Language of document :

Appell ippreżentat fis-7 ta’ Mejju 2018 minn Bruno Gollnisch mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-7 ta’ Marzu 2018 fil-Kawża T-624/16, Gollnisch vs Il-Parlament

(Kawża C-330/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Bruno Gollnisch (rappreżentant: B. Bonnefoy-Claudet, avocat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Marzu 2018, T-624/16;

tagħti d-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-kwistjonijiet imqajma għall-finijiet tal-ġurisprudenza;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni ġdida;

tordna l-ħlas lill-appellant tas-somma ta’ EUR 12 500 fir-rigward tal-ispejjeż proċedurali mġarrba fil-kuntest tal-appell;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

Fil-każ li l-appell jintlaqa’, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

jekk tqis li għandha biżżejjed informazzjoni, tindirizza t-tilwima fil-mertu;

tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Lulju 2016, in-notifika u l-miżuri ta’ eżekuzzjoni previsti fl-ittra tad-Direttur Ġenerali tal-Finanzi tas-6 ta’ Lulju 2016 u n-nota ta’ debitu bin-numru 2016-914 tal-5 ta’ Lulju 2016;

tilqa’ t-talbiet imressqa mill-appellant fl-ewwel istanza;

tordna l-ħlas lill-appellant tas-somma ta’ EUR 20 000 bħala kumpens għad-danu morali mġarrab;

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż kollha.

B’mod sussidjarju, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddeċiedi li l-proċedura għandha tiġi sospiża sal-konklużjoni tal-proċeduri kriminali mressqa fi Franza;

tiddeċiedi li sadanittant l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali għandha tiġi sospiża u li s-somom miżmuma bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni jitħallsu lura kompletament lill-appellant.

Aggravji u argumenti prinċipali

1. L-ewwel aggravju: nuqqas ta’ kompetenza tas-Segretarju Ġenerali u ksur tal-Artikolu 25(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament

Is-sentenza appellata tagħti lis-Segretarju Ġenerali kompetenza deċiżjonali li tippermettilu jiddeċiedi waħdu dwar l-eżistenza ta’ ammont imħallas indebitament, meta skont it-termini tat-testi u tal-ġurisprudenza preċedenti huwa għandu biss kompetenza ta’ investigazzjoni, ta’ proposta u ta’ implimentazzjoni.

2. It-tieni aggravju: nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ “una via electa” u tal-prinċipju li “il-proċedura kriminali tissospendi l-proċedura ċivili”

Is-sentenza appellata tqis, b’mod żbaljat, li l-prinċipji msemmija jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali u mhux taħt id-dritt Ewropew u li l-kawża inkwistjoni ma kienet tagħti lok għal ebda aspett kriminali.

3. It-tielet aggravju: ksur tad-drittijiet tad-difiża

Is-sentenza appellata (1) ma tistabbilixxix mill-ġdid id-dritt fundamentali għal smigħ tal-appellant minkejja li kien ġie mċaħħad minn dan id-dritt matul il-proċedura kollha; (2) ivvalidat il-klassifikazzjoni ta’ sempliċi suspetti mogħtija mill-amministrazzjoni tal-Parlament minkejja li dawn kienu lmenti, li barra minn hekk ma humiex fondati, imressqa kontra l-appellant matul l-imsemmija proċedura u minkejja li n-natura dejjem tinbidel u mhux preċiża ta’ dawn l-ilmenti kienet tikkostitwixxi ostakolu li kien jipprekludi l-preżentazzjoni ta’ difiża utli; (3) ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tas-silenzju min-naħa tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-korrispondenza tal-appellant fejn għamel mistoqsijiet dwar in-natura preċiża tal-provi tax-xogħol tal-assistent tiegħu li huwa kien mistenni jressaq.

4. Ir-raba’ aggravju: trattament diskriminatorju u fumus persecutionis, kif ukoll inverżjoni irregolari tal-oneru tal-prova

Is-sentenza appellata ma kklassifikatx bħala tali l-indizji ta’ trattament diskriminatorju jew ta’ fumus persecutionis, u eskludiet li l-ġurisprudenza invokata mill-appellant setgħet tiġi applikata b’analoġija għall-każijiet ta’ diskriminazzjoni politika.

5. Il-ħames aggravju: motivazzjoni insuffiċjenti u ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

Is-sentenza appellata qieset, b’mod żbaljat, li d-dokumenti intermedjarji tal-proċedura għall-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament ma kellhomx valur legali fir-rigward tal-validità ta’ din il-proċedura, u, għaldaqstant, fir-rigward tal-validità tal-att finali. Għaldaqstant is-sentenza appellata ma siltitx konsegwenzi mill-fatt li kemm din il-bidla fil-motivi u kemm is-silenzju min-naħa tal-amministrazzjoni fir-rigward tat-talbiet għal preċiżazzjonijiet mill-appellant ma ppermettulux jifhem kif kellu jipprova l-assenza ta’ ksur.

6. Is-sitt aggravju: ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi

Is-sentenza appellata qieset li l-ħtieġa li deputat iżomm il-provi tax-xogħol tal-assistenti tiegħu la setgħet tkun retroattiva u lanqas vinkolanti.

7. Is-seba’ aggravju: klassifikazzjoni ineżatta tal-provi, żnaturament tal-fatti u kontradizzjoni tal-motivi

Is-sentenza appellata elaborat, unilateralment, a posteriori, mingħajr bażi legali u mingħajr koerenza, teordija dwar il-modi ta’ prova rrikonoxxuti u ammissibbli fir-rigward tax-xogħol tal-assistent, warrbet arbitrarjament dawk ippreżentati mill-appellant u akkużatu li ma kienx ressaq provi ġodda fil-mori tal-kawża.

8. It-tmien aggravju: ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Is-sentenza appellata tqis, minn naħa, li l-miżuri ta’ applikazzjoni ma jħallu ebda marġni ta’ diskrezzjoni lis-Segretarju Ġenerali sabiex jieħu deċiżjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-appellant ma ressaqx argumenti suffiċjenti fil-konfront tal-miżuri ta’ applikazzjoni jew tat-testi li fuqhom huma bbażati.

____________