Language of document : ECLI:EU:C:2017:236

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

28 ta’ Marzu 2017 (*)

Tabella tas-suġġetti



Il-kuntest ġuridiku

It-Trattati UE u FUE

Il-ftehim ta’ sħubija UE Russja

L-atti kontenzjużi

Id-Deċiżjoni 2014/512

Ir-Regolament Nru 717/2007

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-mertu

Fuq il-punt (a) tat-tieni domanda

Fuq l-osservanza tal-Artikolu 40 TUE mid-Deċiżjoni 2014/512 u r-Regolament Nru 833/2014

Fuq il-validità tal-miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, previsti mid-Deċiżjoni 2014/512 u r-Regolament Nru 833/2014

– Osservazzjonijiet preliminari

– Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl

– Fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

– Fuq l-użu ħażin ta’ poter

– Fuq l-eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn il-kliem tad-Deċiżjoni 2014/512 u dawk tar-Regolament Nru 833/2014.

Fuq il-punt (b) tat-tieni domanda

Fuq l-ammissibbiltà

Fuq il-mertu

Fuq il-punt (a) tat-tielet domanda

Fuq il-punt (b) tat-tielet domanda

Fuq il-punt (c) tat-tielet domanda

Fuq l-ispejjeż

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) – Miżuri restrittivi fir-rigward tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina – Dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK u tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 – Validità – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ftehim ta’ sħubija UE‑Russja – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli – Aċċess għas-suq tal-kapital – Għajnuna finanzjarja – Ċertifikati internazzjonali li jirrappreżentaw titoli (Global Depositary Receipts) – Settur taż-żejt – Talba għal interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ ‘shale’ u ta’ ‘ilmijiet aktar fondi minn 150 metru’ – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑72/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Divisional Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-reġina (qorti diviżjonali), ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

The Queen, fuq it-talba ta’:

PJSC Rosneft Oil Company, li qabel kienet Rosneft Oil Company OJSC,

vs

Her Majesty’s Treasury,

Secretary of State for Business, Innovation and Skills,

The Financial Conduct Authority,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas (Relatur), J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund, C. Vajda, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Frar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal PJSC Rosneft Oil Company, li kienet Rosneft Oil Company OJSC, inizjalment irrappreżentata minn T. Beazley, QC, P. Saini, QC, kif ukoll minn S. Tulip u P. Farmer, barristers, sussegwentement minn L. Van Den Hende, avukat, kif ukoll minn M. Schonberg u K. Krissinel, solicitors,

–        għal The Financial Conduct Authority, minn J. McClelland, barrister, S. Tolaney, QC, u M. A. Chapman, solicitor,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye, bħala aġent, assistita minn M. G. Facenna, barrister,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Hedvábná, J. Vláčil, M. Smolek u E. Ruffer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Lippstreu, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan,, minn K. Kraavi-Käerdi, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn F. Fize, B. Fodda, G. de Bergues u D. Colas, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn A. Miłkowska u M. B. Majczyna, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn A. de Elera-San Miguel Hurtado u S. Boelaert, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf, L. Havas u D. Gauci, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Mejju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, tal‑31 ta’ Lulju 2014, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014 L 229, p. 13), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/872/PESK, tal‑4 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 350, p. 15) (iktar ’il quddiem id‑“Deċiżjoni 2014/512”), kif ukoll il-validità u l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) tal-Kunsill Nru 833/2014, tal-31 ta’ Lulju 2014, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 229, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1290/2014, tal‑4 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 349, p. 20) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 833/2014”) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kontenzjużi”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn PJSC Rosneft Oil Company, li kienet Rosneft Oil Company OJSC (iktar ’il quddiem “Rosneft”), kumpannija rreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ fir-Russja, fil-Her Majesty’s Treasury (it-teżor Brittaniku), f’The Secretary of State for Business, Innovation and Skills (ministeru tal-impriżi, innovazzjoni u kompetenzi), u f’The Financial Conduct Authority (awtorità Brittanika ta’ kontroll tas-settur finanzjarju, iktar ’il quddiem il-“FCA”), dwar miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea fil-konfront ta’ ċerti impriżi Russi, inkluża Rosneft.

 Il-kuntest ġuridiku

 It-Trattati UE u FUE

3        Taħt il-Kapitolu III, intitolat “Dispożizzjonijiet dwar l-istituzzjonijiet”, tat-Trattat UE, l-Artikolu 19 jiddisponi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati. Hija għandha tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.

[…]

3.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha taġixxi skond it-Trattati sabiex:

[…]

b)      tagħti deċiżjonijiet preliminari, fuq talba tal-qrati nazzjonali, fuq l-interpretazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni jew fuq il-validità ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet;

[…]”

4        It-Titolu V tat-Trattat UE huwa intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni u dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni”. Taħt il-Kapitolu 2, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni” ta’ dan it-titolu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) jistipula:

“Il-politika estera u ta’ sigurtà komuni hija suġġetta għal regoli u proċeduri speċifiċi. Hija għandha tkun definita u implimentata mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill li jaġixxu b’mod unanimu, ħlief fejn it-Trattati jipprovdu mod ieħor. L-adozzjoni ta’ atti leġislattivi għandha tkun eskluża. Il-politika estera u ta’ sigurtà komuni għandha titwettaq mir-Rappreżentant Għoli ta’ l-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Istati Membri, skond it-Trattati. Ir-rwoli speċifiċi tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni f’dan il-qasam huma definiti mit-Trattati. Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandhiex ikollha ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ħlief għall- kompetenza tagħha li tissorvelja l-konformità ma’ l-Artikolu 40 ta’ dan it-Trattat u sabiex tikkontrolla l-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet previsti fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 275 tat-Trattat [FUE].”

5        Taħt l-istess kapitolu, l-Artikolu 29 TUE jiddisponi:

“Il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-atteġġament ta’ l-Unjoni lejn materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-linji tal-politika nazzjonali tagħhom ikunu konformi mal-pożizzjonijiet ta’ l-Unjoni”.

6        Dejjem taħt l-istess kapitolu, l-Artikolu 40 TUE jipprevedi:

“L-implimentazzjoni tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni m’għandhiex tolqot l-applikazzjoni tal- proċeduri u l-firxa rispettiva tal-kompetenzi ta’ l-istituzzjonijiet stabbiliti fit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni msemmija fl-Artikoli 3 sa 6 E tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l- Unjoni Ewropea.

Bl-istess mod, l-implimentazzjoni tal-politika prevista f’dawk l-Artikoli m’għandhiex tolqot l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-firxa rispettiva tal-kompetenzi ta’ l-istituzzjonijiet stabbiliti fit-Trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni taħt dan il-Kapitolu.”

7        Il-ħames parti tat-Trattat FUE tirrigwarda l-azzjoni esterna tal-Unjoni. Taħt il-Kapitolu IV ta’ din il-parti, intitolat “Il-miżuri restrittivi”, l-Artikolu 215 jiddisponi:

“1.      Meta deċiżjoni, li tiġi adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat [UE], tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta konġunta tar-rappreżentant għoli ta’ l-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà u tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa. Għandu jinforma b’dan lill-Parlament Ewropew.

2.      Meta deċiżjoni li tkun adottata skond il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat [UE] tipprevedi hekk, il-Kunsill jista’ jadotta miżuri restrittivi taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 1 kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali.

[…]”

8        Is-sitt parti tat-Trattat FUE tinkludi dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji. Taħt it-Titolu I ta’ din il-parti, intitolat “Dispożizzjonijiet li jirregolaw l-istituzzjonijiet”, it-Taqsima 5, dwar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tinkludi l-Artikolu 267, li jiddisponi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha jkollha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar:

a)      l-interpretazzjoni tat-Trattati;

b)      il-validità u l-interpretazzjoni ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, korpi jew organi ta’ l-Unjoni;

Meta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni dwarha.

[…]”

9        Taħt l-imsemmija taqsima, l-Artikolu 275 TFUE jistipula:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea m’għandiex tkun kompetenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, u lanqas fir-rigward ta’ l-atti adottati abbażi tagħhom.

Madankollu, il-Qorti għandha tkun kompetenti sabiex timmonitorja r-rispett taa’ l-Artikolu 40 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi, mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 263 ta’ dan it-Trattat dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

 Il-ftehim ta’ sħubija UERussja

10      Il-ftehim ta’ sħubija u kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Korfu fl-24 ta’ Ġunju 1994 u approvat f’isem il-Komunitajiet Ewropej bid-Deċiżjoni 97/800/KEFA, KE, Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tat‑30 ta’ Ottubru 1997 (ĠU 1997, L 327, p. 1, iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ sħubija UE‑Russja”) jinkludi Titolu XI, intitolat “Dispożizzjonijiet istituzzjonali, ġenerali u finali”, li jiddisponi fl-Artikolu 99 tiegħu:

“Xejn f’dan il-Ftehim ma jipprojbixxi Parti milli tieħu xi miżuri:

1)      li hija tikkunsidra meħtieġa għall-protezzjoni ta’ l-interessi essenzjali tagħha ta’ sigurtà;

[…]

d)      fil-każ ta’ storbji serji interni li jaffettwaw iż-żamma tal-liġi u tal-bon ordni, fi żmien ta’ gwerra jew ta’ tensjoni serja internazzjonali li jikkostitwixxu theddida ta’ gwerra jew sabiex twettaq l-obbligi tagħha li tkun aċċettat bil-għan taż-żamma tal‑paċi u tas-sigurtà internazzjonali.

[…]”

 L-atti kontenzjużi

 Id-Deċiżjoni 2014/512

11      Id-Deċiżjoni 2014/512 ġiet adottata skont l-Artikolu 29 TUE.

12      Il-premessi 1 sa 8 tad-Deċiżjoni 2014/512 jistipulaw iċ-ċirkustanzi li ġew qabel l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi previsti minnha.

13      Skont l-Artikolu 1(2) u (3) ta’ din id-deċiżjoni:

“2.      Il-bejgħ jew ix-xiri b’mod dirett jew indirett, il-provvista b’mod dirett jew indirett ta’ servizzi ta’ investiment, jew l-assistenza fil-ħruġ, jew kwalunkwe negozjar ieħor ta’ bonds, ekwità jew strumenti finanzjarji simili b’maturità li taqbeż it-30 jum, maħruġa wara t-12 ta’ Settembru 2014 minn:

[…]

b)      entitajiet stabbiliti fir-Russja li huma kkontrollati pubblikament jew b’sjieda pubblika ta’ aktar minn 50 % li għandhom assi totali stmati ta’ aktar minn triljun rublu Russu u li tal-inqas 50 % tad‑dħul stmat tagħhom joriġina mill-bejgħ jew it-trasport ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi fit-12 ta’ Settembru 2014, kif elenkat fl-Anness III [jiġifieri, Rosneft, Transneft u Gazprom Neft];

c)      kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit barra l‑Unjoni li aktar minn 50 % minnhom huma proprjetà ta’ entità msemmija [fil-punt] […] (b); jew

d)      kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem, jew taħt id-direzzjoni, ta’ entità fil-kategorija msemmija fil-punt (c) jew elenkata fl-Anness […] III [jiġifieri, Rosneft, Transneft u Gazprom Neft].

3.      Għandu jkun ipprojbit li, b’mod dirett jew indirett, wieħed jagħmel jew ikun parti minn arranġament biex jagħmel self jew kreditu ġdid b’maturità li taqbeż it‑30 jum lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmi fil-paragrafu […] 2, wara t-12 ta’ Settembru 2014 ħlief self jew kreditu li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdi finanzjament għal-importazzjoni jew l‑esportazzjoni mhux projbita ta’ prodotti u ta’ servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u r-Russja jew għal self li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdi finanzjament ta’ emerġenza biex jissodisfa kriterji ta’ solvenza u likwidità għal persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni, li d-drittijiet proprjetarji tagħhom jappartjenu għal aktar minn 50 % lil entità msemmija fl-Anness I [jiġifieri, l-istabbilimenti ta’ kreditu prinċipali jew istituzzjonijiet finanzjarji ta’ żvilupp stabbiliti fir-Russja, miżmuma jew ikkontrollati f’iktar minn 50 % mill-Istat fl‑1 ta’ Awwissu 2014: Sberbank, VTB Bank, Gazprombank, Vnesheconombank u Rosselkhozbank].”

14      L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2014/512 jipprevedi:

“1.      Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, diretti jew indiretti, ta’ ċertu tagħmir adatt għall-kategoriji segwenti ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklużiva u l-Blata Kontinentali tagħha, minn ċittadini tal‑Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu ta’ bastimenti jew ajruplani taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li qed jesporta:

a)      l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

b)      l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill‑kosta fit-tramuntana taċ-Ċirku tal-Artiku;

c)      proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f’formazzjonijiet ta’ shale permezz ta’ fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f’formazzjonijiet ta’ shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan il-paragrafu.

2.      L-għoti ta’:

a)      għajnuna teknika jew servizzi oħra relatati mat-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 1;

b)      finanzjament jew għajnuna finanzjarja għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tat-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 1 jew għall-għoti ta’ assistenza teknika jew taħriġ tekniku relatati;

għandu wkoll ikun soġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill‑awtorità kompetenti tal-Istat Membru li qed jesporta.

3.      L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma għandhom jagħtu l-ebda awtorizzazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tat-tagħmir jew għall-provvista tas-servizzi, kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jekk huma jiddeterminaw li l-bejgħ, il‑forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni kkonċernati jew il‑provvista tas-servizz ikkonċernat ikunu destinati għal waħda mill‑kategoriji ta’ esplorazzjoni u produzzjoni msemmija fil‑paragrafu 1.

4.      Il-paragrafu 3 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Awwissu 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

5.      Tista’ tingħata awtorizzazzjoni fejn il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tal-oġġetti jew il-provvista tas-servizzi, kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, ikunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew fuq l-ambjent. F’każijiet debitament ġustifikati ta’ emerġenza, il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew il-provvista tas-servizzi, kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jistgħu jipproċedu mingħajr awtorizzazzjoni, sakemm l-esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jkunu saru l-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew il-provvista tas-servizzi, filwaqt li jagħti dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew il-provvista ta’ servizzi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.”

15      Skont l-Artikolu 4a ta’ din id-deċiżjoni:

“1.      Il-forniment dirett jew indirett ta’ servizzi assoċjati meħtieġa għall-kategoriji segwenti ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u produzzjoni fir‑Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklużiva u l-Blata Kontinentali tagħha, minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu ta’ bastimenti jew ajruplani taħt il-ġurisdizzjoni tal‑Istati Membri, għandu jkun ipprojbit:

a)      l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

b)      l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-tramuntana taċ-Ċirku tal-Artiku;

c)      proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f’formazzjonijiet ta’ shale permezz ta’ fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f’formazzjonijiet ta’ shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

2.      Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratti jew ftehimiet qafas konklużi qabel it-12 ta’ Settembru 2014 jew kuntratti anċillari neċessarji għall‑eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti.

3.      Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fejn is-servizzi inkwistjoni jkunu neċessarji għall-prevenzjoni jew il‑mitigazzjoni urġenti ta’ xi avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent.”

16      L-Artikolu 7 tal-imsemmija deċiżjoni jiddisponi:

“1.      L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni fejn il-prestazzjoni ta’ dawn ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

a)      entitajiet [...] imsemmijin fil-punt (c) jew (d) tal-Artikolu 1(2), jew elenkati fl-Anness […] III [jiġifieri Rosneft, Transneft u Gazprom Neft] […];

b)      kwalunkwe persuna, entità jew korp ieħor Russu; jew

c)      kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxi permezz ta’ jew f’isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil‑punti (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu.

2.      Fi kwalunkwe proċediment għall-infurzar ta’ pretensjoni, l-obbligu biex ikun pruvat li mhux ipprojbit mill-paragrafu 1 li l-pretensjoni tintlaqa’ għandu jkun fuq il-persuna li tkun qed tfittex l-infurzar ta’ dik il-pretensjoni.

3.      Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal reviżjoni ġudizzjarja tal-legalità tan-nuqqas ta’ prestazzjoni ta’ obbligi kuntrattwali skont din id-Deċiżjoni.”

 Ir-Regolament Nru 717/2007

17      Skont il-premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014:

“[…] Huwa […] meqjus xieraq li jiġu applikati miżuri restrittivi addizzjonali bil-għan li jikber il-kost tal-azzjonijiet tar-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi. […]”

18      L-Artikolu 1(f)(i) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi t-“titoli trasferibbli” bħala li huma jkopru, b’mod partikolari, ishma f’kumpanniji jew titoli oħra ekwivalenti għall-ishma f’kumpanniji, sħubijiet jew entitajiet oħra, u l-irċevuti depożitarji rigward l-ishma.

19      Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament:

“1.      Għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ oġġetti kif elenkati fl-Anness II, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha jew f’kull Stat ieħor, jekk tali oġġetti jkunu għall‑użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha.

2.      Għall-bejgħ, fornimenti, trasferimenti jew esportazzjonijiet kollha li jeħtieġu awtorizzazzjoni taħt dan l-Artikolu, tali awtorizzazzjoni għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur u għandha tkun f’konformità mar-regoli dettaljati stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 428/2009. L-awtorizzazzjoni tkun valida fl-Unjoni kollha.

3.      L-Anness II jinkludi ċerti oġġetti adattati għall-kategoriji segwenti ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha:

a)      esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt f’ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

b)      esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-Tramuntana taċ-Ċirku Artiku; jew

c)      proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f’formazzjonijiet ta’ shale permezz ta’ fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f’formazzjonijiet ta’ shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

4.      L-esportaturi jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni.

5.      L-awtoritajiet kompetenti ma jagħtu awtorizzazzjoni għall-ebda bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ oġġetti inklużi fl-Anness II, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti huma maħsubin għal xi waħda mill-kategoriji ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u l-produzzjoni msemmija fil-paragarfu 3.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, madankollu, jagħtu awtorizzazzjoni fejn il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni jirrigwardaw l-eżekuzzjoni ta’ obbligu li jirriżulta minn kuntratt konkluż qabel l-1 ta’ Awwissu 2014 jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jagħtu awtorizzazzjoni fejn il‑bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tal-oġġetti jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is‑saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent. F’każijiet debitament ġustifikati ta’ emerġenza, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l‑esportazzjoni jistgħu jipproċedu mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel sakemm l-esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jkunu saru l-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni, filwaqt li jagħti dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

6.      Bil-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jannullaw, jissospendu, jimmodifikaw jew jirrevokaw awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni li huma jkunu diġà taw.

7.      Meta awtorità kompetenti tiċħad li tagħti awtorizzazzjoni, jew tannulla, tissospendi, tillimita sostanzjalment jew tirrevoka awtorizzazzjoni f’konformità mal-paragrafu 5 jew 6, l-Istat Membru kkonċernat jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar dan u jikkondividi l-informazzjoni relevanti magħhom, filwaqt li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 [, tat‑13 ta’ Marzu 1997, dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn ta’ l-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 217)].

8.      Qabel ma Stat Membri jagħti awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 5 għal tranżazzjoni li hija essenzjalment identika għal tranżazzjoni li hija s-soġġett ta’ ċaħda li tkun għadha valida maħruġa minn Stat Membru ieħor jew minn Stati Membri oħra taħt il-paragrafi 6 u 7, l-ewwel jikkonsulta lill-Istat jew Stati Membri li jkunu ħarġu ċ‑ċaħda. Jekk, wara dawn il-konsultazzjonijiet, l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi li jagħti l-awtorizzazzjoni, huwa jinforma lill‑Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b’dan, filwaqt li jipprovdi l-informazzjoni relevanti kollha biex jispjega d-deċiżjoni.”

20      L-Artikolu 3a ta’ dan l-istess regolament jipprevedi:

“1.      Għandu jkun ipprojbit il-forniment, dirett jew indirett, tas‑servizzi assoċjati li jkunu meħtieġa għall-kategoriji segwenti ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha:

a)      esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt f’ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

b)      esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-tramuntana taċ-Ċirku Artiku; jew

c)      proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f’formazzjonijiet ta’ shale permezz ta’ fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f’formazzjonijiet ta’ shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, servizzi assoċjati tfisser:

i)      it-tħaffir

ii)      ittestjar ta’ bjar,

iii)      servizzi ta’ logging u tlestija,

iv)      forniment ta’ bastimenti speċjalizzati li jżommu f’wiċċ l-ilma.

2.      Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu li jirriżulta minn kuntratt jew ftehim qafas konkluż qabel it-12 ta’ Settembru 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt.

3.      Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fejn is‑servizzi inkwistjoni jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il‑mitigazzjoni urġenti ta’ avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent.

Il-fornitur tas-servizz għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara kwalunkwe attività li tkun saret taħt dan il-paragrafu, filwaqt li jagħti dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni.”

21      L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 833/2014 huwa fformulat kif ġej:

“[…]

3.      Il-forniment ta’ dawn li ġejjin għandu jkun soġġett għal awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti kkonċernata:

a)      assistenza teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ oġġetti elenkati fl-Anness II, u mal-forniment, il-manifattura, il‑manutenzjoni u l-użu ta’ dawk l-oġġetti, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l‑Blata Kontinentali tagħha, jekk tali assistenza tikkonċerna oġġetti għall-użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi kwalunkwe Stat ieħor;

b)      il-finanzjament jew l-assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti msemmija fl-Anness II, inklużi b’mod partikolari l-għotjiet, is‑self u l-assigurazzjoni fuq il-kreditu għall-esportazzjoni, għal kull bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawk il‑prodotti, jew għal kull forniment ta’ assistenza teknika relatata, direttament jew indirettament, lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha jew, jekk tali assistenza tirrigwarda oġġetti għall-użu fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklussiva u l-Blata Kontinentali tagħha, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi kwalunkwe Stat ieħor.

F’każijiet debitament ġustifikati ta’ emerġenza msemmija fl‑Artikolu 3(5), il-provvista tas-servizzi msemmija f’dan il-paragrafu tista’ tipproċedi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, sakemm l-esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara l-provvista tas-servizzi.

4.      Fejn l-awtorizzazzjonijiet huma mitluba skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 3, u b’mod partikolari l-paragrafi 2 u 5 tiegħu, għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

22      Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament:

“[…]

2.      Għandu jkun ipprojbit li b’mod dirett jew indirett jinxtraw, jinbiegħu, jiġu pprovduti servizzi ta’ investiment għal, jew assistenza fil-ħruġ ta’, jew li b’xi mod ieħor isir negozjar f’titoli trasferibbli u strumenti fis-suq tal-flus b’maturità li taqbeż it-30 jum, maħruġa wara t‑12 ta’ Settembru 2014 minn:

[…]

b)      persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti fir-Russja, taħt kontroll pubbliku jew li aktar minn 50 % tagħhom jaqa’ taħt sjieda pubblika u li għandhom assi totali stmati ta’ aktar minn triljun rublu Russu, u li tal-inqas 50 % tad-dħul stmat tagħhom joriġina mill-bejgħ jew it-trasport taż-żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi, kif elenkati fl-Anness VI [jiġifieri, Rosneft, Transneft, Gazprom Neft];

c)      persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra l-Unjoni li iktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikun, direttament jew indirettament, taħt is-sjieda ta' entità elenkata fil-punt (a) jew (b) ta' dan il-paragrafu; jew

d)      persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f’isem jew taħt id‑direzzjoni ta’ entità msemmija fil-punt (a), (b) jew (c) ta’ dan il-paragrafu.

3.      Għandu jkun ipprojbit li, b’mod dirett jew indirett, wieħed jagħmel jew ikun parti minn arranġament biex jagħmel self jew kreditu ġdid b’maturità li taqbeż it-30 jum lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew kor p imsemmijin fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, wara t‑12 ta’ Settembru 2014.

Il-projbizzjoni ma tapplikax għal:

a)      self jew kreditu li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat biex jipprovdi finanzjament għal importazzjonijiet jew esportazzjonijiet mhux projbiti ta’ prodotti u servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u kwalunkwe Stat terz, inkluż l-infiq għal oġġetti u servizzi minn kwalunkwe Stat terz li jkun meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti ta’ esportazzjoni jew importazzjoni; jew

b)      selfiet li jkollhom objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdu finanzjament ta’ emerġenza biex jissodisfaw kriterji ta’ solvenza u likwidità għal persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni, li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu ta’ xi entità msemmija fl-Anness III [jiġifieri, Sberbank, VTB Bank, Gazprombank, Vnesheconombank (VEB) u Rosselkhozbank].

[…]”

23      L-Artikolu 8(1) tal-istess regolament jipprevedi:

“L-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet previsti jridu jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.”

24      L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 833/2014 jiddisponi:

“1.      L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

a)      entitajiet imsemmija fil-punti […] (c) u (d) tal-Artikolu 5(2), jew elenkati fl-[Anness] VI [jiġifieri, Rosneft, Transneft u Gazprom Neft];

b)      kwalunkwe persuna, entità jew korp Russu ieħor;

c)      kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxi permezz ta’ jew f’isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil‑punti (a) jew (b) ta’ dan il-paragrafu.

2.      Fi kwalunkwe proċedura għall-infurzar ta’ pretensjoni, l-obbligu biex tingħata prova li mhux ipprojbit mill-paragrafu 1 li l-pretensjoni tintlaqa’ għandu jkun fuq il-persuna li tkun qed tfittex l-infurzar ta’ dik il-pretensjoni.

3.      Dan l-Artikolu huwa bla ħsara għad-dritt tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità li ma jintlaħqux l-obbligi kuntrattwali f’konformità ma’ dan ir-Regolament.”

25      L-Anness II tar-Regolament Nru 833/2014 jelenka l-artikli li l-bejgħ, il-kunsinna, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom lejn ir-Russja huwa suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel, konformement mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

26      Wara li kkundannaw, fis‑6 ta’ Marzu 2014, il-“ksur mill‑Federazzjoni Russa, mingħajr ma kien hemm provokazzjoni, tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna”, il-kapijiet tal-Istat jew tal-gvern tal-Istati Membri tal-Unjoni ddeċidew li jissospendu t-taħditiet bilaterali mal-Federazzjoni Russa dwar il-viżi kif ukoll dwar il-ftehim ġdid komprensiv li kellu jissostitwixxi l-ftehim ta’ sħubija UE‑Russja u ddikjaraw li kull miżura oħra mill-Federazzjoni Russa li tkun ta’ natura li tiddistabbilizza s-sitwazzjoni fl-Ukraina kienet se twassal għal konsegwenzi ta’ portata kunsiderevoli għar-relazzjonijiet bejn, minn naħa, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u, min-naħa l-oħra, il-Federazzjoni Russa, u dan f’numru kbir ta’ oqsma ekonomiċi.

27      Sussegwentement, matul l‑2014, il-Kunsill stabbilixxa, fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), numru ta’ miżuri restrittivi b’reazzjoni għall-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa meqjusa li jiddistabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina. Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni f’dan l-Istat minkejja l-adozzjoni, f’Marzu 2014, ta’ restrizzjonijiet fil-qasam tal-ivvjaġġar kif ukoll iffriżar tal-assi kontra ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi, il-Kunsill adotta, fil‑31 ta’ Lulju 2014, id-Deċiżjoni 2014/512, emendata sussegwentement f’Settembru u f’Diċembru tal-istess sena, sabiex jiġu introdotti miżuri restrittivi identifikati fl-oqsma tal-aċċess għas-swieq tal-kapital, tad-difiża, ta’ oġġetti b’użu doppju u ta’ teknoloġija sensittiva, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija.

28      Peress li qies li dawn il-miżuri tal-aħħar kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE u li l-implementazzjoni tagħhom kienet teħtieġ azzjoni regolatorja fuq il-livell tal-Unjoni, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 833/2014, li jinkludi dispożizzjonijiet iktar iddettaljati sabiex jimplementa, kemm fuq il-livell tal-Unjoni kif ukoll fl-Istati Membri, ir-rekwiżiti tad-Deċiżjoni 2014/512. Inizjalment adottat fl-istess jum ta’ din id-deċiżjoni, dan ir-regolament ġie adattat flimkien mal-imsemmija deċiżjoni sabiex jirrifletti l-emendi magħmula għalih sussegwentement.

29      L-għan iddikjarat ta’ dawn il-miżuri restrittivi kien li jkabbar l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi. Għal dan l-għan, id-Deċiżjoni 2014/512 stabbilixxiet, b’mod partikolari, projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti u ta’ teknoloġija sensittiva intiża għas-settur taż-żejt fir-Russja kif ukoll restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tal-kapital Ewropew għal ċerti operaturi ta’ dan is-settur.

30      Rosneft hija kumpannija rreġistrata fir-Russja, speċjalizzata fis-setturi taż-żejt u tal-gass. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, 69.5 % tal-azzjonijiet ta’ din il-kumpannija huma miżmuma minn Rosneftegaz OJSC, organu miżmum mill-Istat Russu. Minoranza tal-azzjonijiet ta’ Rosneft, jiġifieri 19.75 %, hija miżmuma minn BP Russian Investments Ltd., sussidjarja tal-kumpannija taż-żejt Brittanika BP plc. L-10.75 % l-oħra tal-kapital azzjonarju ta’ Rosneft huwa kkwotat fil-borża. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-attivitajiet ta’ Rosneft, kif ukoll tal-kumpanniji tal-grupp tagħha, jinkludu l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi, proġetti upstream offshore, l-irfinar ta’ idrokarburi kif ukoll il-bejgħ taż-żejt, tal-gass u ta’ prodotti fir-Russja u fl-esteru. L-attivitajiet ta’ esplorazzjoni tagħha jinkludu operazzjonijiet f’ilmijiet fondi iktar minn 150 metru, fir-reġjun tal-Artiku, u f’formazzjonijiet ta’ shale.

31      Sa mit‑8 ta’ Settembru 2014, id-Deċiżjoni 2014/512 u, konsegwentement, ir-Regolament Nru 833/2014, isemmu lil Rosneft fl-annessi tagħhom bħala entità koperta minn parti mir-restrizzjonijiet implementati minn dawn l-atti.

32      Rosneft ippreżentat rikorsi kontra l-miżuri restrittivi kemm quddiem il-qorti tal-Unjoni kif ukoll quddiem il-qrati nazzjonali fir-Renju Unit. Fid‑9 ta’ Ottubru 2014 hija ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, rikors li għadu pendenti, intiż għall-annullament tal-atti kontenzjużi. Sussegwentement, fl‑20 ta’ Novembru 2014, din il-kumpannija ppreżentat rikors għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Divisional Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-reġina (qorti diviżjonali), ir-Renju Unit]. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura tal-aħħar, Rosneft targumenta li kemm il-miżuri restrittivi meħuda mill-Kunsill kif ukoll il-miżuri nazzjonali intiżi li jimplementaw dawn tal-aħħar huma invalidi.

33      Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikors għal stħarriġ ġudizzjarju ppreżentat quddiemha jirrigwarda, prinċipalment, il-miżuri nazzjonali adottati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-atti tal-Unjoni li jimponu l-miżuri restrittivi kkontestati. Dan l-istħarriġ ġudizzjarju jirrigwarda, minn naħa, il-legalità tal-leġiżlazzjoni li timponi sanzjonijiet kriminali għal ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014 dwar is-servizzi finanzjarji u s-settur taż-żejt u, min-naħa l-oħra, dwar l-eżattezza ta’ ċerti dikjarazzjonijiet tal-FCA dwar il-kunċett ta’ “għajnuna finanzjarja” u l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għat-titoli trasferibbli li jkunu għadhom kemm inħarġu taħt il-forma ta’ ċertifikati internazzjonali li jirrappreżentaw titoli (Global Depository Receipts”, iktar ’il quddiem il-“GDR”).

34      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-imsemmi rikors ikopri wkoll il-validità ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, hija tqis, billi tagħmel riferiment għas-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost (314/85, EU:C:1987:452), li hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-validità ta’ dawn l-atti. Filwaqt li ma tixtieqx tieħu pożizzjoni dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq tali stħarriġ f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari atti adottati fil-kuntest tal-PESK, il-qorti tar-rinviju tfakkar, madankollu, li l-miżuri adottati f’dan il-qasam jista’ jkollhom konsegwenzi gravi għal persuni fiżiċi u ġuridiċi u li l-prinċipju tal-aċċess għal qorti sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tal-atti tal-eżekuttiv huwa ta’ natura fundamentali.

35      Skont l-imsemmija qorti, Rosneft tqis, essenzjalment, li, fl-ewwel lok, l-atti kontenzjużi jmorru kontra diversi artikoli tal-ftehim ta’ sħubija UE‑Russja. Fit-tieni lok, huma ma josservawx l-obbligu ta’ motivazzjoni, previst fl-Artikolu 296 TFUE, u, konsegwentement, id-dritt għal smigħ xieraq u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fit-tielet lok, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti dwar is-settur taż-żejt huma inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-adozzjoni tagħhom tikkostitwixxi użu ħażin ta’ poter mill-Kunsill. Fir-raba’ lok, dawn id-dispożizzjonijiet huma sproporzjonati fid-dawl tal-għan imfittex mill-imsemmija atti u jikser il-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà ta’ Rosneft. Fil-ħames lok, ir-Regolament Nru 833/2014 ma jimplementax id-Deċiżjoni 2014/512 b’mod korrett. Fl-aħħar, fis-sitt lok, sa fejn l-Istati Membri kellhom l-obbligu jimplementaw sanzjonijiet sabiex jiggarantixxu l-implementazzjoni tal-atti kontenzjużi, in-nuqqas ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom jikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege.

36      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-atti kontenzjużi huma validi, il-qorti tar-rinviju għandha xi dubji dwar l-interpretazzjoni tagħhom. Peress li tqis li l-kliem tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fl-Unjoni kollha, hija tispjega li, matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, ikkonstatat xi diverġenzi fil-prattika tal-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħrajn f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil ċerti dispożizzjonijiet tal-atti kontenzjużi.

37      Il-qorti tar-rinviju tikkonkludi billi tispeċifika li hija eżaminat l-argumenti tal-partijiet fil-kawża prinċipali fuq il-possibbiltà li tiġi indirizzata talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-proċedura, sa fejn, b’mod partikolari, Rosneft kienet diġà ppreżentat rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali dwar l-atti kontenzjużi. Hija tqis, madankollu, li, skont il-ġurisprudenza li ssegwi mis-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods u HB (C‑344/98, EU:C:2000:689), hija hi li għandha tevalwa jekk hemmx lok li tissospendi l-proċeduri sakemm tingħata deċiżjoni definittiva fuq tali rikors għal annullament, jew jekk għandhiex titressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Divisional Court) [qorti tal-ġustizzja għolja (l-Ingilterra u Wales), taqsima tal-qorti tar-reġina (qorti diviżjonali)], iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikolu 19(1), (24) u (40) TUE, tal-Artikolu 47 [tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea] u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, dwar il-validità tal-Artikolu 1(2)(b) sa (d), u (3), tal-artikoli 4, 4a u 7 u tal-Anness III tad-deċiżjoni 2014/512?

2)      a)      hija invalida waħda jew iktar mis-segwenti dispożizzjonijiet (iktar ’il quddiem il-‘miżuri kkonċernati’) tar-Regolament Nru 833/2014 u, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti, hija invalida wkoll id-Deċiżjoni 2014/512?

i)      l-Artikoli 4 u 4a tad-deċiżijoni;

ii)      l-Artikoli 3, 3a, 4(3) u (4) u l-Anness II tar-Regolament Nru 833/2014;

(iktar ’il quddiem, meħuda flimkien bħala, id-‘dispożizzjonijiet marbuta mas-settur taż-żejt’);

iii)      l-Artikolu [1(2)](b) sa (d) u (3) u l-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512;

iv)      l-Artikolu 5(2)(b) sa (d) u (3) u l-Anness VI tar-Regolament Nru 833/2014;

(iktar ’il quddiem, meħuda flimkien bħala, id-‘dispożizzjonijiet marbuta mat-titoli trasferibbli u mas-self’);

v)      l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2014/512;

vi)      l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 833/2014.

2)      b)      F’każ li l-miżuri kkonċernati jkunu validi, tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa) l-impożizzjoni minn Stat Membru ta’ sanzjonijiet penali, abbażi tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 833/2014, qabel ma jkun ġie speċifikat b’mod suffiċjenti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur ikkonċernat mill-Qorti tal-Ġustizzja?

3)      F’każ li l-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet ikkonċernati, imsemmija fid-domanda 2(a) ikunu [validi]:

a)      It-terminu ‘għajnuna finazjarja’ li jinsab fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 833/2014 jinkludi l-ipproċessar ta’ pagament minn bank jew minn organu finanzjarju ieħor?

b)      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 833/2014 jipprojbixxi l-ħruġ ta’ ċertifikati internazzjonali ([…] ‘GDR’) maħruġa fit-12 ta’ Settemebru 2014 u wara din id-data skont ftehim ta’ depożitu mal-entitajiet elenkati fl-Anness VI, jew kull tranżazzjoni li tikkonċerna lil dawn tal-aħħar, meta dawn ikunu rappreżentattivi ta’ azzjonijiet ta’ waħda minn dawn l-entitajiet li nħarġu qabel it-12 ta’ Settembru 2014?

c)      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li jeżisti nuqqas ta’ preċiżjoni li tista’ tiġi solvuta b’mod adegwat minn elementi ġodda ta’ gwida pprovduti minnha, kif għandhom jiġu interpretati l-kliem ‘shale’ u ‘ilmijiet b’fond ta’ iktar minn 150 metru’ li jinsabu fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 2014/512 u fl-Artikoli 3 u 3a tar-Regolament Nru 833/2014? B’mod partikolari, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan huwa neċessarju u adegwat, hija tista’ tagħti interpretazzjoni ġeoloġika tal-kelma ‘shale’ li għandha tintuża sabiex timplementa dan ir-regolament, u tispeċifika jekk il-miżura ta’ ‘ilmijiet b’fond ta’ iktra minn 150 metru’ għandhiex tittieħed mill-punt tat-tħaffir jew minn xi punt ieħor?”

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

39      Permezz ta’ att ippreżentat fl‑10 ta’ Awwissu 2016, Rosneft talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

40      Insostenn tat-talba tagħha, hija targumenta, l-ewwel nett, li l-analiżi magħmula f’din il-kawża mill-Avukat Ġenerali, fil-konklużjonijiet tiegħu tal‑31 ta’ Mejju 2016, hija żbaljata f’dak li jirrigwarda l-obbligu impost fuq il-Kunsill li jimmotiva l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Din l-analiżi turi wkoll komprensjoni ineżatta tad-differenzi li jeżistu bejn l-imsemmija miżuri restrittivi u dawk adottati mill-Unjoni fil-kuntest tal-programm nukleari tal-Iran u, għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tikseb informazzjoni addizzjonali dwar dan. Barra minn hekk, l-Avukat Ġenerali janalizza l-kunċett ta’ “atti leġiżlattivi”, fis-sens tal-Artikolu 31 TUE, b’mod differenti mill-approċċ issuġġerit fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑455/14 P, EU:C:2016:212), moqrija wara li nżammet is-seduta għas-sottomissjonijiet orali f’din il-kawża. Fl-aħħar nett, il-proċedura orali għandha terġa’ tinfetaħ sa fejn kemm il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-possibbiltajiet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi tagħha jistgħu jevolvu b’mod rapidu wara r-riżultat tar-referendum li nżamm fit‑23 ta’ Ġunju 2016 fir-Renju Unit fuq is-sħubija ta’ dan l-Istat fl-Unjoni Ewropea.

41      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2011, Accor, C‑310/09, EU:C:2011:581, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bħala risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et, C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dak li jirrigwarda l-osservazzjonijiet ta’ Rosneft dwar l-argument fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali f’din il-kawża, għandu jiġi rrilevat li dawn huma intiżi, fil-parti l-kbira tagħhom, li jikkritikaw il-konklużjonijiet tiegħu. Issa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti jirriżulta li s-sottomissjoni ta’ tali osservazzjonijiet ma hijiex prevista mill-atti li jirregolaw il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

43      Fir-rigward, barra minn hekk, tat-talba intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali minħabba r-referendum tat‑23 ta’ Ġunju 2016 fir-Renju Unit dwar is-sħubija ta’ dan l-Istat Membru fl-Unjoni Ewropea, Rosneft ma tispjegax b’liema mod dan l-avveniment jista’ jaffettwa, fih innifsu, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew in-natura vinkolanti tas-sentenzi tagħha.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha f’dan il-każ l-elementi kollha meħtieġa sabiex twieġeb għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-argumenti kollha meħtieġa sabiex tiġi deċiża l-kawża inkwistjoni ġew diskussi bejn il-partijiet.

45      Konsegwentement, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

46      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 19, 24 u 40 TUE, l-Artikolu 275 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, fuq il-validità ta’ att adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK, bħad-Deċiżjoni 2014/512.

47      Qabel tingħata deċiżjoni fil-mertu ta’ din id-domanda, għandhom jiġu eżaminati l-oġġezzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tagħha magħmula minn ċerti partijiet ikkonċernati.

 Fuq l-ammissibbiltà

48      Il-Gvern Estonjan u l-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kunsill iqisu li l-ewwel domanda hija inammissibbli. Peress li jqisu li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx ir-relazzjoni li teżisti bejn din id-domanda u l-proċedura ġudizzjarja fuq il-livell nazzjonali, huma għandhom xi dubji dwar il-ħtieġa ta’ risposta għal din id-domanda. Barra minn hekk, il-Kunsill jargumenta li l-kwistjonijiet imqajma fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu riżolti fid-dawl tar-Regolament Nru 833/2014 biss, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar il-validità tad-Deċiżjoni 2014/512.

49      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta tqum domanda dwar il-validità ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi jekk deċiżjoni preliminari dwar dak il-punt hijiex meħtieġa sabiex tagħti s-sentenza tagħha u, għaldaqstant, tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar dik id-domanda. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jirrigwardaw il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata, bħala regola, li tiddeċiedi (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, biss meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti dwar x’għandha tinkludi talba għal deċiżjoni preliminari msemmija fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunux osservati jew meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mal-għan tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew meta l-problema hija ta’ natura ipotetika [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 35; tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 19, kif ukoll tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 54].

51      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512 hija kkontestata minn Rosneft fil-proċedura fil-kawża prinċipali. Skont il-qorti tar-rinviju, it-trattazzjoni quddiemha rrigwardat, b’mod partikolari, il-proposta li, fl-assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq il-validità ta’ din id-deċiżjoni, huwa għall-istess qorti tar-rinviju li tiżgura li jeżistu r-rimedji ġudizzjarji meħtieġa sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-qasam tal-PESK, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

52      Sa fejn il-qorti tar-rinviju tqis li hija għandha tanalizza l-ġurisdizzjoni tagħha stess skont dik tal-Qorti tal-Ġusizzja, l-ewwel domanda dwar il-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar għandha relazzjoni diretta mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

53      Barra minn hekk, għandu jitqies li l-eżami biss tal-kwistjonijiet imqajma fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-Regolament Nru 833/2014 jista’ jkun insuffiċjenti sabiex tingħata tweġiba għall-preokkupazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar il-validità tal-miżuri restrittivi kkonċernati.

54      Fil-fatt, l-imsemmija qorti tqis li n-natura mhux ikkontestabbli tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati fil-kuntest tal-PESK tista’ timmina d-dritt fundamentali ta’ aċċess għall-ġustizzja u tfakkar li l-Artikolu 19 TUE jeżiġi li tkun żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

55      Għaldaqstant, minn naħa, sa fejn il-validità ta’ regolament adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE teħtieġ l-adozzjoni minn qabel ta’ deċiżjoni valida konformement mad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK, il-kwistjoni tal-validità tad-Deċiżjoni 2014/512 tidher rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

56      Għandu jitfakkar, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw, skont l-Artikolu 29 TUE, li l-politiki nazzjonali tagħhom ikunu konformi mal-pożizzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti fil-qasam tal-PESK. Minn dan isegwi li l-invalidità eventwali tar-Regolament Nru 833/2014, bħala prinċipju, ma taffettwax l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-politiki nazzjonali tagħhom ikunu konformi mal-miżuri restrittivi stabbiliti skont id-Deċiżjoni 2014/512. Għaldaqstant, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni teżamina l-validità tad-Deċiżjoni 2014/512, tali eżami huwa meħtieġ għad-determinazzjoni tal-portata tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk ir-Regolament Nru 833/2014 huwiex validu.

57      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

58      Il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern Ċek, il-Gvern Estonjan, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kunsill iqisu li, skont l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE, u l-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni tagħti deċiżjoni preliminari fuq il-validità tad-Deċiżjoni 2014/512.

59      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE ma jeskludux li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-validità tad-Deċiżjoni 2014/512 anki fil-kuntest ta’ deċiżjoni preliminari. Madankollu, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ġurisdizzjoni f’tali sitwazzjoni, minn naħa, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali li jadixxi l-qorti nazzjonali għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u, min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-proċedura jrid ikun l-eżami tal-legalità ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi. Il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti.

60      Preliminarjament, minkejja li, skont l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK kif ukoll tal-atti adottati abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 39), għandu jitfakkar, madankollu, li t-trattati jistabbilixxu b’mod espliċitu żewġ eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju. Fil-fatt, minn naħa, kemm l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE, kif ukoll it-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, jipprevedu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tissorvelja l-konformità tal-Artikolu 40 TUE. Min-naħa l-oħra, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Min-naħa tagħha, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi, imressqa skont il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dwar l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill, adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK, li jipprevedu miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

61      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-ewwel domanda tinkludi, essenzjalment, żewġ kwistjonijiet. L-ewwel nett, hija intiża li tiddetermina jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ, bis-saħħa ta’ talba għal deċiżjoni preliminari magħmula minn qorti nazzjonali skont l-Artikolu 267 TFUE, l-osservanza, mill-Kunsill, tal-Artikolu 40 TUE meta dik l-istituzzjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/512. It-tieni nett, hija għandha l-għan li tivverifika jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tal-miżuri restrittivi meħuda fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li l-adozzjoni tagħhom hija prevista minn din id-deċiżjoni, mhux biss meta dawn il-persuni jagħmlu rikors għal annullament kontra dawn il-miżuri quddiem il-Qorti tal-Unjoni, skont l-Artikoli 256 u 263 TFUE, iżda wkoll fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, minn qorti nazzjonali li għandha xi dubji dwar il-validità ta’ tali miżuri.

62      F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarreġ l-osservanza tal-Artikolu 40 TUE, għandu jiġi rrilevat li t-trattati ma jipprevedu ebda modalità partikolari sabiex jitwettaq tali stħarriġ ġudizzjarju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-istħarriġ jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ġenerali li l-Artikolu 19 TUE jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-trattati. Billi jipprevedi tali ġurisdizzjoni ġenerali, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 19(b) TUE jindika, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha taġixxi, f’talba għal deċiżjoni preliminari, fuq it-talba tal-qrati nazzjonali, b’mod partikolari fuq il-validità ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

63      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà tad-Deċiżjoni 2014/512 mal-Artikolu 40 TUE.

64      Fit-tieni lok, il-kwistjoni hija dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari fuq il-validità tad-deċiżjonijiet adottati fil-qasam tal-PESK, bħad-Deċiżjoni 2014/512, meta dawn jipprevedu miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

65      Konformement mal-formulazzjoni tal-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, it-trattati jattribwixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jipprevedu miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Għaldaqstant, minkejja li l-Artikolu 24(1) TUE jagħti s-setgħa lill-Qorti tal-Ġustizzja li tistħarreġ il-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikorsi, imressqa skont il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dwar dan l-istħarriġ ta’ legalità.

66      L-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura skont it-trattati huwa bbażat, skont ġurisprudenza stabbilita, fuq żewġ proċeduri ġudizzjarji kumplimentari. Fil-fatt, it-Trattat FUE, minn naħa, fl-Artikoli 263 u 277 tiegħu u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 267 tiegħu, jistabbilixxi sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, billi ħallih fir-responsabbiltà tal-qorti tal-Unjoni (sentenzi tat‑23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punt 23; tal‑25 ta’ Lulju 2002, 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill, C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punt 40, kif ukoll tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 92).

67      Huwa inerenti f’din is-sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri li l-partijiet fil-kawża jkollhom, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem qorti nazzjonali, id-dritt li jikkontestaw il-legalità tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’atti tal-Unjoni, li huma ta’ bażi għal deċiżjoni jew għal att nazzjonali meħuda fil-konfront tagħha, filwaqt li teċċepixxi l-invalidità ta’ dawn tal-aħħar, u titlob lil dik il-qorti, li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata hija stess tali invalidità, sabiex f’dan ir-rigward tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm huma ma kellhomx, mingħajr ebda dubju, id-dritt li jippreżentaw rikors kontra l-imsemmija dispożizzjonijiet abbażi tal-Artikolu 263 TFUE u naqsu milli jużaw dan id-dritt fit-termini mogħtija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C‑239/99, EU:C:2001:101, punti 35 u 36; kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, EU:C:2010:382, punti 45 u 46).

68      Għaldaqstant, ir-rinviju preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità jikkostitwixxi, bl-istess mod bħar-rikors għal annullament, mezz ta’ stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, EU:C:1987:452, punt 16, tal‑21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, C‑143/88 u C‑92/89, EU:C:1991:65, punt 18; tas‑6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, EU:C:2005:741, punt 103, kif ukoll tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 95).

69      Din il-karatteristika essenzjali tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja tal-Unjoni testendi għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet li jipprevedu l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi fil-kuntest tal-PESK.

70      Fil-fatt, la mit-Trattat UE u lanqas mit-Trattat FUE ma jirriżulta li r-rikors għal annullament ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, skont id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien mal-Artikoli 256 u 263 TFUE, jikkostitwixxi l-uniku mezz sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet li jipprevedu miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, minbarra, b’mod partikolari, tar-rinviju preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità. F’dan ir-rigward, l-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE tagħmel riferiment lura għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE sabiex tiġi ddeterminata mhux it-tip ta’ proċedura li fil-kuntest tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet, iżda t-tip ta’ deċiżjonijiet li l-legalità tagħhom tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ kull proċedura li għandha l-għan ta’ tali stħarriġ ta’ legalità.

71      Issa, peress li l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni li tipprevedi miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi taqa’ parzjalment taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, ir-rinviju preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità jissodisfa funzjoni essenzjali sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari meta, bħal fil-kawża prinċipali, kemm il-legalità tal-miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni kif ukoll dik tad-deċiżjoni li hija l-bażi tagħha adottata fil-qasam tal-PESK innifisha huma kkontestati fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja nazzjonali. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-linji tal-politika nazzjonali tagħhom ikunu konformi mal-pożizzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill, adottati skont l-Artikolu 29 TUE, l-aċċess għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-imsemmija deċiżjonijiet jirriżulta indispensabbli meta dawn jipprevedu l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

72      Bħalma jirriżulta kemm mill-Artikolu 2 TUE, li jinsab fost id-dispożizzjonijiet komuni tat-Trattat UE, kif ukoll mill-Artikolu 21 TUE, dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni, li l-Artikolu 23 TUE jagħmel riferiment għalih, dwar il-PESK, l-Unjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-valur tal-Istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Barra minn hekk, l-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jeżiġi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li kull persuna li tkun ġarrbet ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu. Għandu jitfakkar li l-eżistenza nnifisha ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż li jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza tal-Istat tad-dritt (ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 45, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 95).

74      Minkejja li, ċertament, l-Artikolu 47 tal-Karta ma jistax joħloq kompetenza għall-Qorti tal-Ġustizzja meta t-trattati jeskluduha, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jimplika madankollu li l-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-PESK tkun interpretata b’mod restrittiv.

75      Peress li l-proċedura li tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjonijiet preliminari hija intiża li tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-trattati, konformement mal-funzjoni mogħtija lil din l-istituzzjoni skont l-Artikolu 19(1) TUE, ikun kontra l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, li jagħmel riferiment għalih l-Artikolu 24(1) TUE, jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġi interpretat restrittivament (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2007, Gestoras Pro Amnistía et vs Il‑Kunsill, C‑354/04 P, EU:C:2007:115, punt 53; tas‑27 ta’ Frar 2007, Segi et vs Il‑Kunsill, C‑355/04 P, EU:C:2007:116, punt 53; tal‑24 ta’ Ġunju 2014, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑658/11, EU:C:2014:2025, punt 70; tat‑12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo, C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 42, kif ukoll tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 40).

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, skont l-Artikoli 24(1) TUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, ġurisdizzjoni materjali sabiex tagħti deċiżjoni fuq il-validità ta’ atti tal-Unjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, meta jirrigwardaw miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, dan imur kontra l-istruttura tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva istitwita mit-trattati li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tiġi interpretata fis-sens li teskludi l-possibbiltà għall-qrati tal-Istati Membri li jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-validità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jipprevedu l-adozzjoni ta’ tali miżuri.

77      Fl-aħħar nett, l-argument li huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni preliminari fuq il-validità tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK li jipprevedu l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, għandu jiġi miċħud.

78      Fil-fatt, il-koerenza neċessarja tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja teżiġi, skont ġurisprudenza stabbilita, li s-setgħa li tiġi kkonstatata l-invalidità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, imqajma quddiem qorti nazzjonali, tkun irriżervata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, EU:C:1987:452, punt 17, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 62). L-istess konklużjoni tapplika f’dak li jirrigwarda deċiżjonijiet fil-qasam tal-PESK li fir-rigward tagħhom it-trattati jagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja ġurisdizzjoni ta’ stħarriġ ta’ legalità.

79      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-validità tal-atti tal-Unjoni, fid-dawl tal-possibbiltajiet li hija għandha, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, minn naħa, li tiġbor osservazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li l-atti tagħhom qegħdin jiġu kkontestati u, min-naħa l-oħra, li titlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet jew lill-korpi tal-Unjoni li ma humiex parti mill-proċedura, l-informazzjoni kollha li hija tqis neċessarja għall-finijiet tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto-Frost, 314/85, EU:C:1987:452, punt 18).

80      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan essenzjali tal-Artikolu 267 TFUE, li huwa li tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati nazzjonali, b’dan l-għan ikun japplika kemm għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet li jipprevedu l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, kif ukoll għal atti oħrajn tal-Unjoni. Fil-fatt, fir-rigward ta’ tali deċiżjonijiet, xi differenzi bejn il-qrati tal-Istati Membri fir-rigward tal-validità ta’ att tal-Unjoni jistgħu jikkompromettu l-istess unità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u jimminaw il-ħtieġa fundamentali taċ-ċertezza legali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑22 ta’ Frar 1990, Busseni, C‑221/88, EU:C:1990:84, punt 15; tas‑6 ta’ Diċembru 2005, Gaston Schul Douane expediteur, C‑461/03, EU:C:2005:742, punt 21, u tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 47).

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 19, 24 u 40 TUE, l-Artikolu 275 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, fuq il-validità ta’ att adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-PESK, bħad-Deċiżjoni 2014/512, sakemm it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda jew l-istħarriġ tal-osservanza tal-Artikolu 40 TUE minn din id-deċiżjoni, jew l-istħarriġ tal-legalità tal-miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

 Fuq il-punt (a) tat-tieni domanda

82      Permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-validità tal-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3), tal-Artikoli 4, 4a u 7 tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512 kif ukoll tal-Artikoli 3, 3a, tal-Artikolu 4(3) u (4), tal-Artikolu 5(2)(b) sa (d) u (3), tal-Artikolu 11 kif ukoll tal-Annessi II u VI tar-Regolament Nru 833/2014.

83      Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Rosneft jirriżulta li hija qiegħda tikkontesta l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, fl-ewwel lok, għar-raġuni li d-Deċiżjoni 2014/512 ġiet adottata bi ksur tal-Artikolu 40 TUE. Fit-tieni lok, hija targumenta li l-imsemmija dispożizzjonijiet huma inkompatibbli mal-ftehim ta’ sħubija UE‑Russja. Fit-tielet lok, hija tqis li l-Kunsill, meta adotta dawn l-istess dispożizzjonijiet, kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni, id-drittijiet tad-difiża, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl. Fir-raba’ lok, Rosneft tiddikjara li hemm ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-ħames lok u fis-sitt lok, hija tallega li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma invalidi minħabba użu ħażin ta’ poter mill-Kunsill u minħabba kontradizzjoni bejn il-kliem tad-Deċiżjoni 2014/512 u dawk tar-Regolament Nru 833/2014, rispettivament. Fis-seba’ lok, Rosneft targumenta li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali li hija tista’ tipprevalixxi ruħha minnhom, b’mod partikolari l-libertà tal-intrapriża tagħha u d-dritt tagħha għall-proprjetà.

 Fuq l-osservanza tal-Artikolu 40 TUE mid-Deċiżjoni 2014/512 u r-Regolament Nru 833/2014

84      Rosneft tqis li l-Kunsill kiser l-Artikolu 40 TUE meta ddefinixxa, permezz tad-Deċiżjoni 2014/512, il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod eċċessivament iddettaljat, li konsegwentement jirkbu fuq is-setgħa ta’ proposta konġunta tar-rappreżentant għoli tal-Unjoni għall-affarijiet barranin u l-politika ta’ sigurtà (iktar ’il quddiem ir-“rappreżentant għoli”) u tal-Kummissjoni.

85      Fir-rigward tal-atti adottati abbażi ta’ dispożizzjoni dwar il-PESK, hija responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura, b’mod partikolari, skont l-ewwel parti tas-sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, u tal-Artikolu 40 TUE, li l-implementazzjoni ta’ din il-politika ma taffettwax l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-portata rispettiva tal-poteri tal-istituzzjonijiet previsti mit-trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni skont it-Trattat FUE (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑263/14, EU:C:2016:435, punt 42).

86      Sabiex jiġi vverifikat jekk l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512 mill-Kunsill, skont l-Artikolu 29 TUE, dispożizzjoni dwar il-PESK, ma tirkibx fuq il-kompetenzi u l-proċeduri previsti mit-Trattat FUE, għandu jiġi eżaminat il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni fid-dawl tal-kompetenzi u tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 215 TFUE.

87      Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-kontenut tad-Deċiżjoni 2014/512 huwa ċertament iddettaljat. Madankollu, din id-deċiżjoni għandha l-għan li tintroduċi, bħalma jirriżulta mill-premessa 7 tagħha, miżuri restrittivi identifikati f’oqsma li huma kkaratterizzati mit-tekniċità tagħhom, inkluż l-aċċess għas-swieq tal-kapital, id-difiża, oġġetti ta’ użu doppju kif ukoll it-teknoloġija sensittiva, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija.

88      Mill-Artikoli 24 u 29 TUE jirriżulta, bħala regola ġenerali, li l-Kunsill jista’ jiddefinixxi, billi jiddeċiedi bl-unanimità, l-għan tal-miżuri restrittivi li l-Unjoni tadotta fil-qasam tal-PESK. Fid-dawl tal-firxa wiesgħa tal-finijiet u tal-għanijiet tal-PESK, kif espressi fl-Artikolu 3(5) TUE u fl-Artikolu 21 TUE kif ukoll fid-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-PESK, b’mod partikolari fl-Artikoli 23 u 24 TUE, il-Kunsill għandu prerogattiva wiesgħa fid-definizzjoni ta’ dan l-għan.

89      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 215 TFUE, li jistabbilixxi pont bejn l-għanijiet tat-Trattat UE fil-qasam tal-PESK u l-azzjonijiet tal-Unjoni li jinvolvu miżuri ekonomiċi li jaqgħu taħt it-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑130/10, EU:C:2012:472, punt 59), jippermetti l-adozzjoni ta’ regolamenti mill-Kunsill, billi jiddeċiedi bil-maġġoranza kkwalifikata fuq proposta konġunta tar-rappreżentant għoli u tal-Kummissjoni, sabiex jingħata effett lil miżuri restrittivi meta dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE, kif ukoll, b’mod partikolari, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha. Fir-rigward tar-Regolament Nru 833/2014, filwaqt li dan jirriproduċi l-kontenut essenzjali tad-Deċiżjoni 2014/512, huwa jinkludi wkoll definizzjonijiet u preċiżjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi previsti mill-imsemmija deċiżjoni.

90      Fid-dawl tal-funzjonijiet differenti ta’ dawn iż-żewġ tipi ta’ atti, b’wieħed jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-miżuri restrittivi li għandhom jiġu adottati u bl-ieħor jikkostitwixxi l-istrument sabiex jagħti effett lill-imsemmija miżuri fuq il-livell tal-Unjoni, il-fatt li deċiżjoni, adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 29 TUE, tispeċifika l-għan tal-miżuri restrittivi ma jistax, bħala prinċipju, jitqies li jirkeb fuq il-proċedura, prevista fl-Artikolu 215 TFUE, għall-implementazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. B’mod partikolari, meta inkwistjoni jkun hemm qasam ta’ ċertu tekniċità, jista’ jirriżulta xieraq għall-Kunsill li juża kliem preċiż meta jistabbilixxi miżuri restrittivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat li ddetermina minn qabel, permezz tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512, parti mill-kontenut tar-Regolament Nru 833/2014.

91      Fir-rigward, barra minn hekk, tal-argument ta’ Rosneft li d-Deċiżjoni 2014/512 ma tosservax l-Artikolu 40 TUE sa fejn din tikkostitwixxi “att leġiżlattiv”, fis-sens tal-Artikoli 24 u 31 TUE, li jipprojbixxu l-adozzjoni ta’ tali atti fil-qasam tal-PESK, dan għandu jiġi miċħud ukoll. Fil-fatt, l-Artikolu 289(3) TFUE jipprevedi li l-atti ġuridiċi adottati permezz tal-proċedura leġiżlattiva jikkostitwixxu atti leġiżlattivi. L-esklużjoni tal-possibbiltà li jiġu adottati atti leġiżlattivi fil-qasam tal-PESK jirrifletti r-rieda li din il-politika tiġi suġġetta għal regoli u għal proċeduri speċifiċi, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 24 TUE. Sa fejn dawn, iddefiniti, b’mod partikolari, bid-dispożizzjonijiet dwar il-PESK taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, jistabbilixxu tqassim partikolari tar-rwoli tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dan il-qasam, minn dan isegwi li l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi, fis-sens tal-Artikolu 289(3) TFUE, hija, f’dan il-kuntest, neċessarjament eskluża.

92      Issa, huwa stabbilit li d-Deċiżjoni 2014/512 ġiet adottata mhux skont it-Trattat FUE, iżda skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 24 TUE. Għaldaqstant din id-deċiżjoni ma tistax tikkostitwixxi tali att leġiżlattiv. Konsegwentement, il-Kunsill ma jistax ikun kiser l-Artikolu 40 TUE bl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

93      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jidhirx li d-definizzjoni tal-għan tal-miżuri restrittivi mid-Deċiżjoni 2014/512 timmina l-proċedura prevista fl-Artikolu 215 TFUE u l-eżerċizzju tal-kompetenzi li dan l-istess artikolu jattribwixxi lir-rappreżentant għoli u lill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżami tad-Deċiżjoni 2014/512 fid-dawl tal-Artikolu 40 TUE ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità ta’ din id-deċiżjoni.

 Fuq il-validità tal-miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, previsti mid-Deċiżjoni 2014/512 u r-Regolament Nru 833/2014

–       Osservazzjonijiet preliminari

94      Il-Kunsill jargumenta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512 u tar-Regolament Nru 833/2014, sa fejn il-motivi ta’ illegalità invokati minn Rosneft huma intiżi essenzjalment li jikkontestaw id-deċiżjoni ta’ prinċipju meħuda mill-Unjoni li twaqqaf parzjalment ir-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji tagħha mar-Russja. Bl-istess mod, il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern Estonjan, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni, jikkontestaw l-argument li d-Deċiżjoni 2014/512 tinkludi miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi għaliex, skont huma, il-miżuri li huma inklużi fihom japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati oġġettivament u għal kategorija ta’ persuni meqjusa b’mod ġenerali.

95      Għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2014/512 jipprevedux miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE.

96      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni 2014/512, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-artikoli jipprevedu, minn naħa, sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ ċertu tagħmir adatt għal kategoriji speċifiċi ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u ta’ produzzjoni taż-żejt fir-Russja u, min-naħa l-oħra, projbizzjoni tal-provvediment ta’ servizzi konnessi neċessarji għal tali proġetti.

97      Għaldaqstant, l-imsemmija artikoli jipprevedu miżuri li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa ddeterminat b’riferiment għal kriterji oġġettivi, b’mod partikolari, għal kategoriji ta’ proġett ta’ esplorazzjoni u ta’ produzzjoni taż-żejt. Min-naħa l-oħra, dawn il-miżuri ma humiex immirati lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi ddefiniti, iżda japplikaw għall-operaturi kollha involuti fil-bejgħ, fil-forniment, fit-trasferiment jew fl-esportazzjoni ta’ tagħmir li jaqa’ taħt l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u għall-fornituri kollha ta’ servizzi konnessi b’mod ġenerali.

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħalma argumenta wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-miżuri previsti fl-Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni 2014/512 ma jikkostitwixxux miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, iżda miżuri ta’ portata ġenerali.

99      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

100    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-miżuri restrittivi imposti skont id-dispożizzjonijiet l-oħrajn tad-Deċiżjoni 2014/512 inkwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3), l-Artikolu 7 u l-Anness III tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li s-suġġett ta’ dawn il-miżuri huwa ddefinit b’riferiment għal entitajiet speċifiċi. Fil-fatt, huma jipprojbixxu, b’mod partikolari, l-eżekuzzjoni ta’ diversi tranżazzjonijiet finanzjarji fil-konfront ta’ entitajiet inklużi fl-Anness III ta’ din id-deċiżjoni, li fosthom hemm imsemmija Rosneft.

101    Skont il-Gvern tar-Renju Unit, il-fatt li tliet impriżi tal-enerġija biss jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija miżuri ma jfissirx, madankollu, li dawn tal-aħħar huma mmirati lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi speċifiċi fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE. B’mod partikolari, il-fatt li n-numru ta’ entitajiet elenkati huwa baxx, minħabba l-fatt li hemm biss numru żgħir ħafna ta’ operaturi fis-settur oligopolistiku tas-suq tal-enerġija Russu kkonċernat, bl-ebda mod ma jbiddel il-fatt li r-restrizzjonijiet huma bbażati fuq kriterji oġġettivi. L-entitajiet li jaqgħu taħt l-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512 huma dawk li jissodisfaw l-imsemmija kriterji oġġettivi, peress li din il-lista għandha biss karattru dikjaratorju.

102    F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-miżuri restrittivi jidhru, fl-istess waqt, bħala atti ta’ portata ġenerali sa fejn huma jipprojbixxu kategorija ġenerali u astratta ta’ destinatarji li jpoġġu riżorsi ekonomiċi fid-dispożizzjoni tal-entitajiet li jaqgħu taħt l-annessi tagħhom, u deċiżjonijiet individwali fir-rigward ta’ dawn l-entitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 241 sa 244, kif ukoll tat‑23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 56).

103    Għandu jitfakkar barra minn hekk li, fir-rigward tal-atti adottati abbażi ta’ dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-PESK, hija n-natura individwali ta’ dawn l-atti li tagħti, skont il-kliem tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, l-aċċess għall-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2013, Gbagbo et vs Il‑Kunsill, C‑478/11 P sa C‑482/11 P, EU:C:2013:258, punt 57).

104    Fil-kawża prinċipali, billi stabbilixxa l-kriterji previsti fl-Artikolu 1(2)(b) sa (d) tad-Deċiżjoni 2014/512, li ppermettew li tiġi identifikata Rosneft, u billi semma lil din il-kumpannija fl-Anness III ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill adotta miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuna ġuridika kkonċernata. Minkejja l-fatt li tali miżuri jistgħu wkoll jidentifikaw, b’mod individwali, entitajiet oħrajn ta’ industrija partikolari fi Stat terz, xorta jibqa’ l-fatt li min-natura tal-imsemmija miżuri, imfakkra fil-punti 102 u 103 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, fis-sitwazzjoni li l-legalità ta’ dawn tal-aħħar tiġi kkontestata, dawn għandhom ikunu jistgħu jiġu suġġetti, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE, għall-istħarriġ ġudizzjarju.

105    Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi miċħud l-argument, magħmul b’mod partikolari mill-Kunsill, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-legalità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014 sa fejn il-motivi ta’ illegalità mqajma minn Rosneft huma intiżi essenzjalment li jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ prinċipju li jaqgħu bis-sħiħ fil-qasam tal-PESK li l-Kunsill adotta permezz tad-Deċiżjoni 2014/512 tiegħu.

106    F’dan ir-rigward, għandu jitqies, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 103 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hija limitata bl-ebda mod fir-rigward ta’ regolament, adottat abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, li jagħti effett lill-pożizzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti fil-kuntest tal-PESK. Fil-fatt, tali regolamenti jikkostitwixxu atti tal-Unjoni, adottati abbażi tat-Trattat FUE li fir-rigward tagħhom il-qrati tal-Unjoni għandhom, konformement mal-ġurisdizzjoni li huma għandhom bis-saħħa tat-trattati, jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, ta’ legalità (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 326).

107    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni fuq il-validità tal-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3), tal-Artikolu 7 u tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512. Min-naħa l-oħra, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-validità tal-Artikoli 4 u 4a ta’ din id-deċiżjoni. Fir-rigward tar-Regolament Nru 833/2014, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-validità tad-dispożizzjonijiet kollha msemmija mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Huwa f’dawn il-limiti tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiġi eżaminata l-validità tad-dispożizzjonijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju.

Fuq il-kompatibbiltà tal-atti kontenzjużi mal-ftehim ta’ sħubija UE‑Russja

108    Mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn Rosneft jirriżulta li din tqis li ċerti dispożizzjonijiet tal-atti kontenzjużi dwar is-settur taż-żejt kif ukoll dwar it-titoli trasferibbli u s-self, jiġifieri l-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3), kif ukoll l-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512, bħall-Artikolu 3(1), (3) u (5), l-Artikolu 3a(1), l-Artikolu 5(2)(b) sa (d), u (3), kif ukoll l-Annessi II u VI, tar-Regolament Nru 833/2014, jiksru l-ftehim ta’ sħubija UE‑Russja.

109    F’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-argument magħmul mill-Gvern tar-Renju Unit, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, ma jistax jiġi eskluż minn qabel li xi dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ikunu jistgħu jiġu invokati, minn parti fil-kawża quddiem qorti nazzjonali, mingħajr l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni supplimentari ma tkun rikjesta għal dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2005, Simutenkov, C‑265/03, EU:C:2005:213, punt 23), bħalma rrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 116 tal-konklużjonijiet tiegħu.

110    Madankollu, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni, f’dan il-każ, fuq din il-kwistjoni, huwa biżżejjed jiġi kkonstatat li, anki jekk wieħed jassumi li l-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex konformi ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmija ftehim, l-Artikolu 99 tiegħu jippermetti l-adozzjoni tagħhom.

111    Fil-fatt, skont il-punt 1(d) tal-Artikolu 99 tal-ftehim ta’ sħubija UE‑Russja, ebda dispożizzjoni ta’ dan il-ftehim ma tipprekludi lil parti milli tieħu l-miżuri li hija tqis meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħha, b’mod partikolari, fil-każ ta’ gwerra jew ta’ tensjoni serja internazzjonali li jikkostitwixxu theddida ta’ gwerra jew sabiex twettaq l-obbligi tagħha li tkun aċċettat bil-għan taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali.

112    Barra minn hekk, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma teżiġix li l-“gwerra” jew it-“tensjoni serja internazzjonali li jikkostitwixxu theddida ta’ gwerra” tirrigwarda gwerra li timplika direttament it-territorju tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, avvenimenti li jseħħu f’pajjiż ġar tagħha, bħal dawk li seħħew fl-Ukraina li huma l-bażi tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jiġġustifikaw miżuri intiżi li jipproteġu l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni kif ukoll iż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għan, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) u (2)(ċ) TUE, tal-azzjoni esterna tagħha, b’osservanza tal-prinċipji u tal-miri tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

113    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinitx meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni kif ukoll għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, għandu jitfakkar li l-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-oqsma li jinvolvu min-naħa ta’ dan tal-aħħar għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fiha huwa msejjaħ iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Bħalma kkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punt 150 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Kunsill fakkar, fil-preamboli tal-atti kontenzjużi, li l-kapijiet tal-Istat jew tal-gvern tal-Unjoni kkundannaw il-ksur mill-Federazzjoni Russa, mingħajr ma kien hemm provoka, tas-sovranità u tal-integrità territorjali tal-Ukraina, li l-Kunsill ħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tuża attivament l-influwenza tagħha fuq il-gruppi armati illegali sabiex, b’mod partikolari, tippermetti l-aċċess sħiħ, immedjat u sikur, għas-sit tat-twaqqigħ tat-titjira MH17 tal-Malaysia Airlines, f’Donetsk (l-Ukraina), u li l-Unjoni kienet diġà ħadet miżuri bħala tweġiba għall-annessjoni illegali tal-Krimea u ta’ Sevastopol (l-Ukraina). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huwa kkonkluda, fil-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2014/512, li s-sitwazzjoni kienet għadha ħażina u li kien xieraq li jittieħdu miżuri restrittivi bħala reazzjoni għall-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa li tiddistabbilizza s-sitwazzjoni fl-Ukraina.

115    Barra minn hekk, bħalma tenfasizza l-premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014, minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta li l-miżuri restrittivi stabbiliti permezz tal-atti kontenzjużi kienu intiżi li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi fl-Ukraina. Tali għan huwa konsistenti ma’ dak taż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 21 TUE.

116    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu f’dan il-qasam, il-Kunsill seta’ jqis li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi kienet meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni kif ukoll għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 99 tal-ftehim ta’ sħubija UE‑Russja.

117    Konsegwentement, l-eżami tal-atti kontenzjużi fid-dawl ta’ dan il-ftehim ma wera ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tagħhom.

–       Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl

118    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont Rosneft, il-Kunsill kiser l-obbligu li kien impost fuqu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li jimmotiva l-atti kontenzjużi.

119    F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, minkejja li l-miżuri restrittivi li jirrigwardaw is-settur taż-żejt, stabbiliti permezz tal-Artikoli 3 u 3a, tal-Artikolu 4(3) u (4), u tal-Anness II tar-Regolament Nru 833/2014, jikkostitwixxu atti ta’ portata ġenerali, b’mod partikolari mill-punt 100 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet iċċitati mill-qorti tar-rinviju dwar it-titoli trasferibbli u s-self, jiġifieri l-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3), u l-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512 kif ukoll l-Artikolu 5(2)(b) sa (d) u (3), u l-Anness VI tar-Regolament Nru 833/2014, jidentifikaw entitajiet individwali.

120    Issa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u li, fir-rigward ta’ atti intiżi għal applikazzjoni ġenerali, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li huwa intiż li jilħaq (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑284/94, EU:C:1998:548, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Fir-rigward tal-miżuri restrittivi ta’ portata individwali, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jeħtieġ, b’mod partikolari, li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tikkomunika lill-persuna kkonċernata l-elementi li għandha din l-awtorità kontra din il-persuna sabiex tibbaża d-deċiżjoni tagħha (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 111).

122    Dan ingħad, minkejja li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikoli 296 TFUE għandha tkun turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jkun jippermetti lill-persuna kkonċernata li ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha, tali motivazzjoni għandha, madankollu, tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat u, b’mod partikolari, skont l-interess li d-destinatarji tal-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Konsegwentement, att li jikkawża preġudizzju jkun immotivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 50, 53 u 54, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

123    Għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 1 sa 8 tad-Deċiżjoni 2014/512 ifakkru l-elementi rilevanti tas-sitwazzjoni politika li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ġew adottati fiha. Barra minn hekk, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014 jirriżulta li l-għan iddikjarat tal-atti kontenzjużi huwa li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa intiżi li jdgħajfu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi. L-atti kontenzjużi jindikaw għaldaqstant is-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni tagħhom u l-għanijiet ġenerali li huma jixtiequ jilħqu.

124    Bl-istess mod, għandu jitqies, bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 158 u 159 tal-konklużjonijiet tiegħu, li Rosneft, operatur ewlieni tas-settur taż-żejt fir-Russja u li l-maġġoranza tal-azzjonijiet tiegħu kienu, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/512, miżmuma mill-Istat Russu, ma setgħetx b’mod raġonevoli tinjora r-raġunijiet li għalihom il-Kunsill adotta l-miżuri mmirati lejha. Konformement mal-għan li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa fil-konfront tal-Ukraina, l-Artikolu 1(2)(b) tad-Deċiżjoni 2014/512 jistabbilixxi restrizzjonijiet fil-konfront ta’ ċerti entitajiet tas-settur taż-żejt ikkontrollati mill-Istat Russu abbażi, b’mod partikolari, tal-attiv totali tagħhom, stmat iktar minn 1 000 biljun rublu Russu. Peress li l-kuntest politiku fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija miżuri u l-importanza li s-settur taż-żejt għandu għall-ekonomija Russa huma barra minn hekk magħrufa, l-għażla li għamel il-Kunsill li jadotta miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni attivi f’din l-industrija jista’ jinftiehem faċilment fid-dawl tal-għan iddikjarat tal-imsemmija atti.

125    Konsegwentement, f’dan il-każ il-Kunsill immotiva l-atti kontenzjużi b’mod suffiċjenti.

126    Barra minn hekk, Rosneft argumentat quddiem il-qorti tar-rinviju dwar allegat ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Rosneft għamlet, mal-Kunsill, talbiet għal aċċess għad-dokumenti li jitolbu, b’mod partikolari, aċċess għall-fajl sabiex tkun tista’ tiddefendi ruħha fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħha kontra l-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali quddiem il-Qorti Ġenerali. Skont Rosneft, kienet responsabbiltà tal-Kunsill li jingħatalha aċċess għad-dokumenti uffiċċjali mhux kunfidenzjali kollha dwar dawn il-miżuri, b’mod partikolari, fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) u skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mill-punti 59 u 60 tas-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (C‑280/12 P, EU:C:2013:775), ġurisprudenza li tirrigwarda r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt ta’ aċċess għall-fajl b’osservanza tal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità, u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Il-Kunsill wieġeb għall-imsemmija talbiet billi ta aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba.

127    Issa, minkejja li Rosneft tallega, f’dan ir-rigward, kemm ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ukoll ksur addizzjonali tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-parti l-kbira tal-argumenti li hija tippreżenta huma intiżi biss li jikkontestaw il-validità tad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kunsill ċaħad, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, li jagħtih aċċess komplet għad-dokumenti mitluba kollha.

128    Fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet tal-Kunsill, adottati skont ir-Regolament Nru 1049/2001, Rosneft kienet id-destinatarju tagħhom, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Peress li huwa manifest li r-rikors għal annullament tagħha kontra dawn id-deċiżjonijiet kien ikun ammissibbli skont l-imsemmi artikolu, hija ma setgħetx tinvoka l-invalidità ta’ dawn tal-aħħar fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C‑188/92, EU:C:1994:90, punti 23 sa 25; tal‑15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C‑239/99, EU:C:2001:101, punti 36 u 37, kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 2010, E u F, C‑550/09, EU:C:2010:382, punt 46).

129    Fl-aħħar nett, minkejja li Rosneft tosserva wkoll li l-Kunsill ma kienx imissu jibbaża ruħu fuq ir-Regolament Nru 1049/2001 meta huwa analizza t-talbiet tagħha għal aċċess għall-fajl, hija ma tispeċifika, madankollu, bl-ebda mod, kif dan l-iżball jista’ jaffettwa l-validità tad-dispożizzjonijiet tal-atti kontenzjużi.

130    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-eżami tal-atti kontenzjużi fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ma weriex elementi ta’ natura li jaffettwaw il-validità ta’ dawn l-atti.

–       Fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

131    Rosneft argumentat quddiem il-qorti tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta huwa identifika, permezz tal-Artikoli 3 u 3a, tal-Artikolu 4(3) u (4), u tal-Anness II tar-Regolament Nru 833/2014, impriżi li jeżerċitaw attivitajiet f’ċerti oqsma tas-settur taż-żejt u mhux impriżi li jeżerċitaw attivitajiet f’setturi oħrajn, mingħajr l-għan iddikjarat tal-imsemmija miżuri restrittivi ma jispjega jew jiġġustifika din id-differenza fit-trattament.

132    Bħalma jirriżulta mill-punt 88 ta’ din is-sentenza, il-Kunsill għandu latitudni wiesgħa meta jiddefinixxi s-suġġett ta’ miżuri restrittivi u dan, b’mod partikolari, meta tali miżuri jipprevedu, konformement mal-Artikolu 215(1) TFUE, l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, totalment jew parzjalment, ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ pajjiż terz wieħed jew diversi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħall-Gvern tar-Renju Unit, li, f’dak li jirrigwarda l-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali li għandhom fil-mira tagħhom is-settur taż-żejt, il-Kunsill jista’ b’mod partikolari jimponi, jekk huwa jqis xieraq, restrizzjonijiet li huma mmirati lejn impriżi attivi f’setturi speċifiċi tal-ekonomija Russa li t-teknoloġija jew is-servizzi li ġejjin mill-Unjoni għandhom post partikolarment importanti fihom. Fil-fatt, l-għażla li jiġu identifikati impriżi jew setturi li jiddependu minn teknoloġija avvanzata jew minn kompetenza disponibbli prinċipalment fl-Unjoni tissodisfa l-għan li tiġi ggarantita l-effettività tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li jiġi evitat li l-effett ta’ dawn il-miżuri jkun innewtralizzat bl-importazzjoni, lejn ir-Russja, ta’ prodotti, ta’ teknoloġija jew ta’ servizzi sostitwibbli minn pajjiżi terzi.

133    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-eżami tal-atti kontenzjużi fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma weriex elementi ta’ natura li jaffettwaw il-validità tal-imsemmija atti.

–       Fuq l-użu ħażin ta’ poter

134    Rosneft argumentat quddiem il-qorti tar-rinviju u f’din il-proċedura li, billi adotta l-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Kunsill għamel użu ħażin ta’ poter meta huwa ppretenda li dawn il-miżuri ġew adottati, konformement mal-premessa 2 tar-Regolament Nru 833/2014, bl-għan li “jikber il-kost tal-azzjonijiet tar-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi”, filwaqt li l-għan ta’ dawn il-miżuri kien, fir-realtà, li tiġi kkaġunata ħsara fit-tul għas-settur tal-enerġija tal-Federazzjoni Russa u li għaldaqstant titnaqqas is-setgħa tagħha li thedded il-pajjiżi li jiddependu minnha għall-provvista tal-enerġija tagħhom.

135    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, att ikun ivvizzjat minn użu ħażin ta’ poter biss jekk, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, jidher li dan ikun ittieħed esklużivament, jew tal-inqas b’mod determinanti, għal finijiet li ma humiex dawk li għalihom il-poter inkwistjoni ngħata jew bl-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċjalment mit-trattati sabiex jiffaċċjaw iċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenza tas‑16 ta’ April 2013, Spanja u L‑Italja vs Il‑Kunsill, C‑274/11 u C‑295/11, EU:C:2013:240, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

136    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, minbarra r-riferiment minn Rosneft, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, għal dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni, li r-rilevanza tiegħu għandha tiġi miċħuda għar-raġunijiet invokati mill-Avukat Ġenerali fil-punti 180 sa 182 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-kumpannija bl-ebda mod ma sostniet it-teżi tagħha li l-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew adottati għal għan differenti minn dak li jirriżulta mill-atti kontenzjużi, u inqas u inqas ma pprovdiet indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti f’dan ir-rigward.

137    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eżami tal-kwistjoni ta’ allegat użu ħażin ta’ poter mill-Kunsill ma wera ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-atti kontenzjużi.

–       Fuq l-eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn il-kliem tad-Deċiżjoni 2014/512 u dawk tar-Regolament Nru 833/2014.

138    Fil-proċedura fil-kawża prinċipali, Rosneft semmiet kontradizzjoni bejn il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni 2014/512 u dik tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 833/2014. Filwaqt li l-ewwel dispożizzjoni ma tagħti ebda setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri fir-rigward tal-projbizzjoni li jirrifjutaw awtorizzazzjonijiet għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tat-tagħmir inkluż fl-Anness II tar-Regolament Nru 833/2014 skont kuntratti konklużi qabel l‑1 ta’ Awwissu 2014, il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(5) tippermettilhom jawtorizzaw, u għaldaqstant li jirrifjutaw, l-eżekuzzjoni ta’ obbligu li jirriżulta minn tali kuntratti.

139    Bħalma tirrileva Rosneft fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni 2014/512 hija differenti meta mqabbla mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 833/2014. Skont l-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni 2014/512, il-projbizzjoni magħmula lill-awtoritajiet kompetenti li jagħtu awtorizzazzjoni għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ ċertu tagħmir intiż għal ċerti kategoriji ta’ proġetti ta’ esplorazzjoni u produzzjoni ta’ żejt “għand[ha] [t]kun mingħajr preġudizzju għall‑eżekuzzjoni ta’ kuntratti konklużi qabel l-1 ta’ Awwissu 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti”.

140    Ċertament, il-kliem użat fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 833/2014 ma huwiex kategoriku daqs dak użat fid-Deċiżjoni 2014/512. Madankollu dan il-fatt ma jistax iwassal għall-invalidità tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 833/2014.

141    Peress li r-Regolament Nru 833/2014 għandu l-għan, konformement mal-Artikolu 215 TFUE, tal-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jingħata effett lid-Deċiżjoni 2014/512, il-kliem ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu interpretati, sa fejn possibbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni. F’dan il-każ, ma jidhirx li d-differenza bejn il-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ strumenti tad-dritt tal-Unjoni hija tali li dawn tal-aħħar ma jistgħux jirċievu interpretazzjoni uniformi. Għaldaqstant, l-espressjoni fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament, li l-awtoritajiet kompetenti “jistgħu” jagħtu awtorizzazzjoni, għandha tinftiehem fis-sens li dawn tal-aħħar għandhom, meta jagħmlu dan, jiżguraw li l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(5) tal-imsemmi regolament tkun, b’mod partikolari, bla ħsara għall-eżekuzzjoni tal-kuntratti konklużi qabel l‑1 ta’ Awwissu 2014.

142    Minn dan jirriżulta li d-differenza fil-formulazzjoni bejn l-Artikolu 4(4) tad-Deċiżjoni 2014/512 u l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 833/2014 ma tistax taffettwa l-validità ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

Fuq il-prinċipju ta’ proporzjonalità u d-drittijiet fundamentali ta’ Rosneft

143    Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, Rosneft argumentat li l-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3), l-Artikolu 7 kif ukoll l-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512, kif ukoll l-Artikoli 3 u 3a, l-Artikolu 4(3) u (4), l-Artikolu 5(2)(b) sa (d) u (3), l-Artikolu 11 kif ukoll l-Annessi II u VI tar-Regolament Nru 833/2014 huma invalidi għar-raġuni li l-miżuri restrittivi li dawn jistabbilixxu huma sproporzjonati fid-dawl tal-għan iddikjarat u jikkostitwixxu interferenza eċċessiva fil-libertà tal-intrapriża tagħha u fid-dritt tagħha għall-proprjetà, stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta, rispettivament.

144    Filwaqt li għamlet riferiment għas-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2014, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill (T‑390/08, EU:T:2009:401), kif ukoll tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft (C‑348/12 P, EU:C:2013:776), Rosneft tqis li l-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali la huma meħtieġa u lanqas xierqa għaliex ma teżistix rabta raġonevoli bejn il-motivi użati u l-għan imfittex minn dawn il-miżuri. F’dan il-kuntest, dawn jikkostitwixxu interferenza sproporzjonata fil-libertà tal-intrapriża ta’ Rosneft.

145    Din tal-aħħar targumenta, barra minn hekk, li l-Artikolu 7(1) tad-Deċiżjoni 2014/512 u l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 833/2014 jawtorizzaw, fil-konfront tagħha, konfiska tal-assi u interferenza fid-drittijiet kuntrattwali akkwistati, jiġifieri d-drittijiet tagħha għall-proprjetà. Dawn id-dispożizzjonijiet imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ billi jipprevedu, essenzjalment, li l-partijiet kontraenti mhux Russi jistgħu jiġu lliberati minn kull obbligu previst mill-kuntratti konklużi ma’ entitajiet imsemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet, anki meta inkwistjoni jkun hemm obbligu li jforni firxa wiesgħa ta’ tagħmir li minnu parti żgħira biss tkun tirrigwarda t-teknoloġija msemmija mill-Anness II tal-imsemmi regolament.

146    Sakemm Rosneft tikkontesta l-proporzjonalità tar-regoli ġenerali li abbażi tagħhom ġiet deċiża l-inklużjoni tagħha fl-annessi tal-atti kontenzjużi, għandu jitfakkar, minn naħa, li, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jkollu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’oqsma li jinvolvu min-naħa ta’ dan tal-aħħar għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa msejjaħ jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Hija ddeduċiet minn dan li hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2013, Il‑Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C‑348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

147    Kuntrarjament għal dak li ssostni Rosneft, teżisti rabta raġonevoli bejn il-kontenut tal-atti kontenzjużi u l-għan imfittex minn dawn tal-aħħar. Fil-fatt, sa fejn dan l-għan huwa, b’mod partikolari, li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa biex idgħajfu l-integrità territorjali, s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina, l-approċċ li jikkonsisti f’li jiġi identifikat operatur ewlieni fis-settur taż-żejt, li barra minn hekk huwa fil-maġġoranza tiegħu miżmum mill-Istat Russu, jissodisfa b’mod koerenti l-imsemmi għan u ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies li huwa manifestament mhux xieraq fid-dawl tal-għan imfittex.

148    Min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali invokati minn Rosneft, jiġifieri l-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà, ma humiex prerogattivi assoluti u l-eżerċizzju tagħhom jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati mill-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw l-imsemmija għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-drittijiet iggarantiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il‑Kummissjoni, 4/73, EU:C:1974:51, punt 14; tat‑30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C‑84/95, EU:C:1996:312, punt 21, kif ukoll tas‑16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, C‑548/09 P, EU:C:2011:735, punti 113 u 114).

149    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-embargo fil-konfront tar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja (is-Serbja u l-Montenegro), li l-miżuri restrittivi għandhom, mid-definizzjoni tagħhom stess, effetti li jaffettwaw id-drittijiet ta’ proprjetà u l-eżerċizzju ħieles ta’ attivitajiet professjonali, li għaldaqstant jikkawżaw preġudizzji lil partijiet li ma għandhom ebda responsabbiltà fir-rigward tas-sitwazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tas-sanzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Lulju 1996, Bosphorus, C‑84/95, EU:C:1996:312, punt 22). Dan huwa a fortiori l-effett tal-miżuri restrittivi mmirati lejn l-entitajiet imsemmija minnhom.

150    Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-importanza tal-għanijiet imfittxija mill-atti kontenzjużi, jiġifieri, il-protezzjoni tal-integrità territorjali, tas-sovranità u tal-indipendenza tal-Ukraina kif ukoll li titmexxa ’l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi f’dan il-pajjiż, li, bħalma jirriżulta mill-elementi msemmija fil-punti 113 sa 115 ta’ din is-sentenza, jaqgħu taħt l-għan iktar wiesgħa taż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, konformement mal-għanijiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni elenkati fl-Artikolu 21 TUE, hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-evoluzzjoni b’mod progressiv tal-intensità tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill b’reazzjoni għall-kriżi fl-Ukraina, l-interferenza fil-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà ta’ Rosneft ma jistgħux jitqiesu bħala sproporzjonati.

151    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tal-punt (a) tat-tieni domanda ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3), tal-Artikolu 7 u tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512, jew tal-Artikoli 3 u 3a, tal-Artikolu 4(3) u (4), tal-Artikolu 5(2)(b) sa (d) u (3), tal-Artikolu 11 kif ukoll tal-Annessi II u VI tar-Regolament Nru 833/2014.

 Fuq il-punt (b) tat-tieni domanda

152    Permezz tal-punt (b) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa) għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru jimponi sanzjonijiet kriminali li għandhom japplikaw fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014, konformement mal-Artikolu 8(1) tiegħu, qabel il-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet u, għaldaqstant, tas-sanzjonijiet kriminali relatati magħhom, ma tkun ġiet ippreċiżata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq l-ammissibbiltà

153    Il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kunsill jargumentaw li din id-domanda preliminari hija inammissibbli. Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li l-kwistjoni hija ipotetika sa fejn Rosneft ma hijiex esportatur jew fornitur ta’ servizzi tal-Unjoni li l-aġir tiegħu huwa s-suġġett ta’ restrizzjonijiet skont ir-Regolament Nru 833/2014 u, għaldaqstant, ma hemm ebda riskju li Rosneft iġġarrab sanzjoni kriminali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-Kunsill iqis, barra minn hekk, li din id-domanda tirrigwarda, fil-verità, il-validità tal-imsemmija leġiżlazzjoni.

154    Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, sa fejn id-domanda preliminari tirrigwarda s-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014 u l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa), din tirrigwarda manifestament mhux il-validità tal-miżuri nazzjonali adottati mill-Gvern tar-Renju Unit, iżda l-limiti li jirriżultaw minn dawn il-prinċipji li għandhom jiġu osservati mill-Istati Membri fl-implementazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 833/2014.

155    Minbarra l-kundizzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari esposti fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li d-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali, fil-qafas leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2013, Radu, C‑396/11, EU:C:2013:39, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Fir-rigward tan-natura allegatament ipotetika ta’ din id-domanda, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li Rosneft argumentat, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, fil-każ ta’ ksur ta’ miżuri restrittivi, hija jista’ jkollha responsabbiltà kriminali għal kompliċità, allegazzjoni li ma ġietx ikkontestata minn partijiet ikkonċernati oħrajn. Min-naħa l-oħra, anki jekk wieħed jassumi li Rosneft ma tistax tkun suġġetta għas-sanzjonijiet kriminali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014, dan il-fatt ma jagħmilx id-domanda neċessarjament ipotetika sa fejn, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 211 tal-konklużjonijiet tiegħu, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li Rosneft ma għandhiex id-dritt li tikkontesta l-miżuri adottati mill-Gvern tar-Renju Unit abbażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 833/2014.

157    F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li, b’mod partikolari, din id-domanda tirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 833/2014 u li ma hijiex ta’ natura ipotetika, hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

158    Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Rosneft jirriżulta li hija tqis li n-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014 ma jippermettix lill-partijiet fil-kawża jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u dak ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa) meta ppreveda, fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, li l-Istati Membri għandhom jadottaw sanzjonijiet, inklużi kriminali, sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

159    L-ewwel nett, fir-rigward tal-espressjoni “ilmijiet aktar fondi minn 150 metru”, fis-sens tal-Artikolu 3(3)(a) u tal-Artikolu 3a(1)(a) tar-Regolament Nru 833/2014, teżisti inċertezza fuq il-punt li l-fond ta’ 150 metru għandu jitkejjel minnu. It-tieni nett, fir-rigward tal-kunċett ta’ “shale”, fis-sens tal-Artikolu 3(3)(ċ) u tal-Artikolu 3a(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament, ma jeżisti ebda kunsens, anki fi ħdan is-settur ġeoloġiku, fuq il-portata tiegħu. It-tielet nett, l-espressjoni “għajnuna finanzjarja”, kif imsemmija fl-Artikolu 4(3)(b) tal-imsemmi regolament, ma hijiex ċara u, ir-raba’ nett, l-espressjoni “titoli trasferibbli” li tinsab fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 833/2014 ma tippermettix li wieħed ikun jaf b’ċertezza jekk il-projbizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tkoprix ukoll l-GDR maħruġa sa mit‑12 ta’ Settembru 2014, iżda li jirrappreżentaw azzjonijiet maħruġa qabel din id-data.

160    Fi kwalunkwe każ, Rosneft targumenta li Stat Membru ma jistax jimponi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ ksur tar-Regolament Nru 833/2014 qabel il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkun tat deċiżjoni fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

161    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex il-partijiet fil-kawża jkunu jistgħu jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jiddeċiedu konsegwentement (sentenza tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

162    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa), iċċitat mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li dan il-prinċipju, li jaqa’ taħt l-Artikolu 49 tal-Karta, intitolat “Il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni”, u li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxi espressjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 70), jimplika, b’mod partikolari, li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni għalihom. Din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta meta l-individwu jkun jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u bl-għajnuna tal-interpretazzjoni tagħha li tkun ingħatat mill-qrati, liema atti u omissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu (sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, EU:C:2007:261, punt 50).

163    Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-espressjonijiet li Rosneft tallega li ma humiex preċiżi, bħal dawk elenkati fil-punt 159 ta’ din is-sentenza, huma ta’ natura ġenerali. Madankollu, il-kunċett ta’ “titoli trasferibbli” huwa ddefinit fl-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 833/2014, filwaqt li dak ta’ “għajnuna finanzjarja” jidher fl-Artikolu 4(3)(b) tal-imsemmi regolament.

164    Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) dwar l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, li tistabbilixxi drittijiet li jikkorrispondu ma’ dawk iggarantiti mill-Artikolu 49 tal-Karta (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et, C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 57), minħabba n-natura neċessarjament ġenerali tal-atti leġiżlattivi, il-formulazzjoni tagħhom ma tistax tkun preċiża b’mod assolut. Min dan isegwi, b’mod partikolari, li minkejja li l-użu tat-teknika leġiżlattiva li tikkonsisti fl-użu ta’ kategoriji ġenerali, minflok ta’ listi eżawrjenti, ta’ spiss iħalli oqsma mhux ċari fir-rigward ta’ definizzjonijiet, dawn id-dubji f’każijiet limitati ma humiex biżżejjed, waħedhom, sabiex jagħmlu dispożizzjoni inkompatibbli mal-Artikolu 7 tal-imsemmija konvenzjoni, sakemm din tkun suffiċjentement ċara fil-maġġoranza assoluta tal-każijiet (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, 15 ta’ Novembru 1996, Cantoni vs Franza, CE:ECHR:1996:1115JUD001786291, punti 31 u 32).

165    Peress li dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 49 tagħha, għandu jitqies li l-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni li, fid-dispożizzjonijiet imsemmija minn Rosneft, juża espressjonijiet jew kliem bħal “għajnuna finanzjarja”, “ilmijiet aktar fondi minn 150 metru”, “shale” jew “titoli trasferibbli”, ma tistax, fiha nnifisha, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli.

166    Din il-konklużjoni hija sostnuta mill-fatt li l-previdibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tirrikorri għal parir espert sabiex tevalwa, f’livell raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att iddeterminat (ara Qorti EDB, 18 ta’ Marzu 2014, Öcalan vs It‑Turkija, CE:ECHR:2014:0318JUD002406903, punt 174 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, għandu jitqies li l-kliem li Rosneft tallega li ma humiex preċiżi, mingħajr ma huma preċiżi b’mod assolut, ma jidhrux tali li ma jippermettux lill-parti fil-kawża jkun jaf liema atti u omissjonijiet iwasslu għar-responsabbiltà kriminali tiegħu.

167    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli ma jistax jiġi interpretat li ma jippermettix il-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali permezz ta’ interpretazzjoni mill-ġurisprudenza, sakemm din tkun raġonevolment prevedibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 217 u 218).

168    Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li targumenta Rosneft, il-fatt li l-kliem użat fir-Regolament Nru 833/2014 jista’ jkun is-suġġett ta’ kjarifika gradwali ulterjuri mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jipprekludi li Stat Membru jadotta sanzjonijiet, abbażi tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, sabiex jiżgura l-implementazzjoni effettiva tiegħu.

169    Konsegwentement, għandu jitqies li, f’dan il-każ, il-kliem tar-Regolament Nru 833/2014, imsemmija fil-punt 159 ta’ din is-sentenza, ma humiex ta’ ostakolu sabiex Stat Membru jimponi sanzjonijiet kriminali li għandhom japplikaw fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014, konformement mal-Artikolu 8(1) tiegħu.

170    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punt (b) tat-tieni domanda għandha tkun li l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa) għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma humiex ta’ ostakolu sabiex Stat Membru jimponi sanzjonijiet kriminali li għandhom japplikaw fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014, konformement mal-Artikolu 8(1) tiegħu, qabel il-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet u, għaldaqstant, tas-sanzjonijiet kriminali relatati, ma tkun ġiet ippreċiżata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq il-punt (a) tat-tielet domanda

171    Permezz tal-punt (a) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-espressjoni “għajnuna finanzjarja”, li tinsab fl-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tinkludi l-ipproċessar ta’ pagamenti minn bank jew organu finanzjarju ieħor.

172    Rosneft u l-Gvern Ġermaniż iqisu li, b’dan il-kliem, ir-Regolament Nru 833/2014 ma jkoprix atti li l-għan tagħhom huwa s-sempliċi pproċessar ta’ pagamenti, iżda jkopri atti ta’ finanzjament li jagħtu appoġġ attiv u materjali. F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż jargumenta, b’mod partikolari, li s-servizzi ta’ ħlas huma servizzi pprovduti sabiex isiru tranżazzjonijiet ta’ ħlas għal terzi li huma pagaturi, bħalma jirriżulta mid-definizzjoni li tinsab fil-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1), moqrija flimkien mal-anness ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, is-servizzi li l-forniment tagħhom huwa suġġett għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 833/2014, bħall-forniment ta’ għotjiet, ta’ self u ta’ assigurazzjoni fuq il-kreditu għall-esportazzjoni, huma servizzi li fil-kuntest tagħhom il-bank ikkonċernat jaġixxi bil-fondi tiegħu stess favur terz.

173    Dan il-gvern iqis, barra minn hekk, li l-istabbilimenti finanzjarji ma għandhomx biżżejjed informazzjoni, fid-dawl b’mod partikolari tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑15 ta’ Novembru 2006, dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (ĠU 2006, L 345, p. 1), sabiex jevalwaw jekk pagament effettivament għandux għan kuntrarju għar-Regolament Nru 833/2014 jew le.

174    Skont il-Gvern tar-Renju Unit, il-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni, l-espressjoni “għajnuna finanzjarja” tinkludi, min-naħa l-oħra, is-servizzi ta’ ħlas minn bank jew minn organu finanzjarju ieħor u dawn is-servizzi huma pprojbiti meta huma marbuta ma’ tranżazzjoni kummerċjali pprojbita skont ir-Regolament Nru 833/2014. Filwaqt li jagħmlu riferiment għan-nota ta’ gwida tal-Kummissjoni, tas‑16 ta’ Diċembru 2014, relatata mal-implementazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 [C(2014) 9950 finali], dawn il-partijiet ikkonċernati jqisu li din l-espressjoni għandha tiġi interpretata b’mod wiesgħa.

175    Il-Gvern Franċiż, min-naħa tiegħu, iqis li l-kunċett ta’ “għajnuna finanzjarja” għandu jiġi ristrett għat-tranżazzjonijiet biss li jipprovdu riżorsi ġodda min-naħa ta’ stabbiliment finanzjarju. Dan il-kunċett jista’, madankollu, jinkludi l-ipproċessar ta’ pagamenti meta dawn ikunu marbuta ma’ tranżazzjoni kummerċjali pprojbita skont ir-Regolament Nru 833/2014, sakemm tali pproċessar ta’ pagamenti jwassal għat-trasferiment ta’ riżorsi ġodda mill-istabbiliment finanzjarju lid-destinatarji tagħhom.

176    Għandu jiġi rrilevat li, skont il-miżuri restrittivi stabbiliti skont l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 833/2014, mhux biss l-esportazzjoni kollha lejn ir-Russja tal-prodotti intiżi għall-industrija taż-żejt, li l-lista tagħhom tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, hija suġġetta għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, iżda wkoll il-forniment kollu ta’ ċerti servizzi konnessi mal-prodotti kkonċernati, inkluż, b’mod partikolari, il-finanzjament jew l-għajnuna finanzjarja għall-esportazzjoni ta’ tali prodotti, għandha tiġi awtorizzata mill-awtorità kompetenti. Għaldaqstant, ir-restrizzjonijiet li jirrigwardaw tali servizzi konnessi huma indirizzati, b’mod partikolari, lill-istabbilimenti finanzjarji li jistgħu jipprovdu għajnuna finanzjarja, inklużi, b’mod partikolari, għotjiet, self u assigurazzjoni fuq il-kreditu għall-esportazzjoni, lill-esportaturi tal-imsemmija prodotti.

177    Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan tal-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitqies li, permezz tal-punt (a) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 833/2014, meta jagħmel riferiment għall-“għajnuna finanzjarja”, għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi, b’mod partikolari fuq l-istabbilimenti finanzjarji, obbligu li jiksbu awtorizzazzjoni għall-ipproċessar ta’ kull pagament relatat ma’ tranżazzjoni ta’ bejgħ, ta’ forniment, ta’ trasferiment jew ta’ esportazzjoni lejn ir-Russja ta’ prodotti li jissemmew fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari meta dawn l-istabbilimenti jikkonstataw li l-pagament, li l-ipproċessar tiegħu huwa mitlub, għandu relazzjoni ma’ tali tranżazzjoni.

178    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ebda waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014 ma tagħmel riferiment espress għall-“ipproċessar ta’ pagamenti”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jsir riferiment għall-istruttura u l-iskop ta’ dan ir-regolament.

179    L-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014 turi, bħalma argumenta b’mod partikolari l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li, permezz tal-użu tal-espressjoni “għajnuna finanzjarja”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħaseb f’atti komparabbli mal-għotjiet, mas-self u ma’ assigurazzjoni fuq il-kreditu għall-esportazzjoni. Issa, filwaqt li tali atti jeħtieġu li l-istabbiliment finanzjarju kkonċernat juża r-riżorsi tiegħu stess, is-servizzi ta’ pagament huma fornuti, min-naħa l-oħra, minn dan l-istabbiliment fil-kwalità ta’ intermedjarju li jittrażmetti fondi tal-pagatur terz lil destinatarju ddeterminat, mingħajr l-użu tal-fondi tal-imsemmi stabbiliment stess.

180    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 833/2014 ma jistax jiġi interpretat li jimponi fuq l-istabbilimenti finanzjarji obbligu li jiksbu, għall-ipproċessar ta’ kull pagament relatat ma’ tranżazzjoni ta’ bejgħ, ta’ forniment, ta’ trasferiment jew ta’ esportazzjoni fir-Russja ta’ prodotti msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, awtorizzazzjoni addizzjonali għal dik meħtieġa, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 833/2014, għal din it-tranżazzjoni, meta dawn l-istabbilimenti jikkonstataw li l-pagament, li l-ipproċessar tiegħu huwa mitlub, jikkostitwixxi l-kontroparti integrali jew parzjali ta’ tali tranżazzjoni.

181    Fil-fatt, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li l-Artikolu 4(3)(b) tal-imsemmi regolament ma għandux l-għan la li jistabbilixxi ffriżar tal-assi u lanqas restrizzjonijiet fil-qasam ta’ trasferimenti ta’ fondi, għandu jitqies li jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jissuġġetta l-ipproċessar ta’ kull trasferiment bankarju relatat mal-prodotti msemmija fl-Anness II tar-Regolament Nru 833/2014 għal talba għal awtorizzazzjoni minn qabel addizzjonali għal dik meħtieġa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 833/2014 għal tranżazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt preċedenti, huwa kien juża kliem differenti mill-“għajnuna finanzjarja” sabiex jistabbilixxi tali obbligu u l-limiti tiegħu.

182    Fl-aħħar nett, minkejja li l-għan tar-Regolament Nru 833/2014 huwa, b’mod partikolari, li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa fil-konfront tal-Ukraina, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4(3)(b) ta’ dan ir-regolament isegwi dan l-għan b’mod koerenti billi jistabbilixxi restrizzjonijiet fuq l-għajnuna finanzjarja għall-esportazzjoni lejn ir-Russja tal-prodotti intiżi għall-industrija taż-żejt, filwaqt li ma jissuġġettax l-ipproċessar ta’ pagamenti bħala tali għar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni minn qabel.

183    Din l-interpretazzjoni hija bla ħsara għall-projbizzjoni li tolqot l-ipproċessar kollu ta’ pagamenti relatati ma’ tranżazzjoni kummerċjali li hija stess hija pprojbita skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 833/2014.

184    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punt (a) tat-tielet domanda għandha tkun li l-espressjoni “għajnuna finanzjarja” li tinsab fl-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tinkludix l-ipproċessar ta’ pagament, bħala tali, minn bank jew minn organu finanzjarju ieħor.

 Fuq il-punt (b) tat-tielet domanda

185    Permezz tal-punt (b) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 833/2014 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ħruġ, sa mit‑12 ta’ Settembru 2014, ta’ GDR, skont ftehim ta’ depożitu konkluż mal-entitajiet elenkati fl-Anness VI ta’ dan ir-regolament, meta dawn il-GDR huma rappreżentattivi ta’ azzjonijiet maħruġa minn waħda minn dawn l-entitajiet qabel it‑12 ta’ Settembru 2014.

186    Rosneft tqis li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun fin-negattiv. Skont hi, l-interpretazzjoni li l-azzjonisti tal-entitajiet identifikati mill-miżuri restrittivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux iġibu l-azzjonijiet tagħhom flimkien f’GDRs hija f’kuntradizzjoni mal-għan imfittex mir-Regolament Nru 833/2014, li huwa li ssir pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa billi tiġi ristretta l-kapaċità tal-entitajiet identifikati li jittrasferixxu l-kapital, sa fejn din taffettwa b’mod partikolari l-azzjonisti ta’ dawn l-entitajiet.

187    Mill-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament Nru 833/2014, jirriżulta, b’mod partikolari, li kull tranżazzjoni ta’ xiri, ta’ bejgħ, ta’ provvediment ta’ servizzi ta’ investiment jew ta’ għajnuna għall-ħruġ ta’ ċerti titoli trasferibbli, maħruġa wara t‑12 ta’ Settembru 2014, kif ukoll kull tranżazzjoni li tirrigwarda tali titoli trasferibbli, mill-entitajiet elenkati fl-Anness VI ta’ dan ir-regolament, inkluż Rosneft, hija pprojbita. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-espressjoni “titoli trasferibbli” tinkludi, konformement mad-definizzjoni fl-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 833/2014, irċevuti depożitarji rigward l-ishma.

188    Fir-rigward tal-argument ta’ Rosneft, li din il-projbizzjoni hija f’kuntradizzjoni mal-għan tal-imsemmi regolament sa fejn din tippenalizza lill-azzjonisti tal-entitajiet elenkati fl-Anness VI tiegħu, għandu jiġi rrilevat, bħall-FCA, li miżuri restrittivi, sa fejn dawn jirrigwardaw kumpannija, min-natura tagħhom stess jistgħu jaffettwaw negattivament l-interessi tal-azzjonisti tagħha. F’dan il-każ, peress li l-għan tal-imsemmija miżuri restrittivi huwa preċiżament li tikber l-ispiża tal-azzjonijiet tal-Federazzjoni Russa, l-ikbar azzjonist ta’ Rosneft, dan l-argument huwa manifestament infondat.

189    Barra minn hekk, huwa evidenti li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 833/2014 jipprojbixxi l-ħruġ, sa mit‑12 ta’ Settembru 2014, ta’ GDR fuq azzjonijiet tal-entitajiet elenkati fl-Anness VI tiegħu, indipendentement mid-data ta’ ħruġ ta’ dawn l-azzjonijiet.

190    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-punt (b) tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 833/2014 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprojbixxi l-ħruġ, sa mit‑12 ta’ Settembru 2014, ta’ GDR skont ftehim ta’ depożitu konkluż ma’ waħda mill-entitajiet elenkati fl-Anness VI ta’ dan ir-regolament, inkluż meta dawn il-GDR huma rappreżentattivi ta’ azzjonijiet maħruġa minn waħda minn dawn l-entitajiet qabel din id-data.

 Fuq il-punt (c) tat-tielet domanda

191    Permezz tal-punt (c) tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipprovdi interpretazzjoni, jekk hija tqisha meħtieġa, tal-kunċetti ta’ “ilmijiet aktar fondi minn 150 metru” u ta’ “shale”, li jinsabu fl-Artikoli 3 u 3a tar-Regolament Nru 833/2014.

192    Fid-dawl tad-deċiżjoni tar-rinviju, jidher li din id-domanda tikkomplementa l-punt (b) tat-tieni domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 833/2014 huwiex invalidu minħabba l-allegat nuqqas ta’ ċarezza tiegħu. Il-qorti tar-rinviju tillimita ruħha li tispjega, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis meħtieġ, tagħti lill-partijiet fil-kawża definizzjonijiet iktar preċiżi ta’ dawn il-kunċetti.

193    Madankollu, din il-qorti ma tispjegax kif id-definizzjonijiet preċiżi tal-imsemmija kunċetti, ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja, huma meħtieġa għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-kawża pendenti quddiemha.

194    F’dan ir-rigward, filwaqt li huwa minnu li d-domandi preliminari dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2011, Lidl & Companhia, C‑106/10, EU:C:2011:526, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta kontroversja (sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2005, García Blanco, C‑225/02, EU:C:2005:34, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

195    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax b’mod ċar b’liema mod din id-domanda hija distinta, b’mod partikolari, mill-punt (b) tat-tieni domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 833/2014 huwiex invalidu minħabba l-allegat nuqqas ta’ ċarezza tiegħu. Peress li mir-risposta mogħtija għal dan il-punt (b) tat-tieni domanda jirriżulta li l-eżami tal-Artikoli 3 u 3a tar-Regolament Nru 833/2014, fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli, ma weriex elementi li jistgħu jimminaw il-validità tal-imsemmija dispożizzjonijiet, ma jidhirx, abbażi tal-informazzjoni fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-qorti tar-rinviju għandha bżonn, barra minn hekk, interpretazzjoni tal-imsemmija kunċetti sabiex tiddeċiedi t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

196    Fin-nuqqas ta’ preċiżjonijiet f’dan ir-rigward, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għal interpretazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

197    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 19, 24 u 40 TUE, l-Artikolu 275 TFUE, kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE, fuq il-validità ta’ att adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), bħad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, tal31 ta’ Lulju 2014, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/872/PESK, tal4 ta’ Diċembru 2014, sakemm it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda jew l-istħarriġ tal-osservanza tal-Artikolu 40 TUE minn din id-deċiżjoni, jew l-istħarriġ tal-legalità tal-miżuri restrittivi fil-konfront tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi.

2)      L-eżami tat-tieni domanda ma wera ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 1(2)(b) sa (d) u (3), tal-Artikolu 7 u tal-Anness III tad-Deċiżjoni 2014/512, kif emendata bid-Deċiżjoni 2014/872, jew tal-Artikoli 3 u 3a, tal-Artikolu 4(3) u (4), tal-Artikolu 5(2)(b) sa (d) u (3), tal-Artikolu 11 kif ukoll tal-Annessi II u VI tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014, tal-31 ta’ Lulju 2014, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1290/2014, tal4 ta’ Diċembru 2014.

Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ preċiżjoni tal-liġi applikabbli (nulla poena sine lege certa) għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma humiex ta’ ostakolu sabiex Stat Membru jimponi sanzjonijiet kriminali li għandhom japplikaw fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament Nru 1290/2014, konformement mal-Artikolu 8(1) tiegħu, qabel il-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet u, għaldaqstant, tas-sanzjonijiet kriminali relatati, ma tkun ġiet ippreċiżata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3)      L-espressjoni “għajnuna finanzjarja” li tinsab fl-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament Nru 1290/2014, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tinkludix l-ipproċessar ta’ pagament, bħala tali, minn bank jew minn organu finanzjarju ieħor.

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament Nru 1290/2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprojbixxi l-ħruġ, sa mit12 ta’ Settembru 2014, ta’ ċertifikati internazzjonali li jirrappreżentaw titoli (Global Depositary Receipts), skont ftehim ta’ depożitu konkluż ma’ waħda mill-entitajiet elenkati fl-Anness VI tar-Regolament Nru 833/2014, kif emendat bir-Regolament Nru 1290/2014, inkluż meta dawn iċ-ċertifikati huma rappreżentattivi ta’ azzjonijiet maħruġa minn waħda minn dawn l-entitajiet qabel din id-data.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.