Language of document : ECLI:EU:C:2013:735

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

14 ta’ Novembru 2013 (*)

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 — Artikolu 16(1) — Kuntratt ta’ vjaġġ konkluż bejn konsumatur iddomiċiljat fi Stat Membru u aġenzija tal-ivvjaġġar stabbilita fi Stat Membru ieħor — Fornitur tas-servizzi użat mill-aġenzija tal-ivvjaġġar stabbilita fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-konsumatur — Dritt tal-konsumatur li jressaq, quddiem il-qorti tal-post fejn għandu d-domiċilju tiegħu, azzjoni kontra dawn iż-żewġ impriżi”

Fil-Kawża C‑478/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Feldkirch (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

Armin Maletic,

Marianne Maletic

vs

lastminute.com GmbH,

TUI Österreich GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn C. G. Fernlund, President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal TUI Österreich GmbH, minn E. Reinitzer, avukat,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u S. Nunes de Almeida, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u A.‑M. Rouchaud‑Joët, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, A. Maletic u M. Maletic (iktar ’il quddiem “il-konjuġi Maletic”) u, min-naħa l-oħra, lastminute.com GmbH (iktar ’il quddiem “lastminute.com”) u TUI Österreich GmbH (iktar ’il quddiem “TUI”), u li għandha bħala suġġett il-ħlas tal-ammont EUR 1 201.38, kif ukoll tal-interessi u spejjeż oħra, minħabba prenotazzjoni magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma’ lastminute.com ta’ vjaġġ kollox kompriż organizzat minn TUI.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-premessi 2, 11 sa 13 u 15 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu li:

“(2)      Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali.

[…]

“(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

(13)      B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-iktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.”

[…]

(15)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. Għandu jkun hemm mekkaniżmu ċar u effettiv sabiex jiġu riżolti każijiet ta’ lis pendens u azzjonijiet relatati u għal problemi ovvji li jirriżultaw minn differenzi nazzjonali dwar id-determinazzjoni taż-żmien meta jiġi rreġistrat każ bħala pendenti. Għall-iskopijiet ta’ dan ir‑Regolament dak iż-żmien għandu jiġi definit b’mod awtonomu.”

4        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament jipprovdi li “[…] persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

5        Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament l-“[p]ersuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu”.

6        Fil-qasam tal-kuntratti, l-Artikolu 5(1) tal-istess regolament jipprovdi li, fil-qasam kuntrattwali, persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ tiġi mfittxija fi Stat Membru ieħor quddiem il-qorti tal-post fejn l-obbligu li huwa l-bażi tat-talba twettaq jew għandu jitwettaq.

7        Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 44/2001, din l-istess persuna tista’ wkoll titfittex jekk ikun hemm diversi konvenuti, quddiem il-qorti ta’ domiċilju ta’ wieħed minnhom, sakemm it-talbiet ikunu marbuta b’mod daqstant strett illi jkun hemm interess li jinstemgħu u jiġu ddeterminati flimkien sabiex jiġu evitati soluzzjonijiet li jistgħu jkunu inkompatibbli jekk il-kawżi jiġu deċiżi b’mod separat.

8        L-Artikolu 15(1)(ċ) u (3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi dan li ġej:

“1. F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il‑konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ‘l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

[…]

ċ)      fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta’ attivitajiet bħal dawk.

[…]

3. Din is-Sezzjoni m’għandiex tapplika għal kuntratt ta’ trasport apparti minn kuntratt li, għal prezz inklussiv, jipprovdi għal taħlita ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni.”

9        L-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.”

10      L-Artikolu 28(3) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa mfassal b’dan il-mod:

“Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun iktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ ġudizzji irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Il-konjuġi Maletic huma ddomiċiljati f’Bludesch (l-Awstrija), li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Bezirksgericht Bludenz (qorti kantonali ta’ Bludenz). Fit-30 ta’ Diċembru 2011, huma pprenotaw u ħallsu, għalihom innifishom bħala individwi, fuq is-sit tal-internet lastminute.com, vjaġġ kollox inkluż lejn l-Eġittu għall-prezz ta’ EUR 1 858 li kellu jsir bejn l-10 u l-24 ta’ Jannar 2012. Fuq is-sit tal-internet tagħha, lastminute.com, li hija kumpannija li għandha s-sede tagħha f’München (il-Ġermanja), indikat li taġixxi bħala aġent tal-vjaġġi u ppreċiżat li l-vjaġġ huwa organizzat minn TUI, kumpannija li għandha s-sede tagħha fi Vjenna (l-Awstrija).

12      Il-prenotazzjoni magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-lukanda Jaz Makadi Golf & Spa, li tinsab f’Hurghada (l-Eġittu). Din il‑prenotazzjoni ġiet ikkonfermata minn lastminute.com, li ttrażmettietha lil TUI. Konsegwentement, il-konjuġi Maletic irċevew “konferma/fattura” tal-5 ta’ Jannar 2012 minn TUI li, filwaqt li tinkludi l-elementi tal-vjaġġ prenotat ma’ lastminute.com, issemmi l-isem ta’ lukanda oħra, jiġifieri l-Jaz Makadi Star Resort Spa, f’Hurghada.

13      Kien biss mal-wasla tagħhom f’Hurghada li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ntebħu bl-iżball fir-rigward tal-lukanda u ħallsu prezz addizzjonali ta’ EUR 1 036, sabiex ikunu jistgħu joqogħdu fil-lukanda li kienu inizjalment ipprenotaw fuq is-sit tal-internet ta’ lastminute.com.

14      Fit-13 ta’ April 2012, bil-għan li jirkupraw il-prezz addizzjonali hekk imħallas u sabiex jiġu indennizzati għall-inkonvenjenzi li effettwawlhom il-vaganzi tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw azzjoni legali quddiem il-Bezirksgericht Bludenz intiża sabiex lastminute.com u TUI jiġu kkundannati jħallsuhom is-somma ta’ EUR 1 201.38, bl-interessi u l-ispejjeż.

15      Il-Bezirksgericht Bludenz illimitat l-eżami tagħha għall-verifika tal-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni u, permezz tad-digriet tal-4 ta’ Lulju 2011, hija ċaħditha fir-rigward ta’ TUI, peress li ma kellhiex ġurisdizzjoni territorjali. Skont din il-qorti, ir-Regolament Nru 44/2001 ma huwiex applikabbli għall-kawża bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u TUI, peress li s-sitwazzjoni hija purament interna. Hija ddeċidiet li, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni hija dik tal-ġurisdizzjoni tad-domiċilju tal-konvenut, jiġifieri il-qorti kompetenti ta’ Vjenna u mhux dik ta’ Bludenz.

16      Min-naħa l-oħra, din il-qorti kkunsidrat li, fir-rigward ta’ lastminute.com, inkwantu din il-kumpannija għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja, il-kundizzjoni imposta mill-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, fir-rigward tal-attività diretta lejn l-Awstrija ġiet issodisfatta. B’hekk hija tkkunsidra lilha nnifisha bħala li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu. Fuq dan il-punt, id-digriet sar għandu s-saħħa ta’ res judicata fl-assenza ta’ azzjoni legali ppreżentata minn lastminute.com.

17      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali interponew appell (“Rekurs”) minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn sostnew li l-prenotazzjoni li għamlu kienet mill-bidu nett marbuta b’mod inseparabbli, bħala operazzjoni legali waħda, ma’ lastminute.com, bħala bejjiegħ bl-imnut, u ma’ TUI, bħala organizzatur. Fir-rigward ta’ vjaġġ kollox inkluż, qari flimkien tal-Artikoli 15(3) u 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jikkostitwixxi l-bażi legali tal-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, u anki fir-rigward ta’ TUI.

18      Fir-risposta tagħha, TUI sostniet li l-Bezirksgericht für Handelssachen Wien kellha l-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni li tressaq quddiemha u li l-qorti tal-ewwel istanza kienet ġustament eskludiet l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ operazzjoni legali waħda. Għaldaqstant, wieħed għandu jibbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ żewġ kuntratti virtwalment distinti u jevalwa l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni b’punt ta’ tluq minn din il-premessa.

19      Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxix “sitwazjoni purament interna” u, f’dan ir-rigward, kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “parti l-oħra fil-kuntratt” previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001, f’sitwazzjoni fejn in-negozjant, fi Stat Membru ieħor li mhux dak tad-domiċilju tal-konsumatur, jikkummerċjalizza servizzi ta’ negozjant ieħor, li jkollu s-sede tiegħu fit-territorju ta’ dan l-aħħar Stat, meta konsumatur iressaq kawża kontra din il-“parti l-oħra”, din id-dispożizzjoni tippermettilu li jinvoka d-dritt tiegħu quddiem il-qrati tal-post fejn ikun iddomiċiljat.

20      Skont din il-qorti, peress li r-regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni previsti mill-Artikoli 15 et seq tar-Regolament Nru 44/2001 fil-qasam tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi għandhom l-għan li jipproteġu l-parti l-inqas b’saħħitha fil-kuntratt billi tingħatalha l-possibbiltà tal-għażla tal-qorti u billi tiġi limitata l-possibbiltà ta’ konklużjoni ta’ klawżoli ta’ għażla tal-qorti, din il-protezzjoni ma tkunx tagħmel sens jekk ma jkunx possibbli li jiġu invokati d-drittijiet li l-konsumatur għandu taħt ftehim ta’ prenotazzjoni wieħed fil-konfront taż-żewġ kontraenti quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

21      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Feldkirch iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li jattribwixxi l-ġurisdizzjoni lill-qorti tal-post fejn il-konsumatur ikollu d-domiċilju tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-parti l-oħra (f’dan il-każ aġent tal-ivvjaġġar ibbażat barra mit-territorju nazzjonali) jinqeda b’parti kontraenti oħra (f’dan il-każ operatur ta’ vjaġġi bbażat fit-territorju nazzjonali), l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 44/2001 japplika wkoll, għall-finijiet tal-kawżi mressqa kontra dawn iż-żewġ partijiet, għall-parti kontraenti bbażata fit-territorju nazzjonali?”

 Fuq id-domanda preliminari

22      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “parti l-oħra fil-kuntratt” previst fl-Artikolu 16(1), tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jirreferi, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ukoll għall-parti kontraenti tal-operatur li miegħu l-konsumatur kien ikkonkluda dan il-kuntratt u li għandu s-sede tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur.

23      TUI tikkontesta l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 fir-rigward tagħha u tikkunsidra li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jippreżentaw il-karatteristiċi ta’ sitwazzjoni purament interna, li għaliha japplikaw biss id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-ġurisdizzjoni territorjali.

24      Madankollu, ma huwiex ikkontestat li r-Regolament Nru 44/2001 huwa applikabbli fir-rigward ta’ lastminute.com u li l-qorti tad-domiċilju tal-konjuġi Maletic għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu f’dak li jikkonċerna din il-kumpannija.

25      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 44/2001 huwiex applikabbli għal kontraent bħal TUI u jekk jeżistix element ta’ estranjetà li jista’ jiġġustifika din l-applikazzjoni.

26      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-Konvenzjonijiet ta’ adeżjoni suċċessivi, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni ta’ din il-konvenzjoni jeħtieġu l-eżistenza ta’ element ta’ estranjetà u li n-natura internazzjonali tar-relazzjoni legali inkwistjoni ma għandhiex neċessarjament tirriżulta, għar-rekwiżiti tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (li sar l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001), mill-involviment, minħabba l-mertu tal-kawża jew id-domiċilju rispettiv tal-partijiet fil-kawża, minn diversi Stati kontraenti (ara, f’dan is-sens, sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005, Owusu, C‑281/02, Ġabra p. I‑1383, punti 25 u 26).

27      Għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk tal-imsemmi regolament, peress li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2010, TNT Express Nederland, C-533/08, Ġabra p. I-4107, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Jekk, kif ġie ppreċiżat ukoll fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, in-natura internazzjonali tar-relazzjoni legali inkwistjoni ma għandhiex neċessarjament tirriżulta mill-involviment, minħabba l-mertu tal-kawża jew tad-domiċilju rispettiv tal-partijiet fil-kawża, ta’ diversi Stati Membri, għandu jiġi kkonstatat, l-istess bħalma għamlu l-Kummissjoni u l-Gvern Portugiż, li r-Regolament Nru 44/2001 hija a fortiori applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-element ta’ etsranjetà huwa preżenti, mhux biss f’dak li jikkonċerna l-kumpannija lastminute.com, li mhux ikkontestata, iżda wkoll f’dak li jikkonċerna l-kumpanija TUI.

29      Fil-fatt, anki jekk operazzjoni waħda, bħal dik li wettqu l-konjuġi Maletic li pprenotaw u ħallsu l-vjaġġ kollox inkluż tagħhom minn fuq is-sit tal-internet lastminute.com, tista’ tinqasam f’żewġ relazzjonijiet kuntrattwali distinti, min-naħa waħda, mal-aġenzija tal-ivvjaġġar online lastminute.com u, min-naħa l-oħra, l-organizzatur tal-vjaġġi TUI, din ir-relazzjoni kuntrattwali tal-aħħar ma tistax tiġi kklassifikata bħala “purament interna” peress li hija marbuta b’mod inseparabbli mal-ewwel relazzjoni kuntrattwali, li seħħet permezz tal-intervent tal-imsemmija aġenzija tal-ivvjaġġar fi Stat Membru ieħor.

30      Barra dan, għandhom jiġu kkunsidrati l-għanijiet previsti fil-premessi 13 u 15 tar-Regolament Nru 44/2001, li jikkonċernaw rispettivament il-protezzjoni tal-konsumatur bħala “parti l-inqas b’saħħitha” fil-kuntratt kif ukoll it-tnaqqis “[ta]l-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri.”

31      Dawn l-għanijiet jipprekludu soluzzjoni li tippermetti azzjoni parallela tal-konjuġi Maletic, kemm fi Bludenz kif ukoll fi Vjenna, permezz ta’ kawżi konnessi, ta’ żewġ operaturi involuti fil-prenotazzjoni u l-iżvolġiment tal-vjaġġ kollox inkluż inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “parti l-oħra fil-kuntratt” previst fl-Artikolu 16(1), tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ukoll għall-parti kontraenti tal-operatur li magħha l-konsumatur kien ikkonkluda dan il-kuntratt u li għandha s-sede tagħha fit-territorju tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur.

 Fuq l-ispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-kunċett ta’ “parti l-oħra fil-kuntratt” previst fl-Artikolu 16(1), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ukoll għall-parti kontraenti tal-operatur li magħha l-konsumatur kien ikkonkluda dan il-kuntratt u li għandha s-sede tagħha fit-territorju tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.