Language of document : ECLI:EU:C:2009:128

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Marzu 2009 (*)

“Direttiva 2000/78 – Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Sensji minħabba l-irtirar – Ġustifikazzjoni”

Fil-Kawża C‑388/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit), permezz ta’ Deċiżjoni tal-24 ta’ Lulju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-9 ta’ Awwissu 2007, fil-proċedura

The Queen, fuq it-talba ta’:

The Incorporated Trustees of the National Council on Ageing (Age Concern England)

vs

Secretary of State for Business, Enterprise and Regulatory Reform,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. Klučka, U. Lõhmus u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Lulju 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal The Incorporated Trustees of the National Council on Ageing (Age Concern England) minn R. Allen, QC, A. Lockley, solicitor, u D. O’Dempsey, barrister,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn E. Jenkinson, bħala aġent, assistita minn D. Rose, QC,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Enegren u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha bħala għan l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors li jikkontesta l-legalità tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 fir-Renju Unit u bejn The Incorporated Trustees of the National Council on Ageing (Age Concern England) u Secretary of State for Business, Enterprise and Regulatory Reform (Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi, għall-Impriżi u għar-Riforma tal-leġiżlazzjoni).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-erbatax il-premessa tad-Direttiva 2000/78 tipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabilixxu l-età ta’ l-irtirar.”

4        Il-ħamsa u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/78 tipprovdi:

“Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”

5        Skont l-Artikolu 1 tagħha, “L-iskop (tad-Direttiva 2000/78) huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

6        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprevedi:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ’il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.       Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

ii)       fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn dispożizzjoni, kriterju jew prattika simili.

[…]”

7        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda

[…]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

8        Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)      L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

ċ)      l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9        Il-qorti tar-rinviju tesponi li, qabel it-3 ta’ April 2006, ma eżistitx fir-Renju Unit ebda liġi li tipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età fir-reklutaġġ u fl-impjieg. Il-persuni li qed iħaddmu setgħu jkeċċu l-impjegati li jkunu laħqu l-età normali tal-irtirar fis-seħħ fl-impriża tagħhom jew, fin-nuqqas ta’ dan, l-età ta’ 65 sena. L-Artikoli 109 u 156 tal-Liġi tal-1996 dwar id-drittijiet tax-xogħol (Employment Rights Act 1996, iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ 1996”) ipprevedew li l-impjegati ma setgħux jippretendu ebda kumpens minħabba tkeċċija f’ċirkustanzi tali.

10      Fit-3 ta’ April 2006, ir-Renju Unit tal-Gran Britanja u tal-Irlanda tan-Nord implementa d-Direttiva 2000/78 billi adotta r-Regolament tal-2006 dwar trattament ugwali fix-xogħol (età) [Employment Equality (Age) Regulations 2006], SI 1031/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2006.

11      L-Artikolu 3 tar-Regolament, li jidher fil-parti I ta’ dan tal-aħħar, jiddefinixxi kif ġej il-kundizzjonijiet li fihom prassi diskriminatorja tista’ titqies bħala illegali:

“(1) Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, persuna (“A”) tkun qiegħda tiddiskrimina kontra persuna oħra (“B”) jekk

(a) minħabba l-età ta’ B, A tittratta lil B b’mod inqas favorevoli milli hija tittratta jew kieku tittratta persuni oħra, jew

(b) A tapplika għal B dispożizzjoni, kriterju jew prattika li hija tapplika jew kieku tapplika ugwalment għal persuni li mhumiex fl-istess grupp tal-età bħal B, iżda

(i) li tqiegħed jew kieku tqiegħed lill-persuni tal-istess grupp tal-età bħal B, fi żvantaġġ partikulari meta pparagunata ma’ persuni oħra, u

(ii) li tqiegħed lil B f’dak l-iżvantaġġ,

u A ma tkunx tista turi li t-trattament jew, skont kif ikun il-każ, id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika hija mezz proporzjonat biex jintlaħaq għan leġittimu.”

12      Il-partijiet 2 u 3 tar-Regolament jiddefinixxu ċ-ċirkustanzi li fihom diskriminazzjoni hija illegali skont ir-Regolament.

13      B’mod eċċezzjonali, l-Artikolu 30 tar-Regolament jipprevedi:

“(1) Dan ir-Regolament japplika għall-impjegati fis-sens tal-Artikolu 230(1) tal-Att tal-1996, għall-persuni impjegata mal-Kuruna, għall-membri rilevanti tal-persunal tal-House of Commons, u għall-membri rilevanti tal-persunal tal-House of Lords.

(2) Xejn fit-Taqsimiet 2 jew 3 m’għandu jirrendi illegali t-tkeċċija ta’ persuna li għaliha japplika dan l-Artikolu, li għandha l-età ta’ 65 sena jew iktar, fejn ir-raġuni għat-tkeċċija hija l-irtirar.

(3) Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, jekk ir-raġuni għat-tkeċċija tkunx l-irtirar jew le għandu jiġi stabbilit skont l-Artikoli 98 ZA sa 98 ZF tal-Att tal-1996.”

14      Il-kwistjoni dwar jekk ir-raġuni ta’ tkeċċija hijiex l-irtirar tiddependi fuq l-applikazzjoni tal-kriterji stipulati fl-Iskeda 8 tar-Regolament. Dawn il-kriterji huma l-età, skont jekk l-impjegat għandux 65 sena jew iktar, jekk ikun il-każ, età imsejħa “età normali tal-irtirar” stabbilita mill-persuna li qed tħaddem, kif ukoll l-osservanza ta’ proċedura preliminari prevista fl-Anness 6 tar-Regolament. Abbażi ta’ dawn il-kriterji, l-Anness 8 ta’ dan tal-aħħar jiddetermina, għal erbatax-il tip ta’ sitwazzjonijiet, jekk l-irtirar jikkostitwixxi r-raġuni ta’ tkeċċija.

15      L-Iskeda 6 tar-Regolament tipprovdi li jekk min iħaddem ikollu l-intenzjoni li jistrieħ fuq l-Artikolu 30 ta’ dan tal-aħħar billi jsostni li r-raġuni ta’ tkeċċija hija l-irtirar, huwa għandu jagħti lill-impjegat bejn sitt xhur u sena avviż mid-data maħsuba għat-tkeċċija. Matul dan il-perijodu, l-impjegat jista’ jitlob biex ma jiġix imkeċċi minħabba l-irtirar, liema talba għandha tiġi kkunsidrata minn min iħaddem, mingħajr madankollu dan tal-aħħar mhuwa obbligat li jilqa’ din it-talba.

16      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, la r-Regolament u lanqas ebda test ieħor ma jipprevedi rikors speċifiku li jippermetti li jsir stħarriġ ġudizzjarju tal-kompatibbiltà tad-deċiżjoni ta’ min iħaddem rigward talba tali mal-prinċipju ta’ trattament ugwali kif imsemmi fid-Direttiva 2000/78.

17      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li l-Artikolu 7(4) tar-Regolament jissupplixxi l-Artikolu 30 ta’ dan tal-aħħar billi jippermetti lil min iħaddem sabiex jeżerċita, fir-rigward ta’ reklutaġġ, diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kontra persuni li għandhom 65 sena jew iktar. L-imsemmi Artikolu 7 jipprevedi:

“1. Huwa illegali għal min iħaddem li, meta jiġi biex jimpjega lil xi persuna fi stabbiliment fil-Gran Brittannja, jiddiskrimina kontriha

(a)       fl-arranġamenti li huwa jagħmel sabiex jiġi deċiż lil min għandu joffri l-impjeg;

[…]

(c)       billi jiċħad li joffrilha, jew deliberatament ma joffrilhiex, impjieg.

[…]

4. Bla ħsara għall-paragrafu (5), il-paragrafu (l)(a) u (ċ) ma japplikax għal persuna

(a)       illi l-età tagħha taqbeż l-età normali tal-irtirar stabbilita minn min iħaddem jew, jekk min iħaddem ma japplikax età normali tal-irtirar, l-età ta’ 65; jew

(b)       illi f’perjodu ta’ sitt xhur mid-data tal-applikazzjoni tagħha lil min iħaddimha, tilħaq l-età tal-irtirar normali ta’ min iħaddimha jew, jekk min iħaddimha ma jkollux età tal-irtirar normali, tilħaq l-età ta’ 65.

5. Il-paragrafu (4) japplika biss għal persuna li għaliha kien ikun jista’ japplika r-regolament 30 (l-eċċezzjoni għall-irtirar) kieku hija kienet ingaġġata minn min iħaddimha.

[…]

8. Fil-paragrafu (4) “età tal-irtirar normali” hija l-età ta’ 65 jew iktar li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 98ZH tal-Att tal-1996.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      The National Council on Ageing (Age Concern England) (iktar ’il quddiem “Age Concern England”) hija istituzzjoni tal-karità li għandha l-iskop li tippromwovi l-benesseri ta’ persuni anzjani. Permezz tar-rikors tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, Age Concern England tikkontesta l-legalità tal-Artikoli 3(1) u 7(4) kif ukoll tal-Artikolu 30 tar-Regolament, minħabba li dawn ma jikkostitwixxux traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 2000/78. Hija ssostni essenzjalment li, billi tipprevedi, fl-Artikolu 30 tagħha, eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni meta r-raġuni għat-tkeċċija ta’ impjegat ta’ 65 sena jew iktar hija l-irtirar, ir-Regolament jikser l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

19      Quddiem din il-qorti, l-awtoritajiet tar-Renju Unit sostnew, minn naħa tagħhom, li, skont l-erbatax-il premessa tad-Direttiva 2000/78, din tal-aħħar “ma tippreġudikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiffissaw l-etajiet għall-irtirar”, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar. Sussidjarjament, huma sostnew li dawn id-dispożizzjonijiet huma konformi mal-Artikolu 6 tal-imsemmija Direttiva.

20      Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“F’dak li jirrigwarda d-Direttiva 2000/78 […]:

[Fir-rigward tal-] etajiet nazzjonali ta’ rtirar u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva[:]

(1)       Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva huwa estiż għar-regoli nazzjonali li jippermettu lil min iħaddem li jissensja impjegati li għandhom l-età ta’ 65 jew iktar għal raġuni ta’ rtirar?

(2)       Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jestendi għal regoli nazzjonali li jippermettu lil min iħaddem li jissensja impjegati tal-età ta’ 65 jew iktar għal raġuni ta’ irtirar meta dawn ir-regoli jkunu ġew introdotti wara l-adozzjoni tad-Direttiva?

(3)       Fid-dawl tar-risposti għad-domandi [li jippreċedu,]

–        l-Artikolu 109 u/jew 156 tal-Att tal-1996, u

–        l-Artikoli 30 u 7, moqrija flimkien ma’ Skeda 8 u 6 tar-Regolament,

huma dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-etajiet ta’ rtirar fis-sens tal-Premessa 14 tad-Direttiva?

2. [Fir-rigward tad-] definizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta fuq bażi ta’ età [b’mod partikolari] raġuni ta’ ġustifikazzjoni[:]

(4)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jippermetti li l-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni li skondha trattament differenti fuq bażi ta’ età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni, u dan meta jiġi stabbilit li huwa mezz proporzjonat sabiex jinkiseb għan leġittimu; jew huwa l-każ li l-Artikolu 6(1) jeżiġi li l-Istati Membri jiddefinixxu t-tipi ta’ trattament differenti li jistgħu jkunu b’dan il-mod iġġustifikati, b’lista jew miżura oħra li tkun simili fil-forma u l-kontenut tagħha [għall-]Artikolu 6(1)?

[Fir-rigward ta’] kriterji għall-iġġustifikar ta’ diskriminazzjoni diretta u indiretta[:]

(5)      Teżisti xi differenza prattika sinjifikattiva, u, jekk iva, liema, bejn il-kriterji ta’ ġustifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva f’dak li jirrigwarda d-diskriminazzjoni indiretta, u l-kriterji ta’ ġustifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva f’dak li jirrigwarda d-diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ età?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel tliet domandi

21      Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk leġiżlazzjoni tali bħal dik li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali tirrilevax mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

22      Wara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, Ġabra p. I‑8531), il-partijiet interessati kollha li ressqu xi osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jaqblu li jirrikonoxxu li l-leġiżlazzjoni tirrileva mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

23      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li d-Direttiva 2000/78 hija intiża sabiex tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex kull persuna tkun assigurata trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol, billi toffrilha protezzjoni effikaċi kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 1 tagħha, fosthom l-età (ara sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

24      B’mod iktar partikolari, jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 li din tal-aħħar tapplika, fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija lill-Komunità, “għall-persuni kollha […] f’dak li jirrigwarda [...] il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

25      Tabilħaqq, skont l-erbatax-il premessa tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-età ta’ rtirar. Madankollu, din il-premessa tillimita ruħha sabiex tispeċifika li l-imsemmija direttiva ma taffettwax il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jiddeterminaw l-età li fiha wieħed jikkwalifika sabiex jirtira u bl-ebda mod ma tipprekludi l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva għall-miżuri nazzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet tat-tmiem ta’ kuntratt ta’ impjieg meta tintlaħaq l-età tal-irtirar, hekk stabbilita (sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

26      Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Artikolu 30 tar-Regolament għandu bħala effett li jawtorizza t-tkeċċija ta’ ħaddiem ta’ 65 sena jew iktar minħabba l-irtirar. Barra dan, l-Artikolu 7(4) ta’ dan ir-Regolament jipprevedi li min iħaddem jista’ jiddiskrimina fuq l-età għal raġunijiet ta’ impjieg fir-rigward ta’ persuni li, jekk huma kienu impjegati, ikunu jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 30 tal-imsemmi Regolament. Fl-aħħar, għall-ħaddiema ta’ inqas minn 65 sena, jirriżulta mill-Artikoli 3 u 30 tar-Regolament meħuda flimkien li kull tkeċċija għall-irtirar għandha tiġi kkunsidrata bħala diskriminatorja, sakemm min iħaddem ma jurix li din it-tkeċċija hija “mezz proporzjonat biex jintlaħaq għan leġittimu”.

27      Jirriżulta minn dan li Regolament bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistabbilixxix sistema imperattiva ta’ irtirar ex officio. Dan ir-Regolament jipprevedi l-kundizzjonijiet fejn min iħaddem jista’ jidderoga mill-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età u jkeċċi ħaddiem minħabba li dan tal-aħħar laħaq l-età sabiex jirtira. Minn dan isegwi li regolament tali jista’ jaffettwa direttament it-tul tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-partijiet kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, l-ingaġġ tal-ħaddiem ikkonċernat f’xi xogħol. Barra dan, dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 7(5) tar-Regolament tipprekludi l-ħaddiema li għandhom jew kważi għandhom 65 sena u li jaqgħu taħt l-Artikolu 30 tiegħu minn kull protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni għal impjieg ibbażata fuq l-età, li tillimita b’hekk il-parteċipazzjoni futura ta’ din il-kategorija ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol.

28      Leġiżlazzjoni nazzjonali tali għandha għalhekk tiġi meqjusa bħala li tistabbilixxi regoli li jirrigwardjaw “il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 u, għaldaqstant, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

29      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tali ġiet introdotta wara l-adozzjoni tad-Direttiva, ċirkustanza enfasizzata permezz tat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel tliet domandi fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali tali bħal dik stipulata fl-Artikoli 3, 7(4) u (5) u l-Artikolu 30 tar-Regolament inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

 Fuq ir-raba’ domanda

31      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhux jiġi interpretat bħala li jeżiġi mill-Istati Membri li huma jsemmu b’mod speċifiku t-tipi differenti ta’ trattament ibbażati fuq l-età li jistgħu jiġu preklużi mill-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni. Jirriżulta mill-proċess li din id-domanda hija intiża sabiex tiddetermina jekk l-imsemmi Artikolu 6(1) jipprekludix dispożizzjoni bħall-Artikolu 3 tar-Regolament, li bis-saħħa tiegħu trattament differenti bbażat fuq l-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni jekk huwa ppruvat li dan huwa “mezz proporzjonat biex jintlaħaq għan leġittimu”. Billi l-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, mhuwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra, b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha.

32      Jeħtieġ li jiġi mfakkar mill-bidu nett li, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha bħala għan li tiġġieled, fir-rigward ta’ impjieg u xogħol, kontra ċerti tipi ta’ diskriminazzjonijiet, li fosthom hemm id-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età, bl-għan li jiġi implementat, fl-Istati Membri, il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

33      Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, permezz ta’ “prinċipju ta’ trattament ugwali” wieħed għandu jifhem ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva. L-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar jispeċifika fil-paragrafu (2)(a) tiegħu, li, għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tiegħu, diskriminazzjoni diretta tipproduċi ruħha meta persuna hija ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli, abbażi ta’ wieħed mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78.

34      L-Artikolu 3 tar-Regolament jippermetti għal min iħaddem li jkeċċi l-ħaddiema ta’ inqas minn 65 il-sena – li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 30 tar-Regolament – meta dawn tal-aħħar jilħqu l-età stabbilita fl-impriża għall-irtirar jekk miżura tali tikkostitwixxi “mezz proporzjonat biex jintlaħaq għan leġittimu”. Interpretazzjoni tali għandha tiġi kkunsidrata bħala li timponi trattament inqas favorevoli fuq il-ħaddiema li għandhom l-età għall-irtirar f’relazzjoni mal-persuni l-oħra kollha fis-suq. Leġiżlazzjoni tali tista’ għalhekk tagħti lok għal trattament differenti direttament ibbażat fuq l-età, kif stabbilit fl-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

35      Jirriżulta madankollu mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 li trattament differenti tali bbażat fuq l-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita skont l-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar “jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.” It-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu jelenka diversi eżempji ta’ trattament differenti li għandu karatteristiċi bħal dawk imsemmija fl-imsemmi l-ewwel subparagrafu.

36      Age Concern England issostni li, billi jirrikorri b’hekk, għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, għal lista ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi u raġonevoli, il-leġiżlatur Komunitarju kien beħsiebu jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jimplementaw, fl-istrumenti tagħhom ta’ traspożizzjoni, lista speċifika ta’ trattament differenti li jista’ ikun iġġustifikat f’relazzjoni ma’ għan leġittimu. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprekludi għaldaqstant leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li trattament differenti bbażat fuq l-età, hi x’inhi, mhuwiex illegali meta jista’ jiġi ppruvat li hija tikkostitwixxi mezz proporzjonat biex jintlaħaq għan leġittimu.

37      Skont Age Concern England, ir-Regolament ma jispeċifika ebda ċirkustanza li tista’ tiġġustifika trattament differenti li jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età u ma jikkontjeni ebda dispożizzjoni speċifika tat-tip bħal dawk previsti fil-ħamsa u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/78.

38      Il-Gvern tar-Renju Unit jikkontesta din l-interpretazzjoni u jsostni li l-Istati Membri mhumiex obbligati jelenkaw f’forma ta’ lista t-trattament differenti li jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

39      Il-Gvern Taljan jiddefendi, essenzjalment, l-istess argumenti billi jinvoka l-marġni diskrezzjonali li l-Istati Membri għandhom għat-traspożizzjoni tad-Direttivi.

40      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni abbażi tal-età huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, u tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punt 75), u għall-Artikolu 21(1) tal-Kapitolu ta’ Drittijiet Fondamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1), u li kull eċċezzjoni għal dan il-prinċipju għandha tiġi ġġustifikata minn għan pubbliku ta’ politika soċjali. Hija tinterpreta l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 kif iċċarat mill-ħamsa u għoxrin premessa tal-preambolu tagħha bħala li jipprevedi forma limitata ta’ deroga minn dan il-prinċipju fundamentali ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet partikolari ta’ politika soċjali ta’ kull Stat Membru partikolari. Id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 6(1) jippresupponu għalhekk, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-adozzjoni ta’ miżura nazzjonali speċifika li tirrifletti flimkien ta’ ċirkustanzi u ta’ objettivi partikolari.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 249 KE, direttiva torbot kull Stat Membru destinatarju bir-riżultat li għandu jintlaħaq, filwaqt li tħalli f’idejn il-qrati nazzjonali l-kompetenza fir-rigward tal-forma u tal-mezzi. L-Istati Membri għandhom obbligu, waqt it-traspożizzjoni ta’ direttiva, li jiżguraw effett sħiħ ta’ din, waqt li jiddisponu minn marġini diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-mezzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑216/05, Ġabra p. I‑10787, punt 26).

42      Barra dan, it-traspożizzjoni fid-dritt intern ta’ direttiva ma tirrikjedix dejjem implementazzjoni formali tal-preskrizzjonijiet ta’ din tal-aħħar f’dispożizzjoni legali espressa u speċifika. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-impementazzjoni ta’ direttiva tista’, abbażi tal-kontenut ta’ din tal-aħħar, titwettaq fi Stat Membru permezz ta’ prinċipji ġenerali jew f’kuntest ġuridiku ġenerali, safejn dawn tal-aħħar huma adattati sabiex jiżguraw effettivament l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-Direttiva u li, fejn dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva hija intiża sabiex tikkreja drittijiet għall-individwi, is-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta minn dawn il-prinċipji ġenerali jew minn dan il-kuntest ġuridiku ġenerali tkun suffiċjentement preċiża u ċara, u li l-benefiċjarji jkunu jistgħu jkollhom konjizzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom kollha u anki, meta jkun il-każ, jagħmlu użu minnhom quddiem il-qrati nazzjonali (ara f’dan is-sens, rispettivament, sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 29/84, Ġabra p. 1661, punt 23, u tad-9 ta’ April 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 363/85, Ġabra p. 1733, punt 7). Direttiva tista’ ukoll tiġi implementata permezz ta’ miżura ġenerali sakemm din tal-aħħar tissodisfa l-istess kundizzjonijiet.

43      Skont dawn il-prinċipji, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jiġi interpretat bħala li jobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxu, fl-atti ta’ traspożizzjoni tagħhom, lista speċifika ta’ trattament differenti li jista’ ikun ġġustifikat minn għan leġittimu. Mill-bidu nett, jirriżulta mid-diċitura ta’ din id-dispożizzjoni li l-għanijiet leġittimi u t-trattament differenti li huma msemmija fiha għandhom biss valur indikattiv, hekk kif inhu muri fl-użu, mil-leġiżlatur Komunitarju, tal-avverb “b’mod partikolari”.

44      Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 li nuqqas ta’ preċiżjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-għanijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala leġittimi fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni jkollu bħala effett li jeskludi awtomatikament li din il-leġiżlazzjoni tkun tista’ tiġi ġġustifikata taħt l-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56).

45      Fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjoni, huwa madankollu essenzjali li elementi oħra, li jirriżultaw mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata, jippermettu li jiġi identifikat l-għan wara din il-miżura sabiex ikun jista’ jitwettaq stħarriġ ġudizzjarju tal-leġittimità tagħha kif ukoll tan-natura approprjata u neċessarja tal-mezzi adottati sabiex jitwettaq dan il-għan (sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).

46      Jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 li l-għanijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “leġittimi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, għaldaqstant, adattati sabiex jiġġustifikaw li ssir deroga mill-prinċipju ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età, huma għanijiet li jirrilevaw mill-politika soċjali, bħal dawk relatati mal-politika tax-xogħol, mas-suq tax-xogħol jew mat-tagħlim professjonali. Permezz tan-natura tagħhom ta’ interess ġenerali, dawn l-għanijiet leġittimi jiddistingwu ruħhom minn motivi purament individwali li japplikaw għas-sitwazzjoni ta’ min iħaddem, bħat-tnaqqis tal-ispejjeż jew it-titjib tal-kompetittività, mingħajr ma huwa madankollu possibbli li jiġi eskluż li regola nazzjonali tirrikonoxxi, fit-twettiq tal-imsemmija għanijiet leġittimi, ċertu grad ta’ flessibbiltà lil min iħaddem.

47      Jappartjeni fl-aħħar lok lill-qorti nazzjonali, li hija l-unika kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża li għandha quddiemha u biex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, sabiex tiddetermina jekk u f’liema miżura dispożizzjoni li tippermetti lil min iħaddem li jkeċċi lill-ħaddiema li għandhom l-età tal-irtirar hijiex iġġustifikata minn għanijiet “leġittimi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

48      Madankollu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar rinviju preliminari, hija tista’, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 40 u ġurisprudenza ċċitata).

49      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-għanijiet imsemmija mill-Artikolu 3 tar-Regolament humiex leġittimi fis-sens tal-Aritkolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, safejn dawn jirrilevaw minn għan ta’ politika soċjali, bħal dawk relatati mal-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol jew tat-tagħlim professjonali.

50      Jappartjeni lilha wkoll sabiex tivverifika, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha u billi tieħu inkunsiderazzjoni tal-possibbiltà li jintlaħaq permezz ta’ mezzi oħra l-għan leġittimu ta’ politika soċjali li jiġi identifikat, jekk l-Artikolu 3 tar-Regolament, bħala mezz intiż sabiex jintlaħaq dan l-għan, huwiex, skont id-diċitura tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, “approprjati u neċessarji”.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat jekk, billi jagħżlu l-mezzi li jistgħu jwettqu l-għanijiet tal-politika soċjali tagħhom, l-Istati Membri għandhomx marġni wiesgħa diskrezzjonali (ara, f’dan is-sens, sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63). Madankollu, dan il-marġni diskrezzjonali ma jistax ikollu bħala effett li l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni abbażi tal-età jiġi mċaħħad mis-sustanza tiegħu. Sempliċi affermazzjonijiet ġenerali li jirrigwardaw r-raġonevolezza ta’ miżura partikolari li tipparteċipa fil-politika tax-xogħol, tas-suq tax-xogħol jew tat-tagħlim professjonali mhumiex biżżejjed sabiex jintwera li l-għan ta’ din il-miżura hija tali li tiġġustifika li ssir deroga minn dan il-prinċipju u lanqas ma jikkostitwixxu elementi li jippermettu raġonevolment li jiġi meqjus li l-mezzi magħżula huma xierqa għat-twettiq ta’ dan il-għan (ara, b’analoġija, sentenza tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez, C-167/97, Ġabra p. I-623, punti 75 u 76).

52      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-raba’ domanda għandha tiġi mwieġba fis-sens li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix miżura nazzjonali li, bħall-Artikolu 3 tar-Regolament, ma jikkontjenix elenku preċiż tal-għanijiet li jiġġustifikaw li tkun tista’ issir deroga mill-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età. Madankollu, l-imsemmi Artikolu 6(1) jipprovdi l-possibbiltà li ssir deroga minn dan il-prinċipju biss għall-uniċi miżuri ġġustifikati minn għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali bħal dawk relatati mal-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol jew tat-taħriġ professjonali. Hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax tali għan leġittimu u jekk l-awtorità leġiżlattiva jew regolamentari nazzjonali setgħetx leġittimament tqis, fid-dawl tal-marġni diskrezzjonali li jgawdu minnu l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-politika soċjali, li l-mezzi magħżula kienu approprjati u neċessarji għat-twettiq ta’ dan il-għan.

 Fuq il-ħames domanda

53      Il-ħames domanda preliminari hija intiża sabiex tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jissuġġetta deroga eventwali mill-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età jiddiferenzjaw b’mod sinjifikattiv minn dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-Direttiva fir-rigward tad-diskriminazzjoni indiretta.

54      Age Concern England issostni li l-kriterji ta’ ġustifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 huma iktar stretti minn dawk previsti fl-Artikolu 2(2) tagħha. L-imsemmi Artikolu 6(1) jillimita fil-fatt id-derogi ammessi għal miżuri li huma ġġustifikati biss fid-dawl tan-natura oġġettiva u raġonevoli tagħhom. Din il-kundizzjoni dopja, unika fid-dritt Komunitarju dderivat, hija direttament ispirata mis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Gaygusuz vs L-Awstrija tas-16 ta’ Settembru 1996 (Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1996-IV, p. 1141, § 42), dwar diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess jew fuq ir-razza. Billi l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni abbażi tal-età huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, kif jirriżulta mill-punt 75 tas-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, Age Concern England issostni li kull ġustifikazzjoni ta’ trattament differenti bbażata fuq l-età li tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta għandha tiġi suġġetta għal livell għoli ta’ stħarriġ, ekwivalenti għal dak applikat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’dak li jirrigwarda d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess jew ir-razza.

55      Il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidra li l-użu konġunt, fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, tal-kliem “raġonevolment” u “objettivament” mhuwiex sinjifikattiv. Fil-fatt, ikun inkonċepibbli li trattament differenti jista’ ikun iġġustifikat minn għan leġittimu, milħuq permezz ta’ mezzi approprjati u neċessarji, iżda li din il-ġustifikazzjoni mhijiex raġonevoli. Barra dan, din id-dispożizzjoni tirrigwarda sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni mhux biss diretta, iżda wkoll indiretta, kif juri l-eżempju ta’ kundizzjonijiet minimi ta’ anzjanità jew ta’ esperjenza professjonali rikjesti għall-aċċess għall-impjieg imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1)(b). Ġeneralment, ġustifikazzjonijiet oġġettivi u proporzjonati jistgħu jiġu invokati sabiex tiġi skartata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, kemm fid-dawl tad-dritt Komunitarju u kif ukoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Jekk jiġi stabbilit kriterju differenti minn dak applikabbli fir-rigward ta’ diskriminazzjoni indiretta ikun jikkostitwixxi fattur ta’ insigurtà legali, anki jekk il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għandha numru ta’ attenwanti u eċċezzjonijiet li m’għandhomx ekwivalenti fir-rigward ta’ diskriminazzjoni razjali jew sesswali.

56      Il-Gvern Taljan isostni li l-Artikoli 2(2) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 m’għandhomx l-istess kamp ta’ applikazzjoni. Din l-aħħar dispożizzjoni, billi tagħmel referenza għal “għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali”, timplika li l-kamp tad-derogi mill-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni abbażi tal-età huwa iktar vast minn dak tad-derogi li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78.

57      Il-Kummissjoni tqis li mhemmx lok li tingħata importanza partikolari għall-fatt li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 ma jirreferix għan-natura raġonevoli tal-ġustifikazzjoni ta’ miżura li tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni. Id-differenza sostanzjali bejn din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 6(1) ta’ din id-Direttiva tirrigwarda l-punt dwar min għandu jipprovdi ġustifikazzjoni, x’inhi n-natura ta’ din tal-aħħar u kif għandha tiġi ppruvata. Rigward din l-aħħar dispożizzjoni, jirriżulta mill-punt 57 tas-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, li l-għan leġittimu segwit mis-Stat Membru kkonċernat għandu jkun jista’ jiġi dedott direttament mid-diċitura tal-miżura inkwistjoni jew mill-kuntest ġenerali tagħha, b’mod partikolari billi jsir rikors għal dokumenti uffiċjali. Minn naħa l-oħra, fir-rigward tal-Artikolu 2(2) tal-imsemmija Direttiva, l-enfażi qegħda fuq il-kapaċità ta’ min iħaddem sabiex jiġġustifika l-prassi tiegħu dwar l-impjieg.

58      Għandu jiġi kkonstatat li l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikoli 2(2)(b) u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jkoprux lil xulxin perfettament.

59      Fil-fatt, l-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kunċett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali fl-impjieg u fix-xogħol. Dan l-Artikolu jagħmel distinzjoni, fil-pargrafu 2 tiegħu, bejn, minn naħa, id-diskriminazzjoni direttament ibbażata fuq dawn il-motivi u, minn naħa oħra, bejn dik imsejħa “indiretta”, li, minkejja li tistrieħ fuq dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin, diżabilità partikolari, età, jew orjentazzjoni sesswali tagħhom, fi żvantaġġ partikolari f’relazzjoni ma’ persuni oħra. Biss id-dispożizzjonijiet, kriterji jew prassi li jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjonijiet indiretti jistgħu, skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, jiskapulaw il-kwalifika ta’ diskriminazzjoni, u dan huwa l-każ, skont id-diċitura tal-punt (i), meta “dispożizzjoni, jew [il-]kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq [ikunu] approprjati u neċessarji”. Għat-trattament differenti li jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, l-Artikolu 2(1) ta’ din id-Direttiva ma jipprevedi fil-fatt ebda deroga.

60      Minn naħa tagħha, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxi sistema derogatorja għal trattament differenti bbażat fuq l-età, minħabba l-partikolarità rrikonoxxuta għall-età fost il-motivi ta’ diskriminazzjoni pprojbiti minn din tal-aħħar. Il-ħamsa u għoxrin premessa ta’ din id-Direttiva tenfasizza fil-fatt li huwa “essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”

61      Kif ġie mfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jawtorizza l-Istati Membri sabiex jipprevedu, minkejja l-Artikolu 2(2) ta’ din tal-aħħar, li ċertu trattament differenti bbażat fuq l-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni meta huwa “objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.” It-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 6(1) jelenka numru ta’ eżempji ta’ trattament differenti li għandu karatteristiċi bħal dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-istess Artikolu, li, bħala regola, jista’ jitqies bħala “objettivament u raġonevolment iġġustifikat” minn għan leġittimu.

62      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jippermetti lis-Stati Membri li jistabbilixxu fid-dritt nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jipprevedu trattament differenti bbażat fuq l-età li, b’mod partikolari, jaqa’ taħt il-kategorija ta’ diskriminazzjoni diretta, kif iddefinit fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-Direttiva. Huwa wkoll f’din il-miżura, b’mod partikolari, li l-imsemmi Artikolu 6(1) għandu jiġi interpretat bħala li japplika, skont l-ewwel subparagrafu tiegħu, “[m]inkejja l-Artikolu 2(2)” ta’ din id-Direttiva. Din il-fakultà, inkwantu tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, hija madankollu strettament inkwadrata mill-kundizzjonijiet previsti fl-istess Artikolu 6(1).

63      Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-legalità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija minħabba l-età tal-irtirar. Safejn dawn jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ tkeċċija inqas favorevoli fir-rigward tal-ħaddiema li laħqu l-età tal-irtirar, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu forma ta’ diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

64      Minn naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, li tirrigwarda esklużivament id-diskriminazzjoni indiretta, ma tidhirx li hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

65      Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eżistenza ta’ applikazzjoni differenti tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, f’relazzjoni ma’ dik tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 (1) tagħha, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li din l-aħħar dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprevedu, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, li ċerti forom ta’ trattament differenti bbażati fuq l-età ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva meta huma “objettivament u raġonevolment” iġġustifikati. Filwaqt li għandu jiġi kkonstatat li l-kelma “raġonevolment” mhijiex imniżżla fl-Artikolu 2(2)(b) tal-imsemmija Direttiva, għandu jiġi rrilevat li ma jistax jiġi kkunsidrat li trattament differenti jkun jista’ jiġi ġġustifikat minn għan leġittimu, milħuq minn mezzi approprjati u neċessarji, iżda li din il-ġustifikazzjoni mhijiex raġonevoli. Għaldaqstant, mhemmx lok li tingħata importanza partikolari lill-fatt li l-imsemmija kelma ġiet użata biss fl-Artikolu 6(1) ta’ din l-istess Direttiva. Jeħtieġ madankollu li jiġi enfasizzat li dan l-aħħar Artikolu japplika għall-Istati Membri u jimponilhom, minkejja l-marġni wiesgħa diskrezzjonali li għandhom fir-rigward ta’ politika soċjali, l-oneru li jistabbilixxu l-leġittimità tal-għan imfittex sabiex jintlaħaq il-limitu probatorju mgħolli.

66      Mingħajr mhemm bżonn, f’dan il-każ, li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk dan il-limitu probatorju huwiex iktar għoli minn dak applikabbli fil-kuntest tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi rrilevat li, jekk dispożizzjoni, kriterju jew prassi ma tikkostitwixxix, minħabba ġustifikazzjoni objettiva fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-Direttiva, diskriminazzjoni fis-sens ta’ din tal-aħħar, mhuwiex, konsegwentement, neċessarju li jsir rikors għall-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, li, kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, għandu b’mod partikolari bħala missjoni li jippermetti l-ġustifikazzjoni ta’ ċertu trattament differenti li, mingħajr dan l-aħħar Artikolu, jikkostitwixxi diskriminazzjoni tali.

67      Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, il-ħames domanda magħmula għandha tiġi mwieġba fis-sens li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jipprevedu, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, ċerti forom ta’ trattament differenti bbażat fuq l-età meta dan huwa “objettivament u raġonevolment” iġġustifikat minn għan leġittimu, bħall-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol jew tat-taħriġ professjonali, u li l-mezzi għat-twettiq ta’ dan il-għan huma approprjati u neċessarji. Dan l-Artikolu jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu n-natura leġittima tal-għan invokat bħala ġustifikazzjoni sabiex jintlaħaq il-limitu probatorju mgħolli. Mhemmx lok li tingħata importanza partikolari lill-fatt li l-kelma “raġonevolment”, użata fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija Direttiva, mhijiex imniżżla fl-Artikolu 2(2)(b) ta’ din tal-aħħar.

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik stabbilita fl-Artikoli 3, 7(4) u (5) u kif ukoll 30 tar-Regolament inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.

2)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix miżura nazzjonali li, bħall-Artikolu 3 tar-Regolament tal-2006 dwar l-ugwalità fir-rigward tax-xogħol (età) [Employment Equality (Age) Regulations 2006], ma jikkontjenix elenku preċiż tal-għanijiet li jiġġustifikaw li tkun tista’ issir deroga mill-prinċipju tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età. Madankollu, l-imsemmi Artikolu 6(1) jipprovdi l-possibbiltà li ssir deroga minn dan il-prinċipju biss għall-uniċi miżuri ġġustifikati minn għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali bħal dawk relatati mal-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol jew tat-taħriġ professjonali. Hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax tali għan leġittimu u jekk l-awtorità leġiżlattiva jew regolamentari nazzjonali setgħetx leġittimament tqis, fid-dawl tal-marġni diskrezzjonali li jgawdu minnu l-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-politika soċjali, li l-mezzi magħżula kienu approprjati u neċessarji għat-twettiq ta’ dan il-għan.

3)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jipprevedu, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, ċerti forom ta’ trattament differenti bbażat fuq l-età meta dan huwa “objettivament u raġonevolment” iġġustifikat minn għan leġittimu, bħall-politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol jew tat-taħriġ professjonali, u li l-mezzi għat-twettiq ta’ dan il-għan huma approprjati u neċessarji. Dan l-Artikolu jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu n-natura leġittima tal-għan invokat bħala ġustifikazzjoni sabiex jintlaħaq il-limitu probatorju mgħolli. Mhemmx lok li tingħata importanza partikolari lill-fatt li l-kelma “raġonevolment”, użata fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija Direttiva, mhijiex imniżżla fl-Artikolu 2(2)(b) ta’ din tal-aħħar.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.