Language of document : ECLI:EU:C:2016:644

Kawża C-160/15

GS Media BV

vs

Sanoma Media Netherlands BV et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artikolu 3(1) – Avviż lill-pubbliku – Kunċett – Internet – Hyperlinks li jagħtu aċċess għal xogħlijiet protetti, magħmula aċċessibbli fuq sit tal-internet ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur – Xogħlijiet li għadhom ma ġewx ippubblikati mid-detentur – Tqegħid ta’ tali hyperlinks għal skopijiet ta’ lukru”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Settembru 2016

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Għan

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 11 u 17(2); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, premessi 3, 9, 10, 23 u 31)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Avviż lill-pubbliku – Kunċett – Tqegħid, fuq sit internet, ta’ hyperlinks lejn xogħlijiet protetti, liberament disponibbli fuq sit internet ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur - – Effett tan-natura lukrativa tal-imsemmi tqegħid u tal-kuxjenza tan-natura illegali tal-pubblikazzjoni tal-imsemmija xogħlijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 3(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 30, 31)

2.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit jekk il-fatt li jitqiegħdu fuq l‑internet, hyperlinks lejn xogħlijiet protetti, liberament disponibbli fuq sit ieħor tal-internet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, jikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi ddeterminat il-punt dwar jekk dawn il-links humiex ipprovduti għal skop ta’ lukru minn persuna li ma kinitx taf jew ma setgħetx raġonevolment tkun taf bin-natura illegali tal-pubblikazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet fuq dan is-sit tal-internet l-ieħor jew, jekk, għall-kuntrarju, l-imsemmija links humiex ipprovduti b’tali għan, ipoteżi fejn din il-konoxxenza għandha tiġi preżunta.

Fil-fatt, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” jimplika evalwazzjoni individwali. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, għandu għalhekk, meta t-tqegħid ta’ hyperlink lejn xogħol liberament disponibbli fuq sit ieħor tal-internet isir minn persuna li, billi tagħmel dan, ma jkollhiex skop ta’ lukru, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li din il-persuna ma tafx, u ma tistax raġonevolment tkun taf, li dan ix-xogħol kien ġie ppubblikat fuq l-internet mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur. Fil-fatt, tali persuna, ma tintervjenix, bħala regola ġenerali, b’kuxjenza sħiħa tal-konsegwenzi tal-aġir tagħha sabiex tagħti lil klijenti aċċess għal xogħol illegalment ippubblikat fuq l-internet. Min-naħa l-oħra, ladarba jiġi stabbilit li tali persuna kienet taf jew kellha tkun taf li l-hyperlink li hija qiegħdet jagħti aċċess għal xogħol illegalment ippubblikat fuq l-internet, il-provvista ta’ dan il-link tikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva2001/29. L-istess japplika fl-ipoteżi fejn dan il-link jippermetti lill-utenti li jevitaw miżuri ta’ restrizzjoni meħuda mis-sit fejn jinsab ix-xogħol protett sabiex jiġi llimitat l-aċċess mill-pubbliku għal abbonati biss.

Barra minn hekk, meta t-tqegħid ta’ hyperlinks isir bi skop ta’ lukru, jista’ jkun mistenni mill-awtur ta’ tali tqegħid li jwettaq il-verifiki neċessarji sabiex jiżgura li x-xogħol ikkonċernat ma huwiex ippubblikat illegalment fuq is-sit li jwasslu għalih l-imsemmija hyperlinks, b’mod li hemm lok li jiġi preżunt li dan it-tqegħid ikun sar b’kuxjenza sħiħa tan-natura protetta tal-imsemmi xogħol u tal-assenza eventwali ta’ awtorizzazzjoni ta’ pubblikazzjoni fuq l-internet mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur. F’tali ċirkustanzi, u sakemm din il-preżunzjoni konfutabbli ma tiġix ikkonfutata, l-att li jikkonsisti fit-tqegħid ta’ link li jsir klikk fuqu lejn xogħol illegalment ippubblikat fuq l-internet jikkostitwixxi “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

(ara l-punti 33, 47-51, 55 u d-dispożittiv)