għaldaqstant, l-għajnuna kkostitwita mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jsibu l-estensjoni loġika tagħhom fis-self minn azzjonist. Madankollu, il-Kummissjoni ma kkunsidratx l-eżistenza ta’ għajnuna preċedenti, imma vvintat, b’mod riduttiv u żbaljat, l-argument tal-twettiq tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 fis-self minn azzjonist.

153    Il-kumpanniji Bouygues iżidu li l-approċċ tal-Kummissjoni jaqa’ taħt għażla arbitrarja li tiċħad ir-realtà tal-vantaġġ li jirriżulta mit-titjib tal-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT wara d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 (ara l-premessa 222 tad-Deċiżjoni kkontestata u l-punt 3.2 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE] għal għajnuna mill-Istat f’forma ta’ garanziji (2000/K 71/07) [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 369; iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar l-għajnuna fil-forma ta’ garanziji”]), li kien ferm iktar sinjifikattiv minn dak marbut mas-self minn azzjonist. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li qed tallega l-Kummissjoni, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet kienet fil-qalba anki ta’ din il-kawża. F’dan ir-rigward, l-argument li s-self minn azzjonist kien l-unika miżura nnotifikata ma jistax jintlaqa’, billi l-portata tan-notifika ma tistax tinfluwenza l-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna.

154    Il-kumpanniji Bouygues jikkontestaw l-argument ta’ FT li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat minħabba li dawn ma jimplikawx impenn tar-riżorsi tal-Istat. Dan l-argument mhux biss mhux eżatt imma ġie wkoll kontradett mill-premessi 208 u 218 tad-Deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jippreżumi li dawn id-dikjarazzjonijiet kellhom biss natura politika, mhux vinkolanti, impreċiża u kundizzjonali – suppożizzjoni li ġiet kontradetta b’mod ċar mill-premessi 209 u 210 tal-imsemmija deċiżjoni – dawn xorta setgħu jinvolvu impenn tar-riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

155    Il-kumpanniji Bouygues jippreċiżaw li investitur privat prudenti ma kienx jagħmel tali dikjarazzjonijiet. Fil-fatt, qabel dawn id-dikjarazzjonijiet, FT kienet impriża li kellha problemi strutturali serji u karta tal-bilanċ xejn ekwilibrata (premessa 17 tad-Deċiżjoni kkontestata). Minħabba dan, hija tilfet il-fiduċja tas-swieq (ara l-premessi 20 et seq tal-imsemmija deċiżjoni). Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, investitur privat prudenti ma kienx jagħti sostenn daqshekk ċar lil FT (premessa 229 tal-imsemmija deċiżjoni). Barra minn hekk, l-Istat Franċiż ta s-sostenn tiegħu lil FT f’Lulju, f’Settembru u f’Ottubru 2002 mingħajr ma ħa miżuri sabiex tkun żgurata l-possibiltà tal-irkupru ta’ FT u sabiex tkun stabbilita mill-ġdid il-vijabbiltà tagħha, billi dawn il-miżuri ġew adottati biss sussegwentement (ara l-premessi 39, 53, 54, 228 u 229 tal-imsemmija deċiżjoni).

156    Konsegwentement, skont il-kumpanniji Bouygues, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, jiġifieri l-għoti ta’ vantaġġ, ġiet sodisfatta (premessi 188 u 229 tad-Deċiżjoni kkontestata).

157    It-tieni nett, il-kumpanniji Bouygues isostnu li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 taw lok għar-responsabbiltà finanzjarja tal-Istat Franċiż fid-dritt u fil-fatt.

158    F’dan ir-rigward, il-kumpanniji Bouygues ifakkru li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, l-interventi li, f’forom diversi, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jaffettwaw il-finanzi ta’ impriża u li mingħajr ma jkunu sussidji fit-tifsira stretta tal-kelma, ikollhom l-istess natura u effetti identiċi. Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-forma li jista’ jkollha l-għajnuna ma tista’ tiġi stabbilita l-ebda distinzjoni ta’ prinċipju, billi l-kunċett ta’ għajnuna huwa bbażat fuq il-kunċett ekonomiku tal-vantaġġ u l-kriterju tal-forma huwa irrilevanti. Fil-fatt, ir-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat ma jagħmlux distinzjoni bejniethom fuq il-bażi tal-kawżi jew tal-għanijiet tal-interventi tal-Istat, imma jiddefinuhom skont l-effetti tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ għajnuna huwa kunċett oġġettiv u huwa funzjoni tal-unika kwistjoni dwar jekk miżura tal-Istat tagħtix jew le vantaġġ lil impriża waħda jew iktar.

159    Il-kumpanniji Bouygues jikkunsidraw li, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ġenerali tal-effettività tad-dritt Komunitarju, dikjarazzjonijiet jew wegħdiet verbali jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna meta dawn ikollhom l-effetti ta’ għajnuna. Il-ġurisprudenza rrikonoxxiet ukoll li d-dikjarazzjonijiet li jsiru permezz tal-istampa jistgħu jikkostitwixxu deċiżjonijiet u li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ għajnuna, wegħdiet tal-Istat jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex ikun iddeterminat jekk dawn wasslux lill-impriża biex ikollha aġir tali li jikkontribwixxi biex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet previsti mill-Artikolu 87(3) KE (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T‑126/99, Ġabra p. II‑2427). Barra minn hekk, fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/89/KE, tat-23 ta’ Ġunju 1999, dwar l-approvazzjoni kundizzjonali tal-għajnuna mogħtija minn Franza lill-Crédit foncier de France (ĠU L 34, p. 36, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Crédit foncier”), il-Kummissjoni ikklassifikat dikjarazzjonijiet ministerjali bħala għajnuna mill-Istat filwaqt li enfasizzat li, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tagħhom, dawn għandhom jitqabblu ma’ garanzija. Skont il-kumpanniji Bouygues, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il-Kummissjoni (T‑358/94, Ġabra p. II‑2109), ma tikontradixxix din id-deċiżjoni u din il-ġurisprudenza, peress li din kienet tirreferi għal dikjarazzjoni dwar aġir eventwali tal-Istat b’reazzjoni għad-deċiżjoni futura ta’ terz, li l-kontenut eżatt tagħha ma kienx għadu ġie ddeterminat. Min-naħa l-oħra, deċiżjoni soda tal-Istat dwar l-aġir tiegħu, ma hijiex suġġetta għall-aġir ta’ terz, u b’hekk tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, anki jekk tieħu l-forma ta’ dikjarazzjoni.

160    Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess tikkonferma, fil-punt 1.1 tal-Avviż dwar l-għajnuna fil-forma ta’ garanziji tagħha (ara l-punt 153 iktar ’il fuq), li dan l-avviż ikopri kull forma ta’ garanziji, irrispettivament mill-bażi legali tagħhom u mit-tranżazzjoni magħmula. Fil-fatt, skont il-kumpanniji Bouygues, il-kunċett ta’ garanzija għandu jinftiehem, fl-iktar sens ġenerali tiegħu, bħala kwalunkwe mekkaniżmu li jipproteġi lil persuna minn telf pekunjarju. Fir-rigward ta’ din id-definizzjoni, id-dikjarazzjonijiet li permezz tagħhom l-azzjonist ta’ kumpannija jimpenja ruħu li se jieħu l-miżuri neċessarji, u b’mod partikolari li se jsaħħaħ il-bażi kapitali tal-kumpannija sabiex din ma jkollhiex problemi ta’ finanzjament huma forma ta’ garanzija mogħtija lill-kredituri effettivi u potenzjali tagħha.

161    Bl-istess mod, il-kundizzjoni ta’ impenn tar-riżorsi tal-Istat għandha tiġi intepretata b’mod wiesgħa u tista’ tkun ikkaratterizzata minn nuqqas ta’ qligħ jew minn impenn potenzjali ta’ tali riżorsi. Anki fin-nuqqas ta’ mobilizzazzjoni immedjata tar-riżorsi tal-Istat, is-sempliċi fatt li l-Istat jirriskja, minħabba tali impenn, li jkollu jħallas, jagħti lok għall-kunsiderazzjoni li l-għajnuna ngħatat permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Għaldaqstant, għandu jiġi kklassifikat bħala għajnuna, f’forma ta’ garanzija, kull intervent tal-Istat li jkollu bħala effett li jqiegħdu f’riskju, fid-dritt jew fil-fatt, li jkollu jħallas. Din hija s-sitwazzjoni fil-każ inkwistjoni.

162    F’dan ir-rigward, in-natura ġuridikament vinkolanti jew le tad-deċiżjoni li timpenja r-riżorsi tal-Istat hija irrilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, fl-oqsma kollha tad-dritt tal-kompetizzjoni u tal-libertà ta’ moviment, il-ġurisprudenza tieħu inkunsiderazzjoni l-atti li ma għandhomx saħħa vinkolanti biex tiżgura l-effettività tad-dritt Komunitarju. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-prattika tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, skont il-punt 2.1.3 tal-Avviż dwar l-għajnuna fil-forma ta’ garanziji (ara l-punt 153 iktar ’il fuq), il-fatt li impriżi pubbliċi ma humiex suġġetti għall-proċeduri ta’ falliment jew ta’ insolvenza jikkostitwixxi fih innifsu għajnuna fil-forma ta’ garanzija, u dan fin-nuqqas ta’ obbligu tal-Istat li jagħti s-sostenn tiegħu biex ikunu ffinanzjati dawn l-impriżi. Kif ikkonfermat l-ittra tal-Kummissjoni tal-4 ta’ April 2003 li tistieden lir-Repubblika Franċiża tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-miżura ta’ għajnuna favur Électricité de France (EDF) fil-forma ta’ garanzija mingħajr limiti tal-Istat marbuta mal-istatut ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali (EPIC)(Għajnuna E 3/02 – Miżura ta’ għajnuna favur Électricité de France (ĠU C 164, p. 7)), ir-raġunament sottostanti din l-affermazzjoni huwa li l-Istat, skont dawn il-fatti, għandu l-obbligu li jagħti tali sostenn, li fin-nuqqas tiegħu l-ebda operatur ma jkun irid jagħmel kuntratti ma’ dawn l-impriżi. Issa, f’dan il-każ, is-sempliċi applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji missha wasslet lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi impenn tar-riżorsi tal-Istat.

163    Id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jikkostitwixxu impenji ta’ garanzija sodi, ċari u preċiżi li jimpenjaw riżorsi tal-Istat, irrispettivament minn jekk huwiex fid-dritt jew fil-fatt. B’kull waħda mid-dikjarazzjonijiet tiegħu, l-Istat Franċiż impenja ruħu b’mod ċar u preċiż fil-konfront tal-komunità finanzjarja biex jagħti sostenn finanzjarju lil FT f’każ ta’ diffikultà biex tħallas id-djun eżiġibbli tagħha. Kif jirriżulta mill-premessa 209 tad-Deċiżjoni kkontestata, dawn id-dikjarazzjonijiet ripetuti kienu suffiċjentement preċiżi, ċari u sodi biex juru l-eżistenza ta’ impenn kredibbli u inkundizzjonali tal-Istat Franċiż. Ir-reazzjonijiet tas-suq, u b’mod partikolari, iż-żieda fil-valur tal-azzjonijiet u tal-bonds ta’ FT wara d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, jikkonfermaw li s-suq emmen fil-garanzija u fis-sostenn tal-Istat Franċiż lil FT (premessa 221 tad-Deċiżjoni kkontestata). In-natura inkundizzjonali ta’ dan is-sostenn ma hijiex iddubitata bil-kliem “jekk dan ikun neċessarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] billi din il-kundizzjoni kienet purament formali tant is-sitwazzjoni ta’ FT f’dak iż-żmien kienet kompromessa u l-eżistenza tad-diffikultajiet finanzjarji kienet ċerta (premessa 210 tal-imsemmija deċiżjoni). Għaldaqstant, dawn id-dikjarazzjonijiet meqjusa jew separatament jew flimkien juru b’mod ċar impenn min-naħa tal-Istat Franċiż li jagħti sostenn u garanzija lil FT (premessi 208 u 212 tal-imsemmija deċiżjoni).

164    Barra minn hekk, skont il-kumpanniji Bouygues, kull waħda mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 għandha, kemm fid-dritt Franċiż kif ukoll f’dak Anglosassonu, valur ta’ impenn. Huma jippreċiżaw li, fid-dritt Franċiż, l-eżistenza ta’ impenn min-naħa ta’ awtorità amministrattiva ma tiġix evalwata mil-lat formali imma mill-karatteristiċi intrinsiċi tagħha. B’hekk, il-qorti amministrattiva Franċiża tirrikonoxxi li jistgħu jikkostitwixxu deċiżjonijiet amministrattivi mhux biss deċiżjonijiet bil-miktub imma anki sempliċi deċiżjonijiet verbali. Barra minn hekk, anki jekk dawn ma jkunux akkumpanjati mill-ebda att legali partikolari, il-wegħdiet huma impenji, għaliex huma jittraduċu turija tar-rieda tal-awtorità amministrattiva. Biex ikun rikonoxxut impenn tal-Istat, huwa suffiċjenti li l-ammistrazzjoni tkun ġabet ruħha “b’mod konvinċenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li hija se taġixxi b’ċertu mod. Konsegwentement, dikjarazzjonijiet sodi, ċari u preċiżi tal-Istat, ikun xi jkun il-każ, ikunu tali li jagħtu lok għar-responsabbiltà tiegħu, jew għaliex, meta ppermetta li tingħata wegħda, huwa tgħabba b’obbligi ġuridiċi, li ma jistax jeħles minnhom mingħajr ma jwettaq ksur, billi s-sempliċi fatt li ma jkunx żamm il-wegħda tiegħu jkun suffiċjenti biex jingħata lok għar-responsabbiltà tiegħu, jew għaliex, bil-kontra, meta ppermetta li tingħata wegħda, l-Istat impenja ruħu b’mod illegali.

165    Skont il-kumpanniji Bouygues, fid-dawl tal-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom, kull waħda mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 tikkostitwixxi impenn tal-Istat Franċiż. Bl-istess mod, dawn id-dikjarazzjonijiet kienu kkunsidrati mis-suq bħala li kienu preċiżi u inkundizzjonali kif ukoll li juru impenn kredibbli u reali tal-Istat Franċiż, li ta lok għar-riżoluzzjoni tal-kriżi finanzjarja ta’ FT. Skont il-prinċipji applikabbli fid-dritt Franċiż, jekk l-Istat Franċiż ma kienx irrispetta dawn l-impenji, huwa seta’ jesponi ruħu għal kawżi għal dikjarazzjonijiet ta’ responsabbiltà min-naħa ta’ kwalunkwe terz li jkollu interess ġuridiku, irrispettivament minn jekk ikunx azzjonist, impjegat jew anki kreditur ta’ FT. Dan il-motiv biss huwa suffiċjenti biex jiġi kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 minnhom infushom impenjaw ir-riżorsi tal-Istat.

166    Anki fin-nuqqas ta’ saħħa vinkolanti tal-impenn li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 fid-dawl tad-dritt Franċiż, dawn id-dikjarazzjonijiet jimpenjaw riżorsi tal-Istat, billi dan il-kunċett ġie interpretat b’mod wiesa’. Fil-fatt, l-Istat Franċiż kellu tabilħaqq l-obbligu li jonora l-wegħda tiegħu, meta tiġi kkunsidrata l-istennija reali li d-dikjarazzjonijiet tiegħu ħolqu mil-lat tas-suq (ara b’mod partikolari, il-premessi 217 u 221 tad-Deċiżjoni kkontestata). In-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-wegħda kienet iġġenerat għall-Istat Franċiż, fil-kapaċità tiegħu ta’ proprjetarju u ta’ ġestjonarju ta’ impriża, ta’ attur ekonomiku prinċipali u ta’ sellief importanti fis-swieq finanzjarji, spiża ferm ikbar mit-telf tal-kredibbiltà tiegħu u tar-reputazzjoni tiegħu fis-swieq (premessi 217 u 221 tal-imsemmija deċiżjoni). Anki fin-nuqqas ta’ impenn ġuridikament vinkolanti, dan ir-riskju finanzjarju għall-Istat Franċiż jekwivali għal impenn tar-riżorsi tal-Istat. Il-kumpanniji Bouygues jippreċiżaw li kull dikjarazzjoni pubblika ta’ membru tal-Gvern favur impriża ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat per se, imma għandha tiġi evalwata skont il-kliem, il-kuntest u ċ-ċirkustanzi tal-każ tagħha. Issa, f’dan il-każ, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-preċiżjoni tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni u l-importanza ta’ FT, in-natura tagħha ta’ operatur storiku u l-gravità eċċezzjonali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni ħadu tifsira partikolari, ekwivalenti għal garanzija mogħtija mill-Istat Franċiż.

167    Skont il-kumpanniji Bouygues, miċ-ċirkulari tal-Ministeru tal-Ekonomija, tat-22 ta’ Lulju 2003, intitolata “Elenku tal-garanziji impliċiti jew espliċiti mogħtija mill-Istat [Franċiż]” (iktar ’il quddiem iċ-“ċirkulari tat-22 ta’ Lulju 2003”), u speċjalment min-nota ta’ spjegazzjoni annessa ma’ din iċ-ċirkulari, jirriżulta li garanzija espliċita tippreżumi li, fil-bażi legali, ikunu inklużi l-kliem “l-Istat jiggarantixxi”, filwaqt li garanzija impliċita teżiġi biss li jiġi ddeterminat jekk l-att amministrattiv “jipproduċi u jinvolvi konsegwenzi finanzjarji għall-Istat”. In-nota ta’ spjegazzjoni tirrikonoxxi wkoll li l-garanzija tal-Istat tista’ tirriżulta, b’mod partikolari, minn “ittra ministerjali jew [minn] kwalunkwe bażi oħra” u li l-garanziji li setgħu ngħataw mingħajr bażi legali valida madankollu jistgħu “joħolqu drittijiet li jivvantaġġjaw lill-benefiċjarji tagħhom”. Issa peress li l-Kummissjoni taċċetta li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu jinvolvu riskju finanzjarju u li dawn kienu suffiċjentement ċari, preċiżi u sodi biex juru l-eżistenza ta’ impenn kredibbli tal-Istat Franċiż, hija kellha tikkonkludi li kien hemm garanzija impliċita li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

168    It-tielet nett, il-kumpanniji Bouygues isostnu li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u laqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

169    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-kumpanniji Bouygues jikkonkludu li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 taw vantaġġ selettiv lil FT, mhux iġġustifikat fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat, li jimpenja r-riżorsi tal-Istat Franċiż, joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Konsegwentement, dawn id-dikjarazzjonijiet, meqjusa separatament jew flimkien, jissodisfaw l-erba’ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 87(1) KE u jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat waħda jew iktar li hija distinta mill-għajnuna li tinvolvi s-self minn azzjonist. Konsegwentement, meta rrifjutat li tikklassifika dawn id-dikjarazzjonijiet bħala għajnuna distinta, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 87(1) KE.

 Fuq it-tieni motiv tal-kumpanniji Bouygues

170    Skont il-kumpanniji Bouygues, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat ukoll minħabba ksur doppju tal-forom proċedurali sostanzjali, jiġifieri kontradizzjoni u insuffiċjenza ta’ motivi.

171    Fir-rigward tal-kontradizzjoni tal-motivi, il-kumpanniji Bouygues isostnu li, filwaqt li l-ewwel sett ta’ motivi jistabbilixxi li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, motivi oħrajn jikkontradixxu dan l-argument.

172    B’hekk, fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet inklużi fil-premessi 36, 51 u 53 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabelxejn kienet ikkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu suffiċjentement ċari, preċiżi u sodi biex jiġi konkluż li kien hemm impenn ċar, sod u kredibbli tal-Istat Franċiż (premessi 185, 207 sa 210 ta’ din id-deċiżjoni). Sussegwentement, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li dan l-impenn kien jimplika riżorsi tal-Istat inkwantu dan seta’ jiġġenera spiża għall-Istat Franċiż. Dan ikollu l-obbligu legali jew l-obbligu fattwali li jirrispetta din il-wegħda; jekk ma jagħmilx dan, huwa jkollu jagħti kumpens għad-danni lill-kredituri ta’ FT jew, għall-inqas, jitlef il-kredibbiltà tiegħu mas-swieq finanzjarji, li tkun telfa finanzjarja ferm iktar sinjifikattiva (premessi 217 u 221 tal-imsemmija deċiżjoni).

173    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu jagħtu vantaġġ ċert u addizzjonali lil FT billi jikkontribwixxu biex iżżomm il-klassifikazzjoni ta’ kreditu tagħha u biex iżżid il-prezz tal-azzjonijiet tagħha (premessi 188 u 221 tad-Deċiżjoni kkontestata), vantaġġ li FT ma kinitx tkun tista’ tibbenefika minnu f’kundizzjonijiet normali tas-suq minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja diżastruża tagħha (premessa 212 tal-imsemmija deċiżjoni). Mill-premessi 56, 221 u 222 tad-Deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien, jirriżulta li dan il-vantaġġ għal FT, jiġifieri l-possibbiltà li tindirizza lis-suq finanzjarju f’kundizzjonijiet favorevoli, kien preċedenti għall-avviż tas-self minn azzjonist. Barra minn hekk, il-premessa 188 tal-imsemmija deċiżjoni tikkonferma li l-Kummissjoni kienet tikkunsidra li, waqt ix-xahar ta’ Lulju u sa Ottubru 2002, FT kienet qed tibbenefika minn vantaġġ selettiv.

174    Barra min hekk, mill-premessi 17, 20 sa 35, 37, 39, 41, 49, 59, 229 u 230 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, meta tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli ta’ FT f’dak iż-żmien, il-vantaġġ li ngħata b’dan il-mod ma kienx iġġustifikat fid-dawl tal-kriterju tal-investitur privat prudenti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li dan il-vantaġġ ħoloq jew hedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod partikolarment sinjifikattiv (premessa 198 tad-Deċiżjoni kkontestata) u li din is-sitwazzjoni setgħet taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (premessa 200 tal-imsemmija deċiżjoni).

175    Madankollu, minkejja l-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet kollha tal-kunċett ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, kienu sodisfatti, il-Kummissjoni rrifjutat li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat (premessa 219 tad-Deċiżjoni kkontestata), għaliex hija ma kellhiex elementi suffiċjenti biex tipprova b’mod inkontestabbli l-eżistenza ta’ tali għajnuna (premessi 189 u 219 tal-imsemmija deċiżjoni). Skont il-kumpanniji Bouygues, din il-konklużjoni hija kontradittorja sa fejn il-motivi tad-Deċiżjoni kkontestata li jikkonstataw li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha tal-kunċett ta’ għajnuna kienu suffiċjenti u ma kellhomx bżonn iktar provi.

176    Fir-rigward tal-insuffiċjenza tal-motivi, il-kumpanniji Bouygues jirrilevaw li r-rifjut li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat huwa bbażat fuq motivi insuffiċjenti. Qabelxejn, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessi 188 u 218 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-possibbiltà li l-imsemmija dikjarazzjonijiet jiġu kklassifikati bħala għajnuna filwaqt li kkunsidratha però bħala “argument ġdid, imma probabbilment mhux infondat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, fil-premessi 189 u 219 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni madankollu ddikjarat li ma kellhiex “elementi suffiċjenti biex tipprova b’mod inkontestabbli l-preżenza ta’ għajnuna fuq il-bażi ta’ dan l-argument il-ġdid” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont il-kumpanniji Bouygues, motivi vagi bħal dawn ma jistgħux jiġġustifikaw ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju bħala għajnuna mill-Istat u jmorru kontra r-rekwiżit ta’ motivazzjoni. Minn naħa, il-Kummissjoni ma tispjegax għal liema raġuni l-klassifikazzjoni bħala għajnuna hija “ġdida”. Min-naħa l-oħra, hija ma identifikatx il-provi li huma nieqsa biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna.

177    F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-allegata natura ġdida tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna, il-kumpanniji Bouygues ifakkru li l-kunċett ta’ għajnuna huwa kunċett oġġettiv li jinkludi l-miżuri kollha tal-Istat li jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriża. Dan il-kunċett għandu natura strettament ġuridika u għalhekk huwa funzjoni biss tal-kwistjoni dwar jekk l-impriża benefiċjara rċevietx vantaġġ ekonomiku li kieku ma kinitx tirċievi f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali biex tiddetermina jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Huwa biss fl-istadju tal-eżami tal-kompatibbiltà eventwali ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE, li jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika, soċjali, reġjonali u settorjali, li hija jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat kull miżura li oġġettivament tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 87(1) KE.

178    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tikkuntenta ruħha billi tiddikjara n-natura ġdida ta’ applikazzjoni partikolari tal-Artikolu 87(1) KE biex imbagħad ma tikkonkludix li kien hemm għajnuna mill-Istat. Ammissjoni kuntrarja tfisser li jkun qed jiġi rikonoxxut li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat mhux wieħed li jevolvi, u dan ikollu bħala konsegwenza li jiċħad lill-Artikoli 87 KE et seq mill-effettività tagħhom.

179    Il-kumpanniji Bouygues jenfasizzaw li, kien x’kien il-każ, din il-kawża ma hijiex l-ewwel każ li fil-kuntest tiegħu l-Kummissjoni tat deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni ġuridika, fir-rigward tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, ta’ dikjarazzjonijiet ta’ sostenn li saru mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru għall-benefiċċju ta’ impriża. Fid-Deċiżjoni Crédit foncier (ara l-punt 159 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-awtoritajiet Franċiżi kellhom l-għan li jserrħu moħħ il-kredituri tal-Crédit foncier de France (iktar ’il quddiem is-“CFF”) dwar il-kwalità tas-self tagħhom u kklassifikathom bħala għajnuna mill-Istat. Skont il-kumpanniji Bouygues, f’dan il-każ għandha ssir evalwazzjoni simili, billi ż-żewġ kawżi għandhom diversi punti simili. L-ewwel nett, is-CFF u FT kellhom diffikultajiet finanzjarji simili, ikkaratterizzati minn dejn sinjifikattiv u tnaqqis fil-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu li kien jipprojbixxi l-aċċess għas-suq tal-bonds (premessa 14 tad-Deċiżjoni Crédit foncier). It-tieni nett, fi stqarrija għall-istampa tas-26 ta’ Lulju 1996, il-Ministru tal-Ekonomija kien indika, b’mod simili għal dak li kien afferma fid-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, li “l-Istat [Franċiż] impenja ruħu biex l-iskadenzi kollha, tal-ammont prinċipali u tal-interessi, tad-dejn tas-CFF irrappreżentati b’titoli jkunu onorati” (premessa 36 tad-Deċiżjoni Crédit foncier; ara wkoll il-premessa 208 tad-Deċiżjoni kkontestata). It-tielet nett, fil-premessa 40 tad-Deċiżjoni Crédit foncier, il-Kummissjoni kienet fakkret in-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-miżuri ta’ sostenn u li, f’dan ir-rigward, “filwaqt li sserraħ moħħ il-kredituri dwar il-kwalità tas-self tagħhom, id-dikjarazzjoni inkwistjoni kellha l-effett li tevita talba għar-rimbors tat-titoli tas-CFF f’perijodu ta’ kriżi gravi ta’ likwidità, fejn l-istabbiliment ma setax jiffinanzja lilu nnifsu fis-suq skont kundizzjonijiet normali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-każ ta’ FT, l-effetti rrilevati fir-rigward il-fiduċja li reġa’ kiseb is-suq kienu identiċi. Fl-aħħar nett, il-premessa 44 tad-Deċiżjoni Crédit foncier, li abbażi tagħha “il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dikjarazzjoni tal-Ministru [tal-Ekonomija] ta’ April 1996, anki jekk din ma kinitx ifformalizzata ġuridikament, madankollu kellha effetti sostanzjali u għaldaqstant għandha tkun ikkunsidrata bħala ekwivalenti għal garanzija” [traduzzjoni mhux uffiċjali], kienet perfettament applikabbli għall-każ ta’ FT. Il-kumpanniji Bouygues, madankollu, jammettu li, b’differenza għall-istqarrija għall-istampa tal-Ministru tal-Ekonomija inkwistjoni fid-Deċiżjoni Crédit foncier, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma kinux jinkludu l-kelma “impenn”. Madankollu, l-impenn jista’ jirriżulta mill-kliem użati, min-natura soda u mir-ripetizzjoni tagħhom, kif huwa l-każ fl-imsemmija dikjarazzjonijiet.

180    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq l-allegata natura ġdida tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna huwa insuffiċjenti.

181    It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjenti biex tkun stabbilita b’mod inkontestabbli l-preżenza ta’ għajnuna (premessa 189 tad-Deċiżjoni kkontestata), il-kumpanniji Bouygues jakkużaw lill-Kummissjoni li ma spjegatx liema kienu l-provi li kienu nieqsa f’dan ir-rigward. Peress li hija kellha r-rapport tat-28 ta’ April 2004 u diversi rapporti u studji prodotti minn terzi, fosthom il-kumpanniji Bouygues, il-Kummissjoni ma setgħetx tallega validament li hija ma kellhiex informazzjoni suffiċjenti biex tagħti deċiżjoni rigward il-klassifikazzjoni ġuridika tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tasal għal klassifikazzjoni definittiva ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet jew, għall-inqas, imissha eżaminat ir-rilevanza ta’ din l-informazzjoni biex timmotiva b’mod ċar u preċiż ir-rifjut ta’ din il-klassifikazzjoni. Anki jekk wieħed jippreżumi li dan ma kienx possibbli, il-Kummissjoni missha ġabret iktar informazzjoni qabel ma għalqet il-proċedura amministrattiva u adottat id-Deċiżjoni kkontestata.

 d) L-argumenti tal-Kummissjoni

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT

182    Qabelxejn, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Franċiża qed tissepara, b’mod inammissibbli, il-qari tal-premessa 194 tad-Deċiżjoni kkontestata, fejn jingħad li s-self minn azzjonist jagħti vantaġġ lil FT, minn dak tal-premessi 197 u, speċjalment, 203 sa 230 tal-imsemmija deċiżjoni, fejn il-Kummissjoni eżaminat jekk il-vantaġġ li ngħata b’dan il-mod kienx josserva l-kriterju tal-investitur privat prudenti.

183    Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża u FT żbaljatament qed jagħtu interpretazzjoni statika u “fotografika” tal-operazzjoni inkwistjoni minflok interpretazzjoni ristretta u parzjali tad-Deċiżjoni kkontestata. L-approċċ tagħhom għandu l-għan li jillimita l-eżami għall-miżuri li ġew innotifikati f’Diċembru 2002 biss, bl-esklużjoni tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, li kienu intiżi sabiex iserrħu moħħ is-swieq qabel ma f’Diċembru 2002 saret disponibbli l-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni. Madankollu, analiżi kompartamentalizzata tal-avvenimenti li seħħew qabel il-proġett ta’ self minn azzjonist ta’ Diċembru 2002 ma hijiex possibbli. Fil-premessi 187 u 222 et seq tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat ukoll ir-raġunijiet għaliex hija kellha tanalizza d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u s-self minn azzjonist flimkien. Hija indikat ukoll, fl-istess premessi li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn id-dikjarazzjonijiet, fihom infushom, setgħux jiġu kkunsidrati bħala għajnuna, kien ġie stabbilit, fil-mument meta seħħet tabilħaqq din s-suċċessjoni ta’ avvenimenti f’Diċembru 2002, li l-impenn diġà irrevokabbli tal-Istat Franċiż ma kienx konformi mal-kriterju tal-investitur privat u kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-istrateġija tal-awtoritajiet Franċiżi kienet taqa’ fil-kuntest ta’ proċess kontinwu ta’ salvataġġ ta’ FT li ma kienx limitat għall-avvenimenti ta’ Diċembru 2002 (premessi 219 et seq tad-Deċiżjoni kkontestata). Dan l-aspett jirriżulta bi preċiżjoni suffiċjenti mid-Deċiżjoni kkontestata, speċjalment mill-premessi 191 u 223 tagħha.

184    L-approċċ li ssemma iktar ’il fuq ġie deskritt fil-qosor fil-premessa 191 u ġie rripetut speċjalment fil-preżentazzjoni kronoloġika tal-fatti inkluża fil-premessi 20 et seq u 36 et seq tad-Deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka s-sentenza BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 152 iktar ’il fuq (punt 179), li fil-kuntest tagħha l-Qorti Ġenerali kienet fakkret in-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-operazzjoni ta’ salvataġġ ta’ impriża kollha u annullat deċiżjoni tal-Kummissjoni li b’mod żbaljat kienet isseparat l-operazzjonijiet differenti ta’ kontribuzzjoni tal-kapital inkwistjoni. Minn dan jirriżulta l-obbligu tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni kumplessi, li teżamina sa fejn l-atti li saru fl-imgħoddi, li ma setgħux isiru minn investitur prudenti, kienu kkundizzjonaw jew iffaċilitaw aġir preżenti. Fil-fatt, f’dan il-każ, aġir iżolat fi tmiem proċess jista’ jidher “prudenti” jekk jinħareġ mill-kuntest tiegħu, kif ipprovaw jagħmlu, f’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża u FT. Il-Kummissjoni żżid li, fis-sentenza BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 152 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma kinitx ikkonkludiet li t-tielet kontribuzzjoni tal-kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna.

185    Issa, is-suċċessjoni tal-avvenimenti prinċipali, kif ġew deskritti fil-premessi 36 sa 56 tad-Deċiżjoni kkontestata, turi b’mod ċar l-intenzjoni tar-Repubblika Franċiża li ssostni lil FT biex twaqqaf kull tnaqqis ulterjuri fil-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu tagħha. F’dan ir-rigward, is-swieq finanzjarji ma staqsewx jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kinux jew le vinkolanti u jekk dawn kinux jesprimu impenn irrevokabbli jew le. Anzi kienet l-impressjoni li ħoloq l-Istat Franċiż li dan l-impenn kien vinkolanti li kienet deċiżiva fil-perċezzjoni kemm tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu kif ukoll tas-swieq, fid-dawl taż-żieda fil-prezz tal-azzjonijiet ta’ FT wara d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002. Ir-Repubblika Franċiża la spjegat u lanqas uriet ir-raġunijiet għaliex is-swieq kellhom jiddubitaw min-natura soda tal-impenn tal-Istat Franċiż. Anzi, minn preżentazzjoni tal-operazzjoni “Inventarju” waqt il-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ FT fl-4 ta’ Diċembru 2002 kien jirriżulta li ma kien hemm l-ebda dubju għal FT li s-sostenn tal-Istat Franċiż kien importanti għall-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu. Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kinux jew le jikkostitwixxu għajnuna ma hijiex iktar rilevanti peress li, fil-mument tal-twettiq ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet f’Diċembru 2002, fil-forma ta’ proġett ta’ self minn azzjonist, kien ġie stabbilit, minn naħa, li l-impenn issa kien sar irrevokabbli u, min-naħa l-oħra, li dan ma kienx konformi mal-kriterju tal-investitur privat, meta jiġi kkunsidrat li dan ma kienx qed isir iktar f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

186    Din il-konklużjoni ma kinitx ikkontestata mis-sentenza Air France vs Il‑Kummissjoni, punt 159 iktar ’il fuq (punti 74 u 79). Anzi din is-sentenza tikkonferma li, fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ FT f’Lulju 2002, investitur privat ma kienx jagħmel dikjarazzjonijiet bħal dawk li għamlu l-awtoritajiet Franċiżi minn Lulju 2002, li setgħu jimpenjaw il-kredibbiltà u r-reputazzjoni tiegħu, mingħajr, għall-inqas, ma kien jagħmel verifika kontabbli preċedenti ta’ FT (premessi 228 et seq tad-Deċiżjoni kkontestata). Issa, fid-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, l-awtoritajiet Franċiżi kienu injoraw id-dimensjoni eżatta tad-diffikultajiet finanzjarji ta’ FT. Il-Kummissjoni madankollu tirrikonoxxi li, fis-sentenza Air France vs Il-Kummissjoni, punt 159 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma tatx deċiżjoni dwar jekk il-kriterju tal-investitur prudenti japplikax biss għal impenn ġuridikament irrevokabbli.

187    Il-Kummissjoni tosserva li qatt ma ċaħdet li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 setgħu jinvolvu riskju finanzjarju. Madankollu, hija kkunsidrat li ma kellhiex elementi suffiċjenti biex tipprova b’mod inkontestabbli, fuq il-bażi ta’ dan l-argument ġdid, li dawn id-dikjarazzjonijiet kienu jikkostitwixxu impenn irrevokabbli tar-riżorsi tal-Istat u, għaldaqstant, għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87 KE (premessi 218 u 219 tad-Deċiżjoni kkontestata). Madankollu, hija kellha d-dritt li tivverifika jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ Lulju 2002, investitur privat prudenti kienx jassumi l-istess riskju (premessi 218 u 229 tal-imsemmija deċiżjoni), li kien jikkonsisti, minn naħa, f’riskju ekonomiku marbut mal-kredibbiltà ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fis-suq (premessi 217, 220 u 221 tal-imsemmija deċiżjoni) u, min-naħa l-oħra, f’riskju ġuridiku, għaliex dawn id-dikjarazzjonijiet setgħu jiġu kkunsidrati bħala vinkolanti f’diversi sistemi legali nazzjonali (premessa 215 tal-imsemmija deċiżjoni). Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni, qabelxejn, ikklassifikat bħala “ġdid, imma probabbilment mhux infondat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] l-argument li d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, minnha nfisha, kienet tikkostitwixxi għajnuna (premessi 188 u 218 tal-imsemmija deċiżjoni), wara ddikjarat li ma setgħetx tipprova, b’mod inkontestabbli, il-preżenza ta’ għajnuna fuq din il-bażi (premessi 189 u 219 tal-imsemmija deċiżjoni) u, fl-aħħar, adottat approċċ “iktar tradizzjonali” tal-kunċett ta’ għajnuna (premessi 219 sa 230 tal-imsemmija deċiżjoni). Minn dan hija ddeduċiet li, minn Lulju 2002, kien sar impossibbli li l-aġir ta’ investitur pubbliku jiġi pparagunat ma’ dak ta’ investitur privat f’sitwazzjoni normali tas-suq, peress li l-ebda investitur privat ma kien kapaċi jinfluwenza s-suq kif għamlu l-awtoritajiet Franċiżi bid-dikjarazzjonijiet tagħhom minn Lulju 2002. Minn dan il-fatt, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur prudenti għas-sitwazzjoni tax-xahar ta’ Diċembru 2002 biss kienet distorta għaliex f’dak il-mument ma kienx iktar possibbli li jingħata ġudizzju dwar is-sitwazzjoni ta’ FT f’kundizzjonijiet normali tas-suq (premessi 219 sa 230 tal-imsemmija deċiżjoni).

188    Il-Kummissjoni tiċħad l-argument li hija twaqqaf lill-Istati Membri milli jaġixxu bħala investituri prudenti. Operatur privat jista’ wkoll jagħmel kummenti jew iġib ruħu b’mod li jwassal għal impenn ġuridiku irrevokabbli li jimplika riskju finanzjarju mingħajr ma n-natura irrevokabbli tiegħu tkun ċerta. Konsegwentement, il-Kummissjoni tista’ leġittimament tivverifika jekk operatur privat kienx assuma tali riskju u, b’hekk, tapplika l-kriterju tal-investitur privat għal aġir li ma jwassalx potenzjalment għal impenji ġuridikament irrevokabbli. B’hekk, kulma għamlet kien li tipparaguna l-aġir tal-Istat Franċiż ma’ dak ta’ operatur privat matul proċess li wassal lil dak l-Istat biex jikkonkretizza s-sostenn tiegħu f’forma ta’ self minn azzjonist, billi dan is-self jikkostitwixxi biss it-twettiq tad-deċiżjoni tiegħu tal-prinċipju li jsostni lil FT bil-miżuri adegwati mħabbra permezz tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 (premessi 36 u 185 tad-Deċiżjoni kkontestata). Madankollu, it-turija pubblika ta’ dan l-impenn ċar u kategoriku fir-rigward tas-suq wassal għal riskji finanzjarji li investitur privat ma kienx jieħu b’mod daqstant imprudenti, għall-inqas, qabel ma jkun informa ruħu b’mod sħiħ dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ FT (premessa 229 tad-Deċiżjoni kkontestata). L-awtoritajiet Franċiżi ammettew huma stess, matul il-proċedura amministrattiva, li, fit-12 ta’ Lulju 2002, huma la kienu jafu s-sitwazzjoni eżatta ta’ FT u lanqas x’mezzi effikaċi għandhom jużaw biex jindirizzawha. F’sitwazzjoni bħal din, kull azzjonist prudenti kien jevita li jagħmel dikjarazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal impenn min-naħa tiegħu, anki wieħed futur, li jista’ jipperikola s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu fis-swieq. Il-Kummissjoni tippreċiża li, meta l-Istat jipprevedi li jadotta miżuri ta’ sostenn favur impriża li għandha diffikultajiet u li jikkomunika l-intenzjoni tiegħu lis-suq, huwa għandu jagħmel ħiltu biex ma joħloqx distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u biex jirrispetta, jekk ikun il-każ, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Konsegwentement, peress li dan is-sostenn jista’ jikkostitwixxi għajnuna, kull dikjarazzjoni ta’ sostenn għandha tkun akkumpanjata minn kundizzjoni espliċita li kull intervent sussegwenti se jkun ippreċedut minn notifika lill-Kummissjoni u implementat biss wara li jkun ġie approvat, li jagħmel din id-dikjarazzjoni kundizzjonali.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT

189    Skont il-Kummissjoni, fid-dawl tar-rabta materjali u ekonomika bejn id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 u l-proġett ta’ self minn azzjonist, kien neċessarju li jiġi eżaminat l-aġir kollu tal-Istat Franċiż minn Lulju 2002 (premessa 187 tad-Deċiżjoni kkontestata). Li l-eżami jiġi limitat biss għall-fatti koperti min-notifika jfisser li l-Istat Membru titħallielu l-libertà kollha biex jiddetermina l-perijodu ta’ analiżi rilevanti, li jmur kontra n-natura oġġettiva tal-kunċett ta’ għajnuna, li huwa bbażat fuq ir-realtà ekonomika. Konsegwentement, jekk il-Kummissjoni jkollha quddiemha fatti preċedenti li jkunu oġġettivament rilevanti, hija għandha tintegrahom fl-analiżi tagħha. F’dan il-każ, id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 tagħmel parti minn “katina itwal ta’ azzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li l-proġett ta’ self minn azzjonist u s-sottoskrizzjoni taż-żieda tal-kapital huma biss l-aħħar elementi tagħha. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni kellha teżaminahom kollha, u dan kien iwassalha biex tikkonstata korrettament li f’Diċembru 2002 kienu preżenti l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna.

190    Il-Kummissjoni tikkontesta li d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 ma involvietx impenn tal-Istat fir-rigward ta’ sostenn finanzjarju eventwali ta’ FT u li hija bbażat ruħha fuq impressjoni purament suġġettiva tal-mod li bih din id-dikjarazzjoni setgħet, skontha, tiġi pperċepita mis-swieq. Anzi, hija bbażat ruħha fuq fatti oġġettivi li juru li, mil-lat tas-suq, din id-dikjarazzjoni ħolqot l-impressjoni ta’ impenn vinkolanti u ta’ intervent futur tal-Istat Franċiż. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu intiżi sabiex iserrħu moħħ is-swieq u l-awtoritajiet Franċiżi kienu kkuntattjaw lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu biex jevitaw li l-klassifikazzjoni tal-bonds ta’ FT tkun imnaqqsa għal-livell ta’ “junk bond”. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 210 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-argument tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT huwa kontradittorju. Issa, fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni dettaljata minn dawn ir-rikorrenti tal-legalità tal-imsemmija premessa, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

191    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tieni motiv tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet motiv tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT

–       Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni relatat mad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002

192    Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni tal-Istat Franċiż li jsostni lil FT ittieħdet mit-12 ta’ Lulju 2002, minkejja li l-modalitajiet tal-impenn tiegħu f’dak iż-żmien kienu għadhom ma ġewx speċifikati. Id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 kienet parti minn “strateġija ta’ impenn kredibbli tal-Istat li jsostni lil FT” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u kienet ipperċepita bħala tali mis-swieq (premessi 220 et seq tad-Deċiżjoni kkontestata). Minn analiżi litterali ta’ din id-dikjarazzjoni u tal-kuntest tagħha jirriżulta li dan l-impenn kien ċar u li, barra minn hekk, kien ripetut (premessi 205 sa 212 tal-imsemmija deċiżjoni), speċjalment fir-rigward tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu. Fil-fatt, fl-istqarrija għall-istampa tagħha tat-12 ta’ Lulju 2002, S & P kienet ippreċiżat li l-awtoritajiet Franċiżi kienu kkuntattjawha direttament biex iserrħulha moħħha dwar is-sostenn tagħhom favur FT (premessa 38 tal-imsemmija deċiżjoni). Mill-perspettiva tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu kkuntattjati, id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 b’hekk kienet l-espressjoni ta’ rieda tal-Istat Franċiż li jsostni li FT. Dikjarazzjonijiet ripetuti u konkordanti bħal dawn tal-ministru kompetenti mill-ġestjoni tal-holdings tal-Istat Franċiż u li jirrappreżenta lill-azzjonist b’maġġoranza ta’ FT, żgur li setgħu jiġu kkunsidrati mis-suq bħala li jikkostitwixxu impenn kredibbli u inkundizzjonali tal-Istat Franċiż li se jsostni finanzjarjament lil FT (premessa 217 tal-imsemmija deċiżjoni). Il-Kummissjoni wriet li din il-perċezzjoni tas-swieq kienet ikkonfermata mir-reazzjoni kif ukoll mill-kummenti tal-analisti finanzjarji, li kienu interpretaw id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju bħala impenn sod ta’ għajnuna finanzjarja u bħala sostenn għall-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT fuq il-livell ta’ investiment sigur (premessi 220, 221, 37, 38, 52 u 58 tal-imsemmija deċiżjoni).

193    Skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-Istat Franċiż ikklassifika l-aġir tiegħu bħala prudenti ma jqiegħedx inkwistjoni n-natura inkundizzjonali tal-impenn tiegħu. Bl-istess mod, il-fatt li tissemma l-eżistenza eventwali tal-problemi finanzjarji ta’ FT ma jistax jiġi interpretat bħala kundizzjoni sospensiva jew riżoluttiva ta’ dan l-impenn (premessa 210 tad-Deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt ma hemm l-ebda element li jagħti l-possibbiltà li jintwera li s-suq kien ipperċepixxa xi kundizzjoni f’dan ir-rigward. Jekk il-Ministru tal-Ekonomija ried jikkundizzjona l-impenn tiegħu għall-osservanza tad-dritt Komunitarju, huwa ma kienx jikkuntenta ruħu li juża l-kliem “investitur privat”, li mhux bilfors jiġu kkunsidrati mis-swieq bħala rilevanti għad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, imma kellu jesprimi kundizzjoni espliċita li kwalunkwe intervent sussegwenti kien se jiġi nnotifikat minn qabel lill-Kummissjoni u kien se jiġi implementat biss wara li jkun ġie approvat minnha (premessa 229 tad-Deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, dwar id-distinzjoni li saret bejn id-Deċiżjoni Crédit foncier (ara l-punt 159 iktar ’il fuq) u d-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li, f’dan il-każ, l-impenn tal-Istat Franċiż ma kellux l-istess preċiżjoni bħalma kellu fis-sitwazzjoni li tat lok għal dik id-deċiżjoni l-oħra.

194    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 kellhiex effett fuq is-sitwazzjoni tas-suq f’Diċembru 2002, il-Kummissjoni tirreferi għall-argument tagħha li żviluppat fil-kuntest tat-tweġiba tagħha għall-ewwel u għat-tieni motivi tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT. Dik id-dikjarazzjoni kellha prinċipalment il-konsegwenza li, sa Diċembru 2002, il-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT setgħet tinżamm fuq il-livell ta’ investiment sigur minflok ma tgħaddi għal dak ta’ “junk bond”. Fil-fatt, f’Settembru 2002, l-Istat Franċiż kien irrepeta s-sostenn tiegħu lil FT b’tali mod li Moody’s kienet biddlet il-perspettiva tad-dejn minn negattiva għal stabbli (premessa 52 tad-Deċiżjoni kkontestata). F’Diċembru 2002, S & P kienet irrepetiet li s-sostenn tal-Istat Franċiż minn Lulju 2002 kien fattur prinċipali biex il-klassifikazzjoni ta’ kreditu tinżamm fuq il-livell ta’ investiment sigur (premessa 58 tal-imsemmija deċiżjoni). Issa, li kieku l-klassifikazzjoni ta’ kreditu ma nżammitx fuq dan il-livell f’Lulju 2002, it-tisħiħ tal-fondi ta’ FT, li huwa parti essenzjali mill-pjan Ambition 2005, ma kienx ikun jista’ jitwettaq fl-istess kundizzjonijiet. Konsegwentement, id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 kellha effett fuq il-miżuri ta’ Diċembru 2002, u l-avvenimenti sussegwenti kollha tax-xahar ta’ Lulju 2002 seħħew f’kuntest ta’ suq “ikkontaminat” b’din id-dikjarazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiżi tallega b’mod żbaljat li l-kuntatti tagħha, bħala azzjonist b’maġġoranza ta’ FT, mal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ma humiex inużwali. Fir-rigward tad-dimensjoni tad-dejn ta’ FT (EUR 70 biljun) u fin-nuqqas ta’ informazzjoni ċara u kompluta dwar is-sitwazzjoni ekonomika ta’ FT, fl-istess ċirkustanzi azzjonist b’maġġoranza privat ma kienx jagħmel tali dikjarazzjonijiet ta’ sostenn favur FT (premessa 229 tad-Deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, għal dik ir-raġuni, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-kuntatti li ġew stabbiliti mal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu “ikkontamina[w]” is-sitwazzjoni tas-suq b’tali mod li fil-mument tal-avviż, f’Diċembru 2002, tal-proġett ta’ self minn azzjonist, dan l-avviż ma setax jiġi kkunsidrat bħala li sar f’kundizzjonijiet normali tas-suq. Dan l-effett ta’ “kontaminazzjoni” ma kienx eliminat b’avvenimenti oħrajn li influwenzaw il-perċezzjoni tas-suq wara Lulju 2002 (premessi 260 u 261 tal-imsemmija deċiżjoni).

195    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċħad il-kritika li saret fil-konfront tal-metodoloġija applikata fir-rapport tat-28 ta’ April 2004. Fl-aħħar nett, hija tikkontesta r-rilevanza tal-paragun bejn Deutsche Telekom u FT li għamlu r-Repubblika Franċiża u FT biex juru li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma kinux deċiżivi.

–       Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-applikabbiltà tal-kriterju tal-investitur privat prudenti

196    Dwar l-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni li jikkonsisti fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ma rrikonoxxietx l-eżistenza ta’ vantaġġ, il-Kummissjoni tirreferi għad-difiża tagħha fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni motiv tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT. Madankollu, hija żżid li dejjem ikkunsidrat li l-offerta irrevokabbli tas-self minn azzjonist kienet tinvolvi vantaġġ għal FT. Il-Kummissjoni però ma kkunsidratx li kien utli li tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjoni teoretika dwar jekk dan il-vantaġġ, meta jiġi kkunsidrat separatament u b’hekk mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, setax ikun konformi mal-kriterju tal-investitur prudenti. Fil-fatt, din il-kwistjoni saret mingħajr għan għar-raġunijiet esposti fil-premessa 225 tad-Deċiżjoni kkontestata.

197    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar il-premessi 187 u 222 et seq tad-Deċiżjoni kkontestata u l-argumenti tagħha li żviluppat bi tweġiba għat-tieni motiv tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT fejn spjegat ir-raġunijiet għaliex kellha tanalizza d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 flimkien mal-proġett ta’ self minn azzjonist ta’ Diċembru 2002. Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn id-dikjarazzjonijiet jew dan il-proġett kinux jissodisfaw, meqjusa separatament, il-kundizzjonijiet kollha li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna, il-Kummissjoni stabbiliet li, meta seħħet tabilħaqq is-suċċessjoni ta’ avvenimenti ta’ Diċembru 2002, l-impenn issa irrevokabbli tal-Istat Franċiż, imqiegħed fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, ma kienx konformi mal-kriterju tal-investitur privat u, għaldaqstant, kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fir-rigward tal-argument ta’ FT ibbażat fuq li s-self minn azzjonist qatt ma ġie ffirmat, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa 196 tad-Deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, hija qatt ma allegat li l-offerta tas-self minn azzjonist kienet ġiet ipperċepita mis-suq bħala li twettaq tabilħaqq impenn tal-Istat Franċiż li jeċċedi s-sehem futur tiegħu fiż-żieda tal-kapital. L-element essenzjali kien l-importanza li l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu kienu qed jagħtu lis-sostenn tal-Istat Franċiż. Issa, dan is-sostenn u r-reazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu seħħew minn Lulju 2002. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma hijiex qed tikkontesta r-reazzjoni pożittiva tas-swieq wara l-avviż tat-2 ta’ Ottubru 2002 tan-nomina tal-PDĠ il-ġdid ta’ FT. Madankollu, FT naqset milli tispjega r-raġunijiet għaliex din in-nomina kienet iktar deċiżiva mid-dikjarazzjonijiet u mill-kuntatti diretti mal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu f’Lulju 2002 biex ikun evitat it-tnaqqis tal-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT għal-livell ta’ “junk bond”. L-effett fuq is-suq tal-proġett ta’ self minn azzjonist ta’ Diċembru 2002 kien ukoll inqas minn dak tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, peress li, f’Diċembru 2002, is-suq, fil-parti l-kbira, diġà kellu moħħu mistrieħ fir-rigward tar-realtà u tan-natura soda tas-sostenn tal-Istat Franċiż favur FT. Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti prodotti mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, is-self minn azzjonist b’hekk kien isir f’kundizzjonijiet anormali tas-suq u għaldaqstant kien jagħti vantaġġ lil FT.

–       Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-aġir tal-Istat Franċiż bħala investitur prudenti

198    Il-Kummissjoni tikkunsidra li wieġbet b’mod sħiħ għall-ilment ibbażat fuq l-allegat żball manifest ta’ evalwazzjoni relatat mal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti li hija ma tikkunsidrax bħala lment distint. Konsegwentement, l-eżami ta’ dan l-ilment jew huwa mingħajr għan jew ma huwiex ammissibbli fis-sens tal-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura.

199    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tielet motiv tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT huwa parzjalment mingħajr għan jew ma huwiex ammissibbli u huwa parzjalment infondat u għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ewwel motiv tal-kumpanniji Bouygues

–       Fuq l-argumenti tal-kumpanniji Bouygues

200    Il-Kummissjoni tikkontesta l-approċċ statistiku u “fotografiku” tal-kumpanniji Bouygues fir-rigward tal-operazzjoni ta’ salvataġġ ta’ FT, li għandu l-għan li jillimita l-eżami, skont l-Artikolu 87(1) KE, għad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, filwaqt li, fil-Kawża T‑425/04, ir-Repubblika Franċiża tixtieq tillimita dan l-eżami għall-miżuri nnotifikati ta’ Diċembru 2002 biss. Skont il-Kummissjoni, l-argument li dawn id-dikjarazzjonijiet jissodisfaw, jew separatament jew flimkien, l-erba’ kundizzjonijiet tal-kunċett ta’ għajnuna jaqa’ taħt interpretazzjoni ristretta, parzjali u żbaljata tad-Deċiżjoni kkontestata u ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-avvenimenti li ppreċedew is-self minn azzjonist ta’ Diċembru 2002, fil-kuntest ta’ proċess kontinwu ta’ salvataġġ, huma marbuta bejniethom b’perspettiva kemm materjali kif ukoll ekonomika.

201    Fil-fatt, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tanalizza, fir-rigward tal-kriterju tal-investitur prudenti, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 flimkien mal-proġett ta’ self minn azzjonist, billi dan il-proġett ma kienx ħlief il-konkretizzazzjoni tas-suċċessjoni ta’ avvenimenti preċedenti (premessi 187 sa 189, 191, 215 sa 230 tad-Deċiżjoni kkontestata). Dan l-approċċ huwa konformi mal-ġurisprudenza, li teżiġi li operazzjoni ta’ salvataġġ u ta’ ristrutturazzjoni kumplessa għandha tiġi kkunsidrata fl-intier tagħha, u b’mod partikolari, li jkun eżaminat sa fejn aġir attwali u separat, li jista’ jidher “prudenti” jekk jinħareġ barra mill-kuntest tiegħu, kienx neċessarju jew ġie ffaċilitat minn atti fl-imgħoddi li investitur prudenti f’ekonomija tas-suq ma kienx jagħmel (sentenza BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 152 iktar ’il fuq, punt 179). Il-Kummissjoni żżid li, skont il-kriterju tal-investitur privat, għajnuna preċedenti li taqa’ fi proċess kontinwu tista’, bħala prinċipju, tkun kemm issanzjonata minnha nfisha kif ukoll ikkunsidrata biex tikkaratterizza għajnuna sussegwenti, li, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-għajnuna preċedenti, ikollha biss l-apparenza ta’ att li seta’ jitwettaq minn investitur privat prudenti. Issa l-kumpanniji Bouygues ma kkontestawx il-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata kklassifikat is-self minn azzjonist bħala għajnuna. B’hekk, il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jikkostitwixxux jew le għajnuna ma baqgħetx iktar rilevanti, peress li, fil-mument tat-twettiq tal-imsemmija dikjarazzjonijiet f’Diċembru 2002, fil-forma ta’ proġett ta’ self minn azzjonist, ġie stabbilit, minn naħa, li l-impenn tal-Istat Franċiż kien sar irrevokabbli u, min-naħa l-oħra, li ma kienx konformi mal-kriterju tal-investitur privat.

202    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkontesta x-xebh bejn il-fatti ta’ dan il-każ ma’ dawk li taw lok għad-Deċiżjoni Crédit foncier (ara l-punt 159 iktar ’il fuq). F’din il-kawża, id-dikjarazzjonijiet tal-Ministru tal-Ekonomija ma kellhomx l-istess saħħa u l-istess grad ta’ preċiżjoni dwar impenn sod tal-Istat Franċiż daqs dawk li kienu s-suġġett tad-Deċiżjoni Crédit foncier (ara l-premessa 36 tad-Deċiżjoni Crédit foncier, minn naħa, u l-premessa 219 tad-Deċiżjoni kkontestata, min-naħa l-oħra).

203    Il-Kummissjoni żżid li la għandu jkun l-Istat li jkun innotifika l-għajnuna u lanqas ma għandhom ikunu l-partijiet interessati li jiddeterminaw il-perijodu ta’ analiżi rilevanti. Il-kunċett ta’ għajnuna huwa oġġettiv u bbażat fuq ir-realtà ekonomika. Konsegwentement, sa fejn il-Kummissjoni tinvestiga fatti preċedenti li jkunu oġġettivament rilevanti, hija għandha tintegrahom fl-analiżi tagħha. F’dan il-każ, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jagħmlu parti minn “katina itwal ta’ azzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li s-self minn azzjonist u s-sottoskrizzjoni taż-żieda tal-kapital ta’ FT huma biss l-aħħar elementi tagħha. Il-Kummissjoni b’hekk kellha raġun tikkonstata li, f’dan il-każ, l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna kienu preżenti biss minn Diċembru 2002.

204    Konsegwentement, l-ewwel motiv tal-kumpanniji Bouygues għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Fuq l-argumenti tal-intervenjenti FT

205    Fir-rigward tal-argumenti mressqa mill-intervenjenti FT, il-Kummissjoni qabelxejn tfakkar li l-intervenjenti għandhom jaċċettaw il-kawża in statu et terminis u li t-talbiet tar-rikors tagħhom bħala intervenjenti ma jistgħux, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikollhom għan ieħor għajr is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali, billi intervenjent ma għandux il-kapaċità li jqajjem motiv li ma tqajjimx mir-rikorrenti.

206    Il-Kummissjoni tistgħaġeb kif l-intervenjenti FT qed issostni t-talbiet tagħha li jiddefendu l-legalità tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata filwaqt li fil-Kawża T‑444/04, hija qed titlob, minkejja li għal raġunijiet oħrajn, l-annullament tal-imsemmi artikolu. Konsegwentement, hija qed tqajjem dubju dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet għal intervent ta’ FT, billi f’dik il-kawża l-oħra, FT takkuża lill-Kummissjoni li marret wisq ’il bogħod meta ddeċidiet, fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, li s-self minn azzjonist, imqiegħed fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. Issa, fil-Kawża T‑450/04, meta ssostni li l-Kummissjoni ma marritx suffiċjentement ’il bogħod sa fejn hija ma kklassifikatx id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna, FT tikkontradixxi l-pożizzjoni tagħha li esprimiet fil-kuntest tar-rikors tagħha fil-Kawża T‑444/04. Fil-fatt, FT ma tistax, minn naħa, fl-intervent tagħha, issostni li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata huwa validu u, min-naħa l-oħra, fir-rikors tagħha, titlob l-annullament tal-imsemmi artikolu. Skont il-Kummissjoni, din il-pożizzjoni l-ġdida espressa fl-intervent tagħha għandha loġikament twassal lil FT biex iċċedi r-rikors tagħha fil-Kawża T‑444/04.

207    Sussidjarjament, il-Kummissjoni tikkontesta li d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 kienet issir minn kull azzjonist privat b’maġġoranza u li f’dan il-punt kienet tant ġenerali u kundizzjonali li ma setgħetx tiġi interpretata bħala garanzija ta’ sostenn għal FT. Il-Kummissjoni enfasizzat li kien deċiżiv li l-Istat Franċiż jagħti l-impressjoni fir-rigward tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu u tas-swieq finanzjarji li d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 kienet tikkostitwixxi impenn vinkolanti. Din id-dikjarazzjoni, akkumpanjata minn kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet Franċiżi u l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu, jidher ċar li kienet intiża biex isserraħ moħħ is-swieq u biex tevita tnaqqis fil-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu tal-bonds ta’ FT għal-livell ta’ “junk bonds”, li kien ikkonfermat miż-żieda fil-prezz tal-azzjonijiet u tal-bonds ta’ FT wara l-imsemmija dikjarazzjoni. Fil-fatt, dan l-impenn ma kienx suġġett għar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat (premessa 229 tad-Deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiċħad l-argument li d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 ma tat l-ebda vantaġġ lil FT. Il-vantaġġ li rriżulta minn din id-dikjarazzjoni kien jikkonsisti fiż-żamma sa Diċembru 2002 tal-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT fuq livell ta’ investiment sigur minflok tnaqqis fil-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu tagħha għal-livell ta’ “junk bond” (premessi 219 et seq tal-imsemmija deċiżjoni).

 Fuq it-tieni motiv tal-kumpanniji Bouygues

208    Il-Kummissjoni tikkunsidra li mmotivat suffiċjentement il-pożizzjoni tagħha, jiġifieri li hija ma setgħetx tikkonkludi li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu jikkostitwixxu, minnhom infsuhom, għajnuna mill-Istat (ara, b’mod partikolari, il-premessi 188, 189, 215 u 217 sa 230 tad-Deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata la hija kontradittorja u lanqas ma hija insuffiċjenti, u l-kumpanniji Bouygues qed iħawdu l-istħarriġ tal-obbligu ta’ motivazzjoni ma’ dak tal-iżball manifest.

 Fuq l-argumenti addizzjonali mressqa mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali

209    Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni essenzjalment tirreferi għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-premessi 188 u 214 sa 216 tad-Deċiżjoni kkontestata kif ukoll għall-istudji ġuridiċi u ekonomiċi li hija rċeviet jew ħadet ħsieb li jiġu stabbiliti u analizzati matul il-proċedura amministrattiva, li l-maġġoranza tagħhom kienu kkonkludew li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kellhom natura vinkolanti. Il-Kummissjoni għalhekk waslet għall-konklużjoni li hija ma setgħetx tistabbilixxi “b’mod inkontestabbli l-preżenza ta’ għajnuna” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fuq il-bażi biss ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, meta tiġi kkunsidrata d-diffikultà li jiġi stabbilit, b’mod probatorju, li dawn kienu tali li jimpenjaw, għall-inqas potenzjalment, riżorsi tal-Istat. Fil-fatt, l-istudji tal-esperti jinkludu interpretazzjonijiet ferm diverġenti ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fuq il-bażi tad-dritt ċivili, tad-dritt kummerċjali u tad-dritt amministrattiv Franċiż kif ukoll kunċetti ġuridiċi kumplessi u kontroversjali tal-ġurisprudenza u tad-duttrina Franċiżi. Ir-riżultat ta’ din l-analiżi ġie deskritt fil-qosor fil-premessi 216 sa 218 tad-Deċiżjoni kkontestata.

210    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tiċħadx li ċerti elementi tad-dritt nazzjonali jistgħu jsostnu validament l-argument li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jinvolvu impenn unilaterali tal-Istat Franċiż, argument li b’hekk ma huwiex manifestament infondat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka żewġ sentenzi tal-Cour de Cassation (Qorti tal-Kassazzjoni) Franċiża. Madankollu, speċjalment fid-dawl taċ-ċirkulari tat-22 ta’ Lulju 2003 (ara l-punt 167 iktar ’il fuq), li tfakkar li Liġi Finanzjarja vvotata mill-Assemblée nationale (Assemblea Nazzjonali) biss tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà finanzjarja tal-Istat Franċiż, dawn is-sentenzi ma jistgħux jiġu direttament trasposti għad-dritt amministrattiv Franċiż. Barra minn hekk, il-kritika li għamlet FT waqt il-proċedura amministrattiva fir-rigward tar-rapport tat-22 ta’ Marzu 2004 turi n-nuqqas ta’ ħtija tal-Istat Franċiż fid-dawl tad-dritt amministrattiv Franċiż. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, anki jekk, fir-rapport tat-22 ta’ Marzu 2004 kien konkluż li l-impenn ta’ garanzija tal-Istat Franċiż, bħala obbligu li jintlaħaq riżultat, imur lura għad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, f’dan l-istess rapport kien rikonoxxut li kien diffiċli li jiġi kkunsidrat li l-Istat Franċiż kellu l-intenzjoni li jintrabat, minn dan il-mument, fir-rigward tas-sehem tiegħu fiż-żieda tal-kapital ta’ FT, impenn li sar, fil-fehma tagħha, fit-13 ta’ Settembru 2002 (punt 62 tar-rapport tat-22 ta’ Marzu 2004).

211    Il-Kummissjoni tfakkar l-approċċ tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti u l-analiżi tagħha tal-perċezzjoni mis-swieq finanzjarji tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, li jaqgħu fi strateġija ta’ impenn u ta’ salvataġġ ta’ FT. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija kienet tippreferi li ma tadottax interpretazzjoni partikolarment rigoruża u restrittiva għall-Istat Franċiż u għal FT fuq punt ta’ liġi nazzjonali ferm kontroversjali. Issa, għalkemm hija ma kellhiex ċertezza suffiċjenti dwar il-portata tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 fir-rigward tad-dritt nazzjonali biex tikkonkludi li dawn kienu jinvolvu impenn vinkolanti tar-riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni setgħet tasal għall-konklużjoni li l-għoti tas-self minn azzjonist kien jinvolvi tali impenn (premessa 219 tad-Deċiżjoni kkontestata). Minn dan, il-Kummissjoni tiddeduċi li, minħabba r-rabta materjali u ekonomika bejn id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u s-self minn azzjonist, hija kellha raġun li tevalwahom kollha. Meta jittieħed inkunsiderazzjoni t-twettiq ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet f’Diċembru 2002, fil-forma ta’ self minn azzjonist, l-unika miżura nnotifikata mir-Repubblika Franċiża, kien ġie stabbilit, minn naħa, li l-impenn kien sar irrevokabbli u, min-naħa l-oħra, li ma kienx konformi mal-kriterju tal-investitur privat. Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kinux jikkostitwixxu jew le għajnuna mill-Istat ma baqgħetx iktar rilevanti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)     Fuq il-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE

212    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni, f’dan il-każ, kisritx il-kunċett ta’ għajnuna, għandu jitfakkar qabelxejn li, skont l-Artikolu 87(1) KE, “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni”.

213    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat, kif ġie rrikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, li l-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju, billi dan jinkludi mhux biss provvisti pożittivi, bħas-sussidji stess, iżda wkoll interventi tal-Istat li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jaffettwaw il-finanzi ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, C‑328/99 u C‑399/00, Ġabra p. I‑4035, punt 35; u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C‑393/04 u C‑41/05, Ġabra p. I‑5293, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

214    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li jiġu kkunsidrati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, id-distinzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bejn l-“għajnuna […] mogħtija minn Stat Membru” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha awtorizzati mill-Istat jikkostitwixxu għajnuna, irrispettivament minn jekk ikunux jew le ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat, iżda hija intiża sabiex tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi li jingħataw direttament mill-Istat kif ukoll dawk li jingħataw permezz ta’ entità pubblika jew privata, maħtura jew stabbilita minn dan l-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 58; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il-Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punt 179; u tat-12 ta’ Diċembru 2006, Asociación de Estaciones de Servicio de Madrid u Federación Catalana de Estaciones de Servicio vs Il-Kummissjoni, T‑95/03, Ġabra p. II‑4739, punt 104).

215    Għaldaqstant, biex miżura tkun ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, din għandha b’mod partikolari, minn naħa, tkun tinvolvi vantaġġ li jista’ jieħu forom differenti (“ta’ kwalunkwe forma”), u, min-naħa l-oħra, dan il-vantaġġ għandu jirriżulta, b’mod dirett jew indirett, minn riżorsi pubbliċi (mogħtija “minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat”).

216    Il-ġurisprudenza ippreċiżat ukoll il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ impriżi pubbliċi u privati fis-sens li l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fil-kapital ta’ impriża, jiġifieri kontribuzzjoni finanzjarja li tkun ġejja minn riżorsi pubbliċi, madankollu ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, meta dan l-intervent isir f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq. F’dan ir-rigward, għandu jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ daqs li jista’ jiġi pparagunat ma’ dak ta’ korpi li jirregolaw is-settur pubbliku kienx jasal li jagħti kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-istess ammont, fid-dawl b’mod partikolari tal-informazzjoni disponibbli u tal-evoluzzjonijiet prevedibbli meta saru l-imsemmija kontribuzzjonijiet (sentenza L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, punt 213 iktar ’il fuq, punti 37 u 38). Barra minn hekk, għalkemm l-aġir tal-investitur privat, li miegħu għandu jitqabbel l-intervent tal-investitur pubbliku li jsegwi għanijiet ta’ politika ekonomika, ma huwiex neċessarjament dak tal-investitur ordinarju li jinvesti kapital sabiex jagħmel profitt minnu f’bejn wieħed u ieħor żmien qasir, dan għandu jkun, għall-inqas, dak ta’ holding privata jew ta’ grupp privat ta’ impriżi li jsegwu politika strutturali, globali jew settorjali u jkun iggwidat minn perspettivi ta’ profitt fi żmien itwal (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal]-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑42/93, Ġabra p. I‑4175, punt 14; u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2008, Componenta vs Il-Kummissjoni, T‑455/05, Ġabra p. II-336, punt 86).

217    Kif ammettaw il-partijiet waqt is-seduta, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat tippreżumi bilfors li l-miżuri meħuda mill-Istat favur impriża jagħtu vantaġġ li jirriżulta mir-riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, punti 180 u 181).

218    Fir-rigward tal-portata tal-istħarriġ ġuridiku li għandu jsir, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna huwa kunċett oġġettiv u li, konsegwentement, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, li skont it-Trattat, għandha ssir kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-qorti, ma tistax, bħala prinċipju, ħlief f’ċirkustanzi partikolari dovuti prinċipalment għan-natura kumplessa tal-intervent tal-Istat inkwistjoni, tiġġustifika r-rikonoxximent ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni. Fil-fatt, huwa biss fl-implementazzjoni tal-Artikolu 87(3) KE, li jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-kompatibbiltà eventwali ta’ ċerti miżuri tal-Istat mas-suq komuni, ta’ evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika, soċjali, reġjonali u settorjali, li din tabilħaqq tingħatalha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T‑67/94, Ġabra p. II‑1, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata).

219    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, kif iddefinit fit-Trattat, jippreżenta natura ġuridika u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti għandha, bħala prinċipju u b’kunsiderazzjoni kemm għall-elementi konkreti tal-kawża li titressaq quddiemha kif ukoll għan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita kontroll sħiħ f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C‑83/98 P, Ġabra p. I‑3271, punt 25; tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 141; u tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra p. I-10505, punt 111).

220    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni applikatx korrettament il-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

221    Għal dan il-għan, fir-rigward tal-ilmenti mressqa mir-rikorrenti fil-Kawżi T‑425/04, T‑444/04 u T‑450/04, ibbażati parzjalment fuq żbalji ta’ liġi u parzjalment fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-proġett ta’ self minn azzjonist ta’ Diċembru 2002, meqjusa separatament jew flimkien, tawx vantaġġ wieħed jew iktar lil FT. Jekk iva, imbagħad, għandu jiġi evalwat jekk dawn il-vantaġġi eventwali favur FT jirriżultawx minn trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Jekk iva, imbagħad għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-vantaġġi eventwali humiex ġejjin minn riżorsi tal-Istat li ngħataw fl-osservanza tal-kriterju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq.

b)     Fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u mill-proġett ta’ self minn azzjonist

 Osservazzjonijiet preliminari

222    Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat jekk u sa fejn fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat vantaġġ wieħed jew iktar marbut mad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002. Għal dan il-għan, meta tiġi kkunsidrata r-rabta mill-qrib bejn il-kriterju tal-vantaġġ u dak tat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat, huwa neċessarju li jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet kollha li ġew esposti dwar dan is-suġġett fl-imsemmija deċiżjoni.

223    Għandu jitfakkar li, fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, is-self minn azzjonist fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni favur FT, kif imqiegħed fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet li saru qabel in-notifika tal-proġett ta’ self minn azzjonist fl-4 ta’ Diċembru 2002.

224    Insostenn ta’ din il-konklużjoni, il-Kummissjoni essenzjalment ikkonstatat li, permezz tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, li saru f’mument meta FT kienet iffaċċjata bi kriżi finanzjarja minħabba dejn sinjifikattiv li kien wasal biex jitħallas lura, l-awtoritajiet Franċiżi kien irnexxielhom jagħmlu mod li FT terġa’ tikseb il-fiduċja tas-swieq finanzjarji biex ikun jista’ jkollha aċċess għal self ġdid, li kien se jibni l-bażijiet għall-miżuri ta’ bbilanċjar mill-ġdid tal-karta tal-bilanċ u ta’ rifinanzjament ta’ FT, inkluż il-proġett ta’ self minn azzjonist, kif inbdew sussegwentement. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni essenzjalment ikkunsidrat li, evalwati kollha f’daqqa, dawn id-dikjarazzjonijiet u dawn il-miżuri, li kienu jagħmlu parti minn proċess kontinwu ta’ salvataġġ ta’ FT elaborat mill-Istat Franċiż, ma kinux konformi mal-kriterju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq, peress li azzjonist privat ma kienx jagħmel tali dikjarazzjonijiet ta’ sostenn fis-sitwazzjoni ta’ kriżi li kienet tinsab fiha FT f’Lulju 2002. Barra minn hekk, dawn id-dikjarazzjonijiet “ikkontamina[w]” is-sitwazzjoni tas-suq billi taw lok għall-proġett ta’ self minn azzjonist, fejn dan tal-aħħar ma setax ikun previst fin-nuqqas tal-effetti li l-imsemmija dikjarazzjonijiet kellhom fuq is-swieq finanzjarji (ara, b’mod partikolari, il-premessi 225 sa 230 tad-Deċiżjoni kkontestata).

225    B’mod iktar partikolari fir-rigward tal-kunċett ta’ vantaġġ li jinvolvi riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni essenzjalment ikkunsidrat li, anki jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 setgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna, sa fejn dawn ipproduċew effett fuq is-swieq u taw vantaġġ lil FT, dawn mhux bilfors kellhom natura tali li tinvolvi “mill-inqas potenzjalment ir-riżorsi tal-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 188 tad-Deċiżjoni kkontestata). Fil-premessa 189 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li ma kellhiex elementi suffiċjenti biex tipprova b’mod inkontestabbli l-preżenza ta’ għajnuna fuq il-bażi ta’ dan l-argument “ġdid”. Madankollu hija kkunsidrat li setgħet tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna filwaqt li tikkunsidra l-vantaġġ u l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat marbuta mal-proġett ta’ self minn azzjonist, evalwat fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 (premessa 190 tal-imsemmija deċiżjoni).

226    Barra minn hekk, fil-premessa 194 tad-Deċiżjoni kkontestata, ġie kkonstatat li “is-self minn azzjonist […] jagħti vantaġġ lil FT għaliex dan jippermettilha żżid il-mezzi ta’ finanzjament tagħha u sserraħ moħħ is-suq rigward il-kapaċità li tirrispetta l-iskadenzi tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minkejja l-fatt li l-kuntratt ta’ self minn azzjonist qatt ma kien iffirmat “l-apparenza mogħtija lis-suq li kien jeżisti dan is-self” [traduzzjoni mhux uffiċjali] setgħet tagħti vantaġġ lil FT, għaliex is-suq ikkunsidra li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha kienet iktar soda, u dan seta’ influwenza l-kundizzjonijiet tas-self tagħha.

227    Fir-rigward tal-kriterju ta’ impenn tar-riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 195 tad-Deċiżjoni kkontestata, minn naħa li “il-fatt li mill-impenn li ta l-Istat jirriżulta vantaġġ li jwassal għal trasferiment potenzjali, imma mhux immedjat, ta’ riżorsi ma [kienx] jeskludi li dan il-vantaġġ ingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, min-naħa l-oħra, billi rreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “Stardust” (C‑482/99, Ġabra p. I‑4397, punt 36), li “[ma kienx hemm] għalfejn jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat biex il-vantaġġ mogħti […] jista’ jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. B’hekk, skont il-Kummissjoni, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza, anki vantaġġ mogħti permezz ta’ oneru potenzjali supplimentari għall-Istat jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal]-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97, Ġabra p. I‑7907, punt 43; u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il-Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97, Ġabra p. II‑2267, punt 80).

228    Skont il-premessa 196 tad-Deċiżjoni kkontestata, l-avviż tad-disponibbiltà ta’ self minn azzjonist flimkien mat-twettiq tal-kundizzjonijiet ta’ qabel din id-disponibbiltà, l-apparenza mogħtija lis-suq li dan is-self kien tabilħaqq disponibbli u t-trażmissjoni tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist iffirmat implikaw “oneru potenzjali supplimentari għall-Istat [Franċiż]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li kien suffiċjenti biex ikun konkluż li kien hemm “impenn potenzjali tar-riżorsi tal-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont il-Kummissjoni:

“Fil-fatt, sa fejn dan id-dokument kien jikkostitwixxi offerta kuntrattwali u sakemm din ma ġietx irrevokata, FT setgħet tiffirmah fi kwalunkwe ħin, biex b’hekk ikollha d-dritt li tikseb immedjatament il-ħlas tas-somma ta’ EUR 9 biljuni. L-Istat [Franċiż] […] b’hekk kellu jżomm għad-dispożizzjoni ta’ FT […] l-ammont ta’ riżorsi korrispondenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

229    Bit-tieni u bit-tielet motivi tagħhom invokati fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04, ir-Repubblika Franċiża u FT essenzjalment sostnew li la d-dikjarazzjonijiet ta’ sostenn u lanqas il-proġett ta’ self minn azzjonist ma jissodisfaw fihom infushom il-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna, u b’mod partikolari, il-kriterju ta’ vantaġġ li ġej minn riżorsi tal-Istat, u li dawn l-elementi differenti ma jistgħux jiġu evalwati kollha f’daqqa biex tintlaħaq il-konklużjoni li l-aġir tal-Istat Franċiż ma josservax il-kriterju tal-investitur privat prudenti. Fil-fatt, l-approċċ tal-Kummissjoni huwa kontradittorju inkwantu hija rrikonoxxiet li, separatament, la l-imsemmija dikjarazzjonijiet u lanqas is-self minn azzjonist ma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Kien x’kien il-każ, id-dikjarazzjonijiet ta’ sostenn ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala impenn sod tal-Istat Franċiż li jagħti vantaġġ lil FT u li jimplika riżorsi tal-Istat.

230    Min-naħa l-oħra, bl-ewwel motiv tagħhom imqajjem fil-Kawża T‑450/04, il-kumpanniji Bouygues isostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma marritx suffiċjentement ’il bogħod fid-Deċiżjoni kkontestata billi ma kklassifikatx kull waħda mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat distinta. Fil-fatt, kull waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi tal-kunċett ta’ għajnuna, inkluż dak tal-vantaġġ li jinvolvi r-riżorsi tal-Istat.

 Fuq il-vantaġġ li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002

231    Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 213 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kunċett ta’ vantaġġ jimplika li l-intervent tal-Istat għandu jkollu bħala konsegwenza titjib fil-pożizzjoni ekonomika u/jew finanzjarja, jew saħansitra arrikkiment tal-benefiċjarju, pereżempju, billi jitnaqqsu l-ispejjeż li normalment jaffettwaw il-finanzi tiegħu.

232    Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kif ukoll l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tas-self minn azzjonist, kinux jimplikaw, fihom infushom, l-għoti ta’ tali vantaġġ lil FT.

233    F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-vantaġġ eventwali li jikkonsisti fil-faċilitazzjoni tal-aċċess ta’ FT għas-swieq finanzjarji u fit-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ rifinanzjament tagħha u, min-naħa l-oħra, l-effett pożittiv eventwali tal-imsemmija dikjarazzjonijiet fuq il-prezz tal-azzjonijiet u tal-bonds ta’ FT.

234    Fir-rigward tal-effett tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 fuq l-aċċess ta’ FT għas-swieq finanzjarji u fuq l-ispejjeż ta’ rifinanzjament tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wriet suffiċjentement, fid-Deċiżjoni kkontestata, li dawn id-dikjarazzjonijiet wasslu għal vantaġġ kunsiderevoli favur FT sa fejn dawn ippermettew li terġa tinkiseb il-fiduċja tas-swieq finanzjarji, għamlu possibbli, iktar faċli u b’inqas spejjeż l-aċċess ta’ FT għal krediti ġodda neċessarji għar-rifinanzjament tad-djun bi skadenza qasira tagħha sa EUR 15-il biljun u, fl-aħħar mill-aħħar, ikkontribwixxew biex tiġi stabilizzata s-sitwazzjoni finanzjarja ferm dgħajfa tagħha, li f’Ġunju u f’Lulju 2002, kienet se tmur ferm iktar għall-agħar.

235    F’termini iktar preċiżi, mis-sommarju tad-Deċiżjoni kkontestata, inkluż fil-punti 33 sa 50 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni ssodisfat numru ta’ fatturi li jistgħu jistabbilixxu li, wara d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 u d-dikjarazzjonijiet sussegwenti kif ukoll l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tal-proġett ta’ self minn azzjonist, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu żammew klassifikazzjoni ta’ kreditu iktar favorevoli għal FT minn dik li kienu żammew jew ipprevedew qabel fid-dawl tal-kriżi finanzjarja tagħha, b’mod partikolari, tal-importanza tal-i“spread inversion”, tal-waqgħa korrispondenti fil-prezzijiet tal-bonds tagħha u tal-waqgħa fil-prezzijiet tal-azzjonijiet tagħha, kif ġie kkonstatat, b’mod partikolari, f’Ġunju u f’Lulju 2002 (ara l-punt 34 iktar ’il fuq).

236    Fil-fatt, mill-kummenti konkordanti tal-ex PDĠ ta’ FT u tal-PDĠ il-ġdid ta’ FT, tal-aġenziji ta’ kreditu kif ukoll tad-Deutsche Bank jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ kreditu miżmuma jew prevista qabel mill-imsemmija aġenziji kellha l-effett, f’dak iż-żmien, li tagħlaq l-aċċess ta’ FT għas-swieq tal-kapital, biex b’hekk tostakolaha fir-rifinanzjament tad-dejn bi skadenza qasira tagħha, u li dan l-għeluq tal-aċċess seta’ jiġi evitat biss biż-żamma ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu iktar favorevoli li, min-naħa tagħha, kienet possibbli minħabba d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 (ara l-punti 37 sa 43 u 47 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 45 sa 48 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni stabbiliet b’mod suffiċjenti wkoll li d-dikjarazzjonijiet ta’ Settembru, ta’ Ottubru u ta’ Diċembru 2002 kellhom, huma wkoll, effett pożittiv fuq id-deċiżjonijiet tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu li jżommu l-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT u ffavorew il-fiduċja tas-swieq finanzjarji biex FT setgħet terġa’ tieħu l-kontroll tal-ġestjoni tad-djun tagħha li kellhom jitħallsu f’terminu qasir u tirrifinanzja lilha nfisha f’kundizzjonijiet xierqa.

237    Mingħajr ma hemm għalfejn jiġi ppreċiżat, b’mod iktar dettaljat, l-effett li dawn id-dikjarazzjonijiet kellhom waħda waħda u b’mod separat fuq is-swieq finanzjarji, għandu jiġi konkluż li, kien x’kien il-każ, kollha flimkien, l-imsemmija dikjarazzjonijiet influwenzaw, b’mod deċiżiv, ir-reazzjoni tal-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu u li din ir-reazzjoni sussegwentement kienet determinati għar-rivalorizzazzjoni tal-immaġni ta’ FT f’għajnejn l-investituri u l-kredituri kif ukoll għall-aġir tal-atturi tas-swieq finanzjarji li kellhom sehem sussegwentement fir-rifinanzjament ta’ FT. Ir-rabta kawżali bejn dawn l-elementi differenti tintwera, b’mod partikolari, mill-fatt li, f’Settembru 2002, il-grupp ta’ banek assoċjati mal-implementazzjoni tal-pjan Ambition 2005 issuġġettaw is-sehem tagħhom fir-rikapitalizzazzjoni ta’ FT għall-kundizzjoni li din iżżomm il-klassifikazzjoni ta’ kreditu attwali li ngħatat minn Moody’s u minn S & P (ara l-punt 44 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, b’reazzjoni għall-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tal-proġett ta’ self minn azzjonist, S & P ikkonfermat, fis-17 ta’ Diċembru, li, minn naħa, is-sostenn tal-awtoritajiet Franċiżi fil-konfront ta’ FT, kif ġie affermat kostantement minn Lulju 2002, kien fattur prinċipali biex tinżamm il-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT fuq il-livell ta’ investiment sigur u li, min-naħa l-oħra, l-avviż tagħha tal-imsemmi proġett ta’ self minn azzjonist kien il-prova ta’ dan is-sostenn u ta’ protezzjoni sinjifikattiva tal-kredituri ta’ FT (ara l-premessa 58 u noti f’qiegħ il-paġna Nri 52 u 53 tad-Deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, fid-dawl tal-kummenti ċċitati iktar ’il fuq ta’ S & P, il-Kummissjoni kellha wkoll raġun tikkonkludi li l-effetti vantaġġużi li rriżultaw mid-dikjarazzjonijiet ta’ sostenn irrepetuti minn Lulju 2002 baqgħu għaddejjin sa Diċembru 2002 (ara wkoll l-osservazzjonijiet ta’ Moody’s fi Frar 2003, iċċitati fil- punt 48 iktar ’il fuq, kif ukoll ir-rapport tad-Deutsche Bank, iċċitat fil-punt 37 iktar ’il fuq).

238    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-prinċipji li jirregolaw l-għoti ta’ self u r-rifinanzjament fis-swieq tal-kapital, kif imfakkra fil-premessi 28 et seq tad-Deċiżjoni kkontestata, il-livell ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ impriża, u b’hekk, tar-riskju ta’ falliment assoċjat mas-self li jingħatalha, huwa determinanti biex titkejjel l-ispiża tar-rifinanzjament li din l-impriża għandha ssostni, b’mod partikolari, f’termini ta’ interessi li għandhom jitħallsu għall-ħruġ ta’ bonds ġodda. Minn dan jirriżulta li inqas ma dan ir-riskju ta’ falliment ikun sinjifikattiv, inqas ikun diffiċli u għoli r-rifinanzjament tas-self inkwistjoni fis-swieq tal-kapital. Fi kliem ieħor, kull influwenza pożittiva fuq il-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ impriża, anki jekk tkun sempliċement bis-saħħa tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi li jistgħu joħolqu jew isaħħu l-fiduċja tal-investituri, tipproduċi effett immedjat fuq il-livell tal-ispejjeż li din għandha ssostni sabiex tirrifinanzja lilha nfisha fis-swieq tal-kapital. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet għal dokument li ħarġet FT, li r-rilevanza tiegħu ma ġietx ikkontestata mir-Repubblika Franċiża u minn FT, u li jirreferi għall-ipoteżi ta’ żieda awtomatika fil-ħlasijiet tal-interessi annwali b’madwar EUR 75 miljun f’każ ta’ tnaqqis fil-grad ta’ klassifikazzjoni tad-dejn għal terminu twil ta’ FT minn S & P u minn Moody’s (ara l-premessa 222 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 148 tad-Deċiżjoni kkontestata).

239    Sussidjarament, għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni wriet ukoll li din ir-rabta kawżali bejn id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, iż-żamma tal-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT u l-faċilitazzjoni tal-aċċess tagħha għal self ġdid, inkluż it-tnaqqis tal-ispejjeż tar-rifinanzjament tagħha, kienet mhux biss prevedibbli għall-awtoritajiet Franċiżi, imma anki ppjanifikata minnhom. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 38 u 212 tad-Deċiżjoni kkontestata, dakinhar stess tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, l-awtoritajiet Franċiżi kkuntattjaw lill-aġenziji ta’ kreditu, bħal S & P (ara l-punti 35 u 37 iktar ’il fuq), biex jinformawhom bl-intenzjonijiet tagħhom sabiex jagħtu fiduċja malajr lis-suq u jipprevjenu kull tnaqqis sussegwenti fil-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT għal-livell ta’ “junk bond”. Dan il-punt ma ġiex ikkontestat mir-Repubblika Franċiża u minn FT; kulma għamlu kien li jsostnu li dan l-approċċ huwa konformi mal-kriterju tal-investitur privat prudenti.

240    Konsegwentement, l-effett pożittiv u stabilizzanti fuq il-klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT, li rriżulta direttament mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u mir-rieda tal-awtoritajiet Franċiżi, bilfors kellu l-konsegwenza li jagħti vantaġġ finanzjarju lil FT u jsaħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tagħha. Din il-konstatazzjoni minnha nfisha tagħti lok li l-Kummissjoni tikkonkludi li FT ngħatat vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, mingħajr ma hemm għalfejn li dan il-vantaġġ jiġi kkwantifikat.

241    Konsegwentemt, l-argumenti tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT, li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma pproduċewx effett fuq is-swieq u ma tawx vantaġġ lil FT, għandhom jiġu miċħuda.

242    F’dawn il-kundizzjonijiet, ma hemmx għalfejn tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kinux jinvolvu wkoll vantaġġ favur FT billi influwenzaw, b’mod pożittiv, il-prezz tal-azzjonijiet u tal-bonds tagħha.

 Fuq il-vantaġġ li jirriżulta mill-proġett ta’ self minn azzjonist

243    Għandu jiġi eżaminat jekk is-self minn azzjonist, fih innifsu, li m’avvanzax iktar mill-istadju ta’ abbozz ta’ kuntratt mhux iffirmat minn FT u li qatt ma ġie eżegwit, ipproduċiex vantaġġ supplimentari u distint għall-benefiċċju ta’ FT meta pparagunat mal-vantaġġ deskritt fil-punti 235 sa 237 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie spjegat fil-punti msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni stabbiliet, b’mod suffiċjenti, li, evalwat flimkien mad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, l-avviż pubbliku mill-awtoritajiet Franċiżi tal-proġett ta’ self minn azzjonist, fl-4 ta’ Diċembru 2002, kien jinvolvi vantaġġ favur FT għaliex wassal għal reazzjoni pożittiva tal-atturi tas-swieq finanzjarji u, għaldaqstant, b’mod partikolari tejjeb il-kundizzjonijiet li kienu jippermettu r-rifinanzjament tagħha.

244    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, b’relazzjoni għal dan il-vantaġġ tal-aħħar, il-proġett ta’ self minn azzjonist kienx jinvolvi vantaġġ supplimentari u distint, għandu jsir riferiment, b’mod partikolari, għall-premessa 194 tad-Deċiżjoni kkontestata fejn jingħad li, anki jekk il-kuntratt ta’ self minn azzjonist qatt ma ġie ffirmat mill-FT u għalhekk lanqas ma ġie eżegwit, dan tal-aħħar kien jagħti vantaġġ lil FT, għaliex ippermettilha żżid il-mezzi finanzjarji tagħha, isserraħ moħħ is-suq dwar il-kapaċità tagħha li tlaħħaq mal-iskadenzi tagħha u b’hekk tinfluwenza l-kundizzjonijiet ta’ self ta’ FT. Fil-fatt, hija “l-apparenza mogħtija lis-suq li kien jeżisti dan is-self [li] setgħet tagħti vantaġġ lil FT, għaliex is-suq ikkunsidra li s-sitwazzjoni finanzjarja [tagħha] kienet iktar soda” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

245    Madankollu, sa fejn il-Kummissjoni xxebbah il-vantaġġ deskritt b’dan il-mod ma’ effett li jserraħ moħħ is-suq u mal-apparenza għal terzi tad-disponibbiltà tas-self minn azzjonist lil FT, jidher ċar li dan il-vantaġġ qed jiġi konfuż ma’ dak li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, u b’mod partikolari, ma’ dak assoċjat mal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tal-proġett ta’ self minn azzjonist, li diġà kellu tali effett fuq is-swieq finanzjarji u wassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tas-self għal FT (ara l-punti 235 sa 237 iktar ’il fuq).

246    Fil-fatt, jidher li huwa eskluż li l-proġett ta’ self minn azzjonist li kien is-suġġett tal-kuntratt iffirmat, inizjalat u mibgħut minn ERAP lil FT seta’ jkollu, l-istess bħall-avviż tiegħu tal-4 ta’ Diċembru 2002, effett identiku jew, għall-inqas, simili fuq is-swieq. Kif sostniet ir-Repubblika Franċiża stess waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li tagħha ttieħdet nota fil-proċess verbali tas-seduta, it-trażmissjoni tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist li saret minn ERAP lil FT fl-20 ta’ Diċembru 2002, ma saritx pubblika separament u barra l-avviż, fl-4 ta’ Diċembru 2002, tal-proġett ta’ self minn azzjonist. Issa, fin-nuqqas ta’ tali pubbliċità, li FT ikkonfermat waqt is-seduta, ma kienx hemm l-“apparenza” għal terzi li kien disponibbli self minn azzjonist, fis-sens tal-premessa 194 tad-Deċiżjoni kkontestata, li seta’ jiġi attribwit speċifikatament lit-trażmissjoni tal-imsemmi kuntratt ta’ self minn azzjonist. Ir-reazzjoni ta’ Moody’s, li ssemmiet fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 112 tad-Deċiżjoni kkontestata, ma tistax tqiegħed inkwistjoni din l-evalwazzjoni, billi din ir-reazzjoni kienet diġà seħħet fid-9 ta’ Diċembru 2002, jiġifieri probabbilment bi tweġiba għall-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u, kien x’kien il-każ, qabel ma ERAP bagħtet il-kuntratt ta’ self minn azzjonist lil FT fl-20 ta’ Diċembru 2002. L-istess jista’ jingħad għar-reazzjoni ta’ S & P, imsemmija fil-premessa 58 u fin-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 52 u 53 tad-Deċiżjoni kkontestata, li seħħet fis-17 ta’ Diċembru 2002.

247    Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni madankollu affermat waqt is-seduta li dejjem ikkunsidrat li l-proġett ta’ self minn azzjonist bħala tali u d-disponibbiltà tiegħu kienu jimplikaw vantaġġ supplimentari u distint favur FT (ara wkoll il-punt 196 iktar ’il fuq), peress li din tal-aħħar kisbet, wara t-trażmizzjoni tal-kuntratt iffirmat tal-20 ta’ Diċembru 2002, il-fakultà unilaterali u inkundizzjonali li tattiva s-self minn azzjonist billi tiffirma l-imsemmi kuntratt. Mil-lat ekonomiku, din il-fakultà li tkun disponibbli faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni, li tiddependi biss mir-rieda tal-benefiċjarju, tikkostitwixxi vantaġġ distint minn dak li jirriżulta mill-avviż tal-proġett ta’ self minn azzjonist tal-4 ta’ Diċembru 2002. FT ikkontestat din l-evalwazzjoni waqt is-seduta billi rreferiet għall-premessi 188 u 190 tad-Deċiżjoni kkontestata.

248    Għaldaqstant, qabelxejn, għandu jiġi vverifikat jekk l-argument tal-Kummissjoni jsibx sostenn suffiċjenti fid-Deċiżjoni kkontestata.

249    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 194 tad-Deċiżjoni kkontestata tindika l-fatt li s-self minn azzjonist jagħti vantaġġ lil FT, “għaliex dan jippermettilha żżid il-mezzi ta’ finanzjament tagħha ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minkejja li din il-konstatazzjoni tal-aħħar hija pjuttost vaga, qasira u direttament marbuta mad-deskrizzjoni tal-vantaġġ stabbilita fil-punt 245 iktar ’il fuq, jibqa’ l-fatt li t-tieni u t-tielet sentenzi tal-premessa 196 tal-imsemmija deċiżjoni, li jirreferu tabilħaqq għall-kriterju tat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat, jippreċiżaw ukoll li, sa fejn il-kuntratt ta’ self minn azzjonist “ jikkostitwixxi offerta kuntrattwali u sakemm din ma ġietx revokata, FT setgħet tiffirmah fi kwalunkwe ħin, biex b’hekk ikollha d-dritt li tikseb immedjatament il-ħlas tas-somma ta’ EUR 9 biljuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, li l-Istat Franċiż, “b’hekk kellu jżomm għad-dispożizzjoni ta’ FT, permezz ta’ ERAP, l-ammont ta’ riżorsi korrispondenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-aħħar nett, fil-premessa 197 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li kellu jiġi eżaminat jekk “il-vantaġġ mogħti b’dan il-mod lil FT” [traduzzjoni mhux uffiċjali] kienx josserva l-prinċipju tal-investitur privat prudenti u jekk kienx jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

250    Minn dan jirriżulta li, anki jekk id-Deċiżjoni kkontestata hija ambigwa fir-rigward tad-distinzjoni bejn l-elementi differenti li jikkostitwixxu l-vantaġġ jew il-vantaġġi inkwistjoni, madankollu hija tesprimi, bil-livell minimu ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġ, li l-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-fatt li l-kuntratt ta’ self minn azzjonist kien inbagħat lil FT jinvolvi vantaġġ supplimentari u distint b’relazzjoni għal dak deskritt fil-punti 235 sa 237 iktar ’il fuq.

251    Sussegwentement, għandu jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni stabbilietx kif titlob il-liġi li l-possibbiltà waħidha li FT setgħet tirrikorri, b’mod unilaterali u inkundizzjonali, għall-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni li kienu s-suġġett tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist, kienet tikkostitwixxi vantaġġ għall-benefiċċju tagħha, anki jekk FT qatt ma ffirmat il-proġett ta’ self minn azzjonist u wisq inqas eżegwietu.

252    F’dan ir-rigward, FT, li tikkontesta l-eżistenza ta’ tali vantaġġ, irrepetiet waqt is-seduta li hija kienet irrifjutat li tiffirma l-kuntratt ta’ self minn azzjonist minħabba li dan kien jipprevedi kundizzjonijiet wisq iebsin u li, kien x’kien il-każ, hija kienet tippreferi tirrifinanzja d-djun tagħha fis-suq tal-bonds.

253    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni hija obbligata tistabbilixxi fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi li l-kundizzjonijiet kumulattivi kollha tal-kunċett ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, inkluża l-eżistenza ta’ vantaġġ, huma sodisfatti (sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq, punt 111) filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti ekonomiċi tal-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chronopost vs UFEX et, punt 219 iktar ’il fuq, punt 123; u s-sentenza Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, punt 180).

254    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra l-klassifikazzjoni, ikkunsidrata fil-premessa 196 tad-Deċiżjoni kkontestata, tat-trażmissjoni ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist bħala “offerta kuntrattwali” li FT setgħet taċċetta “fi kwalunkwe ħin” biex “b’hekk ikollha d-dritt li tikseb immedjatament il-ħlas tas-somma ta’ EUR 9 biljuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova, la ddeterminat u lanqas uriet titjib eventwali fil-pożizzjoni ekonomika ta’ FT li jista’ jirriżulta minn din l-offerta b’relazzjoni għas-sitwazzjoni li kienet tinsab fiha, b’mod partikolari, wara l-possibbiltà li ngħatat li tirrifinanzja d-djun tagħha stess sa ammont ta’ EUR 9 biljuni fil-kundizzjonijiet, li kienu jipprevalu, f’dak iż-żmien, fis-suq tal-bonds.

255    Issa, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi, fuq il-bażi biss ta’ offerta unilaterali tal-Istat li jagħti faċilità ta’ kreditu ta’ ċertu ammont, li din l-offerta timplika effetti ekonomiċi vantaġġużi għall-benefiċjarju mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, u b’mod partikolari, dawk marbuta mal-għoti u mar-rimbors tal-imsemmi kreditu, u dan inqas u inqas meta l-benefiċjarju ma aċċettax din l-offerta, imma kulma għamel kien li rrifinanzja lilu nnifsu skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Li kieku s-sitwazzjoni kienet differenti, anki kuntratt ta’ kreditu li jinkludi kundizzjonijiet oġġettivament żvantaġġużi, bħal rati ta’ interess ogħla u termini ta’ rimbors iktar iebsin minn dawk offerti mis-suq, għandu jiġi kklassifikat bħala vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u dan għall-unika raġuni li kreditur pubbliku ddikjara li kien lest li jqiegħed ċertu somma għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju.

256    Fil-fatt, tali approċċ ma jissodisfax l-obbligu tal-Kummissjoni li tistabbilixxi, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi suffiċjentement sostanzjati u kompluti, l-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 219 iktar ’il fuq, punt 111; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il-Kummissjoni, punt 214 iktar ’il fuq, punt 180; u tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il-Kummissjoni, T‑442/03, Ġabra p. II‑1161, punt 126). Minn naħa, tali approċċ ma jippremettix li tali offerta ta’ kreditu tiġi evalwata fl-intier tagħha u fil-kuntest ekonomiku tagħha, u, min-naħa l-oħra, la jieħu inkunsiderazzjoni l-effetti ekonomiċi reali u eventwalment żvantaġġużi li din tista’ tinkludi għall-benefiċjarju u lanqas ir-rieda tiegħu li ma jaċċettahiex.

257    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ offerta kuntrattwali ffirmata minn ERAP biex tikkonkludi li din kienet timplika vantaġġ supplimentari u distint għall-benefiċċju ta’ FT fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

258    Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni ma stabbilietx kif titlob il-liġi vantaġġ supplimentari u distint li jirriżulta mill-proġett ta’ self minn azzjonist ma huwiex fih innifsu biżżejjed biex iwassal għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali Graphischer Maschinenbau vs Il‑Kummissjoni, punt 159 iktar ’il fuq, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata; u tad-19 ta’ Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il-Kummissjoni, T‑318/00, Ġabra p. II‑4179, punt 191, u l-ġurisprudenza ċċitata).

259    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tal-proġett ta’ self minn azzjonist, flimkien, kienu jinvolvu l-għoti ta’ vantaġġ lil FT fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, mingħajr ma kien hemm għalfejn li dan il-vantaġġ jiġi kkwantifikat.

260    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT, jiġifieri li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li kien hemm vantaġġ li jirriżulta biss mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 minħabba li, minn naħa, dan il-vantaġġ ma jistax jiġi identifikat fid-dawl tal-effetti pożittivi ta’ avvenimenti oħrajn u ta’ miżuri li ħadet FT stess matul it-tieni nofs tal-2002 u li, min-naħa l-oħra, ir-rapport tat-28 ta’ April 2004 ma eżaminax u ma ddeterminax in-natura u l-valur preċiżi tal-vantaġġ li jirriżulta minn dawn id-dikjarazzjoni kollha, għandu jiġi miċħud.

261    Issa għandu jiġi eżaminat jekk u sa fejn il-vantaġġ identifikat iktar ’il fuq huwa marbut ma’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

 ċ) Fuq l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat

 Osservazzjonijiet preliminari

262    Mill-kunsiderazzjonjiet esposti fil-punti 214 u 215 iktar ’il fuq jirriżulta li l-vantaġġ identifikat fil-punti 234 sa 259 iktar ’il fuq għandu jirriżulta minn trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Dan ir-rekwiżit ta’ rabta bejn il-vantaġġ identifikat u l-impenn tar-riżorsi tal-Istat jippreżumi, bħala prinċipju, li l-imsemmi vantaġġ ikun marbut mill-qrib mal-ispejjeż korrispondenti li jaffettwaw il-finanzi tal-Istat jew mal-ħolqien, fuq il-bażi ta’ obbligi ġuridikament vinkolanti meħuda mill-Istat, ta’ riskju ekonomiku suffiċjentement konkret għal dawn il-finanzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C‑72/91 u C‑73/91, Ġabra p. I‑887, punt 21; tad-19 ta’ Settembru 2000, Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 27; u PreussenElektra, punt 214 iktar ’il fuq, punt 58; kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs ippreżentati fis-26 ta’ Ottubru 2000 fil-Kawża PreussenElektra, punt 214 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑2103, punti 115 sa 117).

263    Għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, il-partijiet ma humiex jaqblu dwar jekk, b’mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 – li dwarhom il-Kummissjoni stabbiliet korrettament li huma jagħtu vantaġġ favur FT – jinvolvux trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Filwaqt li r-Repubblika Franċiża u FT jikkontestaw l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, il-kumpanniji Bouygues isostnu li kull waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet tinvolvi impenn ta’ tali riżorsi, jew fuq il-bażi ta’ obbligu ġuridikament vinkolanti tal-Istat Franċiż, jew minħabba riskju ekonomiku suffiċjentement konkret u immedjat għalih, li jesponuh għal responsabbiltà pekunjarja, f’liema forma tkun, għad-djun ta’ FT fir-rigward tal-kumpanniji Bouygues kif ukoll tal-azzjonisti u tal-kredituri tagħha.

264    Qabelxejn, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-premessa li trasferiment potenzjali ta’ riżorsi tal-Istat huwa suffiċjenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Dwar dan is-suġġett, hija tesprimi ruħha, fil-premessi 195 sa 197 tal-imsemmija deċiżjoni, kif ġej:

“(195) Fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mar-riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni tenfasizza li l-fatt li mill-impenn li ta l-Istat jirriżulta vantaġġ li jwassal għal trasferiment potenzjali, imma mhux immedjat, ta’ riżorsi ma jeskludix li dan il-vantaġġ ingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat. ‘F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat […] li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hemmx għalfejn jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat biex il-vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar jista’ jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE’ [traduzzjoni mhux uffiċjali] [nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 113: Sentenza ‘Stardust’, punt 36; ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punt 14; u tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑6/97, Ġabra p. I‑2981, punt 16]. B’hekk, anki vantaġġ mogħti permezz ta’ oneru potenzjali supplimentari għall-Istat jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat meta jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri [nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 114: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal]-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97, Ġabra p. I‑7907, punt 43; u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il-Kummissjoni, T‑204/97 u T‑270/97, Ġabra p. II‑2267, punt 80].

(196) [I]l-Kummissjoni tosserva li bl-avviż tad-disponibbiltà tas-self minn azzjonist flimkien mat-twettiq tal-kundizzjonijiet ta’ qabel din id-disponibbiltà […], bl-apparenza mogħtija lis-suq li dan is-self kien tabilħaqq disponibbli […] u fl-aħħar nett meta ERAP bagħtet il-kuntratt tas-self inizjalat u ffirmat lil FT inħoloq oneru potenzjali supplimentari fuq ir-riżorsi tal-Istat […]. Huwa minnu li dan il-kuntratt qatt ma ġie ffirmat minn FT; dan ma jfissirx li madankollu ma kienx hemm impenn potenzjali tar-riżorsi tal-Istat. Fil-fatt, sa fejn dan id-dokument kien jikkostitwixxi offerta kuntrattwali u sakemm din ma ġietx irrevokata, FT setgħet tiffirmah fi kwalunkwe ħin, biex b’hekk ikollha d-dritt li tikseb immedjatament il-ħlas tas-somma ta’ EUR 9 biljuni. L-Istat [Franċiż] billi ma setax jinjora dan, b’hekk kellu jżomm għad-dispożizzjoni ta’ FT, permezz ta’ ERAP, l-ammont ta’ riżorsi korrispondenti.

(197) Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-vantaġġ mogħti b’dan il-mod lil FT kienx josserva l-prinċipju tal-investitur privat prudenti u jekk kienx jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

265    Sussegwentement, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kriterju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq, wara li kkonstatat, fil-premessi 208 sa 213 tad-Deċiżjoni kkontestata, essenzjalment, li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu “suffiċjentement ċari, preċiżi u sodi biex juru l-eżistenza ta’ impenn kredibbli tal-Istat [Franċiż]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Kummissjoni spjegat, fil-premessi 214 sa 219 tal-imsemmija deċiżjoni, dan li ġej:

“(214) [I]l-Kummissjoni tosserva li hija studjat il-kwistjoni dwar jekk, fid-dritt intern, investitur privat li jkun għamel l-istess dikjarazzjonijiet bħall-Istat ikunx obbligat iżomm mal-wegħdiet li jkun għamel. Billi f’dan il-każ l-investitur huwa l-Istat [Franċiż], l-istudju tad-dritt intern ikkonċerna wkoll id-dritt amministrattiv.

(215) Il-Kummissjoni tirrileva li hija talbet rapport ta’ perizja dwar dan il-punt u li hija rċeviet ukoll diversi rapporti mingħand terzi. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax teskludi f’dan l-istadju li d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni kellhom saħħa vinkolanti fuq il-bażi tad-dritt amministrattiv, ċivili, kummerċjali u kriminali Franċiż […] kif ukoll fuq il-bażi tad-dritt tal-Istat ta’ New York.

(216) Il-kritika prinċipali tal-awtoritajiet Franċiżi tikkonsisti fl-osservazzjoni li l-impenji unilaterali fid-dritt intern huma eċċezzjoni u li l-ittri ta’ impenn, li ma humiex kategorija omoġena, japplikaw biss b’mod eċċezzjonali bħala impenn unilaterali. Imma l-kwistjoni ma hijiex jekk id-dritt Franċiż huwiex ċar fuq il-kwistjoni, imma jekk hemmx elementi fid-dritt privat li jippermettu li tiġi rrilevata l-eżistenza ta’ impenn unilaterali f’ċirkustanzi bħal dawn ta’ dan il-każ. Issa, il-fatt li teżisti ġurisprudenza tal-Cour de Cassation (Qorti tal-Kassazzjoni) [nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 134: Ara Com, it-28 ta’ Marzu 2000, D. 2000, cah. dr. aff. p. 210] li tista’ tintuża, u li l-awtoritajiet Franċiżi qed jipprovaw sempliċement li jimminimizzaw il-portata tagħha […], ma ġiex ikkontestat.

[…]

(218) Meqjusa kollha flimkien, dawn l-elementi jistgħu jiġu interpretati bħala li qed jirriskjaw tabilħaqq li jqiegħdu f’periklu r-riżorsi tal-Istat (jew billi jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Istat fil-konfront tal-investituri, jew biż-żieda tan-nefqa għat-tranżazzjonijiet futuri tal-Istat). L-argument li d-dikjarazzjonijiet [minn] Lulju 2002 huma għajnuna għalhekk huwa argument ġdid, imma probabbilment mhux infondat.

(219) Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax li tista’ tistabbilixxi b’mod inkontestabbli l-preżenza ta’ għajnuna fuq din il-bażi. Hija tikkunsidra, min-naħa l-oħra, li tista’ turi l-preżenza ta’ elementi ta’ għajnuna b’mod iktar tradizzjonali mill-miżuri ta’ Diċembru 2002 li kienu s-suġġett ta’ notifika. F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi stabbilit li d-dikjarazzjonijiet preċedenti kellhom effett reali fuq il-perċezzjoni tas-swieq f’Diċembru, mingħajr ma hemm għalfejn li dawn id-dikjarazzjonijiet jiġu kklassifikati […] bħala li huma stess huma għajnuna mill-Istat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

266    Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni essenzjalment ippreċiżat li, fir-rigward tad-diversi studji li rċeviet u analizzat matul il-proċedura amministrattiva, li taw interpretazzjonijiet ferm diverġenti tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 fuq il-bażi tad-dritt ċivili, tad-dritt kummerċjali u tad-dritt amministrattiv Franċiż, hija rrinunzjat li tikkonkludi b’mod definittiv li kien hemm impenn unilaterali tal-Istat Franċiż fuq din il-bażi biss, anki jekk hija rrikonoxxiet li ċerti elementi tad-dritt nazzjonali jistgħu jsostnu validament dan l-argument. Minflok li tikkunsidra interpretazzjoni partikolarment rigoruża u ristrettiva fuq punt tal-liġi nazzjonali ferm kontroversjali, hija għażlet approċċ globali li jieħu inkunsiderazzjoni r-rabta materjali u ekonomika bejn id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u s-self minn azzjonist u l-fatt li l-għoti ta’ dan tal-aħħar kien jinvolvi tali impenn.

267    Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun, minn naħa, li tiċħad l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat marbut mad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala tali u, min-naħa l-oħra, li tirrikonoxxi li dan il-kriterju però kien sodisfatt bil-proġett ta’ self minn azzjonist ta’ Diċembru 2002.

 Fuq it-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat marbut mad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002

268    Qabelxejn, għandha tiġi ddeterminata n-natura tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, billi din hija determinanti għall-klassifikazzjoni tagħhom fid-dawl kemm tad-dritt Komunitarju tal-għajnuna mill-Istat kif ukoll tar-regoli nazzjonali rilevanti.

269    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża Komunitarja tal-għajnuna mill-Istat, l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi taqa’ taħt id-diskrezzjoni totali tal-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, il-kwistjoni dwar jekk u sa fejn regola tad-dritt nazzjonali hija applikabbli jew le għall-każ inkwistjoni taqa’ taħt l-evalwazzjoni fattwali tal-qorti u hija suġġetta għar-regoli dwar il-produzzjoni tal-prova u dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova.

270    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li għalkemm il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fil-premessa 208 tad-Deċiżjoni kkontestata, li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu “suffiċjentement ċari, preċiżi u sodi biex juru l-eżistenza ta’ impenn kredibbli tal-Istat [Franċiż]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fl-aħħar mill-aħħar hija ċaħdet l-argument li d-dikjarazzjonijiet kellhom jiġu kkunsidrati bħala ġuridikament vinkolanti fid-dawl tad-dritt nazzjonali rilevanti u, b’hekk, li jiġu kklassifikati bħala miżuri ta’ għajnuna li jimpenjaw ir-riżorsi tal-Istat (premessi 188, 218 u 219 tad-Deċiżjoni kkontestata). Essenzjalment, il-Kummissjoni però kkunsidrat, li meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett li dawn id-dikjarazzjonijiet kellhom fuq il-perċezzjoni tas-swieq, l-Istat Franċiż kien daħal għal ċertu riskju finanzjarju, inkluż fid-dawl tad-dritt nazzjonali, u dan kien ta lok li l-proġett ta’ self minn azzjonist jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mal-kriterju tal-investitur privat prudenti (premessi 220 sa 230 tal-imsemmija deċiżjoni). Għaldaqstant, kemm fid-Deċiżjoni kkontestata kif ukoll matul il-kawża, il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni ċara u definittiva dwar il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 setgħux jimplikaw huma stess trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, jekk ikun il-każ, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali rilevanti.

271    Għall-finijiet tad-determinazzjoni tan-natura tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, għandu jiġi rrilevat li dawn għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ konstatazzjonijiet oġġettivi biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SIC vs Il‑Kummissjoni, punt 256 iktar ’il fuq, punt 126). Jibqa’ l-fatt li l-perċezzjoni u r-reazzjoni tal-atturi tas-suq, ladarba jkunu ġew stabbiliti, jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet utli biex tkun iddeterminata n-natura ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet.

272    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li din id-dikjarazzjoni saret mill-Ministru tal-Ekonomija, fuq kollox, fil-funzjoni tiegħu ta’ rappreżentant tal-Istat Franċiż fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist b’maġġoranza ta’ FT (“[a]ħna l-azzjonist b’maġġoranza […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]). F’din il-funzjoni, huwa żgura espressament li, ikun xi jkun il-mod tal-intervent tiegħu, l-Istat Franċiż kien qed jipprevedi li jġib ruħu bħala investitur prudenti (“[l]-Istat, fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist, se jġib ruħu bħala investitur prudenti […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]). F’dan ir-rigward, la l-Kummissjoni u lanqas il-kumpanniji Bouygues ma ressqu elementi li jistgħu juru li din l-intenzjoni li l-intervent futur tal-Istat Franċiż ikun suġġett għall-osservanza tal-kriterju tal-investitur privat prudenti kienet biss dikjarazzjoni u ma kinitx reali u serja fil-mument ta’ dik id-dikjarazzjoni.

273    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 kienet vaga u impreċiża fir-rigward tal-miżuri ta’ sostenn possibbli li l-Istat Franċiż seta’ jieħu fi stadju sussegwenti, li kien għadu ma ġiex ippreċiżat (“se jġib ruħu bħala investitur prudenti u […] aħna se nieħdu l-passi xierqa ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]). Fir-rigward tan-natura miftuħa u vaga ta’ dawn il-kummenti, il-Kummissjoni ma kellhiex raġun tikkonkludi li l-allegat impenn meħud mill-Istat Franċiż kien wieħed ċar, fejn il-“metodi ta’ intervent […], jiġifieri l-metodi ta’ eżekuzzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] biss kien għad fadlilhom jiġu speċifikati (premessa 209 tad-Deċiżjoni kkontestata), billi tali impenn ċar bilfors jippreżumi l-identifikazzjoni tan-natura u tal-portata ta’ dan l-intervent futur eventwali. Issa, kif ikkonferma r-rapport tad-Deutsche Bank tat-22 ta’ Lulju 2002, li l-Kummissjoni stess ibbażat ruħha fuqu fil-premessa 221 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 142 tad-Deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, is-suq kien għadu ma jistax jiddetermina n-natura u l-portata ta’ dan l-intervent futur tal-Istat Franċiż (“[FT] ibbenefikat mill-fiduċja dejjem ikbar tas-suq [minħabba] li l-Gvern [Franċiż] se jsostni l-kreditu b’mod jew b’ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; dan “[is-sostenn] impliċitu tal-Istat [Franċiż] […] jista’ jieħu l-forma ta’ self, skont il-kundizzjonjiet tas-suq, ipprovdut mill-banek jew [mill-]Gvern [Franċiż] ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]). Barra minn hekk, filwaqt li ssostni n-natura futura, kundizzjonali u impreċiża ta’ tali intervent, id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 tiċħad espliċitament l-ipoteżi ta’ żieda tal-kapital ta’ FT, anki jekk l-Istat Franċiż segwa eżattament din l-opzjoni f’Diċembru 2002 (“Le, żgur li le! Insostni biss li, meta jasal iż-żmien, se nieħdu l-miżuri xierqa. Jekk dan ikun neċessarju […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]).

274    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata fid-dawl tal-kuntest fattwali li fih saret id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002. Kif donnu li l-Kummissjoni rrikonoxxiet hija stess (ara l-punti 188 u 189 iktar ’il fuq), f’dan l-istadju, fin-nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti dwar id-dimensjoni eżatta tad-diffikultajiet finanzjarji li kellha FT, dwar ir-reazzjoni futura tas-swieq finanzjarji kkawżata minn din id-dikjarazzjoni u dwar l-evoluzzjoni li kien hemm wara r-ristrutturazzjoni prevista ta’ FT, l-Istat Franċiż kien għadu ma jistax jirrikonoxxi u jiddetermina, bi preċiżjoni suffiċjenti, in-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ miżura ta’ sostenn eventwali favur FT. Anzi, mill-atti kollha tal-awtoritajiet Franċiżi li twettqu fit-12 ta’ Lulju 2002, inkluż il-fatt li huma kienu kkuntattjaw direttament lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu, jirriżulta li dawn l-awtoritajiet kellhom l-għan li mill-iktar fis possibbli jserrħu moħħ is-swieq finanzjarji dwar sostenn potenzjali u futur tal-Istat Franċiż għall-benefiċċju ta’ FT għall-uniku għan li l-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu tagħha ma jitnaqqasx iktar u l-aċċess tagħha għal self ġdid fis-suq tal-bonds ma jingħalaqx iktar, mingħajr ma dan is-sostenn eventwali jitwettaq tabilħaqq f’dan il-mument preċiż. Fil-fatt, it-twettiq bikri wisq tal-miżuri ta’ sostenn eventwali seta’ jwassal għar-riskju li jiġu ristretti żżejjed l-opzjonijiet ta’ rifinanzjament għad-dejn ta’ FT li tfaċċaw sussegwentement filwaqt li tinħoloq in-neċessità li dawn jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 88(3) KE. Barra minn hekk, minħabba n-natura mgħaġġla tiegħu, tali approċċ seta’ jnaqqas il-fiduċja tal-kredituri u tal-investituri fl-affidabbiltà tal-azzjoni tal-Istat Franċiż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li ġie spjegat fil-premessa 212 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-fatt li l-Istat Franċiż ikkuntattja lill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ma jistax jiftiehem bħala element li jsostni n-natura soda tal-allegat impenn li ħa, imma biss bħala l-ewwel pass intiż biex inaqqas il-pressjoni li kien hemm f’Lulju 2002 fuq il-pożizzjoni ta’ FT fis-swieq finanzjarji.

275    Bil-kontra ta’ dak li qed isostnu l-kumpanniji Bouygues u l-Kummissjoni (ara l-premessa 210 tad-Deċiżjoni kkontestata), il-fatt biss li, fil-mument tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, FT diġà kellha diffikultajiet serji ta’ rifinanzjament (ara l-punt 236 iktar ’il fuq) ma jbiddel xejn la min-natura miftuħa u vaga ta’ din id-dikjarazzjoni kollha, u lanqas fit-tifsira tagħha fid-dawl tal-kuntest fattwali li fih saret (ara l-punt 274 iktar ’il fuq). B’hekk, anki jekk f’dan l-istadju wieħed jippreżumi li kien hemm l-imsemmija diffikultajiet, il-fatt li din id-dikjarazzjoni ma kinitx tirrifletti korrettament is-sitwazzjoni kritika tad-dejn bi skadenza qasira ta’ FT f’dak iż-żmien mhux deċiżiv (“jekk [FT] kellu jkollha xi diffikultajiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; “jekk [FT] kellha xi problemi ta’ finanzjament, li mhux il-każ illum, l-Istat [Franċiż] se jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex dawn ikunu megħluba” [traduzzjoni mhux uffiċjali]).

276    Barra minn hekk, fil-kuntest tal-interpretazzjoni litterali tagħha tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni ma tistax issostni validament li “[l]-ebda element ma jagħti lok li jintwera li s-suq kien ipperċepixxa xi kundizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 210 tad-Deċiżjoni kkontestata) u li “ir-reazzjoni tas-suq kif ukoll il-kummenti tal-analisti finanzjarji jikkonfermaw li s-suq ikkunsidra dawn id-dikjarazzjonijiet bħala strateġija ta’ impenn kredibbli tal-Istat [Franċiż] insostenn ta’ FT ” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 220 tal-imsemmija deċiżjoni), billi din il-perċezzjoni suġġettiva jew ir-reazzjoni ta’ ċerti atturi tas-suq ma kinitx determinanti biex tkun ikkaratterizzata n-natura ta’ tali dikjarazzjoni (ara l-punt 271 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, din il-kunsiderazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li, għall-kuntrarju, f’dan l-istadju, id-Deutsche Bank ma setax jantiċipa n-natura u l-portata tal-intervent futur eventwali tal-Istat Franċiż għall-benefiċċju ta’ FT (ara l-punt 273 iktar ’il fuq).

277    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2002 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li din id-dikjarazzjoni hija wkoll orjentata lejn il-ġejjieni, hija kundizzjonali u impreċiża fir-rigward tal-miżuri eventwali previsti mill-Istat Franċiż għal terminu twil (“[l]-Istat [Franċiż] se jagħti s-sostenn tiegħu lil [FT] fl-implementazzjoni [tal]-pjan [ta’ reviżjoni tal-kontijiet] u min-naħa tiegħu se jagħti kontribuzzjoni għal tisħiħ ferm sostanzjali tal-fondi ta’ [FT], skont skeda u metodi li għandhom jiġu ddeterminati skont il-kundizzjonijiet tas-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali]), fejn l-unika ċertezza tinsab fl-affermazzjoni ta’ kontribuzzjoni futura “għal tisħiħ ferm sostanzjali tal-fondi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ FT u fil-fatt li dan se jsir skont “il-kundizzjonijiet tas-suq” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, l-istess bħad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, id-dikjarazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2002 lanqas ma tippreċiża n-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet tal-intervent futur tal-Istat Franċiż favur FT u tissuġġetta l-miżuri ta’ sostenn intermedji eventwali għall-kriterju tan-neċessità (“[f]il-frattemp, l-Istat [Franċiż] se jieħu, jekk dan ikun neċessarju, il-miżuri kollha biex jevita li [FT] ikollha kwalunkwe problema ta’ finanzjament” [traduzzjoni mhux uffiċjali]).

278    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tat-2 ta’ Ottubru 2002 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), għandu jkun ikkonstatat li din ma hijiex inqas vaga u ma tagħmel l-ebda preċiżjoni apprezzabbli meta pparagunata mal-kontenut tad-dikjarazzjoni tat-13 ta’ Settembru 2002 (“[l]-Istat [Franċiż] se jagħti l-għajnuna tiegħu għall-implementazzjoni tal-azzjonijiet ta’ rkupru u se jagħti kontribuzzjoni, min-naħa tiegħu, sabiex jissaħħu l-fondi ta’ [FT] skont metodi li għandhom jiġu deċiżi […] [F]il-frattemp, l-Istat [Franċiż] se jieħu, jekk dan ikun neċessarju, miżuri biex jevita li [FT] ikollha kwalunkwe problema ta’ finanzjament” [traduzzjoni mhux uffiċjali]). Fil-fatt b’din id-dikjarazzjoni l-Istat Franċiż kulma jgħamel huwa li jantiċipa vagament għajnuna futura u potenzjali min-naħa tiegħu sabiex jissaħħu l-fondi ta’ FT, li n-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet tal-għotja tagħha għadhom ma ġewx iddeterminati. Fl-istess ħin, l-istess bħad-dikjarazzjonijiet preċedenti, għajnuna intermedja eventwali tal-Istat Franċiż, li l-karatteristiċi tagħha lanqas ma huma espliċiti, hija suġġetta għan-neċessità li jkunu solvuti l-problemi ta’ finanzjament potenzjali ta’ FT.

279    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li sostnew il-kumpanniji Bouygues, minħabba n-natura miftuħa, impreċiża u kundizzjonali tagħhom, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu n-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet ta’ intervent eventwali min-naħa tal-Istat favur FT, u meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali li fih seħħew, id-dikjarazzjonijiet tat-12 ta’ Lulju, tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002 ma jistgħux jiġu pparagunati ma’ garanzija tal-Istat jew jiġu interpretati bħala li qed jiżvelaw impenn irrevokabbli li tingħata għajnuna finanzjarja preċiża għall-benefiċċju ta’ FT, bħal rimbors tad-djun tagħha bi skadenza qasira.

280    Impenn konkret, inkundizzjonali u irrevokabbli tar-riżorsi pubbliċi min-naħa tal-Istat Franċiż kien jippreżumi li dawn id-dikjarazzjonijiet jippreċiżaw, b’mod espliċitu, jew is-somom eżatti li għandhom jiġu investiti jew id-djun konkreti li għandhom jiġu ggarantiti jew, għall-inqas, kuntest finanzjarju predefinit, bħal faċilità ta’ kreditu sa ċertu ammont, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna ppjanata. Issa, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma jieħdux pożizzjoni dwar dawn l-aspetti billi jiċħdu l-possibbiltà ta’ żieda futura tal-kapital ta’ FT b’ċertu ammont, anki jekk, sussegwentement, l-Istat Franċiż isegwi eżattament din l-opzjoni tal-aħħar, qabelxejn, fil-forma ta’ proġett ta’ self minn azzjonist li huwa intiż li jqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ FT faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun, u mbagħad bil-kontribuzzjoni tal-istess ammont, pro rata, tas-sehem tiegħu f’FT, għaż-żieda tal-kapital ta’ din tal-aħħar (ara l-punt 16 iktar ’il fuq).

281    Għandu jingħad ukoll li, f’dan ir-rigward, il-kumpanniji Bouygues ma setgħux jibbażaw irwieħhom fuq id-Deċiżjoni Crédit foncier (ara l-punt 159 iktar ’il fuq), li l-legalità tagħha ma ġietx suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali, peress li b’differenza għad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, id-dikjarazzjoni tal-Ministru tal-Ekonomija Franċiż li kienet is-suġġett ta’ dik id-deċiżjoni kienet tesprimi r-rieda soda u inkundizzjonali tal-Istat Franċiż li jimpenja ruħu li jonora “l-iskadenzi kollha, tal-ammont prinċipali u tal-interessi, tad-dejn tas-CFF irrappreżentati b’titoli” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 36 tad-Deċiżjoni Crédit foncier).

282    Jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, bid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u billi rrikorra, mill-perspettiva tas-swieq finanzjarji, għar-reputazzjoni tiegħu bħala kreditur u debitur solventi u affidabbli, l-Istat Franċiż kellu l-ħsieb li jinfluwenza attivament ir-reazzjoni tal-imsemmija swieq, jistabbilixxi mill-ġdid il-fiduċja tagħhom u, b’mod partikolari, jipprova jżomm il-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT sabiex jipprepara r-rifinanzjament tagħha, fi stadju sussegwenti, f’kundizzjonijiet ekonomiċi iktar favorevoli u b’inqas spejjeż, mingħajr ma dan jimplika, b’mod immedjat u predefinit, l-użu tal-baġit tal-Istat. B’dan il-mod, minflok ma jimpenja direttament jew indirettament ir-riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, l-Istat Franċiż ħaddem ir-regoli partikolari tal-funzjonament tas-swieq finanzjarji sabiex jistabbilizza l-pożizzjoni ekonomika ta’ FT għal terminu qasir, u dan eżattament sabiex jissodisfa l-kundizzjonijiet imprenditorjali u finanzjarji indispensabbli sabiex jittieħdu miżuri ta’ sostenn iktar konkreti fil-kuntest ta’ interventi susegwenti. Issa, il-fatt biss li, f’tali kuntest, l-Istat Franċiż irrikorra għar-reputazzjoni partikolari li għandu mas-swieq finanzjarji ma jistax ikun suffiċjenti biex jintwera li r-riżorsi tiegħu kienu esposti għal riskju tali li jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, li jkun suffiċjentement marbut mal-vantaġġ mogħti lil FT bid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002.

283    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kumpanniji Bouygues ma wrewx li l-qorti nazzjonali, b’mod partikolari l-qorti amministrattiva jew ċivili Franċiża, setgħet tasal għall-konklużjoni li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 madankollu kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ impenn unilaterali ġuridikament vinkolanti tal-Istat Franċiż, anki jekk kien f’forma ta’ ittra ta’ impenn, li jimplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Fil-fatt, fid-dawl tal-argumenti tal-kumpanniji Bouygues u tal-istudji ġuridiċi prodotti insostenn tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li l-applikazzjoni tar-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali għad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 tiddependi, min-naħa tagħha, mill-interpretazzjoni preliminari tan-natura ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, jiġifieri, b’mod partikolari, mill-kwistjoni dwar jekk dawn għandhomx natura suffiċjentement ċara, preċiża, inkundizzjonali u soda, sors ta’ effetti ġuridikament vinkolanti li jistgħu jagħtu lok għal responsabbiltà pekunjarja tal-Istat Franċiż.

284    B’hekk, l-ewwel nett, l-argument tal-kumpanniji Bouygues, ibbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Kunsill tal-Istat Franċiż, jiġifieri li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 huma ċari, preċiżi u sodi u, li għaldaqstant, huma tali li jagħtu lok għar-responsabbiltà tal-Istat Franċiż fil-konfront tal-azzjonisti, tal-impjegati u tal-kredituri ta’ FT, jew għaliex, meta ppermetta li tingħata wegħda, l-Istat Franċiż impona fuqu nnifsu obbligi ġuridiċi li ma jistax jiċħadhom mingħajr ma jikkommetti nuqqas, jew għaliex bil-kontra, biex iżomm il-wegħda tiegħu qed jaġixxi b’mod illegali minħabba l-illegalità tal-wegħda mogħtija, ma jistax jintlaqa’. Bil-kontra ta’ dak li sostnew il-kumpanniji Bouygues (ara l-punti 164 u 165 iktar ’il fuq), ma huwiex eżattament stabbilit li, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom, dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu jagħtu lok għal tali impenn ġuridikament vinkolanti u inkundizzjonali tal-Istat Franċiż li se jsostni lil FT.

285    It-tieni nett, il-kumpanniji Bouygues ma jistgħux jibbażaw irwieħhom validament fuq iċ-ċirkulari tat-22 ta’ Lulju 2003 u fuq in-nota ta’ spjegazzjoni annessa magħha (ara l-punt 167 iktar ’il fuq), peress li, kif ġie deċiż fil-punt 284 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma jinkludu l-ebda element li jista’ jistabbilixxi l-preżenza ta’ garanzija impliċita tal-Istat Franċiż favur FT. Peress li ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi konkluż li kien hemm tali garanzija, l-argument tal-kumpanniji Bouygues, ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni Franċiża li tivvalida retroattivament ċerti garanziji tal-Istat, għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti. Kien x’kien il-każ, kif sostniet ir-Repubblika Franċiża waqt is-seduta, il-Liġi Finanzjarja Franċiża ta’ rettifika għall-2002 (Nru 2002-2576 tat-30 ta’ Diċembru 2002; JORF tal-31 ta’ Diċembru 2002, p. 22070) fl-Artikolu 80 tagħha ssemmi biss “[i]s-self ikkuntrattat minn ERAP, fil-kuntest tas-sostenn tagħha bħala azzjonista ta’ [FT]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u mhux garanziji eventwali oħrajn tal-Istat favur FT.

286    It-tielet nett, il-kumpanniji Bouygues ma wrewx li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu jinvolvu impenn tar-riżorsi tal-Istat fid-dawl tad-dritt tal-kuntratti tal-Istat ta’ New York. B’hekk, l-istudju li pproduċew il-kumpanniji Bouygues għal dan il-għan matul il-proċedura amministrattiva jippreċiża li ma huwiex opinjoni legali u jieħu bħala l-punt ta’ tluq tiegħu l-premessa manifestament żbaljata li offerta ta’ kuntratt unilaterali tal-Istat Franċiż fil-konfront tal-investituri tinvolvi wegħda li għandha l-għan li tiggarantixxi d-djun ta’ FT, aċċettata mill-investituri meta investew f’FT. Bl-istess mod, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura vinkolanti u eżekuttiva ta’ din l-offerta, dan l-istudju kulma għamel kien li rrepeta li kien hemm wegħda u stabbilixxa paragun vag mal-ġurisprudenza tal-qrati kompetenti dwar wegħdiet inklużi fi prospetti u ma’ reklami fil-gazzetti. Barra minn hekk, dan l-istudju ma jiħux pożizzjoni, b’mod definittiv, fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn il-qrati jistgħux jikkonkludu b’mod suffiċjentement sod li kien hemm tali wegħda kuntrattwali. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ kważi kuntratt jew ta’ “promissory estoppel”, l-istudju josserva li l-wegħda inkwistjoni għandha tkun ċara u mingħajr ambigwità, li ma hijiex is-sitwazzjoni f’dan il-każ (ara l-punti 272 sa 279 iktar ’il fuq).

287    Ir-raba’ nett, sa fejn il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2000 tal-Cour de Cassation (Qorti tal-Kassazzjoni) Franċiża (nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 134 tad-Deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi rrilevat li dik is-sentenza rrikonoxxiet l-infurzabbiltà erga omnes kif ukoll in-natura vinkolanti u eżekuttiva favur kwalunkwe persuna ikkonċernata minn dikjarazzjoni unilaterali min-naħa tal-akkwirent ta’ impriża f’diffikultà, li saret fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru u f’forma ta’ sentenza li tadotta pjan ta’ ċessjoni. Għaldaqstant, ma huwiex stabbilit li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għall-każ inkwistjoni. Din tirrigwarda b’mod partikolari l-fatt li n-natura vinkolanti u eżekuttiva rikonoxxuta minn din is-sentenza hija bbażata fuq dispożizzjoni espressa tal-Kodiċi Kummerċjali Franċiż li jirregola l-proċedura ta’ rkupru li abbażi tagħha “is-sentenza li tadotta l-pjan [ta’ ċessjoni] tagħmel id-dispożizzjonijiet tiegħu infurzabbli għal kulħadd”.

288    Il-ħames u fl-aħħar nett, ma huwiex stabbilit li, anki fin-nuqqas ta’ natura ġuridikament vinkolanti, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, tal-allegat impenn li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, dawn jinvolvu trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. F’dan ir-rigward, minn naħa, l-argument tal-kumpanniji Bouygues li l-Istat Franċiż kellu l-obbligu jonora l-allegata wegħda tiegħu, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-istennija reali li d-dikjarazzjonijiet tiegħu ħolqu mill-perspettiva tas-suq, huwa minnu nnfisu kontraditttorju u ma jieħux inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ għajnuna għandha tkun ibbażata fuq konstatazzjonijiet oġġettivi u mhux biss fuq il-perċezzjoni tal-atturi tas-suq. Kien x’kien il-każ, sempliċi stennija tas-suq ma tistax, bħala tali, toħloq xi obbligu legali ta’ aġir f’sens mixtieq (ara l-punt 271 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, anki jekk wieħed jippreżumi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ wegħda ta’ sostenn eventwali min-naħa tal-Istat Franċiż għall-benefiċċju ta’ impriża tista’ tipperikola l-kredibbiltà u r-reputazzjoni tiegħu fis-swieq finanzjarji, jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, ma ntweriex li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu jinkludu impenn preċiż, inkundizzjonali u sod favur FT li jista’ jiġġenera tali konsegwenzi dannużi. Fil-fatt, kif ġie spjegat fil-punti 273 u 282 iktar ’il fuq, l-aġir tal-awtoritajiet Franċiżi minn Lulju 2002 kellu eżattament l-għan li jevita tali konsegwenzi filwaqt li jħalli tippersisti l-inċertezza dwar in-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet eżatti tal-intervent futur eventwali tiegħu, li huwa kkonfermat mir-reazzjoni tad-Deutsche Bank (ara l-punt 273 iktar ’il fuq). Għal dawn l-istess raġunijiet, l-argument tal-Kummissjoni inkluż fil-premessa 221 in fine tad-Deċiżjoni kkontestata, li “il-Gvern kien obbligat, sabiex jipproteġi l-integrità tar-reputazzjoni tiegħu fis-swieq finanzjarji, li jirrispetta l-wegħdiet li kien għamel” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma jistax jintlaqa’. Kien x’kien il-każ, għandu jitfakkar li, minkejja d-dubji espressi, il-Kummissjoni espliċitament irrinunzjat li tieħu pożizzjoni definittiva dwar il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kinux jinvolvu trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (premessi 188, 218 u 219 tad-Deċiżjoni kkontestata).

289    F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi konkluż li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma kinux jimplikaw impenn tar-riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

290    Konsegwentement, l-ewwel motiv tal-kumpanniji Bouygues, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 87(1) KE, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat marbut mal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tal-proġett ta’ self minn azzjonist u mal-offerta tal-20 ta’ Diċembru 2002 tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist

–       Osservazzjonijiet preliminari

291    Għandu jiġi rrilevat li huwa biss meta ppubblika, fl-4 ta’ Diċembru 2002, l-avviż tal-proġett ta’ self minn azzjonist, jiġifieri dakinhar stess tan-notifika ta’ din il-miżura lill-Kummissjoni (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), li l-Istat Franċiż, għall-ewwel darba, għamel espliċita u preċiża, pubblikament, il-kontribuzzjoni finanzjarja li kien qed jipprevedi għall-benefiċċju ta’ FT, li kienet tikkonsistiti fil-ftuħ ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni fil-forma ta’ kuntratt ta’ self, li l-offerta kuntrattwali inizjalata u ffirmata minn ERAP intbagħet lil FT biss fl-20 ta’ Diċembru 2002.

292    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, l-istess bħad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, dan l-avviż kien jinvolvi l-għoti ta’ vantaġġ favur FT għaliex dan ikkontribwixxa biex tissaħħaħ il-fiduċja tas-swieq finanzjarji u biex jittejbu l-kundizzjonijiet tar-rifinanzjament ta’ FT (ara l-punti 234 et seq iktar ’il fuq). Madankollu, kif ġie spjegat fil-punti 243 et seq iktar ’il fuq, il-Kummissjoni la eżaminat u lanqas uriet kif titlob il-liġi, li l-offerta ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002, li qatt ma ġiet aċċettata minn FT u lanqas ġiet eżegwita, kienet tinvolvi vantaġġ ekonomiku distint u supplimentari b’relazzjoni għall-vantaġġ li kien jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kif ukoll mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tal-proġett ta’ self minn azzjonist.

–       Fuq l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 ta’ proġett ta’ self minn azzjonist

293    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tal-proġett ta’ self minn azzjonist kienx jimplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jiġi kkonstatat li la l-Kummissjoni u lanqas il-kumpanniji Bouygues ma sostenew li dan l-avviż, fih innifsu, kien jinvolvi impenn suffiċjentement preċiż, sod u inkundizzjonali, u għaldaqstant, ġuridikament vinkolanti, jekk ikun il-każ, fid-dawl tad-dritt nazzjonali rilevanti, li jagħti lok li jiġi konkluż li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

294    B’hekk, l-unika referiment rilevanti għall-imsemmi avviż tinsab fil-premessa 205 in fine tad-Deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti, mingħajr mal-Kummissjoni rabtet xi konsegwenzi magħha, anki jekk impliċiti, dwar il-preżenza ta’ trasferiment eventwali ta’ riżorsi tal-Istat. Bl-istess mod, fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħhom, il-kumpanniji Bouygues kienu qed jirreferu biss għad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 mingħajr ma ħadu inkunsiderazzjoni l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u llimitaw l-argument tagħhom għall-allegat trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat marbut ma’ dawn id-dikjarazzjonijiet.

295    Issa, fin-nuqqas ta’ elementi rilevanti u ta’ provi min-naħa tal-Kummissjoni u mill-kumpanniji Bouygues dwar dan is-suġġett, ma għandhiex tkun il-Qorti Ġenerali li tivverifika jekk l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tal-proġett ta’ self minn azzjonist kienx jinvolvi, fid-dawl tad-dritt amministrattiv jew ċivili Franċiż, trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

296    Kien x’kien il-każ, trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li jirriżulta mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 jista’ jikkorrispondi biss għal vantaġġ li jinsab fil-ftuħ ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni li kienet espressament prevista fih. Minn naħa, kif tfakkar fil-punt 292 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni naqset milli tikkaratterizza, kif titlob il-liġi, tali vantaġġ fid-Deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, dan il-vantaġġ huwa distint minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, kif ġie kkunsidrat fl-imsemmija deċiżjoni (ara l-punti 243 et seq iktar ’il fuq), mingħajr bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk dan tal-aħħar jikkonsistix fit-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ rifinanzjament ta’ FT u/jew fiż-żieda eventwali tal-prezz tal-azzjonijiet u tal-bonds tagħha.

297    Issa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 214 iktar ’il fuq jirriżulta li, skont l-Artikolu 87(1) KE, il-vantaġġ inkwistjoni għandu jirriżulta minn riżorsi pubbliċi. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit ta’ rabta bejn il-vantaġġ identifikat u t-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat jippreżumi li l-imsemmi vantaġġ jikkorrispondi għal spiża ekwivalenti li taffettwa l-finanzi tal-Istat (ara l-punt 262 iktar ’il fuq). Madankollu, din ma hijiex is-sitwazzjoni f’dan il-każ fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-vantaġġ ikkunsidrat fid-Deċiżjoni kkontestata, li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, minn naħa, u l-allegat trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi li jikkonstiti fil-ftuħ ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni, kif ġie previst fl-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tal-proġett ta’ self minn azzjonist, min-naħa l-oħra.

298    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wrietx li l-avviż tal‑4 ta’ Diċembru 2002 tal-proġett ta’ self minn azzjonist kien jinkludi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

–       Fuq l-offerta tal-20 ta’ Diċembru 2002 tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist

299    Fir-rigward tal-kwistjoni jekk it-trażmissjoni tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist iffirmat minn ERAP lil FT, fl-20 ta’ Diċembru 2002, kinitx tinvolvi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti, fid-Deċiżjoni kkontestata, vantaġġ li jirriżulta mill-offerta kuntrattwali bħala tali (ara l-punti 264 sa 267 iktar ’il fuq), huwa, inqas u inqas, possibbli li l-Qorti Ġenerali tikkonkludi li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li kien marbut ma’ dan il-vantaġġ.

300    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li la l-Kummissjoni u lanqas il-kumpanniji Bouygues ma wrew li l-avviż tal-4 ta’ Diċembru tal-proġett ta’ self minn azzjonist jew l-offerta tal-20 ta’ Diċembru 2002 tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist kienu jinvolvu trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

301    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, fuq il-bażi tal-approċċ globali tagħha (ara l-punt 266 iktar ’il fuq), minkejja kollox, il-Kummissjoni setgħetx tevalwa d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 flimkien mal-avviż tas-self minn azzjonist u mat-trażmissjoni tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist sabiex tikkonkludi li l-kriterju tat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat f’dan il-każ kien sodisfatt.

–       Fuq it-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat marbut mad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u mal-miżuri ta’ Diċembru 2002

302    Minn naħa, għandu jiġi vverifikat jekk l-ispiża potenzjali li taffettwa l-finanzi tal-Istat li l-Kummissjoni kkunsidrat fir-rigward tal-avviż tal-proġett ta’ self minn azzjonist u t-trażmissjoni tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist kinitx diġà impliċita fid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, u min-naħa l-oħra, jekk din l-ispiża kinitx tikkorrispondi għall-vantaġġ li l-Kummissjoni attribwiet lil dawn id-dikjarazzjonijiet.

303    Minkejja li l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tal-proġett ta’ self minn azzjonist jaqa’ taħt il-loġika u l-istrateġija tal-Istat Franċiż mix-xahar ta’ Lulju 2002, li kellu l-għan u l-konsegwenza, fl-intier tiegħu, li jerġa’ jikseb il-fiduċja tas-swieq ħalli jkun jista’ jsir ir-rifinanzjament, f’kundizzjonijiet iktar favorevoli, tad-dejn bi skadenza qasira ta’ FT (ara l-punti 234 sa 240 iktar ’il fuq), minn dan ma jirriżultax li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 diġà kienu jinvolvu fihom infushom l-antiċipazzjoni ta’ sostenn finanzjarju speċifiku l-istess bħal dak li fl-aħħar mill-aħħar ikkonkretizza ruħu fix-xahar ta’ Diċembru 2002.

304    Mill-kunsiderazzjoni tal-punti 270 et seq iktar ’il fuq jirriżulta li, b’differenza għall-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tal-proġett ta’ self minn azzjonist, li kien jagħmel pubblika l-offerta ta’ ftuħ ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni favur FT, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kellhom natura miftuħa, impreċiża u kundizzjonali fir-rigward tan-natura, tal-portata u tal-kundizzjonijiet ta’ intervent futur eventwali tal-Istat Franċiż. B’hekk, kien biss minħabba din in-natura sostanzjalment differenti tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 li d-deċiżjoni tal-Istat Franċiż, f’Diċembru 2002, li jħabbar u li jipproponi proġett ta’ self minn azzjonist kienet tikkostitwixxi interruzzjoni importanti fis-suċċessjoni tal-avvenimenti li wasslu għar-rifinanzjament ta’ FT.

305    F’dan ir-rigward, l-argument, ftit wisq iddettaljat, li ġie espost fil-premessi 185 u 226 tad-Deċiżjoni kkontestata li l-proġett ta’ self minn azzjonist kien jikkostitwitwixxi t-twettiq tad-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Istat Franċiż, billi l-Kummissjoni ma wrietx – u barra minn hekk ma setgħetx turi fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 – li l-Istat Franċiż kien ippreveda tali għajnuna finanzjarja konkreta minn Lulju 2002, għandu jiġi miċħud. Dan l-argument huwa għaldaqstant inqas plawsibbli peress li l-Istat Franċiż kellu qabelxejn jistenna u jivverifika jekk, wara d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-effett antiċipat tagħhom, jiġifieri l-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja tas-swieq finanzjarja u ż-żamma tal-grad ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ FT, kif ukoll wara l-miżuri ta’ ristrutturazzjoni u ta’ bbilanċjar mill-ġdid meħuda fi ħdan FT, il-kundizzjonijiet ekonomiċi għal tali intervent tal-Istat kinux tabilħaqq sodisfatti. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 274 iktar ’il fuq, fl-istadju ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, fin-nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti, b’mod partikolari, dwar ir-reazzjoni tas-swieq u s-suċċess tal-miżuri meħuda, l-Istat Franċiż kien għadu ma setax ikun jaf u jiddetermina, b’mod suffiċjenti, in-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet ta’ miżura ta’ sostenn eventwali favur FT, inkluża żieda eventwali tal-kapital li l-Ministru tal-Ekonomija kien anki ċaħad espliċitament f’Lulju 2002. Kien manifestament biss fix-xahar ta’ Diċembru 2002 li l-Istat Franċiż ikkunsidra l-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ tali għajnuna finanzjarja bħala li ġew sodisfatti, li jikkonferma li kien hemm interruzzjoni importanti fis-suċċessjoni tal-avvenimenti f’dak l-istadju.

306    Il-premessi 186 sa 190 tad-Deċiżjoni kkontestata, li jirreferu espliċitament għall-approċċ globali tal-Kummissjoni, li ma ressqitx il-prova tal-argument tagħha tal-twettiq tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 fil-proġett ta’ self minn azzjonist, jiġbru fil-qosor biss, b’mod ambigwu, il-kunsiderazzjonijiet li jagħtu lok li jiġi konkluż li ngħata vantaġġ lil FT, imma mhux li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat marbut mad-dikjarazzjonijiet kollha li għamel u mal-miżuri kollha li ħa l-Istat Franċiż minn Lulju 2002.

307    B’hekk, il-konstatazzjoni vaga li huwa “possibbli li d-dikjarazzjonijiet u l-miżuri suċċessivi tal-awtoritajiet Franċiżi minn Lulju 2002 jiġu analizzati bħala grupp li ħa sura konkreta bil-miżuri ta’ Diċembru 2002” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 187 tad-Deċiżjoni kkontestata) jew anki l-affermazzjoni li kien hemm proċess kontinwu ta’ salvataġġ li jixbah lil dak li ta lok għas-sentenza BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 152 iktar ’il fuq, ma jippermettux lill-Kummissjoni taħrab mid-dmir tagħha li tidentifika vantaġġ speċifiku li jinvolvi trasferiment korrispondenti ta’ riżorsi tal-Istat. Dawn huwa tant iktar minnu li s-sentenza BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 152 iktar ’il fuq, kienet tirreferi biss għall-kwistjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, li jiġġustifikaw il-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali fuq il-bażi tal-Artikolu 88(2) KE, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti għal numru ta’ kontribuzzjonijiet ta’ kapital favur l-impriża benefiċjarja, li n-natura vantaġġuża u l-oriġini Statali tagħhom ma humiex f’dubju.

308    Barra minn hekk, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-interruzzjoni importanti fis-suċċessjoni tal-avvenimenti u fl-aġir tal-awtoritajiet Franċiżi f’Diċembru 2002, il-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi rabta bejn impenn eventwali ta’ riżorsi tal-Istat, f’dan l-istadju, u vantaġġi mogħtija permezz ta’ miżuri preċedenti, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, u dan iktar u iktar peress li dawn il-miżuri kellhom natura essenzjalment differenti minn dawk li ttieħdu f’Diċembru 2002 (ara l-punt 303 iktar ’il fuq). Fil-fatt, tali rabta – mhux imsemmija fis-sentenza BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 152 iktar ’il fuq – bejn l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ għajnuna fir-rigward tal-fatti distinti li seħħew fi stadji differenti tmur kontra r-rekwiżit ta’ rabta bejn il-vantaġġ u t-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat (ara l-punt 262 iktar ’il fuq), kif ġiet ikkonfermata mis-sentenza PreussenElektra, punt 214 iktar ’il fuq (punt 58).

309    Għaldaqstant, anki jekk il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-avvenimenti kollha li ppreċedew u li influwenzaw id-deċiżjoni definittiva li ħa l-Istat Franċiż f’Diċembru 2002 li jsostni lil FT permezz ta’ self minn azzjonist biex tikkaratterizza vantaġġ, hija ma rnexxilhiex turi l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat marbut ma’ dan il-vantaġġ. Kif ġie kkonstatat fil-punt 297 iktar ’il fuq, il-fatt li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kif ukoll l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 wasslu għal vantaġġ favur FT billi dawn reġgħu stabbilew il-fiduċja tas-swieq finanzjarji u tejbu l-kundizzjonijiet tar-rifinanzjament tagħha ma għandux bħala konsegwenza tnaqqis korrispondenti fil-finanzi tal-Istat jew riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ spejjeż li jaffettwaw dawn il-finanzi. B’mod partikolari, dan il-vantaġġ huwa distint minn dak li l-proġett ta’ self minn azzjonist tal-20 ta’ Diċembru 2002 seta’ jinvolvi u li d-Deċiżjoni kkontestata naqset milli tistabbilixxi b’mod suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li kien hemm għajnuna mill-Istat (ara l-punt 296 iktar ’il fuq).

310    Konsegwentement, il-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat il-kunċett ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, meta kkunsidrat li s-self minn azzjonist, imqiegħed fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, kien jinvolvi l-għoti ta’ vantaġġ favur FT li kien jirriżulta minn trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

311    F’dawn il-kundizzjonijiet, it-tieni parti tat-tieni motiv kif ukoll it-tielet motiv imqajma mir-Repubblika Franċiża u minn FT, sa fejn din il-parti u dan il-motiv jikkritikaw l-applikazzjoni tal-kunċett tal-għajnuna, u b’mod partikolari, dik tal-kriterji tal-vantaġġ u tat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, għandhom jintlaqgħu.

312    Minn dan jirriżulta wkoll li ma hemmx għalfejn jiġu eżaminati l-ewwel parti tat-tieni motivi kif ukoll it-tielet motiv invokati mir-Repubblika Franċiża u minn FT sa fejn din il-parti u dan il-motiv jikkontestaw il-legalità tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti.

313    Għaldaqstant, billi għandu jiġi annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata minħabba żball ta’ liġi u minħabba żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, ma għadx hemm lok li jiġu eżaminati l-ewwel motiv invokat mir-Repubblika Franċiża u minn FT, ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża, u r-raba’ motiv tar-Repubblika Franċiża bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

 d) Fuq it-tieni motiv tal-kumpanniji Bouygues, ibbażat fuq il-kontradizzjoni u l-insuffiċjenza tal-motivi li jmorru kontra l-Artikolu 253 KE

314    Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni motiv tal-kumpanniji Bouygues, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa ċertu punt, huwa biss ripetizzjoni tal-ilmenti sostantivi li dawn ir-rikorrenti ressqu fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħhom.

315    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Barra minn hekk, l-obbligu li d-deċiżjonijiet jiġu mmotivati jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali sostanzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att ikkontestat. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi huma vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti minkejja li tkun tesprimi motivi żbaljati (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I‑4951, punti 166 u 181, u l-ġurisprudenza ċċitata).

316    Fir-rigward tal-allegata kontradizzjoni tal-motivi, għandu jiġi kkonstatat li l-kumpanniji Bouygues essenzjalment isostnu żball sostantiv u mhux motivazzjoni formalment difettuża.

317    F’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod ċar mill-motivi tad-Deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, minn naħa, mill-premessi 188 sa 190 u, min-naħa l-oħra, mill-premessi 218 u 219, li l-Kummissjoni kkunsidrat – inċidentalment, ġustament (ara l-punti 268 sa 290 iktar ’il fuq) – li hija ma setgħetx tikkonkludi definittivament, fuq il-bażi tal-istudji ġuridiċi li ġiet informatha bihom, li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu jissodisfaw, bħala tali, il-kriterju tat-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Kien biss it-teħid inkunsiderazzjoni tal-miżuri meħuda f’Diċembru 2002 li ta lok lill-Kummissjoni biex tikkonstata, fuq l-bażi ta’ approċċ globali – għalkemm żbaljat fil-mertu (ara l-punti 303 et seq iktar ’il fuq) – li l-proċess kontinwu ta’ salvataġġ kollu ta’ FT, inklużi d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, kellu l-effett li l-kriterju ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat kien sodisfatt.

318    Konsegwentement, anki jekk l-approċċ globali tal-Kummissjoni huwa żbaljat fil-mertu, mill-kunsiderazzjonijiet tal-punti 268 et seq iktar ’il fuq jirriżulta li d-Deċiżjoni kkontestata tispjega kif titlob il-liġi r-raġunijiet għaliex hija kkunsidrat li ma tistax tikkonkludi li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala tali – anki jekk kienu jinvolvu l-għoti ta’ vantaġġ lil FT – kienu taw lok għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Minn dan jirriżulta wkoll li l-argument tal-kumpanniji Bouygues, li l-Kummissjoni kkonkludiet, fid-Deċiżjoni kkontestata, li kienu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li jikkaratterizzaw għajnuna mill-Istat fejn għandhom x’jaqsmu d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 (ara l-punti 171 u 175 iktar ’il fuq) huwa manifestament infondat.

319    Barra minn hekk, il-kumpanniji Bouygues ma jressqu l-ebda argument li jagħti lok li wieħed jaħseb li, minħabba l-allegata kontradizzjoni tal-motivi, huma ma kinux adattati biex jikkontestaw il-fondatezza tal-approċċ tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, u lanqas li din tal-aħħar ma hijiex f’pożizzjoni li teżerċita dmirha li tistħarreġ il-legalità f’dan ir-rigward. Kien x’kien il-każ, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 268 et seq iktar ’il fuq, huwa stabbilit li din ma hijiex is-sitwazzjoni fil-każ inkwistjoni.

320    Konsegwentement, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, li hija bbażata fuq kontradizzjoni tal-motivi, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

321    Fir-rigward tal-allegata insuffiċjenza fil-motivazzjoni, għandu jitfakkar li l-motivi esposti fid-Deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, minn naħa, il-premessi 188 sa 190 u, min-naħa l-oħra, il-premessi 218 u 219, jindikaw bi preċiżjoni u b’ċarezza suffiċjenti r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat li hija ma setgħetx tikkonkludi li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu jikkostitwixxu, minnhom infushom, għajnuna mill-Istat (ara wkoll il-punt 318 iktar ’il fuq).

322    Issa, il-kumpanniji Bouygues ma jressqu l-ebda element li jista’ juri li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata ma tagħtihomx il-possibbiltà li jsiru jafu u li jifhmu l-portata tal-ġustifikazzjonijiet sottostanti ta’ din il-konklużjoni tal-Kummissjoni u li jikkontestaw il-fondatezza tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u li din tal-aħħar ma hijiex f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ tal-legalità tagħha f’dan ir-rigward. Anzi, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 268 et seq iktar ’il fuq jirriżulta li tali stħarriġ tal-legalità huwa perfettament possibbli fid-dawl tal-motivi tad-Deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, il-kumpanniji Bouygues ma jistgħux jallegaw validament li l-Kummissjoni ma mmotivatx, kif titlob il-liġi, il-konklużjoni tagħha li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma jinvolvux trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat minkejja l-istudji ġuridiċi differenti prodotti matul il-proċedura amministrattiva li kkonkludew favur l-argument kuntrarju, peress li dawn il-motivi huma esposti, b’mod partikolari, fil-premessi 214 sa 219 tal-imsemmija deċiżjoni.

323    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tal-kumpanniji Bouygues, miġbura fil-qosor fil-punti 177 sa 181 iktar ’il fuq, għandhom l-għan tabilħaqq li jikkontestaw il-fondatezza tar-rifjut tal-Kummissjoni li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat u mhux bħala allegat nuqqas ta’ motivazzjoni fid-Deċiżjoni kkontestata fis-sens tal-Artikolu 253 KE.

324    Konsegwentement, it-tieni parti ta’ dan il-motiv, u għaldaqstant, it-tieni motiv tal-kumpanniji Bouygues fl-intier tiegħu, għandu jiġi miċħud.

325    Għaldaqstant, it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata tal-kumpanniji Bouygues għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha, mingħajr ma hemm għalfejn jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tat-talbiet tal-intervenjenti FT fil-Kawża T‑450/04.

326    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat minħabba r-raġunijiet ta’ illegalità invokati fit-tieni u fit-tielet motivi tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT.

II –  Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata

327    Fid-dawl tal-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi tal-motivi li r-Repubblika Franċiża u FT ressqu fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04, it-talbiet tagħhom kif ukoll dik tal-kumpanniji Bouygues fil-Kawża T‑450/04 u dik tal-AFORS fil-Kawża T‑456/04 biex jiġi annullat l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, li jikkonstata n-nuqqas ta’ neċessità li tiġi rkuprata l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1, tilfu l-għan tagħhom.

328    Fil-fatt, l-annullament tal-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni wara r-rikorsi ppreżentati fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04 għandu effett erga omnes, li jista’ jagħti l-awtorità assoluta tar-res judicata [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 2006, P&O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il-Kummissjoni, C‑442/03 P u C‑471/03 P, Ġabra p. I‑4845, punt 43; u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Marzu 2009, Tirrenia di Navigazione et vs Il‑Kummissjoni, T‑265/04, T‑292/04 u T‑504/04, Ġabra p. II‑21, punt 159].

329    Dan l-annullament għandu bħala konsegwenza t-tneħħija b’effett ex tunc tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni inkluża fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna inkluża fl-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni titlef l-għan tagħha ukoll b’effett ex tunc.

330    F’dawn il-kundizzjonijiet, kif il-partijiet irrikonoxxew b’mod unanimu waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li dwar dan ittieħdet nota fil-proċess verbali tas-seduta, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għall-annullament tar-Repubblika Franċiża, ta’ FT, tal-kumpanniji Bouygues u tal-AFORS diretti kontra l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, u lanqas li tiġi evalwata l-fondatezza tal-motivi u tal-argumenti li dawn ir-rikorrenti ressqu insostenn tat-talbiet tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

I –  Osservazzjonijiet ġenerali

331    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

332    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

333    Fl-aħħar nett, skont l-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, minn naħa, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, u min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

II –  Il-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04

334    Peress li l-Kummissjoni tilfet il-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04 u meta tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura anċillari, f’dawn il-kawżi, tat-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata li dwarha ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannta tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT.

335    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-kumpanniji Bouygues għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

III –  Il-Kawża T‑450/04

336    Peress li l-kumpanniji Bouygues tilfu l-kawża fir-rigward tat-talba tagħhom għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata u fid-dawl tan-nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba tagħhom għall-annullament tal-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, għandu jiġi deċiż li huma għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll nofs l-ispejjeż tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

337    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

338    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, FT għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

IV –  Il-Kawża T‑456/04

339    Fid-dawl tan-nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi deċiż li l-AFORS u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

340    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

341    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, FT għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/621/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur France Télécom, huwa annullat.

2)      Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2006/621.

3)      Fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04, il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-Repubblika Franċiża u minn France Télécom SA.

4)      Fil-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04, Bouygues SA u Bouygues Télécom SA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

5)      Fil-Kawża T‑450/04, Bouygues u Bouygues Télécom għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

6)      Fil-Kawża T‑450/04, il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha.

7)      Fil-Kawża T‑456/04, l-Association française des opérateurs de réseaux et services de télécommunications (AFORS Télécom) u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

8)      Fil-Kawżi T‑450/04 u T‑456/04, ir-Repubblika Franċiża u France Télécom għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Azizi

Cremona

Labucka

Frimodt Nielsen

 

      O’Higgins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Mejju 2010.

E. Coulon

Reġistratur

 

      President

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ France Télécom matul il-perijodu bejn l-2001 u l‑2004

II –  Il-proċedura amministrattiva

III –  Id-Deċiżjoni kkontestata

A –  In-notifika tad-Deċiżjoni kkontestata

B –  Id-dispożittiv tad-Deċiżjoni kkontestata

C –  Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FT bejn Ġunju 2002 u Marzu 2003

D –  L-għan tad-Deċiżjoni kkontestata

E –  L-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE u tal-prinċipju tal-investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq

F –  Il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni

G –  L-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

I –  Il-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04

II –  Il-Kawża T‑450/04

III –  Kawża T‑456/04

IV –  Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, rinviju quddiem kulleġġ ġudikanti estiż u tgħaqqid tal-kawżi

V –  Il-proċedura orali

Id-dritt

I –  Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata

A –  Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma fil-kuntest tal-Kawżi T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)  Osservazzjonijiet preliminari

b)  Fuq l-interess ġuridiku tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT fil-konfront tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata

ċ) Fuq l-interess ġuridiku tal-kumpanniji Bouygues fil-konfront tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata

d) Fuq l-ammissibbiltà tal-allegata talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata tal-AFORS

B –  Fuq il-legalità tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kkontestata

1.  L-argumenti tal-partijiet

a)  Sommarju tal-motivi ta’ annullament

b)  L-argumenti tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT

Osservazzjoni preliminari

Fuq it-tieni motiv tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT

Fuq it-tielet motiv tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT

Fuq l-argumenti addizzjonali mressqa mir-Repubblika Franċiża u minn FT bħala intervenjenti fil-Kawża T‑450/04 u bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali

ċ) L-argumenti tal-kumpanniji Bouygues

Fuq l-ewwel motiv tal-kumpanniji Bouygues

Fuq it-tieni motiv tal-kumpanniji Bouygues

d) L-argumenti tal-Kummissjoni

Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT

Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT

Fuq it-tielet motiv tar-Repubblika Franċiża u ta’ FT

–  Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni relatat mad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002

–  Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-applikabbiltŕ tal-kriterju tal-investitur privat prudenti

–  Fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-aġir tal-Istat Franċiż bħala investitur prudenti

Fuq l-ewwel motiv tal-kumpanniji Bouygues

–  Fuq l-argumenti tal-kumpanniji Bouygues

–  Fuq l-argumenti tal-intervenjenti FT

Fuq it-tieni motiv tal-kumpanniji Bouygues

Fuq l-argumenti addizzjonali mressqa mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)  Fuq il-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE

b)  Fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u mill-proġett ta’ self minn azzjonist

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq il-vantaġġ li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002

Fuq il-vantaġġ li jirriżulta mill-proġett ta’ self minn azzjonist

ċ) Fuq l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq it-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat marbut mad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002

Fuq it-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat marbut mal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tal-proġett ta’ self minn azzjonist u mal-offerta tal-20 ta’ Diċembru 2002 tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist

–  Osservazzjonijiet preliminari

–  Fuq l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 ta’ proġett ta’ self minn azzjonist

–  Fuq l-offerta tal-20 ta’ Diċembru 2002 tal-kuntratt ta’ self minn azzjonist

–  Fuq it-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat marbut mad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u mal-miżuri ta’ Diċembru 2002

d) Fuq it-tieni motiv tal-kumpanniji Bouygues, ibbażat fuq il-kontradizzjoni u l-insuffiċjenza tal-motivi li jmorru kontra l-Artikolu 253 KE

II –  Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ispejjeż

I –  Osservazzjonijiet ġenerali

II –  Il-Kawżi T‑425/04 u T‑444/04

III –  Il-Kawża T‑450/04

IV –  Il-Kawża T‑456/04



* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.