Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Marzu 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-206/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Samnadda, J. Hottiaux, G. von Rintelen, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi naqset milli tadotta l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern 1 jew fi kwalunkwe każ, billi naqset milli tikkomunika lill-Kummissjoni l-adozzjoni ta’ tali dispożizzjoniijiet, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 ta’ din id-direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, tħallas pagamenti ta’ penalità bir-rata ta’ EUR 87 612 kuljum, dekorribbli mid-data li fiha tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti; għal nuqqas li twettaq l-obbligu tagħha li tikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/26/UE;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern, l-Istati Membri kienu meħtieġa jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva sa mhux iktar tard mill-10 ta’ April 2016. Huma kellhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dan mill-iktar fis possibbli.

Fit-22 ta’ Novembru 2017, ir-Repubblika tal-Polonja kkomunikat lill-Kummissjoni tliet atti legali diġà eżistenti, li kienu jittrasponu biss parzjalment id-Direttiva 2014/26/UE. Peress li r-Repubblika tal-Polonja għadha ma inkorporatx fl-ordinament ġuridiku Pollakk jew ma għadha ma daħħlitx fis-seħħ id-dispożizzjonijiet neċessarji kollha, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob li r-Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata tħallas pagamenti ta’ penalità bir-rata ta’ EUR 87 612 kuljum dekorribbli mid-data li fiha tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti. Dan l-ammont ġie stabbilit billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur, it-tul tal-ksur, u l-bżonn li jkun hemm effett dissważiv.

____________

1 ĠU 2014 L 84, p. 72