Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju) fid-29 ta’ Diċembru 2016 – Inter-Environnement Bruxelles ASBL, Groupe d’Animation du Quartier Européen de la Ville de Bruxelles ASBL, Association du Quartier Léopold ASBL, Brusselse Raad voor het Leefmilieu ASBL, Pierre Picard, David Weytsman vs Région de Bruxelles-Capitale

(Kawża C-671/16)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d'État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Inter-Environnement Bruxelles ASBL, Groupe d’Animation du Quartier Européen de la Ville de Bruxelles ASBL, Association du Quartier Léopold ASBL, Brusselse Raad voor het Leefmilieu ASBL, Pierre Picard, David Weytsman

Konvenut: Région de Bruxelles-Capitale

Domanda preliminari

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima [l-evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi fil-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” regolament dwar l-urbanistika adottat minn awtorità reġjonali:

li jinkludi kartografija li tistabbilixxi ż-żona ta’ applikazzjoni tiegħu, limitata għal distrett wieħed, u li tiddelimita fi ħdan din iż-żona ġżejjer differenti li għalihom japplikaw regoli differenti fir-rigward tal-lok u tal-għoli tal-bini; u

li jipprevedi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ ppjanar għal żoni li jinsabu madwar il-bini, kif ukoll indikazzjonijiet preċiżi dwar l-applikazzjoni spazjali ta’ ċerti regoli li jistabbilixxi li jieħdu inkunsiderazzjoni t-toroq, linji dritti ittraċċjati perpendikularment għal dawn it-toroq u distanzi fir-rigward tal-allinjament ta’ dawn it-toroq; u

li għandu bħala għan it-trasformazzjoni tad-distrett ikkonċernat; u

li jistabbilixxi regoli dwar il-kompożizzjoni tal-fajls ta’ applikazzjonijiet għall-urbanistika sottomessi għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent f’dan id-distrett?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157.