Language of document : ECLI:EU:C:2012:530

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012 (1)

Kawża C‑610/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju ta’ Spanja

“Applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 260(2) TFUE — Ammissibbiltà tar-rikors — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Sanzjoni pekunjarja”





1.        F’din il-kawża, ġie ppreżentat rikors mill-Kummissjoni Ewropea kontra r-Renju ta’ Spanja skont l-Artikolu 260 TFUE, bħala riżultat tal-allegat nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fit-2 ta’ Lulju 2002 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (2) (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal‑2002”). F’din il-kawża, il-Qorti tal‑Ġustizzja kkonstatat li, billi ma adottax il-miżuri meħtieġa biex jikkonforma ruħu mad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 91/1/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1989, dwar l-għajnuna mogħtija fi Spanja mill-Gvern ċentrali u minn diversi Gvernijiet awtonomi lil MAGEFESA (3), produttriċi ta’ oġġetti tal-kċina magħmula mill-azzar li ma jissaddadx u ta’ strumenti elettriċi żgħar għad-dar (4), sa fejn din id-deċiżjoni ddikjarat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni għajnuna mogħtija lil Indosa, lil Gursa, lil Migsa, u lil Cunosa, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE, u l-Artikoli 2 u 3 ta’ dik id‑Deċiżjoni (5).

2.        Għandu jiġi speċifikat li dan ir-rikors jirrigwarda biss in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2002 dwar għajnuna mogħtija lil Indosa mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiżi Baski taħt il-forma ta’ garanzija għal self ta’ ESP 300 miljun mogħtija direttament lil Indosa, ta’ garanzija għal self ta’ ESP 672 miljun għall‑impriżi ta’ Magefesa u ta’ sussidju fuq l-interessi ta’ ESP 9 miljun. Fir-rigward tal-impriżi Gursa, Migsa u Cunosa, mill-2006, il‑Kummissjoni kkunsidrat li d‑Deċiżjoni 91/1 kienet ġiet eżegwita peress li kienet temmew l‑operazzjonijiet tagħhom u li l-attiv tagħhom intbiegħ bi prezz tas‑suq.

I –    Il-proċedura prekontenzjuża

3.        Sa mill-2004, il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja skambjaw korrispondenza vasta dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2002. Minħabba l-ammont kunsiderevoli ta’ ittri mibgħuta, ser insemmi biss l-iktar partijiet importanti ta’ din il-korrispondenza.

4.        Peress li Indosa diġà ġiet iddikjarata falluta fid-19 ta’ April 1994 iżda li hija kompliet bl-attivitajiet tagħha permezz tas-sussidjarja 100 % tagħha, jiġifieri l-kumpannija CMD (6), il-Kummissjoni talbet, diversi drabi, lill-awtoritajiet Spanjoli, informazzjoni dwar l-istat tal‑istralċ ta’ Indosa. Hija ħeġġithom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiffinalizzaw il-likwidazzjoni totali tal-attiv ta’ din l‑impriża u t-tmiem tal-attivitajiet tagħha.

5.        L-awtoritajiet Spanjoli rrispondew li l-likwidazzjoni tal-attiv ta’ Indosa kienet għadha ma seħħitx peress li l-ftehim tal‑istralċ dwar il-bejgħ tal-attiv kollu li jifforma l-patrimonju tal-kumpannija u t-tmiem tal-impriża approvat b’digriet tad-29 ta’ Settembru 2004, ma kienx għadu sar definittiv. Kien biss fit-30 ta’ Mejju 2006 li l-awtoritajiet Spanjoli informaw lill-Kummissjoni li l-ftehim kien sar definittiv fit-2 ta’ Mejju 2006.

6.        Fl-ittra tagħha tas-26 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni kkonstatat li CMD, bħala sussidjarja 100 % ta’ Indosa, kompliet l-attività ssussidjata u ġibdet l‑attenzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli dwar il-fatt li l-eżekuzzjoni effettiva tad‑Deċiżjoni 91/1 kienet tinħtieġ l‑irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni mill-entità li effettivament ibbenefikat minnha. B’risposta għal din l‑ittra, l‑awtoritajiet Spanjoli pprovdew l-informazzjoni rigward il‑proċess ta’ bejgħ tal‑uniku attiv ta’ Indosa, jiġifieri l-azzjonijiet ta’ CMD. Fl-aħħar nett, permezz ta’ żewġ ittri ta’ Settembru 2008, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li ma kienx hemm offerta valida għall-azzjonijiet ta’ CMD, u li finalment, l-attiv ta’ Indosa ma kienx ġie allokat.

7.        Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2007, l-awtoritajiet Spanjoli indikaw li l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni 91/1 kienet ġiet irreġistrata fil-passiv tal-falliment ta’ Indosa. F’Lulju 2008 il-Kummissjoni talbet dokument ta’ sostenn li madankollu, ma ġiex ipprovdut mill-awtoritajiet Spanjoli.

8.        Permezz tal-ittri tat-8 ta’ Ottubru 2008 u tat-13 ta’ Novembru 2008, l‑awtoritajiet Spanjoli informaw lill-Kummissjoni li CMD iddikjarat lilha nnifisha falluta fit-30 ta’ Lulju 2008.

9.        Permezz ta’ ittri tat-18 ta’ Awwissu 2009, tas-7 ta’ Settembru 2009 u tal-21 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli, l-ewwel nett, pjan iddettaljat li jindika d-data tat-tmiem tal-attivitajiet ta’ CMD u tal-proċedura ta’ stralċ tal-attiv tagħha, it-tieni nett, informazzjoni dwar il‑proċedura tat-trasferiment tal-attiv, it-tielet nett, prova li l-imsemmi trasferiment sar skont il‑kundizzjonijiet tas-suq u, ir-raba’ nett, provi li l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni ġiet irreġistrata fil-passiv ta’ CMD bħala dejn kollettiv.

10.      Permezz tal-ittri tal-21 ta’ Settembru 2009 u tat-13 ta’ Ottubru 2009, l‑awtoritajiet Spanjoli rrispondew, l-ewwel nett, li l-attivitajiet ta’ CMD intemmew fit-30 ta’ Lulju 2009, it‑tieni nett, li l-proċedura ta’ falliment kienet għaddejja quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti (mingħajr ma ġie ppreżentat pjan iddetaljat taż-żmien mitlub mill-Kummissjoni) u, it-tielet nett, li huma ma kienux jafu jekk l‑għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni ġietx irreġistrata fil-passiv ta’ CMD. Fl-1 ta’ Diċembru 2009, huma bagħtu l-lista finali ta’ kredituri ta’ CMD approvata mill-qorti nazzjonali kompetenti. Il-Komunità Awtonoma tal-Pajjiżi Baski ma kinitx tidher fuq din il-lista għall-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni permezz tad-Deċiżjoni 91/1.

11.      Fl-20 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju ta’ Spanja ittra ta’ intimazzjoni skont l-Artikolu 228(2) KE, li kienet tindika li hija tirreżerva d-dritt, wara li tieħu konjizzjoni tal‑osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat, jew jekk dawn l‑osservazzjonijiet ma jintbagħtulhiex fit-terminu impost, biex toħroġ, jekk meħtieġ, opinjoni motivata, skont l-Artikolu 228(2) KE.

12.      Fis-26 ta’ Jannar 2010, b’risposta għal din l-ittra, l-awtoritajiet Spanjoli informaw lill-Kummissjoni li s-sentenza tal-2002 kienet qiegħda fil‑proċess li tiġi eżegwita, peress li Indosa kif ukoll CMD kienu qegħdin fil-proċess ta’ stralċ, kienu mingħajr l-impjegati tagħhom u kienu temmew l-attivitajiet tagħhom.

13.      Fit-18 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali li fiha stiednet lir-Renju ta’ Spanja, skont l‑Artikolu 260(2) TFUE, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-ittra. Il-Kummissjoni indikat li hija rriżervat, wara li tieħu konjizzjoni tal-osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat, jew jekk dawn l-osservazzjonijiet ma jintbagħtulhiex fit-terminu impost, li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260(2) TFUE.

14.      L-awtoritajiet Spanjoli rrispondew għall-intimazzjoni addizzjonali permezz tal-ittri tat-2 ta’ Ġunju 2010, tad-9 ta’ Ġunju 2010 u tad-29 ta’ Settembru 2010, li minnhom irriżulta li l-Komunità Awtonoma tal-Pajjiżi Baski ma kinitx fost il‑kredituri ta’ CMD u li hija kienet ser tidher bħala parti fi proċeduri ta’ falliment filwaqt li titlob li jiġi rreġistrat, fl-iskeda tal-passiv, id-dejn li Indosa kellha magħha rigward l-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni bid-Deċiżjoni 91/1. Permezz tal-posta elettronika tas-7 ta’ Lulju 2010, l‑awtoritajiet Spanjoli bagħtu l-pjan ta’ stralċ ta’ CMD approvat mill-qorti nazzjonali.

15.      F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors fit-22 ta’ Diċembru 2010.

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet

16.      Fir-rikors tagħha l-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-Deċiżjoni 91/1 u l-Artikolu 260 TFUE, billi ma adottax il-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi eżegwita s‑sentenza tal-2002

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 131 136 għal kull jum ta’ dewmien fl‑eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2002, mill-jum tal-għoti tas‑sentenza f’din il-kawża sal-jum li fih s-sentenza tal-2002 tiġi eżegwita kompletament;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tikkorrispondi għar-riżultat miksub bil‑multiplikazzjoni tal-ammont ta’ kull jum ta’ EUR 14 343 bin‑numru ta’ ġranet sakemm jibqa’ jippersisti l-ksur mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-2002 sa:

–        d-data li fiha r-Renju ta’ Spanja jkun irkupra l-għajnuna ddikjarata illegali bid-Deċiżjoni 91/1, jekk il-Qorti tal‑Ġustizzja tikkonstata li l-irkupru jkun sar effettivament qabel l-għoti tas-sentenza f’din il-kawża;

–        d-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, jekk is‑sentenza tal-2002 ma tkunx ġiet kompletament eżegwita qabel dik id‑data;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

17.      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors u, sussidjarjament, tapplika pagamenti ta’ penalità trimestrali ta’ EUR 12 269.70 kif ukoll ħlas ta’ sanzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 44.80 għal kull jum, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

18.      Filwaqt li aġixxa skont l-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fit-22 ta’ Marzu 2011 ir-Renju ta’ Spanja invoka eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tirriżerva sas-sentenza finali..

19.      Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Mejju 2011, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lir-Repubblika Ċeka tintervjeni sabiex issostni t‑talbiet tar-Renju ta’ Spanja. Fl-intervent tagħha, ir-Repubblika Ċeka ffukat fuq il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors.

III – Evalwazzjoni

A –    Fuq l-ammissibbiltà

20.      Fl-eċċezzjoni tiegħu ta’ inammissibbiltà, ir-Renju ta’ Spanja kkontesta r-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża abbażi ta’ nuqqas ta’ opinjoni motivata.

21.      Din l-eċċezzjoni għandha l-oriġini tagħha f’emenda, imdaħħla mit-Trattat ta’ Lisbona, għall-proċedura li għandha bil-fors tippreċedi r-rikors għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

22.      Ir-Renju ta’ Spanja, ssostnut mir-Repubblika Ċeka, u l‑Kummissjoni jikkontestaw il-punt dwar jekk ir-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża f’dan il-każ għandhiex tiġi evalwata fuq il-bażi tal‑Artikolu 228 KE, peress li nbdiet permezz tal-ittra ta’ intimazzjoni tal-20 ta’ Novembru 2009, jiġifieri, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, jew fuq il-bażi tal-Artikolu 260(2) TFUE, peress li l-imsemmi artikolu għandu japplika mid-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat, anki jekk il-proċedura prekontenzjuża nbdiet qabel l-imsemmi żmien.

23.      Ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li l-applikazzjoni tal‑Artikolu 260(2) TFUE hija retroattiva u għalhekk tikser il‑prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ non retroattività tar-regoli li jipprovdu għal sanzjonijiet inqas favorevoli.

24.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi kkunsidrata bħala proċedura ġuridika speċjali ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenzi, fi kliem ieħor, bħala mod ta’ eżekuzzjoni (7). Hija għandha l-għan li tiżgura u tiggarantixxi l-istabilliment mill-ġdid tal-osservanza tal-legalità (8). Għandu jkun hemm proċedura prekontenzjuża qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors, li r-regolarità tagħha tikkostitwixxi garanzija essenzjali meħtieġa mit-TFUE, mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi żgurat li l-eventwali proċedura kontenzjuża jkollha bħala suġġett kawża ddefinita b’mod ċar (9).

25.      Eżatt bħal dik li tippreċedi r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il‑proċedura prekontenzjuża tar-rikors għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, kienet inizjalment, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 228 KE, komposta minn żewġ stadji suċċessivi, jiġifieri ittra ta’ intimazzjoni u opinjoni motivata. F’dan ir-rigward, jien ma nistax naqbel mar-Renju ta’ Spanja meta jgħid li l-kors ta’ proċedura prekontenzjuża kien biss ir-riżultat tal-prassi amministrattiva tal-Kummissjoni. Kif enfasizzat din tal-aħħar fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-istadji tal-proċedura prekontenzjuża jirriżultaw direttament mill-Artikolu 228 KE.

26.      Il-bidla li saret permezz tat-Trattat ta’ Lisbona hija semplifikazzjoni u, konsegwentement, aċċelerazzjoni fil-proċedura prekontenzjuża billi tneħħa l-istadju tal-opinjoni motivata. Il‑konsegwenza hija li l-Artikolu 260(2) TFUE ma jissuġġettax l-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ħlief għall-kundizzjoni li l-Istat Membru kkonċernat ikollu l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel jiġi ppreżentat ir-rikors. Fil‑fehma tiegħi, l-ittra ta’ intimazzjoni li tistieden lill-Istat Membru kkonċernat jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija biżżejjed biex tiġi ggarantita l-osservanza tal-kundizzjoni msemmija.

27.      Tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 260(2) TFUE huwiex applikabbli biss għal proċeduri mibdija wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li jkun ifisser li l-ittra ta’ intimazzjoni kellha tintbagħat lill-Stat Membru kkonċernat wara l-1 Diċembru 2009, jew jekk din tapplikax ukoll għal proċeduri mibdijin qabel l-imsemmija data, li jkun ifisser li r-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża jkollha tiġi evalwata abbażi tal‑Artikolu 260(2) TFUE għal kull rikors ippreżentat wara d-dħul fis‑seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona.

28.      F’dan ir-rigward, jien naqbel mar-Repubblika Ċeka li r-risposta tiddependi fuq l-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk l-Artikolu 260(2) TFUE għandux jitqies bħala regola proċedurali jew pjuttost bħala regola sostantiva. Madankollu, bil-kontra ta’ dak li kien sostnut mir-Repubblika Ċeka, jien ma naħisbx li dan l-artikolu għandu jitqies fih innifsu bħala regola sostantiva.

29.      Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 260(2) TFUE għandu natura mħallta. Huwa regola sostantiva, li jiddefinixxi u jipprovdi għal sanzjonijiet pekunjarji għal “reat” ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rekwiżit ta’ proċedura prekontenzjuża fejn l‑Istat Membru kkonċernat se jkun jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, huwa regola proċedurali li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet għal realizzazzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mir-regola sostantiva. Dan japplika wkoll għar-rekwiżit li r-rikors jindika l-ammont tas-somma f’daqqa jew tal-pagamenti ta’ penalità.

30.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja sspeċifikat b’mod ċar li r‑regoli proċedurali huma ġeneralment meqjusa applikabbli fil‑mument meta jidħlu fis-seħħ (10).

31.      Kienet tkun sitwazzjoni differenti kieku t-Trattat ta’ Lisbona kellu fih dispożizzjoni tranżitorja li tipprovdi li, jekk il-proċedura prekontenzjuża inbdiet qabel l-1 ta’ Diċembru 2009, għandu jiġi osservat l‑Artikolu 228(2) KE. Madankollu, dan ma fihx dispożizzjoni bħal din.

32.      Konsegwentement, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 260(2) TFUE, ir-regolarità tal‑proċedura prekontenzjuża għandha tiġi evalwata abbażi tal-imsemmi artikolu għar-rikorsi kollha ppreżentati wara l-1 ta’ Diċembru 2009, ukoll jekk l-ittra ta’ intimazzjoni li tiftaħ il-proċedura prekontenzjuża tkun ġiet indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat qabel din id-data.

33.      F’dak li jirrigwarda l-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jinkiser mill-applikazzjoni tal-Artikolu 260(2) TFUE fil-każ preżenti, nista’ nispira ruħi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, skont liema dan il-prinċipju ma jistax jiġi estiż sabiex jipprojbixxi, b’mod ġenerali, li leġiżlazzjoni ġdida tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet maħluqa taħt sistema ta’ leġiżlazzjoni preċedenti (11). Jien nemmen li din il-ġurisprudenza tapplika wkoll, b’analoġija, għar-relazzjoni bejn il-prinċipju ta’ ċertezza legali u dak ta’ applikazzjoni immedjata ta’ regola proċedurali.

34.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat ukoll li r-Renju ta’ Spanja ma jistax issostni li bħala riżultat tal-evalwazzjoni tar-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE, huwa ma jkunx jista’ jagħraf, mingħajr ambigwità, id-drittijiet u l-obbligi tiegħu u li jieħu id-dispożizzjonijiet tiegħu konsegwentement, kif mitlub mill-prinċipju ta’ ċertezza legali (12). Fil-fatt, l-obbligu li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi eżegwita s‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà tinsab fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni wkoll qabel it-Trattat ta’ Lisbona u r-Renju ta’ Spanja kien informat adegwatament, permezz tal-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tat-18 ta’ Marzu 2010, dwar il-fatt li l-Kummissjoni kellha tibda kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l‑Artikolu 260(2) TFUE, minnufih wara li jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja.

35.      F’dak li jirrigwarda l-argument l-ieħor tar-Renju ta’ Spanja, skont liema l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(2) TFUE tikser il-prinċipju ta’ non retroattività tar-regoli li jipprovdu għal sanzjonijiet inqas favorevoli, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li t-Trattat ta’ Lisbona ma għamel l-ebda tibdil li jikkonċerna s-sanzjonijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

36.      Bħala konklużjoni, f’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja kellu, qabel ma ġie ppreżentat ir-rikors, l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mill-Kummissjoni, kif mitlub mill‑Artikolu 260(2) TFUE. L-evidenza hija l-ittra ta’ intimazzjoni tal‑20 ta’ Novembru 2009 u l-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali tat-18 ta’ Marzu 2010, li bihom il-Kummissjoni stiednet lir-Renju ta’ Spanja sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal‑2002. Jien nemmen li l-proċedura prekontenzjuża saret skont l‑Artikolu 260(2) TFUE u, għal din ir-raġuni, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju ta’ Spanja.

B –    Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

37.      Fis-sentenza tal-2002, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Renju ta’ Spanja, billi ma adottax il-miżuri meħtieġa biex jikkonforma ruħu mad‑Deċiżjoni 91/1, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE, kif ukoll l-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni 91/1. L‑eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2002 tippresupponi l-eżekuzzjoni ta’ din id-Deċiżjoni 91/1 u l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni tippresupponi l-irkupru tal-għajnuna ddikjarata illegali.

38.      Għaldaqstant, il-konstatazzjoni li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l‑obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 260(1) TFUE tiddependi fuq il-punt dwar jekk dak l-Istat Membru rkuprax, mill-benefiċjarji, l-għajnuna ddikjarata illegali mid-Deċiżjoni 91/1. Għandu jitfakkar li r-rikors f’dan il‑każ jikkonċerna biss l-għajnuna mogħtija lil Indosa mill‑Komunità Awtonoma tal-Pajjiżi Baski.

39.      Minħabba l-bidla tal-proċedura prekontenzjuża li tippreċedi r‑rikors għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu magħmul mit-Trattat ta’ Lisbona, għandha tiġi ddefinita mill‑ġdid id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Skont ġurisprudenza stabbilita li tikkonċerna l-Artikolu 228(2) KE, l‑imsemmija data kienet fl-iskadenza tat-terminu stabbilita fl-opinjoni motivata (13).

40.      Peress li l-istadju tal-opinjoni motivata tħassar, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fis-sens tal-Artikolu 260(2) TFUE għandha, b’analoġija mal‑ġurisprudenza dwar l-Artikolu 228(2) KE, tkun fl-iskadenza tat‑terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni jew, eventwalment, fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali biex jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat. F’dan il-każ, hija it-22 ta’ Mejju 2010.

41.      Billi Indosa u s-sussidjarja tagħha, jiġifieri CMD, huma falluti, jidher utli li titfakkar il‑ġurisprudenza dwar l-irkupru ta’ għajnuna minn impriżi fi stat ta’ falliment. Skont din il-ġurisprudenza, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ qabel u l-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal‑kompetizzjoni li tirriżulta mill-għajnuna mogħtija illegalment jistgħu, bħala prinċipju, jinkisbu billi d-dejn relatat mal-ħlas lura tal‑għajnuna kkonċernata jiġi inkluż fl-iskeda tal-passiv (14). Madankollu, ir‑reġistrazzjoni fl-iskeda tal-passiv li tirrigwarda l-ħlas lura tal‑għajnuna kkonċernata ma tistax tissodisfa l-obbligu ta’ rkupru ħlief jekk, fil-każ fejn l-awtoritajiet statali ma setgħux jiksbu lura l-ammont sħiħ ta’ għajnuna, il-proċedura ta’ falliment twassal għall‑istralċ tal-impriża, jiġifieri t-tmiem definittiv tal-attività tagħha, li l-awtoritajiet statali jistgħu jikkawżaw fil-kapaċità tagħhom bħala azzjonisti jew kredituri (15).

42.      Din il-ġurisprudenza tistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex l-għajnuna ddikjarata illegali bid-deċiżjoni tal‑Kummissjoni tista’ titqies rekuperabbli. L-ewwel kundizzjoni hija r‑reġistrazzjoni ta’ djun relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna kkonċernata bħala dejn kollettiv u t-tieni hija t-tmiem definittiv tal-attività ssussidjata mill-għajnuna kkonċernata.

43.      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, f’dan il-każ, huwa paċifiku li fid-data ta’ riferiment, jiġifieri t-22 ta’ Mejju 2010, id-djun relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna mogħtija mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiżi Baski lil Indosa ma kinux irreġistrati bħala dejn kollettiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD.

44.      Mill-proċess jirriżulta li l‑ewwel dikjarazzjoni ta’ dejn ta’ EUR 16 828.34 ġiet ippreżentata mill‑Komunità Awtonoma tal-Pajjiżi Baski fl-10 ta’ Ġunju 2010, jiġifieri wara li skada t-terminu fl-ittra ta’ intimazzjoni. Barra dan, is-somma ddikjarata ma kinitx korretta. Id-dikjarazzjoni ġdida ta’ dejn, din id-darba ta’ EUR 16 498 499 ġiet ippreżentata fit-3 ta’ Diċembru 2010. L-imsemmija dikjarazzjoni ġiet ikkoreġuta mid-dikjarazzjoni ta’ dejn tat-23 ta’ Frar 2011 għal EUR 22 469 459 u, finalment, mid-dikjarazzjoni ta’ dejn tas-7 ta’ Diċembru 2011 għal EUR 22 683 745. Mis-seduta jirriżulta li, wara d-deċiżjoni mill-qorti nazzjonali kompetenti tal-4 ta’ April 2012, id-djun li jammonta għal EUR 22 683 745 ġew finalment inklużi bħala dejn kollettiv fil‑kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD.

45.      Peress li l-żewġ kundizzjonijiet sabiex jiġi stabbilit l-irkupru ta’ għajnuna ddikjarata illegali b’deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ ta’ impriża falluta huma kumulattivi u li għadni kemm urejt li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodissfata, nemmen li ma hemmx bżonn li tiġi eżaminata jekk it-tieni kundizzjoni hijiex issodissfata biex jiġi stabbilit nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mir-Renju ta’ Spanja abbażi tal-Artikolu 260(2) TFUE.

46.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi fl-iskadenza tat-terminu mogħti fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali biex jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet dwar l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li kien akkużat bih skont l-Artikolu 260(2) TFUE, naqas milli jadotta l-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2002 dwar l-irkupru tal‑għajnuna li d-Deċiżjoni 91/1 iddikjarat illegali u inkompatibbli mas‑suq komuni, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-deċiżjoni u l-Artikolu 260(1) TFUE.

C –    Fuq il-pagamenti ta’ penalità

47.      B’riferiment għall-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil‑Komunikazzjoni tagħha SEC(2005) 1658 tat-13 ta’ Diċembru 2005 dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 228 KE (16), kif aġġornata bil‑Komunikazzjoni SEC(2010) 923, tal-20 ta’ Lulju 2010, il‑Kummissjoni tipproponi pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 131 136 kull jum. Hija tal‑opinjoni li l-imsemmija pagamenti ta’ penalità, ikkalkolata abbażi ta’ somma bażika b’rata fissa ta’ EUR 640 immultipplikat b’koeffiċjent ta’ gravità ta’ 5, b’koeffiċjent ta’ tul ta’ 3 u ta’ fattur n ta’ 13.66, huma proporzjonali mal-gravità u t-tul tal-ksur fid-dawl tal-ħtieġa li tagħti lil tali pagamenti ta’ penalità effett koerċittiv u dissważiv.

48.      Il-Kummissjoni ġġustifikat l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità bil-fatt li l‑għajnuna inkwistjoni kienet għadha ma ġietx irkuprata u, għalhekk, id‑Deċiżjoni 91/1 kif ukoll is-sentenza tal-2002 baqgħu mhux eżegwiti. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni identifikat tliet kundizzjonijiet sabiex l-għajnuna tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala rkuprata. L-ewwel nett, il-krediti li jirriżultaw mill-għajnuna inkwistjoni għandhom ikunu rreġistrati bħala dejn kollettiv, it-tieni nett, l-attività ssussidjata trid tintemm u, it-tielet nett, l-attiv tal-impriża Indosa għandu jinbiegħ bi prezz tas-suq, wara proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet.

49.      Fis-seduta, il-Kummissjoni biddlet l-argument tagħha fuq dan il‑punt. Hija argumentat li, anki jekk id-djun li rriżultaw mill‑għajnuna inkwistjoni ġew finalment, fl-4 ta’ April 2012, irreġistrati bħala dejn kollettiv, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li r-Renju ta’ Spanja huwa akkużat bih kompla billi l-attività ssussidjata ma ntemmietx. Għaldaqstant jidher li l-Kummissjoni abbandunat il-kundizzjoni tal‑bejgħ tal-attiv bil-prezz tas-suq.

50.      Fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja, dan huwa tal-opinjoni li, f’dan il‑każ, ma hemmx il-ħtieġa li jiġu imposti s-sanzjonijiet pekunjarji billi l‑awtoritajiet għamlu dak kollu possibbli biex jirkupraw l-għajnuna ddikjarata illegali permezz tad-Deċiżjoni 91/1 u li, konsegwentement, is‑sanzjonijiet pekunjarji eventwali ma humiex tali li jbiddlu l‑aġir tagħhom. F’dak li jirrigwarda iktar speċifikatament il-pagamenti ta’ penalità, ir‑Renju ta’ Spanja bbaża ruħu fuq is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (17), biex isostni li minħabba r-reġistrazzjoni ta’ djun relatati mal-ħlas lura ta’ għajnuna ddikjarata illegali permezz tad‑Deċiżjoni 91/1 bħala dejn kollettiv fil-kuntest tal‑proċedura ta’ falliment ta’ CMD, is-sentenza tal-2002 kienet ġiet finalment eżegwita u li għal din ir-raġuni, ma hemmx lok li jiġu imposti pagamenti ta’ penalità.

51.      Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xiereq li timponi tali sanzjonijiet, ir-Renju ta’ Spanja jipproponi pagamenti ta’ penalità trimestrali fl-ammont ta’ EUR 12 269.70 kkalkolata abbażi ta’ somma bażika b’rata fissa ta’ EUR 9.98 (18) immultiplikata b’koeffiċjent ta’ gravità ta’ 1, b’koeffiċjent ta’ tul ta’ 1, b’fattur n ta’ 13.66 u, minħabba l-applikazzjoni trimestrali ta’ pagamenti ta’ penalità, b’fattur ta’ 90.

52.      Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet imsemmija iktar ’il fuq, għandu qabel kollox jiġi ddeterminat jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li akkużat bih ir-Renju ta’ Spanja bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza 2002 kompliex sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal‑Ġustizzja, kif mitlub mill-ġurisprudenza għal dak li jikkonċerna l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità (19).

53.      Kif diġà indikajt f’dawn il-konklużjonijiet, l‑eżekuzzjoni tas-sentenza tal-2002 tippresupponi l-eżekuzzjoni tad‑Deċiżjoni 91/1 u l-eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjoni tippresupponi l-irkupru tal-għajnuna ddikjarata illegali.

54.      Jien ikkonstatajt ukoll li, għal impriża fi stat ta’ falliment, bħal f’dan il-każ, il-ġurisprudenza timponi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex l-għajnuna ddikjarata illegali bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun tista’ titqies irkuprata, jiġifieri r-reġistrazzjoni tad-djun relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna bħala dejn kollettiv u t-tmiem definittiv tal-attività ssussidjata mill-għajnuna ikkonċernata (20).

55.      Fl-opinjoni tiegħi, l-eżistenza ta’ dawn iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi ma hijiex ikkontestata mis-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (21), anki jekk ir-Renju Spanjol iddeduċa minnha li l-Istat Membru jissodisfa l-obbligu li jirkupra għajnuna mill-Istat illegali billi jirreġistra d-djun inkwistjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment. Huwa veru li f’din is-sentenza l-Qorti tal‑Ġustizzja rabtet biss l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali mar-reġistrazzjoni tad-djun fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment u, simultanjament, espressament ċaħdet il-kundizzjoni tal-bejgħ tal-attiv tal-impriża bi prezz tas-suq (22). Madankollu dan ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja abbandunat il-kundizzjoni tat-tmiem tal-attività ssussidjata mill‑għajnuna mill-Istat illegali, li tirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita preċedenti (23).

56.      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li fid-data tal-għeluq tal-proċedura orali f’din il‑kawża, id-djun li jammontaw għal EUR 22 683 745 relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna mogħtija mill-Komunità Awtonoma tal-Pajjiżi Baski lil Indosa ġew irreġistrati bħala dejn kollettiv fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD.

57.      Il-kwistjoni problematika hija dwar jekk l-attività ssussidjata mill‑għajnuna ddikjarata illegali mid-Deċiżjoni 91/1 kinitx realment mitmuma.

58.      Għalkemm Indosa kienet ġiet dikjarata falluta fl-1994, l-attività inkwistjoni baqgħet isseħħ permezz ta’ CMD. Din tal‑aħħar ukoll kienet ġiet iddikjarata falluta fl-2008 u, skont l‑allegatazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, it-tmiem tal-attivitajiet tagħha sar finali wara d-digriet tal-qorti nazzjonali kompetenti, tal-24 ta’ Lulju 2009 dwar l-estinzjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol tal-persunal tagħha kollu kemm hu. Madankollu, ir-Renju ta’ Spanja stess ammetta fir‑risposta tiegħu bil-miktub għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l‑attività fil-faċilitajiet ta’ CMD inżammet u dan permezz tal-kumpannija Euskomenaje, stabbilita fit-3 ta’ Settembru 2009, li tuża l-bini ta’ CMD sabiex timmanifattura u tikkummerċjalizza l-prodotti li din tal-aħħar kienet timmanifattura qabel. Dan kien possibbli bis-saħħa tal-awtorizzazzjoni, magħmula mill-amministraturi tal-falliment ta’ CMD, tat-trasferiment provviżorju tal-attiv ta’ din tal‑aħħar favur Euskomenaje.

59.      Huwa minnu li r-Renju ta’ Spanja rnexxielu jipprova li l-Gvern Bask ħa serje ta’ miżuri biex jipprevjeni li Euskomenaje tkun tista’ tkompli xi attività fil-bini ta’ CMD. Il-fatt jibqa’ li, fid-data tal-għeluq tal-proċedura orali f’din il-kawża, Euskomenaje xorta baqgħet għadejja bl-istess attivitajiet fil‑faċilitajiet ta’ CMD. Dan il-fatt kien ikkonfermat mir-Renju ta’ Spanja stess fis-seduta.

60.      Jien inqis li ġie suffiċjentement stabbilit li l-kundizzjoni ta’ tmiem tal-attività ssussidjata mill-għajnuna illegali ma kinitx sodisfatta f’dan il-każ fid-data tal-għeluq tal-proċedura orali u li, konsegwentement, l‑għajnuna mill-Istat iddikjarat illegali bid-Deċiżjoni 91/1 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala rkuprata. Għal din ir-raġuni, għandhom jiġu imposta pagamenti ta’ penalità fil-konfront tar-Renju ta’ Spanja li għandha tipperswadih itemm, fl-iqsar żmien possibbli, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu akkużat bih li, kieku x’aktarx, jibqa’ jippersisti (24).

61.      Fir-rigward tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat diversi drabi li l-pagamenti ta’ penalità għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li jkunu kemm xierqa għaċ-ċirkustanzi u proporzjonati għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll għall-kapaċità li jħallas tal-Istat Membru kkonċernat. Il-kriterji bażiċi biex jiżguraw in-natura repressiva tal-pagamenti ta’ penalità fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt Komunitarju huma, fil‑prinċipju, it-tul tal-ksur, il-grad tal-gravità tiegħu u l-kapaċità tal-Istat Membru inkwistjoni li jħallas. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il‑kriterji, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l‑konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi kif ukoll l-urġenza li biha l-Istat Membru kkonċernat ikun imġiegħel iwettaq l-obbligi tiegħu (25).

62.      Rigward l-ewwel kriterju, jiġifieri t-tul tal-ksur, f’dan il-każ iktar minn għaxar snin għaddew mid-data tal-għoti tas-sentenza tal-2002, li tagħha r-Renju ta’ Spanja huwa akkużat li bin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Dan huwa ovvjament żmien pjuttost kunsiderevoli. Għandu jingħad ukoll li dan huwa l‑itwal perijodu ta’ żmien li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt kellha tittratta fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għal din ir-raġuni, naqbel mal‑Kummissjoni li hawnhekk għandu jiġi applikat il-koeffiċjent ta’ tul ogħla, jiġifieri 3.

63.      F’dak li jirrigwarda t-tieni kriterju, jiġifieri l-gravità tal-ksur, il‑Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat in-natura fundamentali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE għall‑għajnuna mill-Istat li huma s-suġġett tad-Deċiżjoni 91/1 u tas‑sentenza tal-2002. L-importanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li huma miksura f’din il-kawża hija riflessa b’mod partikolari fil-fatt li r-rimbors ta’ għajnuna mill-Istat illegali jelimina d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill‑vantaġġ kompetittiv mogħti mill-għajnuna u tneħħi mingħand il‑benefiċjarju l‑vantaġġ li dan kellu fuq il-kompetituri tiegħu (26).

64.      Madankollu, fuq dan il-punt, huwa meħtieġ fil-fehma tiegħi li jittieħed inkunsiderazzjoni l-progress fl-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 91/1 u tas-sentenza tal-2002 li seħħet wara li ġie ppreżentat dan ir-rikors. Nixtieq nenfasizza b’mod partikolari żewġ fatti: l-ewwel, li d-djun relatati mal-ħlas lura tal-għajnuna mogħtija lil Indosa ġew finalment irreġistrati bħala dejn kollettiv fil‑kuntest tal-proċedura ta’ falliment ta’ CMD u t-tieni, li l-awtoritajiet nazzjonali aġixxew biex jiksbu t-tmiem definittiv u mhux biss formali tal-attività ssussidjata bl-għajnuna mill-Istat illegali, anki jekk l-isforzi tagħhom ma rnexxewx biex jintlaħaq, f’dan il‑mument, l-għan mixtieq.

65.      Dawn iż-żewġ fatti jiġġustifikaw, fl-opinjoni tiegħi, li jitbaxxa l-koeffiċjent ta’ gravità, propost mill-Kummissjoni, għal-livell 4.

66.      Fir-rigward tat-tielet kriterju, jiġifieri l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-metodu li jikkonsisti fil-multiplikazzjoni tal-ammont bażiku b’koeffiċjent speċifiku għal dak l-Istat Membru huwa strument adegwat sabiex tiġi riflessa l‑kapaċità tal-imsemmi Stat li jħallas filwaqt li tinżamm differenza raġonevoli bejn id-diversi Stati Membri. (27). Minn dan isegwi li, f’dan il‑każ, għandu jintuża fattur n ta’ 13.66 għar-Renju ta’ Spanja.

67.      Bil-koeffiċjenti proposti, naslu għal pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 104 909 għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 91/1 u tas‑sentenza 2002.

68.      Għal dak li jirrigwarda l-frekwenza tal-pagamenti ta’ penalità, jien tal‑opinjoni li l-pagamenti tal-penalità kkalkolati għal kull jum huma f’dan il‑każ l-iktar adegwati sabiex jintemm l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Renju ta’ Spanja fl-iqsar żmien possibbli.

D –    Fuq is-somma f’daqqa

69.      Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt madwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li r‑Renju ta’ Spanja huwa akkużat bih, il-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur analogu tad-dritt tal-Unjoni tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura disważiva, bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa. Rigward l-ammont tas-somma f’daqqa, hija tipproponi l-multiplikazzjoni tal-ammont ta’ EUR 143 43 (28) bin-numru ta’ jiem li għaddew bejn is-sentenza tal-2002 u d-data tal‑eżekuzzjoni mir-Renju ta’ Spanja tal-obbligi tiegħu jew, fin‑nuqqas ta’ din, dik tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża.

70.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa neċessarju li tiġi applikata somma f’daqqa, ir-Renju ta’ Spanja jipproponi somma ta’ EUR 44.80 għal kull jum, ikkalkolat fuq il-bażi ta’ somma bażika b’rata fissa ta’ EUR 3.28 (29) immultiplikata b’koeffiċjent ta’ gravità ta’ 1 u b’ fattur n ta’ 13.66.

71.      Fir-rigward tas-somma f’daqqa, għandu jitfakkar li l‑impożizzjoni ta’ tali tip ta’ sanzjoni pekunjarja ma tistax tkun ta’ natura awtomatika f’każijiet ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mill‑Artikolu 260(1) TFUE. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija dispożizzjoni tat-TFUE tatha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk timponix jew le tali sanzjoni (30) fid-dawl tal-provi kollha rilevanti li jkollhom x’jaqsmu kemm mal-karatteristiċi tan‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-attitudni tal‑Istat Membru kkonċernat (31).

72.      Jien inqis li, f’dan il-każ, huwa speċjalment it-tul tal-ksur li jimmilita favur l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa. Dan huwa żmien pjuttost kunsiderevoli peress li għaddew iktar minn għaxar snin mill-għoti tas-sentenza tal-2002, li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħha huwa akkużat bih ir-Renju ta’ Spanja.

73.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li r‑ripetizzjoni ta’ aġir illegali fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun kriterju għall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa (32), li tikkorrispondi, fil-fehma tiegħi, għan-natura preventiva tas-sanzjonijiet pekunjarji (33). Fil-każ tar-Renju ta’ Spanja, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament ikkonstatat istanzi ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu relatati man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jiddikjaraw l-għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, b’mod partikolari fis-sentenzi tagħha tal-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Spanja (34) u tal-14 ta’ Diċembru 2006 Il-Kummissjoni vs Spanja (35).

74.      Fir-rigward tas-somma f’daqqa, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta bil-proposta tal-Kummissjoni u li l-iffissar ta’ dan l-ammont huwa fid-diskrezzjoni tagħha (36). Is-somma f’daqqa għandha tkun iffissata b’mod li tkun, minn naħa, adattata għaċ‑ċirkustanzi u, min-naħa oħra, proporzjonata man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ġie kkonstatat kif ukoll mal-kapaċità tal-Istat Membru kkonċernat li jħallas. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm b’mod partikolari elementi bħat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu illi jippersisti wara d-data tas-sentenza li tkun ikkonstatatu u l-gravità tal‑ksur (37).

75.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 62 sa 64 ta’ dawn il‑Konklużjonijiet dwar it-tul u l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li r-Renju ta’ Spanja huwa akkużat bih, l-ammont ta’ EUR 20 miljun jidhirli li huwa xierqa fiċ‑ċirkustanzi tal-kawża preżenti.

IV – Konklużjoni

76.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja:

–        li tiddikjara li, billi sal-iskadenża tat-terminu mogħti fl-ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali biex iressaq osservazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu akkużat bih, skont l-Artikolu 260(2) TFUE, ma adottax il-miżuri kollha li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑499/99), dwar l-irkupru ta’ għajnuna li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/1/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1989, dwar għajnuna mogħtija fi Spanja mill-Gvern ċentrali u minn diversi Gvernijiet awtonomi lil MAGEFESA, produttur ta’ oġġetti tad-dar tal-azzar li ma jsaddadx u ta’ strumenti elettriċi żgħar, iddikjarat illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-deċiżjoni u l-Artikolu 260(1) TFUE;

–        li tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, pagamenti ta’ penalità għal ammont ta’ EUR 104 909 għal kull jum ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002, Il‑Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, li jiddekorri minn xahar wara li tingħata din is-sentenza sal-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-2 ta’ Lulju 2002.

–        li tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea” somma f’daqqa ta’ EUR 20 miljun;

–        li tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2–      C‑499/99, Ġabra p. I‑6031.


3 – Magefesa hija kumpannija holding Spanjola magħmula prinċipalment minn erba’ impriżi industrijali: Industrias Domésticas SA (iktar ’il quddiem “Indosa”), Manufacturas Gur SA (iktar ’il quddiem “Gursa”), Manufacturas Inoxidables Gibraltar SA (iktar ’il quddiem “Migsa”), u Cubertera del Norte SA (iktar ’il quddiem “Cunosa”).


4–      ĠU 1991, L 5, p. 18.


5 – Fis-sentenza tal-2002, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll nuqqas ta’ twettiq tal‑obbligi tar-Renju ta’ Spanja skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/509/KE, tal-14 ta’ Ottubru 1998, dwar għajnuna mogħtija minn Spanja lil impriżi tal-grupp Magefesa u suċċessuri tagħha (ĠU L 198, p. 15). Madankollu, dan ir-rikors japplika biss għall-allegat nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tas-sentenza tal-2002 fir-rigward tad-Deċiżjoni 91/1.


6 – Il-kumpannija CMD ġiet stabilita mill-amministratur tal-proċedura ta’ falliment ta’ Indosa fl‑1994 bil-għan li tiġi kkummerċjalizzata l-produzzjoni tagħha. L-azzjonijiet ta’ CMD kienu l-uniku attiv ta’ Indosa.


7–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑304/02, Ġabra p. I‑6263, punt 92).


8–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 93).


9–      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑508/10, punt 34 u l‑ġurisprudenza ċċitata). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet din il‑karatteristika għar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l‑Artikolu 258 TFUE, fl-opinjoni tiegħi din tapplika wkoll għal rikors għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l‑Artikolu 260(2) TFUE.


10 – Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il‑Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et (C‑201/09 P u C‑216/09 P, Ġabra p. I‑2239, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata); tad-29 ta’ Marzu 2011 ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C‑352/09 P, Ġabra p. I‑2359, punt 88), u tal-14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et (C‑17/10, punt 47).


11–      Sentenza tas-27 ta’ Jannar 2011, Flos (C‑168/09, Ġabra p. I-181, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġina 10, punt 81).


13–      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, Ġabra p. I‑11483, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14–      Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 73).


15–      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑454/09, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 – ĠU 2007, C 126, p. 15.


17 – iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġina 13.


18 – Is-somma bażika b’rata fissa proposta mir-Renju ta’ Spanja tikkorrispondi għall‑multiplikazzjoni ta’ somma bażika b’rata fissa ta’ EUR 640 stabbilita mill‑Komunikazzjoni tal-Kummissjoni SEC (2005) 1658, tat-13 ta’ Diċembru 2005, b’ 25 % (peress li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat jirrigwarda biss waħda mill-erba’ kumpanniji ta’ Magefesa li rċevew għajnuna illegali skont id‑Deċiżjoni 91/1) u b’6.24 % (peress li l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkonċerna għajnuna mogħtija mill-Gvern ta’ reġjun li tirrappreżenta 6.24% tal‑prodott gross domestiku Spanjol).


19–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 42);


20–      Ara l-punti 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


21–      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.


22 – Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 74 u 75).


23 – Sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


24–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, Ġabra p. I‑9159, punt 58).


25–      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, Ġabra p. I‑5703, punti 114 u 115).


26–      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 118 u 120).


27–      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin‑nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28 – L-ammont ta’ EUR 143 43 huwa r-riżultat tal-multiplikazzjoni tas-somma bażika b’rata fissa ta’ EUR 210 bil-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 5 u l-fattur n ta’ 13.66.


29 – Bħas-somma bażika b’rata fissa fil-każ ta’ pagamenti ta’ penalità, is-somma bażika b’rata fissa proposta mir-Renju ta’ Spanja għas-somma f’daqqa tirriżulta permezz tal-multiplikazzjoni b’25 % u b’6.24 % tas-somma bażika b’rata fissa ta’ EUR 210 stabbilita mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni SEC (2005) 1658 tat-13 ta’ Diċembru 2005.


30–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 63) u tas-7 ta’ Lulju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 144).


31–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota tal-qiegħ 24, punt 62) u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑568/07, Ġabra p. I‑4505, punt 44), u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑109/08, Ġabra p. I‑4657, punt 51), kif ukoll tas-7 Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, iċċitata fin-nota tal-qiegħ 25, punt 144).


32–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 67) u tas-17 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 91).


33 – Fir-rigward tan-natura preventiva, ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota tal-qiegħ il-paġna 24, punt 59).


34–      C‑177/06, Ġabra p. I‑7689.


35–      C‑485/03 sa 490/03, Ġabra p. I‑11887.


36–      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 64);


37–      Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 93 u 94).