Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (Spanja) fis-16 ta' Frar 2012 - Transportes Jordi Besora, S.L. vs Tribunal Económico Administrativo Regional de Cataluña (TEARC) u Generalitat de Catalunya

(Kawża C-82/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Cataluña

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Transportes Jordi Besora, S.L.

Konvenut: Tribunal Económico Administrativo Regional de Cataluña (TEARC) u Generalitat de Catalunya

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta' Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta' dan it-tip ta' prodotti, u b'mod partikolari r-rekwiżit li taxxa partikolari jkollha "għan speċifiku",

•    għandu jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ li l-għan imfittex ma jkunx jista' jintlaħaq permezz ta' taxxa armonizzata oħra?

•    għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan tiegħu huwa purament baġitarju meta tiġi stabbilita taxxa partikolari fl-istess waqt li jsir it-trasferiment ta' ċerti kompetenzi lil Komunitajiet Awtonomi lil lilhom, imbagħad, jiġi ttrasferit id-dħul li jirriżulta mill-irkupru tat-taxxa bl-iskop li jkopri, parzjalment, l-ispejjeż ikkawżati mill-kompetenzi ttrasferiti, peress li r-rati ta' taxxa jistgħu jvarjaw minn Komunità Awtonoma għall-oħra?

•    f'każ ta' risposta negattiva għad-domanda preċedenti, il-kunċett ta' "għan speċifiku" għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għan tiegħu għandu jkun uniku jew inkella, kuntrarjament, jista' jkollu diversi għanijiet differenti, li l-għan tagħhom huwa purament baġitarju sabiex jiġu ffinanzjati ċerti kompetenzi?

•    jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun fis-sens li l-pluralità tal-għanijiet hija permessa, liema grad ta' rilevanza għandu jkollu għan partikolari, għall-finijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/12, sabiex il-kundizzjoni, għat-taxxa, li jkollha "għan speċifiku" fis-sens aċċettat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi sodisfatta, u liema huma l-kriterji li jippermettu li ssir distinzjoni bejn l-għan prinċipali u l-għan sussidjarju?

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta' Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta' dan it-tip ta' prodotti, u b'mod partikolari l-kundizzjoni tal-osservanza tar-regoli ta' tassazzjoni applikabbli għall-bżonnijiet tas-sisa jew tat-taxxa fuq il-valur miżjud sabiex tiġi ddeterminata l-eżiġibbiltà

•    jipprekludi taxxa indiretta mhux armonizzata (bħall-IVMDH), li ssir eżiġibbli fil-mument tal-bejgħ bl-imnut tal-karburant lill-konsumatur finali, b'differenza għat-taxxa armonizzata (taxxa fuq iż-żjut minerali, li hija eżiġibbli meta l-prodotti joħorġu mill-aħħar maħżen fiskali) jew mit-taxxa fuq il-valur miżjud (li, minkejja li hija wkoll eżiġibbli fil-mument tal-bejgħ bl-imnut finali, hija eżiġibbli f'kull fażi tal-proċess ta' produzzjoni u distribuzzjoni), minħabba li ma josservax - skont is-sentenza tad-9 ta' Marzu 2000, EKW u Wein & Co, (C-437/97, Ġabra p. I-1157, punt 47) - l-istruttura ġenerali ta' waħda jew l-oħra minn dawn it-tekniki ta' tassazzjoni kif huma organizzati mil-leġiżlazzjoni Komunitarja?

•    F'każ ta' risposta negattiva għad-domanda preċedenti, l-interpretazzjoni għandha tkun li din il-kundizzjoni ta' osservanza hija sodisfatta mingħajr ma hija neċessarja l-eżistenza ta' koinċidenzi fir-rigward tal-eżiġibbiltà, għas-sempliċi raġuni li t-taxxa indiretta mhux armonizzata (f'dan il-każ l-IVMDH) ma hijiex ta' ostakolu - fis-sens li la tfixkel u lanqas tikkomplika - mal-funzjonament normali tal-eżiġibbiltà tas-sisa jew tat-taxxa fuq il-valur miżjud?

____________