Language of document :

Appell ippreżentat fl-4 ta’ April 2018 minn Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fl-1 ta’ Frar 2018 fil-Kawża T-423/14, Larko vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-244/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellanti: Larko Geniki Metalleftiki kai Metallourgiki AE (rappreżentanti: I. Dryllerakis, I. Soufleros, E. Triantafyllou, G. Psaroudakis, E. Rantos u N. Korogiannakis, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Tilqa’ l-appell.

Tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal trattazzjoni ġdida, bir-riżerva tal-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tinvoka l-erba’ aggravji segwenti:

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-konklużjoni li l-miżura Nru 3 kienet tagħti vantaġġ lill-appellanti, permezz ta’ applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ investitur privat.

It-tieni agravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 107(1) TFUE u 296(2) TFUE fir-rigward tal-konklużjoni li l-miżuri Nru 2 u 4 kienu jagħtu vantaġġ lill-appellanti. F’dak li jikkonċerna l-miżura Nru 2 (garanzija tal-2008): interpretazzjoni żbaljata tal-kriterju ratione temporis tal-kunċett ta’ impriża f’diffikultà. Interpretazzjoni żbaljata tal-kriterju tar-remunerazzjoni tal-garanzija. F’dak li jikkonċerna l-miżura Nru 4 (garanzija tal-2010): a) nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-għoti tal-garanzija bħala prassi kurrenti; b) nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-dannu irreparabbli li l-appellanti allegatament sostniet; ċ) nuqqas ta’ motivazzjoni u ksur tal-Aritkolu 107(1) TFUE kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-garanzija u l-ammont tal-kummissjoni; d) nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-pożizzjoni partikolari tan-National Bank of Greece SA (ETE) bħala azzjonist privat.

It-tielet aggravju bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 107(3)(b) u 296(2) TFUE fir-rigward tal-konklużjoni li l-miżura Nru 6 kienet inkompatibbli mas-suq komuni. a) Fir-rigward tal-issuġġettar għall-qafas temporanju tal-2011; b) fir-rigward tal-issuġġettar għal-Linji gwida għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 1 u l-Artikolu 296(2) TFUE f’dak li jirrigwarda l-kwantifikazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għall-miżuri 2, 4 u 6. F’dak li jirrigwarda l-punti li ntlaqgħu fis-sentenza appellata fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet tal-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).