Language of document : ECLI:EU:T:2012:260

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

24 ta’ Mejju 2012 (*)

“Kompetizzjoni — Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi — Suq tas-servizzi ta’ akkwist ta’ tranżazzjonijiet imwettqa b’karti ta’ debitu, ta’ debitu differit u ta’ kreditu — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Drittijiet multilaterali tal-interskambju ta’ riżerva — Artikolu 81(1) u (3) KE — Kunċett ta’ restrizzjoni anċillari — Assenza ta’ natura oġġettivament neċessarja — Restrizzjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-effett — Kundizzjonijiet għall-għoti ta’ eżenzjoni individwali — Drittijiet tad-difiża — Miżura korrettiva — Pagamenti ta’ penalità — Motivazzjoni — Proporzjonalità”

Fil-Kawża T-111/08,

MasterCard, Inc., stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti),

MasterCard International, Inc., stabbilita f’Wilmington,

MasterCard Europe, stabbilita f’Waterloo (il-Belġju),

irrappreżentati minn B. Amory, V. Brophy, S. McInnes, avukati, u T. Sharpe, QC,

rikorrenti,

sostnuti minn

Banco Santander, SA, stabbilit f’Santander (Spanja), irrappreżentat minn F. Lorente Hurtado, P. Vidal Martínez u A. Rodriguez Encinas, avukati,

minn

Royal Bank of Scotland plc, stabbilit f’Edinburgh (ir-Renju Unit), irrappreżentat minn D. Liddell, solicitor, D. Waelbroeck, avukat, N. Green, QC, u M. Hoskins, barrister,

minn

HSBC Bank plc, stabbilit f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentat minn M. Coleman, P. Scott, solicitors, u R. Thompson, QC,

minn

Bank of Scotland plc, stabbilit f’Edinburgh, irrappreżentat inizjalment minn S. Kim, K. Gordon u C. Hutton, solicitors, sussegwentement minn J. Flynn, QC, E. McKnight u K. Fountoukakos‑Kyriakakos, solicitors,

minn

Lloyds TSB Bank plc, stabbilit f’Londra, irrappreżentat minn E. McKnight, K. Fountoukakos-Kyriakakos, solicitors, u J. Flynn, QC,

u minn

MBNA Europe Bank Ltd, stabbilit f’Chester (ir-Renju Unit), irrappreżentat minn A. Davis, solicitor, u J. Swift, QC,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn F. Arbault, N. Khan u V. Bottka, sussegwentement minn N. Khan u V. Bottka, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat inizjalment minn E. Jenkinson u I. Rao, bħala aġenti, sussegwentement minn I. Rao, S. Ossowski u F. Penlington, u fl-aħħar nett minn I. Rao, S. Ossowski u C. Murrell, bħala aġenti, assistiti minn J. Turner, QC, u J. Holmes, barrister,

minn

British Retail Consortium, stabbilit f’Londra, irrappreżentat minn P. Crockford, solicitor, u A. Robertson, barrister,

u minn

EuroCommerce AISBL, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata inizjalment minn F. Tuytschaever u F. Wijckmans, sussegwentement minn F. Wijckmans u J. Stuyck, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talba għall-annullament tad-Deċiżjoni C (2007) 6474 finali, tad-19 ta’ Diċembru 2007, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/34.579 — MasterCard, Każ COMP/36.518 — EuroCommerce, Każ COMP/38.580 — Cards Kummerċjali), u, sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikoli 3 sa 5, u 7 ta’ din l-istess deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Dittrich, President, I. Wiszniewska-Białecka u M. Prek (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Lulju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Ir-rikorrenti

1        MasterCard hija organizzazzjoni internazzjonali tal-ħlas (iktar ’il quddiem l-“organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard”), irrappreżentata minn għadd ta’ persuni ġuridiċi, il-kumpannija holding MasterCard, Inc., u ż-żewġ sussidjarji tagħha MasterCard International, Inc., u MasterCard Europe (iktar ’il quddiem, ilkoll flimkien, ir-“rikorrenti”).

2        Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti tirrigwarda l-ġestjoni u l-koordinazzjoni tas-sistemi tal-ħlas imwettqa permezz ta’ karti MasterCard u Maestro (iktar ’il quddiem, ilkoll flimkien, rispettivament, is-“sistema MasterCard” u l-“karti MasterCard”), li tinkludi b’mod partikolari l-iffissar tar-regoli tas-sistema kif ukoll il-provvista tas-servizzi ta’ awtorizzazzjoni u ta’ kumpens lill-istabbilimenti finanzjarji parteċipanti. Ir-responsabbiltà tal-attivitajiet tal-ħruġ tal-karti MasterCard u l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ sħubija ma’ negozjanti għall-aċċettazzjoni tagħhom ta’ ħlasijiet permezz ta’ karti MasterCard jaqgħu taħt l-istabbilimenti finanzjarji.

3        Qabel il-25 ta’ Mejju 2006, il-proprjetà kollha tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u d-drittijiet ta’ votazzjoni korrispondenti kienu f’idejn il-banek. F’din id-data, MasterCard kienet is-suġġett ta’ offerta pubblika inizjali fil-Borża ta’ New York, (l-Istati Uniti) (iktar ’il quddiem l-“IPO”), fatt li emenda l-istruttura tagħha u t-tmexxija tagħha.

II –  Il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata

4        Fit-30 ta’ Marzu 1992 u fis-27 ta’ Ġunju 1997, tressqu xi lmenti quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej minn British Retail Consortium (iktar ’il quddiem “BRC”) u minn EuroCommerce AISBL rispettivament, kontra, b’mod partikolari, Europay International SA (iktar ’il quddiem “Europay”), li saret MasterCard Europe.

5        Fit-22 ta’ Mejju 1992, f’Mejju 1993 u fit-8 ta’ Settembru 1994, Europay bagħtet diversi notifiki. Dawn kienu segwiti minn notifika, effettiva mill-1 ta’ Lulju 1995, dwar is-sistemi tal-ħlas ta’ Europay kollha.

6        Fit-13 ta’ April 2002, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija kienet bagħtet lil Europay u wara r-risposta tagħha, il-Kummissjoni ppubblikat, skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), avviż li fih hija ħabbret l-intenzjoni tagħha li tadotta pożizzjoni favorevoli fir-rigward ta’ wħud mir-regoli tas-sistema ta’ Europay, li fosthom ma jissemmewx dawk li jirrigwardaw id-drittijiet tal-interskambju ta’ riżerva (fallback interchange fees).

7        Fit-22 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni ex officio dwar id-drittijiet tal-interskambju ta’ riżerva fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fir-rigward tal-karti kummerċjali.

8        Fl-24 ta’ Settembru 2003, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet dwar ir-regoli tas-sistema MasterCard u d-deċiżjonijiet tagħhom dwar id-drittijiet tal-interskambju ta’ riżerva.

9        Fil-5 ta’ Ġunju 2004, ir-rikorrenti rrispondew għal din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

10      Fil-21 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali (iktar ’il quddiem il-“DOA”).

11      Fit-3 u l-4 ta’ Lulju kif ukoll fit-22 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti ngħataw aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni.

12      Fil-15 ta’ Ottubru 2006, ir-rikorrenti rrispondew għad-DOA (iktar ’il quddiem ir-“RDOA”).

13      Fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2006, ir-rikorrenti nstemgħu waqt seduta.

14      Fit-23 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni bagħtet ittra li tesponi l-fatti lir-rikorrenti.

15      Fis-16 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti rrispondew għall-ittra li tesponi l-fatti.

 Id-deċiżjoni kkontestata

16      Fid-19 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2007) 6474 finali, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/34.579 — MasterCard, Każ COMP/36.518 — EuroCommerce, COMP/38.580 — Cards Kummerċjali) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li l-punti essenzjali tagħha huma riprodotti iktar ’il quddiem.

I –  Is-sistema kwadripartita ta’ karti bankarji u ta’ drittijiet tal-interskambju

17      Il-Kummissjoni tfakkar li sistema kwadripartita ta’ karti bankarji, ikklassifikata wkoll bħala sistema miftuħa, bħas-sistema MasterCard, hija distinta mis-sistemi tripartiti sa fejn, fis-sistemi kwadripartiti, l-istabbiliment finanzjarju li joħroġ il-karta bankarja (iktar ’il quddiem il-“bank li joħroġ il-karti” jew “min joħroġ il-karti”) jista’ jkun differenti mill-istabbiliment finanzjarju li jipprovdi s-servizzi ta’ akkwist lin-negozjanti, jiġifieri s-servizzi li jippermettulhom jaċċettaw il-karti bħala mezz ta’ ħlas tat-tranżazzjonijiet (iktar ’il quddiem il-“bank tal-akkwist” jew il-“bank akkwirenti”) (premessi 234 sa 249 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Id-drittijiet tal-interskambju jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejn il-bank li joħroġ il-karti u l-bank akkwirenti matul il-ħlas ta’ tranżazzjonijiet permezz ta’ karta u jikkorrispondu għal somma mnaqqsa mill-qligħ tal-bank li joħroġ il-karta. Dawn għandhom jiġu distinti mill-ispejjeż iffatturati mill-bank tal-akkwist lin-negozjanti [“merchant service charge”, spejjeż għas-servizz ipprovdut lin-negozjant, (iktar ’il quddiem l-“MSCs”)].

19      Il-Kummissjoni enfasizzat li l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard ġeneralment ma timponix fuq il-banek li joħorġu l-karti mod partikolari ta’ użu tad-dħul mid-drittijiet tal-interskambju u li hija ma tikkontrollax, b’mod sistematiku, l-użu li huma jagħmlu minnu (premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonstatat ukoll li rrikorrenti ma jikklassifikawx jew ma għadhomx jikklassifikaw id-drittijiet tal-interskambju bħala prezz jew bħala kumpens għal ċerti servizzi mogħtija mill-banek li joħorġu l-karti lin-negozjanti, iżda bħala mekkaniżmu ta’ bbilanċjar tad-domanda tad-detenturi tal-karti u tan-negozjanti (premessi 146 sa 155 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Id-deċiżjoni kkontestata ma tirrigwardax id-drittijiet tal-interskambju kollha riċevuti fil-kuntest tas-sistema MasterCard, iżda biss dawk li d-deċiżjoni kkontestata tikklassifika bħala drittijiet multilaterali tal-interskambju applikabbli fi ħdan iż-ŻEE jew iż-żona Euro awtomatikament, jiġifieri fl-assenza ta’ drittijiet tal-interskambju stabbiliti b’mod bilaterali bejn il-banek li joħorġu l-karti u l-banek tal-akkwist jew fl-assenza ta’ drittijiet tal-interskambju stabbiliti kollettivament fuq livell nazzjonali (iktar ’il quddiem id-“DMIs”) (premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata).

II –  Definizzjoni tas-suq rilevanti

21      Skont il-Kummissjoni, għandha ssir distinzjoni bejn tliet swieq ta’ prodotti distinti fil-qasam tas-sistemi tal-karti bankarji kwadripartiti: qabelxejn, hemm suq “upstream”, li jikkorrispondi għas-servizzi pprovduti minn sistema ta’ karti bankarji lil istituzzjonijiet finanzjarji, suq li fi ħdanu s-sistemi differenti ta’ karti jikkompetu bejnithom (iktar ’il quddiem is-“suq tal-intersistemi”; imbagħad, hemm l-ewwel tip ta’ suq “downstream”, li fi ħdanu l-banek li joħorġu l-karti jikkompetu bejnithom għall-klijentela magħmula mid-detenturi tal-karti bankarji (iktar ’il quddiem is-“suq tal-ħruġ tal-karti”; fl-aħħar nett, hemm it-tieni tip ta’ suq “downstream”, li fi ħdanu l-banek tal-akkwist jikkompetu bejniethom għall-klijentela magħmula min-negozjanti (iktar ’il quddiem is-“suq tal-akkwist”) (premessi 278 sa 282 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Il-Kummissjoni ddefinixxiet is-suq rilevanti bħala li huwa magħmul mis-swieq nazzjonali tal-akkwist fl-Istati Membri taż-ŻEE (premessi 283 sa 329 tad-deċiżjoni kkontestata).

23      Hija ma aċċettatx l-argumentazzjoni żviluppata mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva li tgħid li jeżisti biss suq wieħed tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri dak li fih is-servizzi offruti mis-sistemi tal-karti li bihom isir il-ħlas fuq it-talba konġunta tad-detenturi tal-karti u tan-negozjanti jikkompetu bejniethom u jikkompetu mal-bqija tal-mezzi tal-ħlas l-oħra kollha, inkużi l-flus kontanti u ċ-ċekkijiet (premessi 250 sa 277 tad-deċiżjoni kkontestata).

III –  L-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE

A –  Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi

24      Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjonijiet tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard li jirrigwardaw l-iffissar tad-DMIs huma deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1)(KE), u dan minkejja l-emendi ta’ struttura u ta’ tmexxija magħmula bl-IPO ta’ MasterCard.

25      L-ewwel nett, essenzjalment hija qieset li l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard kienet assoċjazzjoni ta’ impriżi qabel l-IPO, u li dan l-avveniment ma kienx affettwa l-elementi determinanti li jiġġustifikaw din il-klassifikazzjoni (premessi 345 sa 357 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni enfasizzat b’mod partikolari li l-emenda tal-proprjetà ekonomika tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard ma kinitx tikkostitwixxi element determinanti (premessa 358 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija osservat ukoll li t-tmexxija tal-assoċjazzjoni fl-Ewropa baqgħet taħt il-kontroll tal-banek (premessi 359 sa 367 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      It-tieni nett, il-Kummissjoni osservat li kien paċifiku li d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw id-DMIs adottati qabel l-IPO kienu deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Din il-klassifikazzjoni kellha tinżamm fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw id-DMIs adottati wara l-IPO. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, hija bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq iż-żamma ta’ komunanza ta’ interessi bejn l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u l-banek u fuq l-aċċettazzjoni, min-naħa tagħhom, tal-mod ta’ tmexxija ġdid tagħha (premessi 370 sa 399 tad-deċiżjoni kkontestata).

B –  Restrizzjoni tal-kompetizzjoni

27      Filwaqt li rrilevat l-eżistenza ta’ ċerti elementi li jindikaw l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni dovuta għall-għan, il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha biss fuq l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni li d-DMIs għandhom fis-suq tal-akkwist (premessi 401 sa 407 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      Skont il-Kummissjoni, il-membri tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard flimkien jeżerċitaw setgħa fis-suq fir-rigward tan-negozjanti u tal-klijenti tagħhom. Għalhekk, id-DMIs għandhom l-effett li jkabbru l-bażi tal-MSCs, filwaqt li fl-assenza ta’ DMIs u kieku kienet teżisti projbizzjoni ta’ tariffar unilaterali a posteriori tat-tranżazzjonijiet mill-banek li joħorġu l-karti (iktar ’il quddiem il-“projbizzjoni ta’ tariffar ‘ex post’”), dawn jistgħu jkunu inqas. Minn dan jirriżulta li d-DMIs eżaminati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huma l-kawża ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet bejn il-banek tal-akkwist għad-detriment tan-negozjanti u tal-klijenti tagħhom (premessi 410, 411 u 522 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      F’dan ir-rigward, minn naħa, hija sostniet li l-effetti restrittivi tad-DMIs ma jħallux l-effetti tagħhom biss fuq l-akkwist tat-tranżazzjonijiet transkonfinali, iżda wkoll fuq dak tat-tranżazzjonijiet nazzjonali, billi rreferiet, b’mod partikolari, għall-fatt li d-DMIs japplikaw f’ċerti Stati Membri minħabba l-fatt li hemm assenza ta’ drittijiet tal-interskambju bilaterali jew nazzjonali u li huma jistgħu jservu ta’ referiment għall-iffissar ta’ drittijiet tal-interskambju nazzjonali (premessi 412 sa 424 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ddeduċiet minn għadd ta’ provi li d-DMIs jiddeterminaw livell minimu għall-MSCs (premessi 425 sa 438 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Barra minn hekk, hija osservat essenzjalment li r-rwol li d-DMIs għandhom fis-suq tal-ħruġ tal-karti u fis-suq tal-intersistemi saħħaħ l-effetti restrittivi tagħhom fuq il-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni, sa fejn, minn naħa, huwa fl-interess tal-banek li joħorġu l-karti li joffru lill-klijenti tagħhom karti li fir-rigward tagħhom hemm previsti DMIs għolja u, min-naħa l-oħra, il-kompetizzjoni li hemm bejn is-sistemi tal-karti għall-klijentela tal-banek isseħħ għad-detriment tas-sistemi li joffru DMIs baxxi (premessi 431 sa 491 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li l-eżerċizzju ta’ pressjoni kompetittiva sabiex jitnaqqsu d-DMIs ma kienx fl-interess tal-banek tal-akkwist peress li dawn, direttament jew indirettament, jibbenefikaw minnha (premessi 499 sa 501 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Fir-rigward tan-negozjanti, huma ma humiex f’pożizzjoni li jeżerċitaw pressjoni suffiċjenti fuq l-ammont tad-DMIs (premessi 502 sa 506 tad-deċiżjoni kkontestata). Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-effetti ta’ regoli oħra tas-sistema MasterCard u, b’mod partikolari, dik tar-regola li timponi li għandhom jiġu aċċettati l-karti kollha provenjenti mill-banek kollha (“Honour All Cards Rule”, iktar ’il quddiem l-“HACR”) (premessi 507 sa 521 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll l-attrazzjoni tal-konsumaturi għal dan il-metodu ta’ ħlas (premessi 504 u 506 tad-deċiżjoni kkontestata).

C –  Evalwazzjoni dwar jekk id-DMIs humiex oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tas-sistema MasterCard

34      Preliminarjament, il-Kummissjoni fakkret li, kuntrarjament għar-restrizzjonijiet neċessarji għall-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali, ir-restrizzjonijiet li huma biss mixtieqa għas-suċċess kummerċjali tal-imsemmija operazzjoni, jew li jtejbu l-effiċjenza, jistgħu biss jiġu eżaminati fil-kuntest tal-Artikolu 81(3) KE (premessi 524 sa 531 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Il-Kummissjoni qieset li d-DMIs ma jistgħux jitqiesu bħala restrizzjonijiet anċillari sa fejn dawn ma humiex oġġettivament neċessarji għall-funzjonament ta’ sistema miftuħa ta’ karti tal-ħlas. Din tista’ tiffunzjona biss fuq il-bażi ta’ remunerazzjoni tal-banek li joħorġu l-karti mid-detenturi tal-karti, tal-banek akkwirenti min-negozjanti u tal-proprjetarju tas-sistema mid-drittijiet imħallsa mill-banek li joħorġu l-karti u mill-banek tal-akkwist (premessi 549 sa 552 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq il-fatt li fl-Ewropa hemm ħames sistemi miftuħa ta’ karti bankarji li jiffunzjonaw mingħajr DMIs (premessi 555 sa 614 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni rreferiet ukoll għat-tnaqqis fid-drittijiet tal-interskambju impost mill-Bank Ċentrali tal-Awstralja u għall-assenza ta’ effett tiegħu fuq il-vijabbiltà tas-sistema MasterCard (premessi 634 sa 644 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      Fir-rigward tal-effetti tal-HACR, il-Kummissjoni sostniet li t-tneħħija tad-DMIs ma tkunx tfisser libertà għall-banek li joħorġu l-karti sabiex jistabbilixxu d-drittijiet tal-interskambju b’mod liberu u unilaterali, peress li dan ir-riskju jista’ jiġi evitat permezz ta’ regola li jkollha effetti inqas restrittivi fuq il-kompetizzjoni, bħall-projbizzjoni ta’ tariffar “ex post” (premessi 553 u 554 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Il-Kummissjoni ma aċċettatx l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq iż-żieda fl-ispejjeż li l-eliminazzjoni tad-DMIs twassal għaliha. Għalhekk, hija ċaħdet li din l-eliminazzjoni kellha l-konsegwenza li żżid il-kontribuzzjonijiet imħallsa mid-detenturi tal-karti għal livell li jwassal għal domanda insuffiċjenti (premessi 609 sa 614 tad-deċiżjoni kkontestata). Bl-istess mod, hija ma aċċettatx l-analiżi tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li l-assenza ta’ DMIs iwassal għal distribuzzjoni kollettiva mill-ġdid tal-ispejjeż fis-sistema u jkollu konsegwenza fuq l-ispejjeż imposti fuq in-negozjanti li hija identika għal dik tad-DMIs (premessi 615 sa 619 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Hija lanqas ma qieset li d-DMIs huma oġġettivament neċessarji sabiex is-sistema MasterCard tkun tista’ tikkompeti mas-sistemi tripartiti (premessi 620 sa 625 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-effett ta’ restrizzjoni tad-DMIs fuq il-kompetizzjoni kien sinjifikattiv (premessi 649 sa 660 tad-deċiżjoni kkontestata) u li huma affettwaw l-iskambji bejn Stati Membri (premessi 661 u 662 tad-deċiżjoni kkontestata).

IV –  L-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE

40      Skont il-Kummissjoni, essenzjalment, l-argumenti ekonomiċi mressqa mir-rikorrenti, ibbażati fuq ir-rwol tad-DMIs fl-ibbilanċjar tas-sistema MasterCard u l-massimizzazzjoni tagħha, ma humiex biżżejjed sabiex juru li dawn jiġġeneraw vantaġġi oġġettivi. Hija tqis li meta talbet li jitressqu provi empiriċi, hija ma imponietx oneru tal-prova eċċessiv fuq ir-rikorrenti. Hija pproduċiet ukoll elementi li jmorru kontra l-argumentazzjoni tar-rikorrenti, bħall-output kunsiderevoli ta’ ċerti sistemi ta’ karti bankarji li jiffunzjonaw mingħajr DMIs u d-dħul sinjifikattiv li l-banek jiġġeneraw mill-attività tagħhom ta’ ħruġ tal-karti (premessi 679 sa 701 u 729 sa 733 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat il-bażi teoretika li fuqha jistrieħu r-rikorrenti, jiġifieri l-mudell Baxter, iżda warrbet l-argumentazzjoni ta’ dawn tal-aħħar minħabba limitazzjonijiet inerenti għal dan il-mudell (premessi 720 sa 724 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      F’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni li mill-qliegħ għandu jiġi rriżervat sehem ġust għall-konsumaturi, il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti ma kinux ipproduċew provi li juru li vantaġġi oġġettivi eventwali jikkumpensaw għall-inkonvenjenzi li d-DMIs jikkawżaw lin-negozjanti u lill-klijenti tagħhom (premessi 739 sa 746 tad-deċiżjoni kkontestata).

V –  Id-dispożittiv

43      L-Artikoli 1 u 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqraw kif ġej:

“Artikolu 1

Mit-22 ta’ Mejju 1992 sad-19 ta’ Diċembru 2007, l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u l-persuni ġuridiċi li jirrappreżentawha [jiġifieri r-rikorrenti] kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81[KE] u, mill-1 ta’ Jannar 1994 sad-19 ta’ Diċembru 2007, dawk tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE billi effettivament iffissaw prezz minimu għall-ispejjeż li n-negozjanti jridu jħallsu lill-bank akkwirenti tagħhom sabiex jaċċettaw karti tal-ħlas fiż-[ŻEE], permezz ta’ drittijiet tal-interskambju ta’ riżerva intra-ŻEE għall-karti ta’ kreditu u ta’ debitu differit ‘konsumaturi’ bil-marka MasterCard u għall-karti ta’ debitu bil-marka MasterCard jew Maestro.

Artikolu 2

L-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u l-persuni ġuridiċi li jirrappreżentawha għandhom itemmu l-ksur msemmi fl-Artikolu 1 skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 sa 5 segwenti.

L-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u l-persuni ġuridiċi li jirrappreżentawha ma għandhomx jirrepetu l-ksur permezz ta’ kwalunkwe att jew aġir deskritt fl-Artikolu 1 li għandu għan jew effett identiku jew ekwivalenti. B’mod partikolari, huma ma għandhomx japplikaw id-drittijiet tal-interskambju tas-SEPA/tal-intrażona tal-Euro” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

44      Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ordnat lir-rikorrenti sabiex fi żmien sitt xhur, iħassru formalment id-DMIs inkwistjoni, jemendaw ir-regoli tan-netwerk tal-assoċjazzjoni u jannullaw id-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw id-DMIs. Fl-Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni, ir-rikorrenti huma obbligati li, fi żmien sitt xhur, jikkomunikaw lill-istabbilimenti finanzjarji kif ukoll lill-clearing houses u l-banek tas-saldu (settlement banks) ikkonċernati bit-tranżazzjonijiet fiż-ŻEE, l-emendi magħmula għar-regoli tan-netwerk tal-assoċjazzjoni. Fl-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni, ir-rikorrenti huma ordnati jippubblikaw, fuq l-internet, sommarju tad-deċiżjoni kkontestata. L-Artikolu 6 ta’ din tal-aħħar jipprevedi l-possibbiltà li l-Kummissjoni tintalab tagħti estensjoni tat-terminu ta’ sitt xhur mogħti lir-rikorrenti sabiex josservaw l-inġunzjonijiet previsti fl-Artikoli 2 sa 5. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minn dawn l-inġunzjonijiet ser ikun issanzjonat b’multa li tamonta għal 3.5 % tad-dħul mill-bejgħ mondjali kkonsolidat ta’ kuljum tagħhom.

 Il-proċedura

45      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Marzu 2008, ir-rikorrenti ressqu r-rikors preżenti.

46      B’digriet tat-12 ta’ Settembru 2008, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

47      Permezz tal-ewwel digriet tad-9 ta’ Diċembru 2008, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta li BRC u EuroCommerce jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

48      Permezz ta’ tieni digriet tad-9 ta’ Diċembru 2008, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta li l-kumpanniji li ġejjin jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti:

–        Banco Santander SA;

–        HSBC Bank plc (iktar ’il quddiem “HSBC”);

–        Bank of Scotland plc;

–        Royal Bank of Scotland plc (iktar ’il quddiem “RBS”);

–        Lloyds TSB Bank plc (iktar ’il quddiem “Lloyds TSB”);

–        MBNA Europe Bank Ltd (iktar ’il quddiem “MBNA”).

49      Fl-4 ta’ Awwissu u fil-5 ta’ Diċembru 2008, kif ukoll fid-19 ta’ Frar, fid-29 ta’ April u fit-23 ta’ Lulju 2009, ir-rikorrenti talbu li ċerti elementi kunfidenzjali li jinsabu fir-rikors, fir-risposta, fir-replika, f’ċerti noti ta’ intervent u fil-kontroreplika rispettivament ma jiġux ikkomunikati lill-intervenjenti. Huma ppreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-diversi atti proċedurali. Il-komunikazzjoni tal-imsemmija atti proċedurali lill-intervenjenti kienet limitata għal din il-verżjoni mhux kunfidenzjali. Dawn l-intervenjenti ma qajmux oġġezzjoni f’dan ir-rigward.

50      Fil-25 ta’ Frar 2009, RBS talab li ċerti elementi kunfidenzjali li jinsabu fin-nota ta’ intervent tiegħu jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lill-intervenjenti l-oħra. L-għada, MBNA, HSBC u Bank of Scotland ressqu talbiet ekwivalenti fir-rigward tan-nota ta’ intervent tagħhom. Fit-3 ta’ Marzu 2009, EuroCommerce ressqet talba ekwivalenti, f’dak li jikkonċerna n-nota ta’ intervent tagħha. L-intervenjenti ppreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali tan-nota ta’ intervent tagħhom. Il-komunikazzjoni tal-imsemmija noti ta’ intervent lill-intervenjenti l-oħra ġiet limitata għal din il-verżjoni mhux kunfidenzjali. Dawn l-intervenjenti ma oġġezzjonawx f’dan ir-rigward.

51      Fit-8 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrenti pproponew lill-Qorti Ġenerali tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skont l-Artikolu 64(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Fid-29 ta’ Jannar u fil-31 ta’ Marzu 2010, ir-rikorrenti talbu li ċerti elementi kunfidenzjali li jinsabu fit-talba tagħhom għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u fir-risposta tal-Kummissjoni għal din it-talba rispettivament ma jiġux ikkomunikati lill-intervenjenti u pprovdew verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-diversi atti proċedurali. Il-komunikazzjoni tal-imsemmija atti lill-intervenjenti ġiet limitata għal din il-verżjoni mhux kunfidenzjali. L-intervenjenti ma oġġezzjonawx f’dan ir-rigward.

52      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

53      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-8 ta’ Lulju 2011.

 It-talbiet tal-partijiet

54      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 3 sa 5 u 7 tagħha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

55      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

56      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, BRC u EuroCommerce jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

57      Banco Santander, RBS, Lloyds TSB u MBNA jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

58      HSBC jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

59      Bank of Scotland jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 3 sa 5 u 7;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Id-dritt

I –  Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrenti

60      Ir-rikorrenti jixtiequ li l-Kummissjoni tintalab, bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, temenda silta mill-kontroreplika sabiex jitħassru r-referenzi għall-impenji unilaterali li għalihom huma kkommettew ruħhom.

61      Minn din is-silta tal-kontroreplika jirriżulta li, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, id-diskussjonijiet bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni komplew u wasslu għal impenji li jirrigwardaw metodu ġdid ta’ kalkolu tad-DMIs, impenji li fuq il-bażi tagħhom il-membru tal-Kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet tal-kompetizzjoni indika li “hija ma rat l-ebda raġuni għalxiex għandu jiġi propost lill-Kulleġġ jiftaħ proċeduri kontra d-DMIs iffissati skont dan il-metodu ġdid”.

62      Ir-rikorrenti jqisu li dawn ir-riferimenti huma mwettqa bi ksur tal-ftehim konkluż mal-Kummissjoni li jgħid li d-diskussjonijiet tagħhom u kull arranġament eventwali dwar id-DMIs huma “kunfidenzjali” u “bla ħsara” (without prejudice). Il-Kummissjoni tenfasizza li l-introduzzjoni mill-ġdid tad-DMIs huwa fatt magħruf, peress li kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-Kummissjoni ppubblikaw stqarrijiet għall-istampa f’dan ir-rigward. Hija ssostni wkoll li r-rikorrenti jsegwu interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “bla ħsara”.

63      Skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-utilità ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni, C‑199/99 P, Ġabra p. I‑11177, punt 67; is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 1991, Pérez-Mínguez Casariego vs Il-Kummissjoni, T‑1/90, Ġabra p. II‑143, punt 94, u tat-12 ta’ Settembru 2007, Neumann vs UASI (Forma ta’ ras ta’ mikrofonu), T‑358/04, Ġabra p. II‑3329, punt 66].

64      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-riferimenti kkontestati jikkonċernaw avveniment li seħħ wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant ma għandhomx effett fuq il-legalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2002, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑395/94, Ġabra p. II‑875, punt 252, u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Għaldaqstant hemm lok li t-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrenti tiġi miċħuda, u dan mingħajr ma huwa neċessarju li tkun mistħarrġa l-portata eżatta tal-obbligi li jirriżultaw mir-riferiment, fl-ittri skambjati bejn il-partijiet, li d-diskussjonijiet tagħhom kienu kunfidenzjali u “bla ħsara”.

II –  Fuq l-ammissibbiltà tal-kontenut ta’ ċerti annessi għas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet

66      Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti li jinsabu f’ċerti annessi għar-rikors u għar-replika għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, sa fejn il-preżenza ta’ argumenti fl-annessi tmur lil hinn mill-funzjoni purament probatorja u strumentali assenjata lilhom.

67      Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li kulma jagħmlu l-imsemmija annessi huwa li jissostanzjaw argumenti li jinsabu fit-test proprju tar-rikors u li, għaldaqstant, dawn huma ammissibbli. Dan ma huwiex l-istess għal ċerti annessi għar-risposta, li jinkludu argumenti li ma humiex imqajma fit-test proprju tal-imsemmija risposta u li għaldaqstant ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri.

68      Skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u l-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa meħtieġ li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu. Għalkemm it-test proprju tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi ta’ dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk dawn ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-punti essenzjali tal-argumentazzjoni legali, li, skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandhom ikunu inklużi fir-rikors. Barra minn hekk, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li hija tista’ tqis li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, u dan peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tapplika wkoll għall-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-replika li, skont l-Artikolu 47(1) tal-istess Regoli, hija intiża li tikkompleta r-rikors (sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 95).

70      Minkejja li, fir-rigward tal-preżunzjoni ta’ legalità li minnha jibbenefikaw l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, ir-rikors u r-risposta jservu, kull wieħed minnhom, għanijiet differenti, u, għaldaqstant, rekwiżiti differenti, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà ta’ riferimenti għal dokumenti annessi mar-risposta, hemm lok li jiġi segwit l-istess approċċ bħal dak li jipprevali fir-rigward tar-rikors, peress li l-Artikolu 46(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura jippreċiża li r-risposta għandu jkun fiha l-argumenti ta’ liġi u ta’ fatt invokati.

71      Il-kritiki dwar ir-riferiment għal annessi se jkunu eżaminati, jekk ikun il-każ, meta ssir l-analiżi tad-diversi motivi u argumenti li l-annessi jirrigwardaw. L-annessi ser jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn dawn jissostanzjaw jew jikkompletaw il-motivi jew l-argumenti espressament invokati mill-partijiet fit-test proprju tal-atti tagħhom u sa fejn ikun possibbli li jiġi identifikat bi preċiżjoni liema huma dawk il-punti li jinsabu fihom, li jissostanzjaw jew li jikkompletaw l-imsemmija motivi jew argumenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Microsoft vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 99).

III –  Fuq il-mertu

72      Minn naħa, prinċipalment, dan ir-rikors jirrigwarda talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra u sussidjarjament, talba għall-annullament tal-Artikoli 3 sa 5 u 7 tagħha.

A –  Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

73      Insostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE minħabba żbalji fl-analiżi tal-effetti tad-DMIs fuq il-kompetizzjoni, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 81(3) KE, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE minħabba l-klassifikazzjoni żbaljata bħala deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi applikata għad-DMIs u, ir-raba’ nett, fuq l-eżistenza ta’ irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura amministrattiva kif ukoll ta’ żbalji fattwali.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, sa fejn il-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonkludiet li l-iffissar tad-DMIs kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni

74      Dan il-motiv huwa essenzjalment maqsum f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li d-DMIs joħolqu effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Fil-kuntest tat-tieni parti, huma jallegaw li l-Kummissjoni kellha tikkonkludi li d-DMIs kienu oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tas-sistema MasterCard.

75      Ir-riferiment li sar mir-rikorrenti għall-allegata natura oġġettivament neċessarja tad-DMIs għandu jiġi mifhum li jfisser li l-Kummissjoni kellha tikkonkludi li d-DMIs jikkostitwixxu restrizzjoni anċillari fir-rigward tas-sistema MasterCard u li, għaldaqstant, hija ma kellhiex dritt teżamina l-effetti tagħhom fuq il-kompetizzjoni b’mod awtonomu, iżda kellha teżaminahom flimkien ma’ dawk tas-sistema MasterCard li magħha huma konnessi

76      Sa fejn ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni parti tikkundizzjona l-possibbiltà ta’ eżami awtonomu tal-effetti tad-DMIs fuq il-kompetizzjoni, huwa neċessarju li din tiġi eżaminata l-ewwel.

a)     Fuq il-parti tal-motiv ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tan-natura oġġettivament neċessarja tad-DMIs

77      Il-kunċett ta’ restrizzjoni anċillari jkopri kwalunkwe restrizzjoni li hija direttament relatata u meħtieġa għall-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 2001, M6 et vs Il-Kummissjoni, T‑112/99, Ġabra p. II‑2459, punt 104).

78      Restrizzjoni direttament relatata mal-implementazzjoni ta’ operazzjoni prinċipali għandha tinftiehem li hija kwalunkwe restrizzjoni li għandha importanza subordinata fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ dik l-operazzjoni u li għandha rabta evidenti magħha (sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 105).

79      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar in-natura neċessarja ta’ restrizzjoni, din timplika eżami minn żewġ aspetti. Fil-fatt, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, minn naħa, jekk ir-restrizzjoni hijiex oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni tal-operazzjoni prinċipali u, min-naħa l-oħra, jekk din hijiex proporzjonali għaliha (sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 106).

80      F’dak li jikkonċerna l-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni, għandu jitfakkar li, sa fejn l-eżistenza ta’ regola ta’ raġonevolezza (rule of reason) ma tistax tiġi aċċettata, il-kundizzjoni tan-neċessità oġġettiva ma tistax tiġi interpretata bħala li timplika bbilanċjar tal-effetti ta’ ftehim li huma favur u kontra l-kompetizzjoni. Fil-fatt, analiżi bħal din tista’ sseħħ biss fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 81(3) KE. Għaldaqstant, l-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni fir-rigward tal-operazzjoni prinċipali tista’ tkun biss relattivament astratta. Ma hijiex kwistjoni li jiġi analizzat jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq rilevanti, ir-restrizzjoni hijiex indispensabbli għas-suċċess kummerċjali tal-operazzjoni prinċipali, imma li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest speċifiku tal-operazzjoni prinċipali, ir-restrizzjoni hijiex neċessarja sabiex tiġi implementata dik l-operazzjoni. Jekk, fl-assenza tar-restrizzjoni, l-operazzjoni prinċipali tkun diffiċli jew saħansitra impossibbli biex tiġi implementata, ir-restrizzjoni tista’ titqies bħala oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni tagħha (sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, punt77 iktar ’il fuq, punti 107 u 109).

81      Fir-rigward tal-eżami tan-natura proporzjonali tar-restrizzjoni fir-rigward tal-implementazzjoni tal-operazzjoni prinċipali, għandu jiġi vverifikat jekk it-tul tagħha u l-kamp ta’ applikazzjoni materjali u ġeografiku tagħha jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex tiġi implementata l-imsemmija operazzjoni. Jekk it-tul jew il-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni jeċċedu dak li huwa neċessarju sabiex tiġi implementata l-operazzjoni, din għandha tiġi analizzata separatament fil-kuntest tal-Artikolu 81(3) KE (sentenza M6 et vs Il‑Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 113).

82      Fl-aħħar nett, sa fejn l-evalwazzjoni tan-natura anċillari ta’ restrizzjoni fir-rigward ta’ operazzjoni prinċipali timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mill-Kummissjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dik l-evalwazzjoni għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni u tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 114).

83      F’dan il-każ, hija biss il-kundizzjoni dwar in-natura oġġettivament neċessarja tad-DMIs li hija inkwistjoni. Essenzjalment, ir-rikorrenti, sostnuti minn diversi intervenjenti, iressqu żewġ ilmenti. Huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball sa fejn il-Kummissjoni applikat kriterji legali żbaljati. Huma jqisu wkoll li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja tal-imsemmija DMIs.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq applikazzjoni ta’ kriterji legali żbaljati

84      Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma analizzatx id-DMIs fil-kuntest legali u ekonomiku tagħhom. Huma jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta mill-premessa li s-sistema MasterCard setgħet tiffunzjona mingħajr DMIs hija ddeduċiet in-natura mhux oġġettivament neċessarja tagħhom. Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, jekk, fl-assenza tar-restrizzjoni, l-operazzjoni tkun diffiċli biex tiġi implementata, ir-restrizzjoni tista’ titqies bħala oġġettivament neċessarja għall-implementazzjoni tagħha. L-istess jgħodd jekk din l-operazzjoni prinċipali kienet iktar diffiċli biex tiġi implementata jew setgħet biss tiġi implementata f’kundizzjonijiet iktar inċerti, bi probabbiltà ta’ suċċess inferjuri.

85      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

86      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 77 sa 82 iktar ’il fuq, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud bħala infondat.

87      Ċertament, hekk kif ir-rikorrenti ġustament fakkru, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżami tal-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 81(1) KE għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest konkret li fih ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn l-impriżi jew prattika miftiehma joħolqu l-effetti tagħhom u, b’mod partikolari, il-kuntest ekonomiku u legali li fih joperaw l-impriżi kkonċernati, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi intiżi kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq ikkonċernat (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 136, u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Madankollu, dan ma jfissirx li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, hekk kif jidher li qed isostnu r-rikorrenti, il-vantaġġi li d-DMIs jikkostitwixxu għas-sistema MasterCard sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn humiex oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tagħha.

89      Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 iktar ’il fuq, l-eżami tan-natura oġġettivament neċessarja ta’ restrizzjoni huwa eżerċizzju relattivament astratt. Fil-fatt, huma biss ir-restrizzjonijiet li huma neċessarji sabiex l-operazzjoni prinċipali tkun tista’, fil-każijiet kollha, tiffunzjona, li jistgħu jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-teorija tar-restrizzjonijiet anċillari. Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw in-natura indispensabbli tar-restrizzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq inkwistjoni ma jaqgħux taħt l-analiżi tan-natura anċillari tar-restrizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza M6 et vs Il-Kummissjoni, punt 77 iktar ’il fuq, punt 121).

90      Għaldaqstant, il-fatt li l-assenza ta’ DMIs jista’ jkollu konsegwenzi negattivi fuq il-funzjonament tas-sistema MasterCard fih innifsu ma jimplikax li d-DMIs għandhom jitqiesu bħala oġġettivament neċessarji, jekk mill-eżami tas-sistema MasterCard fil-kuntest ekonomiku u legali tagħha jirriżulta li hija kapaċi tibqa’ tiffunzjona mingħajrhom.

91      Għalhekk, ir-raġunament tal-Kummissjoni li jiddeduċi n-natura mhux oġġettivament neċessarja tad-DMIs mill-fatt li s-sistema MasterCard tista’ taħdem mingħajrhom ma huwa vvizzjat b’ebda żball ta’ liġi.

92      Kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni għalhekk ma applikatx kriterji legali żbaljati. Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud.

 Fuq l-ilment ibbażat fuq eżami żbaljat tan-natura oġġettivament neċessarja tad-DMIs

93      Sa fejn id-DMIs, minn naħa, jikkostitwixxu mezz ta’ ħlas ta’ riżerva għat-tranżazzjonijiet, li japplika għat-tranżazzjonijiet fejn ma jkunx hemm ftehim iktar speċifiku bejn il-banek li joħorġu l-karti u l-banek tal-akkwist u, min-naħa l-oħra, jikkorrispondu għal trasferiment ta’ fondi favur il-banek li joħorġu l-karti, hemm lok li tiġi eżaminata n-natura probabbilment neċessarja tad-DMIs taħt dawn iż-żewġ aspetti.

–       Fuq in-natura oġġettivament neċessarja tad-DMIs bħala mezzi ta’ ħlas ta’ riżerva għat-tranżazzjonijiet

94      Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li d-DMIs huma oġġettivament neċessarji għas-sistema MasterCard sa fejn dawn jikkostitwixxu mezz ta’ ħlas ta’ riżerva għat-tranżazzjonijiet. Fl-assenza tad-DMIs, l-HACR, sa fejn din timplika li għandhom jiġu onorati t-tranżazzjonijiet kollha mwettqa b’karta MasterCard, twassal sabiex il-banek akkwirenti jispiċċaw f’pożizzjoni li jiddependu fuq min joħroġ il-karti, li b’mod unilaterali jkunu jistgħu jistabbilixxu l-ammont tad-drittijiet tal-interskambju, peress li n-negozjanti u l-banek akkwirenti jkunu obbligati jaċċettaw it-tranżazzjoni.

95      Fil-premessa 554 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrispondiet għal din il-kritika billi enfasizzat dan li ġej:

“Il-possibbiltà li ċerti banek li joħorġu l-karti jisfruttaw lill-banek akkwirenti li huma marbuta bl-HACR tista’ titneħħa permezz ta’ regola ta’ netwerk li għandha effetti inqas restrittivi fuq il-kompetizzjoni mis-soluzzjoni attwali ta’ MasterCard li tipprevedi li għandu jiġi applikat ċertu livell ta’ drittijiet tal-interskambju. Is-soluzzjoni l-oħra tkun regola li timponi projbizzjoni ta’ tariffar ‘ex post’ fl-assenza ta’ ftehim bilaterali bejniethom. Din ir-regola tkun tobbliga lill-bank kreditur sabiex jaċċetta kull ħlas introdott b’mod validu fis-sistema minn bank debitur u tkun tipprojbixxi lil kull bank milli jiffattura spejjeż lill-bank l-ieħor fl-assenza ta’ ftehim bilaterali dwar dawn l-ispejjeż. Din is-soluzzjoni, li hija intiża li ‘tipproteġi’ lill-banek akkwirenti minn użu ħażin ta’ poter minn min joħroġ il-karti skont ir-regola HACR hija inqas restrittiva fuq il-kompetizzjoni minn DMI, dan peress li din ma tiffissax prezz minimu fuq kull naħa tas-sistema.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

96      Għandu jiġi kkonstatat li tali raġunament ma jinvolvi ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ mezzi ta’ ħlas tat-tranżazzjonijiet ta’ riżerva li huma inqas restrittivi fuq il-kompetizzjoni mid-DMIs tipprekludi li dawn jitqiesu bħala li huma oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tas-sistema MasterCard fuq il-bażi biss tal-kwalità tagħhom bħala mezz ta’ ħlas ta’ riżerva għat-tranżazzjonijiet.

97      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata bl-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex dritt tieħu inkunsiderazzjoni l-ipoteżi ta’ sistema MasterCard li tiffunzjona fuq il-bażi ta’ projbizzjoni ta’ tariffar “ex post” iktar milli fuq il-bażi ta’ DMIs, minħabba li tali projbizzjoni ma tirriżultax mill-forzi tas-suq u għaldaqstant tikkostitwixxi intervent tat-tip “regolatorju”. B’dan ir-raġunament, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li teżamina s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fl-assenza tal-ftehim.

98      Tali argumentazzjoni tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza li tgħid li, jekk ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma kontenzjuża għandha tiġi kkunsidrata bħala pprojbita minħabba d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minnha, il-kompetizzjoni inkwistjoni għandha tiġi eżaminata fi ħdan il-kuntest reali li fih isseħħ fl-assenza tal-ftehim, tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew tal-prattika miftiehma inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni, C‑7/95 P, Ġabra p. I‑3111, punt 76, u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      Ċertament, dan il-paragun għandu jkun realistiku. Għaldaqstant, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina jekk l-ipoteżi ta’ sistema MasterCard li tiffunzjona mingħajr DMIs kinitx ekonomikament vijabbli u għaldaqstant setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni għall-paragun. Min-naħa l-oħra, hija ma kinitx marbuta turi li l-forzi tas-suq iwasslu lill-banek li joħorġu l-karti u lill-banek akkwirenti sabiex huma stess jiddeċiedu dwar l-adozzjoni ta’ regola inqas restrittiva fuq il-kompetizzjoni mid-DMIs.

–       Fuq in-natura oġġettivament neċessarja tad-DMIs bħala mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ fondi favur il-banek li joħorġu l-karti

100    Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx, b’mod validu, tikkunsidra li regola li tipprojbixxi t-tariffar “ex post” tkunx biżżejjed sabiex tippermetti l-funzjonament tas-sistema MasterCard — f’liema każ, id-DMIs ma jkunux jistgħu jitqiesu li huma oġġettivament neċessarji — jew jekk, għall-kuntrarju, il-funzjonament ta’ din is-sistema teħtieġx mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ fondi favur il-banek li joħorġu l-karti.

101    Dan ma jfissirx li jsir paragun intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sistema MasterCard tiffunzjonax b’mod iktar effikaċi bid-DMIs milli fuq il-bażi biss ta’ projbizzjoni ta’ tariffar “ex post”. Fil-fatt, il-fatt li wieħed jipproċedi b’dan il-mod iwassal sabiex ikollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-vantaġġi eventwali tad-DMIs, li, hekk kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, jaqgħu fil-kuntest tal-eżami taħt l-Artikolu 81(3) KE (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 80 iktar ’il fuq, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van der Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, T‑65/98, Ġabra p. II‑4653, punt 107).

102    Fil-premessi 549 sa 648 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li d-DMIs ma kinux oġġettivament neċessarji sa fejn is-sistema MasterCard setgħet tiffunzjona fuq il-bażi biss ta’ remunerazzjoni lill-banek li joħorġu l-karti mid-detenturi tal-karti, lill-banek akkwirenti min-negozjanti u lill-proprjetarju tas-sistema permezz tad-drittijiet imħallsa mill-banek li joħorġu l-karti u mill-banek tal-akkwist.

103    Insostenn tal-analiżi tagħha, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-fatt li hemm ħames sistemi miftuħa ta’ karti bankarji li jiffunzjonaw fl-Ewropa mingħajr DMIs. Hija rreferiet ukoll għall-fatt li t-tnaqqis fid-drittijiet tal-interskambju imposti mill-Bank Ċentrali tal-Awstralja ma kellu ebda effett fuq is-sistema MasterCard fl-Awstralja (iktar ’il quddiem l-“eżempju Awstraljan”). Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha fuq il-fatt li l-karti MasterCard kienu jiġġeneraw dħul jew vantaġġi finanzjarji oħra minbarra d-DMIs għall-banek fil-kuntest tal-attività’ tagħhom ta’ ħruġ tal-karti.

104    Ir-rikorrenti u ċerti intervenjenti jikkontestaw ir-rilevanza tal-provi prodotti mill-Kummissjoni sabiex turi n-natura mhux oġġettivament neċessarja tad-DMIs. Il-kritiki tagħhom huma intiżi kontra l-approċċ tal-Kummissjoni intiż sabiex jiġu eżaminati ħames sistemi nazzjonali li huma differenti mis-sistema MasterCard kemm minħabba l-karatteristiċi tagħhom kif ukoll minħabba d-daqs tagħhom. Huma jikkontestaw ukoll ir-rilevanza tal-eżempju Awstraljan. Barra minn hekk, għadd ta’ intervenjenti jenfasizzaw id-diffikultajiet li huma jkollhom f’sistema mingħajr DMIs fuq il-bażi ta’ projbizzjoni ta’ tariffar “ex post”. Biss in-neċessità li jiġi ġġenerat dħul ġdid tfisser żieda fl-ispejjeż iffatturati lid-detenturi tal-karti, tnaqqis tal-vantaġġi tas-servizzi assoċjati mal-karti MasterCard kif ukoll migrazzjoni lejn prodotti u servizzi alternattivi. Dawn id-diffikultajiet ikunu partikolarment kbar għall-istabbilimenti finanzjarji ta’ daqs żgħir jew li għandhom biss attività ta’ ħruġ ta’ karti.

105    Il-Kummissjoni tikkonfuta l-fondatezza ta’ dawn il-kritiki. B’mod partikolari hija tenfasizza li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti dwar il-ħames sistemi nazzjonali, sa fejn din tinsab f’anness, għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

106    Sa fejn id-DMIs jikkostitwixxu mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ fondi favur il-banek li joħorġu l-karti, in-natura oġġettivament neċessarja tagħhom għall-funzjonament tas-sistema MasterCard għandha tiġi eżaminata fil-kuntest l-iktar ġenerali tar-riżorsi u tal-vantaġġi ekonomiċi li l-banek jiksbu mill-attività tagħhom ta’ ħruġ tal-karti.

107    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-karti ta’ kreditu jiġġeneraw dħul kbir għall-banek li joħorġu l-karti, liema dħul jikkonsisti, b’mod partikolari, fl-interessi ffatturati lid-detenturi tal-karti. Għalhekk, mill-premessa 346 tad-DOA, li għaliha tirreferi l-premessa 612 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li għall-“banek li joħorġu l-karti, l-importanza li jsellfu flus permezz tal-karti ta’ kreditu tista’ tkun għolja, speċjalment fis-swieq fejn il-karti ta’ kreditu jintużaw ħafna, bħar-Renju Unit, il-pajjiż bl-ikbar numru ta’ karti ta’ kreditu MasterCard maħruġa”. Evalwazzjoni bħal din tinstab ukoll fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 829 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn fiha huwa enfasizzat li, “fir-Renju Unit per eżempju, il-banek li joħorġu l-karti jiġġeneraw 90 % mid-dħul tagħhom permezz ta’ riżorsi li ġejjin mid-detenturi tal-karti (essenzjalment interessi) u biss 10 % mid-drittijiet fuq interskambji”.

108    Fir-rigward tal-karti ta’ debitu, il-Kummissjoni essenzjalment sostniet, fil-premessi 347 u 348 tad-DOA li jsir riferiment għalihom fil-premessa 612 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-karti ta’ debitu jiġġeneraw benefiċċji kummerċjali kbar għall-banek, minbarra d-drittijiet tal-interskambju, filwaqt li jippermettulhom inaqqsu n-numru ta’ tranżazzjonijiet bi flus kontanti u b’ċekkijiet u, għaldaqstant, l-ispejjeż li kieku jkunu involuti minħabba l-ġestjoni manwali ta’ tali metodi ta’ ħlas.

109    Għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ tali dħul u benefiċċji tagħmilha improbabbli li, fl-assenza tad-DMIs, parti kunsiderevoli tal-banek jieqfu jew inaqqsu b’mod sinjifikattiv l-attività tagħhom ta’ ħruġ tal-karti MasterCard jew jemendaw il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħhom b’mod li dan iwassal lid-detenturi ta’ dawn il-karti sabiex jippreferu metodi ta’ ħlas oħra jew sabiex jirrikorru għal karti li jaqgħu taħt sistemi tripartiti, fatt li jista’ jimmina l-vijabbiltà tas-sistema MasterCard.

110    Fi kliem ieħor, minkejja li, f’sistema li tiffunzjona mingħajr DMIs wieħed jista’ jistenna tnaqqis fil-vantaġġi mogħtija lid-detenturi tal-karti jew fil-profitabbiltà tal-attività ta’ ħruġ tal-karti, b’mod raġonevoli jista’ jiġi konkluż li tali tnaqqis ma jkunx biżżejjed sabiex tiġi mminata l-vijabbiltà tas-sistema MasterCard.

111    Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-eżempju Awstraljan li l-Kummissjoni rreferiet għalih fil-premessi 634 sa 644 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li tnaqqis kbir ħafna fid-drittijiet tal-interskambju tas-sistema MasterCard, impost mill-Bank Ċentrali tal-Awstralja, ma kellux effetti notevoli fuq il-vijabbiltà tagħha u, b’mod partikolari, ma wassalx għal migrazzjoni lejn sistemi tripartiti, u dan minkejja li dawn tal-aħħar ma kinux affettwati mir-regolamentazzjoni adottata mill-Bank Ċentrali tal-Awstralja.

112    Ir-rikorrenti u ċerti intervenjenti jqisu li l-eżempju Awstraljan ma huwiex prova rilevanti, u dan għaliex, l-ewwel nett, huwa jirrigwarda tnaqqis u mhux tneħħija tad-drittijiet tal-interskambju, it-tieni nett, il-Kummissjoni ma wrietx li l-kundizzjonijiet tas-suq fl-Awstralja u fiż-ŻEE kienu simili biżżejjed sabiex jippermettu li jsir paragun u, it-tielet nett, dan it-tnaqqis kellu effetti negattivi għad-detenturi tal-karti.

113    Ċertament, ma jistax jiġi kkontestat li tnaqqis, anki wieħed kbir, fid-drittijiet tal-interskambju ma għandux portata ekwivalenti għal dik tal-ipoteżi ta’ sistema MasterCard li tiffunzjona mingħajr mekkaniżmu ta’ trasferiment tal-fondi mit-tip “akkwist” lejn it-tip “ħruġ tal-karti”, ikkunsidrat sabiex tiġi analizzata n-natura oġġettivament neċessarja jew le tad-DMIs għall-funzjonament tas-sistema MasterCard.

114    Madankollu, jibqa’ l-fatt li, fil-każ fejn tali mekkaniżmu jkollu n-natura oġġettivament neċessarja allegata mir-rikorrenti, seta’ raġonevolment jiġi mistenni li t-tnaqqis kbir fid-drittijiet tal-interskambju impost fl-Awstralja kellu effetti negattivi fuq il-funzjonament tas-sistema MasterCard.

115    Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali effetti negattivi ma seħħewx. Għalhekk, fir-rigward tal-kompetizzjoni mis-sistemi tripartiti, mill-premessa 636 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li s-“sehem ikkombinat ta’ American Express u Diners Club fl-Awstralja żdied bi ftit, minn 15 % sar 17 %, u wara stabbilizza ruħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma osservatx tnaqqis fl-attività tas-sistema MasterCard iżda, għall-kuntrarju, osservat żieda fis-sehem tas-suq tagħha kif ukoll fid-dħul mill-bejgħ tagħha. Minkejja li tali żieda tista’ parzjalment tiġi spjegata, hekk kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, mit-tneħħija ta’ sistema konkorrenti, madankollu hija setgħet, mingħajr ma twettaq ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni, tenfasizza, fil-premessa 641 tad-deċiżjoni kkontestata, li din kienet tirrappreżenta “tendenza ċara” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li tikkonfuta l-fondatezza tal-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-waqgħa ta’ sistema MasterCard li tiffunzjona mingħajr DMIs.

116    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li ma jistax jiġi preżunt li l-kundizzjonijiet tas-suq fl-Awstralja huma neċessarjament simili għal dawk taż-ŻEE, b’mod li jistgħu jiġu dedotti paralleli affidabbli.

117    Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-parti fis-suq ta’ Diners Club u American Express kien bil-wisq inqas fiż-ŻEE minn dak li kien fl-Awstralja (is-sehem mis-suq rispettiv tagħhom kien ta’ 17 % u ta’ 19 % fl-Awstralja, filwaqt li fiż-ŻEE kien ta’ 2 u ta’ 3 % biss). Għalhekk, jekk jeżistu xi differenzi fil-kundizzjonijiet tas-suq bejn l-Awstralja u ż-ŻEE, dawn jimmilitaw pjuttost favur ir-reżistenza tas-sistema MasterCard li taħdem mingħajr DMIs.

118    Fir-rigward tal-fatt allegat li s-sitwazzjoni tad-detenturi tal-karti fl-Awstralja marret għall-agħar wara r-regolamentazzjoni tad-drittijiet tal-interskambju, huwa ċertament minnu li mill-provi mogħtija mir-rikorrenti jirriżulta li t-tnaqqis fid-drittijiet tal-interskambju seta’ wassal għal żieda fl-ispejjeż iffatturati lid-detenturi tal-karti jew għat-tnaqqis ta’ ċerti vantaġġi.

119    Madankollu, il-fatt li l-banek li joħorġu l-karti għaddew, parzjalment, lid-detenturi tal-karti t-tnaqqis fid-drittijiet tal-interskambju, fih innifsu ma jaffettwax l-eżami tan-natura probabbilment oġġettivament neċessarja tad-DMIs. Is-sitwazzjoni tkun differenti kieku kien jidher li ż-żieda fl-ispejjeż iffatturati lid-detenturi tal-karti jew it-tnaqqis tal-vantaġġi li kienu mogħtija qabel iwassal sabiex huma jużaw il-karti MasterCard tagħhom ħafna inqas, u, għalhekk, jista’ jimmina l-vijabbiltà ta’ din is-sistema. Issa, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 115 iktar `il fuq, dan ma kienx il-każ.

120    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi b’mod validu li d-DMIs ma kinux oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tas-sistema MasterCard.

121    F’dawn il-kundizzjonijiet, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-kritiki tar-rikorrenti u tal-intervenjenti dwar il-paragun tas-sistema MasterCard mal-ħames sistemi nazzjonali ta’ karti bankarji li jiffunzjonaw mingħajr DMIs.

122    Għaldaqstant, din il-parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

b)     Fuq il-parti tal-motiv ibbażata fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tal-effetti tad-DMIs fuq il-kompetizzjoni

123    Ir-rikorrenti, sostnuti minn għadd ta’ intervenjenti, isostnu li l-analiżi li l-Kummissjoni għamlet tal-effetti tad-DMIs fuq il-kompetizzjoni hija żbaljata fuq diversi aspetti.

124    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tal-motivi tiġi miċħuda.

125    Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat l-eżistenza ta’ effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 81(1) KE, fuq il-fatt li d-DMIs kellhom influwenza, diretta jew indiretta, fuq l-ammont tad-drittijiet tal-interskambju miġbura mill-banek li joħorġu l-karti u li, sa fejn il-banek akkwirenti kellhom it-tendenza li jgħaddu din l-ispiża lin-negozjanti, huma ffissaw prezz minimu għall-MSCs. Minn dan hija ddeduċiet li huma kellhom l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq tal-akkwist (premessi 410 u 522 tad-deċiżjoni kkontestata).

126    Iktar preċiżament, il-Kummissjoni:

–        enfasizzat li minn naħa, id-DMIs japplikaw għat-tranżazzjonijiet transkonfinali, fl-assenza ta’ drittijiet tal-interskambju iktar speċifiċi (premessi 412 sa 415 tad-deċiżjoni kkontestata) u, min-naħa l-oħra, huma jew japplikaw għat-trażazzjonijiet nazzjonali fl-assenza ta’ drittijiet tal-interskambju bejn il-pajjiżi, jew inkella jservu ta’ riferiment matul l-adozzjoni tagħhom (premessi 412 sa 415 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        iddeduċiet, miż-żewġ analiżi kwantitattivi tal-effetti tad-DMIs fuq l-MSCs (premessi 426 sa 436 tad-deċiżjoni kkontestata) u mix-xhieda ta’ negozjanti li nġabret matul studju li sar minnha stess fl-2004 (iktar ’il quddiem l-“istudju tas-suq tan-negozjanti”, premessi 437 u 438 tad-deċiżjoni kkontestata) li d-DMIs jikkostitwixxu ostakolu għal tnaqqis fl-MSCs taħt ċertu livell;

–        ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti tal-kompetizzjoni fuq is-suq tal-ħruġ tal-karti u s-suq tal-intersistemi billi osservat li kien fl-interess tal-banek li joħorġu l-karti li jiġu proposti karti li fir-rigward tagħhom kienu maħsuba DMIs għolja u, min-naħa l-oħra, li l-kompetizzjoni bejn is-sistemi tal-karti għall-klijenti tal-banek seħħet għad-detriment tas-sistemi li jipproponu DMIs baxxi (premessi 461 sa 498 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        essenzjalment irrilevat li, l-eżerċitar ta’ pressjoni kompetittiva għat-tnaqqis tad-DMIs ma kienx fl-interess tal-banek tal-akkwist (premessi 499 sa 501 tad-deċiżjoni kkontestata);

–        iddeċidiet li n-negozjanti ma setgħux jeżerċitaw pressjoni suffiċjenti fuq id-DMIs (premessi 502 sa 521 tad-deċiżjoni kkontestata).

127    Hekk kif tfakkar fil-punt 87 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni ta’ ftehim, ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew ta’ prattika miftiehma skont l-Artikolu 81(1) KE għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest konkret li fih hija toħloq l-effetti, u b’mod partikolari l-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih joperaw l-impriżi kkonċernati, in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi intiżi kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq ikkonċernat.

128    Barra minn hekk, hekk kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 98 iktar `il fuq, jekk ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma kontenzjuża għandha titqies bħala pprojbita minħabba d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minnha, il-kompetizzjoni inkwistjoni għandha tiġi eżaminata fi ħdan il-kuntest reali li fih isseħħ fin-nuqqas tal-ftehim, tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew tal-prattika miftiehma inkwistjoni.

 Fuq l-ilmenti dwar l-eżami tal-kompetizzjoni fl-assenza ta’ DMIs

129    Ir-rikorrenti u għadd ta’ intervenjenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu li teżamina l-kompetizzjoni inkwistjoni fi ħdan il-kuntest reali li fih isseħħ fin-nuqqas ta’ DMIs. Essenzjalment, huma jressqu żewġ ilmenti.

130    Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jirreferu għall-assenza ta’ relazzjoni kompetittiva bejn banek li joħorġu l-karti u banek tal-akkwist sabiex iqisu li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li d-DMIs jirrestrinġu l-kompetizzjoni, peress li l-assenza tagħhom ma timplikax l-eżistenza ta’ proċess ta’ kompetizzjoni li jwassal għat-tnaqqis tad-drittijiet tal-interskambju. Huma jfakkru li, mingħajr mekkaniżmu ta’ ħlas ta’ riżerva għat-tranżazzjonijiet, is-sistema MasterCard ma tistax tiffunzjona. Ir-rikorrenti jqisu wkoll li, minn naħa, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li fin-nuqqas ta’ DMIs, isiru negozjazzjonijiet bilaterali bejn banek li joħorġu l-karti u banek tal-akkwist u li eventwalment, tali negozjazzjonijiet iwasslu għal tneħħija tad-drittijiet tal-interskambju u, min-naħa l-oħra, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-projbizzjoni ta’ tariffar “ex post” fir-raġunament tagħha.

131    Dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

132    Fil-fatt, minn naħa, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 94 sa 120 iktar ’il fuq, il-fatt li l-ipoteżi ta’ sistema MasterCard li tiffunzjona mingħajr DMIs — fuq il-bażi biss ta’ regola li tipprojbixxi t-tariffar “ex post” —, tidher li hija ekonomikament vijabbli, huwa biżżejjed biex tkun iġġustifikata t-teħid inkunsiderazzjoni tagħha fl-analiżi tal-effetti tad-DMIs fuq il-kompetizzjoni.

133    Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-kritika dwar ir-riferiment li sar fid-deċiżjoni kkontestata, għal negozjazzjonijiet bilaterali bejn banek li joħorġu l-karti u banek tal-akkwist, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-Kummissjoni, fil-premessa 460 tad-deċiżjoni kkontestata, irreferiet għal tali negozjazzjonijiet, dan essenzjalment sar sabiex jiġi enfasizzat li, f’sistema MasterCard li tiffunzjona mingħajr DMIs, il-banek akkwirenti li fuq bażi bilaterali jaċċettaw drittijiet tal-interskambju, jieħdu r-riskju li ma jibqgħux kompetittivi fis-suq tal-akkwist u li, għaldaqstant, fl-assenza ta’ DMIs, seta’ jkun mistenni li eventwalment, ma jibqgħux jinġabru drittijiet tal-interskambju matul il-ħlas tat-tranżazzjonijiet.

134    Għandu jiġi kkonstatat li analiżi bħal din ma tidhirx li hija manifestament żbaljata. B’mod raġonevoli jista’ jiġi kkunsidrat li, billi jippermettu trasparenza bejn banek tal-akkwist fir-rigward tal-livell tad-drittijiet tal-interskambju applikati għat-tranżazzjonijiet, id-DMIs jgħinu sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet kollha jew, minn tal-inqas parti sostanzjali minnhom, huma mgħoddija lin-negozjanti, fejn il-banek tal-akkwist ikunu żgurati li ż-żieda li tirriżulta fuq l-ammont tal-MSCs ma taffettwax il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom. Madankollu, b’mod raġonevoli jista’ jiġi kkunsidrat li tali assigurazzjoni ma tkunx tinstab f’sistema li tiffunzjona mingħajr DMIs, u li għaldaqstant, il-fatt li dritt tal-interskambju aċċettat fuq bażi bilaterali jiġi mgħoddi lin-negozjanti jista’ jaffettwa l-pożizzjoni kompetittiva tal-bank tal-akkwist inkwistjoni.

135    Fil-kuntest tat-tieni lment, ir-rikorrenti u għadd ta’ intervenjenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma wrietx li t-tneħħija tad-DMIs iżżid il-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti bejn l-akkwirenti. Dan l-ilment jista’ jinqasam f’erba’ sensiliet ta’ kritiki.

136    L-ewwel nett, huwa sostnut li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat ħadet inkunsiderazzjoni l-kompetizzjoni bejn is-sistemi, filwaqt li din hija irrilevanti għall-analiżi tal-effetti tad-DMIs fuq il-kompetizzjoni bejn il-banek akkwirenti. Huwa sostnut ukoll li, sa fejn il-Kummissjoni bbażat ruħha espliċitament fuq restrizzjoni tal-kompetizzjoni dovuta għall-effett, il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata li jirrigwardaw l-għan tad-DMIs, bħall-klassifikazzjoni tagħhom bħala “prezz minimu rrakkomandat” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni.

137    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt, imqajjem mill-Kummissjoni fil-premessi 461 sa 498 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kompetizzjoni bejn is-sistema MasterCard u s-sistemi l-oħrajn ta’ karti bankarji għall-klijentela tal-banek twassal għal pressjoni sabiex jiżdiedu l-ammonti tad-DMIs, huwa element rilevanti għall-kuntest ekonomiku, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 127 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet b’mod validu tieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-effetti tad-DMIs fuq il-kompetizzjoni.

138    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, fil-premessi 401 u 407 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat li d-DMIs kellhom “probabbilment, minħabba n-natura tagħhom, il-potenzjal li jiffissaw il-prezzijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 405 tad-deċiżjoni kkontestata). Ġustament, hija rribattiet l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-insegwiment ta’ oġġettivi leġittimi tad-DMIs jew fuq l-assenza ta’ intenzjoni li tiġi ristretta l-kompetizzjoni. Madankollu, fil-premessa 407 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ddeċidiet li ma “tasalx għal konklużjoni definittiva fuq il-kwistjoni dwar jekk id-DMIs tal-[organizzazzjoni tal-ħlas] MasterCard jikkostitwixxux restrizzjoni dovuta għall-għan fis-sens tal-Artikolu 81(1) [KE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], u dan minħabba li kien ġie stabbilit b’mod ċar “li d-DMIs tal-[organizzazzjoni tal-ħlas] MasterCard” [kellhom] l-effett li b’mod sinjifikattiv jirrestrinġu u joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni bi ħsara għan-negozjanti fis-swieq tal-akkwist” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

139    L-għan u l-effett antikompetittiv ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi huma kundizzjonijiet mhux kumulattivi, iżda alternattivi sabiex ikun evalwat jekk tali deċiżjoni taqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(1) KE. In-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal għall-ħtieġa li jiġi kkunsidrat fl-ewwel lok l-għan stess tad-deċiżjoni, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li għandha tiġi applikata fih. Fil-każ madankollu fejn l-analiżi tal-kontenut tad-deċiżjoni ma turix grad biżżejjed ta’ ħsara fil-konfront tal-kompetizzjoni, għandu għalhekk isir eżami tal-effetti u, sabiex tkun ipprojbita, jeħtieġ li jiġu sodisfatti elementi li jistabbilixxu li kien hemm jew prevenzjoni, jew restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sostanzjali. Ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti ta’ deċiżjoni meta l-għan antikompetittiv ta’ din tal-aħħar jiġi stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 55).

140    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 81(1)(a) KE jipprovdi espliċitament li l-miżuri li jikkonsistu fl-iffissar b’mod dirett jew indirett tal-prezzijiet tax-xiri jew tal-bejgħ jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni u li, skont il-ġurisprudenza, l-għan tal-Artikolu 81(1)(a) KE huwa li jipprojbixxi lill-impriżi milli joħolqu distorsjoni tal-evoluzzjoni normali tal-prezzijiet fis-suq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 1992, ICI vs Il-Kummissjoni, T‑13/89, Ġabra p. II‑1021, punt 311).

141    Madankollu, sa fejn il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha espliċitament fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni dovuta għall-għan, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, u sabiex jiġi vverifikat jekk id-DMIs jikkostitwixxux restrizzjoni tal-kompetizzjoni dovuta għall-effett, għandha tiġi eżaminata l-kompetizzjoni fil-kuntest reali li fih tiżvolġi fin-nuqqas tal-imsemmija DMIs.

142    It-tieni nett, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-fatt li d-DMIs kellhom effett fuq l-ammont ta’ MSCs madankollu ma għandu ebda effett fuq il-kompetizzjoni bejn banek akkwirenti, u dan peress li dawn japplikaw għall-banek akkwirenti kollha bl-istess mod u jaġixxu bħala spiża komuni tad-dħul. Għalhekk, il-projbizzjoni ta’ tariffar “ex post” tkun timponi DMI bir-rata ta’ żero, li, mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, ikun ekwivalenti għal, kif ukoll trasparenti daqs, id-DMI attwali , bl-unika differenza tal-livell tiegħu.

143    Tali argumentazzjoni ma tistax tiġi milqugħa. Minkejja li huwa rrikonoxxut li d-DMIs jiffissaw livell minimu għall-MSCs u sa fejn il-Kummissjoni setgħet tikkonstata b’mod validu li sistema Mastercard li tiffunzjona mingħajr DMIs tibqa’ ekonomikament vijabbli, minn dan neċessarjament jirriżulta li dawn għandhom effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Fil-fatt, b’paragun ma’ suq tal-akkwist li jiffunzjona mingħajrhom, id-DMIs jillimitaw il-pressjoni li n-negozjanti jistgħu jeżerċitaw fuq il-banek tal-akkwist matul in-negozjati tagħhom dwar l-MSCs billi jitnaqqsu l-possibbiltajiet li l-prezzijiet jinżlu taħt ċertu livell.

144    It-tielet nett, wieħed mill-intervenjenti jenfasizza li l-Kummissjoni ma wrietx li d-DMIs jiffissaw livell minimu għall-MSCs, peress illi d-DMIs ma humiex bilfors kompletament mgħoddija lin-negozjanti.

145    L-ewwel nett, qabel ma tiġi evalwata l-fondatezza ta’ din l-argumentazzjoni, huwa xieraq li tingħata risposta għall-ilmenti tar-rikorrenti, formalment imressqa fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv tagħhom, li jikkritikaw ċerti provi użati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-argumentazzjoni tagħha.

146    Ir-rikorrenti jikkontestaw, minn naħa, ir-riferiment, fil-premessa 438 tad-deċiżjoni kkontestata, għad-dikjarazzjonijiet ta’ kumpannija petrolifera, ta’ katina ta’ supermarkets li tinsab fir-Renju Unit, ta’ kumpannija tal-ajru u ta’ ħanut tal-għamara, li jgħidu li d-DMIs jikkostitwixxu limitu għall-eżerċizzju tal-pressjoni kompetittiva li huma jistgħu jeżerċitaw fuq il-banek tal-akkwist. Huma jqisu li l-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod selettiv, fuq id-dikjarazzjonijiet tan-negozjanti li jaqblu mal-analiżi tagħha biss, u ħalliet barra dikjarazzjonijiet importanti li jmorru kontriha, imsemmija fir-RDOA.

147    Ċertament, mid-dikjarazzjonijiet imsemmija fir-RDOA jirriżulta li bejn l-akkwirenti teżisti kompetizzjoni għall-klijentela tan-negozjanti. Madankollu, ma teżisti ebda kontradizzjoni mad-dikjarazzjonijiet enfasizzati fil-premessa 438 tad-deċiżjoni kkontestata jew, b’mod iktar ġenerali, mar-raġunament tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-fatt li teżisti kompetizzjoni fuq il-prezz tal-MSCs sa limitu li jirriżulta mill-eżistenza tad-DMIs bl-ebda mod ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkonstata li dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE.

148    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li l-istudju tas-suq tan-negozjanti jikkostitwixxi prova vvizzjata, li ma jistax jiġġustifika l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

149    Għandu jiġi enfasizzat li l-istudju tas-suq tan-negozjanti ġie essenzjalment użat mill-Kummissjoni sabiex jiġu ġġustifikati tliet konklużjonijiet. Qabelxejn, hekk kif ġie enfasizzat fil-punti 146 u 147 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dikjarazzjonijiet ta’ negozjanti li ġew interrogati fil-kuntest ta’ dan l-istudju sabiex jintwera li d-DMIs kienu jikkostitwixxu limitu għall-eżerċizzju tal-pressjoni kompetittiva li huma setgħu jeżerċitaw fuq il-banek tal-akkwist.

150    Sussegwentement, minn dan l-istudju l-Kummissjoni ddeduċiet li n-negozjanti ma setgħux jeżerċitaw pressjoni suffiċjenti fuq l-ammont tad-DMIs minħabba li element essenzjali fl-aċċettazzjoni ta’ ħlasijiet permezz tal-karti min-naħa tan-negozjanti kien l-attrazzjoni li l-karti jirrappreżentaw għall-konsumaturi u li, għaldaqstant, rifjut ta’ dan il-mezz ta’ ħlas jew diskriminazzjoni fir-rigward tiegħu seta’ jkollu effetti negattivi fuq il-klijentela tagħhom. Din it-tieni konklużjoni, fost elementi oħrajn, intużat mill-Kummissjoni fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq tal-prodotti (premessi 289 u 290 tad-deċiżjoni kkontestata), tat-turija tal-fatt li d-DMIs kellhom effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (premessi 506 u 513 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll sabiex tikkonfuta l-fondatezza tat-teorija ekonomika mressqa mir-rikorrenti sabiex jiġġustifikaw il-kontribuzzjoni li d-DMIs jipprovdu għall-progress tekniku u ekonomiku fis-sens tal-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 81(3) KE (premessa 704 tad-deċiżjoni kkontestata).

151    Fl-aħħar nett, għall-finijiet ta’ kompletezza, fil-kuntest tal-analiżi tal-osservanza, mill-metodi tal-iffissar tad-DMIs, tat-tieni kundizzjoni imposta bl-Artikolu 81(3) KE, il-Kummissjoni rreferiet ukoll għall-istudju tas-suq tan-negozjanti sabiex issostni, essenzjalment, li kien dubjuż li n-negozjanti jibbenefikaw mill-perijodu ta’ finanzjament b’xejn tal-akkwisti inklużi fil-karti ta’ kreditu u ta’ debitu differit (premessa 742 tad-deċiżjoni kkontestata).

152    Fir-RDOA tagħhom ir-rikorrenti kkritikaw il-metodu segwit mill-Kummissjoni biex twettaq l-istudju tas-suq tan-negozjanti kif ukoll il-konklużjonijiet li hija siltet minnu. Huma pprovdew ukoll żewġ studji dwar l-aċċettazzjoni, min-negozjanti, tal-karti tal-ħlas. Il-Kummissjoni rrispondiet għall-kummenti tar-rikorrenti u spjegat il-kritiki tagħha kontra l-istudji ppreżentati minnhom fl-Annessi 2 u 3 għad-deċiżjoni kkontestata, rispettivament. Din l-analiżi tal-Kummissjoni hija kkontestata, fil-qosor, fir-rikors li, fir-rigward ta’ dan il-punt, jirreferi għall-Anness A.15 tar-rikors “L-aċċettazzjoni, min-naħa tan-negozjanti, tal-karti tal-ħlas — konfutazzjoni tal-kritika tal-Kummissjoni”).

153    Il-kritiki tar-rikorrenti jidhru li jikkonċernaw kemm l-affidabbiltà tal-istudju tas-suq tan-negozjanti kif ukoll il-fondatezza tal-konklużjonijiet li l-Kummissjoni siltet minnu.

154    Sabiex tiġi evalwata l-affidabbiltà ta’ prova, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi ta’ kif ġiet żviluppata, id-destinatarju tagħha u l-kontenut tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Dresdner Bank et vs Il-Kummissjoni, T‑44/02 OP, T‑54/02 OP u T‑56/02 OP, T‑60/02 OP u T‑61/02 OP, Ġabra p. II‑3567, punt 121, u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    Għandu jiġi kkonstatat li mill-qari kemm tal-Annessi 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tal-Anness A. 15 tar-rikors ma joħorġux elementi ta’ natura li jikkontestaw l-affidabbiltà tal-istudju tas-suq tan-negozjanti.

156    B’mod iktar partikolari, il-fatt li l-Kummissjoni kienet ipproċediet permezz ta’ talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82[KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u b’hekk kixfet l-identità tagħha man-negozjanti interrogati, ma jistax jitqies bħala ta’ natura li jimmina l-oġġettività tat-tweġibiet miksuba. Fir-rigward tal-kritika bbażata fuq rappreżentazzjoni żejda tan-negozjanti ta’ daqs kbir fi ħdan il-kampjun meqjus mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li wieħed jenfasizza li l-għażla li tiffoka fuq in-negozjanti li l-iktar jistgħu jeżerċitaw pressjoni fuq l-ammont tad-DMIs ma tidhirx li hija r-riżultat ta’ raġunament manifestament żbaljat min-naħa tal-Kummissjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

157    F’dak li jikkonċerna l-fondatezza tal-konklużjonijiet li l-Kummissjoni siltet mill-istudju tas-suq tan-negozjanti, barra dak li diġà ġie enfasizzat fil-punti 146 u 147 iktar ’il fuq, f’dan l-istadju huma biss importanti l-kritiki fformulati kontra l-konstatazzjoni tan-natura insuffiċjenti tal-pressjoni li n-negozjanti jistgħu jeżerċitaw fuq l-ammonti tad-DMIs. Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet, b’mod raġonevoli, tasal għal din il-konklużjoni fuq il-bażi tat-tweġibiet tan-negozjanti għat-talbiet għal informazzjoni tagħha. Għalhekk, mill-punt 22 tal-Anness 2 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-maġġoranza kbira (91 %) tan-negozjanti enfasizzaw li huma qatt ma rrinunzjaw milli jaċċettaw karta bħala mezz ta’ ħlas. In-negozjanti ppreċiżaw ukoll li r-raġunijiet prinċipali li kienu jwassluhom sabiex jaċċettaw il-karti kienu iktar marbuta mal-fatt li l-parti l-kbira tal-klijenti kellhom karta partikolari (90 %) u man-neċessità li jżommu l-immaġni ta’ kumpannija li tieħu ħsieb il-klijenti tagħha (67 %), milli mal-benefiċċji tat-tranżazzjonijiet.

158    Ċertament, hekk kif essenzjalment isostnu r-rikorrenti, ma jistax jiġi miċħud li r-riskju li n-negozjanti jirrifjutaw jew jiskoraġġixxu l-użu tal-karti jista’ jikkostitwixxi mezz ta’ pressjoni fir-rigward tar-rikorrenti matul l-iffissar tal-ammont tad-DMIs. Madankollu, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkunsidra dan il-mezz ta’ pressjoni bħala insuffiċjenti, sa fejn dan iqum biss meta jinqabeż livell massimu ta’ tolleranza min-naħa tan-negozjanti, meta l-ispiża tat-tranżazzjoni ssir ikbar mill-effetti negattivi ta’ rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ dan il-mezz ta’ ħlas, jew ta’ diskriminazzjoni f’dan ir-rigward, fuq il-klijentela tagħhom. Essenzjalment ir-rikorrenti jirrikonoxxu dan il-fatt huma stess meta jispjegaw li, fil-kuntest tal-metodu użat sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ DMIs għall-karti ta’ kreditu u ta’ debitu differit, huma “jippruvaw jirrispondu għall-mistoqsija: ‘Sa liema ammont nistgħu ngħollu d-[DMIs] mingħajr ma jkollna problemi serji ta’ aċċettazzjoni li jwasslu lin-negozjanti biex jgħidu li huma ma jridux dan il-prodott iżjed, jew li jwassluhom jiskoraġġixxu lill-klijenti milli jużaw il-karta jew billi jiffatturaw ammont addizzjonali jew billi joffru roħs għall-ħlas bi flus kontanti’” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 175 tad-deċiżjoni kkontestata).

159    It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-argumentazzjoni ppreżentata minn wieħed mill-intervenjenti, ibbażata fuq il-fatt li l-Kummissjoni b’mod żbaljat qieset li d-DMIs jiffissaw prezz minimu għall-MSCs filwaqt li għadd ta’ elementi jikkontradixxu din il-konklużjoni, għandha qabelxejn tiġi miċħuda l-argumentazzjoni bbażata fuq l-assenza ta’ tnaqqis ikkonstatat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tal-ammont tal-MSCs jew tal-prezzijiet bl-imnut, sa fejn din l-allegazzjoni hija bbażata fuq stat ta’ fatti li seħħew wara l-imsemmija adozzjoni, li għaldaqstant ma jista’ jkollhom ebda effett fuq il-legalità tal-att adottat.

160    Barra minn hekk, qabelxejn l-intervenjent jirreferi għall-fatt li, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet “on-us”, il-bank jista’ ma jgħaddix l-ammont tad-dritt tal-interskambju lin-negozjant. Sussegwentement, huwa jenfasizza li mill-eżempji użati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-DMIs mhux dejjem huma mgħoddija lin-negozjanti. Fl-aħħar nett, huwa josserva li fi Spanja, paragun fuq għadd ta’ snin juri li, bħala medja, l-ammont tal-MSCs huwa inqas mill-ammont tad-DMIs.

161    F’dak li jikkonċerna, qabelxejn, ir-riferiment għat-tranżazzjonijiet “on-us” (tranżazzjonijiet interni), għandu jitfakkar li dawn huma ċirkustanzi li fihom bank jakkwista t-tranżazzjonijiet imwettqa b’karti li huwa jkun ħareġ. Huwa minnu li, għaldaqstant, il-bank ma għandux iħallas l-ammont tad-dritt tal-interskambju lil bank ieħor u li, għaldaqstant, fil-prinċipju huwa iktar faċli għalih li ma jgħaddix id-dritt lill-MSCs. Madankollu, fid-dawl tan-numru kbir ħafna ta’ stabbilimenti finanzjarji li jipparteċipaw fis-sistema MasterCard, għandu jiġi enfasizzat li tali tranżazzjonijiet “on-us” jistgħu biss jikkostitwixxu frazzjoni, li hija diffiċilment prevedibbli, mit-total tat-tranżazzjonijiet imwettqa għand negozjant. Għaldaqstant huwa dubjuż li t-tranżazzjonijiet “on-us” jistgħu verament ikollhom effett fuq l-ammont tal-MSCs iffatturati f’sistema tad-daqs tas-sistema MasterCard.

162    Sussegwentement, f’dak li jikkonċerna l-elementi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tat-tieni analiżi kwantitattiva mwettqa minnha, imqassra fil-premessi 432 sa 436 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jiġi indikat li ġiet imqabbla l-parti tad-DMIs fl-MSCs iffatturati minn 17-il bank akkwirent lill-iżgħar negozjanti tagħhom u lill-ikbar negozjanti tagħhom. Minn dan jirriżulta li, fuq total ta’ 17-il bank akkwirent, 12 jiffatturaw, anki lill-ikbar negozjanti tagħhom, MSCs ogħla mid-DMIs. F’dak li jikkonċerna n-negozjanti tal-iżgħar daqs, l-ammont tal-MSCs kien dejjem ogħla minn dak tad-DMIs. Ġie wkoll osservat li l-parti medja tad-DMIs fl-MSCs kienet ta’ 84.27 % għan-negozjanti ta’ daqs kbir u ta’ 45.97 % għan-negozjanti ż-żgħar.

163    Mal-qari ta’ din l-analiżi, jidher li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkonkludi, fil-premessa 435 ad-deċiżjoni kkontestata, li “d-DMIs tal-[organizzazzjoni tal-ħlas] MasterCard iffissaw livell minimu għall-ispejjeż imputati kemm lin-negozjanti ż-żgħar kif ukoll lin-negozjanti l-kbar” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, il-fondatezza ta’ din il-konklużjoni hija msaħħa mix-xhieda tan-negozjanti msemmija fil-punt 146 iktar `il fuq.

164    Il-ftit eżempji ta’ MSCs ta’ livell inferjuri minn dak tad-DMIs ma jikkontradixxux il-fondatezza ta’ din il-konklużjoni. Fil-fatt, hekk kif il-Kummissjoni ġustament enfasizzat fil-premessa 450 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li bank akkwirenti jkun lest li “jassorbi” parti mid-DMIs ma jimpedixxix li dawn jinfluwenzaw il-prezz tal-MSCs. Minn naħa, dan japplika biss fir-rigward ta’ frazzjoni tan-negozjanti, dawk li għandhom setgħa ta’ negozjazzjoni partikolariment kbira. Min-naħa l-oħra, jista’ jiġi leġittimament ikkunsidrat li, anki fir-rigward ta’ dawn in-negozjanti, il-prezz iffatturat xorta jkun inqas fl-assenza ta’ DMIs, peress li l-banek akkwirenti jkunu f’pożizzjoni li joffru tnaqqis ikbar.

165    F’dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, l-argument ibbażat fuq is-sitwazzjoni fi Spanja, għandu jiġi kkonstatat li mid-dokumenti pprovduti mill-intervenjent, annessi man-nota ta’ intervent tiegħu jirriżulta effettivament li l-ammonti tal-MSCs iffatturati kienu ekwivalenti għal dawk tad-DMIs, jew saħansitra ta’ ammont iżgħar. Madankollu, tali argument fih innifsu ma jistax juri n-natura żbaljata tal-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-effett tad-DMIs fuq l-MSCs. Fil-fatt, sa fejn l-elementi msemmija fil-punti 162 u 163 iktar ’il fuq huma intiżi sabiex juru li, fi Stati Membri oħra tal-Unjoni, id-DMIs jiffissaw livell minimu għall-MSCs, l-argumentazzjoni żviluppata mill-Kummissjoni fil-premessi 452 u 453 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li s-sitwazzjoni fi Spanja tista’ tiġi spjegata mill-partikolaritajiet nazzjonali, ma tidhirx għaldaqstant manifestament żbaljata. Barra minn hekk, anki f’konfigurazzjoni bħal din, jista’ raġonevolment ikun mistenni li fl-assenza ta’ DMIs, il-banek akkwirenti jkunu f’pożizzjoni li joffru MSCs ta’ ammont iżgħar.

166    Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li l-effett tad-DMIs fuq il-prezzijiet imħallsa mill-konsumatur finali ma ġiex stabbilit b’mod ċar mill-Kummissjoni, ukoll għandha tiġi miċħuda. Minn naħa, jista’ jiġi raġonevolment konkluż li ż-żieda fl-ammont tal-MSCs hija, għall-inqas parzjalment, mgħoddija min-negozjanti lill-konsumatur finali. Min-naħa l-oħra, tali argumentazzjoni hija, fi kwalunkwe ipoteżi, irrilevanti, peress li l-fatt li d-DMIs jistgħu jirrestrinġu l-pressjoni kompetittiva li n-negozjanti jistgħu jeżerċitaw fuq l-akkwirenti huwa biżżejjed sabiex tingħata prova tal-eżistenza ta’ effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE.

167    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, dan it-tieni lment għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq l-ilmenti marbuta mal-eżami tas-suq tal-prodotti

168    Ir-rikorrenti kif ukoll għadd ta’ intervenjenti, essenzjalment jakkużaw lill-Kummissjoni li, fir-raġunament tagħha, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni n-natura doppja tas-suq u jikkontestaw id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti adottata mill-Kummissjoni.

169    L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-kritiki dwar id-definizzjoni tas-suq tal-prodotti adottata mill-Kummissjoni, qabelxejn, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, sa fejn din timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni, tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ limitat min-naħa tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il-Kummissjoni, T‑65/96, Ġabra p. II‑1885, punt 64, u tas-6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il-Kummissjoni, T‑342/99, Ġabra p. II‑2585, punt 26).

170    It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li s-suq li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jinkludi l-prodotti kollha li, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħhom, huma partikolarment adattati sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet kostanti u ma tantx huma interkambjabbli bi prodotti oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 37). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod iktar speċifiku, li l-kunċett ta’ suq tal-prodotti jimplika li tista’ teżisti kompetizzjoni effettiva bejn il-prodotti li jagħmlu parti minnu, li jippresupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà bejn il-prodotti kollha li jiffurmaw parti mill-istess suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 28).

171    Għandu wkoll jiġi enfasizzat li d-definizzjoni tas-suq inkwistjoni għandha rwol differenti skont jekk jiġix applikat l-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 82 KE. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, id-definizzjoni adatta tas-suq inkwistjoni hija kundizzjoni neċessarja u minn qabel għad-deċiżjoni dwar aġir allegatament antikompetittiv, peress li, qabel ma tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti f’suq partikolari, li jippresupponi li dan is-suq kien delimitat minn qabel. Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, is-suq inkwistjoni għandu jiġi ddefinit sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim, id-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma inkwistjoni tistax taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u għandhiex l-għan jew l-effett li tipprevjeni, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni. Din hija r-raġuni li għaliha, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, l-ilmenti fformulati kontra d-definizzjoni tas-suq adottata mill-Kummissjoni ma jistgħux jitqiesu b’mod iżolat minn dawk li jirrigwardaw l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-ħsara għall-kompetizzjoni. Ġie wkoll deċiż li l-kontestazzjoni tad-definizzjoni tas-suq rilevanti hija ineffettiva jekk il-Kummissjoni, fuq il-bażi tad-dokumenti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, ġustament ikkonkludiet li l-ftehim inkwistjoni ħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u seta’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, T‑61/99, Ġabra p. II‑5349, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).

172    Hekk kif issemma fil-punti 21 sa 23 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset li s-sistemi kwadripartiti ta’ karti bankarji joperaw fi tliet swieq distinti, suq tal-intersistemi, suq tal-ħruġ tal-karti u suq tal-akkwist, u bbażat ruħha fuq l-effetti restrittivi tad-DMIs fuq is-suq tal-akkwist.

173    Għandu jiġi kkonstatat li tali definizzjoni ma hijiex manifestament żbaljata u li l-kontestazzjoni tagħha min-naħa tar-rikorrenti u tal-intervenjenti ma tidhirx li hija konvinċenti.

174    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat ikkonstatat l-eżistenza ta’ suq awtonomu tal-akkwist, peress li bis-sistema kwadripartita jiġi offrut servizz wieħed fuq it-talba konġunta tad-detenturi tal-karti u tan-negozjanti.

175    Tali argumentazzjoni għandha tiġi miċħuda, peress li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta fil-premessi 260 sa 265 tad-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet li ma kienx jeżisti servizz wieħed offrut b’risposta għal talba konġunta min-negozjanti u mid-detenturi tal-karti.

176    Ċertament, huwa minnu li jeżistu ċerti interazzjonijiet bejn il-komponenti “ħruġ tal-karti” u “akkwist”, bħalma huma n-natura kumplementari tas-servizzi ta’ ħruġ tal-karti u tas-servizzi tal-akkwist u l-preżenza ta’ effetti ta’ netwerks indiretti, inkwantu l-importanza tal-aċċettazzjoni tal-karti min-negozjanti u n-numru ta’ karti fiċ-ċirkulazzjoni jinfluwenzaw lil xulxin.

177    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja din il-kumplementarjetà, minn naħa, is-servizzi pprovduti lid-detenturi tal-karti u lin-negozjanti jistgħu jiġu distinti u, min-naħa l-oħra, id-detenturi tal-karti u n-negozjanti jeżerċitaw pressjonijiet kompetittivi separati fuq il-banek li joħorġu l-karti u l-banek akkwirenti rispettivament.

178    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt, irrilevat minn ċerti intervenjenti, li l-banek li joħorġu l-karti jipprovdu servizzi lin-negozjanti, bħalma huma l-garanzija ta’ ħlas f’każ ta’ frodi, ta’ nuqqas ta’ ħlas jew ta’ insolvenza. Fil-fatt, għalkemm tali servizzi huma effettivament ipprovduti mill-banek li joħorġu l-karti, dan isir permezz tal-banek akkwirenti. Fi kliem ieħor, in-negozjanti ma jeżerċitawx direttament pressjoni kompetittiva fuq il-banek li joħorġu l-karti għall-provvista ta’ dawn is-servizzi.

179    Wieħed mill-intervenjenti jakkuża wkoll lill-Kummissjoni li, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-effetti restrittivi tad-DMIs fuq il-kompetizzjoni, hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-mezzi l-oħra ta’ ħlas, jew fil-kuntest ta’ suq wieħed mas-sistemi tal-karti bankarji, jew, fi kwalunkwe każ, bħala li jeżerċitaw pressjoni kompetittiva.

180    Tali argumentazzjoni għandha wkoll tiġi miċħuda. Ċertament, il-pressjoni kompetittiva tal-metodi l-oħra ta’ ħlas taffettwa l-ammont tad-DMIs inkwantu ma huwiex fl-interess tar-rikorrenti u lanqas tal-banek li dawn jiġu ffissati f’livell tali li n-negozjanti jibdew jippreferu metodi oħra ta’ ħlas. Madankollu, hekk kif ġie enfasizzat fil-punti 157 u 158 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkonstata fil-premessi 504 u 506 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-effett ta’ din il-pressjoni ma kienx biżżejjed b’rigward għall-preferenza tal-konsumaturi għall-ħlasijiet bil-karta, u b’rigward għar-riskju ta’ telf ta’ tranżazzjonijiet li diskriminazzjoni favur metodi ta’ ħlas oħra setgħet timplika.

181    It-tieni nett, f’dak li jikkonċerna l-kritiki dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tan-natura doppja tas-suq, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jenfasizzaw il-vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw mid-DMIs. Għalhekk, essenzjalment, ir-rikorrenti jenfasizzaw li dawn jippermettu li l-funzjonament tas-sistema MasterCard jiġi ottimizzat billi jiffinanzjaw spejjeż intiżi sabiex jinkoraġġixxu l-aċċettazzjoni tad-detenturi tal-karti u l-użu tagħhom. Minn dan huma jiddeduċu li, minn naħa, ma huwiex fl-interess tal-banek li jiffissaw id-DMIs fuq livell eċċessiv u, min-naħa l-oħra, in-negozjanti jibbenefikaw mid-DMIs. Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni wkoll li injorat l-impatt tad-deċiżjoni tagħha fuq id-detenturi tal-karti, billi kkonċentrat fuq in-negozjanti biss. F’dan ir-rigward, għadd ta’ intervenjenti jżidu li, f’sistema li tiffunzjona mingħajr DMIs, huma jkunu obbligati jillimitaw il-vantaġġi mogħtija lid-detenturi tal-karti, jew saħansitra jnaqqsu l-attività tagħhom.

182    Tali kritiki huma irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, sa fejn dawk jimplikaw ibbilanċjar tal-effetti restrittivi tad-DMIs fuq il-kompetizzjoni, ikkonstatati b’mod validu mill-Kummissjoni, flimkien mal-vantaġġi ekonomiċi eventwali li jistgħu jirriżultaw minnhom. Issa, l-ibbilanċjar tal-aspetti prokompetittivi u antikompetittivi ta’ restrizzjoni jista’ jseħħ biss fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 81(3) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 107, u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ilment li jirrigwarda l-eżami tal-provi ekonomiċi prodotti matul il-proċedura amministrattiva.

183    Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni naqset milli teżamina jew tirrispondi għall-provi ekonomiċi li huma pproduċew matul il-proċedura amministrattiva. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din il-kritika, li tinsab fir-rikors tagħhom, għandha titqies bħala ammissibbli. L-istess jgħodd għall-provi annessi mar-rikors, sa fejn dawn jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ fatt, diversament mill-argumenti tal-Kummissjoni li jinsabu annessi mar-risposta, li ma humiex imsemmija fl-imsemmija risposta.

184    Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 68 sa 70 iktar ’il fuq, minkejja li t-test tar-rikors jista’ jkun sostnut u kkompletat fuq punti partikolari permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi ta’ dokumenti li jinsabu annessi miegħu, riferiment globali għal kitbiet oħra, anki annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjali fih.

185    Għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tar-rikorrenti huwa ppreżentat f’forma partikolarment konċiża fir-rikors u li, fir-realtà, l-argumentazzjoni li ssostnieh tinsab żviluppata fl-annessi A.13 (“Kummentarji dwar l-aspetti ekonomiċi tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-interskambju tal-[organizzazzjoni tal-ħlas] MasterCard għat-tranżazzjonijiet transkonfinali, innotifikata fid-19 ta’ Diċembru 2007”), A.14 (“Kummentarji dwar l-Anness 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni”) u A.15 (“L-aċċettazzjoni, min-naħa tan-negozjanti, tal-karti tal-ħlas — konfutazzjoni tal-kritika tal-Kummissjoni”), redatti mid-diversi esperti li minnhom joriġinaw il-provi ekonomiċi prodotti matul il-proċedura amministrattiva u li r-rikorrenti jagħmlu riferiment globali għalihom.

186    Għalhekk, fil-punti 52 sa 54 tar-rikors, ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom li jiddikjaraw li huma ressqu argumenti ekonomiċi sostanzjali matul il-proċedura amministrattiva, liema argumenti ġew interpretati ħażin jew ġew irrappreżentati ħażin mill-Kummissjoni, u li l-“konklużjonijiet tal-ekonomisti [tagħhom]” isostnu l-analiżi legali tagħhom, li tgħid li l-Kummissjoni “kellha b’mod partikolari tort tikkonkludi li d-dritt tal-interskambju mitlub [kien] limitazzjoni għall-kompetizzjoni, tikkonċentra ruħha fuq l-impatt tal-ħlas tal-interskambju mitlub (jew tad-differenzi fil-livell tiegħu) fuq l-MSCs, mingħajr ma teżamina l-effett fuq l-ispejjeż tad-detenturi tal-karti, billi tikkontesta li l-mekkaniżmu [kellu] jiffissa livell ta’ dritt tal-interskambju li jimmassimizza l-volum tat-tranżazzjonijiet u tinjora li dan [kien jippromwovi] l-benesseri tal-konsumatur”.

187    Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li r-rikors jippreżenta d-dikjarazzjoni tal-ilment tar-rikorrenti, huwa ma jinkludix argumentazzjoni li ssostniha.

188    Huwa għalhekk ġustament li l-Kummissjoni ssostni li mit-test tar-rikors ma jirriżultawx elementi preċiżi biżżejjed sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha u sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha.

189    Minn dan jirriżulta, minn naħa, li ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tfittex fl-Annessi A.13 sa A.15 dak li jista’ jkun l-argumentazzjoni tar-rikorrenti insostenn ta’ dan l-ilment, u, min-naħa l-oħra, li l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli ta’ Proċedura sa fejn dan ma jinkludix l-elementi essenzjali li jippermettu lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha u lill-Kummissjoni tiżgura d-difiża tagħha.

190    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li dan l-ilment, sa fejn jidher li jikkritika lill-Kummissjoni talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni argumenti ekonomiċi li juru l-vantaġġi li jirriżultaw mid-DMIs għas-sistema MasterCard, għad-detenturi tal-karti jew għall-konsumatur inġenerali, huwa irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, fi kwalunkwe ipoteżi, kunsiderazzjonijiet bħal dawn, jekk wieħed jassumi li dawn huma sostnuti biżżejjed, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-kuntest tal-istħarriġ tal-eżami tad-DMIs imwettaq mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 81(3) KE.

 Fuq l-ilment dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

191    Ċerti intervenjenti jilmentaw li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ma ġġustifikatx fiha t-tibdil fl-approċċ tagħha meta mqabbel mad-deċiżjoni preċedenti dwar l-effetti tad-DMIs, jiġifieri d-deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2002, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (comp/29.373 — Visa international) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Visa II”). Huma jfakkru li, fiha, il-Kummissjoni kienet aċċettat, minn naħa, li d-DMIs kienu remunerazzjoni mħallsa bejn banek li għandhom jittrattaw ma’ xulxin fil-kuntest tar-regolarizzazzjoni ta’ tranżazzjoni b’karta tal-ħlas, u għaldaqstant ma jistgħux jagħżlu l-imsieħba tagħhom u, min-naħa l-oħra, li min joħroġ il-karti kien jipprovdi servizzi favur in-negozjant, permezz tal-bank akkwirent. Issa, f’din il-kawża, il-Kummissjoni tirrikonoxxi n-neċessità ta’ mekkaniżmu ta’ riżerva, billi tirreferi għall-projbizzjoni ta’ tariffar “ex post”, iżda toħloq preżunzjoni kontra kull DMI.

192    Fi kwalunkwe ipoteżi, mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi indirizzata l-ammissibbiltà ta’ tali lment, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li dan huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, filwaqt li fid-Deċiżjoni Visa II l-Kummissjoni qieset li d-DMIs ta’ Visa setgħu jiġu eżentati skont l-Artikolu 81(3) KE, dan seħħ biss wara li kkonkludiet li dawn kienu jirrestrinġu l-kompetizzjoni, b’mod partikolari bejn il-banek akkwirenti (premessa 68 tad-Deċiżjoni Visa II). Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li d-DMIs ma kinux oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tas-sistema Visa (premessi 58 sa 60 tad-Deċiżjoni Visa II). Din hija essenzjalment l-analiżi segwita mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-eżami tad-DMIs ta’ MasterCard skont l-Artikolu 81(1) KE. Għalhekk, dan l-ilment huwa bbażat fuq it-tqabbil ta’ premessi li ma għandhomx l-istess suġġett, jiġifieri l-analiżi, minn naħa, tal-effetti restrittivi li d-DMIs tar-rikorrenti għandhom fuq il-kompetizzjoni skont l-Artikolu 81(1) KE, fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, tal-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE, fil-kuntest tad-Deċiżjoni Visa II.

193    Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud, u, għaldaqstant, il-motiv fl-intier tiegħu.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(3) KE

194    Dan il-motiv huwa ppreżentat mir-rikorrenti bħala li huwa magħmul minn żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti tagħhom, huma jakkużaw lill-Kummissjoni li din applikat fir-rigward tagħhom oneru tal-prova għoli wisq f’dak li jikkonċerna d-dimostrazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE. Permezz tat-tieni parti tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-analiżi tal-imsemmija kundizzjonijiet, imwettqa mill-Kummissjoni, hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

195    Fir-rigward tal-ewwel parti tal-motiv, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni kellha tanalizza l-argumenti u l-provi prodotti abbażi tal-ibbilanċjar tal-probabbiltajiet biss. Għalhekk, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva kellhom iwasslu lill-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ għoti ta’ spjegazzjoni jew ta’ ġustifikazzjoni, tikkonkludi li huma kienu wrew li d-DMIs kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE. Huma jsostnu wkoll li l-prinċipju in dubio pro reo huwa applikabbli u li, għaldaqstant, f’każ ta’ dubju l-Kummissjoni kellha tiddeċiedi favur tagħhom. Fl-aħħar nett, ċerti intervenjenti essenzjalment isostnu li d-deċiżjoni kkontestata twassal sabiex ir-rikorrenti jiġu obbligati jiġġustifikaw il-fissazzjoni tad-DMIs fuq livell partikolari iktar milli juru n-natura raġonevoli tal-metodoloġija użata biex jiffissawhom, fatt li jirrappreżenta oneru tal-prova għoli wisq.

196    Hekk kif tfakkar fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, hija l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tinvoka l-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE li għandha tipprova li l-kundizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu huma sodisfatti. Konsegwentement, il-persuna li tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 81(3) KE trid turi li dawn il-kundizzjonijiet ġew kollha sodisfatti, permezz ta’ argumenti u ta’ provi konvinċenti (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni, T‑168/01, Ġabra p. II‑2969, p. 235, u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha teżamina dawn l-argumenti u dawn il-provi b’mod adegwat, jiġifieri hija għandha tistabbilixxi jekk huma jurux li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE huma ssodisfatti kollha. F’ċerti każijiet, dawn l-argumenti u dawn il-provi jistgħu jkunu ta’ natura li jobbligawha tipprovdi spjegazzjoni jew ġustifikazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan ikun permess li jiġi konkluż li l-oneru tal-prova li għandha l-persuna li tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 81(3) KE ġie sodisfatt. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni għandha tikkonfuta dawn l-argumenti u dawn il-provi (ara s-sentenza GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni, punt 96 iktar ’il fuq, punt 236 u l-ġurisprudenza ċċitata).

198    Sa fejn ma huwiex possibbli li jiġi analizzat b’mod astratt jekk il-Kummissjoni injoratx il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, iż-żewġ partijiet ta’ dan il-motiv għandhom jiġu eżaminat flimkien.

199    Kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, sew jekk bl-effetti tagħha jew bl-għan tagħha, tista’ fil-prinċipju tibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 81(3) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, punt 233 u l-ġurisprudenza ċċitata).

200    L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, li l-osservanza kollha tagħhom hija kemm neċessarja kif ukoll suffiċjenti. Hemm bżonn, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni jew il-kategorija ta’ deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi tkun tikkontribwixxi sabiex titjieb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti inkwistjoni jew sabiex tippromwovi l-progress tekniku jew ekonomiku, it-tieni nett, li parti xierqa tal-profitt li jirriżulta minnha jkun riżervat għall-utenti, it-tielet nett, li din ma tkun timponi l-ebda restrizzjoni li ma hijiex indispensabbli fuq l-impriżi parteċipanti u, ir-raba’ nett, li din ma tagħtihomx il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni għal parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, punt 234, u l-ġurisprudenza ċċitata).

201    Għandu jitfakkar li l-qorti li quddiemha tkun tressqet talba għall-annullament ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 81(3) KE għandha twettaq, sa fejn hija tkun qed tanalizza evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, stħarriġ limitat, fir-rigward tal-mertu, għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u tal-eżattezza tal-konsegwenzi legali li huma dedotti minnhom (ara s-sentenza GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, punt 241, u l-ġurisprudenza ċċitata).

202    Madankollu hija trid tivverifika mhux biss jekk il-provi invokati humiex materjalment eżatti, affidabbli u koerenti, iżda wkoll jekk huma jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn il-provi humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li joħorġu minnhom. Min-naħa l-oħra, hija ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-awtur tad-deċiżjoni li hija ntalbet tistħarreġ il-legalità tagħha bl-evalwazzjoni ekonomika tagħha stess (sentenza GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, punti 242 u 243).

203    F’dak li jikkonċerna l-eżami, mill-Kummissjoni, tal-ewwel kundizzjoni imposta fl-Artikolu 81(3) KE, ir-rikorrenti jakkużawha li ffokat fuq il-punt dwar jekk il-progress tekniku u ekonomiku kienx jirriżulta speċifikament mid-DMIs, filwaqt li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-vantaġġi kollha tas-sistema MasterCard. Huma jsostnu li, fi kwalunkwe każ, l-ewwel kundizzjoni hija sodisfatta, anki jekk id-DMIs kellhom jiġu eżaminati b’mod awtonomu, minħabba l-massimizzazzjoni tal-output tas-sistema MasterCard li huma jippermettu. F’dan ir-rigward, huma jakkużaw lill-Kummissjoni li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti pożittivi tad-DMIs fuq is-suq tal-ħruġ tal-karti u li imponiet fuqhom oneru tal-prova eċċessiv, minkejja li hija tirrikonoxxi li d-DMIs jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-progress ekonomiku u tekniku.

204    Ċerti intervenjenti jenfasizzaw il-vantaġġi oġġettivi, diretti u indiretti, li jistgħu jiġu attribwiti lid-DMIs. F’dak li jikkonċerna l-vantaġġi diretti, in-negozjanti jibbenefikaw mill-ipproċessar tat-tranżazzjoni minn min joħroġ il-karti u jkunu l-benefiċjarji prinċipali tal-garanzija ta’ ħlas, sostnuta minn min joħroġ il-karti u ffinanzjata permezz tad-DMIs. Jitfakkar li l-mezzi ta’ ħlas l-oħra jiġġeneraw spejjeż għolja għan-negozjanti, li huma wkoll mgħoddija lill-konsumaturi kollha. F’dak li jikkonċerna l-vantaġġi indiretti, isir riferiment għall-perijodu ta’ finanzjament b’xejn li jeżisti fil-karti ta’ debitu differit u ta’ kreditu, sa fejn dan jippermetti li jiġi inkoraġġut l-akkwist u li l-ammont ta’ kull akkwist jiżdied. Hija wkoll enfasizzata d-differenza fl-approċċ eżistenti bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-Deċiżjoni Visa II dwar dan il-punt. L-assenza ta’ spjegazzjoni dwar din id-differenza fl-approċċ tikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni.

205    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv għandu jiġi miċħud. Ċerti intervenjenti insostenn tat-talbiet tagħha jikkontestaw li d-DMIs jistgħu jitqiesu bħala l-kunsiderazzjoni tal-vantaġġi li minnhom jibbenefikaw in-negozjanti.

206    Skont l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 81(3) KE, il-ftehim li jistgħu jiġu eżentati għandhom “jikkontribwixxu biex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti, jew biex jippromwovu progress tekniku jew ekonomiku”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li t-titjib ma jistax jiġi identifikat għal kull vantaġġ li l-imsieħba jieħdu mill-ftehim fuq l-attività tagħhom ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni. Dan it-titjib għandu b’mod partikolari jkollu vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi, ta’ natura li jikkumpensaw għall-inkonvenjenti li l-ftehim joħloq fir-rigward tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, punt 101 iktar ’il fuq, punt 139, u l-ġurisprudenza ċċitata).

207    Qabelxejn għandha tiġi miċħuda l-kritika tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li, b’mod żbaljat, il-Kummissjoni eżaminat biss id-DMIs mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjoni tas-sistema MasterCard fl-intier tagħha għall-progress tekniku u ekonomiku, filwaqt li hija tirrikonoxxi r-realtà ta’ din il-kontribuzzjoni. Fil-fatt, sa fejn id-DMIs ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet anċillari fir-rigward tas-sistema MasterCard, huwa ġustament li l-Kummissjoni eżaminat jekk kinux jeżistu xi vantaġġi sinjifikattivi li jirriżultaw speċifikament mid-DMIs. Għalhekk, il-fatt li fil-premessa 679 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni taċċetta li s-sistemi ta’ karti tal-ħlas, bħalma hija s-sistema MasterCard, tikkostitwixxi progress tekniku u ekonomiku ma għandux effett fuq il-punt dwar jekk id-DMIs jissodisfawx l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(3) KE.

208    Mill-premessi 674 sa 677 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-materjalità tagħhom ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, jirriżulta li l-argumentazzjoni tagħhom, kif ippreżentata matul il-proċedura amministrattiva, hija bbażata fuq ir-rwol tad-DMIs fl-ibbilanċjar bejn il-komponenti “ħruġ tal-karti” u “akkwist” tas-sistema MasterCard.

209    Din l-argumentazzjoni essenzjalment tippreżumi li l-banek li joħorġu l-karti u l-banek akkwirenti jipprovdu servizz konġunt li jwassal għal spejjeż komuni (l-ewwel preżunzjoni) u li l-banek li joħorġu l-karti jsostnu l-ikbar parti tal-ispejjeż tas-sistema (it-tieni preżunzjoni). Għalhekk, sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu jippromwovu l-karti tal-ħlas u jipprovdu servizzi li jirrendu lil dawn il-karti attraenti, ikun neċessarju li jsir trasferiment, min-naħa tal-komponent “akkwist” tas-sistema, favur tagħhom. Dan it-trasferiment jippermetti li jintlaħaq bilanċ fuq il-livell li fih l-output tas-sistema MasterCard tilħaq il-massimu tagħha (it-tielet preżunzjoni). Hija din il-massimizzazzjoni tas-sistema MasterCard li tiġġenera l-progress ekonomiku u tekniku li hija tirrappreżenta. Il-metodi tal-iffissar tad-DMIs applikati mir-rikorrenti jkunu jippermettu tqassim ottimali tal-ispejjeż bejn il-komponenti “akkwist” u “ħruġ tal-karti” tas-sistema.

210    F’dak li jikkonċerna l-ewwel preżunzjoni, għal raġunijiet li jixxiebhu ma’ dawk imsemmija fil-punti 175 sa 177 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li, minkejja l-interazzjonijiet eżistenti bejn l-attivitajiet ta’ ħruġ tal-karti u ta’ akkwist tat-tranżazzjonijiet imwettqa, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta, fil-premessi 681 u 682 tad-deċiżjoni kkontestata, ċaħdet il-klassifikazzjoni ta’ spejjeż komuni marbuta ma’ servizz konġunt imressqa mir-rikorrenti.

211    F’dak li jikkonċerna t-tieni preżunzjoni, hekk kif osservat il-Kummissjoni, essenzjalment, fil-premessa 686 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li din hija bbażata fuq preżentazzjoni parzjali tal-attivitajiet ta’ ħruġ tal-karti u ta’ akkwist li tieħu inkunsiderazzjoni biss l-ispejjeż sostnuti mill-banek li joħorġu l-karti, billi tħalli barra d-dħul jew il-vantaġġi ekonomiċi l-oħra li huma jiksbu mill-attività tagħhom ta’ ħruġ tal-karti, minkejja l-importanza tagħhom, enfasizzata fil-punti 106 sa 108 iktar ’il fuq.

212    Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna t-tielet preżunzjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni ma llimitatx ruħha tiċħad il-provi mressqa mir-rikorrenti minħabba li dawn ma kellhomx saħħa probatorja suffiċjenti, iżda enfasizzat ukoll, fil-premessi 702 sa 708 u 709 sa 724 tad-deċiżjoni kkontestata, li kemm il-funzjonament tas-sistema MasterCard kif ukoll il-metodi tal-iffissar tad-DMIs huma differenti ħafna mill-mudell teoretiku — il-mudell Baxter — li fuqu bbażaw l-argumentazzjoni tagħhom ir-rikorrenti.

213    Għalhekk, fir-rigward tat-tqabbil tas-sistema MasterCard mal-mudell Baxter, il-Kummissjoni, b’mod partikolari indikat differenza fundamentali fir-rigward tal-motivi ta’ aċċettazzjoni tal-karti tal-ħlas min-negozjanti. Essenzjalment, filwaqt li l-mudell Baxter jimplika aċċettazzjoni libera tal-imsemmija karti min-naħa tan-negozjanti, fid-dawl tal-vantaġġi li s-servizzi assoċjati ma’ dan il-mezz ta’ ħlas jirrappreżentaw għalihom, din l-aċċettazzjoni, fil-prattika, hija wkoll immotivata mil-limitazzjoni li d-domanda tal-konsumaturi favur dan il-mezz ta’ ħlas tirrappreżenta, u mir-riskju ta’ telf ta’ tranżazzjonijiet assoċjati ma’ rifjut jew diskriminazzjoni fir-rigward tiegħu.

214    F’dak li jikkonċerna l-metodi segwiti għall-iffissar tad-DMIs, il-Kummissjoni enfasizzat id-differenzi li jeżistu bejn il-prattika segwita mir-rikorrenti u l-mudell Baxter.

215    Fir-rigward tal-metodu li japplika għall-karti ta’ kreditu u ta’ debitu differit (MasterCard Standard Interchange Methodology, premessi 710 sa 718 tad-deċiżjoni kkontestata), il-kritika essenzjali tal-Kummissjoni tikkonċerna d-dgħufija tal-analiżi tal-evoluzzjoni tat-talba tad-detenturi tal-karti u tan-negozjanti għal dan il-mezz ta’ ħlas, filwaqt li fil-mudell Baxter dan huwa element essenzjali. Għalhekk, it-talba tan-negozjanti hija meqjusa biss fir-rigward ta’ x’tista’ tkun l-ispiża tal-ħolqien ta’ sistema ta’ karti tal-ħwienet. Hija tinnota l-limiti ta’ tali analiżi, peress li n-negozjanti kollha la għandhom ix-xewqa u lanqas il-possibbiltà li joħolqu sistema ta’ karti tal-ħwienet. F’dak li jikkonċerna l-analiżi tat-talba tad-detenturi tal-karti, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma jkejlux il-progress tagħha, iżda jibbażaw ruħhom biss fuq l-informazzjoni mogħtija mill-banek li joħorġu l-karti.

216    Fir-rigward tal-metodu applikabbli għall-karti ta’ debitu (Global MasterCard Debit Interchange Fee Methodology, premessi 719 sa 724 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni, filwaqt li tirrikonoxxi li dan il-metodu huwa iktar simili għall-mudell Baxter sa fejn dan jieħu inkunsiderazzjoni kemm l-ispejjeż marbuta mal-ħruġ tal-karti, kif ukoll dawk marbuta mal-akkwist, essenzjalment tenfasizza li dan jimxi fuq il-bażi ta’ viżjoni eżaġeratament wiesgħa tal-ispejjeż marbuta mill-ħruġ tal-karti, billi jinkludi spejjeż inerenti għal kull metodu ta’ ħlas, bħalma huma l-ispejjeż għaż-żamma ta’ kont kurrenti.

217    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni, tiċħad l-argumentazzjoni mressqa mir-rikorrenti sabiex jintwera li l-vantaġġi oġġettivi li jistgħu jirriżultaw mis-sistema MasterCard huma attribwibbli għar-rwol li jħaddnu d-DMIs tagħha.

218    B’mod iktar partikolari, mill-punti 210 sa 215 iktar ’il fuq jirriżulta li l-approċċ tar-rikorrenti jtendi, minn naħa, jonfoħ l-ispejjeż sostnuti mill-banek li joħorġu l-karti u, min-naħa l-oħra, jevalwa b’mod insuffiċjenti l-vantaġġi li n-negozjanti jisiltu minn dan il-mezz ta’ ħlas.

219    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq li huma pproduċew provi ekonomiċi abbundanti li juru l-fondatezza tal-argumentazzjoni tagħhom. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jirreferu għas-siltiet rilevanti tar-RDOA tagħhom u għall-provi ekonomiċi annessi magħha, kif ukoll għall-Annessi A.13 u A.14. Huma jfakkru wkoll l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 83 tad-Deċiżjoni Visa II, li tgħid li “iktar ma jkun hemm negozjanti fis-sistema iktar ikun utli għad-detenturi tal-karti u viċi versa” [deċiżjoni kkontestata], li huma jinterpretaw bħala rikonoxximent tal-fondatezza tal-argumentazzjoni tagħhom.

220    F’dan ir-rigward, hekk kif il-Kummissjoni essenzjalment sostniet f’wieħed mill-annessi tad-deċiżjoni kkontestata, iddedikat għall-konfutazzjoni tal-provi ekonomiċi mressqa mir-rikorrenti (punt 10 tal-Anness 4 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jiġi enfasizzat li, anki fuq il-preżunzjoni li minn dawn il-provi jista’ jiġi dedott li d-DMIs jikkontribwixxu sabiex tiżdied l-output tas-sistema MasterCard, dan ma jkunx biżżejjed sabiex jintwera li huma jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(3) KE.

221    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel benefiċjarji ta’ żieda fl-output tas-sistema MasterCard huma l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u l-banek li jipparteċipaw fiha. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt206 iktar ’il fuq, it-titjib, fis-sens tal-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 81(3) KE, ma jistax jiġi identifikat minn kull vantaġġ li l-imsieħba jiksbu mill-ftehim fir-rigward tal-attività tagħhom ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni.

222    F’dak li jikkonċerna n-negozjanti, minkejja li żieda fin-numru ta’ karti fiċ-ċirkulazzjoni tista’ żżid l-utilità tas-sistema MasterCard għalihom, din għandha wkoll il-konsegwenza li tnaqqas il-pressjoni li dawn jistgħu jkunu kapaċi jeżerċitaw fuq l-ammont tad-DMIs u, għaldaqstant, li żżid is-saħħa fis-suq li għandhom ir-rikorrenti. Fil-fatt, jista’ jiġi konkluż b’mod raġonevoli li r-riskju li rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ dan il-mezz ta’ ħlas, jew diskriminazzjoni fir-rigward tiegħu, iwassal għal effetti negattivi fuq il-klijentela tan-negozjanti huwa ikbar iktar ma jkun kbir in-numru ta’ karti fl-idejn.

223    Dan ir-raġunament essenzjalment jinsab fil-premessi 729 u 730 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minkejja li fil-premessa 729 huwa aċċettat “il-fatt [li, fil-] prinċipju, f’sistema ta’ karti tal-ħlas ikkaratterizzata minn esternalitajiet ta’ netwerk indiretti, id-drittijiet tal-interskambju jistgħu jgħinu sabiex tiġi mmassimizzata l-utilità tan-netwerk għall-utenti tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali], huwa enfasizzat ukoll, fil-premessa 730, li d-DMIs jistgħu jintużaw mill-banek sabiex “jiksbu żieda fl-effikaċja jew jiksbu xi dħul” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

224    F’dak li jikkonċerna r-riferiment li jinsab fil-premessa 83 tad-Deċiżjoni Visa II, għandu jiġi osservat li, minkejja li hemmhekk il-Kummissjoni aċċettat li l-utilità tas-sistema Visa għal kull kategorija ta’ utenti kienet ibbażata fuq in-numru ta’ utenti tal-kategorija l-oħra, hija enfasizzat ukoll li kien diffiċli li tiġi ddeterminata l-utilità marġinali medja ta’ ħlas b’karta Visa għal kull kategorija ta’ utenti u rreferiet għan-neċessità li jinsab indikatur ta’ sostituzzjoni aċċettabbli, li jindirizza t-tħassib tagħha li fosthom jinsab dak li d-DMI huwa ffissata f’livell ta’ natura “li jimmassimizza d-dħul” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 80 tad-Deċiżjoni Visa II). Għaldaqstant, minkejja li d-DMIs ta’ Visa bbenefikaw minn eżenzjoni, dan ma seħħx biss fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni tagħhom għaż-żieda fl-output tas-sistema, iżda għaliex huma kienu ddeterminati b’riferiment għal tliet kategoriji ta’ spejjeż li jikkorrispondu għal servizzi li jistgħu jitqiesu bħala permissibbli, tal-inqas parzjalment, għall-benefiċċju tan-negozjanti, jiġifieri l-ispiża għall-ipproċessar tat-tranżazzjonijiet, l-ispiża tal-provvista tal-“garanzija ta’ ħlas” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u l-ispiża tal-perijodu ta’ finanzjament b’xejn (premessi 74 u 85 tad-Deċiżjoni Visa II).

225    Issa, minkejja li r-rikorrenti, f’nota ta’ qiegħ il-paġna tar-rikors, isostnu li “l-provi mhux ikkontestati prodotti sa dan il-jum, juru li d-dritt tal-interskambju jirrappreżenta ftit iktar miż-żewġ terzi tal-ispiża tal-garanzija ta’ ħlas, tal-perijodu mingħajr interessi u tal-ispejjeż tal-ġestjoni […] u lanqas biss jinkludi ħlas dovut għal għadd ta’ vantaġġi oħra, bħal iktar bejgħ jew vantaġġi ta’ cash flow, li n-negozjanti jirċievu wkoll”, għandu jiġi enfasizzat li din l-allegazzjoni ma hija akkumpanjata minn ebda element ta’ natura li jippermetti li l-veraċità tagħha tiġi vverifikata.

226    Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li, fl-assenza ta’ prova tal-eżistenza ta’ rabta mill-qrib biżżejjed bejn id-DMIs u l-vantaġġi oġġettivi li minnhom jibbenefikaw in-negozjanti, il-fatt biss li huma jistgħu jikkontribwixxu għaż-żieda fl-output tas-sistema MasterCard ma jistax, waħdu, juri li l-ewwel kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 81(3) KE hija sodisfatta.

227    Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni, minn naħa, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-vantaġġi għad-detenturi tal-karti li jirriżultaw mid-DMIs, u min-naħa l-oħra, li aġixxiet bħala “regulatur tal-prezz” tad-DMIs.

228    F’dak li jikkonċerna l-ewwel kritika, ċertament huwa minnu li minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi kkonċernati bl-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 81(3) KE jistgħu jirriżultaw mhux biss fis-suq inkwistjoni, iżda wkoll għal kull suq ieħor li fih il-ftehim inkwistjoni jista’ jipproduċi effetti benefiċi, kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, għal kull servizz li l-kwalità jew l-effikaċja tiegħu tista’ titjieb permezz tal-eżistenza tal-imsemmi ftehim (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2002, Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni, T‑86/95, Ġabra p. II‑1011, punt 343, u GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, punt 248). Madankollu, peress li n-negozjanti jikkostitwixxu wieħed miż-żewġ gruppi ta’ utenti kkonċernati bil-karti tal-ħlas, l-eżistenza stess tat-tieni kundizzjoni tal-Artikolu 81(3) KE timplika neċessarjament li l-eżistenza ta’ vantaġġi oġġettivi sinjifikattivi attribwibbli għad-DMIs għandha wkoll tintwera fir-rigward tagħhom.

229    Għaldaqstant, la tali prova ma ġietx prodotta, il-kritika tar-rikorrenti dwar teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-vantaġġi tad-DMIs għad-detenturi tal-karti hija, fi kwalunkwe ipoteżi, irrilevanti.

230    F’dak li jikkonċerna t-tieni kritika — li tiġbor fiha l-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv —, ir-rikorrenti, kif ukoll għadd ta’ intervenjenti, essenzjalment isostnu li l-argumentazzjoni żviluppata matul il-proċedura amministrattiva wasslet sabiex l-oneru tal-konfutazzjoni tagħhom jiġi ttrasferit lill-Kummissjoni. Huma jakkużaw lill-Kummissjoni wkoll li imponitilhom jiġġustifikaw l-iffissar tad-DMIs f’livell partikolari. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti u ċerti intervenjenti jirreferu għall-fatt li l-Kummissjoni, wara d-deċiżjoni kkontestata, fetħet sejħa għal offerti għal studju li jirrigwarda “l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-aċċettazzjoni ta’ metodi differenti ta’ ħlas għan-negozjanti”, sabiex essenzjalment tenfasizza l-assenza ta’ data li tippermetti li jintlaħaq il-livell ta’ prova ekonomika meħtieġ mill-Kummissjoni.

231    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma naqsitx milli twettaq l-obbligu tagħha stabbilit mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 197 iktar ’il fuq, sa fejn hija eżaminat u validament ikkonfutat il-fondatezza tal-argumentazzjoni żviluppata mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

232    F’dak li jikkonċerna l-allegazzjoni bbażata fuq l-assenza ta’ data li tippermetti li jintlaħaq il-livell ta’ prova ekonomika meħtieġ mill-Kummissjoni, anki jekk din kellha tiġi stabbilita, din ma timplikax tnaqqis fl-oneru tal-prova, jew saħansitra inverżjoni tiegħu, hekk kif jidher li qegħdin isostnu r-rikorrenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li tali diffikultà tista’ titqies bħala li tirriżulta mis-sens tal-argumentazzjoni żviluppata mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

233    Għalhekk, fin-nuqqas tal-kapaċità li jintwera bi preċiżjoni l-estent tal-vantaġġi li jistgħu jitqiesu li jiġġustifikaw kunsiderazzjoni finanzjarja min-negozjanti għall-ispejjeż sostnuti mill-banek li joħorġu l-karti, jista’ jiġi kkunsidrat b’mod raġonevoli li, sabiex tingħata prova li d-DMIs jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni stabbilita bl-Artikolu 81(3) KE, kienu r-rikorrenti li kellhom jidentifikaw is-servizzi pprovduti mill-banek li joħorġu l-karti ta’ debitu, ta’ debitu differit jew ta’ kreditu li jistgħu jkunu vantaġġużi għan-negozjanti. Huma kellhom ukoll juru l-eżistenza ta’ korrelazzjoni ċara biżżejjed bejn l-ispejjeż involuti fil-provvista ta’ dawn is-servizzi u l-ammont tad-DMIs. F’dak li jikkonċerna dan l-aħħar punt, għandu jiġi enfasizzat li dawn l-ispejjeż ma jistgħux jiġu ddeterminati billi jitnaqqas dħul ieħor miġbur mill-banek li joħorġu l-karti meta jipprovdu dawn is-servizzi jew billi jiġu inklużi spejjeż li ma humiex direttament marbuta magħhom.

234    Sa fejn, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 214 sa 218 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni, tikkonkludi li kemm il-metodu applikabbli għall-karti ta’ kreditu u ta’ debitu differit u kif ukoll dak li jirrigwarda l-karti ta’ debitu ma kien ippermetta li jintwera li l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 81(3) KE kienet sodisfatta, il-fatt, enfasizzat minn għadd ta’ intervenjenti, li d-DMIs jikkostitwixxu l-kunsiderazzjoni ta’ ċerti vantaġġi għan-negozjanti ma jistax juri, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni.

235    Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li tbegħdet, mingħajr spjegazzjoni, mill-pożizzjoni li hija kienet adottat fid-Deċiżjoni Visa II fir-rigward tal-analiżi tad-DMIs skont l-Artikolu 81(3) KE, billi l-eżenzjoni fid-Deċiżjoni Visa II ngħatat fuq il-bażi ta’ metodu ta’ kalkolu li jillimita l-ammont tad-DMIs għal ċerti vantaġġi speċifiċi għan-negozjanti, fatt li jiddistingwi ċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni minn dawk tal-każ ineżami.

236    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrewx li r-raġunament tal-Kummissjoni dwar l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 81(3) KE kienet ivvizzjata b’illegalità. Billi kien neċessarju li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu sabiex dan ikun applikabbli, it-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda, u dan mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-kritiki tar-rikorrenti dwar l-aspetti l-oħra tal-analiżi tal-Kummissjoni skont dan l-Artikolu.

237    Konsegwentement, l-ewwel parti tal-motiv, ibbażat fuq in-natura għolja wisq tal-oneru tal-prova impost fuq ir-rikorrenti, ukoll għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat l-argumenti u l-provi mressqa mir-rikorrenti u, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, setgħet tikkonkludi b’mod validu li huma ma kinux jippermettu li jintwera li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3)KE kienu kollha sodisfatti. Sa fejn il-Kummissjoni setgħet, b’mod validu, tikkonkludi li r-rikorrenti ma pproduċewx il-prova tal-eċċezzjoni li huma kienu qegħdin invokaw, l-allegazzjoni bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju in dubio pro reo għandha wkoll tiġi miċħuda.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE minħabba l-klassifikazzjoni żbaljata tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi

238    Ir-rikorrenti, sostnuti mill-intervenjenti, jakkużaw lill-Kummissjoni li b’mod żbaljat ikkonstatat l-eżistenza ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni t-tibdiliet li seħħew fl-istruttura u fl-amministrazzjoni ta’ MasterCard permezz tal-IPO, għalkemm jirriżulta li l-banek ma għadhomx jikkontrollawha u li hija tiddeċiedi dwar id-DMIs b’mod unilaterali. B’mod partikolari huma jsostnu li l-eżistenza ta’ kontroll mill-banek jew in-nuqqas tiegħu huwa element rilevanti. Il-Kummissjoni kienet ukoll żbaljata tikkunsidra li, wara l-IPO, il-banek Ewropew kienu baqgħu jassumu r-responsabbiltà għall-attivitajiet tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard fl-Ewropa permezz tal-Bord tal-Amministrazzjoni Ewropew.

239    Barra minn hekk, kemm ir-rikorrenti kif ukoll għadd ta’ intervenjenti jikkritikaw il-kriterju tal-eżistenza ta’ komunanza ta’ interessi bejn l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u l-banek, fir-rigward tal-iffissar tad-DMIs, applikat mill-Kummissjoni. Din tal-aħħar hija akkużata li ma wrietx li l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard kompliet taġixxi fl-interess tal-banek jew f’isimhom iktar milli fl-interess tal-azzjonisti ta’ MasterCard, fl-iffissar tad-DMIs. Wieħed mill-intervenjenti jenfasizza wkoll li dan il-kriterju ma huwa bbażat fuq ebda preċedent ta’ ġurisprudenza. Għadd ta’ intervenjenti jsostnu li ma huwiex possibbli għalihom li jeżerċitaw xi tip ta’ influwenza fuq il-korpi tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u li hija tittrattahom bħala klijenti.

240    Il-Kummissjoni titlob li din il-parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

241    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 81 KE japplika għall-assoċjazzjonijiet sa fejn l-attività proprja tagħhom jew dik tal-impriżi membri tagħhom għandha tendenza li tipproduċi l-effetti li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il-Kummissjoni, T‑193/02, Ġabra p. II‑209, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata).

242    Għandu jitfakkar ukoll li l-kunċetti ta’ “ftehim”, ta’ “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi” u ta’ “prattika miftiehma” huma, mil-lat suġġettiv, forom ta’ kollużjoni li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li jistgħu biss jiġu distinti mill-intensità tagħhom u mill-forom li fihom huma jimmanifestaw ruħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 23).

243    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kunċett ta’ “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi”, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, I‑1582, punt 62), dan huwa intiż sabiex jiġi evitat li l-impriżi jkunu jistgħu jaħarbu mir-regoli tal-kompetizzjoni minħabba l-mod li bih huma jikkoordinaw l-aġir tagħhom fis-suq. Sabiex jiggarantixxi l-effettività ta’ dan il-prinċipju, l-Artikolu 81(1) KE jkopri mhux biss il-modalitajiet diretti ta’ koordinazzjoni ta’ aġir bejn impriżi (il-ftehim u l-prattiki miftiehma), iżda wkoll il-forom istituzzjonalizzati ta’ kooperazzjoni, jiġifieri s-sitwazzjonijiet fejn l-operaturi ekonomiċi jaġixxu permezz ta’ struttura kollettiva jew ta’ korp komuni.

244    Għaldaqstant, f’dan il-każ għandu jiġi vverifikat jekk, minkejja t-tibdiliet li saru bl-IPO, l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard tkomplix tkun forma istituzzjonalizzata ta’ koordinazzjoni tal-aġir tal-banek.

245    L-ewwel nett, minkejja li huwa stabbilit li, mill-IPO, id-deċiżjonijiet dwar id-DMIs huma adottati mill-korpi tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u li l-banek ma jipparteċipawx f’dan il-proċess deċiżjonali, madankollu, mill-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, li hija d-data rilevanti għall-eżami tal-legalità tagħha skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq jirriżulta li, mill-IPO, il-banek komplew jeżerċitaw b’mod kollettiv setgħa deċiżjonali fuq aspetti essenzjali tal-funzjonament tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew.

246    L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-funzjonament tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard fuq livell nazzjonali, fil-premessi 58 sa 62 tad-deċiżjoni kkontestata, li għalihom tirreferi l-premessa 359 ta’ din l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-banek kellhom dritt jadottaw regoli nazzjonali speċifiċi li japplikaw lil suq speċifiku u li jissostitwixxu parzjalment ir-regoli tan-netwerk mondjali. Fosthom “jinsabu r-regoli ta’ riżerva applikabbli għat-tranżazzjonijiet kollha bejn il-pajjiżi, inklużi dawk akkwistati minn membri li jinsabu barra l-pajjiż ikkonċernat” (premessa 60 tad-deċiżjoni kkontestata). L-eżempju l-iktar emblematiku ta’ din is-setgħa deċiżjonali eżerċitata fuq livell nazzjonali huwa kkostitwit mill-iffissar ta’ drittijiet tal-interskambju nazzjonali li japplikaw bi preferenza għad-DMIs. Il-Kummissjoni, fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, osservat ukoll li tali regoli nazzjonali ma kellhomx għalfejn jiġu approvati jew iċċertifikati mir-rikorrenti.

247    It-tieni nett, fil-premessi 50 sa 57 u 364 u 365 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni setgħet tenfasizza l-eżistenza kontinwa, wara l-IPO, tal-Bord tal-Amministrazzjoni Ewropew, kompost minn rappreżentati ta’ banek Ewropej, u s-setgħa tiegħu biex jiddeċiedi fuq “kwistjonijiet essenzjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jinkludu l-eżami tat-talbiet għal adeżjoni, il-multi, ir-regoli ta’ funzjonament intrareġjonali, l-evalwazzjonijiet u l-ispejjeż sa fejn dawn l-evalwazzjonijiet u l-ispejjeż ma għandhomx effett ta’ esklużjoni, it-titjib u l-iżvilupp ta’ prodotti interreġjonali “sa fejn l-inizjattivi dwar l-iżvilupp ta’ prodotti ma jikkonċernawx elementi sensittivi mill-perspettiva tal-kompetizzjoni”, il-baġit tan-nefqiet annwali, il-fondi eċċessivi u r-regoli dwar il-ko-branding u dwar il-karti ta’ affinità (premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata).

248    Ċertament, hekk kif ir-rikorrenti jfakkru fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Bord tal-Amministrazzjoni Ewropew kien obbligat isegwi d-direttivi tal-Bord tal-Amministrazzjoni Mondjali u s-setgħat deċiżjonali tiegħu setgħu jitneħħewlu. Madankollu, il-possibbiltà għall-Bord tal-Amministrazzjoni Mondjali li joħroġ direttivi li jippreċiżaw, per eżempju, il-limiti tas-setgħat tal-Bord tal-Amministrazzjoni Ewropew, ma tnaqqas xejn mill-fatt li dan tal-aħħar jeżerċita setgħa deċiżjonali. L-istess jgħodd għall-possibbiltà li l-Bord tal-Amministrazzjoni Mondjali stess jeżerċita s-setgħat tal-Bord tal-Amministrazzjoni Ewropew jew jirtiralu s-setgħat tiegħu, fir-rigward tal-kundizzjonijiet partikolarment stretti li jirregolaw l-implementazzjoni tagħha, imfakkra fil-premessi 55 u 56 tad-deċiżjoni kkontestata.

249    Għandu jiġi kkonstatat li ż-żamma ta’ setgħa deċiżjonali, fuq il-livell Ewropew u nazzjonali, mill-banek fi ħdan l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard għandha t-tendenza li tirrelativizza ħafna l-konsegwenzi li wieħed għandu jislet mill-IPO. Fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard dehret pjuttost li ser tibqa’ tiffunzjona fl-Ewropa bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi, li tagħha l-banek ma jkunux biss klijenti tas-servizzi pprovduti, iżda jipparteċipaw b’mod kollettiv u b’mod deċentralizzat fl-aspetti essenzjali tas-setgħa deċiżjonali.

250    It-tieni nett, il-Kummissjoni essenzjalment setgħet, b’mod validu, tikkonkludi li d-DMIs kienu jirriflettu l-interessi tal-banek, minkejja li, mill-IPO, dawn ma baqgħux jikkontrollaw lil MasterCard u lanqas ma kienu jipparteċipaw fl-iffissar tal-ammont tad-DMIs, minħabba li, fuq dan il-punt, kienet teżisti komunanza ta’ interessi bejn l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u l-banek.

251    L-ewwel nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza ta’ komunanza ta’ interessi, jew ta’ interess komuni, hija element rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 1987, Verband der Sachversicherer vs Il-Kummissjoni, 45/85, Ġabra p. 405, punt 29).

252    It-tieni nett, il-Kummissjoni ġustament setgħet tikkonkludi li l-banek, inklużi dawk attivi fis-suq tal-akkwist, kellhom interess fl-iffissar ta’ DMIs għolja.

253    Fil-fatt, dawn tal-aħħar, hekk kif il-Kummissjoni ġustament enfasizzat fil-premessa 383 tad-deċiżjoni kkontestata, jibbenefikaw, bis-saħħa tad-DMIs, minn prezz minimu, li jippermettilhom jgħaddu faċilment id-DMIs lin-negozjanti, għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 134 iktar ’il fuq. Għalhekk, id-DMIs jirrappreżentaw spiża għall-banek, fil-kuntest tal-attività tagħhom tal-akkwist, biss meta huma jiddeċiedu li jsostnuhom huma stess. Madankollu, mill-punti 162 sa 164 iktar ’il fuq jirriżulta li ipoteżi bħal din hija pjuttost ta’ natura eċċezzjonali.

254    Barra minn hekk, anki jekk dan kellu jkun il-każ, jista’ b’mod raġonevoli jitqies li d-DMIs jibqgħu sors ta’ dħul għall-banek sa fejn dawn għandhom ukoll attività ta’ ħruġ tal-karti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li la r-rikorrenti u lanqas l-intervenjenti ma jipproduċu elementi ta’ natura li jikkontestaw il-fondatezza tal-osservazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 385 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda l-fatt li, minħabba l-eżistenza, sal-31 ta’ Diċembru 2004, ta’ regola tas-sistema MasterCard, in-NAWIR (No Acquiring Without Issuing Rule), li kienet timponi lill-banek li kienu jixtiequ jakkwistaw xi tranżazzjonijiet ikollhom ukoll attività ta’ ħruġ tal-karti, kważi l-banek kollha li kellhom attività ta’ akkwist kienu wkoll joħorġu l-karti u għalhekk, kienu jibbenefikaw mid-DMIs.

255    It-tielet nett, il-Kummissjoni setgħet ukoll validament tikkonstata, fil-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard kellha wkoll interess fl-iffissar tad-DMI b’rata għolja, “peress li l-ispejjeż ta’ adeżjoni li [MasterCard u s-sussidjarji kkonsolidati tagħha] [kienu] jobbligaw lill-banek sabiex iħallsu għas-servizzi ta’ koordinazzjoni u ta’ network tagħhom [kienu] marbuta mat-tranżazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, in-numru ta’ tranżazzjonijiet u, għaldaqstant, id-dħul tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard essenzjalment jiddependu mir-rieda tal-banek li joffru karti MasterCard lill-klijenti tagħhom. Għaldaqstant, huwa fl-interess tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard li d-DMIs jiġu ffissati f’livell meqjus bħala attraenti mill-banek, liema fatt jenfasizza l-fatt, irrilevat mill-Kummissjoni fil-premessi 461 sa 498 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kompetizzjoni bejn is-sistemi ssir għad-detriment ta’ sistemi ta’ karti li joffru livell iktar baxx ta’ DMIs.

256    Ir-raba’ nett, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti jirriżulta li huma ma jikkontestawx ir-realtà tal-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 389 tad-deċiżjoni kkontstata, li tgħid li “[l-]evoluzzjoni kkonstatata wara l-IPO turi wkoll li [l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard] tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi konkreti tal-banek meta din tiffissa l-livell tad-[DMIs]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-argumentazzjoni tagħhom pjuttost issostni li huma jillimitaw ruħhom li jaġixxu bħala fornitur ta’ servizzi li jipprova jissodisfa l-bżonnijiet tal-klijenti tiegħu: banek li joħorġu l-karti, banek tal-akkwist u negozjanti.

257    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li t-tqegħid tal-banek u tan-negozjanti fuq l-istess livell ma huwiex konvinċenti, sa fejn, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, hekk kif ġie enfasizzat fil-punti 212 sa 217 iktar ’il fuq, huwa l-livell massimu tat-tolleranza tagħhom għall-prezz tat-tranżazzjonijiet bil-karta li qiegħed jitfittex.

258    L-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li, mill-IPO ta’ MasterCard, l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard bdiet tieħu inkunsiderazzjoni biss l-interess tal-azzjonisti pubbliċi, ma jidhirx li huwa iktar konvinċenti. Sa fejn l-iffissar ta’ DMI għal rata għolja jikkontribwixxi għal numru iktar għoli ta’ tranżazzjonijiet u, għaldaqstant, għal effett favorevoli fuq id-dħul tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard, jista’ jiġi raġonevolment konkluż li ma hemmx kunflitt ta’ interessi bejn l-azzjonisti ta’ MasterCard u l-banek.

259    Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl taż-żewġ elementi msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri ż-żamma ta’ setgħa deċiżjonali tal-banek, wara l-IPO, fi ħdan l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u l-eżistenza ta’ komunanza ta’ interessi bejnha u bejn il-banek fuq il-kwistjoni tad-DMIs, il-Kummissjoni setgħet essenzjalment tikkunsidra b’mod validu li, minkejja l-bidliet li seħħew f’MasterCard permezz tal-IPO, l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard kienet baqgħet forma instituzzjonalizzata ta’ koordinazzjoni tal-aġir tal-banek. Konsegwentement, kien b’mod ġust li hija ddeskriviet id-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard li jistabbilixxu d-DMIs bħala deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi.

260    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud, u dan mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-kritiki tar-rikorrenti dwar l-elementi l-oħra invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-konklużjoni tagħha, u, b’mod partikolari, l-aċċettazzjoni, min-naħa tal-banek, tal-mod ġdid ta’ tmexxija li tikkonċerna d-DMIs (premessi 394 sa 396 tad-deċiżjoni kkontestata).

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji proċedurali u ta’ fatt

261    Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, minn naħa, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, fuq żbalji ta’ fatt li huma ta’ natura li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata.

a)     Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

262    Ir-rikorrenti jressqu erba’ lmenti li jikkritikaw, l-ewwel nett, rikors abbużiv għal ittra li tesponi l-fatti, it-tieni nett, in-nuqqas ta’ ċarezza ta’ din l-ittra, it-tielet nett, il-preżenza ta’ elementi ġodda fid-deċiżjoni kkontestata, u r-raba’ nett, il-mod li bih il-Kummissjoni informat lil ċerti awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq rikors abbużiv ta’ ittra li tesponi l-fatti

263    Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li hija rrikorriet għal ittra li tesponi l-fatti minflok DOA oħra. Din l-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti tmur lil hinn mill-kuntest tas-sempliċi produzzjoni addizzjonali ta’ provi billi tinkludi argumenti legali u fatti essenzjali ġodda.

264    Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

265    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li, matul il-proċedura amministrattiva, l-impriża kkonċernata tkun ingħatat il-possibbiltà li tagħti b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 10, u tas-6 ta’ April 1995, BPB Industries u British Gypsum vs Il-Kummissjoni, C‑310/93 P, Ġabra p. I‑865, punt 21).

266    L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jirrifletti dan il-prinċipju, sa fejn huwa jipprevedi li għandha tintbagħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, lill-partijiet, li b’mod ċar għandha tinfurmahom bl-elementi essenzjali kollha li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuqhom f’dan l-istadju tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 67), sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu b’mod effettiv l-aġir li l-Kummissjoni qiegħda takkużahom bih u sabiex huma jkunu jistgħu jsostnu b’mod utli d-difiża tagħhom qabel ma din tadotta deċiżjoni definittiva. Dan ir-rekwiżit huwa osservat peress li l-imsemmija deċiżjoni ma takkużax lill-persuni kkonċernati bi ksur differenti minn dawk imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u tieħu inkunsiderazzjoni biss fatti li fuqhom il-persuni kkonċernati kellhom l-okkażjoni jispjegaw ruħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, punt 109, u l-ġurisprudenza ċċitata).

267    Madankollu, din l-indikazzjoni tista’ tingħata b’mod sommarju u d-deċiżjoni finali ma għandhiex għalfejn tkun kopja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 265 iktar ’il fuq, punt 14), peress li din id-dikjarazzjoni tikkostitwixxi dokument preparatorju li l-evalwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi tiegħu għandhom natura purament provviżorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 1987, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 70). Għalhekk, huma permissibbli xi żidiet mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet imwettqa fid-dawl tar-risposta tal-partijiet, li l-argumenti tagħhom juru li huma setgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva, tirrevedi jew iżżid argumenti ta’ fatt jew ta’ liġi insostenn tal-ilmenti li hija fformulat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, Compagnie générale maritime et vs Il-Kummissjoni, punt 228 iktar ’il fuq, punt 448, u tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, T‑310/01, Ġabra p. II‑4071, punt 438).

268    Għalhekk, il-komunikazzjoni, lill-persuni kkonċernati, ta’ lmenti addizzjonali hija neċessarja biss fil-każ fejn ir-riżultat tal-verifiki jwassal lill-Kummissjoni sabiex takkuża lil impriżi b’atti ġodda jew sabiex temenda b’mod sinjifikattiv il-provi tal-ksur ikkontestat (sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, punt 266 iktar ’il fuq, punt 192).

269    Fl-aħħar nett, għandu wkoll jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ikun hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta tkun teżisti l-possibbiltà li, minħabba irregolarità mwettqa mill-Kummissjoni, il-proċedura amministrattiva mwettqa minnha tkun setgħet wasslet għal riżultat differenti. Impriża rikorrenti tistabbilixxi li tali ksur kien seħħ meta hija turi b’mod suffiċjenti mhux li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien ikollha kontenut differenti, iżda li hija setgħet tiżgura b’mod aħjar id-difiża tagħha fl-assenza tal-irregolarità, pereżempju minħabba l-fatt li, għad-difiża tagħha, hija setgħet użat dokumenti li l-aċċess tagħha għalihom ġie rrifjutat matul il-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375, punt 28).

270    F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li fil-premessi 202 sa 213 tad-DOA, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-karatteristiċi tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard qabel l-IPO sabiex tikkonkludi li din tikkostiwixxi assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE, minn siltiet oħra ta’ din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jista’ jiġi dedott li l-Kummissjoni qieset li l-IPO mħabbar ta’ MasterCard ma kienx ibiddel il-fondatezza tal-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE. Għalhekk, fil-premessa 25 tagħha, huwa enfasizzat li d-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti ma kinux juru li wara l-IPO, il-Bord tal-Amministrazzjoni Ewropew kien ser jitlef is-setgħa li jiffissa d-DMIs. Fil-premessa 28 tal-imsemmija DOA, il-Kummissjoni pprovdiet preżentazzjoni tal-emendi li kien ser jintroduċi l-IPO fejn tat x’tifhem li l-banek se jkomplu jkollhom rwol fl-istruttura l-ġdida.

271    Minkejja li wieħed mill-elementi li l-Kummissjoni rreferiet għalih fid-DOA rriżulta li kien differenti minn dak li finalment kien ġie deċiż fil-kuntest tal-IPO, sa fejn il-Bord tal-Amministrazzjoni Ewropew ma żammx is-setgħa li jiffissa d-DMIs, xorta jibqa’ l-fatt li d-DOA ppermettiet lir-rikorrenti jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-ilment tal-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni tas-sistema MasterCard bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE u, b’mod iktar partikolari, dwar l-assenza ta’ effett li l-IPO għandu fuq din il-klassifikazzjoni. Minn dan jiġi dedott loġikament li huma kienu wkoll f’pożizzjoni li jinstemgħu mill-Kummissjoni fuq dan il-punt, matul is-seduta li seħħet wara r-RDOA tagħhom.

272    Din il-possibbiltà għar-rikorrenti li jagħtu l-opinjoni tagħhom matul il-proċedura amministrattiva hija kkonfermata mill-fatt li huma ddedikaw parti kbira mir-RDOA tagħhom għall-effetti li l-IPO kellu fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 81(1) KE.

273    Għalhekk, fi-ċirkustanzi tal-każ, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors għal ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti, minflok għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, sa fejn il-Kummissjoni kienet biss marbuta tenfasizza l-provi li hija kellha l-intenzjoni li tuża sabiex tikkonfuta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva.

274    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq nuqqas ta’ ċarezza tal-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti

275    Skont ir-rikorrenti, il-kontenut tal-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti ma kienx ċar biżżejjed sabiex jippermettilhom jifhmu kif il-Kummissjoni kienet bi ħsiebha tuża d-dokumenti li hija rreferiet għalihom, u dan minkejja t-talbiet għal kjarifika li huma kienu ressqu kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-uffiċjal tas-seduta, fatt li l-Kummissjoni taċċetta fir-risposta. Huma jirreferu għall-Annessi A.8.2 u A.20, li jirriproduċu l-korrispondenza tagħhom mal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni. Dan in-nuqqas ta’ ċarezza wassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

276    Fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment, huma jsostnu li fir-rikors hemm spjegat għaliex l-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti ma kinitx adegwata u li l-annessi kienu limitati li jipprovdu biss prova.

277    Il-Kummissjoni tqis li dan l-ilment huwa inammissibbli.

278    Għandu jiġi kkonstatat li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti tidher biss taħt forma partikolarment imqassra fir-rikors tagħhom. Għalhekk, fil-punt 122 tar-rikors, isir ilment, b’mod ġenerali, dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma pprovdietx lir-“rikorrenti bil-kjarifiki kollha neċessarji li jippermettulhom jifhmu kif il-Kummissjoni pproponiet li tuża d-dokumenti li hija kienet iċċitat fl-[ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti]”. Fil-punt 123 jissemma li r-rikorrenti sabu “diffikultajiet kbar sabiex jipprovdu risposta sinjifikattiva”. Fl-aħħar nett, fil-punt 124, huwa sostnut li r-rikorrenti “identifikaw tal-inqas għoxrin eżempju fl-[ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti], li fihom il-Kummissjoni ma kinitx indikat kif il-provi ċċitati mill-Kummissjoni ser jintużaw”. Ebda eżempju ma huwa madankollu mogħti fir-rikors innifsu. Bl-istess mod, dan ma fih ebda indikazzjoni li tippermetti l-evalwazzjoni tad-“diffikultajiet” li jirreferu għalihom ir-rikorrenti.

279    Barra minn hekk, ir-riferimenti magħmula fl-Anness A.8.2 tar-rikors (“Skambju ta’ korrispondenza bejn l-avukat [tar-rikorrenti] u l-Kummissjoni”) u fl-Anness A.20 tar-rikors (“Korrispondenza bejn is-17 ta’ April [...] u t-12 ta’ Lulju 2007 bejn l-avukat [tar-rikorrenti] u l-Kummissjoni dwar in-natura inadegwata tal-ittra tal-fatti” ma jippermettux li jiġu kkumpensati n-nuqqasijiet tar-rikors dwar dan il-punt

280    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jillimitaw ruħhom billi jirreferu b’mod globali għall-anness A.20. Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 68 sa 70 iktar ’il fuq, dan l-anness ma għandux għaldaqstant jittieħed inkunsiderazzjoni.

281    F’dak li jikkonċerna l-Anness A.8.2, jista’ jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti jirreferu għal silta partikolari ta’ dan l-anness, li hija magħmula minn ittra tar-rikorrenti tat-13 ta’ April 2007, u li, għaldaqstant, il-kontenut tagħha jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni. Madankollu, il-qari ta’ din l-ittra jindika biss elenku ta’ siltiet mill-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti li r-rikorrenti jqisu li “ma humiex ċari” u li fir-rigward tagħhom huma jitolbu kjarifika min-naħa tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex possibbli li, mill-qari ta’ dan l-elenku biss u fl-assenza ta’ argumentazzjoni iktar preċiża tar-rikorrenti dwar dan il-punt, jiġi konkluż li n-nuqqas ta’ ċarezza allegat seta’ wassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

282    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura sa fejn dan ma jinkludix l-elementi essenzjali li jippermettu lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha u lill-Kummissjoni tiżgura d-difiża tagħha.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-preżenza ta’ elementi ġodda fid-deċiżjoni kkontestata

283    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata fiha, l-ewwel nett, argumenti ġodda, it-tieni nett, motivazzjoni ġdida kif ukoll, it-tielet nett, spjegazzjonijiet addizzjonali jew iktar preċiżi tal-provi, li huma ma kinux f’pożizzjoni li jikkontestaw. F’dan ir-rigward, huma jirreferu għall-Anness A.21 (“Il-ksur, mill-Kummissjoni, tad-drittijiet tad-difiża [tar-rikorrenti] — Argumenti, motivazzjoni u provi li jikkonċernaw l-IPO”). Fuq dan il-punt ukoll hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

284    Dan l-ilment huwa ammissibbli peress li l-Anness A.21 jillimita ruħu jidentifika d-differenzi bejn id-DOA u d-deċiżjoni kkontestata.

285    Il-Kummissjoni tqis li dan l-ilment huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe ipoteżi, infondat.

286    L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-kritiki dwar il-preżenza ta’ argumenti ġodda fid-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li dawn ma jikkonċernawx l-aspetti tad-deċiżjoni kkontestata li fuq il-bażi tagħhom ġie konkluż li l-Kummissjoni setgħet, b’mod validu, iżżomm il-klassifikazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi wara l-IPO.

287    Għalhekk, fir-rigward tal-konklużjoni li l-banek komplew jeżerċitaw, b’mod kollettiv, setgħa deċiżjonali fuq aspetti essenzjali tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard fuq il-livell nazzjonali u fuq il-livell Ewropew, l-elementi allegatament ġodda msemmija fl-Anness A.21 tar-rikors ma jinkludux is-setgħa tal-banek li jadottaw regoli nazzjonali speċifiċi li japplikaw f’suq partikolari u li jissostitwixxu parzjalment ir-regoli tan-netwerk mondjali (punt 246 iktar ’il fuq) jew inkella ż-żamma tas-setgħa tal-Bord tal-Amministrazzjoni Ewropew li jiddeċiedi fuq “kwistjonijiet essenzjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 247 iktar ’il fuq).

288    Fir-rigward tal-konlużjoni dwar l-eżistenza ta’ komunanza ta’ interessi bejn l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard u l-banek fl-iffissar ta’ DMI fuq livell għoli, l-ebda kontestazzjoni tal-argumenti li tippermetti li jiġi konkluż li l-banek għandhom interess fl-iffissar tad-DMIs fuq livell għoli ma tirriżulta mill-Anness A.21 (punti 253 u 254 iktar ’il fuq). Minn dan l-anness lanqas ma jirriżulta li l-argument li jinsab fil-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażat fuq il-fatt li l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard kellha wkoll interess fl-iffissar ta’ DMI fuq livell għoli (punt 255 iktar ’il fuq), jidher għall-ewwel darba fid-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, il-konstatazzjoni, li tinsab fil-premessa 389 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi konkreti tal-banek meta hija tistabbilixxi l-livell tad-DMIs, ma hijiex ikkontestata (punt 256 iktar ’il fuq).

289    Fit-tieni lok, l-istess jgħodd għall-kritiki dwar il-preżenza ta’ “motivazzjoni ġdida” fid-deċiżjoni kkontestata. L-unika allegazzjoni li tista’ tkun rilevanti hija dik dwar ir-redazzjoni tal-premessa 360 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-eżistenza ta’ kooperazzjoni orizzontali bejn il-banek fi ħdan l-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza enfasizzata mir-rikorrenti tikkonċerna punt partikolarment minuri tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni u mhux is-sens tal-konstatazzjoni li hija wasslet għaliha.

290    Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-kritiki dwar il-preżenza, fid-deċiżjoni kkontestata, ta’ spjegazzjonijiet addizzjonali jew iktar preċiżi tal-provi, għandu jiġi enfasizzat li biss żewġ kritiki inklużi fl-Anness A.21 tar-rikors jikkonċernaw aspetti rilevanti tar-raġunament tal-Kummissjoni u li l-analiżi tagħha, fuq dawn il-punti, hija sostnuta minn provi oħra li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-osservazzjoni, li tinsab fil-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tmexxija tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard kienet qed tinkoraġġixxi t-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod orizzontali bejn il-banek. L-istess jgħodd għall-konklużjoni, li tinsab fil-premessa 354 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-banek Ewropej komplew jassumu r-responsabbiltà fir-rigward tal-attivitajiet fl-Ewropa minbarra fir-rigward ta’ kwistjonijiet li kienu meqjusa sensittivi mill-perspettiva tar-regoli antitrust.

291    Għalhekk, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq informazzjoni insuffiċjenti ta’ ċerti awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni

292    Ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni taċċetta li r-RDOA ma ġietx ikkomunikata lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni bl-istess mod, fejn uħud minnhom rċevewha ġurnata tax-xogħol waħda biss qabel is-seduta. Ir-rikorrenti jsostnu li, kieku huma kienu ġew infurmati b’din il-komunikazzjoni tardiva, huma kienu jitolbu differiment tas-seduta. Kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll ksur tal-aspettattivi leġittimi tagħhom u tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx ġiet adottata fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni sħiħa tad-difiża tagħhom.

293    Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

294    Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1/2003, qabel ma tieħu deċiżjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lil Kumitat ta’ Konsulenza kompost minn rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri.

295    Ċertament, sa fejn, skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), “[i]l-Kummissjoni għandha tistieden lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri biex jipparteċipaw fis-smigħ orali (seduta)”, huwa għaldaqstant mixtieq li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, jew minn tal-inqas dawk li jixtiequ jipparteċipaw fis-seduta, ikunu jafu bl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet fi żmien raġonevoli qabel l-imsemmija seduta.

296    Madankollu, il-fatt li ċerti awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ngħataw ir-RDOA ġurnata tax-xogħol biss qabel is-seduta ma jikkostitwixxix nuqqas ta’ obbligu li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

297    Fil-fatt, mill-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li r-rwol essenzjali tal-Kumitat ta’ Konsulenza huwa li jagħti opinjoni bil-miktub dwar l-abbozz preliminari ta’ deċiżjoni. Issa, il-fatt li r-RDOA ntbagħtet tard ma kellux effett fuq il-validità tal-konsultazzjoni tal-Kumitat ta’ Konsulenza, peress li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kienu f’pożizzjoni li jkunu jafu bir-RDOA qabel il-konsultazzjoni tagħhom fi ħdan dan il-kumitat.

298    Barra minn hekk, hekk kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni, dan il-fatt li r-RDOA ntbagħtet tard ma impedixxietx lir-rikorrenti milli jagħtu l-opinjoni tagħhom matul is-seduta.

299    Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv fl-intier tagħha.

b)     Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ fatt

300    Ir-rikorrenti essenzjalment jallegaw li ċerti żbalji ta’ fatt tal-Kummissjoni huma ta’ importanza tali li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, huma jqajmu tliet ilmenti, li jirrigwardaw, l-ewwel nett, in-natura manifestament żbaljata tat-tqabbil tas-sistema MasterCard mal-ħames sistemi nazzjonali kkunsidrati mill-Kummissjoni, it-tieni nett, analiżi selettiva min-naħa tal-Kummissjoni, tad-dikjarazzjonijiet tan-negozjanti miġbura matul il-proċedura amministrattiva u, it-tielet nett, in-natura fundamentalment ivvizzjata tal-istudju tas-suq tan-negozjanti.

301    Fir-rigward tat-tieni u tat-tielet ilmenti diġà ngħatat risposta fil-punti 145 sa 158 iktar ’il fuq. F’dak li jikkonċerna l-ewwel ilment, għandu jitfakkar li l-fondatezza tal-konklużjoni dwar l-assenza ta’ natura oġġettivament neċessarja tad-DMIs hija ġġustifikata b’mod suffiċjenti bi provi jew argumenti oħra milli bit-tqabbil ma’ dawn il-ħames sistemi nazzjonali. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala li huwa, fi kwalunkwe ipoteżi, irrilevanti.

302    Għaldaqstant, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda u, għalhekk, dan il-motiv kif ukoll it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata wkoll għandhom jiġu miċħuda.

B –  Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikoli 3 sa 5 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata

303    Sussidjarjament, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tal-Artikoli 3 sa 5 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata.

304    Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni obbligat lir-rikorrenti sabiex fi żmien sitt xhur, iħassru r-regoli tan-netwerk tal-assoċjazzjoni u jannullaw id-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw id-DMIs. Fl-Artikolu 4, ir-rikorrenti huma obbligati sabiex fi żmien sitt xhur jikkomunikaw l-emendi li saru għar-regoli tan-netwerk tal-assoċjazzjoni lill-istabbilimenti finanzjarji li huma membri tas-sistema MasterCard kif ukoll lill-clearing houses u lill-banek tas-saldu kkonċernati bit-tranżazzjonijiet fiż-ŻEE. Fl-Artikolu 5, ir-rikorrenti huma obbligati jippubblikaw taqsira tad-deċiżjoni kkontestata fuq l-internet. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda mill-inġunzjonijiet previsti fl-Artikoli 2 sa 5 jkun issanzjonat b’multa tal-ammont ta’ 3.5 % tad-dħul mill-bejgħ mondjali kkonsolidat ta’ kuljum tagħhom.

305    Għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li t-titolu tat-talbiet tar-rikorrenti jirreferi għall-annullament tal-Artikoli 3 sa 5 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-motiv uniku invokat insostenn ta’ din it-talba, huma jipprovdu argumentazzjoni biss fir-rigward tal-Artikoli 3 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata.

306    L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi:

“Fejn il-Kummissjoni [...] issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu 81 [KE] jew ta’ l-Artikolu 82 [KE], tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li itemm dan il-ksur. Għal dan il-għan, tista’ timponi fuqhom kwalunkwe rimedju [miżura korrettiva] komportamentali jew strutturali li huma proporzjonali għall-ksur kommess u neċessarju biex iġib fit-temm dan il-ksur. Rimedji strutturali jistgħu jiġu imposti biss jekk ma jkunx hemm rimedju ta’ komportamentali li hu effettiv ugwalment jew jekk ir-rimedju komportamentali li hu effettiv ugwalment ikun ta’ aktar piż għal l-impriża kunċernata min rimedju strutturali. […]”

307    Skont l-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, “[i]l-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi fuq l-impriżi jew l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża perjodu ta’ pagamenti tal-pieni li ma jeċċedux il-5 % tal-valur tal-bejgħ normali ta’ kuljum fis-sena kummerċjali preċedenti u kalkulata sa mid-data maħtura bid-deċiżjoni, sabiex tordnhom [...] biex itemm il-ksur ta’ l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE], skond id-deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 7”.

308    Permezz tal-ewwel parti tal-motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-miżura korrettiva imposta mill-Kummissjoni fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-pagamenti ta’ penalità previsti fl-Artikolu 7 ta’ din l-istess deċiżjoni.

309    Għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’mod illi l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari skont il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-kwistjoni kkonċernata (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).

310    F’dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-inġunzjoni li tinsab fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi enfasizzat li l-bażi legali tal-obbligu impost fuq ir-rikorrenti sabiex fi żmien sitt xhur iħassru formalment id-DMIs inkwistjoni, jemendaw ir-regoli tan-netwerk tal-assoċjazzjoni u jannullaw id-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw id-DMIs tinsab ippreċiżata fil-premessa 756 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-ġustifikazzjoni tagħha toħroġ mill-premessi 759 u 761 tal-istess deċiżjoni, fejn hija tinsab ippreżentata bħala konsegwenza tal-inġunzjoni indirizzata lir-rikorrenti sabiex jieqfu jistabbilixxu fil-fatt prezz minimu għall-MSCs.

311    Għandu jiġi kkonstatat li din il-motivazzjoni, minkejja li hija sommarja, ippermettiet lir-rikorrenti jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-inġunzjoni tal-Kummissjoni u ppermettiet lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tagħha.

312    Ċertament, huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix spjegazzjoni dwar il-proporzjonalità tal-obbligu impost fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, kuntrarjament għall-proporzjonalità tal-obbligi previsti fl-Artikoli 4 u 5 u għall-pagamenti ta’ penalità imposti fl-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata.

313    Madankollu, sa fejn l-obbligu sabiex jiġu emendati r-regoli tan-netwerk u sabiex jiġu annullati d-deċiżjonijiet kollha li jirrigwardaw id-DMIs jitqies bħala konsegwenza diretta tal-konstatazzjoni tal-illegalità tad-DMIs, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tipprovdi motivazzjoni espliċita fuq dan il-punt.

314    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata bl-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li fil-passat, il-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet li d-DMIs setgħu jkunu kompatibbli mal-Artikolu 81 KE jew kienet aċċettat il-prinċipju li abbażi tiegħu d-DMIs setgħu jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 81(3)KE. Billi tali argumentazzjoni hija irrilevanti fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-miżura korrettiva, il-Kummissjoni ma kinitx marbuta tipprovdi motivazzjoni fuq dan il-punt. Barra minn hekk, hekk kif tfakkar fil-punt 192 iktar ’il fuq, id-DMIs ta’ Visa kienu ġew eżentati fuq il-bażi ta’ proposta emendata għad-DMIs li tillimita l-ammont tal-ispejjeż sostnuti mill-banek li joħorġu l-karti għall-provvista ta’ ċerti vantaġġi speċifiċi għan-negozjanti, fatt li jiddistingwihom mid-DMIs inkwistjoni fil-kawża preżenti.

315    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

316    F’dak li jikkonċerna l-motivazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità msemmija fl-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi enfasizzat li l-bażi legali tagħhom hija spjegata fil-premessa 773 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-ġustifikazzjoni tagħhom hija msemmija fil-premessa 774 tal-istess deċiżjoni, fejn fiha l-Kummissjoni ssostni li l-eżistenza ta’ “riskju serju li [l-organizzazzjoni tal-ħlas] MasterCard tkompli tapplika d-[DMIs] jew tipprova tieħu miżuri li jduru effettivament mal-miżura korrettiva hija raġuni suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li hemm lok li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità fuq ir-[rikorrenti] sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-miżura korrettiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

317    Fl-aħħar nett, l-għażla tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità hija spjegata fil-premessi 775 u 776 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni rreferiet għan-neċessità “li l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità jiġi ffissat fuq livell tali li jkun finanzjarjament iktar raġonevoli għal impriża kkonċernata li tikkonforma ruħha ma’ deċiżjoni […] milli li tikseb il-benefiċċji tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija semmiet ukoll id-daqs kbir tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard kif ukoll l-aħħar tentattiv li tiġi ostakolata l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni permezz tal-IPO ta’ MasterCard. Fuq din il-bażi, hija ddeċidiet li tiffissa l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità għal 70 % tal-ammont massimu ta’ 5 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kuljum medju ta’ MasterCard matul is-sena finanzjarja preċedenti.

318    Billi tali motivazzjoni ppermettiet lir-rikorrenti jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet għall-pagamenti ta’ penalità msemmija fl-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tagħhom, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tal-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata għandu wkoll jiġi miċħud.

319    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argumentazzjoni ta’ wieħed mill-intervenjenti bbażata fuq il-fatt li l-Artikolu 7 għandu jiġi annullat minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni peress li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex hija kkunsidrat lil MasterCard bħala impriża awtonoma meta imponiet pagamenti ta’ penalità bbażati fuq id-dħul mill-bejgħ tagħha, filwaqt li hija stqarret li kienet qed tissanzjona deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi.

320    Għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jirreferi speċifikament għall-possibbiltà li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità fuq assoċjazzjonijiet ta’ impriżi.

321    Billi MasterCard International u MasterCard Europe huma sussidjarji kompletament ikkonsolidati ta’ MasterCard, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni, billi ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ din tal-aħħar, sempliċement applikat l-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 għaċ-ċirkustanzi tal-każ. Konsegwentement, hija ma kinitx obbligata tipprovdi spjegazzjoni speċifika fuq dan il-punt.

322    Permezz tat-tieni parti tal-motiv tagħhom, ir-rikorrenti jikkontestaw il-proporzjonalità tal-miżura korrettiva prevista fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata.

323    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istitutzzjonijiet ma għandhomx jeċċedu l-limitu ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u dan bil-kundizzjoni li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u bil-kundizzjoni li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C‑180/06, Ġabra p. I‑2265, punt 96, u tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 81).

324    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-proporzjonalità tal-miżura korrettiva, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 jindika b’mod espliċitu l-firxa tal-portata tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tista’ timponi fuq l-impriżi kkonċernati kwalunkwe miżura restrittiva ta’ natura strutturali jew komportamentali li hija proporzjonata mal-ksur imwettaq u li hija neċessarja sabiex effettivament jitwaqqaf il-ksur (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Alrosa, C‑441/07 P, Ġabra p. I‑5949, punt 39).

325    F’dan il-każ, l-obbligu li jitħassru formalment id-DMIs, li r-regoli tan-netwerk tal-assoċjazzjoni jiġu emendati u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw id-DMIs jiġu kollha annullati, stabbilit fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa l-konsegwenza diretta tal-konstatazzjoni tal-illegalità tal-imsemmija DMIs. Għaldaqstant, dan ma huwiex sproporzjonat, peress li jillimita ruħu jwaqqaf il-ksur inkwistjoni.

326    Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata bl-argumentazzjoni tar-rikorrenti bbażata fuq il-fatt li, sa fejn il-Kummissjoni taċċetta li d-DMIs jistgħu eventwalment jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 81(3) KE, miżura korrettiva li timponi li d-DMIs jitħassru jew li jiġu ffissati għal żero hija sproporzjonata inkwantu hija pjuttost kellha tistabbilixxi l-metodoloġija tal-kalkolu tad-DMIs sabiex dawn ikunu kompatibbli mal-Artikolu 81 KE.

327    Għandu jiġi kkonstatat li tali argumentazzjoni tirriżulta minn raġunament żbaljat. Fil-fatt, huwa fil-kuntest tad-dimostrazzjoni tagħhom tal-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 81(3) KE li r-rikorrenti għandhom jipproponu metodu ta’ ffissar tad-DMIs li, jekk ikun il-każ, ikun kapaċi jirrendihom kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni. Fl-assenza ta’ tali dimostrazzjoni, il-Kummissjoni għandha twaqqaf il-ksur tal-Artikolu 81 KE li hija validament ikkonstatat.

328    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li t-terminu ta’ sitt xhur huwa wkoll sproporzjonat. Huma jirreferu għall-fatt li, fid-Deċiżjoni Visa II, Visa “ingħatat madwar ħames snin sabiex tintroduċi bidla ħafna inqas radikali, u [li] ebda miżura ta’ implementazzjoni ma kienet ġiet imposta” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

329    Hekk kif ġie enfasizzat fil-punti 192 u 314 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni Visa II kienet ġiet adottata f’kuntest li ma jistax jitqabbel ma’ dak tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe ipoteżi, it-terminu mogħti lill-awtur ta’ ksur sabiex dan itemm il-ksur ma jistax raġonevolment jitqabbel mal-perijodu li għalih ingħatat eżenzjoni.

330    Fir-rigward tat-terminu ta’ sitt xhur, ir-rikorrenti ma jressqu ebda element li jippermetti li jiġi kkunsidrat li kien partikolarment diffiċli għalihom josservaw il-miżura korrettiva f’dan it-terminu. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi għall-possibbiltà li dawn jitolbu lill-Kummissjoni estensjoni ta’ dan it-terminu.

331    Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni parti tal-motiv tiġi miċħuda, u għalhekk, il-motiv kollu fl-intier tiegħu.

332    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, it-talbiet kollha ppreżentati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għandhom jiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

333    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

334    Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni. Peress li BRC u EuroCommerce ma ressqux talbiet f’dan ir-rigward, huma għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

335    Peress illi l-Kummissjoni ma talbitx li l-Banco Santander, l-HSBC, il-Bank of Scotland, l-RBS, il-Lloyds TSB u l-MBNA jiġu kkundannati għall-ispejjeż relatati mal-interventi tagħhom, dawn l-intervenjenti għandhom ibatu biss l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

336    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      MasterCard, Inc., MasterCard International, Inc., u MasterCard Europe għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

4)      British Retail Consortium u EuroCommerce AISBL għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

5)      Banco Santander, SA, Royal Bank of Scotland plc, HSBC Bank plc, Bank of Scotland plc, Lloyds TSB Bank plc u MBNA Europe Bank Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Dittrich

Wiszniewska-Białecka

Prek

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Mejju 2012.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

I —  Ir-rikorrenti

II —  Il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata

Id-deċiżjoni kkontestata

I —  Is-sistema kwadripartita ta’ karti bankarji u ta’ drittijiet tal-interskambju

II —  Definizzjoni tas-suq rilevanti

III —  L-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE

A —  Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi

B —  Restrizzjoni tal-kompetizzjoni

C —  Evalwazzjoni dwar jekk id-DMIs humiex oġġettivament neċessarji għall-funzjonament tas-sistema MasterCard

IV —  L-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE

V —  Id-dispożittiv

Il-proċedura

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I —  Fuq it-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrenti

II —  Fuq l-ammissibbiltà tal-kontenut ta’ ċerti annessi għas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet

III —  Fuq il-mertu

A —  Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE, sa fejn il-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonkludiet li l-iffissar tad-DMIs kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni

a)  Fuq il-parti tal-motiv ibbażata fuq evalwazzjoni żbaljata tan-natura oġġettivament neċessarja tad-DMIs

Fuq l-ilment ibbażat fuq applikazzjoni ta’ kriterji legali żbaljati

Fuq l-ilment ibbażat fuq eżami żbaljat tan-natura oġġettivament neċessarja tad-DMIs

—  Fuq in-natura oġġettivament neċessarja tad-DMIs bħala mezzi ta’ ħlas ta’ riżerva għat-tranżazzjonijiet

—  Fuq in-natura oġġettivament neċessarja tad-DMIs bħala mekkaniżmu ta’ trasferiment ta’ fondi favur il-banek li joħorġu l-karti

b)  Fuq il-parti tal-motiv ibbażata fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tal-effetti tad-DMIs fuq il-kompetizzjoni

Fuq l-ilmenti dwar l-eżami tal-kompetizzjoni fl-assenza ta’ DMIs

Fuq l-ilmenti marbuta mal-eżami tas-suq tal-prodotti

Fuq l-ilment li jirrigwarda l-eżami tal-provi ekonomiċi prodotti matul il-proċedura amministrattiva.

Fuq l-ilment dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(3) KE

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 81(1) KE minħabba l-klassifikazzjoni żbaljata tal-organizzazzjoni tal-ħlas MasterCard bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi

4.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji proċedurali u ta’ fatt

a)  Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq rikors abbużiv ta’ ittra li tesponi l-fatti

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq nuqqas ta’ ċarezza tal-ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq il-preżenza ta’ elementi ġodda fid-deċiżjoni kkontestata

Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq informazzjoni insuffiċjenti ta’ ċerti awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni

b)  Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ fatt

B —  Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikoli 3 sa 5 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.