Language of document : ECLI:EU:C:2014:2066

Kawża C‑138/13

Naime Dogan

vs

Bundesrepublik Deutschland

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Protokoll Addizzjonali — Artikolu 41(1) — Dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadini Torok — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ il-prova ta’ konoxxenzi lingwistiċi bażiċi għall-membru tal-familja li jixtieq jidħol fit-territorju nazzjonali — Ammissibbiltà — Direttiva 2003/86/KE — Riunifikazzjoni tal-familja — Artikolu 7(2) — Kompatibbiltà”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Lulju 2014

1.        Ftehimiet internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Regola ta’ Standstill tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali — Portata — Projbizzjoni għall-Istati Membri li jintroduċu restrizzjonijiet ġodda għall-istabbiliment u, b’mod korrelativ, għar-residenza ta’ ċittadin Tork fit-territorju nazzjonali

(Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 41(1))

2.        Ftehimiet internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Regola ta’ Standstill tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali — Portata — Leġiżlazzjoni nazzjonali, introdotta wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjoni, li teħtieġ il-prova ta’ konoxxenzi lingwistiċi bażiċi għall-konjuġi ta’ ċittadini Torok li jixtiequ jidħlu fit-territorju nazzjonali għar-riunifikazzjoni tal-familja — Inammissibbiltà

(Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 41(1))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 26-28)

2.        L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola ta’ “standstill” stabbilita f’din id-dispożizzjoni tipprekludi miżura tad-dritt nazzjonali, introdotta wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmi protokoll addizzjonali fl-Istat Membru kkonċernat, li timponi fuq l-konjuġi ta’ ċittadini Torok residenti fl-imsemmi Stat Membru, li jixtiequ jidħlu fit-territorju ta’ dan l-Istat għar-riunifikazzjoni tal-familja, il-kundizzjoni li jipproduċu prova bil-quddiem tal-kisba ta’ konoxxenzi lingwistiċi bażiċi tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru.

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni li trendi riunifikazzjoni tal-familja iktar diffiċli billi tirrestrinġi l-kundizzjonijiet tal-ewwel dħul, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, għall-konjuġi ta’ ċittadini Torok meta mqabbla ma’ dawk applikabbli fid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali, tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida, fis-sens tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, għat-twettiq tal-libertà ta’ stabbiliment mill-imsemmija ċittadini Torok. Tali restrizzjoni hija pprojbita ħlief jekk din tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, jekk meħtieġa biex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan leġittimu mfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan. F’dan ir-rigward, anki jekk jiġi preżunt li l-prevenzjoni ta’ żwiġijiet forzati u l-promozzjoni tal-integrazzjoni jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, xorta jibqa’ l-fatt li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex, sa fejn in-nuqqas ta’ prova tal-kisba ta’ konoxxenzi lingwistiċi suffiċjenti twassal awtomatikament għaċ-ċaħda tat-talba ta’ riunifikazzjoni tal-familja, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti partikolari ta’ kull każ.

(ara l-punti 36-39 u d-dispożittiv)