Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Frar 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-77/14)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Stromsky u A. Marcoulli)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li billi ma adottatx fit-termini l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji kollha għall-irkupru tal-għajnuna kklassifikata bħala illegali u inkompatibbli mas-suq komuni skont l-ewwel Artikolu tad-Deċiżjoni 1 tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Lulju 2011 – C(2011) 4916 (dwar għajnuna mill-Istat Nru SA.26117 — C 2/10 (ex NN 62/09) mogħtija mill-Greċja lil Aluminium of Greece SA – jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikatx b’mod suffiċjenti l-miżuri li hija ħadet skont l-Artikolu 4 lill-Kummissjoni, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 3 u 4 tal-imsemmija deċiżjoni u tat-TFUE.

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors tal-Kummissjoni jirrigwarda n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni mir-Repubblika Ellenika ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat favur l-impriża Aluminium of Greece SA li għandha tiġi rkuprata mill-impriża pubblika tal-elettriku (DEI).

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Greċja kellha tiżgura li d-deċiżjoni tiġi implementata fl-erba’ xhur li jibdew jiddekorru mid-data tan-notifika tagħha. Id-deċiżjoni ġiet innotifikata fl-14 ta’ Lulju 2011 u l-Kummissjoni ma awtorizzat l-ebda proroga tat-terminu tal-implementazzjoni tagħha. Għalhekk, it-terminu sabiex tikkonforma ruħha skada, mill-perspettiva formali, fl-14 ta’ Novembru 2011.

Il-Kummissjoni tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-uniku motiv ġustifikatorju li Stat Membru jista’ jinvoka kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(2) TFUE huwa l-impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni korretta tad-deċiżjoni.

Madankollu, f’din il-kawża, l-awtoritajiet Elleniċi qatt ma invokaw l-argument ibbażat fuq l-impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni. Kuntrarjament, huma, qabelxejn, esprimew ir-rieda tagħhom li d-deċiżjoni tiġi eżegwita mill-iktar fiss possibbli. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota, li, fil-mument tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, l-awtoritajiet Elleniċi kienu għadhom ma ħadu l-ebda miżura intiża sabiex id-deċiżjoni tiġi eżegwita, lanqas b’mod parzjali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-ordni ta’ ħlas tal-ammont tal-għajnuna, miksub mid-DEI kontra Aluminium of Greece SA, ġie sospiż b’sentenza tal-Monomeles Protodikeio Athinon. Il-Kummissjoni tqis li l-imsemmija qorti nazzjonali, billi ssospendiet l-applikazzjoni tal-ordni ta’ ħlas, kisret il-kundizzjonijiet stabbiliti minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att nazzjonali adottat fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni 2 .

Il-Kummissjoni tqis li l-Greċja ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, la skont is-soluzzjoni li kienet is-suġġett ta’ skambju ta’ perspettivi bejn id-dipartimenti tagħha u l-awtoritajiet Elleniċi kompetenti, u lanqas bl-ebda mod ieħor xieraq.

____________

1 ĠU L 166, 27.06.2012, p. 83

2 Sentenzi tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest vs Hauptzollamt Itzehoe u Hauptzollamt Paderborn, C-143/88 u C-92/89, Ġabra 1991 p. I-415, u tad-9 ta’ Novembru 1995, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I) vs Bundesamt für Ernährung und Forstwirtschaft, C-465/93, Ġabra. 1995 p. I-3761.