Language of document : ECLI:EU:C:2011:785

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Novembru 2011 (*)

“Trasferiment tas- sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ kumpannija lejn Stat Membru ieħor li ma huwiex dak li fih hija ġiet ikkostitwita – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Taxxa fuq il-qligħ kapitali moħbi marbut mal-attivi ta’ kumpannija li titrasferixxi s-sede bejn Stati Membri – Iffissar tal-ammont tat-taxxa fil-mument tat-trasferiment tas-sede – Irkupru immedjat tat-taxxa – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑371/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Lulju 2010, fil-proċedura

National Grid Indus BV

vs

Inspecteur van de Belastingdienst Rijnmond/kantoor Rotterdam,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts (Relatur) u A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen, T. von Danwitz u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal National Grid Indus BV, minn F. Pötgens, belastingadviseur, kif ukoll minn D. Hofland u E. Pijnacker Hordijk, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Ree, kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u N. Rouam, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u J. Menezes Leitão, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u M. Pere, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk u S. Johannesson, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, bħala aġent, assistit minn K. Bacon, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u R. Lyal, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn National Grid Indus BV (iktar ’il quddiem “National Grid Indus”), kumpannija taħt id-dritt Olandiż li s-sede statutorja tagħha tinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi, u l-Inspecteur van de Belastingdienst Rijnmond/kantoor Rotterdam (il-Kummissarju tat-taxxa Rijnmond/uffiċċju Rotterdam, iktar ’il quddiem il-“Kummissarju”) dwar l-intaxxar tal-qligħ kapitali moħbi marbut mal-attivi tal-imsemmija kumpannija meta ttrasferit is-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn ir-Renju Unit.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim intiż li jevita t-taxxa doppja u li jipprevjeni l-evażjoni fiskali

3        Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ikkonkludew ftehim intiż li jevita t-taxxa doppja u li jipprevjeni l-evażjoni fiskali fil-qasam tat-taxxa (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”).

4        L-Artikolu 4 tal-Ftehim jistabbilixxi:

“1.      Għal dan il-ftehim preżenti, il-frażi ‘resident ta’ Stat kontraenti’ tfisser kull persuna li, abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, tkun suġġetta għat-taxxa f’dan l-Istat, minħabba d-domiċilju tagħha, ir-residenza tagħha, is-sede ta’ amministrazzjoni tagħha jew minħabba kull kriterju ieħor ta’ natura simili [...]

[...]

3.      Meta, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, persuna li ma hijiex persuna fiżika tkun residenti fiż-żewġ Stati kontraenti, hija titqies bħala residenti biss fl-Istat fejn tinsab is-sede ta’ amministrazzjoni effettiva”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Skont l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim “[i]l-qligħ ta’ impriża ta’ Stat kontraenti huwa intaxxat biss f’dan l-Istat, bil-kundizzjoni li l-impriża ma teżerċitax l-attività tagħha fi Stat ieħor permezz tal-intermedjarju ta’ stabbiliment tan-negozju permanenti li huwa stabbilit fih. Fil-każ li l-impriża teżerċita l-attività tagħha b’dan il-mod, il-qligħ tal-impriża huwa intaxxat fl-Istat l-ieħor biss sa fejn huwa attribwit lil dan l-istabbiliment tan-negozju permanenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 13 tal-Ftehim jistabbilixxi:

“1.      Il-profitti li residenti ta’ Stat kontraenti jagħmel miċ-ċessjoni ta’ beni immobbli [...] li jinsabu fl-Istat kontraenti l-ieħor, huma intaxxati f’dan l-Istat l-ieħor.

2.      Il-profitti mnissla miċ-ċessjoni ta’ beni mobbli li jifformaw parti mill-attivi ta’ stabbiliment tan-negozju permanenti li impriża ta’ Stat kontraenti għandha fi Stat kontraenti ieħor [...], inkluż it-tali profitti mnissla miċ-ċessjoni ta’ dan l-istabbiliment tan-negozju permanenti (waħedhom jew flimkien mal-impriża) [...] huma intaxxati f’dan l-Istat l-ieħor.

3.      Il-profitti mnissla miċ-ċessjoni ta’ bastimenti jew ajruplani użati għat-traffiku internazzjonali [...] huma intaxxati biss fl-Istat kontraenti fejn tinsab is-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tal-impriża.

4.      Il-profitti mnissla miċ-ċessjoni ta’ kull beni ieħor li ma huwiex dak imsemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3 huma intaxxati biss fl-Istat kontraenti li fih huwa residenti ċ-ċessjonarju”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni Olandiża

7        L-Artikolu 16 tal-Liġi tal-1964 dwar it-taxxa fuq id-dħul (Wet op de inkomstenbelasting 1964, iktar ’il quddiem il-“Wet IB”) jistabbilixxi:

“Il-profitti ta’ kumpannija li ma jkunux għadhom ġew irreġistrati, [...] għandhom jiżdiedu mal-qligħ tas-sena kalendarja li matulha dak li f’ismu tiġi eżerċitata l-impriża jieqaf jirċievi minn din l-impriża qligħ taxxabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi [...]”.

8        Permezz tal-Artikolu 8 tal-Liġi tal-1969 dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (Wet op de vennootschapsbelasting 1969, iktar ’il quddiem il-“Wet VPB”), l-Artikolu 16 tal-Wet IB japplika b’analoġija għall-ġbir tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

9        Skont l-Artikolu 2(4) tal-Wet VPB, “jekk korp ġie kkostitwit skont id-dritt Olandiż, dan il-korp jibqa’ jitqies, għall-applikazzjoni ta’ din il-liġi, bħala li huwa stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi [...]”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      National Grid Indus hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li hija kkostitwita skont id-dritt Olandiż. Sal-15 ta’ Diċembru 2000, hija kellha s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi.

11      Din il-kumpannija ilha, mill-10 ta’ Ġunju 1996, proprjetarja ta’ kreditu ta’ ammont ta’ GBP 33 113 000 fuq National Grid Company plc, kumpannija stabbilita fir-Renju Unit.

12      Wara żieda fir-rata ta’ kambju tal-isterlina meta mqabbla mal-fjorin Olandiż, inħolqu profitti valutarji mhux imwettqa fuq dan il-kreditu. Fil-15 ta’ Diċembru 2000, dawn il-profitti valutarji kienu jammontaw għal NLG 22 128 160.

13      F’din id-data, National Grid Indus ittrasferit is-seda ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn ir-Renju Unit. Skont l-Artikolu 2(4) tal-Wet VPB, National Grid Indus baqgħet, minħabba li kienet ikkostitwita skont id-dritt Olandiż, bħala regola intaxxata mingħajr restrizzjonijiet fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, abbażi tal-Artikolu 4(3) tal-Ftehim, li jistabbilixxi s-supremazija tad-dritt nazzjonali, National Grid Indus kellha, wara t-trasferiment tas-seda ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha, titqies bħala residenti fir-Renju Unit. Peress li wara t-trasferiment tas-sede tagħha, National Grid Indus ma kinitx għad baqgħalha stabbiliment tan-negozju permanenti fis-sens tal-Ftehim fil-Pajjiżi l-Baxxi, id-dritt ta’ taxxa fuq il-qligħ u l-profitti valutarji ta’ din il-kumpannija kien, wara l-imsemmi trasferiment, esklużivament f’idejn ir-Renju Unit, kif stabbilit fl-Artikoli 7(1) u 13(4) tal-Ftehim.

14      Bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tal-Ftehim, National Grid Indus waqfet milli tagħmel qligħ taxxabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi fis-sens tal-Artikolu 16 tal-Wet IB, b’mod li, abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 8 tal-Wet VPB, setgħet tiġi stabbilita taxxa fuq l-eżerċizzju finali ta’ kontabbiltà tal-qligħ kapitali eżistenti fil-mument tat-trasferiment tas-sede ta’ din l-impriża.

15      National Grid Indus ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissarju quddiem ir-rechtbank Haarlem, li b’sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2007, ikkonfermat l-imsemmija deċiżjoni.

16      Għalhekk, National Grid Indus appellat mis-sentenza tar-rechtbank Haarlem quddiem il-Gerechtshof Amsterdam.

17      Il-qorti tar-rinviju tqis l-ewwel nett li National Grid Indus tista’ tinvoka l-libertà ta’ stabbiliment biex tikkontesta l-konsegwenzi fiskali li l-Pajjiżi l-Baxxi, inkwantu Stat Membru ta’ oriġini, jorbot mat-trasferiment tas-sede amministrattiva effettiva ta’ din il-kumpannija lejn Stat Membru ieħor. Peress li l-eżistenza u l-funzjonament tal-imsemmija kumpannija inkwantu kkostitwita skont id-dritt Olandiż ma jistgħux jiġu affettwati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, il-kawża prinċipali preżenti hija differenti minn dawk li taw lok għas-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1998, Daily Mail and General Trust (81/87, Ġabra p. 5483), u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, Ġabra p. I‑9641). Madankollu, għad hemm dubju fuq dan il-punt.

18      Il-qorti tar-rinviju tqis, it-tieni nett, li taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi xkiel għal-libertà ta’ stabbiliment. Il-miżura nazzjonali li wasslet għal din it-taxxa tista’ madankollu tiġi ġġustifikata mill-għan intiż li tiżgura l-ħarsien tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ territorju fiskali li jinkludi element ratione temporis. F’dan ir-rigward hija tispjega li l-Artikolu 16 tal-Wet IB huwa bbażat fuq l-idea li tipprovdi li l-qligħ kollu ġġenerat minn kumpannija residenti għandu jkun is-suġġett għal taxxa fil-Pajjiżi l-Baxxi. Meta minħabba t-trasferiment tas-sede amministrattiva effettiva tal-kumpannija kkonċernata l-issuġġettar għat-taxxa fil-Pajjiżi l-Baxxi jintemm, il-qligħ kapitali moħbi marbut mal-attivi tagħha, li ma jkunx għadu ġie intaxxat fil-Pajjiżi l-Baxxi, għandu jitqies bħala qligħ imwettaq u, għalhekk, taxxabbli.

19      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li ma huwiex eskluż li, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2004 Lasteyrie du Saillant (C‑9/02, Ġabra p. I‑2409), u tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C‑470/04, Ġabra p. I‑7409), it-taxxa fuq l-eżerċizzju finali ta’ kontabbiltà, bħalma hija dik stabbilita bil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-każwa prinċipali, tista’ titqies bħala sproporzjonata, peress li twassal għal dejjem fiskali li huwa immedjatament dovut u li ma tqisx it-telf ta’ kapitali li jseħħ wara t-trasferiment tas-sede tal-impriża kkonċernata. Il-qorti tar-rinviju tqis li għad hemm dubju wkoll fuq dan il-punt. F’dan ir-rigward hija żżied tgħid li l-posponiment tal-intaxxar sal-mument tat-twettiq effettiv tal-qligħ kapitali jista’ jwassal għal problemi prattiċi li ma jistgħux jingħelbu.

20      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, f’din il-kawża, l-ebda telf ta’ qligħ kapitali ma jista’ jseħħ wara t-trasferiment tas-sede tal-amministrazzjoni effettiva ta’ National Grid Indus għaliex dan it-trasferiment wassal biex sar ineżistenti r-riskju valutarju għal kreditu vvalutat f’sterlina. Fil-fatt, wara dan it-trasferiment, din il-kumpannija kellha tikkalkula l-qligħ taxxabbli f’din il-munita.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof te Amsterdam iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Jekk Stat Membru jimponi, minħabba t-trasferiment tas-sede, taxxa fuq l-eżerċizzju finali ta’ kontabbiltà ta’ kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru u li tittrasferixxi s-sede reali tagħha minn dan l-Istat Membru lejn Stat Membru ieħor, din il-kumpannija tista’ tinvoka, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, l-Artikolu 43 KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE) kontra dan l-Istat Membru?

2)      Jekk ir-risposti jkunu fl-affermattiv: fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv: taxxa fuq l-eżerċizzju finali ta’ kontabbiltà bħal dik inkwistjoni, li tintaxxa l-qligħ kapitali tal-elementi tal-assi [attivi] tal-kumpannija ttrasferit[i] mill-Istat Membru ta’ oriġini lejn l-Istat Membru ospitanti, kif ikkakulat fil-mument tat-trasferiment tas-sede, mingħajr sospensjoni u mingħajr il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni t-telf kapitali sussegwenti, tikser l-Artikolu 43 KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE), fis-sens li tali taxxa fuq l-eżerċizzju finali ta’ kontabbiltà ma tistax tiġi ġġustifikata min-neċessità li jitqassmu s-setgħat ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri?

3)      Ir-risposta għad-domanda preċedenti tiddependi, b’mod partikolari, fuq iċ-ċirkustanza li t-taxxa fuq l-eżerċizzju finali ta’ kontabbiltà inkwistjoni tirrigwarda profitt (valutarju) miksub fil-kuntest tal-kompetenza fiskali Olandiża, filwaqt li dan il-profitt ma jistax jidher fil-pajjiż ospitanti skont is-sistema fiskali fis-seħħ hemmhekk?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

22      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru, li tittrasferixxi s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor u li hija suġġetta, fl-ewwel Stat Membru, għal taxxa fl-okkażjoni ta’ dan it-trasferiment, tistax tuża l-Artikolu 49 TFUE kontra dan l-Istat Membru.

23      Il-Gvern Olandiż, Ġermaniż, Taljan, Portugiż, Finlandiż, Svediż u tar-Renju Unit jsostnu li l-Artikolu 49 TFUE bl-ebda mod ma jirfes fuq il-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jadottaw leġiżlazzjoni, inklużi regoli ta’ natura fiskali dwar it-trasferimenti ta’ sede ta’ impriżi bejn l-Istati Membri. L-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Daily Mail and General Trust u Cartesio ma tirrigwardax biss il-kundizzjonijiet għall-ifformar u għall-funzjonament ta’ kumpanniji skont id-dritt nazzjonali dwar il-kumpanniji.

24      F’dan ir-rigward, l-imsemmija Gvernijiet jispjegaw li minħabba l-istess trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ National Grid Indus, hija tieqaf tiġi suġġetta għal-liġi fiskali tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha. Il-Pajjiżi l-Baxxi jitlef kull kompetenza fiskali fir-rigward tad-dħul imnissel mill-attività tal-imsemmija kumpannija. Għalhekk, it-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija strettament marbuta mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-kumpanniji li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet ta’ stabbiliment tal-kumpanniji u t-trasferiment tas-sede ta’ dawn tal-aħħar, u din it-taxxa tikkostitwixxi konsegwenza diretta ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 54 TFUE, il-kumpanniji kkostitwiti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li għandhom is-sede statutorja tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment tan-negozju prinċipali tagħhom fi ħdan l-Unjoni, huma meqjusa, għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, bħala persuni fiżiċi ċittadini ta’ Stati Membri.

26      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni uniformi mogħtija mid-dritt tal-Unjoni dwar il-kumpanniji li jistgħu jibbenefikaw mid-dritt ta’ stabbiliment abbażi ta’ kriterju wieħed ta’ rabta li jiddetermina d-dritt nazzjonali applikabbli għal kumpannija, il-kwistjoni jekk l-Artikolu 49 TFUE japplikax għal kumpannija li tinvoka l-libertà fundamentali stabbilita minn dan l-artikolu, bħal, barra minn dan, dik dwar jekk persuna fiżika hijiex ċittadin ta’ Stat Membru li tista’, b’hekk, tibbenefika minn din il-libertà, tikkostitwixxi kwistjoni preliminari li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, tista’ tingħata risposta biss mid-dritt nazzjonali applikabbli. Għalhekk, huwa biss jekk jiġi vverifikat li din il-kumpannija tibbenefika effettivament mil-libertà ta’ stabbiliment fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 54 TFUE li tqum il-kwistjoni dwar jekk din il-kumpannija hijiex taffaċja restrizzjoni għal din il-libertà fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE (ara s-sentenzi Daily Mail and General Trust, iċċitata iktar ’il fuq, punti 19 sa 23; tal-5 ta’ Novembru 2002, Überseering, C‑208/00, Ġabra p. I‑9919, punti 67 sa 70, kif ukoll Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109).

27      Għalhekk, Stat Membru jgawdi mill-fakultà li jiddefinixxi kemm l-element ta’ rabta mitlub minn kumpannija sabiex din tkun tista’ titqies bħala kkostitwita skont id-dritt nazzjonali tiegħu u li tista’, għalhekk, tibbenefika mid-dritt ta’ stabbiliment kif ukoll dak mitlub sabiex dan l-istatus sussegwentement jinżamm (sentenza Cartesio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 110). Għalhekk, Stat Membru għandu l-possibbiltà li jimponi fuq kumpannija kkostitwita abbażi tal-ordinament ġuridiku tiegħu restrizzjonijiet meta din tittasferixxi s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lil hinn mit-territorju tiegħu, u dan sabiex din tkun tista’ żżomm il-personalità ġuridika li tibbenefika minnha abbażi tad-dritt ta’ dan l-istess Stat (sentenza Überseering, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

28      Fil-kawża prinċipali, it-trasferiment tas-sede tal-amministrazzjoni effettiva ta’ National Grid Indus fir-Renju Unit ma affettwax, madankollu, l-istatus tal-kumpannija taħt id-dritt Olandiż fis-sens ta’ dan id-dritt, li japplika, fir-rigward tal-kumpanniji, it-teorija tal-kostruzzjoni.

29      Madankollu, il-Gvern Olandiż, Ġermaniż, Taljan, Portugiż, Finlandiż, Svediż u tar-Renju Unit jsostnu li jekk Stat Membru għandu l-kompetenza li jordna x-xoljiment u l-likwidazzjoni ta’ kumpannija li temigra, dan l-Istat Membru għandu jitqies bħala li huwa kompetenti biex jimponi rekwiżiti fiskali fil-każ li japplika s-sistema – iktar vantaġġuża mill-perspettiva tas-suq intern – tat-trasferiment tas-sede u tinżamm il-personalità ġuridika.

30      Madankollu, il-fakultà msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza bl-ebda mod ma timplika li r-regoli tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment ma japplikawx għal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-ifformar u tax-xoljiment tal-kumpanniji (ara s-sentenza Cartesio, iċċitati iktar ’il fuq, punt 112).

31      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tiddeterminax il-kundizzjonijiet imposti minn Stat Membru fuq kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni tagħha sabiex din tkun tista’ żżomm l-istatus tagħha ta’ kumpannija tal-imsemmi Stat Membru wara t-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor. Bil-kontra, għall-kumpanniji kkostitwiti skont id-dritt nazzjonali, l-imsemmija leġiżlazzjoni sempliċiment torbot konsegwenzi fiskali mat-trasferiment ta’ sede bejn l-Istati Membri mingħajr ma dan it-trasferiment ta’ sede jaffettwa l-istatus tagħhom bħala kumpanniji tal-Istat Membru inkwistjoni.

32      Fil-kawża prinċipali, peress li t-trasferiment tas-sede amministrattiva effettiva ta’ National Grid Indus lejn ir-Renju Unit ma affettwax l-istatus tagħha bħal kumpannija taħt id-dritt Olandiż, l-imsemmi trasferiment ma kellux effett fuq il-possibbiltà, għall-imsemmija kumpannija, li jintuża l-Artikolu 49 TFUE. Bħala kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u peress li għandha s-sede statutorja kif ukoll l-amministrazzjoni ċentrali tagħha fi ħdan l-Unjoni, hija tibbenefika, skont l-Artikolu 54 TFUE, mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u tista’ għalhekk tuża d-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 49 TFUE, b’mod partikolari sabiex tqiegħed inkwistjoni l-legalità ta’ taxxa imposta fuqha mill-imsemmi Stat Membru meta hija ttrasferit s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor.

33      Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru, li tittrasferixxi s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor, mingħajr ma dan it-trasfirment jaffettwa l-istatus tagħha bħala kumpannija ta’ dan l-ewwel Stat Membru, tista’ tuża l-Artikolu 49 TFUE sabiex tqiegħed inkwistjoni l-legalità ta’ taxxa imposta fuqha mill-ewwel Stat Membru fl-okkażjoni tal-imsemmi trasferiment ta’ sede.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

34      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-qligħ kapitali moħbi marbut mal-elementi tal-patrimonju tal-kumpannija, li hija kkostitwita skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, huwa intaxxat fl-ewwel Stat Membru fil-mument tal-imsemmi trasferiment, mingħajr mal-imsemmija leġiżlazzjoni tistabbilixxi, minn naħa, is-sospensjoni tal-ħlas tat-taxxa imposta fuq l-imsemmija kumpannija sal-mument tat-twettiq effettiv ta’ dan il-qligħ kapitali u, min-naħa l-oħra, mingħajr ma tikkunsidra t-telf fil-kapital li jista’ jirriżulta wara t-trasferiment tal-imsemmija sede. Barra minn hekk, hija tfittex li ssir taf jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE hijiex affettwata mill-fatt li l-intaxxar tal-qligħ kapitali moħbi huwa marbut mal-profitti valutarji li ma jistgħux jiġi vvalutati fl-Istat Membru ospitanti minħabba s-sistema fiskali fis-seħħ f’dan l-imsemmi Stat Membru.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

35      L-Artikolu 49 TFUE jimponi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment. Minkejja li, skont il-kliem tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn jipprekludu xorta waħda li l-Istat ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni tiegħu (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, C‑264/96, Ġabra p. I‑4695, punt 21; tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services, C‑298/05, Ġabra p. I‑10451, punt 33; tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee‑Seniorenheimstatt, C‑157/07, Ġabra p. I‑8061, punt 29, u tal-15 ta’ April 2010, CIBA, C‑96/08, Ġabra p. I‑2911, punt 18).

36      Skont ġurisprudenza stabbilita għandhom jitqiesu wkoll bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C‑442/02, Ġabra p. I‑8961, punt 11; Columbus Container Services, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34; Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30, u CIBA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

37      Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li kumpannija taħt id-dritt Olandiż li tixtieq tittrasferixxi s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lil hinn mit-territorju Olandiż, fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt iggarantit lilha mill-Artikolu 49 TFUE, iġġarrab żvantaġġ finanzjarju meta mqabbla ma’ kumpannija simili li żżomm is-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-fatt, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ kumpannija taħt id-dritt Olandiż lejn Stat Membru ieħor iwassal għall-intaxxar immedjat tal-qligħ kapitali moħbi marbut mal-attivi ttrasferiti filwaqt li dan il-qligħ kapitali ma huwiex intaxxat meta din il-kumpannija tittrasferixxi s-sede tagħha fi ħdan it-territorju Olandiż. Il-qligħ kapitali marbut mal-attivi ta’ kumpannija li titrasferixxi sede ġewwa l-Istat Membru kkonċernat huwa intaxxat biss meta dan il-qligħ effettivament iseħħ u sa fejn dan ikun seħħ. Dan it-trattament differenti fir-rigward tal-intaxxar tal-qligħ kapitali huwa ta’ natura li jiskoraġġixxi kumpannija taħt id-dritt Olandiż milli titrasferixxi s-sede tagħha lejn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq de Lasteyrie du Saillant, punt 46, u N, punt 35).

38      It-trattament differenti kkonstatat ma huwiex spjegat minn differenza ta’ sitwazzjoni oġġettiva. Fil-fatt, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li hija intiża li tintaxxa l-qligħ kapitali ġġenerat fit-territorju tiegħu u għal dak li jikkonċerna l-intaxxar tal-qligħ kapitali marbuta mal-attivi li jkun iġġenerat fl-ewwel Stat Membru qabel it-trasferiment ta’ sede, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru li tittrasferixxi s-sede tagħha lejn Stat Membru ieħor hija l-istess bħal dik ta’ kumpannija kkostitwita wkoll skont il-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru u li żżomm is-sede tagħha f’dan l-istess Stat Membru.

39      Il-Gvern Spanjol, Franċiż u Portugiż isostnu wkoll li kumpannija bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ġġarrab l-ebda żvantaġġ meta mqabbla ma’ kumpannija li tkun trasferiet is-sede tagħha ġewwa Stat Membru. Il-fehma tal-imsemmija Gvernijiet fuq il-fatt li l-profitti valutarji għall-fjorin Olandiż fuq kreditu vvalutat f’sterlina kienu ser jintemmu meta s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ National Grid Indus kienet ser tiġi ttrasferita lejn ir-Renju Unit hija li din il-kumpannija kienet ser tiġi xorta waħda intaxxata fuq il-qligħ kapitali mwettaq. Min-naħa l-oħra, trasferiment ta’ sede fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat ma kien ser iwassal għall-ebda twettiq ta’ qligħ kapitali.

40      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. It-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax il-qligħ kapitali mwettaq. Il-profitti valutarji intaxxati fil-kuntest tal-kawża preżenti huma marbuta, fil-fatt, ma’ qligħ kapitali moħbi li ma ġġenera l-ebda dħul favur National Grid Indus. Dan il-qligħ kapitali moħbi ma kienx jiġi intaxxat li kieku National Grid Indus kienet ittrasferit is-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha fi ħdan it-territorju Olandiż.

41      Minn dan isegwi li t-trattament differenti li, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma suġġetti għalih il-kumpanniji taħt id-dritt Olandiż li jittrasferixxu s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħhom lejn Stat Membru ieħor meta mqabbla mal-kumpanniji taħt id-dritt Olandiż li jittrasferixxu s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħhom ġewwa t-territorju Olandiż, jikkostitwixxi restrizzjoni li bħala regola hija pprojbita mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment

42      Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss jekk hija tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku. Huwa wkoll neċessarju, f’din l-ipoteżi, li din tkun adatta sabiex tiggarantixxi li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li din ma teċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex dan il-għan jintlaħaq (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C‑446/03, Ġabra p. I‑10837, punt 35; tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C‑196/04, Ġabra p. I‑7995, punt 47; tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C‑524/04, Ġabra p. I‑2107, punt 64, kif ukoll tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha, C‑303/07, Ġabra p. I‑5145, punt 57).

43      Skont il-qorti tar-rinviju, ir-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment hija ġġustifikata mill-għan intiż li jiżgura l-ħarsien tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ territorjalità li jinkludi element ratione temporis. Fil-fatt, l-Istat Membru kkonċernat jeżerċita s-setgħa ta’ tassazzjoni biss fuq il-qligħ kapitali ġġenerat fit-territorju tagħhom matul il-perijodu li fih National Grid Indus kienet residenti fiskali fl-imsemmi Stat Membru.

44      Madankollu, National Grid Indus tqis li dan l-għan ma jiġġustifikax ir-restrizzjoni kkonstatata għaliex it-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax benefiċċju reali.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-ħarsien tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri huwa għan leġittimu rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45 N, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42; tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C‑231/05, Ġabra p. I‑6373, punt 51, kif ukoll tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium, C‑414/06, Ġabra p. I‑3601, punt 31). Min-naħa l-oħra, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni adottati mill-Unjoni, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza sabiex jiddeterminaw, permezz ta’ ftehim jew unilateralment, il-kriterji għall-ħarsien tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħhom, sabiex, partikolarment, tiġi eliminata t-taxxa doppja (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑540/07, Ġabra p. I‑10983, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      It-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ kumpannija ta’ Stat Membru lejn Stat Membru ieħor ma jfissirx li l-Istat Membru ta’ oriġini għandu jirrinunċja għad-dritt tiegħu li jintaxxa l-qligħ kapitali ġġenerat fil-kuntest tal-kompetenza fiskali tiegħu qabel l-imsemmi trasferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C‑374/04, Ġabra p. I‑11673, punt 59). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru għandu, skont il-prinċipju ta’ territorjalità fiskali assoċjat ma’ element ratione temporis, jiġifieri r-residenza fiskali tal-kontribwent fit-territorju nazzjonali matul il-perijodu li fih irriżulta l-qligħ kapitali moħbi, id-dritt li jintaxxa l-imsemmi qligħ kapitali fil-mument li din temigra (ara sentenza N, iċċitati iktar ’il fuq, punt 46). Fil-fatt, miżura bħal din hija intiża li tipprevjeni sitwazzjonijiet ta’ natura li jikkompromettu d-dritt tal-Istat Membru ta’ oriġini li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fuq it-territorju tiegħu u għalhekk tista’ tiġi ġġustifikata b’motivi marbuta mal-ħarsien tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istat Membri (ara s-sentenzi Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46; Oy AA, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54, kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2010, SGI, C‑311/08, Ġabra p. I‑487, punt 60).

47      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, wara t-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn ir-Renju Unit National Grid Indus kienet meqjusa bħala kumpannija residenti f’dan l-aħħar Stat Membru. Peress li, minħabba l-imsemmi trasferiment ta’ sede, National Grid Indus ma baqgħetx tagħmel qligħ taxxabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi, ġie stabbilit, skont l-Artikolu 16 tal-Wet IB, eżerċizzju finali ta’ kontabbiltà għal dak li jirrigwarda l-qligħ kapitali moħbi marbut mal-attivi ta’ din il-kumpannija li kienu jeżistu fil-Pajjiżi l-Baxxi meta ttrasferiet is-sede tagħha lejn ir-Renju Unit. Il-qligħ kapitali mwettaq wara t-trasferiment tal-imsemmija sede huwa, skont l-Artikolu 13(4) tal-Ftehim, intaxxat f’dan l-aħħar Stat Membru.

48      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija adatta biex tiggarantixxi l-ħarsien tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati. Fil-fatt, it-taxxa fuq l-eżerċizzju finali ta’ kontabbiltà fil-mument tat-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ kumpannija hija intiża li tissuġġetta għat-taxxa fuq il-qligħ tal-Istat Membru ta’ oriġini l-qligħ kapitali li mhux imwettaq, li jirriżulta fil-kuntest tal-kompetenza fiskali ta’ dan l-Istat Membru qabel it-trasferiment tal-imsemmija sede. Il-qligħ kapitali moħbi marbut ma’ beni fiskali huwa għalhekk intaxxat fl-Istat Membru li fih dan jirriżulta. Il-qligħ kapitali mwettaq wara t-trasferiment tas-sede tal-imsemmija kumpannija huwa esklużivament intaxxat fl-Istat Membru ospitanti fejn dan jirriżulta, fatt li jippermetti li tiġi evitata t-taxxa doppja tal-qligħ kapitali.

49      L-argument ta’ National Grid Indus li jipprovdi li t-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex iġġustifikata għaliex tintaxxa qligħ kapitali moħbi, u mhux il-qligħ kapitali mwettaq, għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif jenfasizzaw id-diversi Gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru għandu d-dritt li jintaxxa l-valur ekonomiku ġġenerat minn qligħ kapitali moħbi fuq it-territorju tiegħu minkejja li l-qligħ kapitali inkwistjoni ma jkunx għadu effettivament twettaq.

50      Għandu jiġu wkoll evalwat jekk leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex l-għan imfittex minnha jintlaħaq (sentenza tal-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et, C‑262/09, Ġabra p. I‑0000, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kemm l-iffissar tal-ammont tad-dejn fiskali kif ukoll l-irkupru ta’ dan tal-aħħar iseħħu fil-mument li fih il-kumpannija kkonċernata ttemm milli tagħmel qligħ taxxabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi, li f’din il-kawża huwa fil-mument tat-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru. Sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità ta’ din il-leġiżlazzjoni, għandha ssir distinzjoni bejn l-iffissar tal-ammont tat-taxxa u l-irkupru tagħha.

–       Fuq l-iffissar tal-ammont finali ta’ taxxa fil-mument li fih il-kumpannija tittrasferixxi s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha fi Stat Membru ieħor

52      Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 55 u 56 tal-konklużjonijiet tagħha, l-iffissar tal-ammont ta’ taxxa fil-mument tat-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ kumpannija josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa li l-qligħ kapitali li jirriżulta fil-kuntest tal-kompetenza fiskali ta’ dan l-Istat Membru jiġi ssuġġettat għat-taxxa fl-Istat Membru ta’ oriġini. Fil-fatt, huwa att proporzjonat li l-Istat Membru ta’ oriġini, sabiex iħares l-eżerċizzju tal-kompetenza fiskali tiegħu, jiddetermina t-taxxa dovuta fuq il-qligħ kapitali moħbi li jirriżulta fit-territorju tiegħu fil-mument li fih tintemm is-setgħa ta’ taxxa tiegħu fir-rigward tal-kumpannija, li f’din il-kawża huwa fil-mument tat-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor.

53      Il-Kummissjoni Ewropea, billi tirreferi għas-sentenza N, iċċitata iktar ’il fuq, issostni madankollu li, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-Istat Membru ta’ oriġini għandu, fil-każ li s-sistema fiskali tal-Istat Membru ospitanti ma tiħux inkunsiderazzjoni t-telf kapitali, jikkunsidra t-telf kapitali li jista’ jirriżulta bejn il-mument tat-trasferiment tas-sede tal-kumpannija u t-twettiq tal-attivi kkonċernati.

54      Għandu jitfakkar li fis-sentenza N, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta persuna privata, fl-okkażjoni tat-trasferiment tad-domiċilju fiskali tagħha lejn Stat Membru ieħor, għal taxxa fuq il-qligħ kapitali moħbi marbut ma’ sehem sostanzjali li kellha f’kumpannija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandha titqies biss bħala proporzjonali, fid-dawl tal-għan intiż li jiżgura l-ħarsien tat-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, sistema fiskali li totalment tqis il-qligħ kapitali li jista’ jitwettaq wara t-trasferiment tad-domiċilju tal-kontribwent kkonċernat, sakemm dan il-qligħ kapitali ma jkunx diġà ġie kkunsidrat fl-Istat Membru ospitanti (sentenza N, iċċitati iktar ’il fuq, punt 54).

55      Minkejja li t-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ National Grid Indus lejn ir-Renju Unit wassal għat-tmiem tar-riskju valutarju għall-kreditu fil-kawża prinċipali, ivvalutat f’sterlini, telf kapitali marbut ma’ dan il-kreditu seta’ xorta waħda jirriżulta wara l-imsemmi trasferiment fil-każ fejn, pereżempju, il-kumpannija kkonċernata ma tiksibx ir-rimbors kollu tad-dejn.

56      Madankollu, kuntrarjament għas-sitwazzjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza N, iċċitata iktar ’il fuq, in-nuqqas, fil-kawża preżenti, ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru ta’ oriġini tat-telf kapitali mwettaq wara t-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ kumpannija ma jistax jitqies bħala sproporzjonat fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

57      Fil-fatt, l-attivi ta’ kumpannija huma direttament marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi li huma ddestinati li jiġġeneraw qligħ. Barra minn hekk, il-portata tal-qligħ taxxabbli ta’ kumpannija hija parzjalment influwenzata mill-valorizzazzjoni tal-attivi fil-bilanċ tagħha, inkwantu d-deprezzament inaqqas il-bażi taxxabbli.

58      Peress li f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qligħ ta’ kumpannija li tkun ittrasferiet is-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha huwa intaxxat biss, wara l-imsemmi trasferiment, fl-Istat Membru ospitanti, skont il-prinċipju ta’ territorjalità fiskali assoċjat ma’ element ratione temporis, huwa wkoll dan l-aħħar Stat Membru li fis-sistema fiskali tiegħu għandu jikkunsidra, fid-dawl tar-rabta msemmija iktar ’il fuq bejn l-attivi ta’ kumpannija u l-qligħ taxxabbli tagħha u, għalhekk, għal raġunijiet marbuta mas-simitrija bejn id-dritt li jiġi intaxxat il-qligħ u l-fakultà ta’ tnaqqis tat-telf, il-bdil fil-valur tal-attivi tal-kumpannija kkonċernata, li jkun seħħ mid-data li fiha l-Istat Membru ta’ oriġini jkun tilef kull element ta’ rabta fiskali mal-imsemmija kumpannija.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istat Membru ta’ oriġini ma huwiex marbut, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, li jqis l-eventwali telf valutarju li jista’ jseħħ wara t-trasferiment ta’ sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ National Grid Indus lejn ir-Renju Unit sar-rimbors jew saċ-ċessjoni tal-kreditu miżmum mill-imsemmija kumpannija. It-taxxa dovuta fuq il-qligħ kapitali moħbi hija fil-fatt iddeterminata fil-mument li tintemm is-setgħa ta’ tassazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini fir-rigward tal-kumpannija kkonċernata, li f’din il-kawża huwa l-mument li fih tiġi ttrasferita s-sede tal-imsemmija kumpannija. Kemm it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru ta’ oriġini tal-qligħ valutarju kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni tat-telf valutarju li jseħħ wara t-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva għandhom ir-riskju li mhux biss jipperikolaw it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri iżda wkoll iwasslu għal taxxa doppja jew għal tnaqqis doppju tat-telf. Dan huwa b’mod partikolari l-każ jekk kumpannija li għandha kreditu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ivvalutat f’sterlini, tittrasferixxi s-sede tagħha fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro lejn Stat Membru ieħor li huwa membru taż-żona euro.

60      Il-fatt li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ kumpannija lejn ir-Renju Unit wassal għat-tmiem tar-riskju valutarju, għaliex il-kreditu, li huwa vvalutat f’sterlini, huwa wkoll ivvalutat f’din il-munita fil-bilanċ tal-kumpannija wara t-trasferiment tal-imsemmi sede, ma għandu l-ebda effett f’dan ir-rigward. Fil-fatt, huwa skont il-prinċipju ta’ territorjalità fiskali assoċjat ma’ element ratione temporis, jiġifieri r-residenza fiskali fuq it-territorju nazzjonali matul il-perijodu li fih deher il-qligħ taxxabbli, li l-qligħ kapitali ġġenerat fl-Istat Membru ta’ oriġini huwa intaxxat fil-mument tat-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tal-kumpannija kkonċernata.

61      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza, is-sistema fiskali tal-Istat Membru ospitanti tikkunsidra, bħala regola, fil-mument tat-twettiq tal-attivi tal-impriża kkonċernata, il-qligħ kapitali u t-telf kapitali mwettqa fuq dawn l-attivi minn mindu seħħ it-trasferiment tas-sede tagħha. Madankollu, l-eventwali nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-telf kapitali mill-Istat Membru ospitanti ma jimponi l-ebda obbligu fuq l-Istat Membru ta’ oriġini li jerġa’ jevalwa, fil-mument tat-twettiq tal-attivi li jikkonċernaw, dejn fiskali li ġie ddeterminat bħala finali fil-mument li l-kumpannija kkonċernata, minħabba t-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha, waqfet milli tkun suġġetta għal taxxa f’dan l-aħħar Stat Membru.

62      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li t-Trattat ma jiggarantixxix lil kumpannija li tidħol taħt l-Artikolu 54 TFUE li t-trasferiment tal-attivitajiet tagħha fi Stat Membru ieħor differenti jkun newtrali fil-qasam tat-tassazzjoni. Fid-dawl tad‑differenzi fil‑leġiżlazzjonijiet tal‑Istati Membri f’dan il-qasam, tali trasferiment jista’, skont il‑każ, ikun xi ftit jew wisq vantaġġuż jew żvantaġġuż għal kumpannija fuq il-livell ta’ taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Lindfors, C‑365/02, Ġabra p. I‑7183, punt 34, tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C‑403/03, Ġabra p. I‑6421, punt 45, kif ukoll tal-20 ta’ Mejju 2008 Orange European Smallcap Fund, C‑194/06, Ġabra p. I‑3747, punt 37). Għalhekk, il-libertà ta’ stabbiliment ma tistax tiġi interpretata fis-sens li Stat Membru għandu l-obbligu li jistabbilixxi r-regoli fiskali tiegħu skont dawk ta’ Stat Membru ieħor sabiex jiggarantixxi, fis-sitwazzjonijiet kollha, tassazzjoni li telimina kull diskrepanza li tirriżulta mil-liġijiet fiskali nazzjonali, (ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2008, Deutsche Shell, C‑293/06, Ġabra p. I‑1129, punt 43).

63      Għandu jiġu wkoll enfasizzat li s-sitwazzjoni fiskali ta’ kumpannija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha kreditu vvalutat f’sterlini u li tittrasferixxi s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn ir-Renju Unit, meta mqabbla mas-sitwazzjoni fiskali ta’ kumpannija li għandha kreditu identiku iżda li tittrasferixxi s-sede tagħha fi ħdan l-ewwel minn dawn l-Istat Membri, ma hijiex neċessarjament żvantaġġuża.

64      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 49 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, li abbażi tagħha l-ammont ta’ taxxa fuq il-qligħ kapitali moħbi marbut mal-element tal-patrimonju ta’ kumpannija huwa ffissat b’mod finali – mingħajr ma jiġu kkunsidrati la t-telf kapitali u lanqas il-qligħ kapitali li jistgħu jitwettqu sussegwentement – fil-mument li fih il-kumpannija, minħabba t-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor, tieqaf tagħmel qligħ taxxabbli fl-ewwel Stat Membru. F’dan ir-rigward, ma huwiex importanti li l-qligħ kapitali moħbi intaxxat huwa marbut mal-profitti valutarji li ma setgħux jiġu ddikjarati fl-Istat Membru ospitanti minħabba s-sistema fiskali fis-seħħ fl-imsemmi Stat Membru.

–       Fuq l-irkupru immedjat tat-taxxa fil-mument li fih il-kumpannija tittrasferixxi s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha fi Stat Membru ieħor

65      Skont National Grid Indus u l-Kummissjoni, l-irkupru immedjat tat-taxxa fil-mument tat-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ kumpannija fi Stat Membru ieħor huwa sproporzjonat. L-irkupru tagħha fil-mument tat-twettiq effettiv tal-qligħ kapitali jikkostitwixxi miżura inqas vinkolanti minn dik prevista mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tqiegħedx f’perikolu l-ħarsien tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

66      Il-Kummissjoni żżied tgħid li l-ispiża amministrattiva li jinvolvi l-posponiment tal-irkupru tat-taxxa ma hijiex eċċessiva. Sempliċi dikjarazzjoni annwali sottoskritta mill-kumpannija kkonċernata, li tindika li din tal-aħħar għadha fil-pussess tal-attivi ttrasferiti, akkumpanjata b’dikjarazzjoni magħmula fil-mument taċ-ċessjoni effettiva tal-attivi, tista’ tkun biżżejjed biex tippermetti lill-Istat Membru ta’ oriġini li jirkupra, fil-mument tat-twettiq tal-attivi, it-taxxa dovuta fuq il-qligħ kapitali moħbi.

67      Min-naħa l-oħra, l-għaxar Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu li l-irkupru immedjat tad-dejn fiskali fil-mument tat-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tal-kumpannija kkonċernata josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-posponiment tal-irkupru sal-mument tat-twettiq tal-qligħ kapitali ma jikkostitwixxix soluzzjoni alternattiva u effikaċi u jista’ jikkomprometti l-għan ta’ interess ġenerali mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, huma jinsistu fuq il-fatt li l-posponiment tal-irkupru tat-taxxa neċessarjament jimplika li d-diversi elementi tal-attivi li għalihom ġie kkonstatat qligħ kapitali fil-mument tat-trasferiment tas-sede ta’ din il-kumpannija jistgħu jkunu s-suġġett ta’ sorveljar fl-Istat Membru ospitanti sal-mument tat-twettiq tagħhom. Issa, l-organizzazzjoni ta’ dan is-sorveljar timplika spiża eċċessiva kemm għall-imsemmija kumpannija kif ukoll għall-amministrazzjoni fiskali.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-irkupru tad-dejn fiskali fil-mument tat-twettiq effettiv, fl-Istat Membru ospitanti, tal-attivi li għalihom ġie kkonstatat qligħ kapitali mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini fl-okkażjoni tat-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ kumpannija fl-ewwel Stat Membru għandu l-għan li jevita l-problemi finanzjarji li l-irkupru immedjat tat-taxxa dovuta fuq il-qligħ kapitali moħbi jista’ jiġġenera.

69      Fir-rigward tal-ispejjeż amministrattivi li jistgħu jwassal għal dan il-posponiment tal-irkupru tat-taxxa, għandu jiġi rrilevat li t-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ kumpannija jista’ jkun akkumpanjat minn trasferiment ta’ numru kbir ta’ attivi. F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż jenfasizza li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex tipika għaliex il-qligħ kapitali marbut ma’ kreditu miżmum minn National Grid Indus biss huwa kkonċernat.

70      Minn dan isegwi, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tagħha, li s-sitwazzjoni patrimonjali ta’ kumpannija tista’ tkun daqshekk kumplessa li sorveljar transkonfinali preċiż tal-elementi kollha tal-attivi fissi u ċirkulanti tagħha jkun, sat-twettiq tal-qligħ kapitali moħbi inkorporat f’dawn l-elementi, kważi impossibbli li jitwettaq u li dan is-sorveljar jinvolvi sforz li jirrappreżenta spiża kunsiderevoli, jew saħansitra eċċessiva, għall-kumpannija kkonċernata.

71      Għalhekk, ma għandux jiġi eskluż li l-ispiża amministrattiva li tinvolvi d-dikjarazzjoni annwali ssuġġerita mill-Kummissjoni, li neċessarjament tkun tirrigwarda kull element tal-patrimonju li għalih ikun ġie kkonstatat qligħ kapitali fil-mument tat-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tal-kumpannija kkonċernata, tirrappreżenta bħala tali, għal din tal-aħħar, xkiel għal-libertà ta’ stabbiliment li ma huwiex neċessarjament inqas ta’ theddida għal din il-libertà mill-irkupru immedjat tad-dejn fiskali li jikkorrispondi għal dan il-qligħ kapitali.

72      Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjonijiet oħra, in-natura u l-portata tal-patrimonju tal-kumpannija jippermettu li jiġi faċilment żgurat is-sorveljar transkonfinali tal-elementi tal-imsemmi patrimonju li għalih ikun ġie kkonstatat qligħ kapitali fil-mument li fih il-kumpannija kkonċernata tkun ittrasferiet s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor.

73      F’dan iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali li toffri l-għażla lill-kumpannija li tittrasferixxi s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor bejn, minn naħa, il-ħlas immedjat tal-ammont taxxabbli, li joħloq żvantaġġ fil-qasam finanzjarju għal din il-kumpannija iżda jevitalha l-ispejjeż amministrattivi sussegwenti, u, min-naħa l-oħra, il-posponiment tal-ħlas tal-ammont tal-imsemmija taxxa, flimkien, jekk ikun il-każ, mal-interessi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li neċessarjament huwa akkumpanjat bi spiża amministrattiva għall-kumpannija kkonċernata, marbuta mal-issorveljar tal-attivi ttrasferiti, tikkostitwixxi miżura li, għalkemm tiggarantixxi t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, hija inqas ta’ theddida għal-libertà ta’ stabbiliment mill-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, fil-każ li l-kumpannija tqis li l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-posponiment tal-irkupru huma eċċessiva, hija tista’ tagħżel li tħallas it-taxxa immedjatament.

74      Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat ukoll ir-riskju ta’ nuqqas ta’ rkupru tat-taxxa, li jiżdied skont il-mogħdija taż-żmien. Dan ir-riskju jista’ jiġi kkunsidrat mill-Istat Membru inkwistjoni, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu li tapplika għall-posponiment tal-ħlas tad-djun fiskali, permezz ta’ miżuri bħalma hija l-ħtieġa ta’ garanzija bankarja.

75      Il-Gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jqisu wkoll li l-posponiment tal-ħlas tat-taxxa jippreżenta, għall-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri, spiża eċċessiva, marbuta mal-issorveljar tal-elementi kollha tal-attivi ta’ kumpanniija, li għalihom ikun ġie kkonstatat qligħ kapitali fil-mument tat-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha.

76      Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

77      Qabelxejn, għandu jitfakkar li s-sorveljar tal-attivi huwa marbut biss mal-irkupru tad-dejn fiskali u mhux mad-determinazzjoni tiegħu. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 64 tas-sentenza preżenti, l-Artikolu 49 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi li l-ammont tat-taxxa dovuta fuq il-qligħ kapitali marbut mal-attivi ta’ kumpannija li tieqaf tagħmel qligħ taxxabbli fl-imsemmi Stat Membru, minħabba t-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor, jiġi ffissat b’mod finali fil-mument tat-trasferiment tal-imsemmija sede. Issa, sa fejn kumpannija li tagħżel li tipposponi l-ħlas ta’ din it-taxxa bilfors tqis li s-sorveljar tal-elementi tal-attivi li għalihom ikun ġie kkonstatat qligħ kapitali fil-mument tat-trasferiment tas-sede tagħha ma jimponiliex spejjeż amministrattivi eċċessivi, l-ispejjeż għall-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru ta’ oriġini u li huma marbuta mal-kontroll tad-dikjarazzjonijiet li jikkonċernaw dan is-sorveljar ukoll ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala eċċessivi.

78      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Gvern Olandiż, Ġermaniż u Spanjol, il-mekkaniżmi ta’ assistenza reċiproka li jeżistu bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma biżżejjed sabiex jippermettu għall-Istat Membru ta’ oriġini li jwettaq kontroll tal-veriċità tad-dikjarazzjonijiet tal-kumpanniji li jkunu għażlu li jipposponu l-ħlas tal-imsemmija taxxa. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, meta din tal-aħħar tiġi ddeterminata b’mod finali fil-mument li fih il-kumpannija, minħabba t-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha, tieqaf tagħmel qligħ taxxabbli fl-Istat Membru ta’ oriġini, l-assistenza tal-Istat Membru ospitanti ma tikkonċernax iktar l-iffissar korrett tat-taxxa iżda biss l-irkupru tagħha. Issa, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE, tas-26 ta’ Mejju 2008, dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra (ĠU L 150, p. 28), jistabbilixxi li “fuq it-talba ta’ l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha tipprovdi kull tagħrif li jkun utli għall-awtorità applikanti fl-irkupru tat-talbiet tagħha”. Għalhekk, l-imsemmija direttiva tippermetti lill-Istat Membru ta’ oriġini li jikseb mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti informazzjoni dwar it-twettiq jew le ta’ ċerti elementi tal-attivi ta’ kumpannija li tkun ittrasferiet is-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha f’dan l-aħħar Stat Membru, sa fejn din l-informazzjoni hija meħtieġa għall-finijiet li tippermetti lill-Istat Membru ta’ oriġini li jirkupra kreditu fiskali li nħoloq fil-mument tat-trasferiment tal-imsemmija sede. Barra minn hekk, id-Direttiva 2008/55, b’mod partikolari fl-Artikoli 5 sa 9 tagħha, toffri lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ oriġini kuntest ta’ kooperazzjoni u assistenza li jippermettilhom li effettivament jirkupraw il-kreditu fiskali fl-Istat Membru ospitanti.

79      Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż u Taljan isostnu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata mir-rekwiżit li jikkonsisti fil-ħarsien tal-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali. L-intaxxar tal-qligħ kapitali moħbi fil-mument tat-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tal-kumpannija kkonċernata lejn Stat Membru ieħor jikkostitwixxi t-tkomplija loġika tal-eżenzjoni fiskali mogħtija preċedentement f’dak li jikkonċerna l-imsemmi qligħ kapitali.

80      Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-rekwiżiti marbuta mal-koerenza fiskali u t-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni jikkoinċidu.

81      Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura li tippermetti li l-għan marbut mal-ħarsien tal-koerenza fiskali jintlaħaq, għandu jiġi kkonstatat li huwa biss l-iffissar tal-ammont taxxabbli fil-mument tat-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva ta’ kumpannija, u mhux l-irkupru immedjat tagħha, li għandu jitqies bħala li ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ dan l-għan.

82      Fil-fatt, il-posponiment tal-irkupru tal-imsemmija taxxa ma jqiegħedx inkwistjoni r-rabta li teżisti, fil-leġiżlazzjoni Olandiża, bejn, minn naħa, il-vantaġġ fiskali li tippreżenta l-eżenzjoni mogħtija lill-qligħ kapitali moħbi marbut mal-elementi tal-attivi sakemm kumpannija tagħmel qligħ taxxabbli fl-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, il-kumpens tal-imsemmi vantaġġ permezz ta’ spiża fiskali li hija ddeterminata fil-mument li fih il-kumpannija kkonċernata tieqaf tagħmel dan il-qligħ.

83      Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż, Spanjol, Portugiż, Finlandiż, Svediż kif ukoll tar-Renju Unit jinvokaw riskju ta’ evażjoni fiskali sabiex jiġġustifikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

84      Madankollu, is-sempliċi fatt li kumpannija kumpannija tittrasferixxi s-sede tagħha lejn Stat Membru ieħor ma jistax jistabbilixxi preżunzjoni ġenerali ta’ frodi fiskali u ma jiġġustifikax miżura li thedded l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali garantita mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ICI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26; tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑478/98, Ġabra p. I‑7587, punt 45; tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y, C‑436/00, Ġabra p. I‑10829, punt 62; tal-4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑334/02, Ġabra p. I‑2229, punt 27; kif ukoll Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

85      Għalhekk, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi l-irkupru immedjat tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali moħbi marbut mal-elementi ta’ patrimonju ta’ kumpannija li tittrasferixxi s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor, fil-mument tal-imsemmi trasferiment, hija sproporzjonata.

86      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, li abbażi tagħha l-ammont ta’ taxxa fuq il-qligħ kapitali moħbi marbut mal-elementi tal-patrimonju ta’ kumpannija huwa ffissat b’mod finali – mingħajr ma jiġu kkunsidrati la t-telf kapitali u lanqas il-qligħ kapitali li jistgħu jitweqqu sussegwentement – fil-mument li fih il-kumpannija, minħabba t-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor, tieqaf tagħmel qligħ taxxabbli fl-ewwel Stat Membru: f’dan ir-rigward, ma huwiex importanti li l-qligħ kapitali moħbi intaxxat huwa marbut mal-profitti valutarji li ma setgħux jiġu ddikjarati fl-Istat Membru ospitanti minħabba s-sistema fiskali fis-seħħ fl-imsemmi Stat Membru.

–        jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, li timponi l-irkupru immedjat tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali moħbi marbut mal-elementi ta’ patrimonju ta’ kumpannija li tittrasferixxi s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor, fil-mument tal-imsemmi trasferiment.

 Fuq l-ispejjeż

87      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Kumpannija kkostitwita skont id-dritt ta’ Stat Membru, li tittrasferixxi s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor, mingħajr ma dan it-trasfirment jaffettwa l-istatus tagħha bħala kumpannija ta’ dan l-ewwel Stat Membru, tista’ tuża l-Artikolu 49 TFUE sabiex tqiegħed inkwistjoni l-legalità ta’ taxxa imposta fuqha mill-ewwel Stat Membru fl-okkażjoni tal-imsemmi trasferiment ta’ sede.

2)      L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, li abbażi tagħha l-ammont ta’ taxxa fuq il-qligħ kapitali moħbi marbut mal-elementi tal-patrimonju ta’ kumpannija huwa ffissat b’mod finali – mingħajr ma jiġu kkunsidrati la t-telf kapitali u lanqas il-qligħ kapitali li jistgħu jitweqqu sussegwentement – fil-mument li fih il-kumpannija, minħabba t-trasferiment tas-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor, tieqaf tagħmel qligħ taxxabbli fl-ewwel Stat Membru: f’dan ir-rigward, ma huwiex importanti li l-qligħ kapitali moħbi intaxxat huwa marbut mal-profitti valutarji li ma setgħux jiġu ddikjarati fl-Istat Membru ospitanti minħabba s-sistema fiskali fis-seħħ fl-imsemmi Stat Membru;

–        jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, li timponi l-irkupru immedjat tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali moħbi marbut mal-elementi ta’ patrimonju ta’ kumpannija li tittrasferixxi s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor, fil-mument tal-imsemmi trasferiment.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.