Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Marzu 2018 – Ilmārs Rimšēvičs vs Ir-Repubblika tal-Latvja

(Kawża C-202/18)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Partijiet

Rikorrent: Ilmārs Rimšēvičs (rappreżentanti: S. Vārpiņš, I. Pazare, M. Kvēps, avukati)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Latvja

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li l-inkarigu ta’ Gvernatur tal-Latvijas Banka (il-Bank Ċentrali tal-Latvja) ġie tterminat b’mod illegali permezz tad-deċiżjoni adottata mill-Korupcijas novēršanas un apkarošanas birojs (l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni) f’isem ir-Repubblika tal-Latvja tad-19 ta’ Frar 2018, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà.

tiddikjara illegali l-miżura ta’ sigurtà għall-projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali speċifiċi, li permezz tagħha ġie pprojbit milli jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Gvernatur tal-Latvijas Banka u d-drittijiet li jirriżultaw minn dan l-inkarigu, li ġiet imposta bis-saħħa tad-deċiżjoni adottata mill-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni f’isem ir-Repubblika tal-Latvja tad-19 ta’ Frar 2018, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà.

tiddikjara illegali r-restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew u tad-drittijiet li jirriżultaw minn dan l-inkarigu, li ġew imposti fuqu b’konsegwenza tad-deċiżjoni adottata mill-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni f’isem ir-Repubblika tal-Latvja tad-19 ta’ Frar 2018, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà.

Motivi u argumenti prinċipali

1.    Ir-rikorrent jikkontesta d-deċiżjoni illegali adottata fid-19 ta’ Frar 2018 mill-awtorità tal-Istat Latvjan inkarigata mill-investigazzjonijiet – l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni, li huwa inkluż fl-istruttura tal-poter eżekuttiv – li permezz tagħha ġie tterminat l-inkarigu tiegħu ta’ Gvernatur tal-Latvijas Banka għal terminu indefinit. Id-deċiżjoni ta’ terminazzjoni ta’ dan l-inkarigu ġiet adottata f’isem l-Istat Latvjan. Mat-terminazzjoni tal-inkarigu tiegħu ta’ Gvernatur tal-Latvijas Banka, ir-rikorrent tilef ukoll ex officio l-inkarigu ta’ Membru tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew.

2.    Bit-terminazzjoni tal-inkarigu tar-rikorrent twettqu minn tal-inqas il-ksur li ser jiġu esposti iktar ’il quddiem.

3.    Fl-ewwel lok, bit-terminazzjoni tal-inkarigu tar-rikorrent ta’ Gvernatur tal-Latvijas Banka u ta’ Membru tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew, inkiser l-Artikolu 14.2 tal-Protokoll Nru 4 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, peress li, fil-mument tat-terminazzjoni tal-inkarigu tiegħu, ma kienet issodisfatta l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-artikolu għat-tneħħija tal-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali (li l-gvernatur ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta’ dmirijietu jew jekk ikun ħati ta’ mġieba serjament ħażina).

4.    Fit-tieni lok, bit-terminazzjoni tal-inkarigu tar-rikorrent ta’ Gvernatur tal-Latvijas Banka, inkiser ukoll l-Artikolu 2 tal-likums “Par Latvijas Banku” (Liġi dwar il-Latvijas Banka), jiġifieri, l-att ġuridiku li permezz tiegħu jiġi implementat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fil-mument tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, ma kienet issodisfatta l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu għat-terminazzjoni tal-inkarigu tal-Gvernatur tal-Latvijas Banka (l-ewwel nett, ir-riżenja tal-persuna kkonċernata; it-tieni nett, il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 14.2 tal-Istatuti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar it-twettiq ta’ mġieba serjament ħażina, f’liema każ il-Parlament ikun jista’ jiddeċiedi dwar it-tneħħija tal-Gvernatur tal-Latvijas Banka wara li tkun saret definittiva s-sentenza ta’ kundanna; jew, it-tielet nett, il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-imsemmi Artikolu 14.2). Barra minn dan, għalkemm skont l-imsemmija liġi l-unika entità li tista’ tittermina l-inkarigu ta’ Gvernatur tal-Latvijas Banka huwa l-Parlament tar-Repubblika tal-Latvja, ma kienx dan tal-aħħar li ttermina l-inkarigu tar-rikorrent iżda l-awtorità tar-Repubblika tal-Latvja inkarigata mill-investigazzjonijiet, li hija inkluża fl-istruttura tal-poter eżekuttiv.

5.    Fit-tielet lok, bit-terminazzjoni tal-inkarigu tar-rikorrent ta’ Gvernatur tal-Latvijas Banka, l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni u għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni applika interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni, inkwantu ddikjara li fi ħdan il-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew ir-rikorrent ma kienx jaġixxi b’mod indipendenti u fl-interess tal-Bank Ċentrali Ewropew, iżda li kien jeżerċita l-kompetenzi ta’ Gvernatur tal-Latvijas Banka u kien jaġixxi fl-interess ta’ dan l-aħħar bank. Madankollu, l-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-Bank Ċentrali Ewropew huwa istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea.

    Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, l-uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biss jistgħu jeżerċitaw il-kompetenzi previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u jistgħu jaġixxu biss fl-interessi tal-imsemmija istituzzjonijiet. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex is-setgħa li tistabbilixxi l-attivitajiet li għandhom jitwettqu mill-uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u, f’dan is-sens, fil-qadi tal-funzjonijiet ta’ uffiċjal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, ma huwiex possibbli li jiġu eżerċitati kompetenzi mogħtija permezz ta’ atti ġuridiċi nazzjonali.

    L-Artikolu 130 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiggarantixxi l-indipendenza tal-Bank Ċentrali Ewropew, jeskludi li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ Membru tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Gvernatur tal-Latvijas Banka jista’ jaġixxi bħala rappreżentant tal-Latvijas Banka u jaġixxi (strettament) fl-interessi ta’ dan tal-aħħar jew tar-Repubblika tal-Latvja.

____________