Language of document : ECLI:EU:C:2015:12

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

15 ta’ Jannar 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiem fil-qasam tas-sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Applikabbiltà — Impjieg ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ma’ konsulat ta’ Stat terz stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor li dan jirrisjedi fit-territorju tiegħu — Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-24 ta’ April 1963 dwar Relazzjonijiet Konsulari — Artikolu 71(2) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti faċilitajiet, privileġġi u immunitajiet lir-residenti permanenti”

Fil-Kawża C‑179/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa miċ-Centrale Raad van Beroep (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ April 2013, fil-proċedura

Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank

vs

L. F. Evans,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ April 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għar-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank, minn H. van der Most,

–        għal Evans, minn N. Matt, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer kif ukoll minn M. Bulterman u M. Gijzen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent, assistit minn A. Silva Rocha, Professur,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2, 3 u/jew 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati[, għall-persuni li jaħdmu għal rashom] u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), hekk kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 392, p. 1, iktar ’il quddiem “ir-Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll, sussidjarjament, tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn ir-Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank (iktar ’il quddiem l-“Svb”) u L.F. Evans, ċittadina Britannika, fir-rigward tal-kalkolu tad-drittijiet tal-pensjoni relattivi għall-perijodu li matulu hija kienet impjegata mill-Konsulat Ġenerali tal-Istati Uniti tal-Amerika (il-Pajjiżi l-Baxxi) u kienet tibbenefika minn status privileġġat li abbażi tiegħu hija kienet eżentata b’mod partikolari minn kull kontribuzzjoni soċjali u għalhekk ma kinitx affiljata mal-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Konsulari, konkluża fi Vjenna fl-24 ta’ April 1963 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 596, p. 261, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963”), tipprovdi fl-Artikolu 1(1) u (3) tagħha:

“1.      Għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni, is-segwenti espressjonijiet għandhom ifissru kif iddefinit iktar ’il quddiem:

a.      L-espressjoni ‘post konsulari’ tfisser kull konsulat ġenerali, konsulat, viċi konsulat jew aġenzija konsulari;

[…]

c.      L-espressjoni ‘kap ta’ post konsulari’ tfisser il-persuna inkarigata li taġixxi f’din il-kapaċità;

d.      L-espressjoni ‘uffiċjal konsulari’ tfisser kull persuna, inkluż il-kap ta’ post konsulari, inkarigata f’din il-kapaċità mill-eżerċizzju ta’ funzjonijiet konsulari;

e.      L-espressjoni ‘impjegat konsulari’ tfisser kull persuna impjegata fis-servizzi amministrattivi jew tekniċi ta’ post konsulari;

f.      L-espressjoni ‘membru tal-persunal ta’ servizz’ tfisser kull persuna inkarigata mis-servizz domestiku ta’ post konsulari;

g.      L-espressjoni ‘membri tal-post konsulari’ tfisser uffiċjali konsulari, impjegati konsulari u membri tal-persunal ta’ servizz;

h.      L-espressjoni ‘membri tal-persunal konsulari’ tfisser uffiċjali konsulari minbarra l-kap ta’ post konsulari, l-impjegati konsulari u l-membri tal-persunal ta’ servizz;

i.      L-espressjoni ‘membru tal-persunal privat’ tfisser persuna impjegata b’mod esklużiv fis-servizz privat ta’ membru tal-post konsulari;

[…]

3.      Is-sitwazzjoni partikolari tal-membri tal-postijiet konsulari li huma ċittadini jew residenti permanenti tal-Istat ta’ residenza hija rregolata mill-Artikolu 71 tal-Konvenzjoni preżenti.”

4        Intitolat “Eżenzjoni mill-iskema ta’ sigurtà soċjali”, l-Artikolu 48 ta’ din il-konvenzjoni huwa mfassal b’dan il-mod:

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-membri tal-post konsulari, f’dak li jirrigwarda s-servizzi li jipprovdu lill-Istat mandanti, u l-membri tal-familja tagħhom li jgħixu magħhom, huma eżenti mid-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fl-Istat ta’ residenza.

2.      L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tapplika wkoll għall-membri tal-persunal privat li jinsabu fis-servizz esklużiv tal-membri tal-post konsulari, bil-kundizzjoni:

a.      li ma jkunux ċittadini tal-Istat ta’ residenza jew ma jkollhomx ir-residenza permanenti tagħhom hemm; u

b.      li jkunu suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà soċjali li jkunu fis-seħħ fl-Istat mandanti jew fi Stat terz.

3.      Il-membri tal-post konsulari li għandhom fis-servizz tagħhom persuni li għalihom ma tapplikax l-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom josservaw l-obbligi li d-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-Istat ta’ residenza jimponu fuq il-persuna li timpjega.

4.      L-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma teskludix il-parteċipazzjoni volontarja fl-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat ta’ residenza, sa fejn din tkun ammessa minn dan l-Istat.”

5        Intitolat “Ċittadini jew residenti permanenti tal-Istat ta’ residenza”, l-Artikolu 71 tal-konvenzjoni msemmija jipprovdi:

“1.      Sakemm ma jkunux ingħataw faċilitajiet, privileġġi u immunitajiet supplimentari mill-Istat ta’ residenza, l-uffiċjali konsulari li huma ċittadini jew residenti permanenti tal-Istat ta’ residenza jibbenefikaw biss mill-immunità ta’ ġurisdizzjoni u tal-invjolabbiltà personali għall-atti uffiċjali mwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u mill-privileġġ stabbilit fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 44. F’dak li jikkonċerna lil dawn l-uffiċjali konsulari, l-Istat ta’ residenza għandu wkoll l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 42. Meta titressaq azzjoni kriminali kontra tali uffiċjal konsulari, il-proċedura għandha ssir, ħlief jekk il-persuna kkonċernata tinsab fi stat ta’ arrest jew ta’ detenzjoni, b’mod li tostakola l-inqas possibbli l-eżerċizzju tal-funzjonijiet konsulari.

2.      Il-membri tal-post konsulari l-oħrajn li huma ċittadini jew residenti permanenti tal-Istat ta’ residenza u l-membri tal-familja tagħhom […] jibbenefikaw minn dawn il-faċilitajiet, privileġġi u immunitajiet biss sa fejn jirrikonoxxihomlhom dan l-Istat. […]”

6        Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta l-istrument ta’ ratifikazzjoni tiegħu tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963 quddiem is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-17 ta’ Diċembru 1985, liema ħaġa waslet biex din tidħol fis-seħħ fir-rigward tiegħu fis-16 ta’ Jannar 1986.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1612/68

7        Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru jibbenefika, fit-territorju tal-Istati Membri l-oħra, mill-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini nazzjonali.

 Ir-Regolament Nru 1408/71

8        Il-premessi 5 u 8 tar-Regolament Nru 1408/71 jinqraw kif ġej:

“Billi huwa meħtieġ, fl-ambitu ta’ dak il-koordinament, li tkun iggarantita fl-ugwaljanza tat-trattament tal-Komunità taħt il-leġislazzjonijiet varji nazzjonali lill-ħaddiema li jgħixu fl-Istati Membri u d-dipendenti tagħhom u dawk li jkomplu jgħixu warajhom;

[…]

Billi l-persuni impjegati u dawk impjegati għal rashom li qegħdin jiċċaqilqu fil-Komunità għandhom ikunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss biex ikun evitat t-taħwid fil-leġislazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk”.

9        L-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament l-espressjoni “persuna impjegata” tfisser b’mod partikolari kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza waħda jew iktar koperti minn fergħat ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati.

10      L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta’ nazzjonalità ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew refuġjati li jgħixu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom jew is-sopravissuti tagħhom.”

11      L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“Suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċjali ta’ dan ir-Regolament, persuni li għalih japplika dan ir-Regolament jkunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jgawdu l-istess benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat.”

12      Taħt it-Titolu II, intitolat “Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli”, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għall-Artikoli 14c u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dik il-leġislazzjoni għandha tiġi stabbilita skond id-disposizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.      Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

a)      persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

13      L-Artikolu 16 tar-regolament imsemmi, intitolat “Regoli speċjali fejn jidħlu persuni impjegati minn missjonijiet diplomatiċi u postijiet konsulari, u staff awżiljarju tal-Komunitajiet Ewropej”, huwa mfassal fit-termini segwenti:

“1.      Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13(2)(a) jkunu japplikaw għall-persuni impjegati minn missjonijiet diplomatiċi u postijiet konsulari u għal staff domestiku privat ta’ aġenti ta’ tali missjonijiet u postijiet.

2.      Madankollu, il-persuni impjegati koperti mill-paragrafu 1 li huma ċittadini ta’ l-Istat Membru li huwa l-Istat akkredenti jew mittenti jistgħu jagħżlu li jkunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat. [T]ali dritt ta’ l-għażla jista’ jiġġedded fi tmiem kull sena kalendarja u ma jkollux effett retrospettiv.

[…]”

14      Ir-Regolament Nru 1408/71 tħassar b’effett mill-1 ta’ Mejju 2010 bir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72). Madankollu, dan l-aħħar Regolament ma japplikax għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

 Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

15      L-Artikolu 6(1) tal-liġi dwar is-sistema ġenerali ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija (Algemene Ouderdomswet, Stb. 1956, Nru 281, iktar ’il quddiem l-“AOW”) jipprovdi li huma assigurati fis-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod partikolari, ir-residenti tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jipprovdi li “il-kategorija tal-persuni assigurati tista’ tiġi estiża jew limitata permezz ta’ miżura ta’ amministrazzjoni ġenerali jew, abbażi ta’ din, b’deroga mill-paragrafi 1 u 2”.

16      Abbażi tal-Artikolu 6(3) tal-AOW, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi adottaw diversi digrieti ta’ estensjoni u ta’ restrizzjoni tal-kategorija tal-persuni assigurati abbażi tal-assigurazzjonijiet soċjali matul l-1976, 1989 u l-1998.

17      B’applikazzjoni ta’ dawn id-digrieti ta’ estensjoni u ta’ restrizzjoni tal-kategorija tal-persuni assigurati abbażi tal-assigurazzjonijiet soċjali, il-membri tal-persunal u l-impjegati konsulari, fosthom il-membri tal-persunal amministrattiv, ma humiex assigurati abbażi tal-assigurazzjonijiet soċjali sakemm ma jkollhomx in-nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi jew, fid-digrieti fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 1989, sakemm ma jkollhomx ir-residenza permanenti tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi.

18      Fir-rigward ta’ dan l-istatus ta’ resident permanenti, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi kienu inizjalment jikkunsidraw li l-impjegati konsulari, fis-sens tal-Artikolu 1(e) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963, residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda ta’ nazzjonalità barranija ma setgħux jiġu kkwalifikati bħala residenti permanenti fis-sens tal-Artikoli 1(3) u 71 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963 u, konsegwentement, jibbenefikaw mis-sistema privileġġjata prevista fl-Artikolu 48 ta’ din il-konvenzjoni.

19      Mill-1 ta’ Awwissu 1987, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi bidlu l-evalwazzjoni tagħhom u kkunsidraw li l-persunal irreklutat lokalment u li kien jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi għal iktar minn sena mid-data tar-reklutaġġ tiegħu kellu jitqies bħala residenti permanenti, u eskludew għalhekk li dan jibbenefika mis-sistema privileġġjata stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963. Biex jevitaw li jippreġudikaw is-sitwazzjonijiet legali akkwistati, dawn iddeċidew li din il-bidla ma jkollha ebda konsegwenza fuq il-persuni li kienu diġà jaħdmu f’post konsulari qabel l-1 ta’ Awwissu 1987. Madankollu, matul l-1999, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Pajjiżi l-Baxxi offra lil dawn il-persuni li kienu diġà jaħdmu f’konsulat jew f’ambaxxata fil-Pajjiżi l-Baxxi qabel l-1 ta’ Awwissu 1987 il-possibbiltà li jagħżlu, qabel il-15 ta’ Diċembru 1999, li jkunu assigurati abbażi tal-assigurazzjoni soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20      L.F. Evans, ta’ nazzjonalità Britannika, ħadmet fir-Renju Unit mill-1972 sal-1973 u wara stabbilixxiet ruħha, f’din l-istess sena, fil-Pajjiżi l-Baxxi fejn din ġiet impjegata inizjalment fi ħdan diversi impriżi u wara, sa April 1980, fil-konsulat ġenerali tar-Renju Unit f’Rotterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi).

21      Mis-17 ta’ Novembru 1980, hija taħdem fil-konsulat ġenerali tal-Istati Uniti tal-Amerika f’Amsterdam, bħala membru tal-persunal amministrattiv u tekniku fis-sens tal-Artikolu 1(1)(e) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963 u għandha, mid-dħul fis-servizz tagħha, assigurazzjoni tal-mard li titħallas mill-persuna li timpjegaha ma’ kumpannija privata ta’ assigurazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi.

22      Peress li qies li L.F. Evans ma setgħetx titqies bħala residenti permanenti fil-Pajjiżi l-Baxxi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin taha, mad-dħul fis-servizz tagħha, l-istatus privileġġat previst mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963 li jimplika, b’mod partikolari, eżenzjoni mill-parti l-kbira tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet soċjali. Għalhekk, L.F. Evans ma kienet imsieħba ma’ ebda parti tas-sigurtà soċjali minn din id-data.

23      Matul l-1999, L.F. Evans ġiet mistiedna mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi biex tagħmel l-għażla msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza bejn iż-żamma tal-istatus privileġġat tagħha u s-sħubija, għall-ġejjieni, mas-sistema ġenerali ta’ sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-5 ta’ Diċembru tal-istess sena, hija għażlet li żżomm dan l-istatus fit-termini segwenti, jiġifieri “nixtieq inżomm l-istatus privileġġat tiegħi, liema ħaġa tfisser li minix assigurata abbażi tas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi u b’hekk ma għandix dritt għall-kopertura offruta minnha”.

24      Matul l-2008, L.F. Evans talbet lill-Svb tagħtiha rendikont tal-perijodi ta’ assigurazzjoni tagħha abbażi tal-AOW għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni futura tagħha. Fis-27 ta’ Marzu 2008, l-Svb indikatilha li tqis li hija kienet assigurata magħha għall-perijodu mill-1973 sal-1980, iżda mhux għall-perijodu li matulu hija kienet impjegata fil-konsulat ġenerali tal-Istati Uniti tal-Amerika. Għal dan, l-Svb ibbażat ruħha fuq il-fatt li r-Regolament Nru 1408/71 ma japplikax għaliha peress li l-Istati Uniti tal-Amerika ma humiex Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u li, abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, li hija l-unika waħda applikabbli f’tali sitwazzjoni, il-membri tal-persunal konsulari u l-membri tal-persunal amministrattiv ma humiex assigurati abbażi tal-assigurazzjoni soċjali ħlief jekk ikollhom in-nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi.

25      Għalhekk, L.F. Evans ressqet ilment kontra d-deċiżjoni tal-Svb li ġie ddikjarat infondat u kien is-suġġett ta’ rikors quddiem ir-Rechtbank Amsterdam. B’sentenza tal-15 ta’ Marzu 2011, din il-qorti ddeċidiet li L.F. Evans kellha titqies li kienet assigurata abbażi tal-AOW għall-perijodu mit-18 ta’ Novembru 1980 sat-12 ta’ Marzu 2008, għar-raġuni li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71 jimponi li n-nazzjonalità Britannika ta’ L.F. Evans tiġi pparagunata man-nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi, skont is-sentenza Boukhalfa (C‑214/94, EU:C:1996:174). Barra minn hekk, din il-qorti qieset li L.F. Evans kellha titqies bħala residenti permanenti u li l-benefiċċju ta’ status privileġġat ma kellu ebda effett f’dan ir-rigward.

26      L-Svb appellat minn din is-sentenza quddiem is-Centrale Raad van Beroep.

27      Peress li kellha dubji fuq il-fatt jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, teżistix diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba n-nazzjonalità u, sussidjarjament, jekk, f’każ ta’ diskriminazzjoni indiretta, din hijiex ġustifikata, is-Centrale Raad van Beroep iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikoli 2 u/jew 16 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna bħal L.F. Evans, li hija ċittadina ta’ Stat Membru, li eżerċitat id-dritt ta’ moviment liberu tal-ħaddiema li huwa dritt tagħha, li fir-rigward tagħha kienet tapplika l-leġiżlazzjoni Olandiża fil-qasam tas-sigurtà soċjali u li sussegwentement ħadmet bħala membru tal-persunal fid-dipartiment tal-Konsulat Ġenerali tal-Istati Uniti tal-Amerka fil-Pajjiżi l-Baxxi, ma taqax iktar taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71 sa minn meta hija bdiet dawn l-attivitajiet?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv:

2)      a)     L-Artikoli 3 tar-Regolament Nru 1408/71 u/jew 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-applikazzjoni ta’ status ipprivileġġat fil-konfront ta’ L.F. Evans, li, f’dan il-każ jikkonsisti b’mod partikolari fl-assenza ta’ affiljazzjoni obbligatorja mal-assigurazzjonijiet soċjali u fl-assenza ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet għal dan l-għan, għandha titqies bħala ġustifikazzjoni suffiċjenti għad-distinzjoni mwettqa minħabba n-nazzjonalità?

b)      F’dan ir-rigward, x’importanza għandha tingħata lill-fatt li, meta mistoqsija dwar dan is-suġġett f’Diċembru 1999, L.F. Evans għażlet li żżomm l-istatus ipprivileġġat tagħha?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

28      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, jistax jiġi interpretat fis-sens li, għall-perijodu fejn ċittadin ta’ Stat Membru jkun ġie impjegat f’post konsulari ta’ Stat terz stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex ċittadin tiegħu, iżda li jirrisjedi fit-territorju tiegħu, dan iċ-ċittadin jista’ jitqies minn dan l-Istat Membru bħala mhux suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, minħabba f’hekk, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71.

29      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 2(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 1408/71 japplika għall-ħaddiema impjegati li huma jew kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar u li huma ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri.

30      F’dan il-każ, huwa stabbilit li L.F. Evans hija ċittadina ta’ Stat Membru u li, f’dak li jikkonċerna l-perijodu inkwistjoni, hija ma kienet imsieħba ma’ ebda fergħa ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru mid-dħul fis-servizz tagħha fil-konsulat ġenerali tal-Istati Uniti tal-Amerika.

31      Għalhekk għandu jiġi evalwat jekk persuna f’sitwazzjoni bħal dik ta’ L.F. Evans, jiġifieri persuna impjegata f’post konsulari ta’ Stat terz stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru li din ma tkunx ċittadina tiegħu, iżda li tirrisjedi fit-territorju tiegħu, għandhiex titqies bħala suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71.

32      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza Boukhalfa (EU:C:1996:174) imsemmija mill-qorti tar-rinviju, peress li, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, kien hemm ċittadin ta’ Stat Membru impjegat mill-ambaxxata ta’ Stat Membru stabbilita fit-territorju ta’ Stat terz.

33      Bl-istess mod, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-dritt tal-Unjoni ma jiksirx, fil-prinċipju, il-kompetenza tal-Istati Membri biex jirregolaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Salgado González, C‑282/11, EU:C:2013:86, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni, hija, fil-prinċipju, il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet tal-eżistenza tad-dritt jew tal-obbligu ta’ sħubija ma’ sistema ta’ sigurtà soċjali jew ma’ waħda mill-fergħat ta’ sistema simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi van Pommeren‑Bourgondiën, C‑227/03, EU:C:2005:431, punt 33, u Bakker, C‑106/11, EU:C:2012:328, punt 32).

35      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali, liema dritt jifforma parti mis-sistema legali tal-Unjoni u jorbot lill-istituzzjonijiet tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Racke, C‑162/96, EU:C:1998:293, punti 45 u 46, kif ukoll Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291).

36      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu għalhekk jiġi interpretat il-kunċett ta’ “soġġetti għall-leġislazzjoni ta’ Stat Membru”, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali konswetudinarju rilevanti (ara, b’analoġija, is-sentenza Salemink, C‑347/10, EU:C:2012:17, punt 31), jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963 li tikkodifika d-dritt tar-relazzjonijiet konsulari u tistabbilixxi l-prinċipji u r-regoli indispensabbli għaż-żamma tar-relazzjonijiet paċifiċi bejn Stati u aċċettati fid-dinja kollha minn nazzjonijiet ta’ kull twemmin, kultura u appartenenza politika [ara s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Mejju 1980, kawża dwar il-persunal diplomatiku u konsulari tal-Istati Uniti f’Teheran (L-Istati Uniti tal-Amerika vs L-Iran), Ġabra tas-sentenzi, opinjonijiet konsultattivi u digrieti 1980, p. 3, punt 45].

37      Fir-rigward tas-sistema ta’ sigurtà soċjali applikabbli għall-persunal konsulari, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963 tipprevedi, fl-Artikolu 48 tagħha, li l-membri tal-post konsulari, fir-rigward tas-servizzi li jagħtu lill-Istat mandanti, huma, bħala prinċipju, eżenti mid-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fl-Istat ta’ residenza, filwaqt li taċċetta, fl-Artikolu 71(2) tagħha, li l-membri tal-post konsulari li huma ċittadini jew residenti permanenti tal-Istat ta’ residenza jibbenefikaw mill-faċilitajiet, mill-privileġġi u mill-immunitajiet sa fejn dan l-Istat jirrikonoxxihomlhom.

38      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għall-perijodu qabel l-1 ta’ Awwissu 1987, il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi kienet tipprevedi li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal konsulari mhux mill-Pajjiżi l-Baxxi ma kinux assigurati abbażi tal-assigurazzjonijiet soċjali u li, għall-perijodu wara din id-data, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal konsulari residenti permanenti fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu assigurati magħhom, filwaqt li stabbilixxiet sistema ta’ għażla għall-persunal li daħal fis-servizz qabel l-1 ta’ Awwissu 1987 u li b’applikazzjoni tagħha dawn setgħu jkomplu ma jkunux assigurati abbażi tal-assigurazzjonijiet soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi, għal liema sistema L.F. Evans kienet favur.

39      Minn dan jirriżulta li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ried b’hekk juża l-fakultà li kienet offruta mill-Artikolu 71(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963 li jeżenta lil ċertu persunal ta’ postijiet konsulari, bħal L.F. Evans, mis-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Pajjiżi l-Baxxi.

40      Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jitqies li membru tal-persunal ta’ post konsulari, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ L.F. Evans, ma huwiex, għall-perijodu meta jkun impjegat fil-post konsulari ta’ Stat terz, suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru kkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71, u, għalhekk, ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

41      Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1408/71 moqri fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963.

42      F’dan ir-rigward, L.F. Evans issostni li hija tidħol fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li jgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament japplikaw għall-membri tal-persunal ta’ servizz tal-missjonijiet diplomatiċi jew tal-postijiet konsulari u għad-domestiċi privati fis-servizz ta’ aġenti ta’ dawn il-missjonijiet jew postijiet.

43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma għandux l-għan li jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-eżistenza tad-dritt jew tal-obbligu ta’ sħubija ma’ sistema ta’ sigurtà soċjali. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina dawn il-kundizzjonijiet (ara s-sentenzi Kits van Heijningen, C‑2/89, EU:C:1990:183, punt 19, kif ukoll Salemink, EU:C:2012:17, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Għalkemm l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom biex jirregolaw il-kundizzjonijiet għas-sħubija fis-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom, madankollu dawn għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni. Hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-kundizzjonijiet għall-eżistenza tad-dritt jew tal-obbligu ta’ sħubija ma’ sistema ta’ sigurtà soċjali ma jistax ikollhom l-effett li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali lill-persuni li lilhom hija applikabbli din l-istess leġiżlazzjoni, abbażi tar-Regolament Nru 1408/71 (ara s-sentenzi Salemink, EU:C:2012:17, punt 40, u Bakker, EU:C:2012:328, punt 33). B’hekk, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu l-effett li jagħmel inopponibbli fil-konfront tal-persuni kkonċernati minn din id-dispożizzjoni klawżola tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li abbażi tagħha l-ammissjoni għas-sistema ta’ sigurtà soċjali prevista minn din il-leġiżlazzjoni hija suġġetta għal kundizzjoni ta’ residenza fl-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Salemink, EU:C:2012:17, punt 45, kif ukoll Bakker, EU:C:2012:328, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Madankollu, din il-ġurisprudenza ma jistax ikollha bħala konsegwenza li s-sħubija ta’ ħaddiem mas-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 tiġi ddeterminata, indipendentement mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola s-sħubija, b’mod awtonomu minn dan ir-regolament.

46      B’mod iktar partikolari, fir-rigward tal-membri tal-persunal ta’ servizz tal-missjonijiet diplomatiċi u tal-postijiet konsulari msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Artikolu jillimita ruħu biex jiddetermina l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, l-istess bħall-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-Regolament, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mit-Titolu II tal-imsemmi Regolament u mill-kliem tal-imsemmi Artikolu 16. Min-naħa l-oħra, dan l-istess Artikolu 16 ma jipprevedix il-kundizzjonijiet għall-eżistenza tad-dritt jew tal-obbligu ta’ sħubija ma’ sistema ta’ sigurtà soċjali, peress li dawn għandhom, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, jiġu ddeterminati mil-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru fid-dawl tad-dritt internazzjonali applikabbli.

47      B’hekk, la l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u lanqas l-Artikolu 16 tiegħu ma għandhom l-effett li jikkonferixxu liċ-ċittadini tal-Istati Membri impjegati f’postijiet konsulari ta’ Stati terzi li, bħal L.F. Evans, ma humiex suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru, fis-sens tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, dritt ta’ sħubija mas-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru u lanqas li jimponu fuqhom obbligu ta’ sħubija ma’ tali sistema.

48      Peress li l-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963 ma teħtieġx sħubija obbligatorja tal-membri tal-post konsulari li huma residenti permanenti tal-Istat ta’ residenza ma’ sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ dan l-Istat, tali interpretazzjoni tirrispetta r-rekwiżiti tal-konvenzjoni msemmija.

49      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71, moqri flimkien mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-perijodu fejn ċittadin ta’ Stat Membru ġie impjegat f’post konsulari ta’ Stat terz stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex ċittadin tiegħu, iżda li jirrisjedi fit-territorju tiegħu, dan iċ-ċittadin ma huwiex suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk, abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tiegħu, adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 71(2) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna tal-1963, iċ-ċittadin imsemmi ma jkunx imsieħeb mas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali.

 Fuq it-tieni domanda

50      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, moqri flimkien mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-perijodu fejn ċittadin ta’ Stat Membru ġie impjegat f’post konsulari ta’ Stat terz stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex ċittadin tiegħu, iżda li jirrisjedi fit-territorju tiegħu, dan iċ-ċittadin ma huwiex suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk, abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tiegħu, adottata b’applikazzjoni tal-Artikolu 71(2) tal-Konvenzjoni dwar Relazzjonijiet Konsulari, konkluża fi Vjenna fl-24 ta’ April 1963, iċ-ċittadin imsemmi ma jkunx imsieħeb mas-sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.